EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TJ0029

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tal-24 ta’ Ottubru 2018.
RQ vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Servizz pubbliku – Uffiċjali – Direttur Ġenerali tal-OLAF – Deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tar-rikorrent – Lis alibi pendens – Att li jikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dmirijiet ta’ assistenza u ta’ premura – Aspettattivi leġittimi – Drittijiet tad-difiża.
Kawża T-29/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:717

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

24 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Direttur Ġenerali tal-OLAF – Deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tar-rikorrent – Lis alibi pendens – Att li jikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dmirijiet ta’ assistenza u ta’ premura – Aspettattivi leġittimi – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T-29/17,

RQ, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentat mill-avukat É. Boigelot,

ir-rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Banks, J.-P. Keppenne u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

il-konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 1449 finali, tat-2 ta’ Marzu 2016, dwar talba għat-tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tar-rikorrent, kif ukoll, fejn meħtieġ, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares (2016) 5814495, tal-5 ta’ Ottubru 2016, li tiċħad l-ilment tar-rikorrent kontra l-ewwel deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta minn V. Tomljenović, President, E. Bieliūnas (Relatur), A. Marcoulli, R. Barents u A. Kornezov, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

F’Mejju 2012, il-kumpannija Swedish Match, manifattur ta’ prodotti tat-tabakk, ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea li kien jinkludi allegazzjonijiet serji dwar l-involviment ta’ John Dalli, Membru tal-Kummissjoni responsabbli għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur, f’attentati ta’ korruzzjoni. Skont il-kumpannija lanjanti, negozjant Malti, Silvio Zammit, kien uża r-relazzjonijiet tiegħu ma’ J. Dalli sabiex jipprova jikseb mingħandha u mill-assoċjazzjoni European Smokeless Tobacco Council (ESTOC) vantaġġ finanzjarju bi skambju tal-intervent tiegħu biex jinfluwenza favur l-industrija tat-tabakk, proposta leġiżlattiva futura possibbli dwar il-prodotti tat-tabakk. L-ilment semma, b’mod partikolari, konverżazzjoni telefonika li saret fid-29 ta’ Marzu 2012 bejn is-Segretarju Ġenerali tal-ESTOC u S. Zammit, li matulha dan tal-aħħar talab ħlas għoli ħafna inkambju għal laqgħa ma’ J. Dalli, bħala pass preliminari għal inizjattiva possibbli ta’ dan tal-aħħar favur l-industrija tat-tabakk.

2

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) beda investigazzjoni amministrattiva, irreġistrata bir-referenza OF/2012/0617, fir-rigward ta’ dan l-ilment. Abbażi tal-evidenza miġbura matul l-ewwel fażi tal-investigazzjoni, dan qies li seta’ jkun xieraq li jitlob lis-Segretarju Ġenerali ESTOC jerġa’ jkellem lil S. Zammit bit-telefon biex possibbilment tinkiseb aktar evidenza, u b’hekk is-segwitu tal-investigazzjoni jkun jista’ jiġi ppjanat aħjar u tkun tista’ tiġi kkonfermata jew miċħuda r-realtà tal-fatti dwar it-tentattiv ta’ korruzzjoni allegata u, jekk ikun il-każ, li jippreċiża l-portata tagħha. Is-Segretarju Ġenerali tal-ESTOC ikkonferma li kien disponibbli biex jikkoopera mal-OLAF f’dan is-sens.

3

Din it-tieni konverżazzjoni telefonika bejn S. Zammit u s-Segretarju Ġenerali tal-ESTOC seħħet fit-3 ta’ Lulju 2012. Is-Segretarju Ġenerali tal-ESTOC għamel din it-telefonata minn fuq mowbajl fl-uffiċċji tal-OLAF, bil-kunsens u fil-preżenza tar-rikorrent, RQ, Direttur Ġenerali tal-OLAF. Il-konverżazzjoni telefonika ġiet irrekordjata mill-OLAF u rrappurtata fir-rapport finali tal-investigazzjoni, adottat mill-OLAF fil-15 ta’ Ottubru 2012.

4

Wara l-għeluq ta’ din l-investigazzjoni amministrattiva, fit-13 ta’ Diċembru 2012, J. Dalli ressaq ilmenti kriminali quddiem il-qorti Belġjana, b’kostituzzjoni parti ċivili, fejn huwa invoka, b’mod partikolari, il-kap tas-smigħ illegali tat-telefonata. Dawn l-ilmenti wasslu lill-ewwel imħallef inkwirenti Belġjan sabiex jitlob lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Marzu 2013, tneħħi l-invjolabbiltà tal-arkivji relatati mal-fatti taħt investigazzjoni u tneħħi l-obbligu ta’ riżervatezza tal-uffiċjali li ħadu sehem f’din l-investigazzjoni. Fil-21 ta’ Novembru 2013, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF approva t-tneħħija tal-obbligu ta’ riżervatezza tal-membri tat-tim ta’ investigazzjoni tal-OLAF u tal-Kap tal-Unità tiegħu.

