EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TJ0341

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tat-30 ta’ Marzu 2022 (Estratti).
British Airways plc vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Isvizzera fuq it-trasport bl-ajru – Koordinazzjoni ta’ diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru (sovrataxxa għall-karburant, sovrataxxa għas-sigurtà, ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Skambju ta’ informazzjoni – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 266 TFUE – Restrizzjoni statali – Ksur uniku u kontinwu – Ammont tal-multa – Valur tal-bejgħ – Tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Inkoraġġiment ta’ aġir antikompetittiv mill-awtoritajiet pubbliċi – Ġurisdizzjoni sħiħa.
Kawża T-341/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:182

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

30 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Isvizzera fuq it-trasport bl-ajru – Koordinazzjoni ta’ diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru (sovrataxxa għall-karburant, sovrataxxa għas-sigurtà, ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Skambju ta’ informazzjoni – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 266 TFUE – Restrizzjoni statali – Ksur uniku u kontinwu – Ammont tal-multa – Valur tal-bejgħ – Tul tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Inkoraġġiment ta’ aġir antikompetittiv mill-awtoritajiet pubbliċi – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T-341/17,

British Airways plc, stabbilita f’Harmondsworth (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. Turner, R. O’Donoghue, QC, u A. Lyle-Smythe, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan u A. Dawes, bħala aġenti, assistiti minn A. Bates, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali tas-17 ta’ Marzu 2017 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru), sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, għat-tħassir jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, J. Schwarcz, C. Iliopoulos, D. Spielmann u I. Reine, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

[Omissis]

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

59

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

60

Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Settembru 2017.

61

Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2018.

62

Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Marzu 2018.

63

Fl-24 ta’ April 2019, fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tirrinvija din il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

64

Fis-16 ta’ Awwissu 2019, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Dawn tal-aħħar wieġbu fit-terminu mogħti.

65

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2019.

66

B’digriet tal-31 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża), filwaqt li qieset li ma kinitx informata biżżejjed u li kien neċessarju li l-partijiet jiġu mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar argument li ma kienx ġie dibattut bejniethom, ordnat li terġa’ tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura.

67

Il-partijiet wieġbu sensiela ta’ mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Awwissu 2020 fit-terminu mogħti, u sussegwentement ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet rispettivi.

68

B’deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Ġenerali mill-ġdid għalqet il-fażi orali tal-proċedura.

69

B’digriet tat-28 ta’ Jannar 2021, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla Estiża), filwaqt li qieset li ma kinitx informata biżżejjed u li kien neċessarju li l-partijiet jiġu mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar argument li ma kienx ġie diskuss bejniethom, ordnat li terġa’ tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura.

70

Il-Kummissjoni, fit-terminu mogħti, wieġbet għadd ta’ mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Jannar u fis-16 ta’ Marzu 2021. Sussegwentement, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn it-tweġibiet.

71

B’deċiżjoni tal-25 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali mill-ġdid għalqet il-fażi orali tal-proċedura.

72

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lilha;

barra minn hekk jew sussidjarjament, tħassar jew tnaqqas il-multa imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

73

Il-Kummissjoni essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tibdel l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti billi tirtira l-benefiċċju tat-tnaqqis ġenerali ta’ 15 % fl-ipoteżi li l-Qorti Ġenerali tqis li l-fatturat mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija deħlin ma setax kien inkluż fil-valur tal-bejgħ;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

[Omissis]

A.   Fuq it-talbiet għal annullament

[Omissis]

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq evalwazzjoni ġuridika li ma hijiex kompatibbli mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, li tqis bħala definittiva

201

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball jew, sussidjarjament, minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, sa fejn il-ksur deskritt fil-motivi tagħha u kkonstatat fid-dispożittiv tagħha huwa inkompatibbli mal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 u meqjus bħala definittiv fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fir-rigward tal-għadd u tal-identità tal-koawturi. Minn dan isegwi li la l-qorti nazzjonali adita b’azzjoni sussegwenti għad-danni u lanqas it-trasportaturi inkriminati ma jistgħu jibbażaw fuq il-konsegwenzi tad-deċiżjoni kkontestata għat-talbiet għal kumpens.

