EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TJ0122

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2018.
Devin AD vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea DEVIN – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Isem ġeografiku – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/1001).
Kawża T-122/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:719

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

25 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea DEVIN – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Isem ġeografiku – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/1001)”

Fil-Kawża T‑122/17,

Devin AD, stabbilita f’Devin (il-Bulgarija), irrappreżentata minn B. Van Asbroeck, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Di Natale u D. Gája, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Haskovo Chamber of Commerce and Industry, stabbilita f’Haskovo (il-Bulgarija), irrappreżentata minn D. Dimitrova, avocat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑2 ta’ Diċembru 2016 (Każ R 579/2016‑2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Devin AD u Haskovo Chamber of Commerce and Industry,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Frar 2017,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Mejju 2017,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Mejju 2017,

wara s-seduta tal‑14 ta’ Marzu 2018, li l-intervenjenti ma pparteċipatx fiha,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fil‑21 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti, Devin AD, kisbet ir-reġistrazzjoni, taħt in-numru 9408865, tat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea DEVIN (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”) mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2

Il-prodotti li t-trade mark ġiet irreġistrata għalihom jaqgħu taħt il-Klassi 32 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Xorb mhux alkoħoliku; ilma minerali; ilma (Seltzer); xarbiet bit-togħma tal-frott; meraq; ġulepp biex isir xorb; aperitivi mingħajr alkoħol; ilma min-nixxiegħa (mhux tax-xita jew tax-xmajjar); ilma bit-togħma; estratti tal-frott mhux alkoħoliċi; xorb imħawwar bil-frott; ilma tal-mejda; ilma [xorb]; ilma (Seltzer); meraq tal-ħxejjex [xorb]; xorb isotoniku; koktejls, mhux alkoħoliċi; nettari tal-frott (mingħajr alkoħol); ilma tat-tip soda (ilma effervexxenti)”.

3

Fil‑11 ta’ Lulju 2014, l-intervenjenti, il-Haskovo Chamber of Commerce and Industry (HCCI, il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Haskovo, il-Bulgarija), ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament Nru 2017/1001), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(c), (f) u (g) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 7(1)(c), (f) u (g) tar-Regolament 2017/1001).

4

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Jannar 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ċaħdet it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq l-Artikolu 7(1)(f) u (g) tar-Regolament Nru 207/2009. Min-naħa l-oħra, hija laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-Artikolu 7(1)(c) tal-istess regolament u ippronunċjat l-invalidità tat-trade mark ikkontestata fit-totalità tagħha. B’mod partikolari, hija qieset li l-isem ġeografiku Devin kien jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni, sa fejn, dan iż-żmien, kien jinftiehem mill-pubbliku inġenerali fil-Bulgarija u minn parti mill-pubbliku tal-pajjiżi ġirien bħala deskrizzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti kkonċernati u, fil-futur, jaf potenzjalment jinftiehem mill-pubbliku Ewropew inġenerali, fid-dawl tal-isforzi ta’ marketing magħmula u tat-tkabbir tas-settur turistiku Bulgaru. Issa, huwa żied, ir-rikorrenti ma kienet ipproduċiet ebda prova tal-karattru distintiv miksub tat-trade mark ikkontestata fi swieq differenti mis-suq Bulgaru.

5

Fit‑23 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

6

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Diċembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Essenzjalment, huwa qies li l-belt Bulgara ta’ Devin kienet magħrufa mill-pubbliku inġenerali fil-Bulgarija u minn proporzjon kunsiderevoli ta’ konsumaturi fil-pajjiżi ġirien bħall-Greċja u r-Rumanija, b’mod partikolari bħala spa famuż, u li l-isem ta’ din il-belt kien assoċċjat mill-gruppi interessati mal-kategorija ta’ prodotti tal-Klassi 32 koperti mit-trade mark ikkontestata, b’mod partikolari l-ilma minerali. Għaldaqstant huwa “kkonferma l-konklużjoni tad-deċiżjoni [tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni] li tipprovdi li, għal parti kbira mill-pubbliku rilevanti stabbilit ’il barra mill-Bulgarija, il-belt ta’ Devin tirrappreżenta rabta mal-prodotti msemmija mit-trade mark ikkontestata […] u tista’ sservi, f’għajnejn dan il-pubbliku, sabiex tindika l-oriġini ġeografika ta’ dawn il-prodotti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa kkonkluda minn dan li, għal parti importanti mill-pubbliku rilevanti Bulgaru u mhux Bulgaru, b’mod partikolari għall-pubbliku tal-imsemmija pajjiżi ġirien, it-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva tal-oriġini ġeografika tal-prodotti koperti.

II. It-talbiet tal-partijiet

7

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tad‑29 ta’ Jannar 2016;

tiċħad fit-totalità tagħha, jew għall-inqas parzjalment, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż ta’ din tal-aħħar u għall-ispejjeż tiegħu stess.

8

L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Fid-dritt

9

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi. Fl-ewwel lok, hija tallega li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) tal-istess regolament, meta qies li, fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti, it-trade mark ikkontestata hija deskrittiva tal-oriġini ġeografika tal-prodotti li hija tkopri fil-Klassi 32. Fit-tieni lok, hija targumenta li, jekk il-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, huwa kiser l-Artikolu 7(3) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament 2017/1001) meta qies li t-trade mark ikkontestata ma akkwistatx karattru distintiv permezz tal-użu fil-partijiet tal-Unjoni Ewropea fejn din tqieset bħala deskrittiva.

10

Preliminarjament, hemm lok jiġi rrilevat li t-tieni u t-tielet talba tar-rikorrenti, li jitolbu lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u li tiċħad, fit-totalità tagħha, jew għall-inqas parzjalment, it-talba għad-dikjarazzjoni tal-invalidità tat-trade mark ikkontestata, huma intiżi, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali tieħu d-deċiżjoni li, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kien imissu jieħu meta kellu r-rikors quddiemu. Matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li dawn it-talbiet kellhom jiġu analizzati bħala talba għal bidla.

11

F’dan ir-rigward, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar it-tieni sentenza tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001) jirriżulta li l-Bord tal-Appel jista’ jannulla d-deċiżjoni tal-istanza tal-EUIPO li tkun ħadet id-deċiżjoni kkontestata quddiemu u jeżerċita l-kompetenzi ta’ dik l-istanza, f’dan il-każ jiddeċiedi dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u jiċħadha. Konsegwentement, din il-miżura tinsab fost dawk li setgħu jittieħdu mill-Qorti Ġenerali skont is-setgħa tagħha li tbiddel deċiżjonijiet, stabbilita fl-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2011, Völkl vs UASI – Marker Völkl (VÖLKL), T‑504/09, EU:T:2011:739, punt 40; tat‑13 ta’ Mejju 2015, easyGroup IP Licensing vs UASI – Tui (easyAir-tours), T‑608/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:282, punt 20, u tal‑4 ta’ Mejju 2017, Kasztantowicz vs EUIPO – Gbb Group (GEOTEK), T‑97/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:298, punt 17).

12

Għandha tiġi eżaminata, qabelxejn, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li tirriżulta mill-ewwel talba tar-rikorrenti.

A. Fuq it-talba għal annullament

1.   Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) tal-istess regolament

13

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta kkonkluda favur il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti tal-Klassi 32 koperti minnha. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, dwar, fir-rigward tal-ewwel parti, il-livell ta’ rikonoxximent mill-pubbliku rilevanti tal-kelma “devin” bħala isem ġeografiku u, fir-rigward tat-tieni parti, ir-rabta bejn it-trade mark ikkontestata u l-prodotti kkonċernati kollha.

14

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Bord tal-Appell li stabbilixxa b’mod żbaljat, abbażi ta’ sempliċi preżunzjonijiet, li parti kbira mill-pubbliku rilevanti setgħet tagħmel konnessjoni bejn il-kelma “devin” u l-oriġini ġeografika tal-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata. F’dan ir-rigward, hija tiddistingwi bejn tliet kategoriji ġeografiċi ta’ konsumaturi medji, jiġifieri, l-ewwel nett, dak tal-Bulgarija, it-tieni nett, dak tal-Greċja u tar-Rumanija, u, it-tielet nett, dak tal-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni. Ir-rikorrenti tikkonkludi minn dan li l-Bord tal-Appell ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ livell ta’ familjarjetà suffiċjenti tal-konsumatur medju tal-pajjizi tal-Unjoni mal-belt ta’ Devin u wettaq żball ta’ liġi meta applika l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għall-inqas f’dak li jirrigwarda l-konsumatur medju tal-pajjiżi ġirien tal-Bulgarija, jiġifieri l-Greċja u r-Rumanija, u l-pajjiżi l-oħrajn kollha tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni biss tal-Bulgarija.

