This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CO0102
Order of the Court (Eighth Chamber) of 25 April 2018.#Secretaria Regional de Saúde dos Açores v Ministério Público.#Request for a preliminary ruling from the Tribunal de Contas.#Reference for a preliminary ruling — Article 53(2) and Article 94 of the Rules of Procedure of the Court of Justice — Article 267 TFEU — Concept of a ‘court or tribunal of a Member State’ — Proceedings intended to lead to a decision of a judicial nature — National court of auditors — Prior review of the legality and budgetary justification of public expenditure — Manifest inadmissibility.#Case C-102/17.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-25 ta’ April 2018.
Secretaria Regional de Saúde dos Açores vs Ministério Público.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal de Contas.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal de Contas.Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) u Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru’ – Proċedura intiża għal deċiżjoni ta’ natura ġuridika – Qorti tal-Awdituri nazzjonali – Stħarriġ preliminari tal-legalità u tal-ġustifikazzjoni baġitarja ta’ spiża pubblika – Inammissibbiltà manifesta.
Kawża C-102/17.
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-25 ta’ April 2018.
Secretaria Regional de Saúde dos Açores vs Ministério Público.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal de Contas.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal de Contas.Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) u Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru’ – Proċedura intiża għal deċiżjoni ta’ natura ġuridika – Qorti tal-Awdituri nazzjonali – Stħarriġ preliminari tal-legalità u tal-ġustifikazzjoni baġitarja ta’ spiża pubblika – Inammissibbiltà manifesta.
Kawża C-102/17.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:294
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
25 ta’ April 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 53(2) u Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ’qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru‘ – Proċedura intiża għal deċiżjoni ta’ natura ġuridika – Qorti tal-Awdituri nazzjonali – Stħarriġ preliminari tal-legalità u tal-ġustifikazzjoni baġitarja ta’ spiża pubblika – Inammissibbiltà manifesta”
Fil-Kawża C-102/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Frar 2017, fil-proċedura
Secretaria Regional de Saúde dos Açores
fil-preżenza ta’
Ministério Público,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn J. Malenovský, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għas-Secretaria Regional de Saúde dos Açores, minn P. Linhares Dias u L. da Ponte, advogados, |
– |
għall-Ministério Público, minn J. V. de Almeida, |
– |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u F. Batista, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Farrajota u A. Tokár, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża permezz ta’ digriet immotivat, konformement mal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 58(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), kif emendata bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/2170 tal-24 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 307, p. 5) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ appell ippreżentat mis-Secretaria Regional de Saúde dos Açores (il-Ministeru tas-Saħħa għar-Reġjun tal-Açores, il-Portugall) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru tas-Saħħa”) kontra d-Deċiżjoni Nru 7/2016 tas-Secção Regional dos Açores do Tribunal de Contas (is-Sezzjoni Reġjonali tal-Açores tal-Qorti tal-Awdituri, il-Portugall) (iktar ’il quddiem is-“SRATC”), tas-26 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ preliminari Nru 51/2016 u li tirriffjuta l-għoti ta’ viża għall-kuntratt pubbliku għar-riabilitazzjoni u t-titjib tal-bini taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Velas (il-Portugall), konkluż bejn il-Ministeru tas-Saħħa tar-Reġjun Awtonomu tal-Açores - (iktar ’il quddiem ir-“RAA”) u Afavias – Engenharia e Construções – Açores SA, (iktar ’il quddiem “Afavias”), għal ammont ta’ EUR 1 387 000.00. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, intitolat “Kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari” jipprovdi: “Minbarra t-test tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi:
|
4 |