202

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

203

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti prinċipalment tallega żball li hija tippreżentah bħala żball ta’ liġi. Madankollu, l-argument li huwa l-bażi ta’ din l-allegazzjoni jirrigwarda fl-intier tiegħu l-eżistenza ta’ allegati inkoerenzi jew kontradizzjonijiet li jirriżultaw mill-għażla tal-Kummissjoni li tgħaqqad flimkien il-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 u dawk magħmula fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti fir-realtà huwa bbażat fuq kontradizzjoni ta’ motivi, kif turi barra minn hekk l-affermazzjoni tagħha, ifformulata insostenn tal-prova ta’ allegat żball ta’ liġi, li tgħid li “[l]-fatt li l-Kummissjoni żammet fis-seħħ żewġ deċiżjonijiet kontradittorji li jikkonstataw ksur kontra l-istess parti ser joħloq konfużjoni inammissibbli fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni”, fis-sens oppost tar-rekwiżit li “l-qrati nazzjonali li japplikaw id-dritt tal-Unjoni […] jeħtieġ li jkunu jistgħu jibbażaw fuq konstatazzjonijiet ċari u preċiżi mill-Kummissjoni”. Minn dan isegwi li dan il-motiv jeħtieġ li jiġi evalwat bħala li huwa bbażat biss fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

204

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ att jeħtieġ li tkun loġika u b’mod partikolari mingħajr kontradizzjonijiet interni li jfixklu l-fehim tajjeb tar-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat dak l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 151).

205

Skont il-ġurisprudenza, kontradizzjoni fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni madankollu taffettwa l-validità tagħha biss fil-każ li d-destinatarju tal-att ma jkunx f’pożizzjoni li jkun jaf il-motivi reali tad-deċiżjoni, fl-intier tagħhom jew parzjalment, u li, minħabba f’hekk, id-dispożittiv tal-att ikun, fl-intier tiegħu jew parzjalment, nieqes minn kull fondatezza ġuridika (sentenzi tal-24 ta’ Jannar 1995, Tremblay et vs Il‑Kummissjoni, T‑5/93, EU:T:1995:12, punt 42, u tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il‑Kummissjoni, T-65/96, EU:T:2000:93, punt 85).

206

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessi 9, 11, 1091 u 1092 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konstatazzjonijiet ta’ ksur stabbiliti fid-dispożittiv kontra r-rikorrenti huma limitati għall-aspetti tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 li kienu ġew annullati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T-48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988). L-aspetti l-oħra ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn dawn ma kinux ġew ikkontestati mir-rikorrenti, saru definittivi.

207

Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat debitament għalfejn ħadet inkunsiderazzjoni d-dispożittiv tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti u għalfejn, konsegwentement, illimitat il-portata tal-konstatazzjonijiet ġodda ta’ ksur magħmula fir-rigward tagħha.

208

Ċertament, kif tirrileva r-rikorrenti, l-approċċ adottat mill-Kummissjoni jwassal għall-koeżistenza tal-konstatazzjonijiet ta’ ksur fir-rigward tagħha li huma differenti, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-koawturi tagħhom ma humiex strettament l-istess. B’hekk, il-komponenti tal-ksur uniku u kontinwu relatati mar-rotot intra-ŻEE, ŻEE ħlief l-Unjoni Ewropea-pajjiżi terzi u l-Unjoni-Svizzera, fid-deċiżjoni kkontestata, huma attribwiti lil diversi trasportaturi li ma kienx ġie attribwit għalihom dan l-aġir fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010.

209

Madankollu, minn dan ma tirriżultax kontradizzjoni li tfixkel il-ftehim tajjeb tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din is-sitwazzjoni hija biss ir-riżultat tas-sistema tar-rimedji ġudizzjarji, li fil-kuntest tagħha l-qorti li tistħarreġ il-legalità ma tistax, mingħajr ir-riskju li tiddeċiedi ultra petita, tiddikjara annullament li jmur lil hinn minn dak mitlub mir-rikorrenti, u tal-fatt li r-rikorrenti talbet biss l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010.

210

Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li d-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 kienet ġiet annullata biss parzjalment fir-rigward tagħha, il-Kummissjoni kienet obbligata li tislet il-konsegwenzi tas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T-48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), billi tirtira l-imsemmija deċiżjoni, huwa meħtieġ li jiġi kkonstatat li l-argument tagħha huwa ħaġa waħda ma’ dak ippreżentat insostenn tat-tieni motiv tagħha. Għaldaqstant, dan ser jiġi eżaminat f’dan il-kuntest.

