EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0644

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-3 ta’ Lulju 2019.
Kawża mressqa minn Eurobolt BV.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Dritt għal rimedju effettiv – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju nazzjonali ta’ miżura tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 15(2) – Komunikazzjoni lill-Istati Membri, mhux iktar tard minn għaxart ijiem tax-xogħol qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv, bl-informazzjoni rilevanti kollha – Kunċett ta’ “informazzjoni rilevanti” – Rekwiżit formali – Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 723/2011 – Estensjoni tad-dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina għal importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Malasja – Validità.
Kawża C-644/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:555

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Dritt għal rimedju effettiv – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju nazzjonali ta’ miżura tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 15(2) – Komunikazzjoni lill-Istati Membri, mhux iktar tard minn għaxart ijiem tax-xogħol qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv, bl-informazzjoni rilevanti kollha – Kunċett ta’ “informazzjoni rilevanti” – Rekwiżit formali – Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 723/2011 – Estensjoni tad-dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina għal importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Malasja – Validità”

Fil-Kawża C‑644/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Novembru 2017, fil-kawża mressqa minn

Eurobolt BV

fil-preżenza ta’:

Staatsecretaris van Financiën

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Eurobolt BV, minn C. van Oosten,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u A. M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. De Luca u P. Gentili, avvocati dello Stato,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn H. Marcos Fraile u B. Driessen, bħala aġenti, assistiti minn N. Tuominen, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Ronkes Agerbeek, H. Krämer, N. Kuplewatzky u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009 L 343, p. 51, u r-rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011 tat-18 ta’ Lulju 2011 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2011 L 194, p. 6).

2

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn Eurobolt BV, dwar l-impożizzjoni ta’ dazji għall-importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar fl-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

3

Fiż-żmien tal-fatti dwar l-oriġini tal-kawża prinċipali, l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea kienet irregolata mir-Regolament bażiku.

4

Il-premessi 12, 24 u 25 ta’ dan ir-regolament kienu jistabilixxu li:

“(12)

Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit il-mod li fih il-partijiet interessati għandhom jiġu mogħtija notifikazzjoni ta’ l-informazzjoni li l-awtoritajiet jeħtieġu, u għandu jkollhom opportunità biex jippreżentaw l-evidenza kollha rilevanti u biex jiddefendu l-interessi tagħhom. Huwa wkoll mixtieq li jiġu stabbiliti b’mod ċar ir-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti matul l-investigazzjoni, b’mod partikolari r-regoli li permezz tagħhom il-partijiet interessati għandhom jagħmlu lilhom nfushom magħrufa, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jissottomettu informazzjoni f’limiti ta’ żmien speċifikati, jekk għandha tingħata attenzjoni għall-opinjonijiet bħal dawn u għal informazzjoni bħal din. Huwa wkoll xieraq li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet li taħthom parti interessata jista’ jkollha aċċess għal, u li tikkummenta fuq, l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet oħra interessati. […]

[…]

(24)

Huwa meħtieġ li jiġi previst li jiġi kkonsultat Kumitat Konsultattiv f’fażijiet regolari u speċifikati ta’ l-investigazzjoni. Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri b’rappreżentant tal-Kummissjoni bħala l-president.

(25)

L-informazzjoni li tingħata lill-Istati Membri fil-Kumitat Konsultattiv hi ħafna drabi ta’ natura teknika ferm u tinvolvi analiżi ekonomika u legali elaborata. Biex tagħti biżżejjed żmien lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jikkunsidraw din l-informazzjoni, għandha tintbagħat fi żmien xieraq qabel id-data tal-laqgħa ffissata mill-President tal-Kumitat Konsultattiv.”

5

Skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku:

“Min qiegħed jagħmel l-ilmenti, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, utenti u organizzazzjonijiet tal-konsumatur, li għamlu lilhom infushom magħrufa skond l-Artikolu 5(10), kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni jistgħu, fuq talba miktuba, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunklwe parti għal investigazzjoni, bħala distinta minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Komunità jew mill-Istati Membri tagħha, li hija rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 19, u li hija wżata fl-investigazzjoni. Partijiet bħal dawn jistgħu jirrispondu għal informazzjoni bħal din u l-kummenti tagħhom għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni, kull fejn huma sostanzjati biżżejjed fit-tweġiba.”