5

Bl-ittri rispettivi tal-21 ta’ Novembru 2014 u tas-6 ta’ Frar 2015, l-ewwel maġistrat ikwirenti u t-tieni maġistrat inkwirenti li ssostitwixxa lill-ewwel wieħed kitbu lill-Kummissjoni sabiex jitolbu, fil-kuntest ta’ investigazzjoni ġudizzjarja biex tiġi stabbilita r-realtà ta’ smigħ illegali tat-telefonata, it-tneħħija tal-immunità ta’ erba’ aġenti tal-OLAF, fosthom ir-rikorrent, sabiex jinstemgħu bħala imputati. Bħala risposta, permezz tal-ittri tad-19 ta’ Diċembru 2014 u tat-3 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni talbet spjegazzjonijiet aktar dettaljati biex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti.

6

Sussegwentement, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Federali Belġjan ħa l-proċess f’idejh u, permezz tal-ittra tat-23 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-23 ta’ Ġunju 2015”), tenna t-talba għat-tneħħija tal-immunità li sadattant kienet ġiet limitata għar-rikorrent. Il-Prosekutur Pubbliku Federali Belġjan semma ċerti elementi li, fil-fehma tiegħu, juru li l-investigazzjoni mwettqa mill-OLAF kienet tinkludi indikazzjonijiet ta’ interċettazzjonijiet telefoniċi illegali kriminalment sanzjonabbli. F’dan ir-rigward, huwa għamel riferiment, b’mod partikolari, għax-xhieda tas-Segretarju Ġenerali tal-ESTOC quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani, li fiha qal li l-OLAF kien irrekordja konverżazzjoni telefonika fl-uffiċċju tar-rikorrent, bejn l-imsemmi segretarju ġenerali u S. Zammit, bil-moħbi ta’ dan tal-aħħar. Din il-konverżazzjoni kienet, barra minn hekk, tqiegħdet fuq il-lawdspiker, b’tali mod li l-persuni kollha preżenti setgħu jisimgħuha.

Id-deċiżjoni kkontestata

7

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fit-2 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2016) 1449 finali dwar talba għal tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tar-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni neħħiet b’mod parzjali l-immunità ġudizzjarja tar-rikorrent, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17, tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266), jiġifieri fir-rigward tal-allegazzjonijiet fattwali dwar l-interċettazzjoni telefonika imsemmija fl-ittra tat-23 ta’ Ġunju 2015, filwaqt li ċaħdet it-talba għat-tneħħija tal-immunità fir-rigward ta’ allegazzjonijiet oħrajn.

8

Fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, il-Kummissjoni indikat li l-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 kien qed jobbligaha tiżgura li t-tneħħija tal-immunità ma tkunx kontra l-interessi tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-indipendenza u l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan huwa l-uniku kriterju sostantiv li jippermetti r-rifjut tat-tneħħija tal-immunità. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-immunità għandha titneħħa b’mod sistematiku, peress li l-Protokoll Nru 7 ma jippermettix lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jwettqu stħarriġ fir-rigward tal-fondatezza jew in-natura ekwa tal-proċedura ġudizzjarja nazzjonali sottostanti għat-talba.

9

Min-naħa l-oħra, fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kien jeħtieġ jittieħed inkunsiderazzjoni l-qafas legali speċifiku ħafna li jirregola l-investigazzjonijiet tal-OLAF. Għalhekk, permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Settembru 2013, dwar l-investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1), il-leġiżlatur tal-Unjoni kien ta lill-OLAF setgħat investigattivi li, dan tal-aħħar, għalkemm jaqa’ taħt il-Kummissjoni, jeżerċita b’mod indipendenti, inkluż fir-rigward tal-Kummissjoni nnifisha. Dan il-qafas regolatorju partikolari jobbliga lill-Kummissjoni tiżgura li, meta taċċetta talba għat-tneħħija tal-immunità, hija ma tkunx qed tfixkel l-indipendenza u l-funzjonament tal-OLAF bħala korp indipendenti ta’ investigazzjoni kontra l-frodi tal-Unjoni, taħt piena ta’ ċensura mill-qorti tal-Unjoni, wara appell ippreżentat mill-uffiċjal ikkonċernat fuq il-bażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 883/2013.