211

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 266 TFUE

212

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dmir tagħha skont l-Artikolu 266 TFUE li tislet il-konklużjonijiet rilevanti kollha minn deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti, u li konsegwentement jeħtieġ li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata jew, tal-inqas, l-Artikolu 3(e) tad-dispożittiv tagħha.

213

Ir-rikorrenti tilmenta b’mod partikolari li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 sabiex timponilha multa, minkejja li l-Qorti Ġenerali affermat fis-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il-Kummissjoni (T-48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), li dawn kienu fundamentalment żbaljati.

214

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

215

Skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha ġie annullat għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Dan l-obbligu japplika biss sa fejn huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑417/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:733, punt 52).

216

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, sabiex tikkonforma ma’ sentenza ta’ annullament u sabiex din tiġi eżegwita bis-sħiħ, l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata tirrispetta mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għas-sentenza u li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv (sentenzi tas‑26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 27, u tas‑6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 29).

217

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif irriżulta diġà mill-punt 184 iktar ’il fuq, l-għan tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-motivi li jistabbilixxu r-raġunijiet eżatti għall-illegalità kkonstatata mill-Qorti tal-Unjoni huwa biss li jiġi ddeterminat is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, EU:C:1999:407, punt 55).

218

Għaldaqstant, l-awtorità ta’ motiv ta’ sentenza ta’ annullament ma tistax tapplika fir-rigward ta’ persuni li ma kinux partijiet fil-proċess u li fir-rigward tagħhom is-sentenza għaldaqstant ma setgħet kienet iddeċidiet xejn (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, EU:C:1999:407, punt 55). Dan jeħtieġ li japplika wkoll għall-partijiet ta’ att li jikkonċerna lil persuna li ma trsessqux quddiem il-Qorti tal-Unjoni għal deċiżjoni u li għaldaqstant din tal-aħħar ma setgħetx tannullahom, u li, għaldaqstant, saru definittivi fir-rigward ta’ dik il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il-Kummissjoni, (C-122/16 P, EU:C:2017:861, punt 85).

219

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 88 u 89 tas-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 kien intiż biss biex jannullaha parzjalment u li, minħabba r-riskju li tiddeċiedi ultra petita, l-annullament li ddikjarat ma setax imur lil hinn minn dak mitlub mir-rikorrenti. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża fil-limiti tat-talbiet tar-rikorrenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell kontra l-imsemmija sentenza, u b’hekk essenzjalment ikkonfermat il-konstatazzjoni u t-talbiet ibbażati fuq dan il-punt mill-Qorti Ġenerali (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C-122/16 P, EU:C:2017:861).

220

Għaldaqstant, filwaqt li huwa minnu li l-motivi tas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T-48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), irriżultaw f’konstatazzjoni ta’ illegalità li tivvizzja d-Deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 fl-intier tagħha, sa fejn kienet tikkonċerna lir-rikorrenti (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), il-portata tad-dispożittiv tagħha madankollu kienet debitament limitata mil-limiti tat-tilwima stabbiliti mir-rikorrenti fit-talbiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il-Kummissjoni, C-122/16 P, EU:C:2017:861, punti 9192).

221

Issa, f’konformità mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 218 iktar ’il fuq, l-awtorità tal-motivi li l-Kummissjoni kienet obbligata, fejn meħtieġ, li tieħu inkunsiderazzjoni fil-mument tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), ma kinitx tapplika għall-partijiet tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010 li ma kinux tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali u, konsegwentement, dawn ma kinux jistgħu jkunu koperti mid-dispożittiv tal-imsemmija sentenza.

222

Minn dan isegwi li, mingħajr ma tikser l-Artikolu 266 TFUE, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-konstatazzjonijiet ta’ ksur tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 li ma kinux ġew ikkontestati mid-dispożittiv tas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T-48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988) u li, għaldaqstant, saru definittivi.