6

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Evażjoni”, jipprevedi:

“1.   Id-dazji ta’ kontra d-dumping imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kemm jekk le; jew għal importazzjonijiet ta’ prodotti simili ftit modifikati mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri; jew għal partijiet minnhom, meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ. Id-dazji ta’ kontra d-dumping li ma jeċċedux [i]d-dazju residwu ta’ kontra d-dumping impost skond l-Artikolu 9(5) jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali fil-pajjiżi li huma suġġetti għall-miżuri fejn qed [tkun] titwettaq l-evażjoni. Evażjoni għandha tiġi mfissra bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-Komunità, li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom [ikun] hemm raġuni tajba jew [minn] ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xhieda ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju [jkunu] qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew [tal]-kwantitajiet ta’ prodott simili, u fejn ikun hemm xhieda ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2.

[…]

3.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ l-Istati Membri jew xi parti interessata fuq il-bażi ta’ xiedha suffiċjenti rigward il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu ta’ l-investigazzjonijiet għandu jsir, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, permezz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jista’ ukoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jagħmlu l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li jitolbu garanziji. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, li tista’ tkun assistita minn awtoritajiet doganali u għandhom jintemmu fi żmien disa’ xhur. Jekk il-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta tiġi adottata mill-Kunsill kemm-il darba ma jiddeċiedix b’maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xahar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni. L-estensjoni tibda’ sseħħ mid-data li fiha [tkun] ġiet imposta r-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li fiha [jkunu] ġew mitluba l-garanziji. Id-disposizzjonijiet rilevanti dwar proċedura ta’ dan ir-Regolament rigward il-bidu u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet għandhom jgħoddu bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu.

[…]”

7

L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “Konsultazzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Kwalunkwe konsultazzjonijiet li jagħmel tajjeb għalihom dan ir‑Regolament għandhom iseħħu fi ħdan Kumitat konsultattiv li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ kull stat Membru, b’rappreżentant tal‑Kummissjoni bħala president. Il-konsultazzjonijiet għandhom iseħħu immedjatament fuq talba ta’ Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, u f’kull każ f’perjodu ta’ żmien li jippermetti li l-limiti ta’ żmien stabbiliti b’dan ir-Regolament jinżammu.

2.   Il-Kumitat għandu jiltaqa’ meta jkun imsejjaħ mill-President tiegħu. Huwa għandu jibgħat lill-Istati Membri, kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa, l-informazzjoni rilevanti kollha.

3.   Fejn ikun hemm bżonn, konsultazzjoni tista’ tkun bil-miktub biss; f’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri u għandha tispeċifika perjodu li fi żmienu għandhom ikunu intitolati li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom jew li jitolbu konsultazzjoni orali li l-president għandu jirranġa, sakemm konsultazzjoni orali bħal din tista titwettaq fi żmien perjodu ta’ żmien li jippermetti li l-limiti ta’ żmien stabbiliti minn dan ir-Regolament jiġu segwiti.

4.   Il-Konsultazzjoni għandha tkopri, b’mod partikolari:

a)

l-eżistenza ta’ dumping u l-metodi li jistabilixxu l-marġini ta’ dumping;

b)

l-eżistenza u l-grad tal-ħsara;

c)

ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u l-ħsara;

d)

il-miżuri li, fiċ-ċirkustanzi, huma xierqa biex jipprevjenu jew jirrimedjaw il-ħsara kkawżata minn dumping u l-mezzi u l-metodi ta’ tqegħid fis-seħħ ta’ dawn il-miżuri.”

8

Fis-26 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 29, p. 1).

9

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 966/2010 tas-27 ta’ Ottubru 2010 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li jitilqu mill-Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU 2010, L 282, p. 29), il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fuq inizjattiva tagħha stess, bdiet investigazzjoni dwar l-evażjoni possibbli tal-miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina.

10

Barra minn hekk, fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 966/2010, il-Kummissjoni ordnat lill-awtoritajiet doganali biex jagħmlu obbligatorja r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet koperti minn dak ir-regolament.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Eurobolt hija kumpannija bis-sede tagħha f’’s-Heerenberg (il-Pajjiżi l-Baxxi), li tikkumerċjalizza qfieli tal-ħadid u tal-azzar li hija tixtri mill-manifatturi u l-fornituri stabbiliti fl-Asja bil-għan li tbigħhom fl-Unjoni.

12

Wara l-impożizzjoni bir-Regolament Nru 91/2009 tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina, Eurobolt iddeċiediet li tixtri tali qfieli minn żewġ manifatturi fil-Malasja, jiġifieri TZ Fasteners (iktar ’il quddiem “TZ”) u HBS Fasteners Manufacturing (iktar ’il quddiem “HBS”).

