Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0660

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Ġunju 2019.
    RF vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Rikors għal annullament – Komunikazzjoni tar-rikors permezz tal‑faks – Preżentata wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-oriġinal tar‑rikors fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali – Dewmien fil-kunsinna tal-posta – Kunċett ta’ ‘forza maġġuri jew ta’ każ fortuwitu’.
    Kawża C-660/17 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:509

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    tad-19 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

    “Appell – Rikors għal annullament – Komunikazzjoni tar-rikors permezz tal‑faks – Preżentata wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-oriġinal tar‑rikors fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali – Dewmien fil-kunsinna tal-posta – Kunċett ta’ ‘forza maġġuri jew ta’ każ fortuwitu’”

    Fil-Kawża C‑660/17 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl-24 ta’ Novembru 2017,

    RF, stabbilita fi Gdynia (il-Polonja), irrappreżentata minn K. Komar-Komarowski, radca prawny,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Szczodrowski, G. Meessen u I. Rogalski, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, A. Rosas (Relatur), L. Bay Larsen u M. Safjan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-24 ta’ Jannar 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, RF titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2017, RF vs Il-Kummissjoni (T‑880/16, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2017:647), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5925 final tal-15 ta’ Settembru 2016 li tiċħad l-ilment fil-Każ COMP AT.40251 – Trasport bil-ferrovija, ġarr ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-kuntest ġuridiku

    L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

    2

    Taħt it-Titolu III, intitolat “Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi:

    “Ir-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxi perijodi ta’ grazzja fuq konsiderazzjonijiet ta’ distanza.

    Ebda dritt ma jintilef bħala riżultat ta’ l-iskadenza tat-termini, jekk il-parti interessata tipprova l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.”

    3

    Taħt it-Titolu IV ta’ dan l-istatut, li jirrigwarda l-Qorti Ġenerali, l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut jipprovdu:

    “Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tiġi regolata bit-Titolu III.

    Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tiġi preċizata u kompletata, safejn ikun meħtieġ, mir-Regoli tal-Proċedura. […]”

    Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

    4

    It-tielet titolu, intitolat “Fuq ir-Rikorsi Diretti”, tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, L 105, p. 1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2015, jinkludi l-Kapitolu I, li huwa intitolat “Dispożizzjonijiet Ġenerali”. Dan il-kapitolu huwa subdiviż f’ħames taqsimiet, u r-raba’ waħda fosthom, li tirrigwarda t-termini, tinkludi l-Artikoli 58 sa 62 ta’ dawn ir-regoli.

    5

    L-Artikolu 58 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jirrigwarda l-kalkolu tat-termini, jipprovdi:

    “1.   It-termini proċedurali previsti fit-Trattati, fl-Istatut u f’dawn ir-Regoli għandhom jiġu kkalkolati kif ġej:

    […]

    b)

    terminu espress […] f’xhur […] għandu jiskadi mat-tmiem tal-jum li, […] fl-aħħar xahar […], ikollu l-istess isem jew l-istess numru bħall-jum li matulu seħħ l-avveniment jew twettaq l-att li minnu għandu jiġi kkalkolat it-terminu; jekk, fil-każ ta’ terminu espress f’xhur […], il-jum stabbilit għall-iskadenza ta’ dan it-terminu ma jinzertax fl-aħħar xahar, it-terminu għandu jiskadi mat-tmiem tal-aħħar jum ta’ dan ix-xahar;

    […]”

    6

    L-Artikolu 60 ta’ dawn ir-regoli, intitolat “Terminu għal raġuni ta’ distanza”, jipprovdi:

    “It-termini proċedurali għandhom jiżdiedu b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.”

    7

    L-Artikolu 73 tal-istess regoli, intitolat “Preżentata fir-Reġistru ta’ att proċedurali fuq karta”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

    “B’deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 72(2), id-data u s-siegħa li fihom kopja kompleta tal-oriġinal iffirmat ta’ att proċedurali, […] tasal fir-Reġistru permezz ta’ faks, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali jekk l-oriġinal iffirmat tal-att […] jiġi ppreżentat fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara. L-Artikolu 60 ma huwiex applikabbli għal dan it-terminu ta’ għaxart ijiem.”