10

Il-Kummissjoni kompliet, fil-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija tista’ tneħħi l-immunità tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF biss jekk tkun informata, b’mod ċar u preċiż biżżejjed, għaliex l-awtorità ġudizzjarja li għamlet it-talba kienet tqis li l-allegazzjonijiet magħmula kontrih jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġġustifikaw li jinstema’ bħala imputat. Inkella, kwalunkwe persuna investigata mill-OLAF tista’, permezz ta’ allegazzjonijiet manifestament bla bażi kontra d-Direttur Ġenerali tiegħu, tipparalizza l-funzjonament ta’ dan il-korp, li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni. F’dan il-każ, fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ interċettazzjonijiet telefoniċi illegali, il-Kummissjoni qieset li, wara l-ittra tat-23 ta’ Ġunju 2015, hija kellha indikazzjonijiet ċari u preċiżi ħafna li kienu juru li l-awtorità ġudizzjarja li għamlet it-talba setgħet b’mod raġonevoli, u fi kwalunkwe każ mingħajr ma taġixxi b’mod arbitrarju jew abbużiv, tikkunsidra li l-allegazzjonijiet kontra r-rikorrent kienu jiġġustifikaw li jkompli jiġi investigat. F’din is-sitwazzjoni, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet nazzjonali jekk tirrifjuta li tneħħi l-immunità tar-rikorrent. Għaldaqstant, il-Kummissjoni jkollha taċċetta t-talba għat-tneħħija tal-immunità għal dawn l-allegazzjonijiet.

11

Il-Kummissjoni madankollu rrilevat, fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrent kien igawdi mill-preżunzjoni ta’ innoċenza u li d-deċiżjoni biex titneħħa l-immunità ġudizzjarja tiegħu ma kienet tinkludi l-ebda ġudizzju dwar il-fondatezza tal-allegazzjonijiet fir-rigward tiegħu u lanqas dwar in-natura xierqa tal-proċedura nazzjonali mibdija. Barra minn hekk, hija enfasizzat, fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrent għandu d-dritt li jitlobha għajnuna legali abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), li tkopri l-ispejjeż legali u tal-avukat, f’każ li l-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Belġjani fil-konfront tiegħu twassal għal passi proċedurali li jistgħu jinvolvu xi spejjeż.

12

Fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tneħħi l-immunità ġudizzjarja tar-rikorrent fir-rigward biss tal-allegazzjonijiet fattwali li kienu jirreferu għas-smigħ tal-konverżazzjoni telefonika li seħħet fit-3 ta’ Lulju 2012. Fit-tieni paragrafu tal-istess artikolu, madankollu, hija ċaħdet it-talba f’dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet fattwali l-oħra.

Il-fatti li ġraw wara d-deċiżjoni kkontestata

13

Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrent fil-11 ta’ Marzu 2016.

14

F’Marzu u f’April 2016, il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjonijiet pubbliċi fejn affermat mill-ġdid li r-rikorrent kien għadu jgawdi mill-fiduċja tagħha u mill-preżunzjoni tal-innoċenza. Barra minn hekk, hija saħqet pubblikament li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx taffettwa l-funzjonament tal-OLAF u lanqas l-awtorità tar-rikorrent bħala direttur ġenerali tal-OLAF.

15

Barra minn hekk, wara talba magħmula mir-rikorrent, fl-1 ta’ April 2016, il-Kummissjoni tatu l-assistenza prevista fl-Artikolu 24(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għal ħlas tal-ispejjeż tal-avukat fil-kuntest tal-proċeduri mibdija mill-awtoritajiet Belġjani.

16

Fl-aħħar nett, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ April 2016, il-Prosekutur Ġenerali Federali Belġjan talab lill-Kummissjoni tneħħi l-obbligu ta’ riżervatezza tar-rikorrent sabiex ikun jista’ jinstema’. B’ittra tat-28 ta’ April 2016, il-Kummissjoni laqgħet din it-talba.

17

Barra minn hekk, fl-10 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

18

Dan l-ilment ġie miċħud permezz tad-Deċiżjoni Ares (2016) 5814495 tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Ottubru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra”).

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

20

Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni talbet is-sospensjoni tal-proċedura, skont l-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sakemm tinstab soluzzjoni definittiva tal-kawża rreġistrata bin-numru T-251/16, Direttur Ġenerali tal-OLAF vs Il-Kummissjoni.

21

Fis-16 ta’ Marzu 2017, wara li sema’ lir-rikorrent, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba ta’ sospensjoni.

