EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TJ0391

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-24 ta’ Settembru 2019.
Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi – Tisħiħ tad-diversità kulturali u lingwistika – Reġistrazzjoni parzjali – Prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi – Assenza ta’ nuqqas manifest ta’ kompetenzi leġiżlattivi tal-Kummissjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 5(2) TUE – Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 – Artikolu 296 TFUE.
Kawża T-391/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2019:672

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

24 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Dritt istituzzjonali – Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej – Protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u lingwistiċi – Tisħiħ tad-diversità kulturali u lingwistika – Reġistrazzjoni parzjali – Prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi – Assenza ta’ nuqqas manifest ta’ kompetenzi leġiżlattivi tal-Kummissjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 5(2) TUE – Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 – Artikolu 296 TFUE”

Fil-Kawża T‑391/17,

Ir-Rumanija, inizjalment irrappreżentata minn R. Radu, C.-M. Florescu, E. Gane u L. Liţu, sussegwentement minn C.-M. Florescu, E. Gane, L. Liţu u C.-R. Canţăr, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Krämer, L. Radu Bouyon u H. Stancu, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Fehér, G. Koós u G. Tornyai, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/652 tad-29 ta’ Marzu 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” (ĠU 2017, L 92, p. 100).

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, E. Buttigieg (Relatur) u J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fil-15 ta’ Lulju 2013, il-Bürgerausschuss für die Bürgerinitiative Minority SafePack – One million signatures for diversity in Europe (il-Kumitat taċ-Ċittadini għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini “Minority SafePack – One million signatures for diversity in Europe”, iktar ’il quddiem il-“Kumitat” jew l-“organizzaturi”) ippreżenta lill-Kummissjoni Ewropea l-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (iktar ’il quddiem l-“IĊE”) intitolata “Minority SafePack – One million signatures for diversity in Europe” (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ IĊE”).

2

Permezz tad-Deċiżjoni C (2013) 5969 finali tas-13 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE minħabba li din tal-aħħar kienet manifestament tmur lil hinn mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha li abbażi tagħhom hija setgħet tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

3

Adita mill-Kumitat, il-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza tagħha tat-3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack — one million signatures for diversity in Europe vs Il-Kummissjoni (T‑646/13, EU:T:2017:59), annullat id-Deċiżjoni C(2013) 5969 finali minħabba li l-Kummissjoni kienet naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

4

Fid-29 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/652 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” (ĠU 2017, L 92, p. 100, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li l-Artikolu 1 tagħha jipprovdi dan li ġej:

“1.   L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta li ġġib l-isem “Minority SafePack — miljun firma għad-diversità fl-Ewropa” hija b’dan irreġistrata.

2.   Jistgħu jinġabru dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, abbażi tal-fehim li jkollha l-għan li jsiru proposti mill-Kummissjoni għal

rakkomandazzjoni tal-Kunsill ‘dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni’;

deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li s-suġġett tagħha jew tiegħu jkun l-adozzjoni ta’ ‘programmi ta’ ffinanzjar sabiex isiru aċċessibbli għal komunitajiet żgħar lingwistiċi reġjonali u ta’ minoranza’;

deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li s-suġġett tiegħu jew tagħha jkun li jinħoloq ċentru għad-diversità lingwistika li jsaħħaħ l-għarfien tal-importanza tal-lingwi reġjonali u ta’ minoranza u li jippromwovi d-diversità fil-livelli kollha u li jkun iffinanzjat priċipalment mill-Unjoni Ewropea;

regolament li jadatta r-regoli ġenerali applikabbli għall-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali b’tali mod li jittieħed kont tal-protezzjoni ta’ minoranzi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni;

regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li s-suġġett tiegħu jkun li jinbidel ir-regolament relatat mal-programm ‘Orizzont 2020’ sabiex titjieb ir-riċerka fuq il-valur miżjud li tista’ ġġib id-diversità kulturali u lingwistika tal-minoranzi nazzjonali lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku f’reġjuni tal-UE;

l-emendar tal-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jiġi garantit trattament indaqs approssimattiv bejn persuni apolidi u ċ-ċittadini tal-Unjoni;

regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex jiġi introdott dritt tal-awtur unitarju sabiex l-UE kollha kemm hi tkun tista’ tiġi kkunsidrata suq intern fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur;

emenda għad-Direttiva 2010/13/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (ĠU 2010, L 95, p. 1)] għall-fini li tiġi ggarantita l-libertà tal-provvista ta’ servizzi ta’ kontenut awdjoviżiv, u r-riċezzjoni tagħhom, f’reġjuni fejn ikunu jirreżjedu minoranzi nazzjonali;

regolament jew deċiżjoni tal-Kunsill, bil-għan li jkun hemm eżenzjoni ta’ kategorija għal proġetti li jippromwovu l-minoranzi nazzjonali u l-kultura tagħhom mill-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE.”

5

Skont il-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suġġett tal-proposta ta’ IĊE huwa fformulati kif ġej: “Nappellew lill-UE biex ittejjeb il-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u sabiex issaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni”.

6

Skont il-premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għanijiet imfittxija mill-proposta ta’ IĊE huma fformulati kif ġej:

“Nappellaw lill-[Unjoni] tadotta ġabra ta’ atti legali li jtejbu l-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u li jsaħħu d-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni. [Dawn l-atti] għandhom jinkludu azzjonijiet ta’ politika fl-oqsma tal-lingwi reġjonali u minoritarji, l-edukazzjoni u l-kultura, il-politika reġjonali, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, il-kontenut awdjoviżiv u midja oħra kif ukoll għajnuna reġjonali (mill-istat).”

7

Il-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-proposta ta’ IĊE tagħmel riferiment espliċitu, fl-anness tagħha, għal ħdax-il att ġuridiku tal-Unjoni li għalihom hija tistieden, essenzjalment, lill-Kummissjoni sabiex tagħmel proposti, jiġifieri:

(a)

rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea “dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fi ħdan l-Unjoni”, abbażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 167(5) TFUE u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE;

(b)

deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 167(5) TFUE u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE li s-suġġett tagħha jew tiegħu jkun li jiġu adattati “programmi ta’ ffinanzjar sabiex isiru aċċessibbli għal komunitajiet żgħar lingwistiċi reġjonali u ta’ minoranza”;

(c)

deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 167(5) TFUE u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE, li s-suġġett tagħha jew tiegħu ikun li jinħoloq ċentru għad-diversità lingwistika li jsaħħaħ l-għarfien tal-importanza tal-lingwi reġjonali u ta’ minoranza u li jippromwovi d-diversità fil-livelli kollha u li jkun iffinanzjat prinċipalment mill-Unjoni;

(d)

regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill abbażi tal-Artikoli 177 TFUE u 178 TFUE, li s-suġġett tiegħu ikun li jiġu adattati d-dispożizzjonijiet komuni dwar il-fondi reġjonali tal-Unjoni b’tali mod li l-protezzjoni tal-minoranzi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika ikunu inklużi fihom bħala għanijiet tematiċi;

(e)

regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 173(3) TFUE u l-Artikolu 182(1) TFUE, li s-suġġett tiegħu ikun li jinbidel ir-regolament relatat mal-programm “Orizzont 2020” sabiex titjieb ir-riċerka fuq il-valur miżjud li tista’ ġġib id-diversità kulturali u lingwistika tal-minoranzi nazzjonali lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku f’reġjuni tal-Unjoni;

(f)

direttiva, regolament jew deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 20(2) TFUE u tal-Artikolu 25 TFUE għall-iskop ta’ tisħiħ fi ħdan l-Unjoni tal-post taċ-ċittadini li jappartjenu għal xi minoranza nazzjonali, bil-għan li jiġi żgurat li l-preokkupazzjonijiet leġittimi tagħhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament;

(g)

miżuri effikaċi biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u biex jippromwovu t-trattament indaqs, inkluż għall-minoranzi nazzjonali, b’mod partikolari permezz ta’ reviżjoni tad-direttivi eżistenti tal-Kunsill rigward it-trattament indaqs, abbażi tal-Artikolu 19(1) TFUE;

(h)

emendar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex tiggarantixxi trattament indaqs approssimattiv bejn persuni apolidi u ċ-ċittadini tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 79(2) TFUE;

(i)

regolament tal-Parlament u tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 118 TFUE, sabiex jiġi introdott dritt tal-awtur unitarju sabiex l-Unjoni kollha kemm hi tkun tista’ tiġi kkunsidrata suq intern fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur;

(j)

emenda tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (ĠU 2010, L 95, p. 1), għall-fini li tiġi ggarantita l-libertà tal-provvista ta’ servizzi awdjoviżivi u r-riċezzjoni tagħhom f’reġjuni fejn ikunu jirresjedu minoranzi nazzjonali, abbażi tal-Artikolu 53(1) TFUE u l-Artikolu 63 TFUE;

(k)

regolament jew deċiżjoni tal-Kunsill, bil-għan li jkun hemm eżenzjoni ta’ kategorija għal proġetti li jippromwovu l-minoranzi nazzjonali u l-kultura tagħhom, abbażi tal-Artikolu 109 TFUE, l-Artikolu 108(4) TFUE u l-Artikolu 107(3)(e) TFUE.