    8

    Dan l-Artikolu 73 tħassar bl-emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2018 (ĠU 2018, L 240, p. 68), li permezz tagħhom l-użu tal-applikazzjoni tal-informatika “e-Curia” sar obbligatorju għall-preżentata ta’ atti proċedurali.

    9

    Skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta rikors ikun manifestament inammissibbli, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin, mingħajr ma tkompli l-proċedura, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat.

    Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implementazzjoni tar-regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali

    10

    Taħt il-parti III.A.2, li tirrigwarda l-preżentata ta’ atti proċedurali u l-annessi tagħhom permezz ta’ faks, il-punti 79 sa 81 tad-Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implementazzjoni tar-regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 2015, L 152, p. 1) jipprovdu:

    “79.

    Id-data tal-preżentata ta’ att proċedurali permezz ta’ faks għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza ta’ terminu biss fil-każ li d-dokument oriġinali ffirmat bl-idejn mir-rappreżentant, li kien is-suġġett tat-trażmissjoni permezz ta’ faks, jiġi ppreżentat fir-Reġistru mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara, kif previst fl-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

    80.

    Id-dokument oriġinali ffirmat bl-idejn mir-rappreżentant għandu jintbagħat mingħajr dewmien, immedjatament wara li jintbagħat permezz ta’ faks, mingħajr ma jsirulu korrezzjonijiet jew emendi, lanqas dawk minuri.

    81.

    Fil-każ ta’ differenza bejn id-dokument oriġinali ffirmat bl-idejn mir-rappreżentant u l-kopja li tkun waslet preċedentement fir-Reġistru permezz ta’ faks, id-data li tittieħed inkunsiderazzjoni għandha tkun dik tal-preżentata ta’ dan id-dokument oriġinali ffirmat.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-digriet appellat

    11

    Billi r-rikors ta’ RF huwa rikors għal annullament, dan kellu, konformement mas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn dekorribbli, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li kontra tagħha r-rikors huwa indirizzat, min-notifika tagħha jew mill-jum li fih RF saret taf biha.

    12

    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kontenzjuża ġiet innotifikata lil RF fid-19 ta’ Settembru 2016. It-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn, miżjud bit-terminu tad-distanza ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kien jiskadi għalhekk fid-29 ta’ Novembru 2016 f’nofsillejl.

    13

    Fit-18 ta’ Novembru 2016, RF bagħtet lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ faks, ir-rikors għal annullament. Madankollu, l-oriġinal iffirmat ta’ dan ir-rikors wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali biss fil-5 ta’ Diċembru 2016, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem dekorribbli minn meta ġiet irċevuta l-faks, previst fl-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    14

    B’ittri tal-20 ta’ Diċembru 2016, tas-7 ta’ Marzu 2017 u tad-19 ta’ Ġunju 2017, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali talab lill-appellanti informazzjoni dwar id-data li fiha d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet ikkomunikata lilha u spjegazzjonijiet dwar il-preżentata tardiva tar-rikors.

    15

    B’ittri tat-28 ta’ Diċembru 2016, tat-28 ta’ April 2017 u tas-27 ta’ Ġunju 2017, l-appellanti pprovdiet l-ispjegazzjonijiet mitluba.