22

Fuq proposta tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

23

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sa fejn ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Id-dritt

25

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolamenti tal-Persunal u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7 kif ukoll fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tneħħija tal-immunità ġudizzjarja, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u tad-dmir ta’ premura, it-tielet, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, il-ħames, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

26

Inizjalment il-Kummissjoni kienet qajmet il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors minħabba, l-ewwel nett, lis alibi pendens mal-kawża rreġistrata bin-numru T‑251/16 u, it-tieni nett, l-assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju.

27

Matul is-seduta, il-Kummissjoni indikat li kienet qiegħda tirrinunzja għall-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens minħabba li r-rikorrent ma baqax fil-kariga ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF, u ta’ dan ittieħdet nota fil-proċess verbali tas-seduta.

28

Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li għandu jiġi definit is-suġġett tar-rikors qabel ma teżamina, fl-ewwel lok, it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni u bbażat fuq in-nuqqas ta’ att li jikkawża preġudizzju u, it-tieni nett, il-mertu tal-kawża billi tiddeċiedi, l-ewwel nett, f’dan il-kuntest, dwar il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

Fuq is-suġġett tar-rikors

29

Permezz tat-tieni kap ta’ talbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob l-annullament, sa fejn ikun meħtieġ, tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra.

30

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet diretti kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jressqu quddiem il-qorti l-att li kontra tiegħu ġie ppreżentat l-ilment u, bħala tali, huma nieqsa minn kontenut awtonomu. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li t-tieni kap tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra u l-ewwel kap ta’ talbiet intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom l-istess suġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il-Kummissjoni, T-205/04, EU:T:2007:346, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Minn dan jirriżulta li dan ir-rikors għal annullament għandu jiġi kkunsidrat bħala dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata biss.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

32

Insostenn tat-tieni motiv ta’ inammissibbiltà tagħha bbażat fuq in-nuqqas ta’ att li jikkawża preġudizzju, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 11(a), tal-Protokoll Nru 7 ma jagħtix dritt suġġettiv għall-immunità lill-uffiċjali tal-Unjoni. Il-formulazzjoni, il-kuntest u l-iskop tal-Artikolu 17 ta’ dak il-Protokoll jidhru, fil-fatt, li jipprekludu tali interpretazzjoni.

33

Hija żżid li, fir-rigward tal-uffiċjal, id-deċiżjoni biex titneħħa l-immunità hija l-iktar l-iktar att preparatorju li sempliċiment jippermetti l-kontinwazzjoni tal-proċedura nazzjonali. Hija biss id-deċiżjoni kriminali nazzjonali definittiva li tista’, fil-każ ta’ kundanna, taffettwa l-pożizzjoni legali tal-uffiċjal.

34

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il-Kummissjoni (F-124/05 u F-96/06, EU:F:2010:2), li tiddikjara li t-tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal hija att li jikkawża preġudizzju għall-uffiċjal jew l-impjegat ikkonċernat, hija sentenza iżolata tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, mhux ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali jew mill-Qorti tal-Ġustizzja.

35

Ir-rikorrent isostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tneħħi l-immunità tiegħu, hija att li jikkawżalu preġudizzju li kontrih huwa jista’ jressaq ilment u mbagħad rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

36

Jeħtieġ li jitfakkar li, l-atti li jikkawżaw preġudizzju lil uffiċjal huma dawk il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tal-persuna kkonċernata, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2016, Alsteens vs Il-Kummissjoni, T-328/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:671, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Għalkemm il-privileġġi u l-immunitajiet rikonoxxuti lill-Unjoni mill-Protokoll Nru 7 huma ta’ natura funzjonali, sa fejn huma intiżi li jevitaw li jkun hemm ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ingħataw espressament lill-Membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll lill-uffiċjali u lill-aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-fatt li l-privileġġi u l-immunitajiet huma previsti fl-interess pubbliku tal-Unjoni jiġġustifika s-setgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet sabiex ineħħu, jekk ikun il-każ, l-immunità, iżda ma jfissirx li dawn il-privileġġi u l-immunitajiet huma mogħtija esklużivament lill-Unjoni u mhux ukoll lill-uffiċjali tagħha, lill-aġenti l-oħra tagħha u lill-Membri tal-Parlament. Għaldaqstant, il-Protokoll joħloq dritt suġġettiv għall-benefiċċju tal-persuni previsti, li r-rispett tiegħu huwa ggarantit mid-dritt li jiġi ppreżentat rikors skont it-Trattat (ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, EU:T:2013:23, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