223

Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u/jew ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali b’rabta mal-motivazzjoni insuffiċjenti tal-ammont tal-multa u/jew man-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li timponi multa li ma tirrigwardax esklużivament il-konstatazzjonijiet ta’ ksur magħmula fid-deċiżjoni kkontestata

224

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball, kisret rekwiżit formali essenzjali u qabżet il-limiti tal-kompetenza tagħha billi imponiet fuqha multa tal-istess ammont bħal dik imposta bid-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010. Fil-fatt, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li l-multa l-ġdida ma tirrigwardax biss l-aspetti limitati tal-ksur uniku u kontinwu li fih ipparteċipat ir-rikorrenti (identifikati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda wkoll fuq l-aspetti stipulati fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010“li saru definittivi” (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

225

Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li, l-ewwel, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ebda konstatazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 ma kienet “saret definittiva” fir-rigward tagħha, billi kien għadu pendenti appell mis-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988).

226

It-tieni, il-Qorti Ġenerali annullat il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, peress li qieset li l-imsemmija deċiżjoni kien fiha kontradizzjonijiet fundamentali. Dan ifisser li l-konstatazzjonijiet kollha tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 kien ikollhom jiġu annullati kieku l-Qorti Ġenerali ma qisitx ruħha marbuta mill-prinċipju ne ultra petita. Għaldaqstant, mill-perspettiva tar-rikorrenti, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma annullatx l-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010 fl-intier tagħhom ma jfissirx li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq dawn id-dispożizzjonijiet sabiex sussegwentement timponi l-istess multa mingħajr ma tagħti motivazzjoni addizzjonali li tiġġustifika l-konstatazzjonijiet li jirriżultaw mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

227

It-tielet, ir-rikorrenti ssostni li l-approċċ tal-Kummissjoni waqqafha milli tifhem il-ġustifikazzjoni tal-ammont tal-multa fid-deċiżjoni kkontestata minħabba l-inċertezza li teżisti fir-rigward tal-portata tal-ksur attribwit lilha.

228

Ir-raba, il-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza li timponi, fid-deċiżjoni kkontestata, multa li ma tirrigwardax esklużivament il-konstatazzjonijiet ta’ ksur magħmula f’din l-istess deċiżjoni.

229

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

230

Għandu jiġi osservat li l-motiv preżenti huwa bbażat fuq erba’ lmenti, li għandhom jiġu eżaminati wara xulxin.

231

L-ewwel, fir-rigward tal-allegat żball imwettaq mill-Kummissjoni sa fejn hija qieset bħala definittivi, fil-mument li hija adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 li fuqhom hija tibbaża ruħha sabiex timponi multa fuq ir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk dan huwa minnu, dan l-iżball ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tivvizzja motiv superfluwu tagħha.

232

Fil-fatt, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-prinċipju, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ legalità u għalhekk jibqgħu jipproduċu effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑475/01, EU:C:2004:585, punt 18).

233

Issa, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-konstatazzjonijiet inkwistjoni tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 la kienu annullati, la rtirati u lanqas annullati. Għaldaqstant, kienu jipproduċu effetti legali li għalihom il-Kummissjoni setgħet tagħmel referenza utli, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk kinux, barra minn hekk, ta’ natura definittiva.

234

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali, fil-prinċipju, ma jkollux effett sospensiv (digriet tas-7 ta’ Lulju 2016, Il-Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et, C‑691/15 PR, mhux ippubblikat, EU:C:2016:597, punt 16). Għalhekk, il-preżentazzjoni ta’ appell mir-rikorrenti ma pprekludietx lill-Kummissjoni milli teżegwixxi s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), f’konformità mal-Artikolu 266 TFUE.

235

Fi kwalunkwe każ, l-appell ippreżentat mir-rikorrenti mis-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), ma setax jestendi l-portata tat-talbiet għal annullament parzjali li r-rikorrenti kienet ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li, f’konformità mal-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, “it-talbiet tiegħu [tal-appell] għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqgħu, kompletament jew parzjalment, it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida”.

236

Peress li ma ġewx ikkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali, u ma setgħux jiġu kkontestati fl-istadju tal-appell biss, il-konstatazzjonijiet inkwistjoni tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010 għalhekk kienu saru definittivi fir-rigward tar-rikorrenti fid-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C-122/16 P, EU:C:2017:861, punt 98). Issa, din id-data hija ferm qabel id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

237

It-tieni nett, fir-rigward tal-omissjoni allegatament żbaljata mill-Kummissjoni li timmotiva l-użu tal-konstatazzjonijiet mhux ikkontestati tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment huwa fattwalment infondat, kif jirriżulta mill-punti 206 u 207 iktar ’il fuq.