13

Matul il-perijodu bejn id-29 ta’ Ottubru 2010 u l-4 ta’ Awwissu 2011 Eurobolt għamlet tnejn u tletin dikjarazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ qfieli tal-azzar, li kienu nxtraw mingħand HBS u mingħand TZ. Il-Malasja kienet indikata bħala l-pajjiż ta’ oriġini. Skont ir-Regolament Nru 966/2010 l-awtoritajiet doganali rreġistraw dawk il-qfieli u rrilaxxawhom għal ċirkulazzjoni libera mingħajr ma talbu l-ħlas ta’ dazji antidumping.

14

Wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u dawk tal-Malasja, l-importaturi magħrufa f’dawn il-pajjiżi, inkluża Eurobolt, u l-industrija kkonċernata tal-Unjoni ġew infurmati mill-Kummissjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni prevista fl-imsemmi regolament.

15

HBS u TZ għamlu lilhom innifishom magħrufa mal-Kummissjoni dwar dik l-investigazzjoni u bagħtu t-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju dwar l-antidumping. Eurobolt ukoll għamlet lilha nnifisha magħrufa bħala parti interessata.

16

B’ittra tas-26 ta’ Mejju 2011 il-Kummissjoni bagħtet lil Eurobolt dak li hija kienet sabet preliminarjament fl-investigazzjoni. Fit-13 ta’ Ġunju 2011, Eurobolt wieġbet għal din l-ittra bil-miktub fit-terminu impost fuqha. Il-Kumitat Konsultattiv iltaqa’ fil-15 ta’ Ġunju 2011.

17

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011 id-dazju antidumping definittiv impost fuq ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar miċ-Ċina kien estiż għal ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Malasja jew le.

18

Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti wettqu kontrolli wara l-importazzjoni, fuq Eurozolt li b’riżultat tagħhom din intalbet tħallas dazji antidumping li jammontaw għal EUR 587 802.20.

19

Wara li ressqet, mingħajr suċċess, ilment kontra l-impożizzjoni ta’ dawn id-dazji antidumping fl-uffiċċju doganali Nijmegen (il-Pajjiżi l-Baxxi), Eurobolt ippreżentat appell quddiem ir-Rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali tal-Provinċja ta’ Noord-Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn sostniet, b’mod partikolari, l-invalidità tal-estensjoni, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011, tad-dazju antidumping impost mir-Regolament Nru 91/2009 għall-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati ikkunsinjati mill-Malasja.

20

Billi dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors f’sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2013, hija appellat għall-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li, permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Settembru 2015, irrifjutat ukoll it-talba ta’ Eurobolt billi kkunsidrat, b’mod partikolari, li ma kienx hemm lok li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011.

21

Fit-12 ta’ Ottubru 2015, Eurobolt ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-Kummissjoni ssostni li dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni huwa invalidu fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku minħabba li d-drittijiet tad-difiża tiegħu ġew miksura mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni. Bi ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni naqset milli tikkomunika lill-membri tal-Kumitat Konsultattiv mill-inqas għaxart ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa ma’ dan tal-aħħar, l-informazzjoni essenzjali li Eurobolt kienet bagħtitilha.

22

F’dak il-kuntest il-qorti tar-rinviju, l-ewwel nett, għandha dubji dwar il-portata tax-xogħol li jkollhom jagħmlu l-qrati nazzjonali meta jistħarrġu atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-iktar b’riferiment għall-Artikolu 47 tal-Karta. It-tieni, din il-qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli proċedurali jista’ jirriżulta fl-annullament ta’ att abbażi ta’ ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu stabbilit f’dik id-dispożizzjoni huwiex tali li jirriżulta fl-invalidità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

a)

L-Artikolu 47 tal-[Karta], moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna kkonċernata tista’ tinvoka l-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, tat-Trattati jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tagħhom jew mal-użu ħażin ta’ poter insostenn tal-kontestazzjoni tagħha tal-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni li għandu jiġi implementat minn awtoritajiet nazzjonali?

b)

L-Artikolu 47 tal-[Karta], moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li pparteċipaw fit-tfassil ta’ att li l-validità tiegħu hija kkontestata fi proċedura quddiem il-qorti nazzjonali huma obbligati li jikkomunikaw lil din tal-aħħar, fuq talba, l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħhom u li ħadu jew li jmisshom ħadu inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni ta’ dan l-att?

c)