L-immunità ġudizzjarja prevista mill-Artikolu 11 tal-Protokoll Nru 7 tipproteġi lill-uffiċjali u membri tal-persunal kontra l-proċeduri tal-awtoritajiet tal-Istati Membri minħabba atti mwettqa fil-kapaċità uffiċjali tagħhom. Għaldaqstant, deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal tbiddel is-sitwazzjoni legali tiegħu, bis-sempliċi effett tat-tneħħija ta’ din il-protezzjoni, billi tistabbilixxi mill-ġdid l-istatus tiegħu ta’ persuna suġġetta għad-dritt komuni tal-Istati Membri u billi b’hekk tesponih, mingħajr ma tkun neċessarja xi regola intermedjarja, għal miżuri, b’mod partikolari ta’ detenzjoni u ta’ proċeduri legali, stabbiliti minn dan id-dritt komuni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il-Kummissjoni, F-124/05 u F-96/06, EU:F:2010:2, punt 231 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali, wara t-tneħħija tal-immunità, fir-rigward tat-tkomplija jew tal-abbandun tal-proċeduri mibdija kontra uffiċjal jew membru tal-persunal, ma għandhiex impatt fuq jekk is-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar hijiex direttament ikkonċernata, peress li l-effetti marbuta mad-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità huma limitati għat-tneħħija tal-protezzjoni li jibbenefika minnha bħala uffiċjal jew membru tal-persunal, b’mod li ma jimplika ebda miżura supplimentari ta’ implementazzjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il-Kummissjoni, F-124/05 u F-96/06, EU:F:2010:2, punt 232 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Minn dak li ntqal jirriżulta li d-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni neħħiet l-immunità ġudizzjarja tar-rikorrent hija att li jikkawżalu preġudizzju.

41

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti tal-Kummissjoni.

42

Fl-ewwel lok, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs L-Istat Belġjan (6/60-IMM, EU:C:1960:48), li kienet tirrigwarda l-eżenzjoni ta’ uffiċjali u aġenti tal-Unjoni minn kull taxxa nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Unjoni, ma tikkonfermax li uffiċjal jista’ jaġixxi kontra d-deċiżjoni tal-istituzzjoni li tneħħilu l-immunità, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li rikors ibbażat fuq l-Artikolu 16 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunità tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), tat-18 ta’ April 1951, kien intiż sabiex jiddefendi l-privileġġi u l-immunitajiet previsti minn dan il-protokoll mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn id-diversi privileġġi u immunitajiet għall-uffiċjali u aġenti tal-Unjoni. Hija indikat, b’mod ġenerali, li għalkemm il-privileġġi u l-immunitajiet ingħataw “esklużivament fl-interess tal-Komunità”, ma għandux jintesa li ngħataw espressament “lill-uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità”. Fl-aħħar nett, hija qieset li kien il-protokoll u mhux kwalunkwe artikolu tiegħu li ħoloq dritt suġġettiv għall-benefiċċju tal-persuni msemmija. Għalhekk, ma hemm ebda element f’din is-sentenza li jippermetti li jiġi kkunsidrat li hemm lok li d-diversi kategoriji ta’ privileġġi u immunitajiet mogħtija lill-uffiċjali u aġenti tal-Unjoni jiġu ttrattati b’mod differenti.

43

Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament (T-345/05, EU:T:2008:440), għalkemm huwa minnu li, kif issostni l-Kummissjoni, kienet tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ membru tal-Parlament u mhux ta’ uffiċjal, xorta jibqa’ l-fatt li, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet preċiżament li tapplika, b’analoġija, is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs L-Istat Belġjan (6/60-IMM, EU:C:1960:48), għalkemm din is-sentenza kienet tikkonċerna uffiċjal. Konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni li ma huwiex possibbli li tiġi applikata, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament (T-345/05, EU:T:2008:440), huwa f’dan il-każ infondat fid-dritt.

44

Fit-tielet u l-aħħar lok, is-sempliċi fatt li s-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2010, A u G vs Il-Kummissjoni (F-124/05 u F-96/06, EU:F:2010:2), hija l-uniku preċedent li jirrigwarda kemm l-immunità ġudizzjarja kif ukoll lill-uffiċjali, kif issostni l-Kummissjoni, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġu injorati l-prinċipji li ġew stabbiliti fiha. Issa, peress li l-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ġudizzjarja ma hijiex att li jikkawża preġudizzju ġew miċħuda, ma hemmx lok li tiġi injorata l-ġurisprudenza li tirriżulta minn din is-sentenza.

45

Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, ibbażata fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet għat-tneħħija tal-immunità ma jikkawżawx preġudizzju lil uffiċjali u aġenti minħabba li dawn ma jbiddlux bl-ebda mod is-sitwazzjoni legali tagħhom.

Fuq il-mertu

46

Insostenn tal-ħames motiv tiegħu, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, ir-rikorrent isostni tliet ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, it-tieni, fuq il-ksur tal-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u l-obbligu ta’ imparzjalità u, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dmir ta’ diliġenza.

