EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0708

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-5 ta’ Diċembru 2019.
„EVN Bulgaria Toplofikatsia“ EAD vs Nikolina Stefanova Dimitrova u „Toplofikatsia Sofia“ EAD vs Mitko Simeonov Dimitrov.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rayonen sad Asenovgrad u s-Sofiyski rayonen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Dritt tal-konsumaturi – Artikolu 2(1) – Kunċett ta’ “konsumatur” – Artikolu 3(1) – Kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur – Kuntratt dwar il-provvista ta’ tisħin distrettwali – Artikolu 27 – Bejgħ forzat – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali ta’ impriżi fil-konfront ta’ konsumaturi fis-suq intern – Artikolu 5 – Projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali – Anness I – Provvisti mhux mitluba – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi minn kull proprjetajru ta’ proprjetà f’kondominju konness ma’ netwerk ta’ tisħin distrettwali li jikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-konsum tal-enerġija termali tal-partijiet komuni u tal-installazzjoni interna tal-immobbli – Effiċjenza fl-enerġija – Direttiva 2006/32/KE – Artikolu 13(2) – Direttiva 2012/27/UE – Artikolu 10(1) – Informazzjoni dwar il-kontijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, f’kondominju, il-kontijiet relatati mal-konsum tal-enerġija termali tal-installazzjoni interna jiġu stabbiliti, għal kull proprjetarju ta’ appartament f’immobbli, proporzjonalment għall-volum imsaħħan tal-appartament tiegħu.
Kawżi magħquda C-708/17 u C-725/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1049

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

5 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Dritt tal-konsumaturi – Artikolu 2(1) – Kunċett ta’ “konsumatur” – Artikolu 3(1) – Kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur – Kuntratt dwar il-provvista ta’ tisħin distrettwali – Artikolu 27 – Bejgħ forzat – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali ta’ impriżi fil-konfront ta’ konsumaturi fis-suq intern – Artikolu 5 – Projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali – Anness I – Provvisti mhux mitluba – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi minn kull proprjetajru ta’ proprjetà f’kondominju konness ma’ netwerk ta’ tisħin distrettwali li jikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-konsum tal-enerġija termali tal-partijiet komuni u tal-installazzjoni interna tal-immobbli – Effiċjenza fl-enerġija – Direttiva 2006/32/KE – Artikolu 13(2) – Direttiva 2012/27/UE – Artikolu 10(1) – Informazzjoni dwar il-kontijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, f’kondominju, il-kontijiet relatati mal-konsum tal-enerġija termali tal-installazzjoni interna jiġu stabbiliti, għal kull proprjetarju ta’ appartament f’immobbli, proporzjonalment għall-volum imsaħħan tal-appartament tiegħu”

Fil-Kawżi magħquda C‑708/17 u C‑725/17,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rayonen sad Asenovgrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Asenovgrad, il-Bulgarija) (C‑708/17) u mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) (C‑725/17), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-6 ta’ Diċembru 2017 u tal-5 ta’ Diċembru 2017, rispettivament, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Diċembru 2017 u fis-27 ta’ Diċembru 2017, rispettivament, fil-proċeduri

“EVN Bulgaria Toplofikatsia” EAD

vs

Nikolina Stefanova Dimitrova (C‑708/17),

u

“Toplofikatsia Sofia” EAD

vs

Mitko Simeonov Dimitrov (C‑725/17),

fil-preżenza ta’:

“Termokomplekt” OOD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby (Relatur), K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “EVN Bulgaria Toplofikatsia” EAD, minn S. Radev u S. Popov, bħala aġenti,

għal “Toplofikatsia Sofia” EAD, minn S. Chakalski, I. Epitropov u V. Ivanov, bħala aġenti,

għal N. S. Dimitrova, minn S. Memtsov u D. Dekov, advokati,

għall-Gvern Litwan, minn G. Taluntytė, J. Prasauskienė u D. Kriaučiūnas, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García, K. Talabér-Ritz u N. Nikolova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-30 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22), tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE (ĠU 2006, l 114, p. 64), tal-Artikoli 5 u 27 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64), kif ukoll tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU 2012, L 315, p. 1).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn “EVN Bulgaria Toplofikatsia” EAD (iktar’ il quddiem “EVN”) u Nikolina Stefanova Dimitrova (C‑708/17) u bejn “Toplofikatsia Sofia” EAD u Mitko Simeonov Dimitrov (C‑725/18), fir-rigward ta’ azzjonijiet għall-ħlas ta’ fatturi relatati mal-konsum ta’ enerġija termali mill-installazzjoni interna ta’ kondominju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2005/29

3

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi:

“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt.”

4

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.

[…]

5.   Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. […]”

5

L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Prattiċi kummerċjali li f’kull ċirkostanza huma kkunsidrati żleali”, jinkludi t-test li ġej:

“Prattiċi kummerċjali qarrieqa

[…]

(29)

Fejn il-kummerċjant jitlob ħlas immedjat jew differit għar-ritorn jew għall-kustodja ta’ prodotti forniti minnu, iżda mhux solleċitati mill-konsumatur ħlief fejn il-prodott huwa sostitut fornit konformement ma’ l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 97/7/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319)] (‘bejgħ mhux mitlub’).”

Id-Direttiva 2011/83

6

Il-premessi 14 u 60 tad-Direttiva 2011/83 jipprovdu:

“(14)

Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi nazzjonali fil-qasam tal-liġi kuntrattwali għal aspetti tal-liġi kuntrattwali li mhumiex regolati b’din id-Direttiva. Għaldaqstant, din id-Direttiva għandha tkun bla ħasara għal-liġi nazzjonali li jirregola, pereżempju, il-konklużjoni jew il-validità ta’ kuntratt (pereżempju fil-każ ta’ nuqqas ta’ kunsens). Bl-istess mod, din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi nazzjonali rigward ir-rimedji kuntrattwali leġali ġenerali, ir-regoli dwar l-ordni ekonomiku pubbliku, pereżempju r-regoli dwar prezzijiet eċċessivi jew esaġerati, u r-regoli dwar tranżazzjonijiet legali mhux etiċi.

[…]

(60)

Minħabba li l-bejgħ mhux mitlub, li jikkonsisti fi provvista lil konsumaturi ta’ oġġetti jew forniment ta’ servizzi mhux mitluba, huwa pprojbit bid-Direttiva [2005/29] iżda m’hemm previst l-ebda rimedju kuntrattwali fiha, jeħtieġ li jiġi introdott f’din id-Direttiva r-rimedju kuntrattwali ta’ eżenzjoni tal-konsumatur mill-obbligu li jipprovdu kwalunkwe konsiderazzjoni għal provvista jew forniment mhux mitlub/a.”

7

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet li jkunu lil hinn mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

[…]”

8

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika, skont il-kundizzjonijiet u sal-punt stipulati fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur. Hija wkoll applikabbli għall-kuntratti għall-provvista ta’ ilma, gass, elettriku jew tisħin distrettwali, inkluż min-naħa tal-fornituri pubbliċi, sal-punt li dawn l-oġġetti ta’ bażi huma fornuti fuq bażi kuntrattwali.

[…]

5.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-liġi kuntrattwali ġenerali nazzjonali, bħar-regoli dwar il-validità, il-formazzjoni jew l-effett ta’ kuntratt, sakemm l-aspetti relatati mal-liġi kuntrattwali ġenerali mhumiex regolati minn din id-Direttiva.

[…]”

9

L-Artikolu 27 tal-istess direttiva, intitolat “Bejgħ mhux mitlub”, jipprovdi:

“Il-konsumatur għandu jkun eżentat mill-obbligu li jipprovdu kwalunkwe kunsiderazzjoni f’każijiet ta’ forniment mhux solleċitat ta’ oġġetti, ilma, gass, elettriku, tisħin distrettwali jew kontenut diġitali jew għoti mhux mitlub ta’ servizz kif ipprojbit mill-Artikolu 5(5) u l-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva [2005/29]. F’każijiet bħal dawn, in-nuqqas ta’ reazzjoni mill-konsumatur wara tali forniment jew provvista mhux mitlub/a ma għandux jikkostitwixxi kunsens.”

10

L-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2011/83 jipprovdi li “[i]d-dispożizzjonijiet [tagħha] għandhom japplikaw għall-kuntratti konklużi wara t-13 ta’ Ġunju 2014”.