L-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal rimedju effettiv jimponi fuq il-qorti li tivverifika, mingħajr ebda riżerva, l-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament [bażiku]? Dan l-Artikolu 47 jimplika, b’mod partikolari, li din il-qorti hija kompetenti sabiex tevalwa b’mod sħiħ jekk il-konstatazzjoni tal-fatti kinitx eżawrjenti u jekk din hijiex adegwata fir-rigward tal-konsegwenzi legali li ġew invokati? B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni timplika wkoll li din il-qorti hija kompetenti sabiex tevalwa b’mod sħiħ jekk kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti li allegatament ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċess deċiżjonali, iżda li setgħu jċaħħdu mill-effett tagħhom il-konsegwenzi legali marbuta mal-fatti li kienu tassew ittieħdu inkunsiderazzjoni?

2)

a)

Il-kunċett ta’ ‘informazzjoni rilevanti kollha’ fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu l-osservazzjonijiet li importatur indipendenti, stabbilit fl-Unjoni, tal-prodotti li huma s-suġġett tal-investigazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, ikun ippreżenta bħala tweġiba għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, jekk dan l-importatur ikun ġie informat mill-Kummissjoni dwar din l-investigazzjoni, ikun ikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba u jkun wieġeb fil-ħin għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni wara li jkun ingħata l-opportunità sabiex jagħmel dan?

b)

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għad-domanda 2a, dan l-importatur jista’ jinvoka l-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament [bażiku] jekk l-osservazzjonijiet li huwa jkun ippreżenta bħala tweġiba ma jkunux tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kumitat Konsultattiv previst f’din id-dispożizzjoni tal-inqas 10 ijiem ta’ xogħol qabel il-laqgħa ta’ dan tal-aħħar?

c)

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għad-domanda 2b, dan il-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament [bażiku] iwassal għall-illegalità ta’ dan l-att u jirrikjedi li l-applikazzjoni tiegħu tiġi skartata?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-parti a) u l-parti c) tal-ewwel domanda

24

Permezz tal-mistoqsija 1(a) u 1(c) tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jikkontesta l-validità ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, individwu jista’ jinvoka quddiem qorti nazzjonali lmenti li jistgħu jitressqu fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, inklużi lmenti li jallegaw nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-att.

25

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, skont l-Artikolu 267 TFUE, fuq il-validità ta’ atti meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma tistax tiġi limitata bil-motivi li abbażi tagħhom il-validità ta’ dawn l-atti tista’ tkun ikkontestata (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et, 21/72 sa 24/72, EU:C:1972:115, punt 5 kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C-162/96, EU:C:1998:293, punt 26).

26

Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għad-domanda 1(a) u 1(c) tkun li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jikkontesta l-validità ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, individwu jista’ jinvoka quddiem qorti nazzjonali lmenti li jistgħu jitressqu fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, inklużi lmenti li huma bbażati fuq nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ tali att.

Fuq id-domanda 1(b)

27

Permezz tad-domanda 1(b) tagħha il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali hija intitolata li titlob lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fit-tfassil ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li l-validità tiegħu hija kkontestata quddiemha, sabiex tikseb informazzjoni mingħandhom dwar il-kwistjonijiet li jkunu ħadu jew li kellhom dmir li jieħdu fl-adozzjoni ta’ dan l-att.

28

Għandu jitfakkar li l-qrati nazzjonali jistgħu jeżaminaw il-validità ta’ att tal-Unjoni u, jekk ma jqisux li l-bażi tal-invalidità tkun ibbażata fuq il-mozzjoni tagħhom jew imqajma mill-partijiet, jirrifjutaw dawk il-motivi billi jikkonkludu li l-miżura hija valida b’mod sħiħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia, 126/80, EU:C:1981:136, punt 7 u tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, EU:C:1987:452, punt 14). Min-naħa l-oħra, il-qrati nazzjonali ma għandhom l-ebda ġurisdizzjoni biex jikkonstataw li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma invalidi (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, Gaston Schul Douane-expediteur, C‑461/03, EU:C:2005:742, punt 17).

29

Minn dan isegwi li jekk il-motivi mressqa mill-partijiet ikunu biżżejjed biex jikkonvinċu lill-qorti nazzjonali dwar l-invalidità ta’ miżura tal-Unjoni, din għandha, fuq din il-bażi biss, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tagħha, mingħajr ma twettaq ebda investigazzjoni ulterjuri. Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452, punt 18), il-Qorti tal-Ġustizzja hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li l-atti tagħhom huma kkontestati, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom id-dritt li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biex jiddefendu l-validità ta’ dawn l-atti. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut, titlob lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew lill-organi li ma jkunux parti fil-kawża jagħtu l-informazzjoni kollha li hija tqis meħtieġa għall-finijiet tal-proċess.