8

Il-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-atti ġuridiċi tal-Unjoni intiżi sabiex japplikaw it-Trattati jistgħu jiġu adottati:

fl-oqsma tat-titjib tal-għarfien u t-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej; il-konservazzjoni u s-salvagwardja tal-patrimonju kulturali ta’ importanza Ewropea; skambji kulturali mhux kummerċjali; il-kreazzjoni artistika u letterarja, inklużi fis-settur awdjoviżiv;

fl-oqsma tal-iżvilupp tal-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni, inkluż fost oħrajn permezz tat-tagħlim u t-tixrid tal-lingwi tal-Istati Membri,

fid-definizzjoni tal-kompiti, l-għanijiet ta’ prijorità u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni;

rigward miżuri speċifiċi b’appoġġ għall-azzjoni meħuda fl-Istati Membri sabiex jinkisbu l-għanijiet li jitħaffef l-aġġustament li jkollha tagħmel l-industrija minħabba bidliet strutturali, li jiġi inkoraġġit ambjent favorevoli għall-inizjattiva u għall-iżvilupp ta’ impriżi madwar l-Unjoni, b’mod partikolari l-impriżi żgħar u medji, jiġi inkoraġġit ambjent favorevoli għall-kooperazzjoni bejn l-impriżi, tisseddaq esplojtazzjoni aħjar tal-potenzjal industrijali tal-politiki tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku;

fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku fil-forma ta’ programm qafas pluriennali li jistabbilixxi l-għanijiet xjentifiċi u teknologiċi li jridu jinkisbu permezz tal-attivitajiet tal-Unjoni u li jiffissa l-prijoritajiet relevanti, bl-indikazzjoni tal-linji ġenerali ta’ tali attivitajiet u billi jiġi stabbilit l-ammont kumplessiv massimu u r-regoli dettaljati għall-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Unjoni fil-programm qafas u l-ishma rispettivi f’kull attività li għaliha jkun hemm provvediment;

fil-qasam tad-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru inklużi l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stati Membri oħra tal-Unjoni;

għall-ħolqien ta’ drittijiet Ewropej ta’ proprjetà intellettwali sabiex tingħata protezzjoni uniformi għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali madwar l-Unjoni u għall-istabbiliment ta’ arranġamenti ta’ awtorizzazzjoni, koordinazzjoni u superviżjoni madwar l-Unjoni kollha;

għall-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġijiet, regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri rigward il-bidu u t-tkomplija tal-attivitajiet ta’ dawk li jaħdmu għal rashom;

għad-determinazzjoni tal-kategoriji ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat li huma eżenti mill-proċedura li hemm provvediment għaliha fl-Artikolu 108(2) TFUE.

9

Fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeduċi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-proposta ta’ IĊE, sa fejn din tirrigwarda l-preżentazzjoni, minn din l-istituzzjoni, ta’ proposti ta’ atti ġuridiċi tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, kif previsti fil-premessa 4(a) sa (e) u (h) sa (k) tad-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha li abbażi tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (ĠU 2011, L 65, p. 1).

10

Min-naħa l-oħra, fir-rigward taż-żewġ proposti l-oħra li għalihom tirreferi l-proposta ta’ IĊE, jiġifieri dawk imsemmija fil-premessa 4(f) u (g) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-premessi 7 sa 9 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-proposta ta’ IĊE hija manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha li abbażi tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ġunju 2017, ir-Rumanija ppreżentat din l-azzjoni.

12

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-Rumanija ressqet talba għal miżuri provviżorji, skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE, sabiex il-Qorti Ġenerali tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-imsemmija talba ġiet miċħuda b’digriet tal-13 ta’ Novembru 2017, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni (T‑391/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:805).

13

Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla, tas-27 ta’ Settembru 2017, ir-Repubblika Slovakka ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Rumanija. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ottubru 2017, ir-Repubblika Slovakka informat lill-Qorti Ġenerali li kienet qiegħda tirtira l-intervent tagħha, b’tali mod li, b’digriet tas-16 ta’ Novembru 2017, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni (T‑391/17, mhux ippubblikat, EU:T:2017:823), hija tħassret minn din il-kawża bħala intervenjenti.

14

Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla, tal-15 ta’ Novembru 2017, l-Ungerija ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. In-nota ta’ intervent tal-Ungerija ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-President, b’mod li din ma ġietx inkluża fil-proċess.

15

Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Novembru 2017, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni (T‑391/17, mhux ippubblikat, EU:T:2017:831), ikkonfermat, fl-appell, b’digriet tal-5 ta’ Settembru 2018, Minority SafePack — one million signatures for diversity in Europe vs Ir-Rumanija u Il-Kummissjoni (C‑717/17 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2018:691), it-talba għal intervent tal-Kumitat ġiet miċħuda.

16

Ir-Rumanija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

Id-dritt

Osservazzjonijiet preliminari

18

Matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, qajmet dubju dwar l-ammissibbiltà tar-rikors billi invokat, minn naħa, in-natura tardiva tar-rikors u, min-naħa l-oħra, in-natura mhux kontestabbli tad-deċiżjoni kkontestata.

19

Għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi b’mod preliminari l-motivi ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenut (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 5152; tat-23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑233/02, EU:C:2004:173, punt 26, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni,T‑171/02, EU:T:2005:219, punt 155).

20

Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok, fl-interess tal-ekonomija tal-ġudizzju, li teżami l-ewwel il-motivi invokati mir-Rumanija, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, li huwa, fi kwalunkwe każ u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, infondat.

Fuq il-mertu

21

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Rumanija tinvoka żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 5(2) TUE u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, it-tieni wieħed, fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(2) TUE u tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011

22

Ir-Rumanija ssostni fl-ewwel lok li l-analiżi tal-informazzjoni u tal-miżuri ddettaljati stabbiliti fl-anness tal-proposta ta’ IĊE turi li, minkejja l-għanijiet iddikjarati, fir-realtà din hija ffokata esklużivament fuq it-titjib tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi, filwaqt li din ma għandha ebda rabta diretta mad-diversità kulturali fis-sens tal-Artikolu 3 TUE u tal-Artikolu 167 TFUE li t-tisħiħ tagħha huwa l-iktar l-iktar konsegwenza inerenti għat-titjib tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi.

23

Issa, minn naħa, fir-rigward tat-tisħiħ tad-diversità kulturali skont l-Artikolu 167(1) u (4) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenzi ta’ sostenn, ta’ koordinazzjoni u supplimentarji, u mhux kompetenza esklużiva jew kondiviża mal-Istati Membri sabiex tippromwovi politika li l-uniku għan tagħha huwa d-diversità kulturali. Skont l-Artikolu 167(4) TFUE, att leġiżlattiv tal-Unjoni ma jistax jipprevedi esklużivament id-diversità kulturali, iżda l-Unjoni għandha teħodha inkunsiderazzjoni u tippromwoviha fil-kuntest tal-politiki tagħha. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi, l-Unjoni ma għandhiex kompetenza leġiżlattiva espressa u dan il-qasam jibqa’ jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 2, 3, 7 u 8 TUE, mill-Artikolu 4(2) TFUE u mid-Deċiżjoni C(2013) 5969 finali msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq.