Id-Direttiva 2006/32

11

Skont il-premessi 1, 12, 20 u 29 tad-Direttiva 2006/32:

“(1)

Fil-Komunità hemm bżonn li jittejbu l-effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija, l-immaniġġar tad-domanda għall-enerġija u l-promozzjoni tal-produzzjoni ta’ l-enerġija rinovabbli, peress li hemm skop relattivament limitat għal kwalunkwe influwenza oħra fuq il-kundizzjonijiet ta’ provista u distribuzzjoni ta’ enerġija f’terminu ta’ żmien qasir jew medju, kemm permezz tal-bini ta’ kapaċitajiet ġodda kif ukoll permezz ta’ titjib fit-trażmissjoni u fid-distribuzzjoni. Għalhekk din id-Direttiva tikkontribwixxi għal titjib fis-sigurtà tal-provista.

[…]

(12)

Din id-Direttiva teħtieġ li tittieħed azzjoni mill-Istati Membri, fejn it-twettiq ta’ l-objettivi jiddependi mill-effetti li tali azzjonijiet ikollhom fuq il-konsumaturi finali ta’ l-enerġija. Ir-riżultat finali ta’ l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri għalhekk jiddependu fuq ħafna fatturi esterni li jinfluwenzaw l-imġieba tal-konsumaturi fir-rigward ta’ l-użu tagħhom ta’ l-enerġija u d-disponibiltà tagħhom li jimplimentaw metodi għall-iffrankar ta’ l-enerġija u li jużaw strumenti għall-iffrankar ta’ l-enerġija. Għalhekk, għalkemm l-Istati Membri jintrabtu li jwettqu sforzi sabiex jiksbu l-mira ta’ 9 %, il-mira ta’ l-iffrankar ta’ l-enerġija nazzjonali hija minnha nnifisha indikattiva u ma tinvolvi l-ebda obbligu legali esegwibbli sabiex l-Istati Membri jiksbuha.

[…]

(20)

Id-distributuri ta’ l-enerġija, l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u l-kumpanniji tal-bejgħ ta’ l-enerġija bl-imnut jistgħu jtejbu l-effiċjenza ta’ l-enerġija fil-Komunità jekk is-servizzi ta’ l-enerġija li huma jikkummerċjalizzaw jinkludu l-effiċjenza fl-użu finali bħall-kumdità tat-temperatura ta’ ġewwa, l-ilma sħun domestiku, ir-refriġerazzjoni, il-fabbrikazzjoni ta’ prodotti, id-dawl u l-motive power. It-tkabbir tal-profitti għad-distributuri ta’ l-enerġija, għall-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u għall-kumpanniji tal-bejgħ ta’ l-enerġija bl-imnut ikun b’hekk marbut aktar mill-qrib mal-bejgħ ta’ servizzi ta’ l-enerġija lil kemm jista’ jkun konsumaturi minflok il-bejgħ ta’ kemm jista’ jkun enerġija lil kull konsumatur. L-Istati Membri għandhom ifittxu li jevitaw kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan il-qasam, sabiex jiġi garantit livell wieħed li fih jaħdmu l-fornituri kollha tas-servizzi ta’ enerġija; huma jistgħu, madankollu, jiddelegaw din il-ħidma lir-regolatur nazzjonali.

[…]

(29)

Sabiex il-konsumaturi finali jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni aħjar rigward il-konsum individwali tagħhom ta’ l-enerġija, iridu jkunu provduti b’ammont raġonevoli ta’ informazzjoni dwaru u ta’ informazzjoni relevanti oħra, bħal informazzjoni dwar il-miżuri disponibli għat-titjib fl-effiċjenza ta’ l-enerġija, deskrizzjonijiet komparattivi dwar il-konsumatur finali jew speċifikazzjonijiet tekniċi oġġettivi għal tagħmir li juża l-enerġija, li jista’ jinkludi tagħmir bbażat fuq il-‘Factor Four’ jew tagħmir simili. […]

[…]”

12

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa redatt bil-mod kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tixpruna t-titjib effettiv meta mqabbel man-nefqa ta’ l-effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija fl-Istati Membri billi:

(a)

tipprovdi l-miri indikattivi neċessarji kif ukoll il-mekkaniżmi, l-inċentivi u l-oqfsa istituzzjonali, finanzjarji u legali neċessarji biex jitneħħew ostakoli tas-suq u imperfezzjonijiet eżistenti li jimpedixxi l-effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija;

(b)

toħloq il-kundizzjonijiet għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ suq għas-servizzi ta’ l-enerġija u għat-twassil ta’ miżuri li jtejbu l-effiċjenza ta’ l-enerġija lill-konsumaturi finali.”

13

L-Artikolu 13(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, safejn huwa teknikament possibbli, raġonevoli mil-lat finanzjarju u proporzjonat fir-rigward ta’ l-iffrankar potenzjali ta’ l-enerġija, il-konsumatur finali ta’ l-elettriku, tal-gass naturali, tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali u ta’ l-ilma sħun fid-djar jingħataw meters individwali bi prezz kompettitiv li jirriflettu b’mod preċiż il-konsum reali ta’ enerġija mill-konsumatur u li jagħtu informazzjoni dwar il-ħin reali ta’ l-użu.

Meta miter jinbidel, għandhom dejjem jiġu pprovduti miters individwali bi prezz kompetittiv bħal dawn, sakemm dan ma jkunx teknikament impossibbli jew ma jkunx ekonomikament effettiv meta wieħed jikkunsidra l-iffrankar potenzjali stmat fuq tul ta’ żmien. Meta ssir konnessjoni ġdida f’bini ġdid jew f’bini li fih isiru rinnovazzjonijiet kbar, kif stipulat fid-Direttiva 2002/91/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar il-prestazzjoni ta’ l-enerġija tal-bini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 168)], miters individwali bi prezz kompetittiv bħal dawn għandhom jiġu dejjem ipprovduti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun xieraq, l-kontijiet mid-distributuri ta’ l-enerġija, mill-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni u mill-kumpanniji tal-bejgħ ta’ l-enerġija bl-imnut ikunu bbażati fuq il-konsum reali ta’ l-enerġija, u jkunu preżentati f’termini ċari u li jistgħu jinftiehmu. Informazzjoni xierqa għandha tkun disponibbli mal-kont biex tipprovdi lill-konsumatur finali b’rendikont komprensiv ta’ l-ispejjeż attwali ta’ l-enerġija. Kontijiet ibbażati fuq konsum attwali għandhom jintbagħtu ta’ spiss biżżejjed biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jirregolaw il-konsum tagħhom ta’ l-enerġija.”

14

Skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2012/27, id-Direttiva 2006/32 tħassret b’effett mill-5 ta’ Ġunju 2014, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet.

Id-Direttiva 2012/27

15

Il-premessi 8 u 20 tad-Direttiva 2012/27 jipprevedu:

“(8)

Fit-8 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni tagħha dwar Pjan Ewropew għall-Effiċjenza fl-Enerġija 2011. Il-Komunikazzjoni kkonfermat li l-Unjoni mhijiex fit-triq it-tajba sabiex tilħaq il-mira tagħha għall-effiċjenza fl-enerġija. Dan minkejja l-progress tal-politika nazzjonali dwar l-effiċjenza fl-enerġija deskritti fl-ewwel Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali tal-Effiċjenza fl-Enerġija ppreżentati mill-Istati Membri biex jintlaħqu r-rekwiżiti tad-Direttiva [2006/32]. L-analiżi inizjali tat-tieni Pjani ta’ Azzjoni tikkonferma li l-Unjoni mhijiex fit-triq it-tajba. Biex jinstab rimedju għal dak, il-Pjan għall-Effiċjenza fl-Enerġija 2011 iċċara għadd ta’ politiki u ta’ miżuri dwar l-effiċjenza fl-enerġija li jkopru l-katina sħiħa tal-enerġija, inklużi l-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija; ir-rwol ewlieni tas-settur pubbliku fl-effiċjenza fl-enerġija; il-bini u l-appliances; l-industrija; u l-ħtieġa sabiex il-klijenti aħħarin jingħataw is-setgħa ħalli jiġġestixxu l-konsum tal-enerġija tagħhom. […]

[…]

(20)