15

L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Huwa jqis li l-punt ċentrali tat-tilwima huwa l-kwistjoni dwar jekk, fid-data tal-preżentata, it-trade mark ikkontestata kinitx deskrittiva fit-territorji li jinsabu ’l barra mill-Bulgarija, b’mod partikolari fit-territorji ġirien tal-Greċja u tar-Rumanija. Huwa jsostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata bl-ebda żball fil-kunsiderazzjoni skont liema l-punti tal-fajl huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li, fid-data tal-preżentata tat-trade mark ikkontestata, parti importanti, jew għall-inqas mhux żgħira, mill-pubbliku rilevanti fil-Greċja u fir-Rumanija setgħet tagħmel assoċjazzjoni bejn is-sinjal DEVIN, mifhum bħala l-isem ta’ belt termali fil-Bulgarija, u l-oriġini ġeografika tal-prodotti msemmija, b’mod partikolari l-ilma inkluż fil-Klassi 32. Huwa jargumenta li l-ġurisprudenza kienet tippermetti lill-Bord tal-Appell jipproċedi b’deduzzjoni sabiex jikkonkludi li parti sinjifikanti tal-pubbliku Grieg jew Rumen kienet tassoċja jew setgħet xi darba tassoċja l-kelma “devin” mal-oriġini ġeografika tal-prodotti koperti. Huwa jqis li, abbażi tal-provi prodotti, il-Bord tal-Appell kien fondat iqis li r-“reputazzjoni inkontestabbli” ta’ Devin bħala belt termali għall-ilmijiet naturali li għandhom proprjetajiet ta’ kura ma kienx jieqaf mal-fruntiera Bulgara, iżda kien jestendi għall-pajjiżi ġirien u li kien raġonevoli li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ għarfien kunsiderevoli ta’ Devin mal-konsumaturi residenti ’l barra mill-Bulgarija. Skont l-EUIPO, ir-rikorrenti hija żbaljata li taħseb li “l-belt ta’ Devin hija, b’xi mod, protetta b’fortifikazzjonijiet naturali u hija maqtugħa mid-dinja, li jagħmilha kważi inaċċessibbli”. Min-naħa tiegħu, l-EUIPO jqis li n-numru baxx ta’ żjarat ta’ turisti Griegi u Rumeni rreġistrati fil-lukandi tal-belt ta’ Devin, iċ-ċokon tal-belt u s-sitwazzjoni ġeografika tagħha ma jikkontradixxux id-deċiżjoni kkontestata. Huwa jikkonkludi minn dan li l-Bord tal-Appell ipproteġa, ġustament, l-interess ġenerali li tinżamm id-disponibbiltà ta’ isem ġeografiku, bħal dak tal-belt termali ta’ Devin.

16

L-intervenjenti tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Hija tqis li l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-pubbliku rilevanti tal-Unjoni jipperċepixxi l-kelma “devin” bħala isem ġeografiku hia bbażata fuq fatti u data oġġettivi, bħan-numru ta’ turisti barranin li żaru l-Bulgarija, l-infrastruttura turistika kunsiderevoli tal-belt ta’ Devin, jew anki l-informazzjoni disponibbli fuq l-internet, b’mod partikolari l-promozzjoni tas-sorsi famużi ta’ ilma minerali ta’ Devin mis-sit uffiċjali tat-turiżmu fil-Bulgarija. Barra minn hekk, hija tenfasizza l-isforzi ta’ marketing li saru fuq livell nazzjonali u lokali għall-promozzjoni ta’ Devin bħala destinazzjoni turistika internazzjonali tul is-sena kollha u post famuż għall-ilma minerali tiegħu, murija b’mod partikolari b’ittra tal-assoċjazzjoni reġjonali tat-turiżmu ta’ Rhodope. Skont l-intervenjenti, fid-dawl tal-“Istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu fil-Bulgarija sal‑2030”, adottata mill-Gvern Bulgaru fl‑2014, kif ukoll tal-“fatturi ġeopolitiċi” li jinkludu “it-theddida ikbar ta’ terroriżmu fit-Turkija, fl-Eġittu u fit-Tuneżija u l-instabbiltà politika li tikkaratterizza dawn il-pajjiżi”, li “orjentat mill-ġdid parti mill-fluss turistiku lejn il-Bulgarija” grazzi, fuq kollox, għas-“sigurtà li jgawdi minnha dan il-pajjiż”, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-Bulgarija ser ssir destinazzjoni turistika iktar popolari tat-turisti Ewropew matul is-sena kollha u li, indirettament, in-numru ta’ turisti li jfittxu informazzjoni fuq ċerti destinazzjonijiet turistiċi tal-pajjiż, fosthom Devin, ser jiżdied.

17

Skont qari flimkien tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata hija ddikjarata invalida meta hija komposta esklużivament minn sinjal jew minn indikazzjoni li tintuża fil-kummerċ sabiex tindika ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodott jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tiegħu. Skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament (li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001), il-paragrafu 1 tiegħu huwa applikabbli anki meta r-raġuni għal rifjut jew ir-raġuni ta’ invalidità jeżistu biss f’parti tal-Unjoni.

18

Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sinjali jew l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 huma dawk li jistgħu jservu, f’użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, sabiex jindikaw, jew direttament jew billi jissemma’ wieħed mill-karatteristiċi tagħhom, il-prodott jew is-servizz li għalih ir-reġistrazzjoni ġiet mitluba jew ikkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C‑383/99 P, EU:C:2001:461, punt 39, u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Laverana vs UASI (BIO organic), T‑610/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:613, punt 14). Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, hemm bżonn illi jkollu rapport dirett u konkret ta’ natura li jippermetti lill-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB), T‑19/04, EU:T:2005:247, punt 25, u tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Colgate-Palmolive vs EUIPO (360°), T‑332/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:876, punt 15). Huwa biżżejjed li tkun teżisti raġuni għal rifjut jew raġuni ta’ invalidità fil-konfront ta’ parti mhux żgħira mill-pubbliku fil-mira u ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-konsumaturi l-oħrajn li jagħmlu parti mill-pubbliku rilevanti kellhomx għarfien ukoll tal-imsemmi sinjal (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2017, Karelia vs EUIPO (KARELIA), T‑878/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:702, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

L-interess ġenerali li jsejjes l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkonsisti fl-iżgurar li s-sinjali deskrittivi ta’ karatteristika waħda jew iktar tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark ikunu jistgħu jintużaw liberament mill-operaturi ekonomiċi kollha li joffru tali prodotti jew servizzi (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 37). Din id-dispożizzjoni tipprekludi li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punt 31) u li impriża timmonopolizza l-użu ta’ kelma deskrittiva, bi ħsara tal-impriżi l-oħrajn, inklużi tal-kompetituri tagħha, u li l-firxa tal-vokabolarju disponibbli sabiex jiddeskrivu l-prodotti tagħhom stess tispiċċa mnaqqsa b’dan il-mod (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, 360°, T‑332/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:876, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma tiddependix mill-eżistenza ta’ ħtieġa ta’ disponibbiltà konkreta, attwali u serja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Chypre vs UASI (XAΛΛOYMI u HALLOUMI), T‑292/14 u T‑293/14, EU:T:2015:752, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tas-sinjali jew tal-indikazzjonijiet li jistgħu jindikaw l-oriġini jew id-destinazzjoni ġeografika ta’ kategoriji ta’ prodotti jew tal-post tal-provvista ta’ kategoriji ta’ servizzi, li għalihom tkun intalbet trade mark tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-ismijiet ġeografiċi, hemm interess ġenerali li jinżammu disponibbli speċjalment minħabba l-kapaċità tagħhom li mhux biss juru eventwalment il-kwalità u l-karatteristiċi oħrajn tal-kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati, iżda wkoll li jinfluwenzaw b’diversi modi l-għażliet tal-konsumaturi, pereżempju, permezz tal-assoċjazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi ma’ post li jista’ jnissel sentimenti pożittivi (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs UASI (Cloppenburg), T‑379/03, EU:T:2005:373, punt 33; tal‑15 ta’ Jannar 2015, MEM vs UASI (MONACO), T‑197/13, EU:T:2015:16, punt 47, u tas‑27 ta’ April 2016, Niagara Bottling vs EUIPO (NIAGARA), T‑89/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:244, punt 15).

21

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li huma esklużi, minn naħa, ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi bħala trade marks jekk dawn jindikaw postijiet ġeografiċi speċifiċi li diġà għandhom reputazzjoni jew diġà huma magħrufa għall-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati u li, għalhekk, fl-għajnejn tal-persuni kkonċernati joħolqu konnessjoni ma’ dak il-post u, min-naħa l-oħra, ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi li jistgħu jintużaw mill-impriżi li għandhom ukoll jinżammu disponibbli għal dawn l-impriżi bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Cloppenburg, T‑379/03, EU:T:2005:373, punt 34; tal‑15 ta’ Jannar 2015, MONACO, T‑197/13, EU:T:2015:16, punt 48, u tas‑27 ta’ April 2016, NIAGARA, T‑89/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:244, punt 16).

22

Madankollu, hemm lok jiġi rrilevat li, bħala prinċipju, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jipprekludix ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi li ma humiex magħrufa mill-persuni kkonċernati jew, tal-inqas, mhux magħrufa bħala indikazzjoni ta’ post ġeografiku, jew inkella ta’ ismijiet li fir-rigward tagħhom, minħabba l-karatteristiċi tal-post imsemmi, mhux probabbli li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jimmaġinaw li l-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati għandha l-oriġini tagħha f’dan il-post li kienet iddisinjata fih (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Cloppenburg, T‑379/03, EU:T:2005:373, punt 36; tal‑15 ta’ Jannar 2015, MONACO, T‑197/13, EU:T:2015:16, punt 49, u tas‑27 ta’ April 2016, NIAGARA, T‑89/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:244, punt 17).

23

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, abbażi tar-relazzjoni mal-prodotti jew mas-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, abbażi tar-relazzjoni ma’ kif jifhimha l-pubbliku rilevanti (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Cloppenburg, T‑379/03, EU:T:2005:373, punt 37; tal‑15 ta’ Jannar 2015, MONACO, T‑197/13, EU:T:2015:16, punt 50, u tas‑27 ta’ April 2016, NIAGARA, T‑89/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:244, punt 18).

24

F’din l-evalwazzjoni, l-EUIPO huwa marbut li jistabbilixxi li l-isem ġeografiku huwa magħruf mill-persuni kkonċernati bħala isem ta’ post. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li l-isem inkwistjoni attwalment jirrappreżenta, fl-għajnejn tal-persuni kkonċernati, rabta mal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati jew li huwa raġonevoli li wieħed jimmaġina li isem bħal dan jista’, f’għajnejn dan il-pubbliku, jindika l-oriġini ġeografika tal-imsemmija kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, jaqbel li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konoxxenza, ftit jew wisq wiesgħa li l-persuni kkonċernati għandhom tal-isem ġeografiku inkwistjoni, kif ukoll il-karatteristiċi tal-post indikat u tal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati (sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Cloppenburg, T‑379/03, EU:T:2005:373, punt 38; tal‑15 ta’ Jannar 2015, MONACO, T‑197/13, EU:T:2015:16, punt 51, u tas‑27 ta’ April 2016, NIAGARA, T‑89/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:244, punt 19).