238

Anki jekk ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li b’dan l-ilment tikkontesta l-legalità tar-riferiment stess, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-konstatazzjonijiet mhux ikkontestati tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 fid-dawl tas-sejbiet tas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T-48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), dan għandu jiġi miċħud bħala infondat billi jirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tal-awtorità tal-motivi tal-imsemmija sentenza fir-rigward tal-konstatazzjonijiet li ma kinux jidħlu fis-suġġett tat-tilwima, f’konformità ma’ dak li ġie deċiż fil-punt 221 iktar’ il fuq.

239

It-tielet, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-dawl tal-inċertezzi dwar il-portata tal-ksur attribwit lilha, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat, fil-punt 209 iktar ’il fuq, li dawn l-allegati inċertezzi jirriżultaw mis-sistema tar-rimedji ġudizzjarji u mill-fatt li r-rikorrenti talbet biss l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010. Din il-ġustifikazzjoni tinsab fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 206 u 207 iktar ’il fuq).

240

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147).

241

Ir-rispett tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati minnu fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li jingħataw spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha kif ukoll f’dak tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T-95/15, EU:T:2016:722, punt 45).

242

Issa, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, is-sempliċi fatt li d-deċiżjoni kkontestata tattribwixxi r-responsabbiltà ta’ ċerti komponenti tal-ksur lil għadd ikbar ta’ parteċipanti milli tagħmel id-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010 fir-rigward tal-istess aġir li jikkostitwixxi ksur ma huwiex, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ta’ natura li titlob spjegazzjonijiet addizzjonali, peress li dan ma huwiex fattur li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa.

243

F’dan ir-rigward, ċertament, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessa 1209 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sehem mis-suq ikkombinat fil-livell globali tat-trasportaturi inkriminati fost fatturi oħra rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur uniku u kontinwu. Barra minn hekk, mill-premessa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan is-sehem tas-suq. F’din il-premessa hija sempliċement indikat li hija ħadet inkunsiderazzjoni “b’mod partikolari n-natura u l-portata ġeografika tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

244

Madankollu, mill-argumenti kollha relatati mal-gravità tal-ksur uniku u kontinwu, mogħtija fil-premessi 1198 sa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Roca vs Il‑Kummissjoni, C‑638/13 P, EU:C:2017:53, punt 67), il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni globali ta’ fatturi differenti rilevanti, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni kwalunkwe aspett speċifiku ta’ ċerti komponenti, materjali jew ġeografiċi, tal-ksur uniku u kontinwu u lanqas, f’dak l-istadju, tal-grad differenti ta’ involviment tat-trasportaturi inkriminati. L-ammont addizzjonali ġie ddeterminat ukoll abbażi ta’ din l-evalwazzjoni globali, kif jirriżulta mill-premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, fil-kuntest tal-imsemmija evalwazzjoni globali, id-differenzi rrilevati fil-punt 242 iktar ’il fuq ma kinux ta’ natura li jimponu fuq il-Kummissjoni li tagħti raġunament addizzjonali għall-fehim tajjeb tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

245

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, ifformulat b’risposta għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, li jgħid li, b’mod ġenerali, in-numru iktar baxx ta’ parteċipanti f’ċertu aġir li jikkostitwixxi ksur imressqa kontriha fid-Deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010 meta mqabbel ma’ dak stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata kien jiġġustifika li hija tibbenefika minn tnaqqis fil-multa, għandu jiġi rrilevat li dan jirrigwarda l-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u mhux insuffiċjenza tal-motivazzjoni. Barra minn hekk, din l-affermazzjoni ma ġiet sostnuta bl-ebda mod.

246

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li r-riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-konstatazzjonijiet ta’ ksur tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti ma kienx jobbliga lill-Kummissjoni, fl-istadju tal-ġustifikazzjoni tal-ammont tal-multa, tagħti motivazzjoni addizzjonali.

