EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TJ0239

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Mejju 2019 (Estratti).
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Infiq imwettaq mill-Ġermanja – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa applikata għall-frekwenza insuffiċjenti tal-kontrolli ewlenin – Obbligu ta’ kalkolu u ta’ kontabbiltà annwali tal-interessi – Artikoli 31 u 32 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Artikolu 6(h) tar-Regolament (KE) Nru 885/2006 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità.
Kawża T-239/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2019:289

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

7 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Infiq imwettaq mill-Ġermanja – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa applikata għall-frekwenza insuffiċjenti tal-kontrolli ewlenin – Obbligu ta’ kalkolu u ta’ kontabbiltà annwali tal-interessi – Artikoli 31 u 32 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Artikolu 6(h) tar-Regolament (KE) Nru 885/2006 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑239/17,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn D. Klebs u T. Henze, sussegwentement minn D. Klebs, bħala aġent,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u M. Zalewski, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/264 tal‑14 ta’ Frar 2017 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2017, L 39, p. 12), sa fejn tirrigwarda lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva (Relatur) u G. De Baere, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑13 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

[omissis]

Id-dritt

[omissis]

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ natura żbaljata tal-kalkolu u tal-preżentazzjoni tal-interessi

29

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 31(1) u tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll tal-Artikolu 6(h) u tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006. F’dan ir-rigward, hija targumenta li la l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1290/2005, la l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, la d-dispożizzjonijiet settorjali tal-leġiżlazzjoni dwar ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, la d-Dokument ta’ Ħidma AGRI-2007-62817-03-00, u lanqas id-Dokument ta’ Gwida Nru 1 dwar il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tat-tabelli tal-Anness III u tal-Anness IIIa tar-Regolament Nru 885/2006 sal‑1 ta’ Frar 2009 (iktar ’il quddiem id-“Dokument ta’ Gwida Nru 1” ma jimponu obbligu dwar il-kalkolu u l-kontabbiltà annwali tal-interessi fid-dawl tal-attribuzzjoni tagħhom permezz tar-regola tal‑50/50. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ ksur, mill-awtoritajiet Ġermaniżi, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kalkolu u l-preżentazzjoni tal-interessi, il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi ġġustifikata.

30

B’mod partikolari, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta, prinċipalment, li l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1290/2005 sempliċement jistabbilixxi, b’mod ġenerali, tqassim tat-telf skont ir-regola tal‑50/50, b’mod illi l-interessi u s-sanzjonijiet jinqasmu wkoll bin-nofs bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u ma jitqisux imħallsa minn dawn tal-aħħar minħabba s-sempliċi fatt li l-kreditu prinċipali jinqasam. Hija tqis b’dan il-mod li s-sempliċi rekwiżit tal-leġiżlatur tal-Unjoni jikkonsisti f’li jiġu indikati b’mod separat l-ammonti differenti li għandhom jiġu rkuprati sabiex, jekk ikun il-każ, is-somom individwali li jkunu għadhom ma tħallsux ikunu jistgħu jiġu sseparati.

31

Sussidjarjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta, minn naħa, li l-kontabbiltà annwali tal-interessi hija prevista b’mod legalment vinkolanti biss sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, li huma inapplikabbli f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, hija targumenta li l-Kummissjoni naqset milli tosserva d-Dokument ta’ Gwida Nru 1 bil-ħtieġa ta’ aġġornament tal-interessi fl-aħħar ta’ kull sena finanzjarja.

32

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha, billi tirrileva li l-ewwel motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 31(1) u tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, moqri flimkien mal-Artikolu 6(h) tar-Regolament Nru 885/2006. Essenzjalment, hija targumenta li, minkejja li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tirregola l-obbligu ta’ kontabbiltà tal-interessi b’mod partikolari, xorta jibqa’ l-fatt li t-tabella tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 tagħmel riferiment ċar għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(h) tal-imsemmi regolament, skont liema l-informazzjoni dwar l-ammonti indikati f’din it-tabella għandha tiġi kkomunikata annwalment lill-Kummissjoni. Skont din tal-aħħar, mill-imsemmija dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1290/2005, jirriżulta li jeżisti obbligu ta’ kontabbiltà annwali tal-ammonti ddikjarati fit-tabella tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006.