47

Jenħtieġ li jiġi eżaminat l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ.

48

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jallega li l-Kummissjoni ma semgħetux qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li dan kien att li affettwah ħażin, u li huwa kien imissu nstema’, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

49

Jenfasizza li l-Kummissjoni tinvoka, b’mod żbaljat, il-protezzjoni tas-sigriet istruttorju sabiex tiġġustifika l-fatt li ma semgħetux minkejja li, minn naħa, il-Kummissjoni kienet għarrfitu li kienet saret talba għat-tneħħija tal-immunità u li, min-naħa l-oħra, ma setax ikun hemm ksur tas-sigriet istruttorju peress li l-fatti li fuqhom huwa seta’ jagħti spjegazzjonijiet kienu ġew ippubblikati minn J. Dalli, u anki mill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani.

50

Il-Kummissjoni ssostni li l-kawża nazzjonali kienet suġġetta għas-sigriet istruttorju u li kull ksur ta’ dan is-sigriet seta’ jkun punibbli skont l-Artikolu 458 tal-Kodiċi Penali Belġjan, b’tali mod li hija ma setgħetx tisma’ lir-rikorrent qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha mingħajr ma tikser id-dritt kriminali nazzjonali applikabbli. Madankollu, il-Kummissjoni tindika li talbet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-possibbiltà li tipprovdi l-informazzjoni li tinsab fl-ittra tat-talba tat-tneħħija tal-immunità lill-uffiċjali kkonċernati u, tal-inqas, lid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, iżda rċeviet rifjut kategoriku mingħand it-tieni maġistrat inkwirenti.

51

Il-ħruġ ta’ informazzjoni fl-istampa msemmija mir-rikorrent kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-fatti jew l-iżvelar sussegwenti ta’ din l-informazzjoni lir-rikorrent, wara l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet Belġjani, ma jibdlu xejn minn din l-analiżi. Fil-fatt, minħabba li l-awtoritajiet Belġjani baqgħu jimponu s-sigriet istruttorju, il-Kummissjoni ma setgħetx tisma’ b’mod utli lir-rikorrent mingħajr ma tibgħatlu d-diversi dokumenti skambjati matul il-proċedura.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari d-dritt għas-smigħ, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi ggarantit anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċeduri inkwistjoni. Dan il-prinċipju ġie stabbilit ukoll mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta (ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, EU:T:2013:23, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Skont dan il-prinċipju, il-persuna kkonċernata għandu jkun kellha l-possibbiltà, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonċernaha, li tagħti l-fehma tagħha b’mod utli fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi li abbażi tagħhom dik id-deċiżjoni tkun ġiet adottata (ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, EU:T:2013:23, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Minn dan isegwi li, skont dawn il-prinċipji, deċiżjoni ma tistax tiġi adottata abbażi ta’ punti ta’ fatt u ta’ ċirkustanzi li fuqhom il-persuna kkonċernata ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti l-fehma tagħha utilment qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, EU:T:2013:23, punt 177).

55

Madankollu, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja daqstant stabbilita, id-drittijiet fundamentali, bħal dawk tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jinvolvu restrizzjonijiet, sakemm dawn jikkorrispondu b’mod effettiv għal għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti permezz tal-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan segwit, interferenza sproporzjonata u intollerabbli li tippreġudika s-sustanza nnifisha tad-drittijiet iggarantiti b’dan il-mod (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C-249/13, EU:C:2014:2431, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fil-fatt, b’mod konformi mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza tad-dritt fundamentali inkwistjoni. Barra minn hekk, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni.

57

F’dan il-każ, huwa paċifiku bejn il-partijiet, kif jirriżulta kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll fis-seduta, li r-rikorrent ma nstemax mill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk ir-restrizzjoni tad-dritt għal smigħ inkwistjoni f’din il-kawża hijiex prevista mil-liġi, tissodisfax effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni u hijiex meħtieġa u proporzjonata għall-objettiv li jrid jintlaħaq, filwaqt li tirrispetta l-essenza tad-dritt għal smigħ.

58

Il-Kummissjoni ġġustifikat il-fatt li ma semgħetx lir-rikorrent qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bil-ħtieġa li tirrispetta s-sigriet istruttorju, kif kienu talbu l-awtoritajiet Belġjani. F’dan ir-rigward, hija tikkwota l-Artikolu 458 tal-Kodiċi Penali Belġjan, li għalih għamel riferiment il-maġistrat inkwirenti fl-ittra tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2014 (dwar l-ewwel talba għat-tneħħija tal-immunità).