“Valutazzjoni tal-possibbiltà li tiġi stabbilita skema ta’ ‘ċertifikati bojod’ fuq il-livell tal-Unjoni wriet li, fis-sitwazzjoni kurrenti, sistema ta’ din ix-xorta toħloq spejjeż amministrattivi eċċessivi u li hemm riskju li l-iffrankar tal-enerġija jkun ikkonċentrat f’għadd ta’ Stati Membri u ma jiġix introdott fl-Unjoni kollha. L-objettiv ta’ tali skema fil-livell tal-Unjoni jista’ jintlaħaq aħjar, għall-inqas f’dan l-istadju, permezz ta’ skemi nazzjonali ta’ obbligi ta’ effiċjenza fl-enerġija għal utilitajiet tal-enerġija, jew miżuri ta’ politika alternattivi oħra li jilħqu l-istess ammont ta’ ffrankar tal-enerġija. Huwa xieraq għal-livell ta’ ambizzjoni ta’ skemi ta’ din ix-xorta li dawn ikunu stabbiliti f’qafas komuni fuq il-livell tal-Unjoni filwaqt li tkun ipprovduta flessibbiltà sinifikanti lill-Istati Membri sabiex tkun ikkunsidrata b’mod sħiħ l-organizzazzjoni nazzjonali tal-atturi tas-suq, il-kuntest speċifiku tas-settur tal-enerġija u d-drawwiet tal-klijenti aħħarin. Il-qafas komuni għandu jagħti lill-utilitajiet tal-enerġija l-għażla li s-servizzi ta’ enerġija jiġu offruti lill-klijenti aħħarin kollha, mhux biss lil dawk li huma jbigħulhom l-enerġija. Dan iżid il-kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija għaliex l-utilitajiet tal-enerġija jistgħu jiddifferenzjaw il-prodott tagħhom billi jipprovdu servizzi ta’ enerġija komplementari. Il-qafas komuni għandu jippermetti wkoll li l-Istati Membri jinkludu fl-iskema nazzjonali tagħhom rekwiżiti li jkollhom għan soċjali, b’mod partikolari sabiex ikun żgurat li l-klijenti vulnerabbli jkollhom aċċess għall-benefiċċji ta’ effiċjenza fl-enerġija ogħla. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, liema distributuri tal-enerġija jew kumpanniji li jbiegħu l-enerġija fil-livell tal-konsum għandu jkollhom l-obbligu li jilħqu l-mira stabbilita minn din id-Direttiva tal-iffrankar tal-enerġija fl-użu finali.

[…]”

16

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2012/27 huwa redatt kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta’ miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija fi ħdan l-Unjoni sabiex ikun żgurat li sal-2020 tintlaħaq il-mira ewlenija għall-effiċjenza fl-enerġija ta’ 20 % u sabiex titwitta t-triq għal iktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija lil hinn minn dik id-data.

Hija tistabbilixxi regoli mfassla sabiex ineħħu l-ostakli fis-suq tal-enerġija u sabiex jegħlbu n-nuqqasijiet tas-swieq li jimpedixxu l-effiċjenza fil-provvista u fl-użu tal-enerġija, u tipprovdi sabiex ikunu stabbiliti miri nazzjonali indikattivi għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2020.”

17

L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, safejn huwa teknikament possibbli, raġonevoli mil-lat finanzjarju u proporzjonat fir-rigward tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija, il-klijent aħħari tal-elettriku, tal-gass naturali, tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali u tal-ilma sħun fid-djar jingħataw arloġġi individwali bi prezz kompettitiv li jirriflettu b’mod preċiż il-konsum finali ta’ enerġija mill-klijent u li jagħtu informazzjoni dwar il-ħin reali tal-użu.

[…]

3.   Fejn it-tisħin u t-tkessiħ jew il-misħun jkunu pprovduti lil bini minn netwerk ta’ tisħin distrettwali jew minn sors ċentrali li jkun qed jaqdi għadd ta’ bini, għandu jiġi installat arloġġ tas-sħana jew tal-misħun fejn isir l-iskambju tat-tisħin jew fil-punt ta’ konsenja.

Għandhom jiġu installati wkoll sal-31 ta’ Diċembru 2016 arloġġi individwali tal-konsum f’bini b’aktar minn appartament wieħed u b’numru ta’ użi b’sors ċentrali ta’ tisħin/tkessiħ jew moqdi minn netwerk ta’ tisħin distrettwali jew minn sors ċentrali li jaqdi għadd ta’ binjiet, biex jitkejjel il-konsum ta’ sħana jew tkessiħ jew misħun għal kull unità fejn ikun teknikament fattibbli u kosteffiċjenti. Fejn l-użu ta’ arloġġi individwali ma jkunx teknikament fattibbli jew ma jkunx kosteffiċjenti, biex ikejlu s-sħana, għandhom jintużaw allokaturi individwali tal-ispiża għat-tisħin biex jitkejjel il-konsum tas-sħana f’kull radjatur, dment l-Istat Membru inkwistjoni ma jurix li l-installazzjoni ta’ tali allokaturi tal-ispiża għat-tisħin ma tkunx kosteffiċjenti. F’dawk il-każijiet, jistgħu jiġu kkunsidrati metodi kosteffiċjenti alternattivi ta’ kejl tal-konsum tas-sħana.

Fejn binjiet b’aktar minn appartament wieħed moqdija minn tisħin jew tkessiħ distrettwali, jew fejn is-sistemi komuni tagħhom ta’ tisħin jew tkessiħ għal tali binjiet ikunu prevalenti, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu regoli trasparenti dwar l-allokazzjoni tal-ispiża ta’ konsum termali jew tal-misħun f’tali bini biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-preċiżjoni tal-kontijiet tal-konsum individwali. Fejn ikun xieraq, tali regoli għandhom jinkludu linji gwida dwar il-mod ta’ allokazzjoni ta’ spejjeż tas-sħana u/jew tal-misħun li hu użat kif ġej:

(a)

misħun għall-ħtiġijiet domestiċi;

(b)

sħana mormija mill-installazzjoni tal-bini u għall-iskop tat-tisħin taż-żoni komuni (fejn it-taraġ u l-kurituri jkunu mgħammra b’radjaturi);

(c)

għall-iskop tat-tisħin ta’ appartamenti.”

18

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Meta l-klijenti aħħarin ma jkollhomx l-arloġġi intelliġenti kif imsemmi fid-Direttiva 2009/72/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55)] u 2009/73/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li jħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94)], l-Istati Membri għandhom jiżguraw, sal-31 ta’ Diċembru 2014, li l-informazzjoni dwar il-kontijiet ikunu preċiżi u bbażati fuq il-konsum reali, skont il-punt (1.1) tal-Anness VII, għas-setturi kollha koperti minn din id-Direttiva, inklużi d-distributuri tal-enerġija, l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni u l-kumpaniji tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-konsum, fejn dan ikun teknikament possibbli u ekonomikament iġġustifikat.”

19

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2012/27:

“Id-Direttiva [2006/32] hija revokata mill-5 ta’ Ġunju 2014, minbarra għall-Artikolu 4(1) sa (4) tagħha l-Annessi I, III u IV għaliha, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali. L-Artikolu 4(1) sa (4) [u] l-Annessi I, III u IV għad-Direttiva 2006/32/KE għandhom jiġu mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2017.”

20

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2012/27 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-5 ta’ Ġunju 2014.”

21

L-Anness VII ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti minimi għal kontijiet u informazzjoni fil-kontijiet ibbażata fuq il-konsum proprju”, jipprovdi, fil-punt 1.1 tiegħu:

“Biex il-klijenti aħħarin ikunu jistgħu jirregolaw il-konsum tagħhom tal-enerġija, il-kontijiet għandhom isiru fuq il-bażi tal-konsum proprju tal-inqas darba fis-sena, u l-informazzjoni fil-kontijiet għandha tkun disponibbli tal-inqas kull tliet xhur, fuq talba jew fejn il-konsumaturi jkunu għażlu li jirċievu kont elettroniku jew inkella darbtejn fis-sena. Il-gass li jintuża biss għal skopijiet ta’ tisjir jista’ jkun eżentat minn dan ir-rekwiżit.”

Id-dritt Bulgaru

Il-Liġi dwar l-Enerġija

22

Iż-Zakon za energetikata (il-Liġi dwar l-Enerġija), tad-9 ta’ Diċembru 2003 (DV Nru 107, tad-9 ta’ Diċembru 2003), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Enerġija”), tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“133.

(2) Il-konnessjoni tal-faċilitajiet tal-klijenti f’kondominju għandha ssir bil-kunsens bil-miktub tal-proprjetarji li jirrappreżentaw mill-inqas żewġ terzi tal-proprjetarji tal-kondominju.

[…]

139.

(1) It-tqassim tal-konsum tal-enerġija termali f’kondominju għandu jsir skont sistema ta’ tqassim tal-konsum.

[…]

140.

(1) It-tqassim tal-konsum tal-enerġija termali bejn il-klijenti f’kondominju għandu jsir permezz ta’:

[…]

2.

tagħmir għat-tqassim tal-konsum tal-enerġija termali, jiġifieri distributuri tal-ispejjeż tat-tisħin individwali li jissodisfaw l-istandards fis-seħħ fil-pajjiż jew meters termali individwali;

[…]

(3) L-installazzjonijiet interni tat-tisħin u tal-ilma sħun tal-bini huma partijiet komuni tal-komproprjetà.