24

Ir-Rumanija ssostni fit-tieni lok li l-oqsma ta’ azzjoni konkreti previsti fil-proposta ta’ IĊE u ppreżentati fl-anness tagħha għandhom jiġu analizzati oġġettivament fid-dawl tal-kuntest tagħhom, li huwa ddefinit mis-suġġett u mill-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE. Ma huwiex biżżejjed li l-atti proposti jaqgħu f’qasam li jaqa’ fl-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni. Peress li, skont il-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE, il-kompetenzi tal-Unjoni jistgħu jiġu eżerċitati biss sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fit-Trattati, ikun ukoll neċessarju li, minħabba l-kontenut u l-għanijiet tagħhom, l-atti inkwistjoni jkunu xierqa sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetenza rilevanti. Issa, ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tat-Trattati li l-għanijiet tal-politika fl-oqsma li fihom tintalab l-adozzjoni ta’ atti tal-Unjoni jipprevedu azzjoni dwar il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali. Għaldaqstant, sa fejn, minħabba l-għan u l-għanijiet tagħha, il-proposta ta’ IĊE hija manifestament barra mill-ambitu ta’ kompetenza tal-Unjoni, ebda miżura li tista’ tiġi proposta sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa ma tista’ titqies li taqa’ f’dan l-ambitu ta’ kompetenza.

25

Ir-Rumanija ssostni fit-tielet lok li ebda waħda mill-miżuri elenkati fost l-informazzjoni supplimentari ma hija estranja għall-għan tal-IĊE u għall-għanijiet imfittxija minnha kif iddikjarati fl-informazzjoni meħtieġa, b’mod li eżami individwali ma jistax iwassal għal konklużjoni oħra li tikkonċerna l-kompetenzi tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE hija f’dan il-każ ineffettiva, peress li l-Kummissjoni ma tistax ssegwi IĊE sabiex twettaq għanijiet oħra minbarra dawk indikati mill-organizzaturi mingħajr ma tippreġudika l-awtonomija ta’ dawn tal-aħħar, u lanqas ma tista’ tbiddel b’mod indebitu s-suġġett iddikjarat tal-IĊE.

26

Ir-Rumanija ssostni fir-raba’ u l-aħħar lok li, fir-rigward b’mod partikolari ta’ oqsma konkreti previsti mill-proposta ta’ IĊE, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-miżuri proposti li huma relatati mal-lingwi, mal-edukazzjoni u mal-kultura, l-organizzaturi jibbażaw b’mod żbaljat il-proposti dwar il-“lingwi” li jinsabu fil-punt 2 tal-proposta ta’ IĊE fuq it-tieni inċiż tal-Artikolu 167(5) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE, peress li dawn l-artikoli ma fihom ebda dispożizzjoni dwar il-“lingwi” jew il-“politika lingwistika”. Barra minn hekk, ebda wieħed mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-Artikoli 165 sa 167 TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari, l-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità, il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp tal-kulturi tal-Istati Membri filwaqt li tiġi osservata d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom jew it-titjib tal-għarfien u tat-tixrid tal-kultura u tal-istorja tal-popli Ewropej, ma jirreferi għall-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali jew lingwistiċi. Għaldaqstant, miżura speċifika fil-qasam tal-“edukazzjoni” jew tal-“kultura”, intiża sabiex issostni l-persuni li jappartjenu għal dawn il-minoranzi, lanqas ma għandha bażi legali fit-Trattati, peress li l-Artikolu 3 TUE ma jistax jirrimedja din is-sitwazzjoni. Il-kompetenza ta’ adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tal-identità lingwistika tal-persuni li jappartjenu għall-minoranzi nazzjonali taqa’ f’idejn l-Istati Membri, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali, adottata fl-10 ta’ Novembru 1994, li fiha huma partijiet ċerti Stati Membri tal-Unjoni, huwa applikabbli f’dan il-kuntest.

27

It-tieni nett, fir-rigward tal-qasam tal-politika reġjonali, u senjatament il-proposti bbażati, minn naħa, fuq l-Artikoli 177 u 178 TFUE, intiżi sabiex id-dispożizzjonijiet dwar il-fondi reġjonali tal-Unjoni jiġu adattati, u, min-naħa l-oħra, fuq l-Artikolu 173(3) u l-Artikolu 182(1) TFUE, bil-għan li r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-programm qafas għar-riċerka u għall-innovazzjoni “Orizzont 2020” (2014–2020) u li jħassar id-Deċiżjoni 1982/2006/KE (ĠU 2013, L 347, p. 104) jiġi emendat, ir-Rumanija ssostni li, skont l-Artikolu 174 TFUE, huwa l-kriterju tal-iżvilupp tar-reġjuni differenti li huwa rilevanti fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni u mhux dak tal-karatteristiċi nazzjonali, etniċi, kulturali, reliġjużi jew lingwistiċi tar-reġjuni, speċjalment minħabba li ma hemm ebda rabta ċara u valida bħala regola ġenerali bejn il-komponent etniku ta’ ċerti reġjuni u l-livell tal-iżvilupp tagħhom. Att adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 177 TFUE ma jistax jiffissa għanijiet addizzjonali b’paragun ma’ dawk stipulati fl-Artikolu 174 TFUE. L-istess japplika fir-rigward tal-programm “Orizzont 2020”, peress li l-għanijiet tal-miżuri speċifiċi elenkati fl-Artikolu 173 TFUE (“Industrija”) u fl-Artikolu 179 TFUE (“Riċerka u żvilupp teknoloġiku u spazju”) ma għandhom ebda relazzjoni mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali. Ir-Rumanija żżid li ma hemmx bażi, fil-kuntest tal-kompetenza tal-Unjoni, għall-adozzjoni ta’ att li, bħal f’dan il-każ, imur kontra l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, billi jistabbilixxi diskriminazzjoni indiretta ta’ natura etnika u jqajjem il-problema li jinqabżu l-limiti, stabbiliti skont id-dritt internazzjonali, tal-involviment tal-Istat ġenitur fil-protezzjoni tal-minoranza nazzjonali tiegħu li tinsab fit-territorju ta’ Stat ieħor.

28

It-tielet nett, fir-rigward tal-miżuri proposti fir-rigward ta’ persuni apolidi sabiex tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni apolidi u ċ-ċittadini tal-Unjoni, ir-Rumanija ssostni li l-użu tal-kriterju tal-appartenenza għal minorità nazzjonali sabiex jingħata status derogatorju lil kategorija speċifika, bħall-persuni apolidi, ma jikkorrispondix mal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 79(1) TFUE. Sa fejn il-proposta ta’ IĊE twassal biss sabiex jingħata trattament iktar favorevoli lill-persuni mingħajr nazzjonalità, din ma tikkorrispondix mas-suġġett tal-imsemmija proposta u tista’ l-iktar l-iktar tikkostitwixxi s-suġġetta ta’ IĊE separata. Għall-finijiet tat-Titolu V tat-Trattat FUE, li taħtu jaqa’ l-Artikolu 79 TFUE, il-persuni apolidi huma assimilati maċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif jirriżulta mill-Artikolu 67(2) TFUE. Lanqas minn din il-perspettiva, it-Trattati ma jagħtux bażi legali għall-adozzjoni ta’ atti intiżi li jiżguraw kważi ugwaljanza bejn il-persuni mingħajr nazzjonalità u ċ-ċittadini tal-Unjoni.

29

Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-proposta li tiġi stabbilita sistema unika ta’ drittijiet tal-awtur fl-ambitu tal-Unjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 118 TFUE, ir-Rumanija tirrileva li l-għan tal-proposta jidher li huwa dak li jiġi ffaċilitat l-użu, mill-persuni li jappartjenu għal minoranzi, ta’ beni u ta’ servizzi fil-lingwa tagħhom stess li hija ħafna drabi dik ta’ pajjiż ġar, b’tali mod li l-imsemmija proposta titbiegħed mill-għan tal-miżuri previsti fl-Artikolu 118 TFUE u tqajjem ukoll il-problema, diġà msemmija, tal-involviment tal-Istat ġenitur fil-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali. Skont ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fil-livell internazzjonali dwar dawn il-kwistjonijiet, it-trattament preferenzjali minn Stat ġenitur għandu jingħata fuq il-bażi ta’ approċċ bilaterali bil-kunsens tal-Istat kompetenti u għandu jkun limitat għall-“oqsma tal-edukazzjoni u tal-kultura, sa fejn għandu l-għan leġittimu li jinkoraġġixxi r-rabtiet kulturali u sa fejn [it-trattament preferenzjali] huwa proporzjonat għal dan l-għan”. Fl-aħħar nett, id-diffikultajiet marbuta mal-privattiva Ewropea dwar is-sistema lingwistika jindikaw id-diffikultajiet marbuta mal-ħolqien ta’ sistema unifikata tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Ewropa kollha.

