Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0327

    Kawża C-327/17: Appell ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2017 minn Cryo-Save AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-23 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-239/15 – Cryo-Save AG vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 330, 2.10.2017, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 330/2


    Appell ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2017 minn Cryo-Save AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-23 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-239/15 – Cryo-Save AG vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-327/17)

    (2017/C 330/03)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: Cryo-Save AG (rappreżentant: C. Onken, avukat)

    Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, MedSkin Solutions Dr. Suwelack AG

    Talbiet

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-239/15;

    tikkundanna lill-konvenut fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti tinvoka motiv wieħed insostenn tal-appell tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 64(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (1); tar-Regola 50(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (2), flimkien mal-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 207/2009, u mar-Regoli 37 u 39 tar-Regolament Nru 2868/95, u mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Hija tallega li l-ksur jikkonsisti fil-fatt li l-Qorti Ġenerali ikkunsidrat bħala inammissibbli l-ewwel motiv tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, li issa hija appellanti f’din il-kawża.

    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza u appellanti f’din il-kawża, kienet ikkontestat l-inammissibbiltà tat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ revoka tat-trademark tal-Unjoni. Insostenn ta’ dan il-motiv hija indikat li, bi ksur tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regola 37(b)(iv) tar-Regolament Nru 2868/95, it-talba ma kinitx motivata suffiċjentement.

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ewwel motiv tar-rikorrenti fl-ewwel istanza u appellanti f’din il-kawża kien inammissibbli peress li fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell hija ma kienet invokat ebda ksur tar-rekwiżiti ta’ forma proċedurali skont l-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 209/2007, flimkien mar-Regola 37(b)(iv) tar-Regolament Nru 2868/95, l-eżami tat-talba kien limitat għall-eżami tal-użu ġenwin tat-trade mark u l-Bord tal-Appell ma kienx obbligat jeżamina r-regolarità tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ revoka. L-eżami tal-ewwel motiv mill-Qorti Ġenerali kien ekwivalenti, fil-fehma tagħha, għal sempliċi estensjoni tal-kuntest fattwali u legali li kien ġie evalwat matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

    Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza u appellanti f’din il-kawża tikkonstesta dan billi ssostni li l-ammissibbiltà ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ revoka tikkostitwixxi rekwiżit għad-deċiżjoni fuq il-mertu, li għandu jiġi evalwat mill-konvenut fl-ewwel istanza, ex officio, f’kull stadju tal-proċedimenti, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-Regola 39(1), it-tieni sentenza tar-Regola 40(1) tar-Regolament Nru 2868/95, l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95. Għaldaqstant, huwa irrilevanti jekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza u appellanti f’din il-kawża, espliċitament introduċietx il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ revoka quddiem il-Bord tal-Appell.

    Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni eżaminat ex officio l-ammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ revoka tal-konvenut fl-ewwel istanza u qieset, espliċitament, li huma ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regola 37 tar-Regolament Nru 2868/95. Il-prinċipju ta’ kontinwità funzjonali, irrikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, jeħtieġ analiżi sħiħa tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, inkluża l-evalwazzjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ revoka mill-Bord tal-Appell. Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza u appellanti f’din il-kawża, tirreferi, inter alia, għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2003, KLEENCARE (T-308/01, punti 24-26, 28, 29 u 32) (3), u tal-1 ta’ Frar 2005, HOOLIGAN (T-57/03, punti 22 u 25) (4).

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza u appellanti f’din il-kawża, ikkontestat l-ammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ revoka, minkejja li kienet f’termini differenti, kemm fil-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll quddiem il-Bord tal-Appell.

    Għat-tliet raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ revoka kienet parti mill-kuntest fattwali u ta’ legali li jirriżulta mill-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. L-eżami tal-ammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ revoka mill-Qorti Ġenerali ma marx lil hinn minn din l-analiżi. Għaldaqstant, l-inammissibbiltà ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ revoka hija differenti mill-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda ta’ revoka jew ta’ invalidità, u wkoll mit-talba tardiva ta’ prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti.


    (1)  ĠU 2009, L 78, p. 1.

    (2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189.

    (3)  ECLI:EU:T:2003:241.

    (4)  ECLI:EU:T:2005:29.


    Top