    16

    B’mod partikolari, fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Diċembru 2016, RF sostniet li r-rikors fuq karta ntbagħat fl-istess jum li dan intbagħat lill-Qorti Ġenerali b’faks u, għalhekk, l-iktar kmieni possibbli fil-kuntest ta’ din id-data tal-aħħar. Skont l-appellanti, kien raġonevoli li wieħed iqis li r-rikors fuq karta kellu jasal għand il-Qorti Ġenerali qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali rċevietu biss fil-5 ta’ Diċembru 2016 kellu jitqies bħala li kien dewmien eċċezzjonali, skont l-Artikolu 45(2), moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li t-terminu ta’ għaxart ijiem tqies ukoll li huwa raġonevoli kemm mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali kif ukoll mid-dispożizzjonijiet prattiċi għall-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura (punt 80). RF ikkonkludiet li r-rikors kellu jitqies bħala li ġie ppreżentat fit-terminu.

    17

    Fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2017, RF bagħtet id-dokumenti li juru li l-pakkett li kien jinkludi l-oriġinal iffirmat tar-rikors kien ngħata lill-Poczta Polska, l-operatur postali prinċipali fil-Polonja, fit-18 ta’ Novembru 2016. Dan il-fatt jikkonferma li RF eżerċitat id-diliġenza meħtieġa sabiex tippreżenta r-rikors fuq karta fit-terminu ta’ għaxart ijiem dekorribbli mill-komunikazzjoni tiegħu bil-faks. Il-fatt li l-pakkett kien għadu fil-Polonja fit-2 ta’ Diċembru 2016 u ġie kkunsinnat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali biss fil-5 ta’ Diċembru 2016, jiġifieri 17‑il jum wara li ntbagħtet il-faks, ma huwiex imputabbli lilha.

    18

    F’din l-ittra, RF enfasizzat ukoll li t-trażmissjoni tar-rikors fuq karta ġiet fdata lil Poczta Polska minħabba garanziji mogħtija minn dan l-operatur pubbliku. Barra minn hekk, RF osservat li, mill-mument li hija għaddiet il-pakkett li kien jinkludi fih ir-rikors, dan kien kompletament barra mill-kontroll tagħha.

    19

    Wara li fakkret, fil-punt 15 tad-digriet appellat, in-natura ta’ ordni pubbliku tat-termini għall-preżentata ta’ rikors previsti fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 16 tal-imsemmi digriet, li ma humiex possibbli derogi minn dawn it-termini ħlief f’ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri.

    20

    Fil-punti 17 u 18 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċetti ta’ “forza maġġuri” jew ta’ “każ fortuwitu” jinvolvu element oġġettiv, marbut maċ-ċirkustanzi anormali u estranji għall-appellanti, u element suġġettiv marbut mal-obbligu, tagħha, li tkun ippreparata kontra l-konsegwenzi ta’ avveniment anormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, l-appellanti għandha tosserva bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, partikolarment, tkun diliġenti sabiex tosserva t-termini previsti. B’dan il-mod, il-kunċetti ta’ “forza maġġuri” u ta’ “każ fortuwitu” ma japplikawx għal sitwazzjoni fejn persuna diliġenti u avżata kienet oġġettivament f’pożizzjoni li tevita l-iskadenza ta’ terminu għall-preżentata ta’ rikors.

    21

    Il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 19 tal-imsemmi digriet, li, sabiex jiġi kklassifikat bħala “każ fortuwitu” jew “forza maġġuri”, avveniment għandu jkun ta’ natura inevitabbli, b’tali mod li dan l-avveniment isir il-kawża determinanti tad-dekadenza.

    22

    Fil-punt 20 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt li l-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha jipprevedi terminu ta’ għaxart ijiem ma jimplikax li t-twassil tal-posta li tinkludi l-oriġinal iffirmat tar-rikors f’terminu li jeċċedi għaxart ijiem jikkostitwixxi każ fortuwitu jew forza maġġuri. Fil-punt 21 ta’ dan id-digriet, hija enfasizzat li s-sempliċi dewmien fit-twassil tal-posta, mingħajr ebda ċirkustanzi partikolari oħra, bħal nuqqas ta’ funzjonament amministrattiv, diżastru naturali jew strajk, ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, każ fortuwitu jew każ ta’ forza maġġuri li minnu l-appellanti ma setgħetx tipproteġi ruħha.