30

Il-ħames nett, f’dak li jirrigwarda l-proposta ta’ emenda tad-Direttiva 2010/13, ir-Rumanija ssostni li l-għoti ta’ trattament derogatorju għar-“reġjuni fejn jgħixu l-minoranzi nazzjonali” imur kontra l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, jirrappreżenta diskriminazzjoni diretta fir-rigward tal-moviment liberu tas-servizzi, ipprojbita mill-Artikolu 56 TFUE, u joħloq ukoll il-problema msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq tal-involviment tal-Istat ġenitur fil-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali.

31

Is-sitt nett u fl-aħħar lok, fir-rigward tal-proposta bbażata fuq l-Artikolu 109 u l-Artikolu 108(4) jew l-Artikolu 107(3)(d) TFUE, li jikkonċernaw il-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ir-Rumanija ssostni li l-miżura ta’ eżenzjoni prevista tmur kontra l-għanijiet tal-miżuri li jistgħu jittieħdu skont id-dritt internazzjonali favur persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, limitati għall-oqsma tal-edukazzjoni, tal-kultura, tal-lingwi u tar-reliġjon. L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat “transkonfinali” minn Stat ġenitur lil persuni ġuridiċi bi skop ta’ lukru bl-għan li jiġu promossi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għall-minoranzi nazzjonali tal-Istat ġar huwa inkompatibbli mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali li jirrigwardaw l-involviment tal-Istati ġenituri fil-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għall-minoranzi nazzjonali li jinsabu fit-territorju ta’ Stati oħra, ifixkel il-kompetizzjoni u jwassal għal diskriminazzjoni bbażata fuq kriterji etniċi bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u jmur, għaldaqstant, kontra l-valuri tal-Unjoni.

32

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Ungerija, tikkontesta l-argumenti tar-Rumanija.

33

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(4) TUE, introdott permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, tissottometti proposta xierqa dwar kwistjonijiet li għalihom dawn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att ġuridiku tal-Unjoni għall-applikazzjoni tat-Trattati (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15P, EU:C:2017:663, punt 23).

34

Id-dritt ta’ IĊE jikkostitwixxi, bħal fil-każ, b’mod partikolari, tad-dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament, strument relatat mad-dritt taċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, previst fl-Artikolu 10(3) TUE, sa fejn dan jippermettilhom jindirizzaw direttament lill-Kummissjoni sabiex jippreżentawlha talba intiża sabiex din tiġi mistiedna tissottometti proposta ta’ att ġuridiku tal-Unjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 24). Kif huwa rrilevat fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 211/2011, dan id-dritt huwa intiż sabiex isaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea u jtejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni (sentenzi tat-3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack — one million signatures for diversity in Europe vs Il-Kummissjoni, T‑646/13, EU:T:2017:59, punt 18, u tal-10 ta’ Mejju 2017, Efler vs Il-Kummissjoni, T‑754/14, EU:T:2017:323, punt 24).

35

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ IĊE ġew speċifikati fir-Regolament Nru 211/2011. L-Artikolu 4 tiegħu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ proposta ta’ IĊE (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 25).

36

Għalhekk, fir-rigward tal-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, hija l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 211/2011, li għandha teżamina jekk tali proposta tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati b’mod partikolari fil-paragrafu 2(b) ta’ dan l-artikolu, li jipprevedi li proposta ta’ IĊE hija rreġistrata mill-Kummissjoni, sakemm din “ma tkunx taqa’ manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-għan ta’ implimentazzjoni tat-Trattati” (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punti 26 u 45).

37

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 211/2011, l-informazzjoni dwar is-suġġett u l-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE li huma pprovduti mill-organizzaturi tal-IĊE, jew b’mod obbligatorju, jew b’mod fakultattiv, skont l-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011 (sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 45, u tas-7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 51).

38

Fil-fatt, l-“informazzjoni stipulata fl-Anness II” tar-Regolament Nru 211/2011, li għaliha jirreferi l-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament, ma hijiex limitata għall-informazzjoni minima li, skont dan l-istess anness, għandha tiġi pprovduta fir-reġistru. Id-dritt, irrikonoxxut fl-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, għall-organizzaturi tal-proposta ta’ IĊE li jipprovdu informazzjoni supplimentari, jew abbozz ta’ att ġuridiku tal-Unjoni, għandu bħala korollarju l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina l-imsemmija informazzjoni, bl-istess mod bħal kull informazzjoni pprovduta b’applikazzjoni tal-imsemmi anness, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, imfakkar fil-premessa 10 tar-Regolament Nru 211/2011 u li miegħu huwa marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Għalhekk, sabiex jiġi evalwat jekk proposta ta’ IĊE tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni stipulati fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, il-Kummissjoni għandha teżamina l-informazzjoni supplimentari (sentenza tat-3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack — one million signatures for diversity in Europe vs Il-Kummissjoni, T‑646/13, EU:T:2017:59, punti 30 sa 32; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punti 47, 48 u 50, u tas-7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni, C-420/16 P, EU:C:2019:177, punti 52 sa 54).

39

Barra minn hekk, konformement mal-għanijiet imfittxija mill-IĊE, kif stipulati fil-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 211/2011 u li jipprevedu, b’mod partikolari, li tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u li l-Unjoni tkun iktar aċċessibbli, il-kundizzjoni għal reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan ir-regolament għandha tiġi interpretata u applikata mill-Kummissjoni, meta titressaq proposta ta’ IĊE quddiemha, b’mod li tiġi żgurata aċċessibbiltà faċli għall-IĊE (sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 49, u tas-7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punti 5364).

40

Konsegwentement, huwa biss jekk proposta ta’ IĊE tkun, fid-dawl tas-suġġett u tal-għanijiet tagħha, kif jirriżultaw mill-informazzjoni obbligatorja u, jekk ikun il-każ, supplimentari mogħtija mill-organizzaturi skont l-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011, taqa’ manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi li bis-saħħa tagħhom il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati li l-Kummissjoni tista’ tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ din il-proposta ta’ IĊE taħt l-Artikolu 4(2)(b) tal-imsemmi regolament (sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 50, u tas-7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punt 54).

41

F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha twettaq eżami inizjali tal-elementi li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tevalwa jekk il-proposta ta’ IĊE manifestament ma taqax fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha, peress li huwa ppreċiżat li eżami iktar sħiħ għandu jsir fil-każ ta’ reġistrazzjoni tal-proposta. Fil-fatt, l-Artikolu 10(1)(c) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, meta l-Kummissjoni tirċievi l-IĊE, hija għandha tippreżenta permezz ta’ komunikazzjoni, fit-terminu ta’ tliet xhur, il-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-IĊE, l-azzjoni li hija tipprevedi li tieħu, jekk ikun il-każ, kif ukoll ir-raġunijiet li hija jkollha sabiex tieħu jew ma tiħux din l-azzjoni (sentenza tad-19 ta’ April 2016, Costantini vs Il-Kummissjoni, T‑44/14, EU:T:2016:223, punt 17). Għalhekk, id-deċiżjoni li tiġi rreġistrata proposta ta’ IĊE, li timplika evalwazzjoni inizjali tagħha fil-livell ġuridiku, ma tippreġudikax l-evalwazzjoni mwettqa, jekk ikun il-każ, mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-komunikazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 u li tistabbilixxi l-pożizzjoni definittiva ta’ din l-istituzzjoni li tippreżenta jew le proposta għal att ġuridiku bħala tweġiba għall-IĊE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il-Kummissjoni, T‑561/14, taħt appell, EU:T:2018:210, punti 79117).

