Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0682

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2019.
    ExxonMobil Production Deutschland GmbH vs Bundesrepublik Deutschland.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Impjant ta’ trattament ta’ gass naturali – Irkupru tal-kubrit – ‘Proċess Claus’ – Produzzjoni ta’ elettriku f’apparat awżiljarju – Produzzjoni ta’ sħana – Emissjoni ta’ diossidu tal-karbonju (CO2) inerenti – Artikolu 2(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Anness I – Attività ta’ ‘kombustjoni ta’ karburanti’ – Artikolu 3(u) – Kunċett ta’ ‘ġeneratur tal-elettriku’ – Artikolu 10a(3) u (4) – Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas – Deċiżjoni 2011/278/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 3(c) – Kunċett ta’ ‘subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana’.
    Kawża C-682/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:518

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    20 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Impjant ta’ trattament ta’ gass naturali – Irkupru tal-kubrit – ‘Proċess Claus’ – Produzzjoni ta’ elettriku f’apparat awżiljarju – Produzzjoni ta’ sħana – Emissjoni ta’ diossidu tal-karbonju (CO2) inerenti – Artikolu 2(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Anness I – Attività ta’ ‘kombustjoni ta’ karburanti’ – Artikolu 3(u) – Kunċett ta’ ‘ġeneratur tal-elettriku’ – Artikolu 10a(3) u (4) – Sistema tranżitorja ta’ allokazzjoni armonizzata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas – Deċiżjoni 2011/278/UE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 3(c) – Kunċett ta’ ‘subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana’”

    Fil-Kawża C-682/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

    ExxonMobil Production Deutschland GmbH

    vs

    Bundesrepublik Deutschland,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-funzjoni tiegħu ta’ Imħallef tal-Ħames Awla, C. Lycourgos, E. Juhász u I. Jarukaitis, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: D. Dittert, kap ta’ unità,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Novembru 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal ExxonMobil Production Deutschland GmbH, minn S. Altenschmidt, Rechtsanwalt,

    għall-Bundesrepublik Deutschland, minn M. Fleckner, bħala aġent,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u J.-F. Brakeland, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(u) tal-Artikolu 10a u tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 (ĠU 2009, L 140, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), kif ukoll tal-Artikolu 3(c) u (h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva [2003/87] (ĠU 2011, L 130, p. 1).

    2

    Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn ExxonMobil Production Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “ExxonMobil”) u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), dwar talba għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra (iktar ’il quddiem il-“kwoti ta’ emissjoni”) mingħajr ħlas lil impjant ta’ trattament ta’ gass naturali li jeżerċita, b’mod partikolari, attività ta’ rkupru tal-kubrit, li fil-kuntest tagħha jiġġenera, bil-kombustjoni ta’ karburanti, elettriku u sħana li tarmi d-diossidu tal-karbonju (CO2) fl-atmosfera.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2003/87

    3

    Il-premessa 8 tad-Direttiva 2003/87 hija fformulata kif ġej:

    “Meta jallokaw il-kwoti, l-Istati Membri għandhom iqisu l-potenzjal għall-attivitajiet tal-proċess industrijali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet.”

    4

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva, intitolat “Il-materja tas-suġġett”, jistabbilixxi:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika.

    […]”

    5

    Taħt it-tiolu “Kamp ta’ Applikazzjoni”, l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.”

    6

    Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Id-definizzjonijiet”:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    b)

    ‘emissjonijiet’ ifissru r-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi ġewwa stallazzoni;

    […]

    t)

    ‘Kombustjoni’ tfisser kull ossidazzjoni tal-karburanti irrispettivament mill-mod li bih jintużaw is-sħana, l-enerġija mekkanika jew elettrika prodotti minn dan il-proċess u kwalunkwe attività oħra assoċjati direttament inkluż tindif tal-gass tal-iskart;

    u)

    ‘Ġeneratur tal-elettriku’ tfisser istallazzjoni li fl-1 ta’ Jannar 2005 jew wara, kienet ipproduċiet elettriku għall-bejgħ lil partijiet terzi u li fiha ma ssir l-ebda attività elenkata fl-Anness I barra dik tal-‘kombustjoni tal-karburanti’.”

    7

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87, intitolat “L-irkant tal-kwoti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Mill-2013 ‘il quddiem, l-Istati Membri għandhom jirkantaw il-kwoti kollha li ma ġewx allokati mingħajr ħlas taħt l-Artikolu 10a u 10c. […]”

    8

    Taħt it-titolu “Regoli tranżitorji madwar il-Komunità kollha għal allokazzjoni gratis armonizzata”, l-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti […]

    […]

    Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante Komunitarji sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet. M’għandha ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10c u l-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart.

    […]

    3.   Suġġett għall-paragrafi 4 u 8, u minkejja l-Artikolu 10c allokazzjoni bi ħlas biss tingħata għal ġeneraturi tal-elettriku, għal istallazzjonijiet għall-ġbir tas-CO2, għal pajpijiet għat-trasport tas-CO2 jew għal siti tal-ħażna tas-CO2.

    4.   Għandha tingħata allokazzjoni gratis għal tisħin distrettwali kif ukoll għal koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja kif definita bid-Direttiva 2004/8/KE [tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 fuq il-promozzjoni ta’ kogenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern ta’ l-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 3, p. 3)] għal domanda li tkun ekonomikament iġġustifikata fir-rigward tal-produzzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ. F’kull sena wara l-2013, l-allokazzjoni totali għal istallazzjonijiet bħal dawn fir-rigward tal-produzzjoni tas-sħana għandha tiġi aġġustata bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9.

    5.   L-ammont massimu ta’ kwoti li huwa l-bażi għall-kalkolu ta’ allokazzjonijiet għal istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3 u li ma jkunux istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq ma għandux jaqbeż is-somma ta’:

    a)

    il-kwantità totali annwali fil-Komunità kollha kif iddeterminata taħt l-Artikolu 9 mmultiplikata bis-sehem ta’ emissjonijiet minn istallazzjonijiet mhux koperti mill-paragrafu 3 fil-medja totali ta’ emissjonijiet verifikati, fil-perjodu mill-2005 sal-2007, minn istallazzjonijiet koperti bl-iskema Komunitarja fil-perjodu mill-2008 sal-2012, u

    b)

    il-medja totali annwali ta’ emissjonijiet verifikati minn istallazzjonijiet fil-perjodu mill-2005 sal-2007 li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 ‘il quddiem u li mhumiex koperti mill-paragrafu 3 aġġustati bil-fattur lineari kif imsemmi fl-Artikolu 9.

    Għandu japplika fattur ta’ korrezzjoni uniformi u bejn is-setturi jekk meħtieġ.

    […]

    7.   […]

    Ma tista’ ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku minn istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq.

    […]

    8.   Sa 300 miljun kwota fir-riżerva tal-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq għandhom ikunu disponibbli sal- 31 ta’ Diċembru 2015 biex jgħinu fl-istimulazzjoni tal-kostruzzjoni u l-operazzjoni ta’ massimu ta’ 12-il proġett ta’ dimostrazzjoni kummerċjali li għandhom l-għan li jiġbru u jaħżnu s-CO2 b’mod ġeoloġiku u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent (CCS) kif ukoll għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija li tiġġedded fit-territorju tal-Unjoni.

    Il-kwoti għandhom ikunu disponibbli biex jappoġġjaw il-proġetti ta’ dimostrazzjoni li jipprovdu għall-iżvilupp f’postijiet bilanċjati tajjeb ġeografikament, ta’ firxa wiesgħa ta’ CCS u ta’ teknoloġiji ta’ enerġija li tiġġedded innovattivi li għadhom mhumiex vijabbli kummerċjalment. L-għoti tagħhom għandu jiddependi fuq il-fatt li l-emissjonijiet tas-CO2 ikunu ġew evitati b’mod li jista’ jiġi verifikat.

    […]

    11.   Suġġett għall-Artikolu 10b, l-ammont ta’ kwoti allokati gratis taħt il-paragrafi 4 sa 7 ta’ dan l-Artikolu fl-2013 għandu jkun 80 % tal-kwantità determinata konformement mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u mbagħad l-allokazzjoni gratis għandha tonqos kull sena b’ammonti ugwali sakemm jirriżulta f’allokazzjoni gratis ta’ 30 % fl-2020, bil-ħsieb li tintlaħaq sitwazzjoni fejn ma jkun hemm l-ebda allokazzjoni gratis fl-2027.

    12.   Suġġett għall-Artikolu 10b, fl-2013 u f’kull sena sussegwentement sal-2020, istallazzjonijiet f’setturi jew subsetturi esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhom jiġu allokati, konformement mal-paragrafu 1, kwoti gratis sa 100 % tal-kwantità determinata konformement mal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1.

    […]

    14.   Sabiex jiġu ddeterminati s-setturi jew subsetturi msemmija fil-paragrafu 12, il-Kummissjoni għandha tevalwa, fuq livell Komunitarju, safejn huwa possibbli għas-settur jew subsettur ikkonċernat, fuq il-livell relevanti ta’ diżaggregazzjoni, li jgħaddi l-ispiża diretta tal-kwoti mitluba u l-ispejjeż indiretti minħabba prezzijiet ogħla tal-elettriku li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva preżenti fil-prezzijiet tal-prodott mingħajr telf sinifikanti għas-sehem fis-suq tal-istallazzjonijiet anqas effiċjenti fil-karbonju barra l-Komunità. […]

    […]”

    9

    L-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87 jagħti lill-Istati Membri, permezz ta’ talba indirizzata lill-Kummissjoni, l-għażla tal-għoti ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas għall-immodernizzar tal-produzzjoni tal-elettriku.

    10

    L-Anness I tad-Direttiva jinkludi, konformement mat-titolu tiegħu, tabella li telenka l-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom japplika dan tal-aħħar. Fost dawn l-attivitajiet hemm ukoll il-“[k]ombustjoni ta’ karburanti f’installazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW (minbarra installazzjonijiet għat-trattament [inċinerazzjoni] ta’ skart perikoluż jew muniċipali)”.

    11

    L-Anness II tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-gassijiet serra […] riferiti fl-Artikoli 3 u 30”, isemmi, b’mod partikolari iċ-CO2.