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-Istati Membri fejn huwa previst, is-sigriet istruttorju huwa prinċipju ta’ ordni pubbliku li għandu l-għan mhux biss li jipproteġi l-investigazzjonijiet, biex jiġu evitati diskussjonijiet frodulenti u t-tentattivi ta’ ħabi ta’ provi u ta’ indizji, iżda wkoll li jipproteġi lill-persuni suspettati jew akkużati li jkunu għadhom ma nstabux ħatja.

60

B’hekk, in-nuqqas ta’ smigħ tal-persuna kkonċernata jista’ jkun oġġettivament iġġustifikat bis-sigriet istruttorju, li d-dettalji tiegħu huma previsti mil-liġi, u sa fejn dan huwa meħtieġ u proporzjonat għall-objettiv li jrid jintlaħaq, jiġifieri l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura kriminali.

61

F’dan il-każ, l-Artikolu 57(1) u l-Artikolu 61b(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali Belġjan jistabbilixxu l-prinċipju tas-sigriet istruttorju, filwaqt li jiddikjaraw li huma previsti eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju mil-liġi.

62

B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE li l-Unjoni u li skontu l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati, għall-fatt li ħadet inkunsiderazzjoni s-sigriet istruttorju kif previst mir-regoli nazzjonali msemmija fil-punt 61 iktar ’il fuq.

63

Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ smigħ minn qabel tal-persuna kkonċernata jista’, fil-prinċipju, ikun iġġustifikat oġġettivament mis-sigriet istruttorju, skont l-Artikolu 52 tal-Karta.

64

Hemm lok, barra minn hekk, li jiġi eżaminat jekk dan in-nuqqas ta’ smigħ huwiex meħtieġ u proporzjonat għall-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri s-salvagwardja tas-sigriet istruttorju, u fl-aħħar mill-aħħar, l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura kriminali.

65

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bħala regola ġenerali, il-fatt li l-persuna kkonċernata ma tinstemax qabel titneħħa l-immunità tagħha jista’ jiżgura s-sigriet istruttorju.

66

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, jekk, f’każijiet debitament iġġustifikati, awtorità nazzjonali tipprekludi l-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata ta’ motivi preċiżi u kompleti li jikkostitwixxu l-bażi tat-talba għat-tneħħija tal-immunità, billi tinvoka raġunijiet koperti bis-sigriet istruttorju, il-Kummissjoni għandha, f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, timplimenta miżuri għar-rikonċiljazzjoni, minn naħa, tal-kunsiderazzjonijiet leġittimi tas-sigriet istruttorju u, min-naħa l-oħra, tan-neċessità li jiġi ggarantit b’mod suffiċjenti lill-individwu r-rispett tad-drittijiet fundamentali tiegħu, bħad-dritt għal smigħ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C-300/11, EU:C:2013:363, punt 57).

67

Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni hija marbuta li tosserva d-dritt għal smigħ meta tadotta att li jikkawża preġudizzju, hija għandha tqis bl-akbar attenzjoni kif tista’ tirrikonċilja r-rispett tal-imsemmi dritt tal-persuna interessata u l-kunsiderazzjonijiet leġittimi invokati mill-awtoritajiet nazzjonali. Dan l-ibbilanċjar jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jagħti lill-uffiċjali u lill-aġenti tal-Unjoni u, għaldaqstant, tal-interessi tal-Unjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Protokoll Nru 7, u tal-iżvolġiment effiċjenti u mingħajr xkiel tal-proċeduri kriminali nazzjonali, b’rispett tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li r-regoli li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ natura kriminali, jipprevjenu l-iżvelar lil ċerti persuni tal-atti tal-proċedura kriminali jistgħu jiġu invokati fil-konfront tal-Kummissjoni sa fejn dawn ir-restrizzjonijiet huma infurzabbli kontra l-amministrazzjoni nazzjonali (sentenza tal-10 ta’ Jannar 1980, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 267/78, EU:C:1980:6, punt 22). B’hekk, l-obbligu ta’ kooperazzjoni ta’ Stat Membru jista’ jkun limitat fis-sens li huwa ma jistax jiġi obbligat jiżvela lill-Kummissjoni l-atti tal-proċedura kriminali li l-awtorità nazzjonali inkwistjoni ma tiżvela lanqas lill-awtoritajiet l-oħrajn ta’ dak l-Istat.

69

Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma jirriżultax mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni wettqet l-ibbilanċjar imsemmi fil-punt 67 iktar ’il fuq bil-mod kif meħtieġ u msemmi fil-punt 68 iktar ’il fuq.

70

Fil-fatt, l-ewwel nett, jirriżulta kemm mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet kif ukoll mill-atti proċedurali li l-Kummissjoni ma staqsietx lill-awtoritajiet nazzjonali kif is-smigħ minn qabel tar-rikorrent kien jinvolvi riskji għar-rispett tas-sigriet istruttorju u, in fine, għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura kriminali.

