EUR-Lex El acceso al Derecho de la Unión Europea

Volver a la página principal de EUR-Lex

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 62017CN0373

Kawża C-373/17 P: Appell ippreżentat fl-20 ta’ Ġunju 2017 minn Agria Polska sp. z o.o., Agria Chemicals Poland sp. z o.o., Star Agro Analyse und Handels GmbH, Agria Beteiligungsgesellschaft mbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Mejju 2017 fil-Kawża T-480/15, Agria Polska et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 347, 16.10.2017, p. 4/5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/4


Appell ippreżentat fl-20 ta’ Ġunju 2017 minn Agria Polska sp. z o.o., Agria Chemicals Poland sp. z o.o., Star Agro Analyse und Handels GmbH, Agria Beteiligungsgesellschaft mbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Mejju 2017 fil-Kawża T-480/15, Agria Polska et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-373/17 P)

(2017/C 347/04)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellanti: Agria Polska sp. z o.o., Agria Chemicals Poland sp. z o.o., Star Agro Analyse und Handels GmbH, Agria Beteiligungsgesellschaft mbH (rappreżentanti: P. Graczyk u W. Rocławski, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2017 fil-Kawża T-480/15,

tiddeċiedi s-sentenza b’mod definittiv, jiġifieri tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti jinvokaw ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE u mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 kif ukoll mal-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, peress li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħraf żbalji manifesti tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 101 jew tal-Artikolu 102 TFUE, l-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni għal ftuħ ta’ investigazzjoni kif ukoll il-portata tal-provi neċessarji.

Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jinvokaw l-iżbalji magħmula mill-Qorti Ġenerali kif ġej: (i) il-ġustifikazzjoni tal-attivitajiet simultanji tal-kompetituri tal-appellanti (ilment lill-awtoritajiet nazzjonali) li kienet ibbażata esklużivment fuq dikjarazzjonijiet li saru minnhom; (ii) in-nuqqas li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet amministrattivi u s-sanzjonijiet kontra l-appellanti, li kienu bbażati fuq l-ilmenti tal-kompetituri, kienu ġew annullati (iii) in-nuqqas li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ilmenti kienu parzjalment indirizzati lil awtoritajiet mhux kompetenti, u l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement illimitat ruħha li ssostni li, fid-dawl tar-riskju ta’ dannu tar-reputazzjoni jew tal-effetti negattivi fuq il-kundizzjoni oriġinali tal-prodotti mqiegħda fis-suq, dawn l-ilmenti setgħu kienu leġittimi (iv) il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni li ma kienx hemm interess suffiċjenti tal-Unjoni għall-ftuħ tal-investigazzjoni, minkejja li skont l-ilment tal-appellanti, l-attivitajiet ikkonċernati kienu jikkonċernaw it-territorju ta’ diversi Stati Membri u impriżi multinazzjonali; il-konstatazzjoni żbaljata li l-ilmenti tal-appellanti mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali kienu minħabba l-kompetenza esklużiva tagħhom (v) in-nuqqas li tistabbilixxi li l-portata tal-provi neċessarji u l-bżonn ta’ miżuri sostanzjali jistabbilixxu l-kompetenza tal-Kummissjoni; (vi) il-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet tal-hekk imsejjaħ “abbuż tal-proċeduri” ma kinux issodisfatti f’din il-kawża.

Permezz tat-tieni aggravju qiegħed jiġi allegat ksur tal-prinċipju li jingħata effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni (effet utile) u interpretazzjoni żbaljata ta’ dan il-prinċipju fil-kuntest tal-applikazzjoni prattika tal-Artikolu 101 u tal-Artikolu 102 TFUE flimkien mal-Artikolu 105 TFUE kif ukoll mal-Artikolu 17(1) TUE, peress li l-Qorti Ġenerali (i) ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rwol tal-Kummissjoni fis-sistema tal-Unjoni ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni u aċċettat li ma kien jeżisti ebda obbligu tal-Kummissjoni li teżamina jekk l-awtoritajiet nazzjonali ħadux il-miżuri adegwati sabiex jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1/2003; (ii) ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti invokati mill-appellanti dwar in-nuqqas ta’ rimedji effikaċji quddiem il-qrati Pollakki permezz ta’ eżekuzzjoni privata ta’ regoli tal-kompetizzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ proċeduri adegwati fid-dritt Pollakk u l-fatt li t-termini ta’ preskrizzjoni skont id-dritt Pollakk kienu skadew; u (iii) stabbilixxiet li l-appellanti kienu naqsu milli jgħatu prova tal-fatt li l-awtorità tal-kompetizzjoni Pollakka (il-President tal-Uffiċċju għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur [[UOKiK]) ma kellhiex l-intenzjoni tiftaħ investigazzjoni dwar ksur u timponi sanzjonijiet, peress li l-perijodu ta’ preskrizzjoni li kien previst dak iż-żmien, kien skada.

Permezz tat-tielet aggravju, ġie allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali), tad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba (Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja (i) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li permezz tagħha ċaħdet l-ilment tal-appellanti, mingħajr ma eżaminat l-eżistenza ta’ ksur, minkejja li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kienet preċedentement irrifjutat li tiftaħ investigazzjoni abbażi ta’ rekwiżiti formali u minkejja ebda possibbiltà effettiva għal eżekuzzjoni privata għall-kumpens għal danni; (ii) b’mod żbaljat ċaħdet ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba li l-appellanti setgħu jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ċaħdet l-ilment (iii) naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għal rimedju effettiv u għal amministrazzjoni tajba jinkludi wkoll id-dritt għal deċiżjoni f’terminu raġonevoli, li ma kienx ġie osservat fil-każ preżenti, peress li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li rrifjutat il-ftuħ ta’ investigazzjoni erba’ snin u nofs wara d-data li fiha l-ilment kien tressaq mill-appellanti.


Arriba