247

Ir-raba’, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li timponi multa li ma tirrelatax esklużivament mal-konstatazzjonijiet tal-ksur magħmula fid-deċiżjoni kkontestata lanqas ma jista’ jintlaqa’.

248

Skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, b’deċiżjoni, timponi multi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi meta, jew b’intenzjoni jew b’negliġenza, jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE.

249

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Unjoni diġà ddeċidiet li s-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta att determinat għandha neċessarjament tinkludi s-setgħa li temenda dan l-att, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-kompetenza tagħha kif ukoll fl-osservanza tal-forom u tal-proċeduri stabbiliti f’dan ir-rigward (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Lucchini vs Il‑Kummissjoni, T‑91/10, EU:T:2014:1033, punt 108). Fil-każ speċifiku ta’ annullament parzjali deċiż ta’ att determinat, din is-setgħa għandha tinkludi s-setgħa li tiġi adottata deċiżjoni ġdida li, fejn meħtieġ, tissupplimenta l-partijiet tal-att li jkunu saru definittivi.

250

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-konstatazzjonijiet ta’ ksur kontenzjużi, li jinsabu fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010, saru fil-kuntest tal-istess proċedura bħal dik li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata u wara l-istess dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

251

Sussegwentement, għandu jiġu rrilevat li l-Kummissjoni ħadet ħsieb li tispjega, fid-deċiżjoni kkontestata, għalfejn ħadet inkunsiderazzjoni d-dispożittiv tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti u għalfejn, konsegwentement, illimitat il-portata tal-konstatazzjonijiet ġodda ta’ ksur magħmula fir-rigward tagħha (ara l-punti 206 u 207 iktar ’il fuq).

252

Fl-aħħar nett, kif tfakkar fil-premessi 9 u 11 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T-48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), annullat id-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 sa fejn, b’mod partikolari, timponi multa fuq ir-rikorrenti, li wasslet lill-Kummissjoni biex, sabiex teżegwixxi l-imsemmija sentenza, adottat mill-ġdid, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, dispożizzjoni li permezz tagħha hija imponiet multa fuq ir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwu.

253

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni aġixxiet fil-limiti tal-kompetenza tagħha.

[Omissis]

4. Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kalkolu tat-tnaqqis mogħti lir-rikorrenti skont il-programm ta’ klemenza

407

Fil-kuntest tat-tmien motiv, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-applikazzjoni tagħha għall-klemenza tas‑27 ta’ Frar 2006 ma kellhiex “valur miżjud sinjifikattiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] minħabba li hija kkorroborat informazzjoni li l-Kummissjoni kienet diġà rċeviet mingħand Lufthansa.

408

It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li hija pproduċiet provi ġodda li jipprovaw l-eżistenza ta’ ftehimiet li kienu jinvolvu lil bosta trasportaturi oħra, li ntużaw mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, iżda li l-Kummissjoni tipprova timminimizza l-importanza tagħhom billi tiddikjara, b’mod żbaljat, li dawn kienu diġà pubbliċi.

409

It-tielet, ir-rikorrenti tindika li pproduċiet provi li, tal-inqas, għamluha possibbli li tingħata prova tal-portata u tat-tul tal-ksur ikkonstatat.

410

Ir-raba’, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li d-dikjarazzjonijiet tagħha magħmula fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha għall-klemenza kienu evażivi jew ma kinux ċari hija kemm żbaljata kif ukoll irrilevanti.

411

Il-ħames, ir-rikorrenti ssostni li hija sofriet trattament inġust meta mqabbla mal-applikanti l-oħra għall-klemenza, li bbenefikaw minn tnaqqis ikbar, minkejja li wħud kienu suġġetti għall-istess kritika bħala fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-valur probatorju tad-dikjarazzjoni tagħhom, u oħrajn, bħal Air Canada, kienu wrew attitudni mhux kooperattiva.

412

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

413

Skont il-punt 20 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002, “[i]mpriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet [biex jiksbu immunità minn multi] jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta”.

414

Il-punt 21 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 jipprovdi li, “[b]iex tikkwalifika [għal tnaqqis ta’ multa skont il-paragrafu 20 tal-imsemmija komunikazzjoni], impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġa’ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”.

415

Il-punt 22 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 jiddefinixxi l-kunċett ta’ valur miżjud kif ġej:

“Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud‘ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.”