25

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-unika data rilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 hija dik tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Il-fatt li din il-ġurisprudenza tammetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi sussegwenti għal din id-data, minflok ma ddgħajjef din l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu, issaħħaħha, peress li dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa biss possibbli bil-kundizzjoni li dawn il-provi jkunu jikkonċernaw is-sitwazzjoni fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark [ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat-23 ta’ April 2010, UASI vs Frosch Touristik, C‑332/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:225, punti 5253, u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Safe Skies vs EUIPO, C‑326/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:800, punt 5; sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2009, Frosch Touristik vs UASI – DSR touristik (FLUGBÖRSE), T‑189/07, EU:T:2009:172, punti 1819, u tas-26 ta’ Frar 2016, provima Warenhandels vs UASI – Renfro (HOT SOX), T‑543/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:102, punt 44]. B’hekk, f’dan il-każ, id-data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-konformità tat-trade mark ikkontestata mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 kienet id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jiġifieri l-21 ta’ Jannar 2011.

26

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikorrenti.

27

F’dan il-każ, huwa stabbilit li Devin (forma Latinizzata ta’ Девин) hija belt fin-nofsinhar tal-Bulgarija, li tinsab fiż-żona tal-muntanji ta’ Rhodope. Fil-punti 30 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell għamel xi preċiżjonijiet oħrajn, mhux ikkontestati mill-partijiet. Għalhekk, il-belt ta’ Devin “hija mimlija b’sorsi ta’ ilma sħun u bi spas”, kif ukoll b’riżervi ta’ ilma, fosthom borehole V‑5 (jew B‑5) li bħalissa huwa operat mir-rikorrenti bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-Istat Bulgaru. Is-sit uffiċjali tat-turiżmu tal-Bulgarija, li jiddedika sezzjoni għal Devin, jagħmel riferiment “għaż-żieda tat-‘turiżmu termali’ tagħha” u għas-sorsi ta’ ilma minerali ‘popolari’ tagħha”, għall-“proprjetajiet ta’ kura” magħrufa sa mill-Antikwità. Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti tispeċifika, mingħajr ma hija kkontestata, li Devin għandha madwar 7000 abitant u, f’dan ir-rigward, tiġi madwar il-109 belt mill-ibliet tal-Bulgarija bħala numru ta’ abitanti.

28

Il-Bord tal-Appell indika wkoll li l-ilma ta’ Devin, assoċjat mas-sors “Devin sondazh 5”, jinsab fuq il-lista uffiċjali tal-ilmijiet naturali rrikonoxxuti mill-Bulgarija u l-Istati Membri l-oħrajn, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 65, p. 1) konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali (ĠU 2009, L 164, p. 45). Il-Bord tal-Appell semma wkoll indikazzjoni ġeografika “Devin Natural Mineral Water”, irreġistrata fil-Bulgarija taħt in-numru 190‑01/1995, u denominazzjoni ta’ oriġini identika, irreġistrata taħt in-numru 883/2006 f’ċerti Stati Membri tal-Unjoni, fosthom il-Greċja u r-Rumanija, li huma partijiet għall-Ftehim ta’ Lisbona dwar il-Protezzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom, tal‑31 ta’ Ottubru 1958, kif irrivedut u emendat.

29

F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi nnotat li din il-kawża ma tirrigwardax eventwali raġuni għal rifjut (jew raġuni ta’ invalidità) ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(j) il-ġdid tar-Regolament 2017/1001, li jipprovdi li “[d]awn li ġejjin ma għandhomx jiġu rreġistrati: […] trademarks li huma esklużi mir-reġistrazzjoni, skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali jew ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni jew l-Istat Membru kkonċernat ikun parti, li jipprevedu l-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi”, u lanqas fuq ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1).

30

Barra minn hekk, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, peress li l-prodotti kkonċernati huma ta’ konsum attwali, il-pubbliku rilevanti huwa l-konsumatur medju tal-Unjoni, li huwa normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. Peress li l-konsumatur medju ta’ tali prodotti ta’ konsum attwali huwa l-pubbliku inġenerali, ma hemmx lok li tiġi ddubitata din il-konstatazzjoni, li barra minn hekk hija approvata mir-rikorrenti.

31

Għandhom jiġu eżaminati, alternattivament, il-perċezzjoni tal-kelma “devin” mill-konsumatur medju tal-Unjoni u d-disponibbiltà tal-isem ġeografiku Devin.

a)   Fuq il-perċezzjoni tal-kelma “devin” mill-konsumatur medju tal-Unjoni

32

Il-Bord tal-Appell qies li l-perċezzjoni tal-kelma “devin” mill-pubbliku inġenerali ’l barra mill-Bulgarija kienet il-“kwistjoni ċentrali tat-tilwima” bejn il-partijiet. Hemm lok jitqies, bħar-rikorrenti, li, fl-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, stabbilixxa distinzjoni bejn tliet kategoriji ġeografiċi ta’ konsumaturi medji li huma, l-ewwel nett, il-konsumatur medju Bulgaru, it-tieni nett, il-konsumatur medju tal-pajjiżi ġirien tal-Bulgarija, jiġifieri l-Greċja u r-Rumanija, u t-tielet nett, il-konsumatur medju tal-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni.

1) Fuq il-konsumatur medju Bulgaru

33

F’dak li jirrigwarda l-konsumatur medju Bulgaru, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-perċezzjoni tiegħu tal-kelma “devin” tista’ tkun tal-isem ta’ belt fil-Bulgarija. Madankollu, ir-rikorrenti targumenta li din il-kelma hija magħrufa wkoll u manifestament ipperċepita bħala trade mark ta’ ilma minn parti importanti tal-konsumaturi Bulgari. Skont hi, l-uniċi konsumaturi li jistgħu jifhmu l-kelma “devin” bħala indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika, jiġifieri l-konsumaturi Bulgari, għandhom għarfien tajjeb ukoll tat-trade mark minħabba l-karattru distintiv tagħha akkwistat permezz tal-użu fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009. Għalhekk, it-trade mark ikkontestata ma tindikax sempliċement l-oriġini ġeografika iżda hija indikazzjoni ċara tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti koperti. Ir-rikorrenti tiddeduċi minn dan li t-trade mark ikkontestata hija valida fil-Bulgarija, anki jekk il-perċezzjoni tagħha tista’ tkun ta’ riferiment għall-isem ta’ belt, għaliex hemmhekk hija meqjusa bħala trade mark. Hija żżid li l-kelma “devin” akkwistat mhux biss karattru distintiv permezz tal-użu tagħha, iżda akkwistat ukoll karattru distintiv għoli fil-Bulgarija, fejn tqieset bħala trade mark ta’ ilma magħruf sew. Ir-rikorrenti tiċċita għal dan l-għan id-Deċiżjoni Nru OM‑22 tal-Патентно ведомство на Република България (l-Uffiċċju tal-Privattivi tar-Repubblika tal-Bulgarija) tad‑19 ta’ Marzu 2010, valida għal perijodu ta’ ħames snin u li tiddikjara li t-trade mark verbali Bulgara Девин (Devin), irreġistrata taħt in-numru 24137 u miżmuma mir-rikorrenti, hija magħrufa fit-territorju tal-Bulgarija sa mill‑1 ta’ Diċembru 2005 għal prodotti inklużi fil-Klassi 32, jiġifieri l-“ilma minerali”. Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li, minkejja li dik id-deċiżjoni ma setgħetx tiġi mġedda fl‑2015 minħabba revoka leġiżlattiva, il-konstatazzjoni fattwali li hija bbażata fuqha xorta tibqa’ valida.

34

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ kontestazzjoni mir-rikorrenti tar-rikonoxximent mill-konsumatur medju Bulgaru tal-kelma “devin” bħala l-isem ġeografiku ta’ belt fil-Bulgarija bl-ebda mod ma huwa deċiżiv f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti malajr iżżid li t-trade mark ikkontestata akkwistat karattru distintiv ikbar, u anki reputazzjoni, għall-ilma minerali mal-konsumatur medju Bulgaru.

35

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, peress li t-trade mark verbali Bulgara Devin kienet irrikonoxxuta bħala li għandha reputazzjoni mill-Uffiċċju tal-Privattivi tar-Repubbliku tal-Bulgarija, jidher, prima facie, inverosimili ħafna li t-trade mark ikkontestata, jiġifieri t-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea DEVIN, ma akkwistatx hemmhekk, għall-inqas, karattru distintiv normali, mingħajr anki ma tingħata deċiżjoni dwar il-karattru distintiv ikbar tagħha jew dwar ir-reputazzjoni tagħha.

2) Fuq il-konsumatur medju Grieg jew Rumen

36

F’dak li jirrigwarda l-konsumatur medju tal-pajjiżi ġirien (il-Greċja u r-Rumanija), ir-rikorrenti targumenta li l-intervenjenti ma ppreżentat ebda prova li tippermetti lill-Bord tal-Appell jistabbilixxi li l-perċezzjoni tal-kelma “devin” minn dan il-konsumatur hija ta’ post ġeografiku. Hija targumenta li l-Bord tal-Appell, sabiex jasal għal tali konklużjoni, ibbaża ruħu fuq deduzzjonijiet jew ipoteżijiet mhux sostnuti bbażati essenzjalment fuq in-numru ta’ turisti li jżuru l-Bulgarija. Barra minn hekk, ir-rikorrenti targumenta li, minkejja li l-oneru tal-prova ma huwiex impost fuqha, hija pproduċiet provi affidabbli u konkreti insostenn tal-argument kuntrarju tagħha li jipprovdi li konsumatur medju Grieg jew Rumen ma jistabbilixxix rabta diretta bejn it-trade mark ikkontestata u oriġini ġeografika.

37

Hemm lok jiġu eżaminati l-elementi meqjusa mill-Bord tal-Appell sabiex qies it-trade mark ikkontestata bħala deskrittiva għall-konsumatur medju tal-Greċja u tar-Rumanija.

