Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0333

    Kawża T-333/17: Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2017 – Austrian Power Grid and Voralberger Übertragungsnetz vs ACER

    Information about publishing Official Journal not found, p. 36–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 249/36


    Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2017 – Austrian Power Grid and Voralberger Übertragungsnetz vs ACER

    (Kawża T-333/17)

    (2017/C 249/52)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Austrian Power Grid AG (Vjenna, l-Awstrija) u Voralberger Übertragungsnetz GmbH (Bregenz, l-Awstrija) (rappreżentanti: H. Kristoferitsch u S. Huber, avukati)

    Konvenuta: L-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER)

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija tas-17 ta’ Marzu 2017, Każ A-001-2017 (ikkonsolidata) fl-intier tagħha u tannulla l-partijiet segwenti u dispożizzjoni tad-Deċiżjoni tal-ACER Nru 06/2016 tas-17 ta’ Novembru 2016 dwar il-proposta tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku għad-determinazzjoni tar-reġjuni bil-kapaċità kkalkulata:

    i.

    L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata flimkien ma’

    L-Anness I, l-Artikolu 1(1)(c);

    il-kelma “also” [“ukoll”] u t-test sħiħ “for the purposes of capacity allocation on the affected bidding zone borders until the requirements described in Article 5(3) of this document are fulfilled” [“għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kapaċità tal-fruntieri taż-żoni tal-offerti interessati sakemm ir-rekwiżiti deskritti fl-Artikolu 5(3) ta’ dan id-dokument jiġu ssodisfatti”] fl-Artikolu 2(2)(e) tal-Anness I;

    ii.

    L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

    iii.

    L-Anness IV;

    iv.

    L-Anness V;

    sussidjarjament

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha u tibgħat il-każ lura quddiem il-Bord tal-Appell;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li l-ACER kienet kompetenti sabiex tibdel il-proposta tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni (iktar ’il quddiem “TSOs”).

    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija illeġittima peress li l-Bord tal-Appell naqas milli jipprovdi li l-ACER ma kinitx kompetenti sabiex tibdel sostanzjalment il-proposta għar-reġjuni bil-kapaċità kkalkulata (iktar ’il quddiem “RKK”) tat-TSOs kollha.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta assuma li l-ACER kienet kompetenti sabiex tinjora t-talba għal emenda ta’ E-Control.

    Skont ir-rikorrenti, it-talba mressqa mill-Awtorità Regolatorja Nazzjonali Awstrijaka (iktar ’il quddiem “ARN”), E-Control, sabiex l-abbozz RKK tat-TSOs kollha jiġi emendat, ma ġietx ittrattata konformement mal-proċedura pprovduta fl-Artikolu 9(12) tar-Regolament AKĠK (1). Skont ir-rikorrenti, bl-approvazzjoni ta’ din l-applikazzjoni illeġittima tal-Artikolu 9 tar-Regolament AKĠK, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta assuma li l-ACER hija kompetenti sabiex tiddetermina ż-żoni tal-offerti matul proċedura skont l-Artikolu 15 tar-Regolament AKĠK.

    Skont ir-rikorrenti, il-metodi ta’ interpretazzjoni kollha disponibbli kif ukoll il-ġurisprudenza u l-interpretazzjoni awtentika tal-Kummissjoni jsostnu b’mod ċar il-konklużjoni li l-qsim ta’ żona tal-offerti eżistenti u obbligu sabiex jiddaħħal mekkaniżmu tal-allokazzjoni tal-kapaċità ma jistgħux ikunu bbażati fuq l-Artikolu 15 tar-Regolament AKĠK. Mill-banda l-oħra, skont ir-rikorrenti, l-interpretazzjoni invokata mill-ACER u sostnuta mill-Bord tal-Appell hija bbażata fuq interpretazzjoni inkorretta u inkompleta tal-liġi u tal-fatti tal-każ.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell wettaq żball fl-interpretazzjoni tiegħu ta’ “konġestjoni strutturali” u fil-portata tal-istħarriġ tiegħu.