    Id-Direttiva 2009/29

    12

    Il-premessi 15 u 19 tad-Direttiva 2009/29 huma fformulati kif ġej:

    “(15)

    L-isforz addizzjonali li trid tagħmel l-ekonomija Ewropea jirrikjedi fost l-oħrajn li l-iskema Komunitarja riveduta topera bl-ogħla livell possibbli ta’ effiċjenza ekonomika u abbażi tal-kondizzjonijiet ta’ allokazzjoni kompletament armonizzati ġewwa l-Komunità. L-irkant għandu għalhekk ikun il-prinċipju ta’ bażi għal allokazzjoni, għaliex huwa l-aktar wieħed faċli u meqjus b’mod ġenerali bħala s-sistema l-aktar effiċjenti ekonomikament. Dan għandu jelimina wkoll gwadanji mhux previsti u jqiegħed lill-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq kif ukoll l-ekonomiji li għandhom espansjoni medja fuq l-istess livell tal-istallazzjonijiet eżistenti.

    […]

    (19)

    Bħala konsegwenza, mill-2013 ‘il quddiem r-regola għandha tkun l-irkant sħiħ għas-settur tal-enerġija u għar-raffineriji, minħabba l-kapaċità tagħhom li jgħaddu l-ispiża żejda tas-CO2, u m’għandha tingħata ebda allokazzjoni gratis għall-ġabra u l-ħażna tas-CO2 għaliex l-inċentiv għal dan joħroġ mill-fatt li ma jkunx hemm il-ħtieġa li dawn jiġu ċeduti fir-rigward tal-emissjonijiet maħżuna. Sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-ġeneraturi tal-elettriku jistgħu jirċievu kwoti gratis għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u għat-tisħin u t-tkessiħ prodotta permezz ta’ koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja kif definita bid-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar fuq il-promozzjoni ta’ kogenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija (7) fil-każ li sħana bħal din minn istallazzjonijiet f’setturi oħra kellha tingħata allokazzjonijiet gratis.”

    Id-Deċiżjoni 2011/278

    13

    Skont il-premessa 31 tad-Deċiżjoni 2011/278:

    “Minħabba li l-bejgħ sħiħ bl-irkant għandu jkun ir-regola mill-2013 ’il quddiem għas-settur tal-enerġija, meta titqies l-abbiltà tiegħu li jgħaddi l-ispiża ogħla [taċ-CO2], u li ma għandha ssir l-ebda allokazzjoni mingħajr ħlas fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-allokazzjoni mingħajr ħlas tranżizzjonali għall-immodernizzar tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-elettriku prodott mill-gassijiet ta’ skart, din id-Deċiżjoni ma għandhiex tkopri l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet relatati mal-produzzjoni jew il-konsum tal-elettriku. […]”

    14

    L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    c)

    “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana” tfisser id-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet korrispondenti mhux koperti minn subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott relatata mal-produzzjoni, l-importazzjoni minn installazzjoni jew entità oħra koperta mill-iskema tal-Unjoni, jew mit-tnejn li huma, ta’ sħana li:

    hija kkunsmata fil-konfini tal-installazzjoni għall-produzzjoni ta’ prodotti, għall-produzzjoni tal-enerġija mekkanika li mhix użata għall-produzzjoni tal-elettriku, għat-tisħin jew għat-tkessiħ bl-eċċezzjoni tal-konsum għall-produzzjoni tal-elettriku, jew

    esportati lejn installazzjoni jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni bl-eċċezzjoni tal-esportazzjoni għall-produzzjoni tal-elettriku;

    […]

    h)

    “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess” tfisser l-emissjonijiet [tas-CO2] […], li jseħħu ’l barra mill-konfini tas-sistema ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott elenkat fl-Anness I, […], minħabba xi waħda mill-attivitajiet u emissjonijiet li ġejjin: […]:

    […]

    v)

    l-użu ta’ karbonju li fih additivi jew materja prima għal skop primarju li mhuwiex dak tal-ġenerazzjoni tas-sħana;

    […]”

    15

    L-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni intitolat “Diviżjoni f’subinstallazzjonijiet”, jipprevedi:

    “1.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jaqsmu kull installazzjoni eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE f’subinstallazzjoni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin, kif meħtieġ:

    a)

    subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott;

    b)

    subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana;

    c)

    subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tal-fjuwil;

    d)

    subinstallazzjoni tal-emissjonijiet minn proċess

    […]”

    16

    L-Artikolu 10 tal-istess deċiżjoni, intitolat “L-allokazzjoni fil-livell ta’ installazzjoni”, jiddisponi:

    “1.   Fuq il-bażi tad-dejta miġbura skont l-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom, għal kull sena, jikkalkolaw in-numru ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas mill-2013 ’il quddiem lil kull installazzjoni eżistenti fit-territorju tagħhom skont il-paragrafi 2 sa 8.

    2.   Għall-fini ta’ din il-kalkolazzjoni, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jiddeterminaw in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil kull subinstallazzjoni separatament kif ġej:

    […]

    b)

    għal:

    i)

    is-subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana, in-numru annwali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas għal sena partikolari għandu jikkorrispondi għall-valur tal-parametri referenzjarji tas-sħana li tista’ titkejjel kif imsemmi fl-Anness I immultiplikat bil-livell storiku ta’ attività relatat mas-sħana għall-konsum tas-sħana li titkejjel;

    […]”

    Ir-Regolament Nru 601/2012

    17

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal-21 ta’ Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE (ĠU 2012, L 181, p. 30), fil-punt 40 tal-Artikolu 3, jiddefinixxi iċ-“CO2 inerenti”, bħala “CO2 li huwa parti minn karburant”.

    18

    Skont l-Artikolu 48(1) ta’ dan ir-regolament:

    “CO2 inerenti li jiġi ttrasferit f’installazzjoni, inkluż dak li jkun jinsab f’gass naturali jew gass tal-iskart inkluż il-gass minn kalkara tal-funderija jew gass ta’ forn tal-kokk, għandu jiġi inkluż fil-fattur ta’ emissjoni għal dak il-karburant.”

    Id-dritt Ġermaniż

    19

    L-Artikolu 9 tat-Treibhausgas-Emissionshandelsgesetz (il-Liġi dwar l-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra) tal-21 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1475, iktar ’il quddiem it-“TEHG”), huwa fformulat kif ġej:

    “(1)   L-operaturi tal-impjanti għandhom jirċievu allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 10a […] tad-Direttiva 2003/87 […] fil-verżjoni tagħha fis-seħħ u skont dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/278 […]

    […]

    (6)   Il-volum ta’ kwoti definittiv allokat lil impjant għandu jkun ugwali għar-riżultat tal-volum tal-kwoti provviżorji allokati lil impjant ikkalkulat skont il-paragrafi 1 sa 5 u tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea konformement mal-Artikolu 15(3) tar-regoli ta’ allokazzjoni armonizzati tal-Unjoni Ewropea. Fil-kuntest tal-allokazzjoni għas-sħana ġġenerata mill-produtturi tal-elettriku, il-fattur lineari previst fl-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva [2003/87] jissostitwixxi l-fattur ta’ korrezzjoni ċċitat fl-ewwel sentenza, billi l-kalkolu huwa bbażat fuq in-numru annwali provviżorju ta’ kwoti li għandhom jiġi allokati mingħajr ħlas lill-ġeneratur tal-elettriku kkonċernat għas-sena 2013.”

    20

    Il-parti 2 tal-Anness 1 tat-TEHG, intitolata “Attivitajiet”, tipprevedi, minn naħa, fil-punt 1 tagħha, fost l-impjanti li l-emissjonijiet tagħhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, l-“[u]nitajiet ta’ kombustjoni maħsuba li jaħarqu karburanti li l-qawwa kalorifika totali ta’ kombustjoni tagħhom tekwivali jew hija ta’ iktar minn 20 MW f’impjant, dment li ma jkunux previsti minn wieħed mis-segwenti punti segwenti”. Min-naħa l-oħra, il-parti 2 ta’ dan l-Anness 1 telenka, fil-punti 2 sa 4 tagħha, diversi tipi ta’ “[i]mpjanti ta’ produzzjoni ta’ elettriku, ta’ fwar, ta’ ilma sħun, ta’ sħana industrijali jew ta’ gassijiet tal-egżost imsaħħan” li l-emissjonijiet tagħhom huma wkoll koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-TEHG.

    21

    L-Artikolu 2 tal-Verordnung über die Zuteilung von Treibhausgas-Emissionsberechtigungen in der Handelsperiode 2013 bis 2020 (Regolament dwar l-allokazzjoni tal-kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra għall-perijodu ta’ skambju 2013 sa 2020), tas-26 ta’ Settembru 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1921, iktar ’il quddiem iz-“ZuV 2020”), fil-punt 21 tiegħu, jiddefinixxi l-“ġeneratur tal-elettriku” bħala kull “[i]mpjant li pproduċa u biegħ lil terzi l-elettriku wara l-31 ta’ Diċembru 2004 u li fih ġiet eżerċitata esklużivament waħda mill-attivitajiet previsti fil-punti 1 sa 4 tal-parti 2 tal-Anness 1 [tat-TEHG]”.

    22

    L-Artikolu 2 taz-ZuV 2020, fil-punti 29 u 30 tiegħu, jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “subinstallazzjoni b’emissjonijiet ta’ proċess” u ta’ “subinstallazzjoni b’parametru referenzjarju ta’ sħana” f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 3(h) u (c) tad-Deċiżjoni 2011/278. B’hekk, il-punt 29(b)(ee) tal-Artikolu 2 taz-ZuV 2020 jikkorrispondi għall-kliem tal-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/278.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    23

    ExxonMobil operat sal-aħħar tas-sena 2013 impjant ta’ trattament ta’ gass naturali fi Steyerberg (il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“impjant inkwistjoni”). Dan l-impjant kien ikkostitwit minn apparati ta’ desulfurazzjoni u ta’ diżidridazzjoni ta’ gass naturali, apparati ta’ rkupru tal-kubrit (imsejħa “apparati Claus”), apparati ta’ purifikazzjoni tal-gassijiet skart kif ukoll apparati annessi. Dawn tal-aħħar kienu jinkludu bojler tal-fwar, apparat ta’ magna tal-gass, apparati li jqabbdu f’emerġenza u ċentrali termika tal-kondensazzjoni.