33

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfittex li turi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, skont l-ewwel kap tat-talbiet tagħha sa fejn il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 31 u l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, moqrija flimkien mal-Artikolu 6(h) u l-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006, billi applikat korrezzjoni finanzjarja għal nuqqas ta’ kontrolli ewlenin li jirriżultaw mill-ksur tal-obbligu ta’ kontabbiltà u ta’ kalkolu annwali tal-interessi li huma imposti fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

34

Għandu għaldaqstant jiġi ddeterminat, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, jekk kienx jeżisti obbligu ta’ kalkolu u ta’ preżentazzjoni annwali tal-interessi impost fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sabiex jiġi stabbilit eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni. F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, minn naħa, l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja kinitx iġġustifikata f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmija korrezzjoni kinitx proporzjonata, din se tiġi eżaminata fil-kuntest tal-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

35

Għandu jitfakkar, barra minn hekk, li t-tabella tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 hija strument sabiex jiġu kkalkolati l-ammonti li huma attribwiti lill-Istati Membri fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regola tal‑50/50. Minn dan isegwi li l-obbligu li jiġu kkalkolati l-interessi fuq bażi annwali jeħtieġ neċessarjament li tiġi adottata, minn qabel, kontabbiltà ta’ sena, stabbilita konformement mal-mudell tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006, b’mod illi l-obbligu ta’ kalkolu u ta’ kontabbiltà tal-interessi fuq bażi annwali jikkostitwixxi loġikament l-istess u l-uniku obbligu.

36

Barra minn hekk, l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1290/2005 dwar l-obbligi tal-Istati Membri, fir-rigward tal-irkupru tas-somom minn benefiċjarji li jkunu wettqu irregolaritajiet jew li jkunu wrew negliġenza, ikopri, fil-paragrafu 5 tiegħu, is-sitwazzjonijiet partikolari li fihom l-Istat Membru ma jkunx irkupra s-somom, jew f’terminu ta’ erba’ snin wara d-data tal-ewwel att ta’ konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja, jew f’terminu ta’ tmien snin jekk l-irkupru jkun is-suġġett ta’ azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali. F’tali sitwazzjonijiet, huwa għaldaqstant ippreċiżat li “[l]-Istati Membri għandhom jindikaw separatament fir-rapport fil-qosor imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ammonti mhux irkuprati fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu”.

37

Skont il-ġurisprudenza, il-qsim f’partijiet ugwali bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-baġit tal-Unjoni tar-responsabbiltà finanzjarja, kif previst fl-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, japplika għall-effetti kollha ta’ natura finanzjarja marbuta mal-assenza ta’ rkupru tas-somom imħallsa b’mod irregolari, li fosthom hemm, b’mod partikolari, is-somom prinċipali kif ukoll l-interessi li huma marbuta magħhom u li kellhom jitħallsu skont l-Artikolu 32(1) tal-istess regolament (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2015, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑126/14, EU:T:2015:875, punt 76; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2010, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑274/08 u T‑275/08, EU:T:2010:154, punti 39, 4144).

38

F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi rrilevat li l-“ammonti li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati”, fis-sens tal-Artikolu 32(3) u (5) tar-Regolament Nru 1290/2005, jinkludu s-somma prinċipali, l-interessi u s-sanzjonijiet.

39

Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 885/2006 jipprevedi li l-kontijiet annwali, imsemmija fl-Artikolu 8(1)(c)(iii) tar-Regolament Nru 1290/2005 u li għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, għandhom jinkludu, b’mod partikolari, it-tabella tal-pagamenti mhux dovuti li jridu jiġu rkuprati fl-aħħar tas-sena finanzjarja, bħala konsegwenza ta’ irregolaritajiet fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), “sanzjonijiet u interessi relatati magħhom inklużi”, stabbilita konformement mal-mudell previst fl-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006.

40

Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li trid tilħaq l-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, EU:T:2005:349, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li hemm lok jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 6(h) tar-Regolament Nru 885/2006 għandux jinftiehem fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri biex jikkalkulaw u jikkontabbilizzaw il-“ħlasijiet mhux dovuti li jridu jiġu rkuprati”, fit-tabella prevista fl-Anness III tal-imsemmi regolament, fuq bażi annwali.