42

Kif ġie deċiż ukoll, meta titressaq applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE quddiem il-Kummissjoni, ma huwiex il-kompitu tagħha, f’dan l-istadju, li tivverifika li tressqet il-prova tal-punti ta’ fatt invokati kollha u lanqas ma huwa l-kompitu tagħha li tivverifika li l-motivazzjoni li fuqha huma bbażati l-proposta u l-miżuri proposti hija suffiċjenti. Il-Kummissjoni għandha tillimita ruħha għal eżami, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, dwar jekk, minn perspettiva oġġettiva, tali miżuri, previsti fl-astratt, jistgħux jittieħdu fuq il-bażi tat-Trattati, bil-konsegwenza li jiġi injorat l-għan li tiġi żgurata aċċessibbiltà faċli għall-IĊE (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punti 62 u 64).

43

F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett il-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-proposta ta’ IĊE u fil-kuntest tal-ewwel eżami tal-elementi li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha, din setgħetx, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Rumanija, tikkonkludi validament, fl-istadju tar-reġistrazzjoni, li l-imsemmija proposta, sa fejn din kienet tikkonċerna proposti għal atti ġuridiċi bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata previsti fl-astratt, ma kinitx manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha li abbażi tagħhom l-imsemmija istituzzjoni tista’ tippreżenta att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5 TUE, il-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi jirregola d-delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni u li, skont l-Artikolu 13(2) TUE, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punti 9798, u tad-19 ta’ April 2016, Costantini vs Il-Kummissjoni, T‑44/14, EU:T:2016:223, punt 16). Fil-fatt, l-għan ta’ parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini tal-Unjoni li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu tal-IĊE ma jistax jostakola l-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi u jawtorizza lill-Unjoni li tilleġiżla f’qasam li fir-rigward tiegħu ma ngħatatilha ebda kompetenza (sentenza tad-19 ta’ April 2016, Costantini vs Il-Kummissjoni, T‑44/14, EU:T:2016:223, punt 53).

45

Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li jinkludu, fost oħrajn, l-għan u l-kontenut tal-att (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Fir-rigward tas-suġġett u tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-proposti ta’ atti, li jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni, kif elenkati fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, il-proposta ta’ IĊE tistipula, bħalma huwa rrilevat fil-premessi 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmija proposta hija intiża għall-adozzjoni ta’ serje ta’ atti leġiżlattivi sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u sabiex tissaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni. Dawn l-atti għandhom jinkludu miżuri relatati mal-lingwi reġjonali u minoritarji, mal-edukazzjoni u mal-kultura, mal-politika reġjonali, mal-ugwaljanza, mal-kontenut awdjoviżiv u media oħra u kif ukoll mal-għajnuna mogħtija lill-awtoritajiet reġjonali. Fl-anness tagħha, il-proposta ta’ IĊE tirreferi espliċitament għal diversi atti ġuridiċi li għalihom hija tistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel proposti.

47

Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Rumanija, il-proposta ta’ IĊE ma hijiex intiża esklużivament sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi, iżda hija intiża wkoll sabiex issaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni, kif jirriżulta kemm mis-suġġett u mill-għanijiet imsemmija fl-imsemmija proposta kif ukoll mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-diversi proposti ta’ atti ġuridiċi elenkati u spjegati fl-anness tal-proposta ta’ IĊE li l-preżentazzjoni tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill hija mitluba mill-organizzaturi.

48

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, kif ġie rrilevat fil-punt 37 iktar ’il fuq, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, il-Kummissjoni hija marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u l-għanijiet tal-imsemmija proposta kif jirriżultaw mhux biss mill-informazzjoni obbligatorja, iżda wkoll mill-informazzjoni supplimentari li ġiet ipprovduta mill-organizzaturi skont l-Anness II tar-Regolament Nru 211/2011 (sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 45, u tas-7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punti 5154).

49

Skont din il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni wettqet, wara s-sentenza tat-3 ta’ Frar 2017, Minority SafePack — one million signatures for diversity in Europe vs Il-Kummissjoni (T‑646/13, EU:T:2017:59), li permezz tagħha d-Deċiżjoni C(2013) 5969 imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq ġiet annullata, analiżi ġdida tal-proposta ta’ IĊE fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha ppreżentata mill-organizzaturi, b’mod partikolari billi ħadet inkunsiderazzjoni l-proposti ta’ atti ġuridiċi stipulati fl-anness tal-proposta ta’ IĊE, sabiex tikkonkludi li, sa fejn din tal-aħħar kienet tirrigwarda l-preżentazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ disa’ mill-ħdax-il proposta ta’ atti ġuridiċi tal-Unjoni, imsemmija fil-premessa 4(a) sa (e) u (h) sa (k) tad-deċiżjoni kkontestata, il-proposta ta’ IĊE ma kinitx manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha li abbażi tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

50

Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 47 iktar ’il fuq u kif il-Kummissjoni ġustament osservat, l-atti ġuridiċi kif elenkati fl-anness tal-proposta ta’ IĊE, li, skont din l-istituzzjoni, jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenzi li abbażi tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati fl-oqsma inkwistjoni, huma manifestament intiżi sabiex jikkontribwixxu, minn naħa, għat-twettiq tal-għan ġenerali li huwa dak li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti mill-minoranzi, u, min-naħa l-oħra, ukoll b’mod dirett, għat-twettiq tal-għan ġenerali li huwa dak li tiġi żgurata l-osservanza u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, skont l-Artikolu 2 TUE, ir-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi huwa wieħed mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE jipprovdi li l-Unjoni għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha.

52

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-tisħiħ tad-diversità kulturali, l-Artikolu 167(4) TFUE jipprovdi li l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati sabiex, b’mod partikolari, tiġi osservata u promossa d-diversità tal-kulturi tagħha.

53

Kuntrarjament għal dak li r-Rumanija ssostni, minn dan ma jirriżultax li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet lill-Unjoni kompetenza leġiżlattiva ġenerali fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, iżda biss li r-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi u t-tisħiħ tad-diversità kulturali u lingwistika, bħala valuri u għanijiet tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-azzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma koperti mill-proposta ta’ IĊE. Kif ir-Rumanija kkonfermat hija stess f’dan il-kuntest, minn naħa, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE jinkludi neċessarjament linji gwida ġenerali għall-azzjoni tal-Unjoni f’oqsma oħra u, min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-minoranzi msemmija fl-Artikolu 2 TUE hija parti integrali mill-valuri tal-Unjoni li l-Kummissjoni għandha tosserva fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha.

54

Għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari f’dan ir-rigward li r-Rumanija ma tqegħidx inkwistjoni l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta atti ġuridiċi fl-oqsma ta’ azzjoni konkreti koperti mill-atti ġuridiċi elenkati fil-premessa 4(a) sa (e) u (h) sa (k) tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) u stipulati fil-premessa 5 tagħha (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Iżda r-Rumanija tqis li l-kompetenza tal-Unjoni f’dawn l-oqsma ma tistax tippermetti lill-Kummissjoni tistieden lill-Parlament u lill-Kunsill jadottaw atti ġuridiċi sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-proposta ta’ IĊE, elementi fundamentali li jiddelimitaw il-portata tagħha, sa fejn dawn l-atti ma jkunux tali li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetenza rilevanti. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tuża l-kompetenzi li l-Unjoni għandha fl-oqsma bħalma huma l-kultura, l-edukazzjoni, il-politika reġjonali u l-għajnuna mill-Istat b’mod li jmur lil hinn mill-iskop li għalih dawn ġew irrikonoxxuti lilha fit-Trattati.

55

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

56

Fil-fatt, għalkemm, fl-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta, sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija speċifikament mid-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE, proposti għal att ġuridiku li jieħdu inkunsiderazzjoni l-valuri u l-għanijiet li huma s-suġġett tal-proposta ta’ IĊE, ma hemm xejn li jipprekludi lil din l-istituzzjoni, bħala prinċipju, milli tippreżenta proposti għal atti speċifiċi li, bħal f’dan il-każ, huma intiżi sabiex jikkompletaw l-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma ta’ kompetenza tagħha sabiex jiżguraw l-osservanza tal-valuri stipulati fl-Artikolu 2 TUE u tar-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha prevista fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE.