38

Qabelxejn, il-Bord tal-Appell, wara d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ibbaża ruħu fuq diversi sorsi ta’ data dwar it-turiżmu, b’mod partikolari s-sit uffiċjali tat-turiżmu tal-Bulgarija u siti oħrajn tal-internet. Billi bbaża ruħu fuq il-fatt li iktar minn 5.4 miljun turist barrani żar il-Bulgarija fl‑2014, ammont “impressjonanti” fid-dawl tas‑7.3 miljun abitant ta’ dan il-pajjiż, il-Bord tal-Appell qies li “[m]inkejja li kien minnu li l-maġġoranza ta’ dawn it-turisti finalment għaddew il-vaganzi tagħhom f’resorts mal-baħar jew tal-iskiing, bħalma kkonfermat ir-[rikorrenti], dan ma jeskludix li dawn kellhom għarfien ta’ reġjuni jew ta’ postijiet oħrajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa qies li, “[m]eta persuna tagħżel post għal vaganza, hija tqis ġeneralment diversi destinazzjonijiet qabel tagħmel l-għażla tagħha fuq destinazzjoni partikolari” u ddeduċa minn dan li “[fl-]eżami tad-destinazzjonijiet differenti proposti, persuna li tixtieq iżżur il-Bulgarija ċertament se tiskopri destinazzjonijiet inqas magħrufa jew inqas aċċessibbli anki jekk, finalment, it-turist potenzjali jagħżel destinazzjoni oħra”. Billi bbaża ruħu fuq dawn l-ipoteżijiet sempliċi, il-Bord tal-Appell issopona li “ma kien xejn probabbli li Devin, u l-assoċjazzjoni tagħha mal-ilma termali, ma tidhirx fir-riċerki tal-internet dwar destinazzjonijiet għal vaganżi fil-Bulgarija”.

39

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, bħar-rikorrenti, li s-sempliċi fatt li l-belt ta’ Devin tittella’ mill-magni tat-tiftix tal-internet ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit, konformement mar-rekwiżiti legali u ta’ ġurisprudenza, li dan huwa post magħruf minn parti importanti mill-pubbliku rilevanti tal-Greċja u tar-Rumanija. Bħalma tirrileva r-rikorrenti, raġunament bħal dak tal-Bord tal-Appell, meħud lejn l-assurd, iwassal li jitqies li l-konsumaturi barranin jistgħu, permezz ta’ sempliċi riċerka fuq l-internet, ikollhom għarfien tal-bliet tad-dinja kollha ta’ kwalunkwe daqs, anki żgħar.

40

Il-Bord tal-Appell semma wkoll il-“preżenza li tidher ta’ Devin fuq siti tal-internet li jagħtu opinjonijiet fil-qasam tal-ivvjaġġar u fuq forums ta’ vjaġġar interattivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], bħal “TripAdvisor.com” jew “Booking.com”. B’mod inċidentali, huwa warrab ir-rimarka tar-rikorrenti li tipprovdi li Devin kienet biss fit‑68 (jew issa d‑59 skont l-intervenjenti) post fost is‑70 destinazzjoni l-iktar popolari fil-Bulgarija fil-klassifikazzjoni tas-sit tal-internet “TripAdvisor.com”, għar-raġuni li din kellha għall-inqas l-eżistenza ta’ profil turistiku mhux insinjifikanti fuq l-internet kuntrarjament għall-mijiet ta’ bliet u ta’ rħula tal-Bulgarija li ma kinux jissemmew.

41

Madankollu, l-eżistenza ta’ “profil turistiku mhux insinjifikanti fuq l-internet”, fih innifsu, ma jistax ikun biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-għarfien ta’ belt żgħira mill-pubbliku rilevanti barra mill-pajjiż. F’dan ir-rigward, il-fatt li Devin ma tirriżultax fost id-destinazzjonijiet l-iktar popolari tal-Bulgarija fuq is-sit tal-internet “TripAdvisor.com” huwa għall-inqas rilevanti, għaliex huwa raġonevoli li jitqies li l-pubbliku rilevanti barra mill-pajjiż għandu għarfien biss tal-attrazzjonijiet prinċipali ta’ pajjiż terz bħall-Bulgarija.

42

Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq l-“infrastruttura turistika kunsiderevoli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew “importanti” tal-muniċipalità ta’ Devin, li tinkludi skont dan il-Bord tal-Appell “kważi żewġ tużżana lukandi fir-reġjun”, fosthom diversi lukandi termali u lukandi lussużi ta’ ħames stilel.

43

Madankollu, dan is-sempliċi fatt, fih innifsu, ma jippermettix li jiġi konkluż li konsumatur medju Grieg jew Rumen jista’ jkollu għarfien tal-belt ta’ Devin lil hinn mill-fruntieri jew li jistabbilixxi rabta diretta magħha. Fil-fatt, xejn ma jippermetti li jiġi eskluż li din l-infrastruttura turistika tkun użata prinċipalment mill-konsumatur medju Bulgaru, li ma huwiex ikkontestat li għandu għarfien tal-belt ta’ Devin, u inċidentalment minn proporzjon żgħir ta’ konsumaturi medji barranin li jżuru l-Bulgarija bħala turisti.

44

Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell, fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, issopona li l-fatt li r-reġistri tal-lukandi ta’ Devin isemmu numru żgħir ta’ barranin “jista’ ma jirriflettix bi preċiżjoni n-numru ta’ viżitaturi li tirċievi din il-belt” [traduzzjoni mhux uffiċjali], għaliex “[p]arti kbira mill-viżitaturi sensittivi għan-natura ma jissoġġornawx neċessarjament f’lukandi ta’ lussu, iżda jagħżlu akkommodazzjoni f’kamp jew f’guesthouse fi bliet u villaġġi viċin”, u speċifika, barra minn hekk, li “ċ-ċentru popolari ta’ Pamporovo huwa biss ftit iktar minn nofs siegħa bogħod bil-karozza”. Huwa għamel ipoteżi oħra skont liema “ikun estremament sorprendenti li turisti li jissoġġornaw f’Pamporovo (is-sittax-il destinazzjoni l-iktar popolari fil-Bulgarija, skont is-sit tal-internet “TripAdvisor.com”) ma jippruvawx iżuru reġjun ta’ sbuħija naturali allegatament kbira li tinsab tefa’ ta’ ġebla ’l bogħod minn hemm”.

45

Għandu madankollu jiġi kkonstatat li ebda waħda mill-provi prodotti mill-intervenjenti ma ssostni xi waħda minn dawn l-ipoteżi u li l-valur probatorju ta’ dawn l-ipoteżi huwa inqas minn dak ta’ kull affermazzjoni eżattament kuntrarja.

46

Fuq kollox, f’dak li jirrigwarda l-elementi preċedenti kollha, hemm lok jiġi enfasizzat li l-kriterju ġuridiku li għandu jiġi applikat ma jikkonsistix f’li jingħadd sal-inqas wieħed in-numru ta’ turisti barranin li jżuru l-belt ta’ Devin, iżda f’li tiġi stabbilita l-perċezzjoni tal-kelma “devin” mill-pubbliku rilevanti kollu tal-Unjoni, inkluż mill-persuni li mhux neċessarjament iżuru Devin jew il-Bulgarija, u li jikkostitwixxu l-maġġoranza ta’ dan il-pubbliku. Issa, l-argument tal-Bord tal-Appell ma jirrigwardax din il-parti ikbar ta’ konsumaturi medji tal-Unjoni, b’mod partikolari Griegi u Rumeni, li ma jżurux il-Bulgarija, iżda jikkonċentra fuq il-parti minima ta’ dawk li jaħsbu li jżuru dan il-pajjiż, u iktar fuq il-parti żgħira ħafna ta’ dawk li jżuru Devin jew jagħmlu riċerki dwarha.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-konsumatur medju ta’ ilma minerali u ta’ xorb fl-Unjoni ma għandux livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni fil-ġeografija jew fit-turiżmu. Għalhekk, b’analoġija, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2008, Powerserv Personalservice vs UASI – Manpower (MANPOWER) (T‑405/05, EU:T:2008:442, punti 858993), il-Qorti Ġenerali warrbet bħala “manifestament vagi wisq” allegazzjonijiet dwar “skambju lingwistiku permezz tat-turiżmu ta’ ċittadini Ingliżi u Ġermaniżi”, f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni, u kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma kienx ħa inkunsiderazzjoni tal-pubbliku rilevanti kollu, ikkostitwit mill-popolazzjoni tal-età tax-xogħol, billi ffoka b’mod żbaljat fuq il-persuni li jimpjegaw li kienu qegħdin ifittxu membri tal-persunal.

48

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell, billi ffoka b’mod żbaljat fuq it-turisti barranin, b’mod partikolari Griegi jew Rumeni, li jżuru l-Bulgarija jew Devin, ma ħax inkunsiderazzjoni tal-pubbliku rilevanti kollu, ikkostitwit mill-konsumatur medju tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Greċja u tar-Rumanija, iżda, b’mod żbaljat, illimita ruħu għal parti minima jew żgħira ħafna mill-pubbliku rilevanti, li, fi kwalunkwe każ, tirriżulta li hija negliġibbli u ma tistax tittieħed bħala suffiċjentement rappreżentattiva tiegħu fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 iktar ’il fuq. Hija tali limitazzjoni fuq parti minima jew żgħira ħafna mill-pubbliku rilevanti, jiġifieri t-turisti barranin li jżuru il-Bulgarija jew Devin, li tispjega għaliex l-elementi miżmuma mill-Bord tal-Appell għandhom valur probatorju żgħir ħafna, sal-punt ta’ kważi ineffettiv. Fil-qosor, il-Bord tal-Appell applika test ħażin, li inevitibbilment wasslu għal evalwazzjoni fattwali żbaljata tal-perċezzjoni tal-kelma “devin” mill-pubbliku rilevanti.