    24

    Din iċ-ċentrali termika kienet konnessa man-netwerk elettriku pubbliku, u kwantitajiet żgħar ta’ kurrent kienu kontinwament jiġu injettati fiha sabiex jiggarantixxu l-alimentazzjoni kontinwa tal-impjant bl-elettriku fil-każ li jfallu l-apparati Claus, li kien iwassal għat-telf ta’ ċerti kwantitajiet ta’ fwar. Mill-karta tal-bilanċ elettriku li tinkorpora d-dejta dwar il-produzzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-konsum tal-elettriku fl-impjant inkwistjoni għas-snin 2005 sa 2010 jirriżulta li, fi wħud minn dawn is-snin, dan l-impjant ikkonsma iktar elettriku milli pproduċa.

    25

    B’deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2014, id-Deutsche Emissionshandelsstelle (Dipartiment Ġermaniż tal-bejgħ tal-kwoti ta’ emissjoni, iktar ’il quddiem id-“DEHSt”) alloka lil ExxonMobil, għall-perijodu ta’ skambju ta’ bejn is-sena 2013 u s-sena 2020, 1179523 kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas. Din l-allokazzjoni kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni, in parti, tar-referenzjarju ta’ sħana, u in parti tar-referenzjarju ta’ karburanti. L-eżistenza ta’ riskju ta’ telfien ta’ karbonju fis-settur ikkonċernat ukoll ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ din l-allokazzjoni. Għall-kuntrarju, id-DEHSt irrifjuta li jagħti lil ExxonMobil il-kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas addizzjonali li hija talbet għall-emissjonijiet ta’ proċess. B’deċiżjoni tal-istess jum, id-DEHSt irrevoka d-deċiżjoni ta’ allokazzjoni tiegħu b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014 minħabba l-waqfien ta’ ExxonMobil mill-attivitajiet tagħha minn din id-data. Din ir-revoka ma ġietx ikkontestata.

    26

    B’deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2016, id-DEHSt ċaħdet l-ilment imressaq minn ExxonMobil dwar ir-rifjut li ngħata lit-talba tagħha għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas addizzjonali abbażi tal-emissjonijiet minn proċess għas-sena 2013.

    27

    Mir-raġunijiet invokati mid-DEHSt insostenn ta’ din l-aħħar imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-imsemmija talba ta’ allokazzjoni għall-emissjonijiet minn proċess kienet tikkonċerna l-emissjoni ta’ CO2 kontenut naturalment fil-gass naturali, jiġifieri “CO2 inerenti”, fis-sens tal-punt 40 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 601/2012, li sseħħ fi tmiem il-proċess li jseħħ fl-apparati Claus (iktar ’il quddiem il-“proċess Claus”). Il-proċess Claus kien jikkonsisti f’reazzjoni kimika li tarmi s-sħana li permezz tagħha s-sulfat tal-idroġenu (H2S) kien jiġi ttrasformat f’sulfat elementari. Is-sħana prodotta minn din ir-reazzjoni kienet tinqabad minn bojlers ta’ rkupru qabel ma tintuża fl-impjant inkwistjoni. L-użu ta’ din sħana ta lok għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas bl-applikazzjoni tar-referenzjarju ta’ sħana. Fi tmiem il-proċess Claus, iċ-CO2 inerenti fil-gass naturali kien jinħareġ permezz ta’ ċumnija. Dan il-proċess ma kienx joħloq CO2 supplimentari għajr dak li huwa kontenut naturalment fil-gass naturali.

    28

    Id-DEHSt ikkunsidra li, f’tali ċirkustanzi, ma setgħux jingħataw kwoti mingħajr ħlas għal “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess” fis-sens tal-punt 29(b)(ee) tal-Artikolu 2 taz-ZuV 2020, li jittrasponi fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 3(h)(v) tad-Deċiżjoni 2011/78. Fil-fehma tad-DEHSt, il-kundizzjoni prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet, li l-emissjonijiet għandhom jirriżultaw mill-użu ta’ materja prima li tinkludi l-karbonju, ma kinitx sodisfatta. Fil-fatt, l-emissjonijiet taċ-CO2 inerenti ma kinux jirriżultaw mill-proċess Claus, għaliex dan iċ-CO2 la kien jipparteċipa u lanqas ma kien neċessarju fir-reazzjoni kimika li tikkaratterizza dan il-proċess. Skont id-DEHSt, huwa biss l- H2S li jikkostitwixxi l-materja prima użata għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-kubrit, u li ċ- CO2 kellu biss jiġi kkunsidrat bħala “gass assoċjat” mal- H2S.

    29

    Fl-10 ta’ Marzu 2016, ExxonMobil ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja) rikors kontra d-deċiżjoni tad-DEHSt tat-12 ta’ Frar 2016.

    30

    Permezz ta’ dan ir-rikors, ExxonMobil tinvoka dritt għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas inkonnessjoni ma’ subinstallazzjoni b’emissjonijiet minn proċess għas-sena 2013, peress li l-emissjonijiet tas-CO2 iġġenerati fil-kuntest tal-produzzjoni ta’ kubrit irriżultaw mill-użu ta’ materja prima li tinkuldi l-karbonju fil-forma ta’ CO2. Skont ExxonMobil, ma huwiex l-H2S waħdu, imma wkoll il-gass aċiduż – li jinkludi fih, minbarra l-H2S, metanu (CH4), CO2, u fwar tal-ilma – li jikkostitwixxu l-materja prima użata għall-produzzjoni tal-kubrit. Fin-nuqqas tal-użu ta’ dan il-gass fil-proċess Claus, iċ-CO2 inerenti fil-gass naturali ma kienx jiġi rilaxxat fl-atmosfera. Barra minn hekk, l-estrazzjoni taċ-CO2 mill-gass aċiduż permezz ta’ dan il-proċess kienet neċessarja għall-akkwist tal-kubrit pur minn dan il-gass. Mhuwiex rilevanti li ċ-CO2 kien preżenti mill-bidu fil-materja prima u ma pparteċipax fir-reazzjoni kimika deskritta hawn fuq. Barra minn hekk, dawn l-emissjonijiet taċ-CO2 ma setgħux jiġu evitati la minn bidla fil-karburant lanqas b’tekniki iktar effiċjenti.

    31

    Barra minn hekk, ExxonMobil tallega li l-fatt li l-kwoti mingħajr ħlas ikunu ġew allokati bl-applikazzjoni tar-referenzjarju ta’ sħana għas-sħana li tista’ titkejjel prodotta fl-impjant inkwistjoni, bħala riżultat kollaterali tar-reazzjoni kimika li tikkaratterizza l-proċess Claus, ma jipprekludix l-allokazzjoni supplimentari mitluba. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et (C-180/15, EU:C:2016:647), li l-allokazzjoni abbażi ta’ referenzjarju ta’ prodott għandha preċedenza fuq it-tliet għażliet ta’ riżerva li jikkostitwixxu l-allokazzjonijiet abbażi tar-referenzjarju ta’ sħana, tar-referenzjarju ta’ karburanti u ta’ emissjonijiet ta’ proċess, ma teżisti l-ebda ġerarkija bejn dawn it-tliet għażliet ta’ riżerva.

    32

    Id-DEHSt isostni, għall-ewwel darba quddiem il-qorti tar-rinviju, li l-produzzjoni tal-kubrit ma tikkostitwixxix attività suġġetta għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u li l-impjant inkwistjoni kellu jiġi kklassifikat bħala “ġeneratur tal-elettriku”, peress li, minn naħa, l-elettriku ġie ġġenerat hemmhekk u mibjugħ lil terzi wara l-31 ta’ Diċembru 2004 u, min-naħa l-oħra, hemmhekk kienet eżerċitata biss attività ta’ kombustjoni li tissemma fil-punti 1 sa 4 tat-Tieni Taqsima tal-Anness 1 tat-TEHG. Skont id-DEHSt, ExxonMobil talab u akkwista allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni maħsuba għall-produtturi tal-elettriku, li ġiet ridotta bl-applikazzjoni tal-fattur lineari li tikkonċerna lil dawn tal-aħħar, konformement mal-Artikolu 9(6) tat-TEHG. Imma, allokazzjoni mingħajr ħlas għall-ġeneraturi tal-elettriku għandha tiġi permessa biss fl-osservanza tal-kundizzjonijiet iffissati fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87.

    33

    Skont l-opinjoni tad-DEHSt, prodott, bħall-kubrit, li ma huwiex suġġett għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward, u dan sabiex ma jiġix estiż illegalment il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ skambju. Allokazzjoni inkonnessjoni ma’ emissjonijiet minn proċess, konformement mal-punt 29(b) tal-Artikolu 2 taz-ZuV 2020, tkun possibbli biss jekk ir-regoli ta’ allokazzjoni għas-sħana jkunu jipprovdu wkoll għal allokazzjoni għall-emissjonijiet minn proċess. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża odjerna. Barra minn hekk, mit-talba għal allokazzjoni ta’ ExxonMobil jirriżulta li r-reazzjoni kimika li tirriżulta mill-proċess Claus ma tiġġenerax emissjonijiet taċ-CO2. B’hekk, dan il-proċess ma jużax materja prima li tinkludi fiha l-karbonju, peress li l-karbonju la jipparteċipa fil-proċess imwettaq u lanqas fir-reazzjoni.

    34

    Barra minn hekk, id-DEHSt jikkontesta l-allegazzjoni ta’ ExxonMobil li l-emissjonijiet inkwistjoni kienu inevitabbli. Huwa jargumenta, barra minn hekk, li teżisti ġerarkija, bejn l-elementi ta’ allokazzjoni marbuta, b’ordni suċċessiv, mar-referenzjarju ta’ sħana, mar-referenzjarju ta’ karburanti u mal-emissjonijiet ta’ proċess.