57

Sa fejn ir-Rumanija tafferma f’dan il-kuntest li l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni huwa limitat mill-Artikolu 4(2) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li hija naqset milli tissostanzja din l-affermazzjoni u, b’mod partikolari, li turi li l-imsemmija dispożizzjoni neċessarjament tipprekludi l-adozzjoni ta’ miżuri bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, previsti fl-astratt, sa fejn dawn huma intiżi li jiżguraw, fl-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni, l-osservanza, minnha, tal-valuri li fuqhom hija bbażata, bħall-osservanza tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi, u li jfittxu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 3 TUE, li fosthom hemm l-osservanza tar-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni.

58

Sa fejn ir-Rumanija ssostni li, billi tirreġistra parzjalment il-proposta ta’ IĊE, il-Kummissjoni tirriskja li tippreġudika l-awtonomija tal-organizzaturi u li tbiddel b’mod indebitu s-suġġett iddikjarat tal-proposta ta’ IĊE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-organizzaturi fformulaw, fil-punt 8 tal-imsemmija proposta intitolata “Klawżola ta’ salvagwardja”, ix-xewqa li kull waħda mill-ħdax-il proposta tiġi vverifikata separatament u li, jekk waħda mill-proposti kellha titqies inammissibbli, dan ma għandux ikollu effett fuq il-proposti l-oħra. Konsegwentement, ir-reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE, minflok ma tippreġudika l-awtonomija tal-organizzaturi u tikkostitwixxi bidla fis-suġġett iddikjarat tal-imsemmija proposta, tikkorrispondi għal xewqa espressa formalment mill-organizzaturi stess fil-proposta ta’ IĊE għall-każ fejn il-Kummissjoni tikkonkludi li wħud mill-miżuri inkwistjoni manifestament ma jaqgħux taħt il-kompetenzi tagħha.

59

Fl-aħħar nett, l-argument tar-Rumanija, li d-diversi proposti għal atti ġuridiċi inkwistjoni ma huma bl-ebda mod adatti sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetenza rilevanti, għandu wkoll jiġi miċħud.

60

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-miżuri dwar il-“lingwa”, l-“edukazzjoni” u l-“kultura”, li jissemmew fil-punt 2 tal-proposta ta’ IĊE, li għall-adozzjoni tagħhom l-organizzaturi jipproponu, bħala bażi legali, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 167(5) u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 165(4) TFUE, il-Kummissjoni tirrileva b’mod rilevanti li l-kunċett ta’ “kultura”, li jifforma t-Titolu XIII tat-Trattat FUE li taħtu jinsab l-Artikolu 167 TFUE, jirreferi, fil-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, għall-osservanza tad-diversità kulturali u lingwistika, li huwa stipulat fl-Artikolu 3 TUE bħala għan tal-Unjoni, u li l-kunċett ta’“[e]dukazzjoni”, li jifforma parti mill-isem tat-Titolu XII tat-Trattat FUE li taħtu jinsab l-Artikolu 165 TFUE, jinkludi elementi marbuta mal-promozzjoni tad-diversità lingwistika tal-Unjoni, li barra minn hekk huwa għan speċifiku, imsemmi fl-Artikolu 5(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus +”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU 2013, L 347, p. 50), adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 165(4) TFUE, bħall-atti relatati mal-“lingwa” imsemmija fil-proposta ta’ IĊE.

61

Barra minn hekk, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 167(5) TFUE, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet, fuq proposta tal-Kummissjoni, sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet imsemmija f’dan l-artikolu, b’tali mod li l-proposta għal att dwar “rakkomandazzjoni tal-Kunsill ‘dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fi ħdan l-Unjoni’”, prevista fl-astratt, ma tistax titqies bħala li taqa’ manifestament fl-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni li abbażi tagħhom din l-istituzzjoni tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

62

Fl-aħħar nett, kif ġie rrilevat fil-punt 56 iktar ’il fuq, il-fatt li l-Artikoli 165 sa 167 TFUE ma jsemmux fost l-għanijiet speċifiċi tagħhom ir-rispett tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi ma jipprekludix lill-Unjoni milli tadotta, fl-ambitu tal-kompetenzi li hija teżerċita abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri li jieħdu inkunsiderazzjoni tali għan.

63

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-miżuri dwar il-“politika reġjonali”, li jissemmew fil-punti 3.1 u 3.2 tal-proposta ta’ IĊE, u b’mod iktar preċiż il-proposti bbażati fuq l-Artikoli 177 u 178 TFUE, dwar il-fondi reġjonali, kif ukoll dawk ibbażati fuq l-Artikolu 173(3) u l-Artikolu 182(1) TFUE, dwar l-emenda tar-Regolament Nru 1291/2013, dwar il-programm “Orizzont 2020”, dawn il-miżuri lanqas ma huma intiżi sabiex iwessgħu l-kamp tal-kompetenzi tal-Unjoni, iżda sabiex isir użu mill-kompetenzi eżistenti bl-għan li jiġu ffinanzjati programmi. B’hekk, fir-rigward tal-fondi reġjonali, id-deċiżjoni kkontestata tipprevedi, fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 1(2) tagħha, “regolament li jadatta r-regoli ġenerali applikabbli għall-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali b’tali mod li jittieħed kont tal-protezzjoni ta’ minoranzi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni”. Fir-rigward tal-programm “Orizzont 2020”, kif indikat il-Kummissjoni b’mod rilevanti, emenda eventwali tar-Regolament Nru 1291/2013 għandha l-għan li ttejjeb ir-riċerka fil-livell tal-valur miżjud li l-minoranzi nazzjonali u d-diversità kulturali u lingwistika jistgħu jwasslu għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku fir-reġjuni tal-Unjoni.

64

Ma’ dan għandu jiżdied li, kif ġie rrilevat fil-punt 56 iktar ’il fuq, b’mod kuntrarju għal dak sostnut mir-Rumanija, il-fatt li l-Artikoli 173, 177, 178 u 182 TFUE ma jsemmux fost l-għanijiet speċifiċi tagħhom ir-rispett tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi ma jipprekludix lill-Unjoni milli tadotta, fl-ambitu tal-kompetenzi li hija teżerċita abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri li jieħdu inkunsiderazzjoni tali għan.

65

Fir-rigward tal-ilment tar-Rumanija, ibbażat fuq l-allegat qbiż tal-limiti, stabbiliti b’mod konformi mad-dritt internazzjonali, tal-intervent tal-Istat marbut mal-protezzjoni tal-minoranza nazzjonali tiegħu fit-territorju ta’ Stat ieħor, il-Kummissjoni tirrileva wkoll ġustament li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-atti ġuridiċi proposti fl-IĊE ma’ tali regoli ma għandhiex effett fuq l-eżami tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

66

Fir-rigward, it-tielet nett, tal-miżuri proposti fir-rigward tal-“persuni apolidi”, bl-għan li tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament bejniethom u ċ-ċittadini tal-Unjoni, li huma msemmija fil-punt 5.2 tal-proposta ta’ IĊE u li għall-adozzjoni tagħhom l-Artikolu 79(2) TFUE huwa propost mill-organizzaturi, il-Kummissjoni rrilevat ġustament li diversi atti ġuridiċi applikabbli, b’mod partikolari, għall-persuni apolidi kienu ġew adottati fil-livell tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2011/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE sabiex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali (ĠU 2011, L 132, p. 1), inkluż fir-rigward tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni apolidi u ċ-ċittadini tal-Unjoni. Billi tistieden lill-Kummissjoni tippreżenta emendi għal-leġiżlazzjonijiet “dwar persuni apolidi sabiex jiġu approssimati d-drittijiet ta’ persuni apolidi għal żmien twil u tal-familji tagħhom ma’ dawk taċ-ċittadini tal-U[njoni]”, il-proposta ta’ IĊE, prevista fl-astratt, setgħet tiġi kkunsidrata bħala li ma tmurx manifestament lil hinn mill-kompetenzi tal-Kummissjoni li abbażi tagħhom hija tista’ tippreżenta proposti għal atti ġuridiċi tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

67

Fir-rigward, ir-raba’ nett, tal-proposta dwar l-introduzzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 118 TFUE, ta’ “dritt tal-awtur uniku” li jippermetti li l-Unjoni kollha titqies bħala suq intern fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, li huwa msemmi fil-punt 6.1 tal-proposta ta’ IĊE, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi li l-Unjoni hija kompetenti sabiex tistabbilixxi l-miżuri relatati mal-ħolqien ta’ titoli Ewropej bl-għan li tiġi żgurata protezzjoni uniformi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fl-Unjoni.

