EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0713

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Novembru 2018.
Ahmad Shah Ayubi vs Bezirkshauptmannschaft Linz-Land.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE – Standards dwar il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali – Status ta’ refuġjat – Artikolu 29 – Protezzjoni soċjali – Trattament differenti – Refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza temporanja.
Kawża C-713/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:929

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE – Standards dwar il-kontenut tal-protezzjoni internazzjonali – Status ta’ refuġjat – Artikolu 29 – Protezzjoni soċjali – Trattament differenti – Refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza temporanja”

Fil-Kawża C‑713/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Awstrija ta’ Fuq, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

Ahmad Shah Ayubi

kontra

Bezirkshauptmannschaft Linz-Land

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. S. Ayubi, minn H. Blum, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u M. Wasmeier, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. S. Ahmad Shah Ayubi, ċittadin ta’ pajjiż terz u l-Bezirkshauptmannschaft Linz-Land (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Linz-Land, l-Awstrija) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tagħti għajnuna lill-A. S. Ayubi u lill-familja tiegħu biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ sussistenza u ta’ akkomodazzjoni, f’forma ta’ benefiċċju bażiku kif ukoll f’forma ta’ żieda provviżorja.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Genève

3

Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 137, Nru 2545 (1954)), daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York, fil-31 ta’ Jannar 1967, u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”)

4

L-Artikolu 23 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Għajnuna pubblika”, jipprovdi:

“L-Istati kontraenti għandhom jagħtu lir-refuġjati li jinsabu legalment fit-territorju ta’ dawn l-Istati l-istess trattament bħaċ-ċittadini tagħhom fir-rigward tal-assistenza pubblika u tas-sokkors pubbliku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

5

Skont l-Artikolu 2(a), tad-Direttiva 2011/95, il-“protezzjoni internazzjonali” għandha tinftiehem bħala “l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja”.

6

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Kemm jista’ jkun malajr wara li jkun ingħata protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat permess ta’ residenza li jrid ikun validu għal mill-inqas tliet snin u jiġġedded, sakemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku jeħtieġu mod ieħor, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(3).”

7

L-Artikolu 29 tal-imsemmija direttiva intitolat “Għajnuna soċjali” huwa redatt kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu, fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, l-għajnuna soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

2.   B’deroga mir-regola ġenerali stipulata fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għajnuna soċjali mogħtija lil benefiċjarji bi status ta’ protezzjoni sussidjarja għal benefiċċji bażiċi li mbagħad jiġu provduti fl-istess livelli u bl-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibilità bħalma jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali.”

Id-dritt Awstrijak

8

L-Artikolu 3(4) tal-Asylgesetz 2005 (il-Liġi tal-2005 dwar id-Dritt għall-Ażil), huwa fformulat kif ġej:

“Ċittadin barrani li ngħata l-istatus ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-ażil jikseb dritt ta’ residenza temporanja bħala benefiċjarju tad-dritt għall-ażil. Id-dritt ta’ residenza huwa validu għal tliet snin u għandu jiġi estiż għal perijodu ta’ żmien indeterminat jekk il-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni ta’ proċedura tal-irtirar tal-istat ta’ benefiċjarju tad-dritt għall-asil ma humiex issodisfatti jew jekk tintemm il-proċedura ta’ rtirar. […]”

9

L-Artikolu 4 tal-Gesetz über die bedarfsorientierte Mindestsicherung in Oberösterreich (il-Liġi dwar il-Garanzija ta’ Riżorsi Minimi biex tiġi żgurata kopertura tal-bżonnijiet fl-Awstrija ta’ Fuq), jipprovdi:

“(1)   Sakemm din il-liġi reġjonali ma tipprovdix mod ieħor, garanzija ta’ riżorsi minimi biex tiġi żgurata kopertura tista’ tingħata biss, lill-persuni li:

1.

għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-Awstrija ta’ Fuq […] u

2.

[…]

b)

il-benefiċjarji tad-dritt għall-ażil u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja,

[…]

(3)   B’deroga għal paragrafu 1, il-persuni […] imsemmija fil-punt 2(b) tal-paragrafu 1, li ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza permanenti fl-Awstrija […], b’mod partikolari l-benefiċjarji tad-dritt għall-ażil u ta’ dritt ta’ residenza temporanja […] u l-persuni li jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja għandhom jirċievu, sabiex ikopru l-bżonnijiet ta’ sussistenza u ta’ akkomodazzjoni, benefiċċju bażiku kif ukoll żieda provviżorja skont l-artikolu 13.”