42

Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 885/2006 jaqa’ taħt il-Kapitolu 2 intitolat “L-Approvazzjoni tal-Kontijiet”, bħall-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, li jinsab taħt it-Titolu IV intitolat “Approvazzjoni tal-Kontijiet u Monitoraġġ mill-Kummissjoni”.

43

Fl-ewwel lok, jidher li r-risposta għall-kwistjoni tal-kalkolu u tal-kontabbiltà annwali tal-interessi tista’ tiġi dedotta minn interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 6(h) tar-Regolament Nru 885/2006. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-espresssjoni “ħlasijiet mhux dovuti li jridu jiġu rkuprati fl-aħħar tas-sena finanzjarja” tfisser li, fil-kuntest tat-trażmissjoni tal-kontijiet annwali lill-Kummissjoni, għandhom jiġu kkomunikati lilha l-ammonti kollha li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati fl-aħħar ta’ eżerċizzju finanzjarju, jew fi kliem ieħor fl-aħħar tas-sena. It-tieni nett, mill-kliem “sanzjonijiet u interessi relatati magħhom inklużi” jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmija ammonti jinkludu mhux biss il-ħlasijiet mhux dovuti, iżda wkoll l-interessi. It-tielet nett, peress li l-imsemmija ammonti huma inklużi fil-kontijiet annwali, dawn huma, neċessarjament, ikkontabbilizzati annwalment.

44

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni litterali hija fidili għall-istruttura tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet li, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, issir annwalment. Fil-fatt, l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 u l-Artikolu 6(h) tar-Regolament Nru 885/2006 għandhom jinqraw fid-dawl tal-premessa 23 tar-Regolament Nru 1290/2005, li tipprovdi li “il-Kummissjoni għandha tapprova l-kontijiet […] kull sena” tal-aġenziji tal-ħlas approvati u li “id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet għandha tkopri l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet”. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, matul il-proċedura ta’ clearance, għandha tiżgura li ebda wieħed mill-ammonti stabbiliti fil-kontijiet annwali ma’ jkun eżentat mill-clearance. Għal dan l-għan, l-informazzjoni dwar il-bilanċ tal-krediti u tal-irkupru fl-Istati Membri, ikkomunikata fit-tabelli tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 u annessi mal-kontijiet annwali tal-aġenziji tal-ħlas, għandha neċessarjament tiġi aġġornata kull sena, sabiex il-kontijiet tal-imsemmija aġenziji jkunu eżatti u aġġornati fl-aħħar tas-sena finanzjarja, fid-dawl tal-clearance.

45

Fit-tielet lok, mill-preambolu tar-Regolament Nru 1290/2005, u b’mod partikolari mill-premessi 25 u 26 tiegħu, jirriżulta li s-sistema ta’ koresponsabbiltà finanzjarja, stabbilita mill-Artikolu 32(5) tal-imsemmi regolament, hija intiża li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-baġit tal-Unjoni billi tattribwixxi lill-Istat Membru kkonċernat parti mis-somom dovuti minħabba irregolaritajiet u li ma kinux ġew irkuprati f’terminu raġonevoli. Bħalma enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, minħabba l-assenza ta’ kalkolu u ta’ aġġornament annwali tal-interessi moratorji, fit-tabella tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 intiża għall-kalkolu tal-ammonti attribwibbli lill-Istati Membri skont ir-regola tal‑50/50, ma kienx possibbli li wieħed ikun jaf l-ammont eżatt tal-interessi moratorji li kellu jiġi attribwit lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Għaldaqstant, l-ineżattezza tad-data ddikjarata skont it-tabella tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 hija inkompatibbli mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-baġit tal-Unjoni, peress li din tal-aħħar hija għaldaqstant esposta għar-riskju li jkollha tħallas interessi moratorji li kellhom jiġu attribwiti lill-Istat Membru inkwistjoni konformement mar-regola tal‑50/50.