30

Għalhekk, qorti nazzjonali għandha d-dritt li titlob lil istituzzjoni tal-Unjoni, qabel ma tadixxi eventwalment lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tikseb mingħandha informazzjoni u provi speċifiċi li hija tqis li huma meħtieġa sabiex tneħħi kull dubju dwar il-validità tal-miżura tal-Unjoni inkwistjoni u b’hekk tevita rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal evalwazzjoni ta’ validità.

31

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati li jikkooperaw in bona fede mal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, li huma responsabbli sabiex jiżguraw l-applikazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni fl-ordinament ġuridiku nazzjonali. Bħala tali, dawn l-istituzzjonijiet għandhom, f’konformità mal-Artikolu 4(3) TUE, jikkomunikaw lill-imsemmija awtoritajiet l-informazzjoni u d-dokumenti li jkunu talbu fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, sakemm ir-rifjut li jiġu kkomunikati ma jkunx iġġustifikat għal raġunijiet leġittimi, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ partijiet terzi jew ir-riskju ta’ ostakolu għall-funzjonament jew l-indipendenza tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-6 ta’ Diċembru 1990, Zwartveld et, C-2/88-IMM, EU:C:1990:440, punti 1011).

32

Għalhekk, ir-risposta għad-domanda 1(b) għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali għandha d-dritt li titlob rinviju minn qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja l-istituzzjonijiet tal-Unjoni involuti fit-tfassil ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li l-validità tagħha hija kkontestata quddiemha, sabiex tikseb informazzjoni u provi speċifiċi li hija tqis indispensabbli sabiex tneħħi kull dubju dwar il-validità tal-miżura tal-Unjoni kkonċernata u sabiex tevita rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal evalwazzjoni ta’ validità ta’ dan l-att.

Fuq it-tieni domanda

33

Permezz tal-punti (a) sa (c) tad-domanda 2, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011 hux invalidu skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku, fis-sens li l-osservazzjonijiet imressqa minn Eurobolt bħala tweġiba għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, ma kinux, bħala informazzjoni rilevanti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, disponibbli għall-kumitat konsultattiv prevista fl-imsemmija dispożizzjoni mhux iktar tard minn għaxart ijiem utli qabel il-laqgħa tiegħu.

34

Preliminarjament, ta’ min jinnota li, kif jidher ċar mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, il-konsultazzjonijiet previsti f’dan ir-regolament għandhom isiru fi ħdan Kumitat Konsultattiv magħmul minn rappreżentanti ta’ kull Stat Membru u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

35

L-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-regolament jipprovdi li l-Kumitat Konsultattiv għandu jiltaqa’ meta msejjaħ mill-president tiegħu, li għandu jikkomunika lill-Istati Membri, “kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem utli qabel il-laqgħa, l-informazzjoni rilevanti kollha”.

36

Fil-każ preżenti, huwa komuni li l-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv saret fil-15 ta’ Ġunju 2011, jiġifieri jumejn wara Eurobolt ippreżentat, fit-terminu stabbilit għal dak il-għan, il-kummenti tagħha b’tweġiba għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

37

Sabiex wieħed iwieġeb għad-domanda dwar jekk l-Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku ġiex miksur b’tali mod li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011 sar invalidu, jeħtieġ li jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk dawk l-osservazzjonijiet kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “informazzjoni rilevanti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-formulazzjoni ġenerali użata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku, il-kunċett ta’ “informazzjoni rilevanti” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ ħafna. Bl-istess mod, billi, skont l-istess termini, l-informazzjoni rilevanti “kollha” għandha tiġi kkomunikata lill-Istati Membri, jirriżulta ċar minn dik id-dispożizzjoni li hija tirrigwarda l-informazzjoni kollha possibbli tal-Kumitat Konsultattiv.

39

Barra minn hekk, il-premessa 12 tal-imsemmi regolament tenfasizza l-importanza tal-possibbiltà għall-partijiet interessati li jinstemgħu u li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni.

40

F’dan il-każ, l-osservazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tressqu minn Eurobolt bħala parti interessata f’investigazzjoni mibdija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku. L-għan ta’ dawn l-osservazzjonijiet kien li jwieġbu għall-konklużjonijiet provviżorji li l-Kummissjoni adottat.