Intitolat “Kriterji ta’ għażla”, l-Artikolu 58(4) tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi: “Fir-rigward tal-abbiltà teknika u professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ir-riżorsi umani u tekniċi u l-esperjenza meħtieġa sabiex iwettqu l-kuntratt bi standard adegwat ta’ kwalità. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jkollhom livell ta’ esperjenza suffiċjenti verifikata permezz ta’ riferenzi adatti minn kuntratti mwettqa fil-passat. Awtorità kontraenti tista’ tassumi li operatur ekonomiku ma għandux l-kapaċitajiet professjonali meħtieġa fejn l-awtorità kontraenti tkun stabbiliet li l-operatur ekonomiku għandu interessi kunfliġġenti li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv it-twettiq tal-kuntratt. Fi proċeduri tal-akkwist għal provvisti li jirrikjedu xogħol ta’ tqegħid fil-post jew installazzjoni, servizzi jew xogħlijiet, il-kapaċità professjonali tal-operaturi ekonomiċi li jipprovdu s-servizz jew li jwettqu l-installazzjoni jew ix-xogħol tista’ tiġi evalwata fir-rigward tal-ħiliet, l-effiċjenza, l-esperjenza u l-affidabbiltà tagħhom.” |
Id-dritt Portugiż
5 |
L-Artikolu 214 tal-Kostituzzjoni jipprovdi: “1. It-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) huwa l-organu suprem responsabbli għall-istħarriġ tal-legalità tal-ispejjeż pubbliċi u għall-verifika tal-kontijiet li jiġu suġġetti lilu skont il-liġi. Huwa għandu b’mod partikolari:
2. It-tul tal-mandat tal-President tal-Qorti tal-Awdituri huwa ta’ erba’ snin, taħt riżerva tad-dispożizzjonijiet tal-punt (m) tal-Artikolu 133. 3. Il-Qorti tal-Awdituri jista’ jkollu sede deċentralizzata, f’sezzjonijiet reġjonali, fil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi. 4. Fir-reġjuni awtonomi tal-Açores u ta’ Madeira, jeżistu sezzjonijiet tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) kompetenti fil-mertu fir-reġjun ikkonċernat, fil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.” |
6 |
Mill-Artikolu 5(1)(c) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l-proċedura tat-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri), li ġiet approvata bil-Liġi Nru 98/97 tas-26 ta’ Awwissu 1997 (Diário da República I, serje I‑A, Nru 196, tas-26 ta’ Awwissu 1997, iktar ’il quddiem il-“LOPTC”), jirriżulta li huwa t-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri), b’mod partikolari, li jeżerċita stħarriġ preliminari tal-legalità u tal-ġustifikazzjoni baġitarja tal-atti u tal-kuntratti ta’ kwalunkwe natura li jinvolvu spiża jew jirrappreżentaw oneru jew responsabbiltà, diretti jew indiretti, għall-korpi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2)(a) sa (c), kif ukoll għall-korpi ta’ kull natura maħluqa mill-Istat jew minn kull korp pubbliku ieħor għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet amministrattivi li huma taħt ir-responsabbiltà inizjali tal-amministrazzjoni pubblika, li lilha jkunu ġew fdati oneri finanzjarji, direttament jew indirettament, inkluż fil-forma ta’ kostituzzjoni ta’ garanzija, mill-korp li jkun ħalaqhom. |
7 |
L-Artikolu 96(1) tal-LOPTC jipprovdi: “1. Id-deċiżjonijiet finali ta’ rifjut, ta’ għoti u ta’ eżenzjoni ta’ viża, jew dwar remunerazzjonijiet, inkluż dawk mogħtija mit-taqsimiet reġjonali, jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem l-assemblea plenarja tal-Ewwel Awla minn:
|
8 |
Taħt it-titolu “Dokumenti ta’ ammissibbiltà”, l-Artikolu 40 tad-Digriet Leġiżlattiv Reġjonali Nru 27/2015/A tad-29 ta’ Diċembru 2015, dwar l-approvazzjoni tas-sistema ġuridika tal-kuntratti pubbliċi fir-[RAA] u li jittrasponi d-Direttiva 2014/24 fl-ordinament ġuridiku reġjonali tal-Açores (Diário da República, l-ewwel serje, Nru 253, tad-29 ta’ Diċembru 2015, iktar ’il quddiem id-“Digriet Reġjonali Nru 27/2015/A”), jipprovdi b’mod partikolari: “3. Minbarra dak li jirriżulta mill-paragrafu preċedenti, is-sejħa għal proposta jew l-avviż ta’ kuntratt jistgħu jimponu wkoll li jiġu soddisfatti kundizzjonijiet oħra ta’ ammissjoni relatati mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja kif ukoll mal-kapaċità teknika u professjonali tal-persuna magħżula għat-twettiq tal-kuntratt kif previsti fil-paragrafi iktar ’il quddiem. […] 5. Sabiex tiġi evalwata l-kapaċità teknika u professjonali, l-awtoritajiet kontraenti reġjonali jistgħu jeżiġu l-preżentazzjoni:
6. Ladarba jkunu japplikaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 sa 5, l-awtoritajiet kontraenti reġjonali huma suġġetti għall-obbligu li jindikaw fl-avviż ta’ kuntratt il-limiti minimi ta’ kapaċità ekonomika, finanzjarja, teknika u professjonali meħtieġa u d-dokumenti li jipprovawhom.” |
9 |
Skont l-Artikolu 100(1) tiegħu, id-Digriet Reġjonali Nru 27/2015/A daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016 u japplika għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi mibdija minn din id-data. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 |
Permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, il-Ministeru għas-Saħħa tar-RAA awtorizza l-ftuħ ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet intiż għar-riabilitazzjoni u għat-titjib tal-bini taċ-ċentru tas-saħħa ta’ Velas, li jinsab fuq gżira tal-arċipelagu tal-Açores, għal ammont ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 1 400 000.00 mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud. |
11 |
Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-avviż ta’ kuntratt, ippubblikat fid-Diário da República tar-RAA, fil-11 ta’ Marzu 2016 (serje II, Nru 50), jinkludi l-punt 8.3(a), li abbażi tiegħu, skont l-Artikolu 40(3) tad-Digriet Reġjonali Nru 27/2015/A, jistgħu jintgħażlu biss, l-operaturi ekonomiċi li juru, fl-istadju tal-ammissjoni, li wettqu tliet xogħlijiet fir-RAA ta’ valur unitarju ta’ iktar minn EUR 750 000.00 kull wieħed (iktar ’il quddiem il-“kriterju ġeografiku ta’ ammissjoni”). |
12 |
Barra minn hekk, mill-punt 25.1(e) tal-imsemmi avviż ta’ kuntratt jirriżulta li kandidat għandu b’mod partikolari, jippreżenta, fl-istadju tal-ammissjoni, referenzi, maħruġa mill-persuni responsabbli għax-xogħol rispettivi ta’ kull wieħed mit-tliet xogħlijiet inkwistjoni, sabiex jiġi osservat il-kriterju ġeografiku ta’ ammissjoni. |
13 |
Permezz tad-Digriet Nru 44/2016 tat-30 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill tal-Gvern tar-RAA irrattifika d-deċiżjoni tal-Ministru għas-Saħħa tat-8 ta’ Marzu 2016, li tiftaħ is-sejħa għal offerti u li tapprova d-dokumenti relatati magħha. |
14 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Gvern Nru 116/2016 tas-7 ta’ Ġunju 2016, il-kuntratt ingħata lil Afavias, waħda miż-żewġ offerenti li rrispondew għas-sejħa għal offerti. |
15 |
Il-kuntratt konkluż ma’ Afavias ġie suġġett lil SRATC sabiex din twettaq l-istħarriġ preliminari, skont l-Artikolu 214(1) tal-Kostituzzjoni. |
16 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRATC irrifjutat li tagħti l-viża preliminari għall-imsemmi kuntratt minħabba li l-kriterju ġeografiku ta’ ammissjoni meħtieġ fl-avviż ta’ kuntratt jikser l-Artikolu 40(3) u (5)(c) tad-Digriet Reġjonali Nru 27/2015/A. Barra minn hekk, skont is-SRATC, tali kriterju ma jippermettix li tintwera l-kapaċità teknika u professjonali tal-kandidat għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-avviż ta’ kuntratt inkwistjoni jista’ jillimita l-kompetizzjoni bi ksur, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
17 |
Insostenn tal-appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkonstestata quddiem it-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri), il-Ministeru għas-Saħħa jsostni li l-kriterju ġeografiku ta’ ammissjoni josserva l-Artikolu 40 tad-Digriet Reġjonali Nru 27/2015/A, li huwa konformi kemm mal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll mal-Anness XII ta’ din id-direttiva. |
18 |
It-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) iqis li r-rekwiżit għall-offerenti li jipprovaw l-esperjenza passata tagħhom huwa ta’ natura li juri l-kapaċità teknika u professjonali tagħhom għat-twettiq tal-kuntratt inkwistjoni. Madankollu, minbarra li ma josservax il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, jidhirlu eċċessiv li jkun meħtieġ mill-offerenti li juru esperjenza fil-qasam suġġett tal-imsemmi kuntratt, unikament f’pajjiż jew reġjun partikolari. |
19 |
Madankollu, il-formulazzjoni tal-Artikolu 58(4) tad-Direttiva 2014/24 ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk ir-“riferenzi adatti” dwar “[kuntratti mwettqa fil-passat mill-offerent, li juru livell ta’ esperjenza suffiċjenti]” għat-twettiq tajjeb tal-kuntratt, li huma msemmija fl-Artikolu 40(5)(c) tad-Digriet Reġjonali Nru 27/2015/A, jippermettux li jiġi inkluż, fi proċedura determinata, kriterju ġeografiku ta’ ammissjoni dwar unikament it-twettiq ta’ xogħol, fil-passat, fir-RAA. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkonstata l-assenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam. |
20 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 58(4) tad-[Direttiva 2014/24] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik deskritta [fl-Artikolu 40(3) u (5)(c) tad-[Digriet Reġjonali Nru 27/2015/A], li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, tippermetti l-impożizzjoni ta’ kriterju ġeografiku bħala rekwiżit, li jikkonsisti f’li preċedentement ikunu twettqu tliet xogħlijiet fl-istess reġjun awtonomu?” |
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
21 |
Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta talba għal deċiżjoni preliminari tkun manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura. |