46

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li, bħalma targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-mudell tat-tabella li jinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 prima facie ma jimponi ebda obbligu espliċitu ta’ kontabbiltà tal-interessi fil-kolonna intiża għall-korrezzjoni tal-kreditu prinċipali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-interessi huma dovuti fuq il-krediti prinċipali, fl-aħħar ta’ sena finanzjarja, bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni, tali krediti ta’ interessi għandhom jitqiesu li jirriżultaw mill-istess irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95, bħal dik li twassal għall-irkupru tal-ammonti rċevuti indebitament, li jikkostitwixxu l-krediti prinċipali (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales France, C‑584/15,EU:C:2017:160, punt 42). Peress li l-ammont tal-kreditu inizjali għandu jiġi adattat kull sena skont l-irkupru parzjali jew totali tal-interessi dovuti fuq l-imsemmi kreditu, l-interessi għandhom jiġu aġġornati fl-aħħar ta’ kull sena finanzjarja fil-forma ta’ ammont ikkoreġut u, minħabba dan il-fatt, jiddaħħlu mal-kreditu prinċipali fit-tabella dwar l-irregolaritajiet. Minn dan jirriżulta neċessarjament li l-interessi għandhom jiġu kkontabbilizzati fil-kolonna tat-tabella tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006 intiża għall-korrezzjoni tal-kreditu prinċipali.

47

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-argument ifformulat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jipprovdi li l-punt 2(E) tal-Anness I tar-Regolament Nru 885/2006 u l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 883/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistipula l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, rigward iż-żamma tal-kotba ta’ l-aġenziji tal-ħlas, id-dikjarazzjonijiet ta’ l-ispejjeż u tad-dħul u l-kundizzjonijiet ta’ ħlas lura ta’ l-ispejjeż fil-qafas ta’ l-EAGF u ta’ l-EAFRD (ĠU 2006 L 171, p. 1), invokati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tal‑2015, ma jinkludu ebda rekwiżit f’dak li jirrigwarda l-preżentazzjoni tad-data fl-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-imsemmi punt, li jirrigwarda l-proċeduri dwar il-krediti, jipprovdi li “[i]l-kriterji kollha pprovduti fil-punti [2] A) sa [2] D) għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-imposti (levies), għall-garanziji mitlufa, għall-ħlasijiet rimborsati, għad-dħul assenjat, eċċ., li l-aġenzija tkun meħtieġa tiġbor f’isem il-FAEG u l-FAEŻR”. Issa, fil-punt 2(C) tal-Anness I tar-Regolament Nru 885/2006, hemm previst li l-aġenzija tal-ħlas għandha tadotta proċeduri maħsuba b’tali mod li “d-dikjarazzjonijiet mensili, dawk ta’ kull tliet xhur (għall-FAEŻR) u dawk annwali jkunu sħaħ, preċiżi u f’waqthom, u li kwalunkwe żball jew ommissjoni jiġi skopert u kkorreġut, b’mod partikolari permezz ta’ kontrolli u rikonċiljazzjonijiet imwettqa f’intervalli”. Konsegwentement, il-punt 2(E) tal-Anness I tar-Regolament Nru 885/2006 jipprevedi li l-proċeduri dwar il-krediti għandhom ikunu maħsuba konformement mar-rekwiżiti fformulati fil-punt 2(C). Għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li l-imsemmi anness jinkludi rekwiżit dwar il-preżentazzjoni tad-data fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tal-FAEG, minkejja li dan ma jsemmix espressament l-Anness III.

48

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2006, li jipprevedi r-regoli ġenerali applikabbli għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż u għad-dħul magħmul, effettivament ma jinkludi ebda rekwiżit dwar il-preżentazzjoni tad-data fl-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006. Madankollu, sa fejn l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, moqri flimkien mal-Artikolu 6(h) u l-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006, jimponi obbligu ta’ kontabbiltà u ta’ kalkolu annwali tal-interessi, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-punt 2(E) tal-Anness I u l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2006 ma jinkludu ebda rekwiżit fir-rigward tal-preżentazzjoni tad-data fit-tabella tal-Anness III ma huwiex rilevanti.

49

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, hemm lok jiġi konkluż li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta b’mod żbaljat li l-Kummissjoni għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, moqri flimkien mal-Artikolu 6(h) u l-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006.

50

Il-konklużjoni stabbilita fil-punt 49 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħrajn tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

51

L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tosserva d-Dokument ta’ Gwida Nru 1 billi rrikjediet kalkolu tal-interessi fuq bażi annwali, dan huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-imsemmi dokument mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-fatt, mid-Dokument ta’ Gwida Nru 1 jirriżulta li, fost id-data stipulata fit-tabella fl-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006, hemm l-ammonti kollha li jikkorrispondu mal-ħlasijiet mhux dovuti, inklużi l-interessi u l-penali relatati magħhom u li għandhom jiġu aġġornati fl-aħħar tas-sena inkwistjoni, sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti dovuti għas-sena finanzjarja ta’ wara.