41

B’hekk Eurobolt wasslet il-perspettiva tagħha u kkomunikat l-informazzjoni skont l-Artikolu 6(7) ta’ dan ir-regolament.

42

B’konsegwenza ta’ dan, u kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 47 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-osservazzjonijiet ta’ Eurobolt kienu elementi utli ta’ informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku.

43

Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni ġiet injorata sa fejn dawk l-osservazzjonijiet ma ġewx ikkomunikati lill-Istati Membri mhux iktar tard minn għaxart ijiem utli qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv, kif ġie rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

44

Għalhekk huwa xieraq li jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk dan il-ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku huwiex tali li jagħmel ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011 invalidu.

45

Hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping skont ir-Regolament bażiku, bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011, titwettaq abbażi ta’ proċedura, b’mod partikolari ta’ investigazzjoni, f’ċerti stadji fejn l-Istati Membri, irrappreżentati fil-Kumitat Konsultattiv, għandhom jiġu kkonsultati, kif indikat fil-premessa 24 tar-Regolament bażiku.

46

Huwa għall-finijiet ta’ din il-konsultazzjoni li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-informazzjoni rilevanti kollha għandha tiġi kkomunikata lill-Kumitat Konsultattiv, “kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 10 ijiem utli qabel il-laqgħa”.

47

F’dak ir-rigward, isegwi mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li hija redatta f’termini inkondizzjonati, li l-limitu ta’ żmien ta’ għaxart ijiem huwa vinkolanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑54/09 P, EU:C:2010:451, punt 46.

48

Huwa evidenti wkoll minn dik il-premessa 25 tar-Regolament bażiku li l-informazzjoni kkonċernata “hi ħafna drabi ta’ natura teknika ferm u tinvolvi analiżi ekonomika u legali elaborata”, it-terminu stabbilit fl-Artikolu 15(2) ta’ dan ir-regolament huwa maħsub biex jippermetti lill-Istati Membri rrappreżentati fil-Kumitat Konsultattiv żmien biżżejjed biex jeżaminaw din l-informazzjoni, b’mod seren, qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni, C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 102.

49

Barra minn hekk, l-għan ta’ dan it-terminu huwa wkoll li jippermetti lill-gvernijiet tal-Istati Membri, permezz tar-rappreżentanti tagħhom fil-Kumitat Konsultattiv, li jieħdu konjizzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha relatata ma’ investigazzjoni, sabiex dawk il-gvernijiet ikunu jistgħu, permezz ta’ konsultazzjonijiet interni u esterni, jiddefinixxu pożizzjoni bil-għan li jiġu ppreservati l-interessi ta’ kull wieħed minnhom fi ħdan dak il-kumitat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni, C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 103).

50

Fl-aħħar, għandu jingħad ukoll li t-terminu msemmi huwa maħsub sabiex jiżgura li l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet li l-partijiet interessati huma intitolati għalihom, kif irrilevat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, jiġu ppreżentati matul investigazzjoni, ikunu jistgħu jiġu meħuda debitament inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni fil ħdan il-Kumitat Konsultattiv.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif irrileva l-Avukat Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punti 61 u 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit li tiġi kkomunikata l-informazzjoni rilevanti kollha lill-Kumitat Konsultattiv mhux iktar tard minn għaxart ijiem utli qabel il-laqgħa ta’ dan tal-aħħar, stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku, jaqgħu taħt forom proċedurali sostanzjali tar-regolarità tal-proċedura u li l-ksur tagħhom iwassal għall-annullament tal-att ikkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑263/95, EU:C:1998:47, punt 32, u tal-20 ta’ Settembru 2017, Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni, C‑183/16 P, EU:C:2017:704, punt 114).

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta li tingħata għat-tieni domanda tkun li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 723/2011 huwa invalidu sa fejn ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament bażiku.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jikkontesta l-validità ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, individwu jista’ jinvoka quddiem qorti nazzjonali lmenti li jistgħu jitressqu fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, inklużi lmenti li huma bbażati fuq nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ tali att.

 

2)

L-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali għandha d-dritt li tfittex rinviju minn qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea involuti fit-tfassil ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li l-validità tagħha hija kkontestata quddiemha, sabiex tikseb informazzjoni u provi speċifiċi li hija tqis indispensabbli sabiex tneħħi kull dubju dwar il-validità tal-miżura tal-Unjoni kkonċernata u sabiex tevita rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal evalwazzjoni ta’ validità ta’ dan l-att.

 

3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011 tat‑18 ta’ Lulju 2011 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le, huwa invalidu, peress li ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top