    35

    Qabel xejn, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-punt dwar jekk l-impjant inkwistjoni għandux jiġi kklassifikat bħala “ġeneratur tal-elettriku” fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, f’tali każ, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas mogħtija lil ExxonMobil abbażi tal-parametri referenzjarji ta’ sħana u ta’ karburanti tkun, bħala prinċipju, illegali. Dan ikun minnu wkoll peress li l-ġeneraturi tal-elettriku jistgħu jiksbu kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas biss fil-każijiet previsti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a(1), kif ukoll fl-Artikolu 10a(3) u (4) tad-Direttiva 2003/87, li jikkonċernaw, essenzjalment, il-kombustjoni tal-gass residwu, it-tisħin urban u l-koġenerazzjoni b’rendiment għoli. Issa, il-proċess Claus ma jaqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn il-każijiet.

    36

    Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku” għandu jingħata interpretazzjoni restrittiva, peress li l-kliem tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 huwa ta’ portata usa’ minn dik li tikkorrispondi għall-ispirtu u l-finalità ta’ din id-direttiva. F’dan il-każ, huwa barra minn hekk dubjuż jekk l-elettriku prodott fl-impjant inkwistjoni huwiex maħsub għall-“bejgħ lil partijiet terzi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, dan l-elettriku huwa prinċipalment maħsub li jiġi kkunsmat f’dan l-impjant u dan tal-aħħar huwa konness man-netwerk pubbliku unikament sabiex tkun iggarantita l-provvista ta’ elettriku f’każ ta’ ħsara fl-imsemmi impjant.

    37

    Skont din il-qorti, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku” twassal sabiex impjant, bħall-impjant inkwistjoni, li huwa kklassifikat bħala “ġeneratur tal-elettriku”, jiġi ttrattat b’mod differenti minn impjant li wkoll jipproduċi l-elettriku, iżda li fih tkun eżerċitata, minbarra l-attività ta’ “kombustjoni ta’ karburanti”, prevista fil-punti 1 sa 4 tal-parti 2 tal-Anness 1 tat-TEHG, attività oħra suġġetta għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni, meta dan l-aħar imsemmi impjnat ma jkunx ikklassifikat bħala “ġeneratur tal-elettriku”. Issa, tali differenza fit-trattament hija inkoerenti, peress li l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ impjanti ma jaqa’ taħt is-“settur klassiku tal-elettriku”, kif previst fil-premessa 31 tad-Deċiżjoni 2011/278.

    38

    Għaldaqstant, l-imsemmija qorti tqis li l-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku” kellu jkun irriżervat biss għal dawk l-impjanti li jipproduċu u jbigħu l-elettriku lil terzi u li jeżerċitaw esklużivament l-attività ta’ “kombustjoni ta’ karburanti”, bl-esklużjoni ta’ kull attività oħra, irrispettivament minn jekk din tkunx inkluża jew le fl-Anness 1 tat-TEHG.

    39

    Sussegwentement, f’każ li din l-interpretazzjoni ma tkunx tista’ tintlaqa’, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li jingħelbu r-restrizzjonijiet naxxenti mid-Direttiva 2003/87 fil-qasam tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas lill-ġeneraturi tal-elettriku abbażi tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana” previst fl-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278, li ma jinkludix restrizzjonijiet simili.

    40

    Fl-aħħar, l-imsemmija qorti tfittex li tkun taf jekk l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-proċess Claus jistgħux jagħtu lok għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas bħala “subinstallazzjoni ta’ emissjonijiet minn proċess”, fis-sens tal-Artikolu 3(h) ta’ din id-deċiżjoni. Peress li s-sħana ġġenerata minn dak il-proċess tista’ wkoll tkun is-suġġett ta’ allokazzjoni bl-applikazzjoni tal-parametru referenzjarju ta’ sħana, dik il-qorti tistaqsi jekk wieħed minn dawn iż-żewġ tipi ta’ allokazzjoni għandux prijorità fuq l-ieħor.

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Impjant li jimmanifattura prodott li l-produzzjoni tiegħu ma taqax taħt l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva [2003/87] (bħal, f’dan il-każ, il-produzzjoni tal-kubrit) u li, fl-istess waqt, iwettaq l-attività ta’ ‘kombustjoni ta’ karburanti f’impjanti b’potenza termali totali ta’ iktar minn 20 MW’, liema attività hija suġġetta għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra skont l-Anness I tad-Direttiva [2003/87], jikkostitwixxi impjant ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva [2003/87], fil-każ fejn faċilità sekondarja fl-istess impjant tipproduċi wkoll elettriku għall-imsemmi impjant u proporzjon (żgħir) ta’ dan l-elettriku jingħata lin-netwerk pubbliku tal-elettriku bi ħlas?

    2)

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv:

    Fil-każ fejn impjant bħal dak deskritt fl-ewwel domanda jkun [‘Ġeneratur tal-elettriku’] fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva [2003/87], dan l-impjant ikun eliġibbli għal allokazzjoni ta’ kwoti għas-sħana konformement mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2011/278], anki meta s-sħana tissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2011/278] iżda ma taqax fil-kategoriji msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1), fl-Artikolu 10a(3) u fl-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva [2003/87], jiġifieri sħana li tirriżulta mill-kombustjoni ta’ gass tal-iskart għall-produzzjoni tal-elettriku, tisħin distrettwali u koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja?

    3)

    Jekk allokazzjoni ta’ kwoti għas-sħana prodotta fl-impjant [tar-rikonrrenti (fil-kawża prinċipali)] tkun possibbli fid-dawl tar-risposti għall-ewwel żewġ domandi preliminari:

    Is-CO2 irrilaxxat fl-atmosfera bħala parti mill-ipproċessar tal-gass naturali (fil-forma ta’ gass aċiduż) matul il-“proċess Claus”, fejn is-CO2 inerenti fil-gass naturali huwa sseparat mit-taħlita ta’ gass, jikkostitwixxi emissjonijiet li jirriżultaw, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2011/278], mill-proċess imsemmi fil-punt (v) tal-Artikolu 3(h))?

    a)

    Emissjonijiet jistgħu jokkorru, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2011/278], “minħabba” proċess li fih is-CO2 inerenti fil-materja prima huwa fiżikament isseparat mit-taħlita ta’ gass u rrilaxxat fl-atmosfera, minkejja li dan il-proċess fih innifsu ma jagħtix lok għal diossidju tal-karbonju addizzjonali, jew din id-dispożizzjoni neċessarjament teżiġi li s-CO2 irrilaxxat fl-atmosfera jokkorri l-ewwel darba minħabba dan il-proċess?

    b)

    Hemm ‘użu’ fis-sens tal-punt (v) tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, meta l-gass naturali fl-istat oriġinali tiegħu jintuża għall-produzzjoni tal-kubrit matul il-“proċess Claus” u li, f’dan il-kuntest, is-CO2 inerenti għall-gass naturali huwa rrilaxxat fl-atmosfera mingħajr ma jkun parti mir-reazzjoni kimika tal-proċess? Jew inkella t-terminu ‘użu’ jimplika neċessarjament li l-karbonju huwa parti minn, jew saħansitra huwa neċessarju, għar-reazzjoni kimika li tkun seħħet?

    4)

    Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv: meta impjant suġġett għall-obbligu ta’ skambji ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra jissodisfa kemm il-kundizzjonijiet materjali sabiex jikkostitwixxi subinstallazzjoni suġġett għal parametri referenzjarji ta’ sħana kif ukoll il-kundizzjonijiet sabiex jikkostitwixxi subinstallazzjoni b’emissjonijiet tal-proċess, liema huwa l-parametru referenzjarju għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra gratuwiti? Id-dritt għal allokazzjoni ta’ kwoti abbażi tal-parametru referenzjarju tas-sħana jipprevali fuq id-dritt għal allokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-proċess jew inkella, minħabba l-prinċipju ta’ speċjalità, id-dritt għal allokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-proċess jipprevali fuq id-dritt għal allokazzjoni ta’ kwoti abbażi tal-parametru referenzjarju tas-sħana u tal-parametru referenzjarju ta’ kombustibbli?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    42

    Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li tiddetermina jekk u, jekk applikabbli, sa liema punt impjant, bħall-impjant inkwistjoni, li jeżerċita attivitajiet ta’ desulfurazzjoni ta’ gass naturali u ta’ rkupru ta’ kubrit skont il-proċess Claus, għandux dritt li jiġi allokat kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas għaċ-CO2 irrilaxxat fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet għall-perijodu ta’ skambju ta’ bejn is-sena 2013 u s-sena 2020.

    43

    Dawn id-domandi huma bbażati fuq il-premessa, stabbilita minn dik il-qorti fid-deċiżjoni tar-rinviju, li tali impjant jaqa’ taħt is-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni stabbilita bid-Direttiva 2003/87.

    44

    Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ExxonMobil u l-Kummissjoni kkontestaw din il-premessa, billi sostnew li impjant, bħall-impjant inkwistjoni, ma jaqax taħt din is-sistema ta’ skambju, peress li ċ-CO2 irrilaxxat minn din tal-aħħar huwa ta’ natura inerenti, peress li dan il-gass serra huwa diġà naturalment preżenti fil-materja prima, f’dan il-każ, fil-gass aċiduż, ittrattat minn dan l-impjant.

    45

    Kieku dan kien minnu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-risposta għad-domandi magħmula kienet tkun irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u, għaldaqstant, it-talba odjerna għal deċiżjoni preliminari kienet tkun ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, huma biss impjanti li l-attivitajiet tagħhom jaqgħu, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/87, taħt is-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni li jistgħu jibbenefikaw mill-allokazzjoni ta’ tali kwoti mingħajr ħlas (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland, C-577/16, EU:C:2018:127, punt 68).

    46

    Għaldaqstant jeħtieġ jiġi eżaminat jekk impjant, bħall-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 u, għaldaqstant, tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni stabbilita minn din id-direttiva.

    47

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni, din tal-aħħar tapplika għall-“emissjonijiet” ta’ gass serra elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva, fosthom iċ-CO2, “mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I” tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2016, Vattenfall Europe Generation, C-457/15, EU:C:2016:613, punt 28; tat-28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland, C‑577/16, EU:C:2018:127, punti 42, 4546, kif ukoll tas-17 ta’ Mejju 2018, Evonik Degussa, C-229/17, EU:C:2018:323, punt 31), liema Anness I jinkludi, b’mod partikolari, bħala l-emissjoni ta’ CO2, l-attività ta’ kombustjoni ta’ karburanti f’installazzjoni b’kapaċità termika totali li taqbeż l-20 MW.