49

Fl-aħħar nett, fil-punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qal li huwa “konvint li r-reputazzjoni inkontestabbli ta’ Devin bħala belt termali għall-ilmijiet naturali ma tiqafx b’mod arbitrarju mal-fruntiera Bulgara, iżda testendi għall-pajjiżi ġirien” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, ddikjara, b’enfasi, li “jkun stramb li r-reputazzjoni kunsiderevoli li tgawdi minnha Devin fil-Bulgarija għall-ilmijiet tagħha tisparixxi b’mod misterjuż mal-fruntiera bejn il-Bulgarija u l-Greċja”.

50

Għandu madankollu jiġi kkonstatat, bħar-rikorrenti, li tali dikjarazzjoni ma tistax isservi bħala prova valida sabiex jiġi stabbilit li l-belt ta’ Devin hija magħrufa “minn ‘parti kbira’ tal-konsumaturi fil-pajjiżi ġirien, bħall-Greċja u r-Rumanija” [traduzzjoni mhux uffiċjali], bħalma qies il-Bord tal-Appell, bħad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fuq dan il-punt. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-belt ta’ Devin, diffiċilment aċċessibbli u sseparata mill-fruntiera Griega b’żona ta’ muntanji, tippreżenta sitwazzjoni ġeografika partikolari li tagħmel din id-dikjarazzjoni inqas u inqas probabbli.

51

B’analoġija, għandu jitfakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Cloppenburg (T‑379/03, EU:T:2005:373, punti 3946), dwar il-belt ta’ Cloppenburg, li tinsab f’Niedersachsen (il-Ġermanja) u li għandha madwar 30000 abitant, jiġifieri iktar minn erba’ darbiet il-populazzjoni ta’ Devin, il-Qorti Ġenerali ħalliet indeċiża l-kwistjoni dwar jekk il-pubbliku kkonċernat, jiġifieri l-konsumatur Ġermaniż medju, kellux għarfien tal-belt ta’ Cloppenburg bħala post ġeografiku u, fi kwalunkwe każ, qieset, minħabba “d-daqs ta’ ftit importanza” ta’ din il-belt, li, anki jekk għas-saħħa tal-argument jitqies li l-konsumatur Ġermaniż kellu għarfien tagħha, din l-għarfien kellu jiġi kklassifikat bħala wieħed baxx jew, l-iktar l-iktar, medju. F’dik il-kawża, il-Qorti Ġenerali lanqas ma kkunsidrat li din il-belt Ġermaniża ta’ “daqs ta’ ftit importanza” setgħet tkun magħrufa mill-konsumatur medju tal-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni.

52

Minn dan isegwi li l-motivi esposti fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jintwera li l-konsumatur medju fil-Greċja u fir-Rumanija kellu għarfien ta’ Devin bħala post ġeografiku ma huma bl-ebda mod konvinċenti u lanqas konklużivi.

53

Barra minn hekk, ir-rikorrenti pprovdiet provi oħrajn insostenn tal-argument tagħha li jipprovdi li l-konsumatur medju Grieg jew Rumen ma jistabbilixxix rabta diretta bejn it-trade mark ikkontestata u oriġini ġeografika.

54

Għalhekk, ir-rikorrenti pproduċiet sinteżi uffiċjali maħruġa mill-muniċipalità ta’ Devin infisha, li tiddikjara, abbażi ta’ dikjarazzjonijiet ta’ proprjetarji ta’ lukandi, in-numru ta’ turisti barranin li żaru l-belt ta’ Devin fl‑2014, allegatament “sena rekord”. Dan id-dokument juri li, matul dik is-sena, inqas minn 3500 turist barrani, in-nazzjonalitajiet kollha inklużi, żaru l-belt ta’ Devin u li, fosthom, kien hemm biss 400 turist Grieg u 50 turist Rumen. B’paragun man-numru ta’ 5.4 miljun turist li żaru l-Bulgarija fl‑2014 (ara l-punt 38 iktar ’il fuq) u mal-popolazzjonijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Greċja u tar-Rumanija – li jammontaw għal 10.7 miljun u għal 19.6 miljun abitant, rispettivament, fl‑1 ta’ Jannar 2017 skont l-Uffiċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) – din id-data tissuġġerixxi li l-belt ta’ Devin ma hijiex attrazzjoni kbira għat-turisti barranin, b’mod partikolari Griegi u Rumeni, u, iktar u iktar, ma hijiex magħrufa mill-konsumatur medju barrani.

55

Ir-rikorrenti pproduċiet ukoll id-data li tirriżulta minn stħarriġ tas-suq “omnibus” magħmula f’diversi Stati Membri, fosthom il-Greċja (il-parti kontinentali u Kreta), ir-Rumanija, il-Ġermanja u r-Renju Unit (iktar ’il quddiem l-“istħarriġ omnibus”). Fir-rigward tal-istħarriġ imwettaq fil-Greċja u li jkopri kampjun ta’ 1007 persuna fost il-pubbliku Grieg, ir-riżultati kienu donnhom juru li inqas minn 1 % ta’ dan il-kampjun kien jassoċja l-kelma “devin” ma’ post fil-Bulgarija, u inqas minn 3 % ma’ xi post.

56

Il-Bord tal-Appell qies dan l-istħarriġ omnibus bħala “inkomplut fuq ċerti punti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], elenkati fil-punti 44 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont l-istess Bord tal-Appell, l-ewwel nett, l-istħarriġ kien qiegħed jipprova jipprova fatt negattiv, jiġifieri li l-pubbliku ma għandux għarfien tal-belt ta’ Devin, u, minħabba din il-premessa dubjuża, il-maġġoranza tad-data miġbura kienet ambigwa. Il-persuni mistoqsija kien misshom ġew “inkoraġġuti jkunu iktar preċiżi”, iżda huwa ma ppreċiżax kif. It-tieni nett, xejn ma kien jindika jekk xi persuni li jgħixu f’reġjuni transkonfinali tal-Bulgarija ħadux sehem fl-istħarriġ Grieg u, jekk ikun il-każ, sa liema punt. It-tielet nett, ir-riżultati tal-istħarriġ Grieg kienu vvizzjati bi żbalji u d-data kultant ma kinitx affidabbli (fir-rigward ta’ total żbaljat ta’ 71 minflok ta’ 72). Ir-raba’ nett, minkejja li d-data kienet interpretata bl-iktar mod favorevoli mill-perspettiva tar-rikorrenti, kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fl-istħarriġ Grieg, 30 persuna mistoqsija kienet wieġbet li Devin kienet jew “belt”, jew “post”, jew “reġjun tal-Bulgarija”. Hija ddeduċiet minn dan li dawn it‑30 persuna mistoqsija, fuq kampjun ta’ 1007 persuna, kienu jikkorrispondi għal iktar minn 270000 abitant fuq popolazzjoni Griega totali ta’ 11‑il miljun, li ma kienx ammont insinjifikanti. Minn dan kollu, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-data tal-istħarriġ ma kinitx “evidentement […] mhux konvinċenti” u “mhux konklużiva”.

57

Issa, anki jekk għas-saħħa tal-argument jitqies li dan l-istħarriġ omnibus huwa inkomplut kif identifikat mill-Bord tal-Appell, hemm lok jitqies li dawn il-konklużjonijiet jistgħu għall-inqas jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’marġni ta’ żball suffiċjenti u mingħajr ma jkunu deċiżivi. Għalhekk, anki jekk għas-saħħa tal-argument jitqies li l-perċentwal reali tal-pubbliku Grieg li għandu għarfien ta’ Devin bħala post ġeografiku (fil-Bulgarija jew xi mkien ieħor) huwa ta’ 3 %, jew anki darbtejn u jew tliet darbiet iktar, dan xorta jibqa’ perċentwal minimu, li ma jistax jitqies bħala rappreżentattiv tal-konsumatur medju Grieg.

58

Fuq kollox, anki jekk numru ta’ 270000 abitant ma huwiex insinjifikanti f’termini assoluti, xorta jibqa’ li l-kwistjoni rilevanti hija l-perċezzjoni mill-pubbliku kkonċernat kollu, li fir-rigward tiegħu perċentwal relattiv ta’ 3 % ma jirriżultax li huwa rappreżentattiv. L-istess riżultat jista’ wkoll jinqara fis-sens li 97 % (jew perċentwal simili) tal-populazzjoni Griega ma għandhiex għarfien tal-kelma “devin”, la bħala “belt”, la bħala “post”, u lanqas bħala “reġjun tal-Bulgarija”, li jirriżulta ħafna iktar konvinċenti u konklużiv.

59

Barra minn hekk, fir-rigward tal-assenza ta’ indikazzjoni, fl-istħarriġ Grieg, ta’ persuni transkonfinali tal-Bulgarija, huwa biżżejjed jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, maġġoranza kbira ħafna tal-konsumaturi medji Griegi ma tgħixx viċin il-fruntiera Bulgara.

60

Fl-aħħar nett, għandha tiġi mwarrba l-allegazzjoni tal-EUIPO, magħmula fir-risposta, li tipprovdi li l-fatt li l-Greċja u r-Rumanija huma parti għall-ftehim ta’ Liżbona jimplika li ċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri għandhom għarfien ta’ Devin bħala indikazzjoni ġeografika ta’ ilma minerali Bulgaru. Tali allegazzjoni hija manifestament nieqsa fil-fatt, sa fejn din tippreżumi li l-konsumatur medju Grieg jew Rumen għandu livell ta’ għarfien għoli ħafna li, evidentement, huwa ma għandux, inkluż dwar it-trattati internazzjonali u l-lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fil-pajjiż tiegħu. Barra minn hekk, il-protezzjoni ġuridika minn Stat Membru ta’ indikazzjoni ġeografika ma tistax tkun biżżejjed sabiex tistabbilixxi awtomatikament ir-rikonoxximent, mill-konsumatur medju ta’ dan l-Istat Membru, tal-kelma li tikkorrispondi ma’ din l-indikazzjoni bħala li hija deskrittiva ta’ oriġini ġeografika.