10

L-ammonti rispettivi tal-benefiċċji mogħtija lil persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(3) ta’ din il-liġi u lil dawk li ma jaqgħux taħt din id-dispożizzjoni għandhom jiġu stabbiliti f’dispożizzjonijiet separati.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

A. S. Ayubi ngħata, fit-30 ta’ Settembru 2016, l-istatus ta’ refuġjat mill-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għad-Dritt tal-Barranin u għall-Ażil, l-Awstrija). Dan l-uffiċċju tah, għall-fini tal-ażil, permess ta’ residenza għal perijodu ta’ tliet snin.

12

Fid-9 ta’ Marzu 2017, A. S. Ayubi ppreżenta talba għall-għajnuna biex ikopri l-ħtiġijiet tiegħu u tal-familja tiegħu ta’ sussistenza u ta’ akkomodazzjoni.

13

Permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata fl-10 ta’ April 2017, l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Linz-Land tatu għajnuna, fil-forma ta’ benefiċċji ta’ kull xahar fi flus, ikkostitwit minn benefiċċju bażiku kif ukoll żieda provviżorja. Il-qorti tar-rinviju tesponi li minn din id-deċiżjoni jirriżulta li A. S. Ayubi, fil-kwalità tiegħu ta’ benefiċjarju ta’ permess ta’ residenza temporanja abbażi tal-ażil, ma setax, skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, jippretendi ħlief il-benefiċċji minimi sabiex jiġu koperti l-bżonnijiet tiegħu.

14

Fit-3 ta’ Ġunju 2017, A. S. Ayubi ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni, billi sostna b’mod partikolari li t-trattament sfavorevoli, irriżervat minn din il-leġiżlazzjoni, lir-refuġjati li ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza permanenti kien inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

15

Il-Qorti tar-rinviju tikkonstata li, wara riforma tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li seħħet matul is-sena 2015, din il-kategorija ta’ refuġjati hija meqjusa, fir-rigward tal-assistenza soċjali, simili għall-benefiċjarji tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja u li jirċievu, minħabba dan il-fatt, għajnuna ta’ ammont kunsiderevolment inqas minn dak ta’ għajnuna prevista għaċ-ċittadini Awstrijaċi. Huma biss ir-refuġjati li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza permanenti li huma meqjusa simili għaċ-ċittadini Awstrijaċi.

16

Din il-qorti tqis li tali leġiżlazzjoni twassal biex toħloq differenza fl-għoti lir-refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza temporanja tad-drittijiet previsti, b’mod preċiż u mingħajr kundizzjonijiet, mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, filwaqt li dawn ir-rifuġjati jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza permanenti.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Awstrija ta’ Fuq) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel d-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95 […], [li jipprovdi] li Stat Membru jiżgura li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu (fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni) l-istess assistenza soċjali neċessarja bħal dik prevista għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, [għandu jiġi interpretat] fis-sens li jissodisfa l-kriterji tal-applikabbiltà diretta żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja?

2)

L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-assistenza soċjali, taħt il-forma tal-garanizja ta’ riżorsi minimi sabiex tiġi żgurata l-kopertura tal-bżonnijiet, ma tingħatax għalkollox, jiġifieri bl-istess livell bħal dik mogħtija liċ-ċittadini tal-Istat Membru, ħlief unikament lill-benefiċjarji tad-dritt għall-ażil li għandom dritt ta’ residenza permanenti, iżda li tnaqqas il-provvista ta’ assistenza soċjali skont din il-garanzija ta’ riżorsi minimi għall-benefiċjarji tad-dritt għall-ażil li jkunu kisbu biss dritt ta’ residenza temporanju, billi għalhekk dawn tal-aħħar jiġu assimilati, fir-rigward tal-ammont tal-assistenza soċjali, mal-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

18

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li r-rifuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza temporanja fi Stat Membru jingħataw benefiċċji ta’ assistenza soċjali ta’ ammont inqas minn dak tal-benefiċċji mogħtija liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru u lir-refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza permanenti f’dak l-Istat Membru.

19

L-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi regola ġenerali li l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, fosthom, skont l-Artikolu 2(a), ta’ din id-direttiva, ir-refuġjati, jirċievu, fl-Istat Membru li ta din il-protezzjoni, l-istess assistenza soċjali bħal dik prevista għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 48).