    48

    Skont l-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87, l-“emissjonijiet”, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, jippreżumu r-rimi, minn sorsi li jinsabu ġewwa impjant, ta’ gass serra fl-atmosfera.

    49

    Fil-kawża odjerna, huwa stabbilit li impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża priniċpali jeżerċita attività ta’ “[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW”, fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, peress li kemm ir-reazzjoni ta ossidazzjoni li tiġġenera s-sħana subita mill-H2S matul il-proċess Claus kif ukoll il-proċess sussegwenti ta’ postkombustjoni ta’ gass li joħroġ mill-apparati Claus, invokati mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, jikkostitwixxu tali attività, fid-dawl tal-Artikolu 3(t) ta’ din id-direttiva.

    50

    Barra minn hekk, minn elementi ta’ informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li ma ġew ikkontestati minn ebda persuna kkonċernata li ppreżentaw osservazzjonijiet jew li kienu preżenti waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-attività ta’ “kombustjoni ta’ karburanti”, eżerċitata mill-impjant inkwistjoni, tiġġenera “emissjonijiet”, f’dan il-każ CO2, fis-sens tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87, peress li l-impjant jarmi dan il-gass serra fl-atmosfera minn apparati li jinsabu fi ħdanu.

    51

    Ċertament, kif enfasizzaw ExxonMobil u l-Kummissjoni, iċ-CO2 irrilaxxat minn din l-attività ta’ kombustjoni ta’ karburanti huwa “CO2 inerenti”, fis-sens tal-punt 40 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 601/2012, peress li dan il-gass serra huwa preżenti naturalment fil-kompożizzjoni tal-gass aċiduż ittrattat mill-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    52

    Madankollu, tali ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li teskludi tali impjant mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87.

    53

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 47 ta’ din is-sentenza u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87, li l-kliem tiegħu ma huwiex ambigwu f’dan ir-rigward, din tal-aħħar tapplika għall-“emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I” ta’ din id-direttiva, mingħajr ma teżiġi li l-gass serra rrilaxxat għandu jkun huwa stess prodott matul dawn l-attivitajiet. Bl-istess mod, l-Artikolu 3(t) tal-imsemmija direttiva lanqas ma jirriduċi l-kunċett ta’ “kombustjoni” biss għal dawk ir-reazzjonijiet ta’ issidazzjoni li huma stess jiġġeneraw gass serra.

    54

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mir-regoli ta’ sorveljanza stabbiliti bir-Regolament Nru 601/2012. Fil-fatt, l-Artikolu 48(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi espliċitament li ċ-CO2 inerenti, kif iddefinit fil-punt 40 tal-Artikolu 3 ta’ dan tal-aħħar, għandu, meta jkun inkluż fil-gass naturali, jiġi kkontabilizzat fil-fattur ta’ emissjoni ddefinit għal dan il-karburant.

    55

    Tali interpretazzjoni hija konformi wkoll mal-finalità segwita mid-Direttiva 2003/87, li skont l-Artikolu 1 tiegħu, tikkonsisti f’li jiġi mħeġġeġ it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra f’kundizzjonijiet ekonomikament effettivi u prestattivi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ April 2018, PPC Power, C-302/17, EU:C:2018:245, punt 18, u tas-17 ta’ Mejju 2018, Evonik Degussa, C‑229/17, EU:C:2018:323, punt 41).

    56

    Fil-fatt, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 8 ta’ din id-direttiva, it-twettiq ta’ dan l-għan jimplika l-inklużjoni, f’din is-sistema, ta’ attivitajiet li jippreżentaw ċertu potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2018, Evonik Degussa, C-229/17, EU:C:2018:323, punt 42).

    57

    Issa, mid-diskussjonijiet li saru waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki jekk iċ-CO2 huwa preżenti fil-kompożizzjoni tal-gass aċiduż, l-attività ta’ kombustjoni ta’ karburanti eżerċitata minn impjant, bħall-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tad-desulfurazzjoni ta’ gass naturali u tal-irkupru tal-kubrit skont il-proċess Claus, tippreżenta ċertu potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet taċ-CO2, peress li l-kontenut ta’ gass aċiduż fiċ-CO2 jista’ jvarja skont id-depożiti. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni ExxonMobil, f’dan ir-rigward huwa irrilevanti li l-kontenut ma huwiex sistematikament prevedibbli.

    58

    Minn dan isegwi li impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87 u, għaldaqstant, tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni stabbilita minn din tal-aħħar, mingħajr ma jiswa li ċ-CO2 li jirriżulta mill-attività ta’ dan l-impjant ikunx jew le naturalment preżenti fil-materja prima ttrattata minn din tal-aħħar.

    59

    Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-ewwel domanda

    60

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 għandux jiġi interpretat fis-sens li impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipproduċi, fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ “[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW”, fis-sens tal-Anness I ta’ din id-direttiva, elettriku maħsub essenzjalment sabiex jintuża għall-ħtiġijiet proprji tiegħu, għandu jitqies bħala “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dan l-impjant, minn naħa, jeżerċita simultanjament attività ta’ fabbrikazzjoni ta’ prodott li ma jaqax taħt dan l-anness u, min-naħa l-oħra, jinjetta b’mod kontinwu, bi ħlas, parti minima tal-elettriku prodott fin-netwerk elettriku pubbliku, li miegħu l-imsemmi impjant għandu jkun konness b’mod permanenti għal raġunijiet tekniċi.

    61

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda saret sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-kawża odjerna, l-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux dritt jiġi allokat kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas inkonnessjoni ma’ emissjonijiet taċ-CO2 li jirriżultaw minn din l-attività ta’ kombustjoni ta’ karburanti, li hija eżerċitata għall-finijiet tad-desulfurazzjoni tal-gass naturali u tal-irkupru tal-kubrit permezz tal-proċess Claus.

    62

    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li d-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni li hija maħsuba sabiex tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jimpedixxi kull interferenza antropoġenika perikoluża tal-klima u li l-għan finali tagħha huwa l-protezzjoni tal-ambjent (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2017, ArcelorMittal Rodange u Schifflange, C-321/15, EU:C:2017:179, punt 24; tat-22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln, C-572/16, EU:C:2018:100, punt 26, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland, C-577/16, EU:C:2018:127, punt 39).

    63

    Din is-sistema hija bbażata fuq loġika ekonomika, li tħeġġeġ lil kull parteċipant fiha jemetti kwantità ta’ gassijiet serra li hija inqas mill-kwoti li ġew inizjalment mogħtija lilu, sabiex jittrasferixxi l-bqija tagħhom lil parteċipant ieħor li pproduċa kwantità ta’ emissjonijiet li taqbeż il-kwoti allokati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2017, ArcelorMittal Rodange u Schifflange, C-321/15, EU:C:2017:179, punt 22; tat-22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln, C-572/16, EU:C:2018:100, punt 27, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland, C‑577/16, EU:C:2018:127, punt 40).

    64

    B’hekk, id-Direttiva 2003/87 hija intiża sabiex tnaqqas, minn issa sas-sena 2020, l-emissjonijiet globali ta’ gass serra tal-Unjoni b’tal-inqas 20 % meta mqabbla mal-livelli tagħhom tas-sena 1990, f’kundizzjonijiet ekonomikament effiċjenti (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, E.ON Kraftwerke, C-461/15, EU:C:2016:648, punt 23; tat-22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln, C-572/16, EU:C:2018:100, punt 28, u tat-28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland, C-577/16, EU:C:2018:127, punt 41).

    65

    Għal dan l-għan, l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 stabbilixxa sistema tranżitorja li, sabiex jiġi evitat telf ta’ kompetittività tal-impriżi minħabba l-istabbiliment ta’ skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2015, ŠKO-Energo, C-43/14, EU:C:2015:120, punt 28, u tat-12 ta’ April 2018, PPC Power, C-302/17, EU:C:2018:245, punt 20), jipprevedi, għall-impjanti li jaqgħu taħt ċertu setturi ta’ attività, l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjoni, li l-kwantità tagħhom, skont il-paragrafu 11 ta’ din id-dispożizzjoni, għandha titnaqqas gradwalment matul il-perijodu ta’ bejn is-sena 2013 u s-sena 2020, bil-għan li tintlaħaq l-abolizzjoni totali ta’ dawn il-kwoti mingħajr ħlas sas-sena 2027 (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, E.ON Kraftwerke, C-461/15, EU:C:2016:648, punt 24; tas-26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et, C-506/14, EU:C:2016:799, punt 46; tat-22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln, C-572/16, EU:C:2018:100, punt 29, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland, C-577/16, EU:C:2018:127, punt 67).

    66

    Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87 u mill-premessa 15 tad-Direttiva 2009/29, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni, sabiex jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra, għaldaqstant hija progressivament maħsuba li tissejjes esklużivament fuq il-prinċipju tal-bejgħ bl-irkant, li, skont il-leġiżlatur tal-Unjoni, huwa ġeneralment meqjus bħala s-sistema l-iktar effiċjenti mill-perspettiva ekonomika.

    67

    Skont l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87, ma tista’ tingħata l-ebda kwota ta’ emissjoni mingħajr ħlas lill-“ġeneraturi tal-elettriku”, sakemm dawn ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 4 u 8 tal-imsemmi artikolu, li jikkonċernaw, fl-ewwel lok, il-produzzjoni ta’ sħana jew ta’ kesħa maħsuba għas-servizzi ta’ tisħin urban jew miksuba bil-koġenerazzjoni b’rendiment għoli, kif iddefinit fid-Direttiva 2004/8, u, fit-tieni lok, l-entrati ġodda. L-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 huwa, barra minn hekk, applikabbli mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10c ta’ din tal-aħħar, li jippremetti lill-Istati Membri li jagħtu kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas għall-immodernizzar tal-produzzjoni tal-elettriku.