22 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża. |
23 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha tal-ewwel tagħti lil tat-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għaliha sabiex tiddeċiedi l-kawża li tkun tressqet quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C-370/12, EU:C:2012:756, punt 83 kif ukoll id-digriet tat-8 ta’ Settembru 2016, Google Ireland u Google Italy, C‑322/15, EU:C:2016:672, punt 14). |
24 |
Minn dan jirriżulta li, sabiex ikun abilitat jagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura preliminari, l-organu tar-rinviju għandu jkun ikkwalifikat bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika abbażi tat-talba għal deċiżjoni preliminari. |
25 |
Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari huma stabbiliti espressament fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħhom il-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni u li għandha tosserva bir-reqqa (ara d-digrieti tat-3 ta’ Lulju 2014, Talasca, C-19/14, EU:C:2014:2049, punt 21, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2016, Google Ireland u Google Italy, C‑322/15, EU:C:2016:672, punt 15). |
26 |
Dawn ir-rekwiżiti huma, barra minn hekk, imfakkra fil-punti 13 u 15 tar-rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2016, C 439, p. 1). |
27 |
Filwaqt li hija intiża sabiex tippermetti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet l-oħra interessati li jressqu osservazzjonijiet, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-informazzjoni li għandha tkun inkluża fid-deċiżjoni tar-rinviju għandha wkoll l-għan li tipperemetti lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, li tivverifika l-ammissibbiltà ta’ tali talba u, min-naħa l-oħra, li tagħti risposti utli għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
28 |
Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari sservi ta’ bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li, f’din it-talba, il-qorti nazzjonali tispjega, b’mod partikolari, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
29 |
Dan l-obbligu għandu b’mod partikolari jiġi osservat f’ċerti oqsma kkaratterizzati minn sitwazzjonijiet ta’ dritt u ta’ fatt kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C-320/90 sa C-322/90, EU:C:1993:26, punt 7; id-digriet tad-19 ta’ Marzu 1993, Banchero, C-157/92, EU:C:1993:107, punt 5, kif ukoll is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Ragn-Sells, C‑292/12, EU:C:2013:820, punt 39), iżda wkoll meta l-organu tar-rinviju jkun ġie fdat mil-liġi funzjonijiet ta’ natura differenti. |
30 |
F’din l-aħħar ipoteżi, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari tista’ tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-organu nazzjonali tar-rinviju jistax jiġi kkwalifikat bħala “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE meta jeżerċita funzjonijiet ġuridiċi, filwaqt li, fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet oħra, b’mod partikolari ta’ natura amministrattiva, ma jistax jiġi rrikonoxxut din il-kwalifika (ara d-digriet tas-26 ta’ Novembru 1999, ANAS, C‑192/98, EU:C:1999:589, punt 22). |
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-entità li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari għandhiex in-natura ta’ “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” skont l-Artikolu 267 TFUE, liema kwistjoni hija rregolata unikament mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra numru ta’ elementi, bħal jekk l-entità hijiex stabbilita b’liġi, jekk din hijiex waħda permanenti, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tagħha, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni mill-entità tad-dispożizzjonijiet legali, kif ukoll l-indipendenza tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult, C‑54/96, EU:C:1997:413, punt 23; tad-19 ta’ Diċembru 2012, Epitropos tou Elegktikou Synedriou, C‑363/11, EU:C:2012:825, punt 18, u tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C-64/16, EU:C:2018:117, punt 38). |
32 |
Barra minn hekk, il-kunċett ta’ qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, min-natura tiegħu stess, jista’ biss ifisser awtorità li għandha l-kwalità ta’ terz fir-rigward ta’ dik li tkun adottat id-deċiżjoni li kontriha qiegħed isir ir-rikors (sentenzi tat-30 ta’ Marzu 1993, Corbiau, C-24/92, EU:C:1993:118, punt 15, u tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C-506/04, EU:C:2006:587, punt 49). |
33 |