61

Konsegwentement, hemm lok jiġi konkluż, bħar-rikorrenti, li l-Bord tal-Appell ma osservax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, billi ried “jistabbilixxi” li l-kelma “devin” hija magħrufa bħala l-indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika mill-konsumatur medju fil-Greċja u fir-Rumanija.

3) Fuq il-konsumatur medju tal-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni

62

Il-Bord tal-Appell, wara li qies li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva għall-konsumatur medju Grieg jew Rumen, bilkemm eżamina l-istess kwistjoni mill-perspettiva tal-konsumatur medju tal-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni. Fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa sempliċement qies li wieħed jista’ jiddeduċi mill-istħarriġ omnibus, li madankollu huwa kien iwarrab bħala “ftit li xejn konklużiv”, li madwar 455000 konsumatur Ġermaniż jipperċepixxu l-kelma “devin” bħala isem ta’ belt jew belt fil-Bulgarija. Fil-punt 55 tal-imsemmija deċiżjoni, huwa żied li “[m]a huwiex realistiku li jitqies li ebda wieħed minn dawn il-membri tal-pubbliku inġenerali ta’ Stati Membri oħrajn [li jżuru l-Bulgarija] ma jiffamiljarizzax ruħhu mal-kultura, l-istorja u l-attrazzjonijiet naturali tal-Bulgarija, li fosthom hemm il-belt ta’ Devin, meta dawn jippreparaw il-vjaġġ tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

63

Issa, għandu jiġi kkonstatat, bħar-rikorrenti, li 455000 konsumatur jikkorrispondi ma’ inqas minn 0.6 % tal-populazzjoni totali Ġermaniża, li diffiċli jikkostitwixxi proporzjon kunsiderevoli jew jirrappreżenta l-konsumatur medju Ġermaniż ta’ ilma minerali u ta’ xorb. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li xi konsumaturi wieġbu “belt” għal mistoqsija tal-istħarriġ ma huwiex probatorju, għaliex din it-tweġiba ma hijiex l-istess bħall-għarfien ta’ belt partikolari jew l-eżistenza ta’ rabta diretta partikolari mal-prodotti inkwistjoni.

64

Fir-rigward tal-karatterizzazzjoni tal-konsumatur medju tal-Unjoni bħala turist li qiegħed jipprepara vjaġġ fil-Bulgarija u li qiegħed jiffamiljarizza ruħu ma’ attrazzjoni relattivament żgħira tal-pajjiż, din tidher ħafna iktar “mhux realistika” mill-konstatazzjoni opposta. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat mill-ġdid li l-konsumatur medju ta’ ilma minerali u ta’ xorb fl-Unjoni ma għandux livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni fil-ġeografija jew fit-turiżmu (ara l-punt 47 iktar ’il fuq).

65

Barra minn hekk, l-intervenjenti ma ppreżentatx provi speċifiċi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-konsumatur medju tal-Unjoni jipperċepixxi l-kelma “devin” bħala post ġeografiku fil-Bulgarija.

66

Fir-rigward tal-argument tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li jipprovdi li l-isem ġeografiku Devin, fil-futur, jista’ potenzjalment jinftiehem mill-pubbliku tal-Unjoni bħala deskrizzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti rilevanti, fid-dawl tal-isforzi ta’ marketing magħmula u tat-tkabbir tas-settur turistiku Bulgaru (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li tali argument ma huwiex sostnut mill-elementi tal-proċess u jikkostitwixxi sempliċi ipoteżi, b’mod partikolari għaliex il-belt ta’ Devin ma hijiex fost il‑50 destinazzjoni prinċipali tal-Bulgarija u tgawdi ftit biss mit-tkabbir tat-turiżmu barrani f’dan il-pajjiż. Għalhekk ma huwiex “raġonevoli”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, li jitqies li l-isem Devin jista’, f’għajnejn il-pubbliku tal-Unjoni, jindika l-oriġini ġeografika tal-prodotti kkonċernati. Barra minn hekk, l-oneru tal-prova ma jistax jinqaleb billi r-rikorrenti tiġi rikjesta turi fatt negattiv, jiġifieri li wieħed ma jistax iżur il-belt ta’ Devin jew ikollu għarfien tagħha fil-futur.

67

Hemm lok jiġi konkluż li mill-proċess ma jirriżultax li l-kelma “devin” hija rrikonoxxuta bħala l-indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika mill-konsumatur medju tal-Istati Membri tal-Unjoni minbarra tal-Bulgarija.

68

Fid-dawl tal-interess ġenerali li tiġi ppreżervata d-disponibbiltà tal-ismijiet ġeografiċi (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi tal-konklużjoni preċedenti dwar id-disponibbiltà tal-isem ġeografiku Devin.

b)   Fuq id-disponibbiltà tal-isem ġeografiku Devin

69

Il-Bord tal-Appell, fil-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata, fakkar li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet enfasizzat l-interess ġenerali li tiġi ppreżervata d-disponibbiltà tal-ismijiet ġeografiċi. Skont id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-każ ta’ Devin kien juri l-loġika li huwa msejjes fuqha l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri l-ħtieġa li ċerti deskrizzjonijiet ġeografiċi jibqgħu disponibbli sabiex operaturi oħrajn ikunu jistgħu jużawhom, u l-eżistenza ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea ma kellhiex tostakola l-isforzi ekonomiċi attwali u futuri intiżi li jiżviluppaw ir-reputazzjoni ta’ belt termali tradizzjonali lil hinn mill-fruntieri tal-pajjiż. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet warrbet l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-konċessjoni ta’ ilma ngħatat lil impriża waħda biss, għar-raġuni li ma ħax inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-interess ġenerali jew l-interess pubbliku li t-trade marks deskrittivi jew potenzjalment deskrittivi jitħallew disponibbli għall-użu minn terzi kien stabbilit minn qabel u preżunt.

70

Il-Bord tal-Appell innifsu, fil-punti 49 sa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, ċaħad “argument essenzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tar-rikorrenti deskritt mill-Bord tal-Appell bħala li jirrigwarda “l-allegata ‘esklużività’ tal-kuntratt tiegħu li jippermettilu juża r-riżervi tal-ilma ta’ Devin”, dispożizzjoni tad-dritt Bulgaru li tipprovdi li “konċessjoni għall-estrazzjoni […] hija mogħtija lil konċessjonarju wieħed” (paragrafu (11) tal-Artikolu 47 tal-Liġi dwar l-Ilma) kif ukoll “monopolju ta’ fatt fuq l-indikazzjoni ġeografika ‘Devin Natural Mineral Water’” (ara l-punt 28 iktar ’il fuq) li jipprekludi, skont l-imsemmi Bord, li “din l-indikazzjoni tibqa’ disponibbli għal użu minn operaturi oħrajn”.

71

Għal dan l-għan, il-Bord tal-Appell, qabelxejn, qies li l-monopolju potenzjali tar-rikorrenti huwa limitat ratione temporis u jista’ jiġi reżiljat għal raġunijiet kummerċjali jew ġuridiċi differenti. Barra minn hekk, huwa qies li l-“użu” ta’ sors naturali u l-ibbottilljar sussegwenti tiegħu jistgħu jinvolvu impriżi differenti, li kollha kemm huma jrid ikollhom id-dritt li jużaw il-kelma “devin” fuq it-tikketti tagħhom. Fl-aħħar nett, huwa osserva li, “[i]ndipendentement mir-restrizzjonijiet ġuridiċi attwali fil-Bulgarija, […] id-Direttiva [2009/54] ma tirristrenġix l-użu ta’ sorsi ta’ ilma minerali lil impriża waħda” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li “[l-]Artikolu 8(2) tal-[imsemmija] direttiva jimponi biss restrizzjoni li tipprovdi li l-ilma li ġej mill-istess sors għandu dejjem jiġi kkumerċjalizzat taħt ‘indikazzjoni kummerċjali’ waħda, iżda ma jillimitax il-kummerċjalizzazzjoni għal impriża waħda” u li “[d]in id-dispożizzjoni ma tfittixx li tirregola n-numru ta’ ‘konċessjonarji’ [bħalma donnha argumentat ir-rikorrenti]”.

72

Il-Bord tal-Appell, fil-punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata, indirizza argument ieħor tar-rikorrenti, li jenfasizza li l-EUIPO kien irreġistra t-trade marks verbali tal-Unjoni Ewropea VITTEL (taħt in-numru 958322) u EVIAN (taħt in-numru 1422 716) għal, b’mod partikolari, “ilma minerali” inkluż fil-Klassi 32. Il-Bord tal-Appell wieġeb li ma kinitx neċessarjament “prattika” tal-EUIPO li jaċċetta mingħajr kontestazzjoni r-reġistrazzjoni ta’ tali trade marks, għaliex l-eżami tal-istorja ta’ din it-trade mark tal-aħħar kien juri li kienet saret oġġezzjoni kontriha matul l-eżami tal-motivi assoluti ta’ rifjut, minkejja li din kienet ġiet skartata sussegwentement wara l-produzzjoni ta’ provi.

73

L-EUIPO, kemm fir-risposta tiegħu kif ukoll matul is-seduta, iqis li l-Bord tal-Appell għalhekk ipproteġa, ġustament, l-interess ġenerali li tiġi ppreżervata d-disponibbiltà ta’ isem ġeografiku bħal dak tal-belt termali ta’ Devin. Huwa jippreċiża li r-rikorrenti tista’ evidentement tkompli bl-użu tat-trade mark tagħha li għandha reputazzjoni fil-Bulgarija. Madankollu, huwa jżid li, il-fatt li hija għandha trade mark li għandha reputazzjoni fil-Bulgarija ma jagħtihiex id-dritt ta’ monopolju fuq il-livell tal-Unjoni fuq il-kelma deskrittiva “devin”, li jkun ta’ ostakolu għall-isforzi ekonomiċi intiżi li tiġi żviluppata r-reputazzjoni ta’ belt termali tradizzjonali lil hinn mill-fruntieri tal-Bulgarija. Dan lanqas ma jeskludi li kompetituri oħrajn ikunu jistgħu, fil-futur, ikollhom interess leġittimu li jużaw l-indikazzjoni deskrittiva “devin” fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni, fejn Devin hija magħrufa u assoċjata mal-ilma tagħha, iżda ma akkwistatx karattru distintiv mill-fatt tal-użu tagħha.