20

Għalkemm l-Artikolu 29(2) tad-direttiva msemmija jippermetti lill-Istati Membri li jidderogaw minn din ir-regola ġenerali, billi jillimitaw għall-benefiċċji essenzjali l-assistenza soċjali mogħtija lil benefiċjarji tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni li din id-deroga tapplika biss għall-benefiċjarji ta’ din il-protezzjoni u mhux għar-refuġjati.

21

Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li l-Artikolu 29(1) tal-istess direttiva jipprevedi l-għoti, lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, tal-assistenza soċjali “meħtieġa” ma jimplikax li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-Istati Membri jagħtu lir-refuġjati benefiċċji soċjali ta’ ammont li huma jqisu biżżejjed għall-ħtiġijiet tagħhom iżda li jkun inqas minn dak tal-benefiċċji soċjali mogħtija liċ-ċittadini tagħhom.

22

Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta mill-istruttura stess tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, li l-fatt li jissemma t-terminu “meħtieġa” fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandu jiġi mifhum bħala li sempliċement jenfasizza l-oppożizzjoni bejn il-benefiċċji koperti mill-prinċipju stabbilit fih, minn naħa, u l-benefiċċji “essenzjali” li għalihom l-assistenza soċjali tista’ tkun limitata skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, min-naħa l-oħra.

23

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li dan il-paragrafu tal-aħħar jiċċaħħad minn kull effett utli jekk l-Artikolu 29(1) ta’ din id-direttiva kellu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, b’mod ġenerali, lill-Istati Membri jistabbilixxu, bl-għan li jillimitawhom għall-minimu neċessarju, il-benefiċċji mogħtija lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għal livell iktar baxx minn dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri.

24

Min-naħa l-oħra, li tingħata tali possibbiltà lill-Istati Membri fir-rigward tal-benefiċċji mogħtija lir-rifuġjati ma jkunx kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament nazzjonali fil-qasam ta’ assistenza u għajnuna pubblika ta’ dawn tal-aħħar, stabbilit fl-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, fid-dawl ta’ liema artikolu għandu jiġi interpretat l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 51).

25

Minn dan isegwi li l-livell ta’ benefiċċji soċjali mogħtija lir-rifuġjati mill-Istat Membru li jkun ta dan l-istatus, kemm jekk għal perijodu determinat jew indeterminat, għandu jkun l-istess bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punti 4850).

26

Il-prinċipju tat-trattament nazzjonali li b’hekk jibbenefikaw minnu r-rifuġjati ma jistax jiġi kompromess mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95, li jippermetti lill-Istati Membri jagħtu lir-refuġjati permess ta’ residenza limitat, jekk ikun il-każ, għal tliet snin.

27

Fil-fatt, peress li d-drittijiet mogħtija mill-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, li fih jinsab l-Artikolu 29 tagħha, huma l-konsegwenza tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u mhux tal-għoti ta’ permess ta’ residenza, dawn jistgħu jiġu limitati biss f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-kapitolu, b’tali mod li l-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li jżidu restrizzjonijiet li ma jidhrux fl-istess kapitolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, H. T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 97)

28

Barra minn hekk, kemm l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Genève jkopru t-totalita’ tar-refuġjati, u d-drittijiet li joħorġu minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jiddependux mit-tul ta’ żmien li dawn ir-refuġjati jgħaddu fl-Istat Membru kkonċernat jew it-tul ta’ żmien tal-permess ta’ residenza tagħhom.

29

Minn dak li ntqal jirriżulta li r-refuġjati li jibbenefikaw minn permess ta’ residenza għal żmien limitat għal tliet snin għandhom jiġu garantiti l-istess livell ta’ benefiċċji soċjali bħal dak offrut liċ-ċittadini tal-Istat Membru li jkun ta l-istatus ta’ refuġjat.

30

Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa f’dubju mill-argument li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kompatibbli mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/95, inkwantu li r-refuġjati residenti għal bosta snin fi Stat Membru jinstabu f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik tar-refuġjati li daħlu reċentement fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, għaliex dawn tal-aħħar jeħtieġu appoġġ prattiku iktar importanti.

31

Fl-ewwel lok, peress li din id-dispożizzjoni timponi trattament ugwali bejn ir-refuġjati u ċ-ċittadini tal-Istat Membru li jkun tahom il-protezzjoni, huma biss id-differenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni li jistgħu jkunu eventwalment rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha, bl-esklużjoni ta’ sitwazzjonijiet differenti bejn żewġ gruppi separati ta’ refuġjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punti 5459).