    Skont ir-rikorrenti, fid-deċiżjoni RKK, l-ACER ipprovdiet interpretazzjoni ta’ konġestjoni strutturali li la hija fondata fuq ir-Regolament AKĠK u lanqas fuq ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 (2) sabiex trendi leġittima s-suppożizzjoni tagħha li l-fruntiera Ġermaniża-Awstrijaka hija strutturalment ikkonġestita. Ir-rikorrenti jsostnu li billi de facto aċċetta din l-interpretazzjoni żbaljata tal-liġi applikabbli, il-Bord tal-Appell ta deċiżjoni sostanzjalment illeġittima. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, billi aċċetta s-soppożizzjoni tal-ACER dwar il-preżenza ta’ konġestjoni strutturali fl-interkonnessjoni Ġermaniża-Awstrijaka, il-Bord tal-Appell wettaq żball sa fejn tefa’ l-oneru tal-prova fuq ir-rikorrenti u kiser id-dmir tiegħu li jevalwa b’mod sħiħ il-fatti tal-kwistjoni u li jagħti motivazzjoni.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li l-qsim taż-żona tal-offerti Ġermaniża-Awstrijaka kien proporzjonali.

    Ir-rikorrenti jsostnu li huma wrew b’mod ċar li l-qsim taż-żona tal-offerti Ġermaniża-Awstrijaka ordnata mill-ACER jikkostitwixxi ndħil sproporzjonat fid-drittijiet tagħhom. Madankollu, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell naqas kompletament milli jindirizza l-argumenti mressqa minnhom fir-rikorsi tagħhom. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li l-qsim taż-żona tal-offerti u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu tal-allokazzjoni tal-kapaċità kienu xierqa.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkonstata li l-introduzzjoni taż-żona tal-offerti Ġermaniża-Awstrijaka ma tirrestrinġix il-libertajiet fundamentali.

    Skont ir-rikorrenti, huma wrew li, kuntrarjament għall-konklużjoni dedotta mill-ACER u mill-Bord tal-Appell, l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu tal-allokazzjoni tal-kapaċità fil-fruntiera Ġermaniża-Awstrijaka tirrestrinġi l-moviment liberu tal-oġġetti stipulat fl-Artikoli 34 u 35 TFEU u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 56 TFEU). Ir-rikorrenti sostnew li l-Bord tal-Appell, b’mod suċċint u infondat, ċaħad l-argumenti tagħhom u ddikjara li r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-kummerċ tal-enerġija bilaterali ma jiffaċċjaw ebda riżervi fid-dawl tal-libertajiet fundamentali. Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell b’hekk kiser id-dritt primarju tal-Unjoni u d-dmir tiegħu li jagħti motivazzjoni suffiċjenti.

    7.

    Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li d-deċiżjoni RKK tal-Aġenzija kienet konformi mar-regoli proċedurali.

    Ir-rikorrenti jsostnu li fir-rikorsi tagħhom huma stabbilixxew li d-deċiżjoni RKK tal-Aġenzija hija parzjalment ivvizzjata għar-raġunijiet li ġejjin: (i) l-Aġenzija eċċediet il-kompetenza tagħha sa fejn iddikjarat li l-Opinjoni 09/2015 mhux vinkolanti tal-ACER, li ngħatat f’September 2015, kellha effett vinkolanti, u, sa fejn din l-Opinjoni ma kinitx tifforma parti mill-proċedura ta’ konsultazzjoni, id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti ġew fundamentalment miksura mill-ACER; (ii) il-fajl tal-Aġenzija għall-preparazzjoni tad-deċiżjoni RKK ma kienx jinkludi studji tekniċi, analiżi u evalwazzjonijiet fid-dettall: l-Aġenzija pprovdiet lir-rikorrenti b’informazzjoni sostanzjalment inkompleta u, b’hekk, kisret id-dritt tar-rikorrenti ta’ aċċess sħiħ għall-fajl tal-każ skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Dundamentali tal-Unjoni, jew, altrimenti, l-Aġenzija ma ppreparat xejn u/jew ma kkonsultat ebda rapport tekniku jew analiżi teknika sabiex tibbaża d-deċiżjoni RKK tagħha fuq bażi fattwali tajba; (iii) l-Aġenzija ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti mandatorji sabiex issir bidla għaż-żona tal-offerti kif stipulati fl-Artikolu 33 tar-Regolament AKĠK; (iv) id-deċiżjoni RKK hija bbażata fuq fatti li ma ġewx suffiċjentement iċċarati u l-Aġenzija naqset milli tagħmel osservazzjonijiet.

    Skont ir-rikorrenti, minkejja dawn l-okkorrenzi sinjifikattivi ta’ ksur ta’ regoli proċedurali mill-ACER, il-Bord tal-Appell, għal darba oħra u b’mod ġenerali ħafna, ikkonferma l-leġittimità tad-deċiżjoni RKK u b’hekk aġixxa b’mod illeġittimu.


    (1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222, tal-24 ta’ Lulju 2015, li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24).

    (2)  Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009 L 211, p. 8).


    Top