[…]

142.

(1) L-enerġija termali intiża għat-tisħin ta’ kondominju hija d-differenza bejn il-kwantità totali ta’ enerġija termali intiża għad-distribuzzjoni f’kondominju u l-kwantità ta’ enerġija termali għall-ilma sħun, stabbilita skont l-Artikolu 141(1).

(2) L-enerġija termali intiża għat-tisħin ta’ kondominju tinqasam fi sħana mill-installazzjoni interna, f’enerġija termali intiża għat-tisħin tal-partjiet komuni u f’enerġija termali intiża għat-tisħin tal-proprjetà individwali.

[…]

149a.

(1) Il-klijenti ta’ enerġija termali f’kondominju jistgħu jixtru enerġija termali mingħand fornitur partikolari bil-kunsens bil-miktub ta’ komproprjetarji li jirrappreżentaw mill-inqas żewġ terzi tal-proprjetà tal-kondominju.

[…]

153.

(1) Il-proprjetarji u d-detenturi kollha ta’ dritt in rem tal-użu ta’ immobbli f’kondominju konness mas-substazzjon għal abbonati jew ma’ fergħa awtonoma tiegħu huma klijenti tal-enerġija termali u huma meħtieġa li jinstallaw apparat għad-distribuzzjoni tal-konsum tal-enerġija termali, kif imsemmi fl-Artikolu 140(1)(2), fuq it-trażmettituri tas-sħana li jkunu fil-proprjetà tagħhom u li jħallsu l-ispejjeż tal-konsum tal-enerġija termali skont il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet stabbiliti fid-digriet rilevanti msemmi fl-Artikolu 36(3).

(2) Meta l-proprjetarji li jirrappreżentaw mill-inqas żewġ terzi tal-proprjetà tal-kondominju u li huma konnessi mas-substazzjon għal abbonati jew mal-fergħa awtonoma tiegħu ma jkunux jixtiequ li jkunu klijenti tal-enerġija termali għat-tisħin jew għall-ilma sħun, huma meħtieġa jiddikjaraw dan bil-miktub lill-kumpannija tad-distribuzzjoni tal-enerġija termali u jitolbu l-waqfien tal-provvista tal-enerġija termali għat-tisħin jew għall-ilma sħun minn dak is-substazzjon għal abbonati jew mill-fergħa awtonoma tiegħu.

[…]

(5) Meta sistema ta’ tqassim tal-konsum ta’ enerġija termali hija prevista, il-klijenti f’kondominju ma għandhomx id-dritt li jwaqqfu l-provvista tal-enerġija termali mit-trażmettituri tas-sħana li jinsabu fil-proprjetà tagħhom billi fiżikament iwaqqfu l-konnessjoni tagħhom mal-installazzjoni interna tal-bini.

(6) Il-klijenti li jgħixu f’kondominju li jwaqqfu l-provvista tal-enerġija termali mit-trażmettituri tas-sħana li jinsabu fil-proprjetà tagħhom jibqgħu klijenti tal-enerġija termali fir-rigward tas-sħana emessa mill-installazzjoni interna u mit-trażmettituri tas-sħana li jinsabu fil-partijiet komuni tal-bini.”

Il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi

23

L-Artikolu 62 taż-zakon za zashtita na potrebitelite (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi, DV Nru 99, tad-9 ta’ Diċembru 2005), li ttrasponiet fl-ordinament ġuridiku Bulgaru l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83, jipprovdi:

“1.   Il-provvista mhux mitluba ta’ oġġett, ta’ ilma, ta’ gass, ta’ elettriku, ta’ tisħin distrettwali jew ta’ kontenut diġitali, jew ta’ provvista mhux mitluba ta’ servizzi, bi ħlas, lil konsumatur hija pprojbita.

2.   Fil-każ ta’ provvista mhux mitluba ta’ oġġett, ta’ ilma, ta’ gass, ta’ elettriku, ta’ tisħin distrettwali jew ta’ kontenut diġitali, jew ta’ provvista mhux mitluba ta’ servizzi, il-konsumatur ma huwiex obbligat jagħti lura l-oġġett u ma jkunx responsabbli għall-ħlas tal-oġġett jew tas-servizz lill-persuna li tkun ipprovdiet dan l-oġġett jew servizz.

3.   L-assenza ta’ risposta mill-konsumatur rigward il-provvista ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi msemmija fil-paragrafu 1 ma tikkostitwixxix kunsens.”

Il-Liġi dwar il-Proprjetà

24

L-Artikolu 38(1) taż-Zakon za sobstvenostta (il-Liġi dwar il-Proprjetà, DV Nru 92, tas-16 ta’ Novembru 1951), jipprovdi:

“Fl-immobbli li fihom is-sulari jew partijiet minn sulari huma proprjetà ta’ proprjetarji differenti, l-art li fuqha jkun inbena l-immobbli, il-bitħa, il-pedamenti, il-ħitan esterni, il-ħitan interni li jisseparaw partijiet differenti, il-ħitan interni li jsostnu l-bini, il-kolonni, it-travi, iċ-ċangaturi, is-serratizzi, it-taraġ, il-landings, is-soqfa, il-ħitan bejn il-kmamar tal-bejt u l-kantini ta’ proprjetarji differenti, iċ-ċmieni, il-bibien tad-dħul esterni tal-immobbli u l-bibien li jagħtu għall-kmamar tal-bejt u l-kantini komuni, il-linji prinċipali tat-tipi kollha ta’ installazzjonijiet u t-tagħmir iċċentralizzat tagħhom, il-liftijiet, il-gandotti, il-kamra tal-caretaker u kull element ieħor li, min-natura jew mid-destinazzjoni tiegħu, iservi għall-użu komuni, jappartjenu lill-proprjetarji kollha.”

Id-Digriet dwar it-Tisħin Distrettwali

25

L-Artikolu 70(1) tal-naredba za toplosnabdyavaneto Nru 16–334 (id-Digriet dwar it-Tisħin Distrettwali) tas-6 ta’ April 2007 jipprovdi:

“Il-kwantità ta’ enerġija termali mkejla b’arloġġ termali f’kondominju, inkluża dik għall-proprjetajiet tal-klijenti li ma għandhomx tagħmir għall-qsim tal-konsum tal-enerġija termali jew għal dawk li t-trażmettituri tas-sħana tagħhom tneħħew, għandha tinqasam skont ir-regoli previsti fl-Anness.”

26

Il-punt 6.1 tal-Anness ta’ dan id-digriet jipprovdi li “[i]l-kwantità ta’ enerġija termali kkonsmata għat-tisħin għandha tinkludi l-kwantitajiet ta’ sħana trażmessa mill-installazzjoni interna, mit-trażmettituri tas-sħana li jkunu jinsabu fil-partijiet komuni u mit-trażmettaturi tas-sħana li jkunu jinsabu fil-proprjetajiet individwali”.

27

Barra minn hekk, il-punt 6.1.3 ta’ dan l-anness jindika li “[l]-ammont ta’ enerġija termali Qi, espressa f’kWh, emessa mill-installazzjoni interna għandu jiġi ddistribwit b’mod proporzjonat għall-volum imsaħħan tal-proprjetà skont il-pjanta”.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑708/17

28

N. S Dimitrova hija proprjetarja ta’ appartament f’kondominju konness mat-tisħin distrettwali.

29

Skont kuntratt konkluż abbażi tal-Artikolu 153(1) tal-Liġi dwar l-Enerġija, EVN tipprovdi lill-imsemmi immobbli l-enerġija termali użata għat-tisħin, il-provvista tal-ilma sħun u għas-sħana trażmessa mill-installazzjoni interna.

30

Fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, il-kumpannija li twettaq it-tqassim tal-konsum tal-enerġija termali allokat għall-appartament ta’ N. S. Dimitrova konsum ta’ valur ta’ 266.25 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 136) għall-perijodu dekorribbli mill-1 ta’ Novembru 2012 sat-30 ta’ April 2015.

31

Peress li N. S. Dimitrova ma ħallsitx din is-somma, EVN ħarġet lil din tal-aħħar, permezz tar-Rayonen sad Asenovgrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Assénovgrad, il-Bulgarija), ordni ta’ ħlas.

32

N. S. Dimitrova kkontestat l-ordni ta’ ħlas, billi sostniet li ma kien hemm ebda relazzjoni ta’ obbligu bejnha u EVN, li l-prova tal-kwantità effettiva tal-enerġija termali kkonsmata kienet nieqsa u li l-konsum li jidher fuq il-kontijiet prodotti minn EVN ma kienx jirrifletti l-konsum effettiv tagħha tal-enerġija, bi ksur tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/32.