416

Fl-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 huma previsti tliet faxex ta’ tnaqqis tal-multa. L-ewwel impriża li tissodisfa l-kundizzjoni tal-punt 21 tal-imsemmi avviż għandha d-dritt li tikseb tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ bejn 30 % u 50 %, it-tieni impriża, tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ bejn 20 % u 30 % u, l-impriżi l-oħra, tnaqqis tal-ammont tal-multa sa mhux iktar minn 20 %.

417

Il-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-kooperazzjoni ta’ impriża, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħra (sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C-328/05 P, EU:C:2007:277, punt 88, u tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punt 177).

418

Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni tuża l-provi kollha li hija għandha għad-disponibbiltà tagħha, u għalhekk ukoll l-informazzjoni kkomunikata mir-rikorrenti fl-applikazzjoni tagħha għall-klemenza, madankollu ma jurix li din l-informazzjoni kellha valur miżjud sinjifikattiv fir-rigward tal-provi li kien diġà kellha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2011, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il‑Kummissjoni, T‑144/07, T‑147/07 sa T‑150/07 u T‑154/07, EU:T:2011:364, punt 398).

419

Fl-aħħar nett, dikjarazzjoni li tillimita ruħha għall-korroborazzjoni, sa ċertu punt, ta’ dikjarazzjoni li l-Kummissjoni kien diġà kellha għad-dispożizzjoni tagħha ma tagħmilx xogħol il-Kummissjoni eħfef b’mod sinjifikattiv (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, T‑299/08, EU:T:2011:217, punt 343 u l-ġurisprudenza ċċitata).

420

Fil-premessi 1363 sa 1371 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-provi prodotti mir-rikorrenti meta għamlet l-applikazzjoni għall-klemenza tagħha fis-27 ta’ Frar 2006 ma kellhomx “valur miżjud sinjifikattiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u b’hekk ma setgħetx titqies bħala l-ewwel impriża li tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 21 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002. Kien biss fi stadju iktar avvanzat tal-proċedura amministrattiva li l-Kummissjoni qieset, abbażi ta’ provi li ġew ipprovduti sussegwentement mir-rikorrenti, li din tal-aħħar kienet id-disa’ impriża li ssodisfat il-kundizzjoni stabbilita fil-punt 21 ta’ dan l-Avviż (ara l-premessa 1381 tad-deċiżjoni kkontestata).

421

B’hekk, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 1364 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-provi pprovduti mir-rikorrenti fis-27 ta’ Frar 2006 kienu “magħmula minn numru ta’ dokumenti li kienu diġà magħrufa mill-Kummissjoni mill-ispezzjonijiet, minn xi dokumenti ġodda ta’ valur limitat għall-Kummissjoni, u minn dikjarazzjoni tal-impriża li baqgħet evażiva u ma tantx kienet ċara fir-rigward tal-kartell u l-parteċipazzjoni [tar-rikorrenti] f’dan il-kartell” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

422

Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 1365 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn “għalhekk ma [pprovdewx] valur miżjud sinjifikattiv minħabba l-fatt li la l-applikazzjoni għall-klemenza u lanqas id-dokumenti ppreżentati fis-27 ta’ Frar 2006 ma [pprovdew] lill-Kummissjoni provi addizzjonali importanti tal-ksur allegat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

423

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma eskludietx li l-provi pprovduti mir-rikorrenti fis-27 ta’ Frar 2006 għandhom “valur miżjud sinjifikattiv” għall-unika raġuni li kienu sempliċement jikkorroboraw informazzjoni li kien diġà kellha fil-pussess tagħha. Il-Kummissjoni kkonstatat, fost oħrajn, li numru ta’ dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti kienu diġà fil-pussess tagħha, b’mod partikolari peress li dawn kienu ġew skoperti waqt l-ispezzjoni li saret fil-bini tar-rikorrenti (premessa 1370 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni indikat ukoll li ċerti dokumenti kkomunikati mir-rikorrenti ma kinux relatati mal-ksur uniku u kontinwu (premessi 1367 u 1370 tad-deċiżjoni kkontestata) jew ma kinux isostnu l-eżistenza ta’ dan il-ksur (premessa 1367 tal-imsemmija deċiżjoni).