    68

    Konsegwentement, mis-sena 2013, il-bejgħ bl-irkant ta’ kwoti, kif jirriżulta mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni espressa fil-premessi 15 u 19 tad-Direttiva 2009/29, sar ir-regola għall-ġeneraturi tal-elettriku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Iberdrola et, C-566/11, C-567/11, C-580/11, C-591/11, C-620/11 u C-640/11, EU:C:2013:660, punt 40, kif ukoll tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C-191/14, C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14, EU:C:2016:311, punt 82).

    69

    Għaldaqstant, sabiex jiġi ddeterminat sa fejn impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa eskluż mid-dritt li jiġi allokat kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk dan l-impjant għandux jitqies bħala “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

    70

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku”, previst fl-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87, huwa ddefinit fl-Artikolu 3(u) ta’ din id-direttiva.

    71

    Issa, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag et, C‑542/16, EU:C:2018:369, punt 39).

    72

    Mill-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li impjant li, minn naħa, ipproduċa l-elettriku “maħsuba għall-bejgħ lil partijiet terzi” f’xi mument mill-1 ta’ Jannar 2005 u, min-naħa l-oħra, li fih ma saret l-ebda waħda mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, ħlief il-kombustjoni ta’ karburanti b’kapaċità termika totali li taqbeż l-20 MW, għandu jiġi kklassifikat bħala “ġeneratur tal-elettriku” (ara, d’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et, C-180/15, EU:C:2016:647, punt 33, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et, C-506/14, EU:C:2016:799, punt 23).

    73

    Huwa stabbilit li impjant bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa din it-tieni kundizzjoni. Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, dan l-impjant jeżerċita attività ta’ “kombustjoni ta’ karburanti”, fis-sens ta’ dan l-Anness I. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-ewwel domanda, ma jeżeriċta l-ebda attività oħra msemmija fl-imsemmi anness. Fil-fatt, la l-produzzjoni tal-kubrit u lanqas it-trattament tal-gass naturali ma jinsabu fil-lista tal-attivitajiet li huma msemmija fiha.

    74

    Fir-rigward tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri l-produzzjoni tal-elettriku “għall-bejgħ lil partijiet terzi”, hemm lok li jiġi kkonstatat li jirriżulta wkoll mill-kliem tal-ewwel domanda li l-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa wkoll din il-kundizzjoni, peress li jinjetta b’mod kontinwu, bi ħlas, parti mill-elettriku li jipproduċi għall-ħtiġijiet proprji tiegħu fin-netwerk elettriku pubbliku.

    75

    Ċertament, fil-każ odjern, hija biss parti żgħira minn din il-produzzjoni ta’ elettriku li tinbiegħ lil terzi, peress li l-injezzjoni ta’ dan tal-aħħar fin-netwerk elettriku pubbliku huwa ġġustifikat minn raġunijiet tekniċi sabiex tiġi ggarantita l-provvista kontinwa ta’ elettriku tal-impjant inkwistjoni f’każ ta’ ħsara fl-apparati Claus.

    76

    Madankollu, ma jirriżultax mill-kliem tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 li, sabiex impjant jitqies bħala “ġeneratur tal-elettriku”, l-elettriku li huwa jipproduċi għandu unikament, jew anki prinċipalment, iservi bħala provvista għal terzi.

    77

    B’mod partikolari, hemm lok li jiġi osservat f’dan ir-rigward li din id-dispożizzjoni ma tissobordina l-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku għal ebda livell ta’ produzzjoni ta’ elettriku, billi tali kwalità, barra minn hekk, hija attribwita, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, indipendentement minn kull ċaqliq matul iż-żmien tar-relazzjoni bejn il-kwantità ta’ elettriku mibjugħ u dik prodotta għall-ħtiġijiet proprji tal-produttur ikkonċernat.

    78

    Konsegwentement, impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minkejja li l-maġġoranza tal-elettriku li huwa jipproduċi huwa intiż għall-ħtiġijiet proprji tiegħu, għandu jitqies bħala li jissodisfa wkoll l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87, peress li dan biegħ parti mill-produzzjoni ta’ elettriku tiegħu, minkejja li żgħira, lil terzi, permezz ta’ injezzjoni kontinwa, bi ħlas, minn din il-parti ta’ elettriku fin-netwerk elettriku pubbliku.

    79

    Mill-kliem stess tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 jirriżulta li impjant bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kklassifikat bħala “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li jeżerċita biss attività li taqa’ taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87 dik tal-“[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW” u li huwa jbigħ parti mill-produzzjoni tiegħu ta’ elettriku lil terzi.

    80

    Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan segwit mid-Direttiva 2003/87 kif ukoll mill-istruttura ġenerali ta’ din tal-aħħar.

    81

    Ċertament, huwa minnu, kif enfasizzat ExxonMobil fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-projbizzjoni, bħala prinċipju, għall-Istati Membri, skont l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87, li jallokaw kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, ġiet stabbilita, kif jirriżulta mill-premessi 15 u 19 tad-Direttiva 2009/29, sabiex tintemm il-possibbiltà, użata sas-sena 2013 mill-produtturi ta’ elettriku, sabiex jagħmlu profitti eċċezzjonali billi jagħddu, fl-assenza ta’ pressjoni kompetittiva suffiċjenti, il-valur tal-kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas fuq il-prezz tal-elettriku mħallas mill-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Iberdrola et, C-566/11, C-567/11, C-580/11, C-591/11, C-620/11 u C-640/11, EU:C:2013:660, punt 40).

    82

    Madankollu, qabel xejn, jeħtieġ jitfakkar li, kif jirriżulta diġà mill-punti 65 u 66 tas-sentenza odjerna, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas prevista fl-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 taqa’ fil-kuntest ta’ skjema speċifika ta’ regoli tranżitorji, li tidderoga mill-prinċipju li l-kwoti ta’ emissjoni għandhom jiġu allokati skont il-mekkaniżmu ta’ bejgħ bl-irkant, stabbilit fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2018, INEOS, C-58/17, EU:C:2018:19, punt 36).

    83

    Għaldaqstant, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87, sa fejn din twassal sabiex jiġu allokati, bħala prinċipju, il-kwoti ta’ emissjoni lill-“ġeneraturi tal-elettriku”, fis-sens tal-Artikolu 3(u) ta’ din id-direttiva, skont tali mekkaniżmu ta’ bejgħ bl-irkant, bl-esklużjoni ta’ kull kwota ta’ emissjoni mingħajr ħlas, ma tistax tingħata interpretazzjoni restrittiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku”, inkluż fl-Artikolu 3(u) ta’ din id-direttiva, għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa.

    84

    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Artikolu 10a(1), (3) u (5) tad-Direttiva 2003/87 jistabbilixxi d-dikotomija li fuqha huma msejsa d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar, li tikkonsisti fid-distinzjoni bejn l-impjanti li jaqgħu taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-“ġeneraturi tal-elettriku”, fis-sens tal-Artikolu 3(u) ta’ din id-direttiva, u impjanti oħra li jiġġeneraw emissjonijiet ta’ gass serra, li komunement jissejħu l-“impjanti industrijali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C-191/14, C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14, EU:C:2016:311, punt 70, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2016, Vattenfall Europe Generation, C-457/15, EU:C:2016:613, punti 4041).

    85

    Issa, din id-distinzjoni bejn l-impjanti li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87, u l-impjanti l-oħra li jiġġeneraw emissjonijiet ta’ gass serra tinċidi direttament fuq il-kalkolu tal-“fattur ta’ korrezzjoni uniformi u bejn is-setturi”, previst fl-Artikolu 10a(5) ta’ din id-direttiva, li l-applikazzjoni tiegħu għall-kwantità annwali provviżorja ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas ikkalkulata mill-Istati Membri tiddetermina l-kwantità annwali definittiva ta’ dawn il-kwoti li għandhom jiġu allokati minn dawn tal-aħħar lill-impjanti industrijali eliġibbli għal dawn il-kwoti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C-191/14, C-192/14, C‑295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14, EU:C:2016:311, punt 71).

    86

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, peress li l-kwantità provviżorja ta’ kwoti ta’ emissjoni allokati mingħajr ħlas lill-impjanti li ma humiex koperti mill-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva teċċedi l-limitu impost fuq l-industrija korrispondenti mal-kwantità annwali massima ta’ kwoti prevista fil-paragrafu 5 ta’ dan l-istess artikolu, l-Istati Membri għandhom jipproċedu bi tnaqqis proporzjonali ta’ din il-kwantità provviżorja bl-applikazzjoni tal-“fattur ta’ korrezzjoni uniformi u bejn is-setturi” previst minn din id-dispożizzjoni, li jikkorrispondi mar-relazzjoni bejn l-imsemmija kwantità provviżorja u dan il-limitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C-191/14, C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14, EU:C:2016:311, punti 6263, kif ukoll tat-22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln, C‑572/16, EU:C:2018:100, punt 37).

    87

    Issa, kif jirriżulta mill-kliem espress tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, l-emissjonijiet iġgenerati mill-ġeneraturi tal-elettriku ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ dan il-fattur, peress li dawn l-emissjonijiet huma esklużi mill-kwantità annwali massima ta’ kwoti ddefiniti f’din id-dispożizzjoni, li hija llimitata għall-emissjonijiet minn “istallazzjonijiet mhux koperti mill-paragrafu 3 [ta’ dan l-artikolu]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C-191/14, C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14, EU:C:2016:311, punti 64, 68, 72, 74, 7583, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et, C-506/14, EU:C:2016:799, punti 24, 2632).

    88

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kieku l-kwalità ta’ “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87, kellha tkun dipendenti fuq il-punt dwar jekk il-bejgħ tal-elettriku mwettaq minn impjant li jaqax taħt attività prinċipali jew attività aċċessorja ta’ dan tal-aħħar, id-determinazzjoni tal-ammont definittiv tal-kwoti ta’ emissjoni li għandom jingħataw mingħajr ħlas lill-impjanti eliġibbli kienet tkun imsejsa, fl-assenza ta’ kull livell massimu previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fuq kriterji li l-kontenut tagħhom ma huwiex suffiċjentement ċar u prevedibbli u li, għaldaqstant, jista’ jippreġudika ċ-ċertezza legali, peress li jkun hemm riskju li dawn jagħtu lok għal kontestazzjoni iktar tard tal-kwoti ta’ emissjoni allokati.