33

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, f’din il-kawża, is-suġġett tal-kawża prinċipali jirrigwarda n-nuqqas ta’ ħlas tal-ammonti relatati mal-konsum tal-enerġija trażmessa mill-installazzjoni interna tal-proprjetà immobbli, jiġifieri l-pajpijiet u l-installazzjonijiet ta’ distribuzzjoni kollha u l-provvista ta’ enerġija termali ġewwa l-bini, inkluż il-mejnijiet tat-tisħin li jgħaddu minn kull appartament.

34

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-legalità tal-kontijiet tal-konsum tal-enerġija trażmessa, f’kull appartament, mill-installazzjoni interna ta’ kondominju, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, dawn il-kontijiet huma stabbiliti b’mod proporzjonali għall-volum imsaħħan tal-appartament skont il-pjanta tal-immobbli, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ sħana effettivament trażmessa f’dan l-appartament. Hija tindika wkoll li N. S. Dimitrova la tuża enerġija termali sabiex issaħħan l-appartament tagħha u lanqas sabiex tiġi pprovduta b’ilma sħun għall-użu domestiku.

35

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk konsumatur għandux id-dritt, fuq il-bażi tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83, li ma jħallasx l-ispejjeż relatati mal-enerġija termali pprovduta li huwa ma talabx. Hija tosserva li, f’sentenza interpretattiva tal-25 ta’ Mejju 2017, li l-portata tagħha hija vinkolanti għall-qrati inferjuri, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) qieset li l-Liġi dwar l-Enerġija, b’mod partikolari l-Artikolu 153(6) tagħha, ma tmurx kontra l-Artikolu 62 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur, peress li ma huwiex il-kompitu ta’ kull komproprjetarju individwali iżda tal-maġġoranza tal-komproprjetarji li jagħmlu t-talba għall-kunsinna tat-tisħin fil-kondominju u, b’mod ġenerali, li jiddeċiedu jekk u kif il-partijiet komuni għandhom ikunu użati, b’tali mod li huwa l-kondominju fl-intier tiegħu li għandu jitqies li huwa l-konsumatur ta’ dan is-servizz.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rayonen sad Asenovgrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Asenovgrad) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

Id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva [2006/32] tippermetti l-possibbiltà għall-kumpannija li tipprovdi n-netwerk għat-tisħin li tippretendi, f’kondominju, l-ispejjeż tal-konsum tal-enerġija għat-tisħin prodotta mill-installazzjoni li tkun komuni għall-bini b’mod proporzjonat għall-volum li għandu jiġi msaħħan tal-appartamenti individwali skont il-pjanta, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità ta’ tisħin effettivament ipprovduta lill-appartament individwali?

2)

Id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 27 tad-Direttiva [2011/83] tippermetti dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tobbliga lill-konsumaturi li jkunu proprjetarji ta’ appartamenti f’bini rregolat minn kondominju u li jkunu waqqfu l-użu tal-enerġija għat-tisħin billi jkunu neħħew it-tagħmir għat-tisħin fl-appartament tagħhom jew billi talbu lill-impjegati tal-kumpannija li tipprovdi n-netwerk tat-tisħin jeliminaw il-possibbiltà teknika tal-apparat għat-tisħin li jipprovdi enerġija, iħallsu l-ispejjeż tal-konsum tal-enerġija għat-tisħin, li ma tkunx intalbet iżda li tkun ġiet ipprovduta, ikkonsmata mill-installazzjoni għat-tisħin u għall-ilma sħun li tkun komuni għall-bini?

3)

Tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tintroduċi prattika kummerċjali żleali fis-sens tad-Direttiva [2005/29/]?”

Il-Kawża C‑725/17

37

M. S. Dimitrov huwa proprjetarju, mit-2 ta’ Diċembru 2003, ta’ appartament li jinsab f’bini mgħammar b’installazzjoni interna ta’ tisħin u ilma sħun, li tgħaddi minn kull appartament tal-kondominju u hija konnessa mas-substazzjon għal abbonati mgħammar b’miter termali komuni.

38

Il-fluss termali fornut mill-installazzjoni kkonċernata huwa pprovdut minn Toplofikatsia Sofia skont kuntratt li jorbot lil din tal-aħħar mal-kondominju li fih jinsab l-appartament ta’ M. S. Dimitrov. Dan il-kuntratt ġie konkluż fl-4 ta’ Diċembru 2004 permezz ta’ “Termokomplekt” OOD, responsabbli wkoll għall-kontabbiltà individwali tal-konsum tas-sħana.

39

Peress li M. S. Dimitrov ma ħallasx il-provvista ta’ tisħin u ilma sħun ipprovdut minn Toplofikatsia Sofia għall-perijodu dekorribbli mill-1 ta’ Mejju 2014 sat-30 ta’ April 2016, din tal-aħħar adixxiet lis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) għall-finijiet tal-ħlas tas-somom dovuti.

40

Skont il-qorti tar-rinviju, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-punti dwar jekk, f’dan il-każ, inħolqotx relazzjoni kuntrattwali, jekk l-ispejjeż marbuta mat-tqassim tal-konsum u t-telf fil-partijiet komuni tal-bini għandhomx jitħallsu kemm jekk l-elementi tas-servizz kumpless tal-provvista ta’ tisħin u ta’ ilma sħun huma użati kif ukoll jekk le u, fl-aħħar nett, jekk il-proprjetarju ta’ appartament li jinsab f’bini bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi kkunsidrat bħala konsumatur.

41

F’dan ir-rigward, din il-qorti tindika li, permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ April 2010, il-Konstitutsionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Bulgarija), ikkunsidrat li, skont l-Artikolu 153(1) tal-Liġi dwar l-Enerġija, il-proprjetarji kollha u d-detenturi ta’ dritt in rem tal-użu ta’ proprjetà f’kondominju konnessi mas-substazzjoni għal abbonati jew ma’ parti awtonoma tagħha huma klijenti tal-enerġija termali u huma obbligati li jinstallaw fuq l-emittenti ta’ sħana li jinsabu fil-proprjetà tagħhom tagħmir għat-tqassim tal-konsum tal-enerġija termali u li jħallsu l-ispejjeż relatati mal-konsum tal-enerġija termali fil-kundizzjonijiet u skont il-modalitajiet stabbiliti mid-digriet imsemmi f’din id-dispożizzjoni.

42

Il-Qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li l-partijiet fil-kuntratt ma jistgħux jiftiehmu klawżoli tiegħu billi dawn il-klawżoli huma ddefiniti unilateralment minn Toplofikatsia Sofia f’kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ u l-prezz huwa ffissat b’mod amministrattiv mill-Komisia za energiyno i vodno regulirane (il-Kummissjoni li Tirregola l-Enerġija u l-Ilma, il-Bulgarija). B’hekk, ir-relazzjoni legali kkonċernata tixbah iktar obbligu fiskali milli kuntratt, fid-dawl ukoll tal-fatt li Toplofikatsia Sofia hija entità li għandha monopolju u hija proprjetà tal-komun ta’ Sofija (il-Bulgarija).

43

Hija tgħid ukoll li, fil-bini suġġett għas-sistema tal-kondominju, il-leġiżlazzjoni tippermetti li jinqata’ l-forniment tal-ilma sħun u li r-radjaturi f’appartament partikolari jiġu ssiġillati, iżda ma huwiex possibbli li l-aħħar parti tal-provvista ta’ servizzi pprovduta minn Toplofikatsia Sofia titwaqqaf, jiġifieri t-tqassim tal-konsum tal-enerġija termali.

44

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fil-każ li d-Direttiva [2011/83] effettivament teskludi dispożizzjonijiet normattivi tad-dritt kuntrattwali tradizzjonali dwar il-konklużjoni ta’ kuntratti, din id-direttiva teskludi leġiżlazzjoni dwar dan il-każ ineżami, li huwa każ ferm atipiku previst fil-liġi, dwar il-ħolqien ta’ relazzjoni kuntrattwali?

2)

Fil-każ li d-Direttiva [2011/83] ma teskludix tali leġiżlazzjoni f’dan il-każ, jista’ jingħad li hemm kuntratt fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva? Fin-negattiv, x’jista’ jingħad li hemm? Irrispettivament minn jekk hemmx kuntratt jew le, l-imsemmija direttiva hija applikabbli fil-każ ineżami?

3)

Dan it-tip ta’ kuntratt konkluż de facto huwa rregolat mid-Direttiva [2011/83], irrispettivament mill-mument tal-konklużjoni tiegħu jew din id-direttiva tapplika biss għal residenzi li jkunu għadhom kemm ġew akkwistati jew, saħansitra b’mod iktar limitat, għal residenzi li jkunu għadhom kemm inbnew (jiġifieri installazzjonijiet installati b’applikazzjoni għal konnessjoni man-netwerk għall-provvista tat-tisħin)?