424

It-tieni, fir-rigward tal-provi pprovduti mir-rikorrenti u li, skont din tal-aħħar, jipprovaw l-eżistenza tal-ftehimiet imsemmija fil-punt 408 iktar ’il fuq, dawn kienu jikkonsistu minn [kunfidenzjali] ( 2 ). Dawn tal-aħħar intużaw mill-Kummissjoni [kunfidenzjali]. Madankollu, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 1370 tad-deċiżjoni kkontestata, [kunfidenzjali], u mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrenti, li kien diġà kellha għarfien ta’ dan il-kuntatt [kunfidenzjali].

425

It-tielet, fir-rigward tal-provi li, skont ir-rikorrenti, għamluha possibbli li jiġu estiżi l-portata u t-tul tal-ksur uniku u kontinwu, dawn kienu jikkonsistu minn [kunfidenzjali]. Dawn il-provi ntużaw [kunfidenzjali].

426

Il-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata taqra kif ġej:

[kunfidenzjali]

427

Madankollu, mill-premessi 124 u 125 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kien diġà kellha, [kunfidenzjali], informazzjoni dwar il-kuntatti [kunfidenzjali].

428

Barra minn hekk, mill-premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kien diġà kellha, bis-saħħa tad-dokumenti li kisbet waqt l-ispezzjoni fil-bini tar-rikorrenti, provi [kunfidenzjali].

429

Għalhekk, f’posta elettronika interna jingħad [kunfidenzjali].

430

Issa, fir-rigward tal-premessa 336 tad-deċiżjoni kkontestata, din taqra kif ġej:

[kunfidenzjali]

431

Id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, kif miġbura fil-qosor fil-premessa 336 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkorroboraw l-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rigward minn Lufthansa fl-applikazzjoni tagħha għall-klemenza u miġbura fil-qosor fil-premessi 124 u 125 tad-deċiżjoni kkontestata. [kunfidenzjali]. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-provi prodotti mir-rikorrenti u miġbura fil-qosor fil-premessa 336 kienu jikkonsistu, kemm minn dikjarazzjonijiet magħmula wara l-fatti kontenzjużi fil-kuntest tal-proċedura miftuħa mill-Kummissjoni, kif ukoll fi provi indiretti [kunfidenzjali].

432

Ir-raba’, fir-rigward tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni ta’ [kunfidenzjali], li skontha r-rikorrenti hija “evażiva u ma tantx kienet ċara fir-rigward tal-kartell [kontenzjuż] u l-parteċipazzjoni [tar-rikorrenti] f’dan il-kartell” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 1364 tad-deċiżjoni kontenzjuża), għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li hija ma ammettietx b’mod espliċitu, [kunfidenzjali], in-natura antikompetittiva tal-iskambji tagħha ma’ Lufthansa dwar il-FSC. Issa, il-fatt li hija ma tirrikonoxxix il-parteċipazzjoni tagħha f’aġir antikompetittiv ma huwiex irrilevanti fl-evalwazzjoni tal-valur miżjud tad-dikjarazzjoni orali tagħha.

433

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonkludiet, fid-dawl tal-provi li kienu diġà għad-dispożizzjoni tagħha u tal-kontenut tal-applikazzjoni għall-klemenza tar-rikorrenti tas-27 ta’ Frar 2006, li din tal-aħħar ma tatx valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2002.

[Omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1(1)(e), (2)(e), u (3)(e) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali tas-17 ta’ Marzu 2017 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru), huwa annullat sa fejn dan sab li British Airways plc ipparteċipat fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwu relatat mar-rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxa.

 

2)

L-Artikolu 1(4)(e) tad-Deċiżjoni C(2017) 1742 finali huwa annullat.

 

3)

L-ammont tal-multa imposta fuq British Airways fl-Artikolu 3(e) tad-Deċiżjoni C(2017) 1742 finali huwa stabbilit għal EUR 84456000.

 

4)

Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

 

5)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll terz tal-ispejjeż ta’ British Airways.

 

6)

British Airways għandha tbati żewġ terzi mill-ispejjeż tagħha.

 

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Spielmann

Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑30 ta’ Marzu 2022.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.

( 2 ) Informazzjoni kunfidenzjali redatta.

Top