    89

    Madankollu, ExxonMobil issostni li din l-interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn twassal sabiex jiġu trattati b’mod differenti impjant li, bħall-impjant inkwistjoni, jeżerċita bħala l-unika attività tiegħu prevista fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 dik tal-“[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW”, u impjant li jeżeriċta simultanjament din l-attività u attività oħra prevista f’dan l-anness.

    90

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C-127/07, EU:C:2008:728, punt 23, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs l-Estonja,C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 64).

    91

    Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-impjanti li jipproduċu l-elettriku li jeżerċitaw bħala l-unika attività tagħhom prevista fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 dik tal-“[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW” ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli, inkonnessjoni mas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni, ma’ dik li jinsabu fiha l-impjanti li jipproduċu l-elettriku li, minbarra dik l-attività ta’ kombustjoni ta’ karburanti, jeżerċitaw attività oħra waħda jew iktar imsemmija f’dak l-anness.

    92

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sempliċiment inkonnessjoni mal-emissjonijiet taċ-CO2 li jirriżultaw minn tali attività ta’ kombustjoni ta’ karburanti. Għaldaqstant, huwa suġġett għall-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni biss għal din l-attività, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet oħra li ma humiex inkluża fl-Anness I tal-imsemmija direttiva. Għall-kuntrarju, impjant li jeżerċita, kemm attività ta’ kombustjoni ta’ karburanti kif ukoll attività waħda jew iktar previsti f’dak l-anness huwa suġġett għal din is-sistema ta’ skambju għall-attivitajiet kollha tagħha li jipproduċu emissjonijiet taċ-CO2. Minħabba dan, anki jekk dawn iż-żewġ tipi ta’ impjanti jipproduċu l-elettriku, impjant ta’ dan it-tieni tip, li jaqa’ taħt l-imsemmija sistema għall-emissjonijiet kollha tiegħu taċ-CO2 li jirriżultaw minn tali attivitajiet, għandu dritt jikseb kwoti mingħajr ħlas għall-imsemmija emissjonijiet, b’differenza minn impjant tal-ewwel tip li, peress li huwa suġġett għal din l-istess sistema biss għall-emissjonijiet tiegħu taċ-CO2 li jirriżultaw mill-attività ta’ kombustjoni ta’ karburanti, ma jistax jibbenefika minn tali kwoti.

    93

    Finalment, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni ExxonMobil, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 ma hijiex inkompatibbli mal-inklużjoni, fil-punt 1.4 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE tal-24 ta’ Diċembru 2009 li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinjifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju (ĠU 2010, L 1, p. 10), tal-estrazzjoni tal-gass naturali f’din il-lista.

    94

    Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-Artikolu 10a(12) tad-Direttiva 2003/87, l-inklużjoni ta’ settur jew sub-settur fl-imsemmija lista bl-ebda mod ma għandha l-għan li tidderoga mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, iżda għandha l-konsegwenza biss li, għall-perijodu ta’ skambju ta’ bejn is-sena 2013 u s-sena 2020, l-impjanti tas-setturi jew tas-sub-setturi li huma esposti għal riskju kbir ta’ rilaxx ta’ karbonju jirċievu kwantità ta’ kwoti mingħajr ħlas li jirrappreżentaw 100 % tal-kwantità ddeterminata skont il-miżuri previsti fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Yara Suomi et, C-506/14, EU:C:2016:799, punt 47).

    95

    Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-inklużjoni ta’ settur jew ta’ sub-settur fl-imsemmija lista jimplika, kif jirriżulta mill-Artikolu 10a(14) tad-Direttiva 2003/87, li l-inkapaċità li jingħaddew l-ispejjeż tal-kwoti fuq il-prezzijiet tintwera mhux, kif tissuġġerixxi ExxonMobil, għal kull impjant li jaqa’ taħt is-settur jew is-sub-settur ikkonċernat, iżda wara evalwazzjoni globali, mill-Kummissjoni, tal-attivitajiet kollha, fil-livell tal-Unjoni, tal-impjanti li jaqgħu taħtu.

    96

    Konsegwentement, jeħtieġ tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipproduċi, fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ “[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW”, prevista fl-Anness I ta’ din id-direttiva, elettriku maħsub essenzjalment sabiex jintuża għall-ħtiġijiet proprji tiegħu, għandu jitqies bħala “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dan l-impjant, minn naħa, jeżerċita simultanjament attività ta’ fabbrikazzjoni ta’ prodott li ma jaqax taħt dan l-anness u, min-naħa l-oħra, jinjetta b’mod kontinwu, bi ħlas, parti, anki jekk żgħira, mill-elettriku prodott fin-netwerk elettriku pubbliku, li miegħu l-imsemmi impjant għandu jkun konness permanentement għal raġunijiet tekniċi.

    Fuq it-tieni domanda

    97

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandux jiġi interpretat fis-sens li impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn dan għandu jitqies bħala “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87, għandu dritt li jiġi allokat kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas abbażi tas-sħana prodotta fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ “[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW”, prevista fl-Anness I ta’ din id-direttiva, peress li din is-sħana tintuża għal finijiet oħra minbarra l-produzzjoni tal-elettriku.

    98

    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li din id-domanda tirriżulta minn evalwazzjoni mwettqa ex officio mill-qorti tar-rinviju, peress li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma kkontestawx il-fondatezza tal-kwoti ta’ emissjoni allokati mingħajr ħlas lil ExxonMobil abbażi tas-sħana prodotta fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ kombustjoni ta’ karburanti.

    99

    Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jidher li jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tista’, skont id-dritt nazzjonali u fil-kuntest ta’ din l-evalwazzoni, tiddikjara l-illegalità tal-kwoti kollha allokati mingħajr ħlas lil ExxonMobil.

    100

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-imsemmija domanda hija intiża li tiddetermina jekk, fil-każ odjern, l-impjant inkwistjoni jistax jikseb kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas, peress li l-attività tiegħu ta’ kombustjoni ta’ karburanti twassal għall-produzzjoni, mhux biss ta’ elettriku, iżda wkoll u essenzjalment ta’ sħana, permezz tar-reazzjoni kimika li tikkaratterizza l-proċess Claus, liema sħana tinqabad f’dan l-impjant għall-finijiet tal-attivitajiet tiegħu ta’ desulfurazzjoni tal-gass naturali u ta’ rkupru tal-kubrit b’dan il-proċess.

    101

    Jeħtieġ li jitfakkar li konformement mal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni stabbilixxiet, permezz tad-Deċiżjoni 2011/278, ir-regoli armonizzati fil-livell tal-Unjoni għal din l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas. Dawn ir-regoli armonizzati jikkonkretizzaw ir-rekwiżit essenzjali li jikkonsisti fit-tnaqqis għal minimu tad-distorzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern (sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2016, DK Recycling und Roheisen vs Il-Kummissjoni, C-540/14 P, EU:C:2016:469, punt 53; tat-18 ta’ Jannar 2018, INEOS, C-58/17, EU:C:2018:19, punt 26, tat-22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln, C-572/16, EU:C:2018:100, punt 30).

    102

    B’hekk, skont l-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni iddeterminat, f’dan il-kuntest, parametri referenzjarji relattivi għas-settur jew sub-settur (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et, C-180/15, EU:C:2016:647, punt 60, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2018, INEOS, C-58/17, EU:C:2018:19, punt 27).

    103

    Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 10(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2011/278 jipprevedi, permezz tal-multiplikazzjoni ta’ dawn il-parametri referenzjarji bil-livell ta’ attività storika ta’ kull subinstallazzjoni, li l-Istati Membri għandhom jikkalkolaw in-numru annwali provviżorju ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas. Għal dan il-għan, huma obbligati li jagħmlu distinzjoni, skont l-Artikolu 6 ta din id-deċiżjoni, bejn is-subinstallazzjonijiet skont l-attività tagħhom, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk għandux jiġi applikat “parametru referenzjarju ta’ prodott”, “parametru referenzjarju tas-sħana” jew “parametru referenzjarju tal-fjuwil” jew ukoll fattur speċifiku għas-“subinstallazzjoni tal-emissjonijiet minn proċess” (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et, C-180/15, EU:C:2016:647, punt 61, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2018, INEOS, C-58/17, EU:C:2018:19, punt 28).

    104

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li d-definizzjonijiet, li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/278, tas-subinstallazzjonijiet ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott, ta’ parametru referenzjarju tas-sħana, ta’ parametru referenzjarju tal-kombustibbli u ta’ emissjonijiet minn proċess huma reċiprokament esklużivi (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et, C-180/15, EU:C:2016:647, punt 62, u tat-18 ta’ Jannar 2018, INEOS, C-58/17, EU:C:2018:19, punt 29).

    105

    L-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278 jiddefinixxi s-subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana bħala d-dħul, il-prodotti u l-emissjonijiet korrispondenti mhux koperti minn subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ prodott relatata mal-produzzjoni, l-importazzjoni minn installazzjoni jew entità oħra koperta mill-iskema tal-Unjoni, jew it-tnejn flimkien. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li din is-sħana għandha, b’mod partikolari, tiġi kkunsmata għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti jew esportata lejn impjant jew entità oħra mhux koperta mill-iskema tal-Unjoni, bl-esklużjoni tal-esportazzjoni għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ elettriku (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et, C-180/15, EU:C:2016:647, punti 64116).

    106

    B’hekk jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278 li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas għas-sħana ġġenerata għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ elettriku.

    107

    Din id-dispożizzjoni timplementa, kif irrilevat ġustament ExxonMobil fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, it-tieni sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a(1) u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva 2003/87, li jeskludu l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas għall-produzzjoni ta’ elettriku, bl-eċċezzjoni, minn naħa, ta’ każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10c ta’ din id-direttiva, li joffri l-possibbiltà lill-Istati Membri li jagħtu kwoti bla ħlas għall-immodernizzar tal-produzzjoni ta’ elettriku, u, min-naħa l-oħra, tal-elettriku prodott minn gass residwu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, ArcelorMittal Atlantique u Lorraine, C-80/16, EU:C:2017:588, punt 20).