    23

    Fil-punt 26 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-appellanti sempliċement indikat, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni mill-Qorti Ġenerali, minn naħa, li hija kienet bagħtet il-pakkett li kien fih l-oriġinal iffirmat tar-rikors b’posta rreġistrata bil-konferma tal-wasla tagħha u, min-naħa l-oħra, li, fid-dawl tal-għarfien tagħha, hija kienet qieset li, normalment, id-dokument mibgħut kellu jasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem. Il-Qorti Ġenerali qieset li, filwaqt li kienet ir-responsabbiltà tagħha li tissorvelja bir-reqqa l-proċedura tat-twassil tal-posta, l-appellanti ma ressqet ebda prova f’dan ir-rigward.

    24

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 27 tal-imsemmi digriet, li RF ma kienet invokat ebda ċirkustanza partikolari oħra, bħal nuqqas ta’ funzjonament amministrattiv, diżastru naturali jew strajk.

    25

    Fil-punt 28 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat għalhekk li l-appellanti ma kinitx ġabet il-prova, imposta fuqha, li t-tul taż-żmien tat-twassil tal-posta kien il-kawża determinanti tad-dekadenza, fis-sens li dan kien avveniment ta’ natura inevitabbli li minnu l-appellanti ma setgħetx tipproteġi ruħha.

    26

    Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 29 ta’ dan id-digriet, li RF ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri f’dan il-każ u, konsegwentement, ċaħdet ir-rikors għal annullament bħala manifestament inammissibbli.

    It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    27

    RF titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tannulla d-digriet appellat u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżaminaha mill-ġdid u tadotta deċiżjoni fil-mertu, li tista’ tiġi appellata;

    fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva f’din il-kawża huma ssodisfatti, tannulla d-digriet appellat u tilqa’, fl-intier tagħhom, it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    28

    RF titlob ukoll li jiġu ammessi ċerti dokumenti bħala provi ġodda.

    29

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tiċħad l-appell;

    tikkundanna lil RF għall-ispejjeż.

    Fuq it-talba sabiex jiġu ammessi provi ġodda

    30

    It-talba sabiex jiġu ammessi provi ġodda għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għal punti ta’ dritt, bl-esklużjoni ta’ kull evalwazzjoni ta’ fatti, b’mod li provi ġodda huma inammissibbli fl-istadju ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1995, Henrichs vs Il-Kummissjoni, C‑396/93 P, EU:C:1995:280, punt 14, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2008, Provincia di Ascoli Piceno u Comune di Monte Urano vs Apache Footwear et, C‑464/07 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2008:49, punt 12).

    Fuq l-appell

    31

    RF tqajjem erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

    Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    32

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 45 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, RF tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żbaljat meta assimilat, fil-punti 17 sa 22 tad-digriet appellat, il-kunċett ta’ “forza maġġuri” ma’ dak ta’ “każ fortuwitu”. Filwaqt li tirreferi għall-punt 22 tad-digriet tat-30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il-Kummissjoni (C‑138/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2256), RF tfakkar li t-terminu tad-distanza ta’ għaxart ijiem previst fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jikkorrispondi għat-trapass taż-żmien li fih kull posta, li toriġina minn kwalunkwe post fl-Unjoni, għandha normalment tkun tista’ tasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jista’ jiġi eskluż li dan it-trapass taż-żmien jinqabeż. Minn dan hija tikkonkludi li l-iskadenza ta’ dan it-terminu għal raġunijiet imputabbli lill-operatur postali taqa’ b’mod inkontestabbli taħt il-każ fortuwitu, jiġifieri ċirkustanzi imprevedibbli.

    33

    Dan l-argument huwa kkonfortat mill-punt 80 tad-Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implementazzjoni tar-regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jipprovdi li d-dokument oriġinali bil-firma tar-rappreżentant għandu jintbagħat mingħajr dewmien, immedjatament wara li jintbagħat bil-faks.

