EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0137

Kawża C-137/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Belġju) fl-20 ta’ Marzu 2017 – proċeduri kriminali kontra Van Gennip BVBA et

ĠU C 178, 6.6.2017, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 178/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Belġju) fl-20 ta’ Marzu 2017 – proċeduri kriminali kontra Van Gennip BVBA et

(Kawża C-137/17)

(2017/C 178/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Belġju)

Partijiet fil-kawża prinċipali

BVBA Van Gennip, Antonius Johannes Maria ten Velde, BVBA Original u Antonius Cornelius Ignatius Maria van der Schoot

Domandi preliminari

1)

Il-ksur segwenti għal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar l-oġġetti pirotekniċi jikkostitwixxi “ksur serju” fis-sens tal-Artikolu 45tad-Direttiva 2013/29/UE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 2013, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi:

a)

il-bejgħ ta’ oġġetti pirotekniċi sa 2 666 kg ta’ kompożizzjoni piroteknika (iktar ’il quddiem il-“KPT”) li tinsab fihom, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 265(7), u tal-Artikolu 257 tal-koninklijk besluit houdende algemeen reglement betreffende het fabriceren, opslaan, onder zich houden, verkopen, vervoeren en gebruiken van springstoffen (digriet irjali li jirregola b’mod ġenerali l-manifattura, il-ħażna, iż-żamma, il-kwantità, it-trasport u l-użu tal-prodotti splussivi), tat-23 ta’ Settembru 1958, li jippreklud[u] l-bejgħ ta’ oġġetti pirotekniċi fi kwantità li teċċedi dik ta’ kilogramma ta’ KPT meta l-konsumatur ma jkollux awtorizzazzjoni amministrattiva miksuba individwalment biex iżomm oġġetti pirotekniċi fi kwantità superjuri;

b)

il-fatt li tinqabeż il-ħażna massima ddefinita u l-fatt li ma jiġux osservati l-postijiet ta’ ħażna previsti f’awtorizzazzjoni federali dwar il-logħob tan-nar, meta jkun diġà jeżisti permess tal-ambjent reġjonali għall-ħażna, fil-postijiet ikkonċernati, tal-kwantitajiet superjuri effettivament ikkonċernati;

c)

il-ħażna provviżorja ħafna ta’ oġġetti pirotekniċi fi kwantitajiet żgħar ħafna, f’diversi postijiet mhux speċifikament awtorizzati għall-ħażna, fil-perimetru ta’ ħanut li jbiegħ bl-imnut oġġetti pirotekniċi li jkollu wkoll awtorizzazzjoni federali fir-rigward ta’ logħob tan-nar kif ukoll permess tal-ambjent reġjonali?

2)

Il-prinċipju ta’ moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi, kif previst mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2007/23/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Mejju 2007, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (li sar l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/29/UE iċċitata iktar ’il fuq), moqri, jekk ikun il-każ, flimkien mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/123/KE (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-depożiti ta’ oġġetti pirotekniċi konformi mad-direttiva, marbuta mal-bejgħ bl-imnut, għar-rekwiżit doppju li jkollhom, minn naħa, awtorizzazzjoni maħruġa fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-manifattura, il-ħażna, iż-żamma, il-kwantità, it-trasport u l-użu tal-prodotti splussivi u, min-naħa l-oħra, awtorizzazzjoni maħruġa fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni relattiva għall-istabbilimenti mhux xierqa, peress li ż-żewġ sistemi ta’ awtorizzazzjoni jfittxu essenzjalment l-istess għan (il-prevenzjoni tar-riskji għas-sigurtà) u peress li waħda minn dawn is-sistemi ta’ awtorizzazzjoni (f’dan il-każ dik li tirrigwarda l-prodotti splussivi) tiffissa limitu massimu baxx (ħafna) għall-ħażna ta’ logħob tan-nar għal party (sa 50 kg ta’ KPT, jiġifieri b’mod attiv)?

3)

Il-prinċipju ta’ moviment liberu ta’ oġġetti pirotekniċi, kif previst mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/29/UE iċċitata iktar ’il fuq u mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2007/23/KE iċċitata iktar ’il fuq (moqrija, jekk ikun il-każ, flimkien mal-Artikoli 34, 35 u 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi ż-żamma jew l-użu mill-konsumaturi u l-bejgħ lilhom ta’ logħob tan-nar għal party (logħob tan-nar tal-kategoriji 2 u 3 fis-sens tad-Direttiva 2007/23/KE) li fihom iktar minn 1 kg ta’ kompożizzjoni piroteknika?


(1)  ĠU 2013, L 178, p. 27.

(2)  ĠU 2007, L 154, p. 1.

(3)  ĠU 2006, L 376, p. 36.


Top