    108

    Madankollu, kif jirriżulta mill-kliem stess tat-tieni domanda, l-impjant inkwistjoni qiegħed ifittex li jikseb kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas mhux għall-produzzjoni ta’ elettriku, iżda għall-produzzjoni ta’ sħana li tista’ titkejjel.

    109

    Issa, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278 ma jeskludix b’mod espliċitu l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas għas-sħana ġġenerata minn ġeneraturi ta’ elettriku għal finijiet differenti minn dawn tal-produzzjoni ta’ elettriku.

    110

    Madankollu, jeħtieġ li jitfakkar li mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87, moqri flimkien mal-Artikolu 3(u) ta’ din id-direttiva, jeskludi l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas lil produtturi ta’ elettriku, dment li dawn ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 4 u 8 tal-imsemmi artikolu, li jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ sħana u ta’ kesħa maħsuba għas-servizzi ta’ tisħin urban jew miksuba permezz tal-koġenerazzjoni b’rendiment għoli, kif iddefinita fid-Direttiva 2004/8, kif ukoll id-dħul ġdid, u mingħajr preġudizzju għall-każijiet previsti fl-Artikolu 10c tal-imsemmija direttiva. Huwa madankollu stabbilit li l-impjant inkwistjoni ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10a(4) u (8) tad-Direttiva 2003/87 u li l-possibbiltà miftuħa fl-Artikolu 10c ta’ din id-direttiva ma ġietx implementata mir-Repubblika Federal tal-Ġermanja.

    111

    B’hekk, l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87, sa fejn tipprovdi għall-projbizzjoni, b’riżerva għar-regoli previsti minn dispożizzjonijiet oħra, tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas lil produtturi ta’ elettriku, jistabbilixxi regola ta’ prinċipju (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C-191/14, C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14, EU:C:2016:311, punt 66).

    112

    Issa, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Deċiżjoni 2011/278 għandha tiġi interpretata f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk, C-460/15, EU:C:2017:29, punti 40 sa 42; tat-28 ta’ Frar 2018, Trinseo Deutschland, C-577/16, EU:C:2018:127, punt 68, u tas-17 ta’ Mejju 2018, Evonik Degussa, C-229/17, EU:C:2018:323, punt 29).

    113

    Minn dan isegwi li impjant li għandu jitqies bħala “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87, jista’ jikseb kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas għas-sħana prodotta f’dan l-impjant, bħala “subinstallazzjoni ta’ parametru referenzjarju tas-sħana”, fis-sens tal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278, biss jekk ikun josserva l-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a(1), (4) u (8) ta’ din id-direttiva.

    114

    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi sostnut li l-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87, ħlief meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 4 u 8 ta’ dan l-Artikolu, jipprojbixxi l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas lil ġeneratur tal-elettriku biss inkonnessjoni mal-produzzjoni ta’ elettriku.

    115

    Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni tkun iċċaħħad minn kull effett utli lill-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva, peress li t-tieni sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10a(1) tal-imsemmija direttiva diġà tipprojbixxi b’mod espress, tal-inqas bħala prinċipju, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas għall-produzzjoni ta’ elettriku.

    116

    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li l-projbizzjoni tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas lil ġeneraturi tal-elettriku għas-sħana prodotta hija konformi mal-għan segwit mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87, imfakkar fil-punt 68 tas-sentenza odjerna, li jikkonsisti fl-allokazzjoni, bħala prinċipju, tal-kwoti ta’ emissjoni lil dawn il-produtturi skont mekkaniżmu ta’ rkant.

    117

    Minn dan jirriżulta li impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li huwa stabbilit, fil-każ odjern, kif jirriżulta mill-kliem stess tat-tieni domanda, li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10a(4) u (8) tad-Direttiva 2003/87, ma jistax jislet mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2011/278 xi dritt li jiġi allokat kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas abbażi tal-attività tiegħu ta’ produzzjoni ta’ sħana.

    118

    Kull interpretazzjoni oħra tkun timmina l-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2003/87, billi tikkonferixxi lill-Kummissjoni setgħat li ma għandhom ebda bażi legali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs l-Estonja, C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 82).

    119

    Madankollu, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 113 tas-sentenza odjerna tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll kontra l-għan segwit mid-Direttiva 2003/87 li tikkonsisti fl-evażjoni tad-distorzjonijiet tal-kompetizzjoni, sa fejn kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas jingħataw għas-sħana prodotta minn impjanti paragunabbli li jaqgħu taħt setturi oħra. B’mod partikolari, kienu jeżistu forom differenti ta’ koġenerazzjoni li, minkejja li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ rendiment għoli, kif iddefiniti fid-Direttiva 2004/8, urew li huma iktar effiċjenti minn impjanti li jipproduċu biss sħana.

    120

    Madankollu, kif jirriżulta diġà mill-punti 91 u 92 tas-sentenza odjerna, l-impjanti li, bħall-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipproduċu s-sħana billi jeżerċitaw bħala l-unika attività tagħhom li taqa’ taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87 dik tal-“[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW”, ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli ma dik li jinsabu fiha l-impjanti li jipproduċu sħana billi jeżerċitaw, barra minn hekk, attività oħra li taqa’ taħt dan l-anness. Għaldaqstant, fis-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni, tali differenza fit-trattament ma tistax titqies bħala li toħloq distorzjoni fil-kompetizzjoni bejn dawn l-impjanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2017, Schaefer Kalk, C-460/15, EU:C:2017:29, punt 47).

    121

    Dan jgħodd ukoll għad-differenza fit-trattament allegata bejn l-impjanti li jipproduċu s-sħana miksuba mill-koġenerazzjoni b’rendiment għoli, kif iddefinita fid-Direttiva 2004/8, u l-impjanti l-oħra li jipproduċu elettriku u sħana. Fil-fatt, dawn tal-aħħar, billi ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-direttiva, iktar u iktar ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dawk li ssemmew l-ewwel.

    122

    ExxonMobil lanqas ma tista’ ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278 li tinsab fil-punt 113 tas-sentenza odjerna twassal sabiex jiġu ttrattati b’mod diskriminatorju l-impjanti li jipproduċu huma stess l-elettriku proprju tagħhom meta mqabbla ma’ dawk li jixtru dan tal-aħħar mingħand impjanti terzi, bħall-impjanti ta’ koġenerazzjoni b’rendiment għoli.

    123

    Fil-fatt, minn naħa, impjant li jipproduċi l-elettriku proprju tiegħu huwa eskluż mill-benefiċċju tal-kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas abbażi tal-produzzjoni ta’ sħana biss jekk, barra minn hekk, huwa jkollu l-kwalità ta’ “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87. Issa, kif jirriżulta mill-punti 91, 92 u 120 ta’ din is-sentenza, impjant li għandu din il-kwalità ma jinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ impjanti industrijali. Min-naħa l-oħra, impjant li jixtri l-elettriku mingħand terzi huwa, bl-istess mod, eskluż mill-benefiċċju ta’ tali kwoti meta jkollu l-kwalità ta’ ġeneratur tal-elettriku.

    124

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li impjant, bħall-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li għandu jitqies bħala “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87, ma jistax jiġi allokat kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a ta’ din id-direttiva kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2011/278.

    125

    Għaldaqstant, tali impjant, li jaqa’, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87, taħt is-sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni stabbilit minn din tal-aħħar, sa fejn dan jeżerċita attività ta’ “[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW”, prevista fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87, li tiġġenera emissjonijiet taċ-CO2, huwa obbligat jikseb kwoti ta’ emissjoni fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ta’ irkantijiet.

    126

    Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni 2011/278 għandu jiġi interpretat fis-sens li impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn għandu jitqies bħala “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87, ma għandux dritt li jiġi allokat kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas abbażi tas-sħana prodotta fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ “[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW”, prevista fl-Anness I ta’ din id-direttiva, meta din is-sħana tintuża għal finijiet oħra minbarra l-produzzjoni ta’ elettriku, peress li tali impjant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10a(4) u (8) tal-imsemmija direttiva.

    Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

    127

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domandi magħmula.

    Dwar il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenza

    128

    ExxonMobil titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza odjerna fil-każ li hija tagħti risposta negattiva għat-tieni domanda.

    129

    F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li huwa biss f’każijiet għalkollox eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tasal sabiex tillimita għal kull parti kkonċernata l-possibbiltà li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi stabbilita, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Transportes Jordi Besora, C-82/12, EU:C:2014:108, punt 41, u tad-19 ta’ April 2018, Oftalma Hospital, C-65/17, EU:C:2018:263, punt 57).

    130

    Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li ExxonMobil ma pprovdiet l-ebda element konkret ta’ natura li jiġġustifika l-fondatezza tat-talba tagħha, iżda sempliċiment sostniet, b’mod ġenerali, li, sa mis-sena 2013, kwoti ta’ emissjoni kien ġew allokati mingħajr ħlas lil numru kbir ta’ impjanti li jipproduċu l-elettriku għall-produzzjoni tagħhom ta’ sħana.

    131

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-effetti tas-sentenza odjerna jiġu limitati ratione temporis.

    Fuq l-ispejjeż

    132

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE tal-Kunsill kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipproduċi, fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ “[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 [megawatts (MW)]”, prevista fl-Anness I ta’ din id-direttiva, elettriku maħsub essenzjalment sabiex jintuża għall-ħtiġijiet proprji tiegħu, għandu jitqies bħala “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dan l-impjant, minn naħa, jeżerċita simultanjament attività ta’ fabbrikazzjoni ta’ prodott li ma jaqax taħt dan l-anness u, min-naħa l-oħra, jinjetta b’mod kontinwu, bi ħlas, parti, anki jekk żgħira, mill-elettriku prodott fin-netwerk elettriku pubbliku, li miegħu l-imsemmi impjant għandu jkun konness permanentement għal raġunijiet tekniċi.

     

    2)

    L-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li impjant, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn għandu jitqies bħala “ġeneratur tal-elettriku”, fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87, ma għandux dritt li jiġi allokat kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas abbażi tas-sħana prodotta fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ “[k]ombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW”, prevista fl-Anness I ta’ din id-direttiva, meta din is-sħana tintuża għal finijiet oħra minbarra l-produzzjoni ta’ elettriku, peress li tali impjant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10a(4) sa (8) tal-imsemmija direttiva.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top