Fl-aħħar nett, il-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk tilwima hija pendenti quddiemhom u jekk dawn huma mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara, b’mod partikolari, id-digrieti tal-5 ta’ Marzu 1986, Greis Unterweger, 318/85, EU:C:1986:106, punt 4 u tas-26 ta’ Novembru 1999, ANAS, C‑192/98, EU:C:1999:589, punt 21, kif ukoll is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Epitropos tou Elegktikou Synedriou, C-363/11, EU:C:2012:825, punt 19). |
34 |
Issa, f’dan il-każ, la fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, u lanqas fir-risposta tiegħu għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’talba għal informazzjoni, tal-5 ta’ Ottubru 2017, it-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) ma stabbiliet li hija għandha, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-kwalità ta’ “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
35 |
Fil-fatt, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ma jirriżultax b’mod ċar li d-deċiżjoni, li ser tingħata mit-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) fil-proċedura ta’ stħarriġ preliminari tal-legalità u tal-ġustifikazzjoni baġitarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt funzjoni ġuridika u mhux taħt funzjoni purament amministrattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Epitropos tou Elegktikou Synedriou, C-363/11, EU:C:2012:825, punt 28). |
36 |
Barra minn hekk, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li t-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) għandu kwalità ta’ terza persuna fil-konfront tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni kkontestata u għalhekk li r-rikors ippreżentat quddiem l-assemblea plenarja ta’ din l-istanza abbażi tal-Artikolu 96(1) tal-LOPTC kontra din id-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxix rikors amministrattiv skont il-ġerarkija (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-30 ta’ Mejju 2002, Schmid, C-516/99, EU:C:2002:313, punt 37, u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Epitropos tou Elegktikou Synedriou, C-363/11, EU:C:2012:825, punt 23). |
37 |
Abbażi tal-elementi trażmessi mit-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) b’risposta għall-imsemmija talba għal informazzjoni mibgħuta mill-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, ma jistax jiġi stabbilit li, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, dan jeżerċita funzjoni ġuridika. |
38 |
Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) għandha tiġi ddikjarata manifestament inammissibbli. |
39 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li t-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) ma evidenzjax l-elementi neċessarji li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifka jekk, fil-kawża prinċipali, jeżistix interess transkonfinali ċert. Issa, kif tfakkar fil-punti 23 sa 25 ta’ dan id-digriet, mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ ssib fit-talba għal deċiżjoni preliminari espożizzjoni tal-fatti li fuqhom id-domandi jkunu bbażati kif ukoll tar-rabta li hemm b’mod partikolari bejn din l-informazzjoni u dawn id-domandi. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-elementi neċessarji li jippermettu li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert, bl-istess mod, b’mod ġenerali, bħall-konstatazzjonijiet kollha li għandhom jagħmlu l-qrati nazzjonali u li minnhom tiddependi l-applikabbiltà ta’ att ta’ dritt sekondarju jew tad-dritt primarju tal-Unjoni, għandha ssir qabel ma tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet, C-113/13, EU:C:2014:2440, punt 47). |
40 |
Fil-fatt, l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert ma tistax tiġi dedotta ipotetikament minn ċertu fatturi li, ikkunsidrati b’mod astratt, jistgħu jikkostitwixxu prova f’dan is-sens, iżda din għandha tirriżulta b’mod pożittiv minn evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi tal-kuntratt inkwistjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni, C‑318/15, EU:C:2016:747, punt 22). |
41 |
Issa, minkejja l-iżolament ġeografiku tal-arċipelagu tal-Açores, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinklududi ebda element li jindika b’mod pożittiv l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert. |
42 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri) għandha tiġi ddikkjarata manifestament inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
43 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna: |
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de Contas (il-Qorti tal-Awdituri, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2017, hija manifestament inammissibbli. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.