    34

    Fl-aħħar nett, RF issostni li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “każ fortuwitu” mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat toħloq diskriminazzjoni, peress li parti ddomiċiljata fil-Polonja ma tistax tibbenefika minn regola li tippermetti lill-partijiet b’residenza ġeografikament ’il bogħod mis-sede tal-Qorti Ġenerali li jibagħtu rikors b’faks. Fil-fatt, għal dawn il-partijiet, sa fejn l-oriġinal iffirmat jista’ jasal għand il-Qorti Ġenerali wara l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem, ma jkun hemm ebda utilità għalihom li jibagħtu r-rikors b’faks. Issa, dawn ma jistgħux ikunu meħtieġa li jmorru jippreżentaw ir-rikors tagħhom personalment fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

    35

    Bit-tieni aggravju tagħha, RF tqis li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn qieset li r-rikors kien manifestament inammissibbli.

    36

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-aggravji.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    37

    Għandu jiġi kkonstatat li, skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-osservanza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors, il-kunċetti ta’ “każ fortuwitu” u ta’ “forza maġġuri” jinkludu l-istess elementi u għandhom l-istess konsegwenzi ġuridiċi. Il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta fakkret, fil-punt 17 tad-digriet appellat, li dawn il-kunċetti jinkludu element oġġettiv, marbut maċ-ċirkustanzi anormali u estranji għall-appellanti, u element suġġettiv marbut mal-obbligu, tagħha, li tipproteġi ruħha mill-konsegwenzi tal-avveniment anormali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑195/91 P, EU:C:1994:412, punt 32; digrieti tat-8 ta’ Novembru 2007, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑242/07 P, EU:C:2007:672, punt 17; u tat-30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il-Kummissjoni, C‑138/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2256, punt 19).

    38

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-appellanti għandha tissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, b’mod partikolari, għandha tagħti prova ta’ diliġenza sabiex tosserva t-termini previsti (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑195/91 P, EU:C:1994:412, punt 32; digrieti tat-8 ta’ Novembru 2007, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑242/07 P, EU:C:2007:672, punt 17, u tat-30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il-Kummissjoni, C‑138/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2256, punt 19), u li l-kunċetti ta’ “każ fortuwitu” u ta’ “forza maġġuri” ma japplikawx għal sitwazzjoni fejn persuna diliġenti u avżata tkun oġġettivament f’pożizzjoni li tevita l-iskadenza ta’ terminu għall-preżentata ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Ferriera Valsabbia vs Il-Kummissjoni, 209/83, EU:C:1984:274, punt 22, u d-digriet tat-30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il-Kummissjoni, C‑138/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2256, punt 20).

    39

    Issa, f’dan il-każ, l-appellanti sempliċement tafferma li l-iskadenza tat-terminu tad-distanza ta’ għaxart ijiem previst mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali kienet dovuta għal raġunijiet imputabbli lill-operatur postali, mingħajr ma ġabet prova, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, li hija kienet ħadet il-miżuri xierqa kollha sabiex tipproteġi ruħha minn tali avveniment, billi l-fatt li bagħtet l-oriġinal iffirmat immedjatament wara l-komunikazzjoni tal-kopja bil-faks kien biss miżura waħda fost dawk li hija kellha tieħu għal dan l-iskop.

    40

    Tali konklużjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li l-fatt li r-Regoli tal-Proċedura jipprevedu terminu fiss ta’ għaxart ijiem sabiex jintbagħat l-oriġinal wara li dan ikun ġie kkomunikat elettronikament ma jimplikax li t-twassil tal-posta fi żmien itwal minn għaxart ijiem jikkostitwixxi każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri. Bħat-terminu tad-distanza fiss previst fl-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, it-terminu ta’ għaxart ijiem li jinsab fl-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni distanzi itwal jew iqsar li għandhom jiġu koperti u l-ħeffa li tvarja tal-operaturi postali. B’hekk, dan it-terminu ma jikkorrispondix għaż-żmien massimu ggarantit sabiex titwassal il-posta, iżda għat-trapass taż-żmien li fih kull posta, li toriġina minn kwalunkwe post fl-Unjoni, għandha normalment tkun tista’ tasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma jista’ jiġi eskluż li dan it-trapass ta’ żmien jinqabeż (ara, b’analoġija, id-digriet tat-30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il-Kummissjoni, C‑138/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2256, punt 22).