32

Fit-tieni lok, anki jekk jiġi preżunt li l-partikolarità tas-sitwazzjoni tar-refuġjati li daħlu reċentement fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tippermetti li jiġi kkonstatat li dawn jinstabu, b’mod ġenerali, f’sitwazzjoni oġġettivament iktar prekarja minn dik taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, miżura li twassal sabiex jiġu trattati agħar dawn ir-refuġjati billi tillimita l-livell ta’ benefiċċji mħallsa lilhom ma tistax tiġi kkunsidrata bħala waħda li tikkontempla tali differenza ta’ sitwazzjoni, fis-sens li miżura bħal din ma tkunx f’pożizzjoni li tindirizza din il-prekarjetà.

33

Fit-tielet lok, sa fejn dan l-argument għandu jinftiehem fis-sens li, minħabba diffikultajiet tar-refuġjati li daħlu reċentement fl-Awstrija li jiksbu aċċess għas-suq ħieles tal-akkomodazzjoni, ikun iktar xieraq li dawn ir-refuġjati, fi żmien qasir ħafna, jingħataw post f’ċentri ta’ akkomodazzjoni iktar milli jingħataw għajnuna finanzjarja, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, ma jirriżultax la mid-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, u lanqas mill-elementi miġjuba mill-Gvern Awstrijak li t-tnaqqis inkwistjoni fil-kawża prinċipali tal-ammont ta’ benefiċċji ta’ assistenza soċjali provduti lill-imsemmija refuġjati hija effettivament ikkumpensata permezz ta’ għotja lilhom ta’ forom oħra ta’ benefiċċji soċjali.

34

Barra minn hekk, għalkemm il-Gvern Awstrijak semma wkoll il-piż li jirriżulta mill-ħlas ta’ benefiċċji soċjali lir-refuġjati, għandu jitfakkar li l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil persuna partikolari jimplika, għall-istituzzjoni msejħa li tagħti dawn il-benefiċċji, piż, kemm jekk il-persuna tkun refuġjata jew ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat. Differenza fis-sitwazzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni ma tistax għalhekk tiġi kkonstatata f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 55).

35

Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li r-rifuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza temporanja fi Stat Membru jingħataw benefiċċji ta’ għajnuna soċjali ta’ ammont inqas minn dak tal-benefiċċji mogħtija liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru u lir-refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza permanenti f’dak l-Istat Membru.

Fuq l-ewwel domanda

36

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk refuġjat jistax jinvoka, quddiem il-qrati nazzjonali, l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/95, sabiex ir-restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni titwarrab.

37

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat, meta dan ikun naqas li jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għalkemm huwa veru li l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/95 jagħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ assistenza soċjali li huma jqisu meħtieġ, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni tagħti lil kull Stat Membru, f’termini ċari, obbligu ta’ riżultat preċiż u inkundizzjonali, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat għal kull refuġjat li jingħata protezzjoni, il-benefiċċju tal-istess assistenza soċjali bħal dik prevista għaċ-ċittadini tiegħu.

39

Barra minn hekk għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà setgħet tikkonstata li dispożizzjonijiet simili għall-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/95, li jimponu l-benefiċċju ta’ trattament nazzjonali jew li jipprojbixxu ċerti diskriminazzjoni, għandhom effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1999, Sürül, C‑262/96, EU:C:1999:228, punti 6374; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 78, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2014, Napoli, C‑595/12, EU:C:2014:128, punti 4850).

40

F’dan il-kuntest, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, jekk ma jkunux jistgħu jinterpretaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali konformement mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali u l-korpi amministrattivi għandhom l-obbligu li japplikaw id-dritt tal-Unjoni b’mod sħiħ u li jipproteġu d-drittijiet li dan jagħti lill-individwi, billi, fejn hemm bżonn, ma japplikawx kwalunkwe dispożizzjoni kunfliġġenti tad-dritt intern (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, H., C‑174/16, EU:C:2017:637, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Minn dak li jippreċedi jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li refuġjat jista’ jinvoka, quddiem il-qrati nazzjonali, l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/95, sabiex ir-restrizzjoni tad-drittjiet tiegħu li toħloq din il-leġiżlazzjoni titwarrab.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li r-refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza temporanja fi Stat Membru jingħataw benefiċċji ta’ għajnuna soċjali ta’ ammont inqas minn dak tal-benefiċċji mogħtija lil ċittadini ta’ dak l-Istat Membru u lir-refuġjati li jgawdu minn dritt ta’ residenza permanenti f’dak l-Istat Membru.

 

2)

Refuġjat jista’ jinvoka, quddiem il-qrati nazzjonali, l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2011/95, sabiex ir-restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu li toħloq din il-leġiżlazzjoni titwarrab.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top