68

Kif ġie rrilevat fil-punt 56 iktar ’il fuq, il-fatt li l-Artikoli 118 TFUE ma jsemmix fost l-għanijiet speċifiċi tiegħu r-rispett tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi ma jipprekludix lill-Unjoni milli tadotta, fl-ambitu tal-kompetenzi li hija teżerċita fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri li jieħdu inkunsiderazzjoni tali għan.

69

Fir-rigward tal-ilment tar-Rumanija, ibbażat fuq l-allegat qbiż tal-limiti, stabbiliti b’mod konformi mad-dritt internazzjonali, tal-intervent tal-Istat marbut mal-protezzjoni tal-minoranza nazzjonali tiegħu fit-territorju ta’ Stat ieħor, għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-atti ġuridiċi proposti fl-IĊE ma’ tali regoli ma għandhiex effett fuq l-eżami tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011.

70

Fir-rigward, il-ħames nett, tal-proposta ta’ emenda tad-Direttiva 2010/13 dwar is- “servizzi tal-media awdjoviżiva”, fuq il-bażi tal-Artikolu 53(1) u tal-Artikolu 62 TFUE, li huwa msemmi fil-punt 6.2 tal-proposta ta’ IĊE u li huwa intiż sabiex jiżgura l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u r-riċezzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv fir-reġjuni fejn jirrisjedu minoranzi nazzjonali, għandu jiġi rrilevat ukoll li xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tipproponi emenda tal-imsemmija direttiva li tieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib marbut mar-rispett tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi, filwaqt li l-argumenti tar-Rumanija bbażati, minn naħa, fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 56 TFUE u tal-Artikolu 2 TUE u, min-naħa l-oħra, fuq il-qbiż tal-limiti, stabbiliti skont id-dritt internazzjonali, tal-intervent tal-Istat marbut mal-protezzjoni tal-minoranza nazzjonali tiegħu fit-territorju ta’ Stat ieħor huma ineffettivi fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni stipulata fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011. Sa fejn dan l-ilment jirreferi b’mod iktar partikolari għal ksur tal-Artikolu 2 TUE, dan jista’ l-iktar l-iktar jiġi eżaminat fuq il-bażi tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2)(d) tar-Regolament Nru 211/2011, li jipprojbixxi r-reġistrazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ proposti ta’ IĊE li huma manifestament kuntrarji għall-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, dispożizzjoni li madankollu ma hijiex koperta minn dan il-motiv.

71

Fir-rigward, is-sitt nett, tal-proposta dwar “eżenzjoni skont il-kategorija ta’ proġetti ta’ għajnuna li jippromwovu l-minoranzi nazzjonali u l-kultura tagħhom”, ibbażata fuq l-Artikolu 107(3)(e) TFUE u msemmija fil-punt 7 tal-proposta ta’ IĊE, il-Kummissjoni fakkret ġustament li, skont l-Artikolu 107(3)(d) TFUE, l-għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-kultura u ż-żamma tal-patrimonju tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern, wara analiżi mwettqa mill-Kummissjoni meta din ma tibdilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni b’mod li jmur kontra l-interess komuni. Sa fejn ir-Rumanija ssostni li l-imsemmija proposta hija ta’ natura li twassal għal diskriminazzjoni bbażata fuq kriterji etniċi, tfixkel il-kompetizzjoni u tmur kontra l-limiti tal-involviment tal-Istat ġenitur fil-protezzjoni tal-minoranza nazzjonali tiegħu li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandu jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti li jipprovdu li dawn l-argumenti ma jaffettwawx l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 u r-Rumanija ma invokatx ksur tal-Artikolu 4(2)(d) ta’ dan ir-regolament fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

72

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li r-Rumanija hija żbaljata meta ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 5(2) TFUE u l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 meta kkonkludiet, fl-istadju tar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE, u mingħajr preġudizzju, jekk ikun il-każ, għal eżami iktar komplet fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 211/2011, li, minn perspettiva oġġettiva, il-proposti għal atti ġuridiċi bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata u li huma previsti fl-astratt ma kinux “manifestament barra” mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni li abbażi tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

73

Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE

74

Ir-Rumanija ssostni li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE ma huwiex irregolat b’mod eżawrjenti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011. L-imsemmi obbligu jikkostitwixxi formalità sostanzjali intiża għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tiegħu bħala rikorrent privileġġat u jipparteċipa fit-twettiq ta’ għan iktar ġenerali intiż sabiex jiggarantixxi li l-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. Il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-istituzzjoni tal-Unjoni għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu meta d-deċiżjoni titbiegħed b’mod sinjifikattiv mid-deċiżjonijiet preċedenti, bħal f’dan il-każ billi saret bidla fundamentali b’paragun mad-Deċiżjoni C(2013) 5969 finali msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar u iktar importanti fil-każ ta’ reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE sa fejn il-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 għandha l-għan li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju fundamentali ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi. Fl-aħħar nett, peress li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-proposta ta’ IĊE hijiex manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha li abbażi tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha importanza fundamentali sabiex tippermetti li tiġi vverifikata l-assenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni u li jiġu ssodisfatti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

75

Issa, skont ir-Rumanija, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi s-suġġett u l-għanijiet tal-proposta ta’ IĊE fil-premessi 2 u 3 mingħajr ma tesponi r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tipproponi l-atti li jaqgħu taħt dan is-suġġett u li jsegwu l-għanijiet ta’ protezzjoni msemmija fiha. Il-Kummissjoni sempliċement telenka, fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata, id-disa’ proposti ta’ atti rreġistrati. Anki jekk il-Kummissjoni indikat, fil-premessi tad-deċiżjoni kkontestata, li proposti ta’ atti leġiżlattivi sottomessi abbażi ta’ politiki li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Unjoni u ppreżentati b’mod ġeneriku fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata huma ammissibbli, hija tawtorizza, fid-dispożittiv, il-ġbir tal-firem għal proposti għal atti leġiżlattivi li ċertament jaqgħu taħt l-oqsma ta’ kompetenza ġenerika tal-Kummissjoni, iżda li jippromwovu l-minoranzi nazzjonali jew lingwistiċi u d-diversità kulturali u lingwistika. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda riferiment għall-valuri u għall-għanijiet tal-Unjoni stipulati fl-Artikoli 2 u 3 TUE.

76

Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni tiddikjara, fil-premessi 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għanijiet u l-qasam ta’ referenza tal-IĊE, jiġifieri l-protezzjoni tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u d-diversità kulturali u lingwistika, din l-istituzzjoni ma tagħti ebda preċiżazzjoni li minnha jirriżulta li hija ma hijiex kompetenti f’dawn l-oqsma u, b’mod iktar partikolari, f’dak tal-protezzjoni tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, kif hija tagħmel, pereżempju, meta timmotiva ċ-ċaħda taż-żewġ proposti l-oħra bħala inammissibbli. Tali motivazzjoni manifestament insuffiċjenti hija ta’ natura li tipprekludi, minn naħa, lill-persuni kkonċernati milli jkunu jafu r-raġunijiet għar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE u milli jirreaġixxu għalih, u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

77

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija fformulata b’mod ġenerali u sterjotipiku u ma tindikax ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tasal sabiex tikkonkludi li r-reġistrazzjoni parzjali ta’ proposta ta’ IĊE hija possibbli, filwaqt li hija adottat pożizzjoni dijametrikament opposta fid-Deċiżjoni C(2013) 5969 finali.

78

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Ungerija, tikkontesta l-argumenti tar-Rumanija.

79

Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti ġuridiċi previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE japplika għal kull att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-370/07, EU:C:2009:590, punt 42). Minn dan isegwi li, minkejja l-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011 isemmi l-obbligu tal-Kummissjoni li tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha biss meta hija tirrifjuta li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE, id-deċiżjoni kkontestata hija suġġetta għall-obbligu ta’ motivazzjoni anki sa fejn hija tinkludi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE sa fejn hija tirrigwarda disa’ mill-ħdax-il proposta ta’ atti ġuridiċi msemmija fl-anness tagħha.