74

Ir-rikorrenti targumenta li l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ma huwiex intiż li jibblokka b’mod sistematiku r-reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ sinjali deskrittivi. Hija tippreċiża li, meta sinjal deskrittiv jakkwista tifsira awtonoma bħala trade mark, permezz tal-użu li jkun sar tiegħu, dan jista’ jiġi rreġistrat, u dan ma jipprekludix lit-terzi milli jagħmlu użu deskrittiv mis-sinjal.

75

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar, taħt forma kemxejn emendata, l-Artikolu 14(1)(b) tar-Regolament 2017/1001), “[i]t-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ […] indikazzjonijiet li jirrigwardaw […] l-oriġini ġeografiku […] tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew tas-servizzi”.

76

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, billi llimita għalhekk l-effetti tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż li jirrikonċilja l-interessi fundamentali tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-trade mark u dawk tal-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq komuni, u dan b’mod li d-dritt tat-trade mark ikun jista’ jissodisfa r-rwol tiegħu ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-TFUE jrid jistabbilixxi u jżomm (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Adidas u Adidas Benelux, C‑102/07, EU:C:2008:217, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Iktar speċifikament, l-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż li jiżgura l-possibbiltà għall-operaturi ekonomiċi kollha li jużaw indikazzjonijiet deskrittivi. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi għalhekk espressjoni tal-ħtieġa ta’ disponibbiltà. Madankollu, il-ħtieġa ta’ disponibbiltà ma tista’ fl-ebda każ tikkostitwixxi limitazzjoni awtonoma tal-effetti tat-trade mark li tiżdied ma’ dawk espressament previsti fl-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Adidas u Adidas Benelux, C‑102/07, EU:C:2008:217, punti 4647 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Ċertament, għandu jiġi rrilevat li, f’ċirkustanzi differenti minn dawk tal-kawża odjerna, ġie deċiż li l-prinċipju ġurisprudenzjali, invokat fil-punti 19 u 20 iktar ’il fuq, li jirrigwarda l-interess ġenerali li fuqu huwa msejjes l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma huwiex kontradett mill-Artikolu 12(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li lanqas ma jinfluwenza b’mod determinanti l-interpretazzjoni tal-ewwel dispożizzjoni. Madankollu, minkejja li l-Artikolu 12(1)(b) tal-imsemmi regolament, li huwa intiż b’mod partikolari li jirregola l-problemi li jqumu meta tkun ġiet irreġistrata trade mark komposta totalment jew parzjalment minn isem ġeografiku, ma tagħtix lit-terzi l-użu ta’ tali isem bħala trade mark, dan jiggarantixxi madankollu li huma jkunu jistgħu jużawha b’mod deskrittiv, jiġifieri bħala indikazzjoni marbuta mal-oriġini ġeografika, bil-kundizzjoni li l-użu jsir konformement mal-użu ġenwin fil-qasam industrijali jew kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2003, Nordmilch vs UASI (OLDENBURGER), T‑295/01, EU:T:2003:267, punt 55, u tal‑20 ta’ Lulju 2016, Internet Consulting vs EUIPO – Provincia Autonoma di Bolzano-Alto Adige (SUEDTIROL), T‑11/15, EU:T:2016:422, punt 55; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punti 26 sa 28).

79

Għalhekk huwa permess, b’mod partikolari, użu deskrittiv tal-isem “Devin” għall-finijiet tal-promozzjoni tal-belt bħala destinazzjoni turistika. Kuntrarjament għal dak li tibża’ l-intervenjenti, it-trade mark ikkontestata ma tistax għalhekk tikkostitwixxi ostakolu għall-isforzi ekonomiċi magħmula sabiex tiġi żviluppata, lil hinn mill-fruntieri tal-Bulgarija, ir-reputazzjoni tal-belt ta’ Devin għall-ilma termali tagħha.

80

Għal skopijiet ta’ ċarezza, għandu jiġi ppreċiżat li din it-tfakkira leġiżlattiva u ġurisprudenzjali ma tammontax għal rakkommandazzjoni ta’ stħarriġ minimu tal-motivi ta’ rifjut previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, matul l-eżami tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, taħt l-iskuża li r-riskju li xi operaturi jkunu jistgħu japproprjaw ċerti sinjali li għandhom jibqgħu disponibbli jiġi nnewtralizzat bil-limiti imposti, bis-saħħa tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, fl-istadju tal-implementazzjoni tal-effetti tat-trade mark irreġistrata. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-motivi ta’ rifjut li jinsabu fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament għandha ssir mill-awtorità kompetenti għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark, u ma tistax tiġi rtirata sabiex tiġi ttrasferita lill-qrati responsabbli li jiggarantixxu l-eżerċizzju konkret tad-drittijiet li tagħti t-trade mark (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 58).

81

Fir-rigward tal-kwotazzjoni mill-Bord tal-Appell tas-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley (C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punt 32), li tipprovdi li “[r]-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha għaldaqstant tiġi rrifjutata […] jekk, f’mill-inqas wieħed mis-sinjifikati possibbli tiegħu, huwa jindika karatteristika tal-prodotti jew servizzi kkonċernati”, huwa biżżejjed jitfakkar li din il-ġurisprudenza twieġeb, fin-negattiv, għall-kwistjoni dwar jekk huwiex “neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jikkomponu t-trade mark ikunu effettivament użati, fil-mument tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, għal finijiet deskrittivi […]”. Issa, f’dan il-każ, il-kwistjoni rilevanti ma hijiex din – peress li l-kelma “devin” hija deskrittiva fil-Bulgarija, bla ħsara għal karattru distintiv akkwistat mill-użu tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti kkonċernati – iżda fil-fatt dik tal-perċezzjoni ta’ din il-kelma mill-pubbliku rilevanti ’l barra mill-Bulgarija.

82

F’dan ir-rigward, minkejja li l-probabbiltà li indikazzjoni ġeografika ta’ oriġini tista’ tinfluwenza r-relazzjonijiet kompetittivi hija qawwija meta din tkun marbuta ma’ reġjun kbir b’reputazzjoni għall-kwalità ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti u ta’ servizzi, din tkun, min-naħa l-oħra, dgħajfa meta tkun marbuta ma’ post iddeterminat sewwa li r-reputazzjoni tiegħu hija limitata għal numru limitat ta’ prodotti jew ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Mövenpick vs UASI (PASSIONATELY SWISS), T‑377/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:753, punt 41, u tal‑20 ta’ Lulju 2016, SUEDTIROL, T‑11/15, EU:T:2016:422, punt 44). Issa, f’dan il-każ, Devin huwa post iddeterminat sew, magħruf mill-konsumatur medju fil-Bulgarija biss u fil-biċċa l-kbira tiegħu mhux magħruf mill-konsumatur medju fil-kumplament tal-Unjoni, u li r-reputazzjoni tiegħu tirrigwarda biss l-ilma tiegħu.

83

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, jekk għas-saħħa tal-argument jingħad li t-trade mark ikkontestata tkun akkwistat tifsira awtonoma u karattru distintiv fil-Bulgarija, l-uniku Stat Membru fejn il-kelma “devin” hija deskrittiva u, għalhekk, hija valida bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, xorta jibqa’ l-fatt li r-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi, fid-definizzjoni nfisha tad-dritt esklużiv mogħti minn tali trade mark, salvagwardji intiżi li jippreżervaw l-interessi ta’ terzi.

84

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li r-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż, b’mod ġenerali, li jibbilanċja, minn naħa, l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark sabiex jissalvagwardja l-funzjoni essenzjali tagħha u, min-naħa l-oħra, l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi oħrajn li jkollhom fid-dispożizzjoni tagħhom sinjali sabiex jindikaw l-prodotti u s-servizzi tagħhom. Minn dan isegwi li l-protezzjoni tad-drittijiet li l-proprjetarju ta’ trade mark jieħu minn dan ir-regolament ma hijiex inkundizzjonata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2006, Levi Strauss, C‑145/05, EU:C:2006:264, punti 2930 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C‑482/09, EU:C:2011:605, punti 3448; tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punti 41 sa 43, u tat‑30 ta’ Mejju 2018, Tsujimoto vs EUIPO, C‑85/16 P u C‑86/16 P, EU:C:2018:349, punt 90).

85

Minn naħa, il-protezzjoni tal-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark, prevista fl-Artikolu 9(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 9(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2017/1001) tkopri biss l-użu tagħha għal prodotti (jew servizzi) identiċi jew simili u teżiġi probabbiltà ta’ konfużjoni mill-pubbliku rilevanti, li hija preżunta fil-każ ta’ identiċità doppja tas-sinjali u tal-prodotti.

86

Min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-funzjoni pubbliċitarja tat-trade mark li għandha reputazzjoni, prevista fl-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament Nru 2017/1001), tkopri wkoll prodotti mhux simili, iżda teżiġi riskju ta’ taħlit, ta’ titbigħ jew ta’ free-riding u, fuq kollox, ma tkoprix l-użu li għandu “raġuni valida”.

87

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġuni valida” ma jistax jiġi interpretat fis-sens li huwa limitat għal raġunijiet oġġettivament imperattivi, iżda jista’ wkoll ikun relatat mal-interessi suġġettivi ta’ terz li jagħmel użu minn sinjal identiku jew simili tat-trade mark magħrufa. Dan il-kunċett ma huwiex intiż li jirregola kunflitt bejn trade mark li għandha reputazzjoni u sinjal simili li l-użu tiegħu huwa preċedenti għall-preżentata ta’ din it-trade mark jew li jillimita d-drittijiet irrikonoxxuti lill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, iżda sabiex jinstab bilanċ bejn l-interessi inkwistjoni filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u fid-dawl tal-protezzjoni estiża li tgawdi minnha din l-istess trade mark, l-interessi tat-terz li juża dan is-sinjal (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punti 45 sa 48).