52

It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li jipprovdi li l-introduzzjoni espliċita ta’ obbligu ta’ kalkolu u ta’ kontabbiltà annwali tal-interessi, permezz tar-Regolament Nru 1306/2013 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, turi li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija regolamenti, il-Kummissjoni ma kinitx tqis neċessarju li jitwettaq kalkolu u preżentazzjoni annwali tal-interessi fuq bażi annwali, dan għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1306/2013 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 ma biddlux, b’mod sostanzjali, is-sitwazzjoni legali fil-qasam ta’ dikjarazzjoni tal-interessi li għadhom iridu jiġu rkuprati, peress li l-obbligu ta’ kalkolu u ta’ preżentazzjoni tal-interessi kien jeżisti konformement mar-Regolament Nru 1290/2005 u mar-Regolament Nru 885/2006.

53

B’mod partikolari, hemm lok jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1290/2005 u tar-Regolament Nru 885/2006 ma ġewx emendati b’mod sostanzjali bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1306/2013 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014. L-Artikolu 6(h) tar-Regolament Nru 885/2006 u l-Artikolu 29(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 jimponu, essenzjalment, l-istess obbligu ta’ komunikazzjoni, fuq il-Kummissjoni, tal-ammonti kollha li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati fl-aħħar tas-sena finanzjarja, skont l-Anness III f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 885/2006 u l-Anness II f’dak li jirrigwarda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014. Il-fatt li dan l-anness tal-aħħar sempliċement żied il-kolonna “Z” intiża għad-dikjarazzjoni annwali tal-ammonti tal-interessi li għadhom iridu jiġu rkuprati għall-irregolaritajiet ikkonstatati sa mis‑16 ta’ Ottubru 2014 ma jaffettwax din il-konstatazzjoni.

54

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li targumenta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, id-distinzjoni magħmula mid-Dokument ta’ Gwida Nru 5 fuq il-komunikazzjoni lill-Kummissjoni tat-tabelli previsti mill-Anness II u l-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 għas-sena finanzjarja N bejn il-każijiet ta’ irregolaritajiet “antiki” u l-każijiet “ġodda” fil-mudell ta’ tabella msemmi fl-Artikolu 29(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 lanqas ma jippermetti li jiġi konkluż li hemm bidla sostanzjali fis-sitwazzjoni legali fil-qasam ta’ dikjarazzjoni tal-interessi mhux irkuprati. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, bħall-Kummissjoni, li tali distinzjoni ssir biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 41(5) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU 2014, L 255, p. 18), peress li l-imsemmija distinzjoni tiddistingwi, minn naħa, il-każijiet li fihom l-ewwel att ta’ konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja ikun twettaq qabel is‑16 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri l-każijiet antiki, u, min-naħa l-oħra, dawk li fihom tali att ikun twettaq wara s‑16 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri l-każijiet ġodda.

55

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax targumenta li l-Kummissjoni adottat argumenti kuntradittorji fl-ittra tagħha tad‑29 ta’ Novembru 2016 li tinkludi l-pożizzjoni definittiva tagħha, sa fejn, minkejja li r-rekwiżit dwar il-kalkolu u l-kontabbiltà annwali tal-interessi ma jissemmiex espliċitament, la fl-Artikolu 6(h) tar-Regolament Nru 885/2006 u lanqas fl-Artikolu29(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, xorta jibqa’ l-fatt li tali rekwiżit jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(h) tar-Regolament Nru 885/2006, moqri fid-dawl tal-istruttura tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni u li, essenzjalment, jipprevedi l-istess obbligu bħall-Artikolu 29(f) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014.

56

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, hemm lok jitqies li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 31 u l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, moqrija flimkien mal-Artikolu 6(h) u l-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006, u li barra minn hekk hija qieset, ġustament, li kien jeżisti obbligu ta’ kalkolu u ta’ kontabbiltà annwali tal-interessi, relatati mas-somom mhux irkuprati wara irregolaritajiet jew negliġenza, fit-tabella tal-Anness III tar-Regolament Nru 885/2006, għall-applikazzjoni tar-regola tal‑50/50.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

 

Collins

Kancheva

De Baere

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Mejju 2019.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.

Top