4)

Jekk id-Direttiva [2011/83] hija applikabbli, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 5(1)(f), flimkien mal-Artikolu 5(2), li jirregolaw il-prinċipju legali dwar il-possibbiltà li r-relazzjoni legali tiġi tterminata?

5)

B’hekk, jekk ikun hemm kuntratt, dan għandu jkun konkluż f’forma partikolari, u x’għandu jkun il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tingħata lill-konsumatur (li għandu jitqies li huwa l-proprjetarju individwali ta’ residenza u mhux kondominju)? Il-fatt li tkun nieqsa informazzjoni, li ma tkunx ġiet ippreżentata fil-ħin u b’mod aċċessibbli, jipprekludi l-ħolqien ta’ relazzjoni legali?

6)

Hija meħtieġa applikazzjoni espliċita li tesprimi x-xewqa formali min-naħa tal-konsumatur li jkun parti f’tali relazzjoni legali?

7)

Jekk ikun konkluż kuntratt, informali jew formali, it-tisħin tal-partijiet komuni tal-bini (b’mod partikolari t-trombi tat-taraġ), jagħmel parti mill-ftehim u l-konsumatur ikun meqjus li ordna dan is-servizz fis-sehem tiegħu jekk ma jkunx hemm applikazzjoni espliċita għal dan min-naħa tiegħu jew saħansitra mill-kondominju kollu (pereżempju meta r-radjaturi jkunu tneħħew, li hija l-ipoteżi l-iktar komuni, u l-esperti ma jkunux indikaw il-konnessjonijiet għat-tisħin fil-partijiet komuni tal-bini)?

8)

F’dan il-kuntest, sabiex jitqies jekk il-proprjetarju huwiex il-konsumatur li applika għat-tisħin tal-partijiet komuni tal-bini, huwa rilevanti (u jagħmel differenza) jekk dan ikunx waqqaf it-tisħin fl-appartament individwali tiegħu?”

45

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2018, il-Kawżi C‑708/17 u C‑725/17 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza.

Osservazzjonijiet preliminari

46

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima adita biha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Il-fatt li qorti nazzjonali fasslet, formalment, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti bil-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat-12 ta’ Frar 2019, TC, C‑492/18 PPU, EU:C:2019:108, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-Kawża C‑725/17, id-domandi magħmula mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) jirrigwardaw, parzjalment, il-modalitajiet ta’ formazzjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija termali minn fornitur ta’ tisħin distrettwali u, b’mod iktar partikolari, l-assenza ta’ kunsens tal-proprjetarju ta’ appartament f’kondominju waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ enerġija.

48

Konformement mal-Artikolu 3(5) tagħha, id-Direttiva 2011/83 ma għandhiex taffettwa d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt tal-kuntratti previsti fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari r-regoli dwar il-validità, il-formazzjoni jew l-effett ta’ kuntratt, sakemm l-aspetti ġenerali tad-dritt tal-kuntratti ma humiex irregolati minn din id-direttiva. Il-premessa 14 tal-imsemmija direttiva tippreċiża, f’dan ir-rigward, li din għandha konsegwentement tiġi interpretata mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali li jirregola, pereżempju, il-konklużjoni jew il-validità ta’ kuntratt, b’mod partikolari fil-każ tal-assenza tal-kunsens.

49

Barra minn hekk, mill-informazzjoni pprovduta mill-qrati tar-rinviju jirriżulta li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-fatt li N. S. Dimitrova u M. S. Dimitrov jikkontestaw, billi jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83, il-kontijiet li ġew indirizzati lilhom mill-fornitur tal-enerġija termali, minħabba li huma ma talbux individwalment il-provvista ta’ din l-enerġija termali u li huma ma jużawhiex.

50

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, bit-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑708/17 kif ukoll bid-domandi fil-Kawża C‑725/17, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u (5) tad-Direttiva 2005/29, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-proprjetarji ta’ appartament f’kondominju konness ma’ netwerk tas-sħana distrettwali għandhom l-obbligu li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-konsum tal-enerġija termali tal-partijiet komuni u tal-installazzjoni interna tal-immobbli, minkejja li dawn ma jkunux talbu individwalment il-provvista tas-sħana u ma jużawhiex fl-appartament tagħhom.

51

Fit-tieni lok, sabiex tiddeċiedi t-tilwima adita biha fil-kuntest tal-Kawża C‑708/17, ir-Rayonen sad Asenovgrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Asenovgrad), permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/32, b’mod iktar partikolari l-Artikolu 13(2) tagħha, li jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet indirizzati lill-klijenti finali tal-enerġija jkunu bbażati fuq il-konsum reali.

52

Skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2012/27, li ssostitwixxiet id-Direttiva 2006/32, din tal-aħħar tħassret b’effett mill-5 ta’ Ġunju 2014. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2012/27, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġiijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mill-5 ta’ Ġunju 2014. Din id-direttiva ma tinkludi, barra minn hekk, ebda dispożizzjoni partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/32 li hija ssostitwixxiet.

53

Għaldaqstant, billi l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali fil-kuntest tal-Kawża C‑708/17 huma marbuta mal-perijodu dekorribbli mill-1 ta’ Novembru 2012 sat-30 ta’ April 2015, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, jeħtieġ, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li tiġi eżaminata l-ewwel domanda fil-Kawża C‑708/17 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2006/32 u 2012/27.

54

B’hekk, permezz tal-ewwel domanda tagħha, ir-Rayonen sad Asenovgrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Asenovgrad) tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/32 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2012/27 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, f’kondominju, il-kontijiet relatati mal-konsum tal-enerġija termali marbuta mal-installazzjoni interna huma stabbiliti, għal kull proprjetarju tal-immobbli, proporzjonalment għall-volum imsaħħan tal-appartament tiegħu.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑708/17 u fuq id-domandi fil-Kawża C‑725/17

Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2011/83

55

Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/83, din tapplika, skont il-kundizzjonijiet u sal-estent previsti fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur. Skont l-istess dispożizzjoni, din id-direttiva hija wkoll applikabbli għall-kuntratti għall-provvista ta’ ilma, gass, elettriku jew tisħin distrettwali, inkluż minn fornituri pubbliċi, sa fejn dawn il-proprjetajiet huma fornuti fuq bażi kuntrattwali.

56

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/83 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “konsumatur” bħala kull persuna fiżika li, fil-kuntratti li jaqgħu taħt din id-direttiva, taġixxi għal finijiet li ma jaqgħux fl-ambitu tal-attività kummerċjali, industrijali, tas-sengħa jew professjonali tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li dan il-kunċett jinkludi kull individwu li ma jkunx qed jiġġestixxi attivitajiet kummerċjali jew professjonali (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kamenova, C‑105/17, EU:C:2018:808, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “konsumatur” għandu importanza suprema u d-dispożizzjonijiet tagħha huma kkonċepiti essenzjalment mill-perspettiva tal-konsumatur bħala destinatarju u vittma ta’ prattiki kummerċjali żleali (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs, C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-qrati tar-rinviju jirriżulta li, kemm fil-Kawża C‑708/17 kif ukoll fil-Kawża C‑725/17, jeżisti kuntratt għall-provvista ta’ enerġija termali li tforni l-kondominju u li, skont dan il-kuntratt, il-proprjetarji tal-appartamenti ta’ dan il-kondominju huma destinatarji tal-kontijiet relatati mal-konsum tal-enerġija termali għall-installazzjonijiet interni u għall-partijiet komuni tal-imsemmija kondominju.

59

Fil-fatt, mill-qari flimkien tal-Artikolu 149a(1) u tal-Artikolu 153(1) tal-Liġi dwar l-Enerġija jirriżulta li huma l-proprjetarji u d-detenturi ta’ dritt in rem li jirrigwarda l-użu ta’ proprjetà f’kondominju konness mas-substazzjon għal abbonati jew ma’ parti awtonoma tiegħu li jikkostitwixxu l-klijenti tal-fornitur tal-enerġija, skont il-kuntratt konkluż miegħu. Issa, sa fejn dawn il-proprjetarji jew dawn id-detenturi huma persuni fiżiċi li ma jiġġestixxux attivitajiet kummerċjali jew professjonali, dawn jikkostitwixxu konsumaturi, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/83. Minn dan isegwi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kategorija tal-kuntratti li jirrigwardaw il-provvista ta’ tisħin distrettwali magħmula bejn kummerċjanti u konsumaturi, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

60

Fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2011/83, din tinkludi dispożizzjoni partikolari li tiddetermina espressament il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha. B’hekk, l-Artikolu 28(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li dawn japplikaw għall-kuntratti konklużi wara t-13 ta’ Ġunju 2014.