    41

    B’mod kuntrarju għal dak li l-appellanti ssostni, terminu għall-kunsinna tal-posta itwal minn għaxart ijiem ma huwiex avveniment imprevedibbli, iżda jikkostitwixxi possibbiltà li tista’ tirriżulta minkejja l-indikazzjonijiet tal-operaturi postali.

    42

    B’hekk, is-sempliċi dewmien fit-twassil tal-posta ma jistax jikkostitwixxi, mingħajr ċirkustanzi partikolari oħra, każ fortuwitu jew każ ta’ forza maġġuri li minnu l-appellanti ma setgħetx tipproteġi ruħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il-Kummissjoni, C‑138/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2256, punt 23).

    43

    Għall-istess raġunijiet, ma jistax jiġi dedott mill-punt 80 tad-Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implementazzjoni tar-regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali li, meta d-dokument oriġinali li jkollu l-firma tar-rappreżentant ikun intbagħat mingħajr dewmien, immedjatament wara l-komunikazzjoni tiegħu b’faks, kull wasla ta’ dan id-dokument wara t-terminu ta’ għaxart ijiem għandha titqies li taqa’ taħt każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet prattiċi, li jinkludu spjegazzjonijiet u pariri għall-partijiet, sabiex joqogħdu attenti għall-osservanza tat-termini, ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, imorru kontra l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    44

    Fir-rigward tal-eżistenza ta’ allegata diskriminazzjoni li tirriżulta mill-ġurisprudenza marbuta mal-kunċett ta’ “każ fortuwitu”, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset f’diversi okkażjonijiet li l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar it-termini proċedurali tista’ tiġi dderogata biss f’ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tirrifletti r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (digriet tat-8 ta’ Novembru 2007, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑242/07 P, EU:C:2007:672, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    Il-fatt li ma huwiex aċċettat li dewmien tas-servizzi postali jista’ fih innifsu jikkostitwixxi każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri huwa regola applikabbli għall-partijiet kollha, indipendentement mill-post tar-residenza tagħhom jew mill-post li minnu jintbagħat id-dokument ikkonċernat. L-applikazzjoni ta’ din ir-regola tippermetti li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju tal-partijiet, billi ebda waħda minnhom ma tkun iffavorita meta tinvoka u tipprova l-okkorrenza mhux mistennija ta’ każ fortuwitu jew ta’ każ ta’ forza maġġuri.

    46

    Konsegwentement, l-ewwel żewġ aggravji għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq it-tielet aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    47

    Permezz tat-tielet aggravju, RF tikkritika lill-Qorti Ġenerali li qieset b’mod żbaljat li hija ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ każ fortuwitu, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u tikkritika f’dan ir-rigward il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punt 26 tad-digriet appellat. Hija ssostni li huwa diffiċli li wieħed jimmaġina liema “miżuri addizzjonali” hija setgħet tieħu sabiex tevita dewmien fil-kunsinna tal-pakkett, sa fejn hija eżaminat it-traġitt tal-kunsinna fl-ambitu tas-servizz ta’ “Tracking”, anki jekk, minn ċertu mument, hija tilfet il-kontroll sussegwenti tal-posta. Hija tqis li t-teżi tal-Qorti Ġenerali li hija seta’ jkollha influwenza fuq it-terminu għall-kunsinna tal-posta hija manifestament infondata.