71

It-tieni nett, għalkemm, ċertament, is-sigriet istruttorju jista’, f’ċerti każijiet, jeżiġi li t-talba għat-tneħħija tal-immunità ma tiġix ikkomunikata lill-persuna kkonċernata qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar din it-talba meta, pereżempju, ikun hemm riskju reali li tali persuna taħrab, teqred provi jew meta l-effett ta’ sorpriża huwa essenzjali, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, dawn iċ-ċirkustanzi ma ġewx ippreżentati mill-awtoritajiet Belġjani. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-proċess, ċerta informazzjoni relatata mal-investigazzjoni li kienet għaddejja kienet diġà fid-dominju pubbliku.

72

It-tielet nett, il-fatt li l-Kummissjoni ssostni li hija talbet lill-maġistrati inkwirenti u lill-Prosekutur Federali Belġjani l-opportunità li tisma’ lir-rikorrent rigward it-talbiet tagħhom tat-tneħħija tal-immunità, li effettivament huwa kkonfermat mill-korrispondenza prodotta bħala anness mar-risposta, ma huwiex biżżejjed f’dan il-każ sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni bbilanċjat korrettament l-interess tar-rikorrent għal smigħ u r-rispett tas-sigriet istruttorju. Fil-fatt, ir-risposti tal-awtoritajiet nazzjonali Belġjani ma kinux kompluti meta, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li japplika kemm għall-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll għall-Istati Membri, kien ikun mistenni minnhom li jagħtu aktar evidenza lill-Kummissjoni sabiex tifhem ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut tagħhom li hija tisma’ lir-rikorrent. Fi kwalunkwe każ, ma jirriżultax mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni kkonsultat mal-awtoritajiet Belġjani dwar il-possibbiltà li joħolqu verżjoni mhux kunfidenzjali tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità li setgħet tiġi kkomunikata lir-rikorrent jew, tal-inqas, li jindikaw l-elementi f’dawk it-talbiet li huma qiesu bħala sensittivi, meta tali komunikazzjoni setgħet, skont il-każ, tiżgura l-ibbilanċjar xieraq biex jinżamm kemm jista’ jkun, kemm is-sigriet istruttorju kif ukoll ir-rispett tad-dritt għal smigħ.

73

Min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrent li l-awtoritajiet Belġjani ma oġġezzjonawx li jintbagħtulu l-iskambji kollha li seħħew bejn il-Kummissjoni, il-Prosekutur Pubbliku Federali Belġjan u l-maġistrati inkwirenti Belġjani huwa ineffettiv. Fil-fatt, kif ir-rikorrent stess isemmi, dawn l-iskambji seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, kienu biss l-awtoritajiet Belġjani li kellhom jiddeterminaw jekk is-sitwazzjoni kinitx inbidlet b’mod li l-imsemmija skambji setgħu jintbagħtu lir-rikorrent, b’mod li din iċ-ċirkustanza ma tkunx tista’ tintuża biex il-Kummissjoni tiġi kkritikata li ma semgħetx lir-rikorrent qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

74

Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li n-nuqqas ta’ smigħ tar-rikorrent qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat is-sigriet istruttorju u, għaldaqstant, ma jirrispettax l-essenza tad-dritt għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

75

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrent.

76

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrent ma għandux jiġi mitlub juri li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tkun b’kontenut differenti fin-nuqqas tal-ksur ikkonstatat, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex eskluża totalment peress li r-rikorrent kien ikun jista’ jiddefendi ruħu aħjar li kieku ma kienx hemm l-irregolarità proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, tali ipoteżi ma tistax tiġi kompletament eskluża kieku l-Kummissjoni ppermettiet lir-rikorrent jesprimi b’mod utli l-opinjoni tiegħu dwar it-tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tiegħu u, b’mod partikolari, bħalma josserva r-rikorrent fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-opinjoni tiegħu dwar l-interess tal-Unjoni u l-iżgurar tal-indipendenza neċessarja tiegħu bħala uffiċjal fil-kariga ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF.

77

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-ħames motiv għandu jiġi milqugħ sa fejn dan huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ u, għaldaqstant, u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra tal-ħames motiv, u lanqas il-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrent.

Fuq l-ispejjeż

78

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 1449 finali, tat-2 ta’ Marzu 2016, dwar talba għat-tneħħija tal-immunità ġudizzjarja ta’ RQ, hija annullata.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Tomljenović

Bieliūnas

Marcoulli

Barents

Kornezov

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Ottubru 2018.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top