61

F’dan il-każ, fl-assenza, fil-proċessi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ elementi relatati mad-dati tal-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk dawn ġewx konklużi wara din id-data tat-13 ta’ Ġunju 2014 sabiex jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2011/83 hijiex applikabbli ratione temporis.

Fuq il-mertu

62

Bit-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑708/17 u bid-domandi fil-Kawża C‑725/17, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u (5) tad-Direttiva 2005/29, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-proprjetarji ta’ appartament f’kondominju konness ma’ netwerk tas-sħana distrettwali għandhom l-obbligu li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-konsum tal-enerġija termali tal-partijiet komuni u tal-installazzjoni interna tal-immobbli, minkejja li dawn ma jkunux talbu individwalment il-provvista tas-sħana u ma jużawhiex fl-appartament tagħhom.

63

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83, il-konsumatur huwa eżentat mill-obbligu li jħallas kull korrispettiv fil-każ ta’ provvista mhux mitluba ta’ oġġett, ta’ ilma, ta’ elettriku, ta’ tisħin distrettwali jew ta’ kontenut diġitali, jew ta’ provvista mhux mitluba ta’ servizzi, bi ksur tal-Artikolu 5(5) u tal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, u li l-assenza ta’ risposta tal-konsumatur f’tali każ ta’ provvista mhux mitluba ta’ oġġett jew ta’ servizz ma tikkostitwixxix kunsens. B’dan il-mod, kif jirriżulta mill-premessa 60 tad-Direttiva 2011/83, din il-prattika tikkostitwixxi, fil-fatt, prattika kummerċjali żleali pprojbita mid-Direttiva 2005/29.

64

Il-bejgħ forzat huwa ddefinit f’din il-premessa bħala l-“provvista lil konsumaturi ta’ oġġetti jew forniment ta’ servizzi mhux mitluba”. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, f’dan ir-rigward, li jikkostitwixxi “provvista mhux mitluba”, fis-sens tal-punt 29 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, li jirreferi għalih l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83, b’mod partikolari, aġir li bih kummerċjant jeżiġi mingħand il-konsumatur il-ħlas ta’ prodott jew ta’ servizz li ġie pprovdut lil dan il-konsumatur mingħajr ma dan tal-aħħar ikun talbu (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia, C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 43).

65

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83 huwa għalhekk intiż sabiex jimpedixxi lil kummerċjant milli jimponi fuq il-konsumatur relazzjoni kuntrattwali li għaliha ma jkunx ta liberament il-kunsens tiegħu.

66

F’dan il-każ, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 133(2) tal-Liġi dwar l-Enerġija jipprevedi li l-konnessjoni tal-installazzjonijiet tal-klijenti f’kondominju ssir bil-kunsens bil-miktub tal-proprjetarji li jirrappreżentaw tal-inqas żewġ terzi tal-proprjetarji tal-kondominju.

67

Barra minn hekk, mill-informazzjoni pprovduta mill-qrati tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 153(1) ta’ din il-liġi jipprevedi li l-proprjetarji u d-detenturi ta’ dritt in rem li jirrigwarda l-użu ta’ proprjetà f’kondominju konnessi mas-substazzjon għal abbonati jew ma’ parti awtonoma tiegħu huma klijenti tal-enerġija termali. Għal dan il-għan, huma obbligati li jinstallaw apparat għat-tqassim tal-konsum tal-enerġija termali fuq l-emittenti tas-sħana li jinsabu fil-proprjetà tagħhom u li jħallsu l-ispejjeż relatati mal-konsum tal-enerġija termali. Barra minn hekk, l-Artikolu 153(6) tal-imsemmija liġi tispeċifika li l-klijenti li jgħixu f’kondominju li jwaqqfu l-provvista tal-enerġija termali mit-trażmettituri tas-sħana li jinsabu fil-proprjetà tagħhom jibqgħu klijenti tal-enerġija termali fir-rigward tas-sħana trażmessa mill-installazzjoni interna u mit-trażmettituri tas-sħana li jinsabu fil-partijiet komuni tal-bini.

68

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-provvista ta’ tisħin f’kondominju tirriżulta minn talba ppreżentata għan-nom tal-komproprjetarji kollha, skont ir-regoli partikolari previsti mid-dritt nazzjonali dwar il-komproprjetà.

69

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-fatt li, bħal f’dan il-każ, il-komproprjetarji kkonċernati ma pparteċipawx fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew oġġezzjonaw għaliha, reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ tilwima li tirrigwarda obbligu ta’ ħlas li jirriżulta minn deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji stabbilita b’mod speċjali mil-liġi Bulgara, sa fejn ikun sar u sa fejn jibqa’ komproprjetarja ta’ immobbli, kull komproprjetarju jagħti l-kunsens tiegħu sabiex jissuġġetta ruħu għad-dispożizzjonijiet kollha tal-att li jirregola l-komproprjetà kkonċernata kif ukoll għad-deċiżjonijiet adottati mil-laqgħa ġenerali tal-komproprjetarji ta’ dan l-immobbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Kerr, C‑25/18, EU:C:2019:376, punt 29).

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-provvista ta’ enerġija termali tal-installazzjoni interna u, konsegwentement, tal-partijiet komuni ta’ kondominju, li saret wara d-deċiżjoni adottata mill-komproprjetà ta’ dan l-immobbli li dan jiġi konness mat-tisħin distrettwali, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi provvista mhux mitluba ta’ tisħin distrettwali, fis-sens tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83.

71

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għat-tieni u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑708/17 u għad-domandi fil-Kawża C‑725/17 għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u (5) tad-Direttiva 2005/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-proprjetarji ta’ appartament f’kondominju konness ma’ netwerk tas-sħana distrettwali għandhom l-obbligu li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-konsum tal-enerġija termali tal-partijiet komuni u tal-installazzjoni interna tal-immobbli, minkejja li dawn ma jkunux talbu individwalment il-provvista tas-sħana u ma jużawhiex fl-appartament tagħhom.

Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑708/17

72

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑708/17, ir-Rayonen sad Asenovgrad (il-Qorti Distrettwali ta’ Asenovgrad) tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/32 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2012/27 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li, f’kondominju, il-kontijiet relatati mal-konsum tal-enerġija termali tal-installazzjoni interna huma stabbiliti, għal kull proprjetarju tal-immobbli, proporzjonalment għall-volum imsaħħan ta’ kull appartament.

73

Sabiex nikkonkludi dwar l-inkompatibbiltà ta’ tali metodu ta’ fatturazzjoni mad-dritt tal-Unjoni, il-konvenuta fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑708/17 tfakkar li dan il-metodu ma jippermettix li jiġi ddeterminat, għal kull abitant ta’ immobbli f’kondominju, il-konsum reali fil-qasam tal-enerġija termali trażmessa mill-installazzjoni interna li tittraversa l-appartament tagħha. Issa, id-Direttivi 2006/32 u 2012/27 jimponu obbligu fuq il-fornituri tal-enerġija li jiffatturaw lill-klijent finali biss dak li effettivament ikkonsma, u dan jeskludi għalhekk li jsiru kontijiet ikkalkolati proporzjonalment skont il-volum imsaħħan tal-appartament ikkonċernat.

74

Madankollu, ma jirriżultax la mill-kliem tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/32 u tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2012/27 u lanqas mill-istruttura ġenerali u mill-għan tal-leġiżlazzjoni li fiha dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu li dawn jimponu tali obbligu.

75

Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-Direttivi 2006/32 u 2012/27 għandhom l-għan, kif ifakkar l-Artikoli 1 rispettiv ta’ dawn id-direttivi, li jippromwovu effiċjenza enerġetika aħjar. F’dan il-kuntest u kif jirriżulta mill-premessi 1 u 20 tad-Direttiva 2006/32 u mill-premessa 8 tad-Direttiva 2012/27, il-katina tal-enerġija kollha, mill-produttur tal-enerġija sal-klijent finali li jikkonsmaha, hija ssolleċitata sabiex tilħaq dan l-għan.

76

F’dan ir-rigward, il-premessa 29 tad-Direttiva 2006/32 tispeċifika li, sabiex l-utenti finali jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni aħjar rigward il-konsum individwali tagħhom tal-enerġija, dawn jeħtieġu li jkunu pprovduti b’ammont raġonevoli ta’ informazzjoni dwar dan kif ukoll informazzjoni rilevanti oħra, bħal informazzjoni dwar il-miżuri disponibbli għat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija, deskrizzjonijiet komparattivi tal-utenti finali jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi oġġettivi tat-tagħmir li juża l-enerġija, inkluż tagħmir bbażat fuq il-kunċett tal-“Factor Four” jew tagħmir simili.