88

Mill-Artikolu 9(2)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark li għandha reputazzjoni jista’ jkollu, minħabba “raġuni valida”, jittollera l-użu minn terz ta’ sinjal li jixbah l-imsemmija trade mark għal prodott identiku għal dak li għalih din it-trade mark ġiet irreġistrata, meta jirriżulta li dan is-sinjal intuża qabel il-preżentata tat-trade mark li għandha reputazzjoni u li l-użu li sar għall-prodott identiku sar in bona fide. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 8(5) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001), l-imsemmi proprjetarju ma jistax jopponi għar-reġistrazzjoni ta’ tali sinjal (sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2016, Future Enterprises vs EUIPO – McDonald’s International Property (MACCOFFEE), T‑518/13, EU:T:2016:389, punt 113; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punt 60).

89

F’dan il-każ, minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-isem tal-belt ta’ Devin jibqa’ disponibbli għat-terzi mhux biss għal użu deskrittiv, bħall-promozzjoni tat-turiżmu f’din il-belt, iżda wkoll bħala sinjal distintiv fil-każ ta’ “raġuni valida” u ta’ assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni li teskludi l-applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 207/2009.

90

L-interess ġenerali li tiġi ppreżervata d-disponibbiltà ta’ isem ġeografiku bħal dak tal-belt termali ta’ Devin jista’ għalhekk jiġi protett grazzi għall-fatt li użu deskrittiv ta’ tali ismijiet huwa permess u għas-salvagwardji li jillimitaw id-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata, mingħajr ma tkun meħtieġa d-dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din it-trade mark u t-tneħħija totali tad-dritt esklużiv li din tagħti għall-prodotti tal-Klassi 32 koperti mir-reġistrazzjoni.

91

Fil-bqija, huwa dan il-bilanċ neċessarju bejn id-drittijiet tal-proprjetarji u l-interessi ta’ terzi li jippermetti r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li ġejjin minn isem ġeografiku li jġibu l-isem tiegħu, bħat-trade marks verbali tal-Unjoni Ewropea VITTEL u EVIAN imsemmija mir-rikorrenti, taħt ċerti kundizzjonijiet intiżi b’mod partikolari għall-akkwist ta’ tifsira awtonoma u ta’ karattur distintiv permezz tal-użu fit-territorji fejn is-sinjal huwa intrinsikament deskrittiv ta’ oriġini ġeografiku kif ukoll għall-assenza ta’ natura qarrieqa tal-imsemmi sinjal fir-rigward ta’ din l-oriġini.

2.   Konklużjoni fuq l-ewwel motiv u fuq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità

92

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet msemmija iktar ’il fuq, b’mod partikolari tal-punti 32 sa 67 iktar ’il fuq, hemm lok jiġi konkluż, bħar-rikorrenti, li l-Bord tal-Appell ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ livell suffiċjenti ta’ rikonoxximent tal-belt ta’ Devin mill-konsumatur medju tal-Unjoni, b’mod partikolari Grieg jew Rumen, u li l-intervenjenti ma sostniet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha b’ebda prova li tippermetti li jiġi konkluż li l-konsumatur medju tal-Unjoni jassoċja l-kelma “devin” ma’ belt tal-Bulgarija. Minkejja li għandu jiġi deċiż li parti mill-konsumaturi tal-Unjoni għandhom għarfien tal-belt ta’ Devin, tali parti għandha, fi kwalunkwe każ, titqies li hija żgħira ħafna. Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma timmina s-sbuħija naturali ta’ Devin u l-proprjetajiet ta’ kura tal-ilma termali tagħha, u lanqas l-isforzi ekonomiċi magħmula għall-promozzjoni tat-turiżmu fil-Bulgarija.

93

Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 iktar ’il fuq, bħala prinċipju, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jipprekludix ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi li ma humiex magħrufa fost il-gruppi interessati jew, għall-inqas, mhux magħrufa bħala indikazzjoni ta’ post ġeografiku. Issa, f’dan il-każ, filwaqt li l-isem ġeografiku Devin huwa magħruf mill-gruppi interessati fil-Bulgarija, pajjiż li għalih ir-rikorrenti tinvoka karattru distintiv akkwistat tat-trade mark ikkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-gruppi interessati tal-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Greċja u r-Rumanija, l-isem ġeografiku Devin ma huwiex magħruf mill-maġġoranza tagħhom jew, għall-inqas, mhux magħruf bħala indikazzjoni ta’ post ġeografiku.

94

Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq, fl-evalwazzjoni tiegħu, l-EUIPO kien obbligat jistabbilixxi li l-isem ġeografiku huwa magħruf fil-gruppi interessati bħala indikazzjoni ta’ post. Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-gruppi interessati, ikkostitwiti minn konsumaturi medji, l-isem ġeografiku Devin, għal maġġoranza tal-pubbliku, ma huwiex magħruf. Il-parti tal-pubbliku rilevanti li għandha għarfien ta’ dan l-isem bħala post ġeografiku tirrappreżenta biss minoranza żgħira ħafna u negliġibbli, ta’ perċentwal jew ta’ ftit perċentwali l-iktar l-iktar. Barra minn hekk, dan il-perċentwal jidher, prima facie, inferjuri għal dak tal-parti tal-pubbliku rilevanti li għandu għarfien ta’ Devin bħala trade mark ta’ ilma minerali.

95

Minn dan kollu preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li t-trade mark ikkontestata kienet deskrittiva ta’ oriġini ġeografika fir-rigward tal-konsumatur medju tal-pajjiżi ġirien tal-Bulgarija, jiġifieri l-Greċja u r-Rumanija, kif ukoll dawk tal-Istati Membri l-oħrajn kollha tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni biss tal-Bulgarija. B’dan il-mod, huwa kiser l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) tal-istess regolament.

96

Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’, u għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, konformement mal-ewwel talba tar-rikorrenti, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata t-tieni parti tal-ewwel motiv jew it-tieni motiv, inklużi l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li tqajmu kontrihom mill-intervenjenti jew mill-EUIPO, rispettivament, u lanqas li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi prodotti mill-intervenjenti, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali skont ir-rikorrenti.

B. Fuq it-talba għal bidla

97

Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet talba tar-rikorrenti, intiżi li tiġi miċħuda t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-intervenjenti fit-totalità tagħha u intiża, essenzjalment, għall-bidla tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ bidla mogħtija lill-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009 ma għandiex bħala effett li tagħtiha s-setgħa li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord tal-Appell ma jkunx għadu ddeċieda. Konsegwentement, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla għandu, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72, u tat‑13 ta’ Mejju 2015, easyAir-tours, T‑608/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:282, punt 68).

98

Issa, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla tal-Qorti Ġenerali, bħalma jirriżultaw mis-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:452), ma humiex issodisfatti. Fil-fatt, minkejja li jirriżulta effettivament mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 95 iktar ’il fuq li l-Bord tal-Appell kellu jikkonstata li t-trade mark ikkontestata ma kellhiex karattru deskrittiv fir-rigward tal-parti mhux Bulgara tal-pubbliku rilevanti, b’mod partikolari għall-konsumatur medju Grieg jew Rumen, xorta jibqa’ l-fatt li l-Bord tal-Appell – sa fejn huwa qies, b’mod żbaljat, li l-karattru allegatament deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għall-parti Griega jew Rumena tal-pubbliku rilevanti kien biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ raġuni ta’ invalidità li tiġġustifika ċ-ċaħda tar-rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni – ma tax deċiżjoni ċara dwar l-akkwist ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-parti Bulgara tal-pubbliku rilevanti, parti biss li għaliha t-trade mark ikkontestata hija deskrittiva ta’ oriġini ġeografika. Peress li l-kwistjoni tal-akkwist ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark ikkontestata fil-Bulgarija ma ġietx eżaminata u deċiża b’mod ċar mill-Bord tal-Appell, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li jieħu konjizzjoni tagħha, għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tiegħu tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punti 7273, u tat‑13 ta’ Mejju 2015, easyAir-tours, T‑608/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:282, punti 6970 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Minn dan isegwi li, fl-istat attwali tal-proċess, il-Qorti Ġenerali ma tistax teżerċita s-setgħa tagħha ta’ bidla tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tad‑29 ta’ Jannar 2016 – li barra minn hekk kienet qieset, fuq dan il-punt, li, “fid-dawl tal-elementi prodotti mir-[rikorrenti], […] ma jista’ jkun hemm ebda dubju li t-trade mark Devin akkwistat karattru distintiv fil-Bulgarija” [traduzzjoni mhux uffiċjali] – u li tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata.

100

Għalhekk it-tieni u t-tielet talba tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

IV. Fuq l-ispejjeż

101

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

102

Peress li l-EUIPO u l-intervenjenti tilfu, hemm lok, minn naħa, li l-EUIPO jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mir-rikorrenti, b’mod konformi mat-talbiet ta’ din tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, li jiġi deċiż li l-intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat‑2 ta’ Diċembru 2016 (Każ R 579/2016‑2) hija annullata.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

L-EUIPO għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk esposti minn Devin AD.

 

4)

Haskovo Chamber of Commerce and Industry għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Collins

Kancheva

Passer

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ottubru 2018.

Firem

Werrej

 

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

II. It-talbiet tal-partijiet

 

III. Fid-dritt

 

A. Fuq it-talba għal annullament

 

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(c) tal-istess regolament

 

a) Fuq il-perċezzjoni tal-kelma “devin” mill-konsumatur medju tal-Unjoni

 

1) Fuq il-konsumatur medju Bulgaru

 

2) Fuq il-konsumatur medju Grieg jew Rumen

 

3) Fuq il-konsumatur medju tal-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni

 

b) Fuq id-disponibbiltà tal-isem ġeografiku Devin

 

2. Konklużjoni fuq l-ewwel motiv u fuq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità

 

B. Fuq it-talba għal bidla

 

IV. Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top