    48

    Il-Kummissjoni tqis li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, sa fejn l-appellanti, mingħajr ma tallega żnaturament tal-provi miġjuba quddiem il-Qorti Ġenerali, tikkontesta l-evalwazzjoni li din tal-aħħar għamlet tagħhom.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    49

    Għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 26 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-appellanti stess kienet indikat li hija kienet bagħtet il-pakkett li jinkludi l-oriġinal iffirmat tar-rikors b’posta rreġistrata bil-konferma tal-wasla tagħha, iżda ma wriet li ħadet ebda pass ieħor. Fil-punt 27 tal-imsemmi digriet, il-Qorti Ġenerali rrilevat li RF ma kienet invokat ebda ċirkustanza partikolari, bħal nuqqas ta’ funzjonament amministrattiv, diżastru naturali jew strajk. Fil-punt 28, hija kkonkludiet li l-appellanti ma ġabitx il-prova, imposta fuqha, li t-tul taż-żmien tat-twassil tal-posta kien il-kawża determinanti tad-dekadenza, fis-sens li dan kien avveniment ta’ natura inevitabbli li minnu l-appellanti ma setgħetx tipproteġi ruħha.

    50

    Issa, tali elementi jikkostitwixxu konstatazzjonijiet ta’ fatt u evalwazzjonijiet ta’ provi li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ, mingħajr ħsara għall-każ ta’ żnaturament ta’ provi, li ma ġiex allegat f’dan il-każ. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell hija limitata għall-punti ta’ dritt.

    51

    Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet fattwali, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 29 tad-digriet appellat, li l-appellanti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri f’dan il-każ.

    52

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

    Fuq ir-raba’ aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    53

    Permezz tar-raba’ aggravju, RF tqis li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li d-dewmien tal-operatur postali li wassal għall-iskadenza tat-terminu tad-distanza ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “każ fortuwitu”, tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Hija ssostni li din l-interpretazzjoni twassal għal inugwaljanza fit-trattament skont il-post tad-domiċilju u, konsegwentement, hija diskriminatorja. Skont RF, ir-restrizzjoni li din tikkawża għad-drittijiet fundamentali inkwistjoni la hija indispensabbli u lanqas proporzjonata mal-għan intiż.

    54

    Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju huwa inammissibbli, peress li dan huwa wisq vag, u, fi kwalunkwe każ, huwa infondat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    55

    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa llum espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jikkorrispondi fid-dritt tal-Unjoni għall-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    Dan il-prinċipju, li jiżgura li kull persuna tingħata smigħ xieraq, ma jipprekludix li jiġi previst terminu għall-preżentata ta’ azzjoni legali (digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni, C‑73/10 P, EU:C:2010:684, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma huwiex affettwat bl-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-termini tal-proċedura, li, skont ġurisprudenza stabbilita, tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni, C‑73/10 P, EU:C:2010:684, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    58

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li deroga mill-imsemmija regola ma tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li huma involuti drittijiet fundamentali. Fil-fatt, ir-regoli dwar it-termini għall-preżentata ta’ rikors huma ta’ ordni pubbliku u għandhom jiġu applikati mill-qorti b’mod li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-liġi (digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni, C‑73/10 P, EU:C:2010:684, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Fl-aħħar nett, kif jirriżulta wkoll mill-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tar-regola li tipprovdi li dewmien tas-servizzi postali ma jistax waħdu jkun l-oriġini tal-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri tippermetti li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju tal-partijiet, peress li ebda waħda minnhom ma għandha tiġi ffavorita meta din tinvoka u tipprova l-okkorrenza mhux mistennija ta’ każ fortuwitu jew ta’ każ ta’ forza maġġuri.

    60

    Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju huwa infondat.

    61

    Peress li ebda aggravju ma ntlaqa’, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    62

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    63

    Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna ta’ RF għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li RF tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    It-talba sabiex jiġu ammessi provi ġodda hija miċħuda.

     

    2)

    L-appell huwa miċħud.

     

    3)

    RF hija kkundannata ssostni, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

    Top