80

Skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 296 TFUE, il-motivazzjoni ta’ atti ġuridiċi għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet wara l-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dan l-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Barra minn hekk, huwa neċessarju li ssir id-distinzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn dan huwa formalità sostanzjali tal-istħarriġ tal-fondatezza tar-raġunijiet, li jaqa’ taħt l-istħarriġ tal-legalità fil-mertu tal-att u jippreżupponi li l-qorti tivverifika jekk ir-raġunijiet li fuqhom l-att huwa bbażat humiex ivvizzjati bi żbalji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punti 66 sa 68).

83

Skont ir-Rumanija, konformement mal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München,C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Angelidis vs Il-Parlament, T-113/05, EU:T:2007:386, punt 61), l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha importanza iktar fundamentali fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li huwa l-każ f’dan il-każ ineżami. Fil-fatt, huwa biss b’dan il-mod li l-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti.

84

Iżda, kuntrarjament għall-argument difiż mir-Rumanija, il-Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ proposta ta’ IĊE, peress li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 211/2011 jistipula li l-imsemmija istituzzjoni għandha “tirreġistra” tali proposta meta l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(2)(a) sa (d) ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti, jiġifieri b’mod partikolari meta l-proposta ta’ IĊE ma tkunx manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni li abbażi tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati. Għall-kuntrarju, jekk, wara l-ewwel analiżi, ikun jidher ċar li din il-kundizzjoni tal-aħħar ma tkunx issodisfatta, il-Kummissjoni għandha “tirrifjuta” li tirreġistra l-proposta ta’ IĊE kif stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 211/2011.

85

Il-Kummisjoni hija nieqsa minn tali setgħa diskrezzjonali sa fejn ġie deċiż li, konformement mal-għanijiet imfittxija mill-IĊE, kif stipulati fil-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 211/2011 u li jipprevedu, b’mod partikolari, li tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u li l-Unjoni tkun iktar aċċessibbli, il-kundizzjoni għal reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 4(2)(b) ta’ dan ir-regolament għandha tiġi interpretata u applikata mill-Kummissjoni, meta titressaq proposta ta’ IĊE quddiemha, b’mod li tiġi żgurata aċċessibbiltà faċli għall-IĊE (sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2017, Anagnostakis vs Il-Kummissjoni, C‑589/15 P, EU:C:2017:663, punt 49, u tas-7 ta’ Marzu 2019, Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni, C‑420/16 P, EU:C:2019:177, punti 5364).

86

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi tad-deċiżjoni kkontestata jesponu l-elementi li wasslu għall-adozzjoni tagħha u li r-Rumanija kienet f’pożizzjoni li teżamina r-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata, kif jixhdu wkoll l-argumenti kollha li hija ppreżentat insostenn ta’ dan ir-rikors.

87

B’hekk, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar, fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-proposta ta’ IĊE, sa fejn kienet tirrigwarda l-preżentazzjoni, minnha, ta’ proposti għal atti ġuridiċi tal-Unjoni, kif imsemmija fil-premessa 4(a) sa (e) u (h) sa (k) tal-imsemmija deċiżjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati, ma kinitx manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tagħha li abbażi tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku. L-imsemmija konklużjoni tirriżulta mill-espożizzjoni, li tidher fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata u li hija rriprodotta fil-punt 8 iktar ’il fuq, fl-oqsma li fihom atti ġuridiċi tal-Unjoni intiżi sabiex japplikaw it-Trattati jistgħu jiġu adottati.

88

Il-fatt li, fl-istadju tar-reġistrazzjoni tal-proposta ta’ IĊE, li jimplika evalwazzjoni primarja tagħha fil-livell ġuridiku u ma jippreġudikax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni mwettqa fil-kuntest tal-komunikazzjoni li hija tadotta, jekk ikun il-każ, abbażi tal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 211/2011 (sentenza tat-23 ta’ April 2018, One of Us et vs Il-Kummissjoni, T‑561/14, taħt appell, EU:T:2018:210, punt 117), din l-istituzzjoni sempliċement tesponi, kif għamlet fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod ġeneriku l-oqsma li fihom atti ġuridiċi tal-Unjoni jistgħu jiġu adottati u li jikkorrispondu għall-oqsma li fihom il-preżentazzjoni ta’ atti ġuridiċi hija mitluba mill-organizzaturi tal-IĊE, sabiex minnhom tiddeduċi li l-proposta ta’ IĊE ma hijiex manifestament barra mill-ambitu tal-kompetenzi tal-Kummissjoni, mingħajr ma tirrileva l-fatt li l-miżuri li għalihom tirreferi l-proposta ta’ IĊE huma intiżi sabiex itejbu l-protezzjoni tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u sabiex isaħħu d-diversità kulturali u lingwistika tal-Unjoni, ma jistax jitqies li jmur kontra l-obbligu ta’ motivazzjoni.

89

Sa fejn ir-Rumanija ssostni f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni sa fejn wettqet bidla fil-pożizzjoni tagħha meta mqabbla ma’ dik espressa fid-Deċiżjoni C(2013) 5969 imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet wara din il-bidla, minn naħa, għandu jiġi rrilevat, li mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fid-Deċiżjoni C(2013) 5969 finali, il-Kummissjoni, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE, ħadet inkunsiderazzjoni, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, informazzjoni supplimentari pprovduta mill-organizzaturi bl-istess mod bħall-informazzjoni obbligatorja sabiex tivverifika jekk il-kundizzjoni tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 211/2011 kinitx issodisfatta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet diġà ssuġġerixxiet fid-Deċiżjoni C(2013) 5969 li xi wħud mill-proposti għal atti ġuridiċi li jinsabu fl-anness tal-proposta ta’ IĊE, ikkunsidrati individwalment, setgħu jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha li permezz tagħhom hija tista’ tippreżenta proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati.

90

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta r-reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE, li fir-rigward tagħha r-Rumanija tikkritika wkoll l-assenza ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni argumentat quddiem il-Qorti Ġenerali li l-pożizzjoni tagħha kienet evolviet mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni C(2013) 5969 finali msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq u li hija issa kienet tqis li tali reġistrazzjoni kienet ta’ natura li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini għall-ħajja demokratika u li trendi lill-Unjoni iktar aċċessibbli.

91

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-IĊE għandha l-effett li ttejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi tippermetti lil kull ċittadin jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li, skont il-premessa 11 tal-imsemmija deċiżjoni, għal dan il-għan, sabiex tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-IĊE għandhom ikunu ċari, sempliċi, faċli sabiex jiġu applikati u proporzjonati għan-natura tal-IĊE, qabel ma l-Kummissjoni tikkonkludi, fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm lok li l-proposta ta’ IĊE tiġi rreġistrata parzjalment.

92

Konsegwentement, anki jekk il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE ma timplikax, fil-prinċipju, li l-awtur ta’ deċiżjoni għandu jesponi r-raġunijiet li wassluh sabiex jibbaża ruħu fuq interpretazzjoni speċifika tar-regola tad-dritt rilevanti u anki jekk huwa biżżejjed li l-imsemmija istituzzjoni tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata tistipula, fi kwalunkwe każ, suffiċjentement skont il-liġi r-raġunijiet li huma l-bażi għar-reġistrazzjoni parzjali tal-proposta ta’ IĊE.

93

Ma’ dan għandu jiżdied, sa fejn ir-Rumanija tikkritika wkoll lill-Kummissjoni li ma għamlitx riferiment fid-deċiżjoni kkontestata għall-Artikoli 2 u 3 TUE sa fejn, skont dan l-Istat Membru, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux, waħedhom, kompetenza leġiżlattiva tal-Unjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-aħħar konklużjoni tirriżulta mill-kuntest ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, mid-Deċiżjoni C(2013) 5969 imsemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, li tfakkar barra minn hekk, fil-premessa 8 tagħha, fir-rigward tal-miżuri li r-reġistrazzjoni tagħhom ġiet miċħuda u li ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors, li l-Artikolu 3(3) TUE, waħdu, ma jikkostitwixxix bażi legali fid-dawl ta’ kwalunkwe azzjoni tal-istituzzjonijiet.

94

Għaldaqstant, it-tieni motiv u konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

95

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Rumanija tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, skont it-talbiet tagħha, inklużi l-ispejjeż marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

96

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Minn dan isegwi li l-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Rumanija għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi l-ispejjeż marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

 

3)

L-Ungerija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Prek

Buttigieg

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Settembru 2019.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top