77

Din hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun xieraq, il-kontijiet stabbiliti mid-distributuri tal-enerġija, mill-operaturi tan-netwerks ta’ distribuzzjoni u mill-impriżi tal-bejgħ tal-enerġija bl-imnut ikunu bbażati fuq il-konsum reali tal-enerġija.

78

Jibqa’ l-fatt li, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu, f’din id-dispożizzjoni, tal-espressjoni “fejn ikun xieraq” jenfasizza li din għandha neċessarjament tinqara f’relazzjoni mal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva.

79

Issa, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tindika li, sa fejn dan huwa “teknikament possibbli, raġonevoli mil-lat finanzjarju u proporzjonat fir-rigward ta’ l-iffrankar potenzjali ta’ l-enerġija”, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti finali fl-oqsma, b’mod partikolari, tal-elettriku u tat-tisħin distrettwali jingħataw miters individwali li jkejlu bi preċiżjoni l-konsum effettiv tagħhom.

80

Mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2006/32, b’mod partikolari mir-rapport tal-Parlament tat-2 ta’ Mejju 2005 dwar il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza fl-enerġija fl-użu finali u fis-servizzi tal-enerġija (A6–0130/2005), jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jieħu inkunsiderazzjoni, fl-installazzjoni ta’ miters individwali li jippermettu li jiġi kkalkolat il-konsum reali u effettiv tal-klijent finali, il-fattibbiltà ta’ tali installazzjoni f’immobbli kultant antiki wisq, billi qies li ma huwiex dejjem realistiku, għaqli u proporzjonat li tali installazzjoni ssir fid-dawl tal-ispejjeż eċċessivi li din tista’ toħloq.

81

Għaldaqstant, sa fejn l-installazzjoni ta’ miters individwali ma hijiex dejjem prevista, il-kontijiet innifishom jistgħu jkunu bbażati fuq il-konsum reali tal-enerġija biss meta dan ikun teknikament possibbli, u dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-użu, fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/32, tal-espressjoni “fejn ikun xieraq”.

82

Ix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2012/27, b’mod partikolari r-Rapport tal-Parlament dwar il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza enerġetika u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE tat-30 ta’ Lulju 2012 (A7–0265/2012), jenfasizzaw li dawn l-istess preokkupazzjonijiet ittieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni waqt it-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva 2006/32 u ġew riflessi fl-Artikolu 9(1), fit-tieni u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(3) u fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2012/27.

83

Għalhekk, l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li, sa fejn dan ikun teknikament possibbli, finanzjarjament raġonevoli u proporzjonat fid-dawl tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija, il-klijenti finali tal-enerġija jingħataw miters individwali li jindikaw bi preċiżjoni l-konsum reali tal-enerġija. Fir-rigward tal-ħruġ ta’ kontijiet, l-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li, meta l-klijenti finali ma jkollhomx miters intelliġenti msemmija fid-Direttivi 2009/72 u 2009/73, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014, l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni għandha tkun preċiża u bbażata fuq il-konsum reali, skont il-punt 1.1 tal-Anness VII, meta dan ikun teknikament possibbli u ekonomikament iġġustifikat.

84

Għandu jingħad ukoll li l-partikolarità tal-kondominju fornut minn netwerk tas-sħana ttieħdet inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-Direttiva 2012/27. Fil-fatt, għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li miters individwali jiġu installati f’tali immobbli sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016, din l-istess dispożizzjoni tippreċiża li, meta ma jkunx kosteffiċjenti jew teknikament possibbli li jintużaw dawn il-miters individwali, għandhom jintużaw allokaturi tal-ispejjeż tat-tisħin individwali sabiex jitkejjel il-konsum ta’ sħana ta’ kull radjatur, sakemm l-Istat Membru ma jurix li l-installazzjoni ta’ tali allokaturi ma tkunx kosteffiċjenti. F’dawn il-każijiet, jistgħu jiġu kkunsidrati metodi kosteffiċjenti oħra sabiex jitkejjel il-konsum tas-sħana.

85

Issa, fid-dawl tal-elementi li tressqu għall-konjizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’tali immobbli miżmuma f’kondominju, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidher diffiċilment konċepibbli li jiġu individwati b’mod sħiħ il-kontijiet relatati mat-tisħin, b’mod partikolari fir-rigward tal-installazzjoni interna u tal-partijiet komuni.

86

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-installazzjoni interna, minn dawn l-elementi jirriżulta li jista’ jkun diffiċli, jekk mhux impossibbli, kif issostni EVN, li tiġi ddeterminata bi preċiżjoni l-kwantità ta’ sħana trażmessa minn din l-installazzjoni f’kull appartament. Fil-fatt, din il-kwantità tinkludi mhux biss is-sħana trażmessa fl-appartament ikkonċernat mill-elementi materjali tal-installazzjoni interna, bħalma huma l-pajpijiet li jittraversaw dan l-appartament, iżda wkoll l-iskambji termali bejn il-partijiet msaħħna u dawk li ma humiex imsaħħna. Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-appartamenti ta’ kondominju ma humiex indipendenti wieħed mill-ieħor fuq livell termali, peress li s-sħana tiċċirkula bejn l-unitajiet imsaħħna u dawk li huma inqas imsaħħna jew li ma humiex.

87

Jidher, għalhekk, teknikament diffiċli li wieħed ikun jista’ jiddetermina individwalment il-konsum eżatt ta’ kull abitant tal-kondominju kkonċernat f’dak li jirrigwarda l-enerġija termali trażmessa mill-installazzjoni interna.

88

Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu għall-finijiet tal-kontijiet dwar il-konsum tal-enerġija termali fil-kondominji, għandu jiġi rrilevat li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Fil-fatt, kemm mill-premessa 12 u mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/32 kif ukoll mill-premessa 20 u mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/27 jirriżulta li dawn iż-żewġ direttivi huma intiżi sabiex jipprovdu lill-Istati Membri qafas komuni li jippermettilhom jieħdu miżuri adegwati sabiex inaqqsu l-konsum tal-enerġija, filwaqt li jħallilhom l-għażla tal-metodi ta’ implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Saras Energía, C‑561/16, EU:C:2018:633, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

F’dan ir-rigward, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2012/27 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jimplimentaw regoli trasparenti dwar it-tqassim tal-ispejjeż marbuta mal-konsum termali jew tal-ilma sħun, bil-għan, b’mod partikolari, li jkunu jistgħu jiddifferenzjaw dawk li jirriżultaw mill-konsum, rispettivament, tal-ilma sħun intiż għall-bżonnijiet domestiċi, tas-sħana trażmessa mill-installazzjoni tal-bini u għall-finijiet ta’ tisħin taż-żoni komuni, u tat-tisħin tal-appartamenti.

90

Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li tikkorrispondi mal-linji gwida li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, peress li din tipprevedi li l-ispejjeż marbuta mal-konsum termali jkunu maqsuma bejn dawk li jikkorrispondu għas-sħana trażmessa mill-installazzjoni interna, dawk relatati mal-enerġija termali intiża għat-tisħin tal-partijiet komuni u dawk li jikkonċernaw l-enerġija termali intiża għat-tisħin tal-proprjetajiet individwali.

91

B’hekk, fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ manuvrar mogħti lill-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2006/32 u d-Direttiva 2012/27 ma jipprekludux li l-metodu ta’ kalkolu tas-sħana trażmessa mill-installazzjoni interna jsir b’mod proporzjonali għall-volum imsaħħan ta’ kull appartament.

92

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑708/17 għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/32 u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2012/27 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, f’kondominju, il-kontijiet relatati mal-konsum tal-enerġija termali tal-installazzjoni interna jiġu stabbiliti, għal kull proprjetarju ta’ appartament fl-immobbli, proporzjonalment għall-volum imsaħħan tal-appartament tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

93

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) u (5) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-proprjetarji ta’ appartament f’kondominju konness ma’ netwerk tas-sħana distrettwali għandhom l-obbligu li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-konsum tal-enerġija termali tal-partijiet komuni u tal-installazzjoni interna tal-immobbli, minkejja li dawn ma jkunux talbu individwalment il-provvista tas-sħana u ma jużawhiex fl-appartament tagħhom.

 

2)

L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE, u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, f’kondominju, il-kontijiet relatati mal-konsum tal-enerġija termali tal-installazzjoni interna jiġu stabbiliti, għal kull proprjetarju ta’ appartament fl-immobbli, proporzjonalment għall-volum imsaħħan tal-appartament tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top