EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0639

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-17 ta’ Jannar 2019.
SIA „KPMG Baltics” vs SIA „Ķipars AI”.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Augstākā tiesa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ ħlas u ta’ settlement ta’ titoli – Direttiva 98/26/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘ordni ta’ trasferiment’ – Ordni ta’ ħlas mogħtija mid-detentur ta’ kont kurrenti ordinarju lil istituzzjoni ta’ kreditu li sussegwentement ġiet iddikjarata insolventi.
Kawża C-639/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:31

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ ħlas u ta’ settlement ta’ titoli – Direttiva 98/26/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘ordni ta’ trasferiment’ – Ordni ta’ ħlas mogħtija mid-detentur ta’ kont kurrenti ordinarju lil istituzzjoni ta’ kreditu li sussegwentement ġiet iddikjarata insolventi”

Fil-Kawża C‑639/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

SIA “KPMG Baltics”, li qed taġixxi bħala amministratur ġudizzjarju ta’ AS “Latvijas Krājbanka”,

vs

SIA “Ķipars AI”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SIA “KPMG Baltics”, li qed taġixxi bħala amministratur ġudizzjarju ta’ AS “Latvijas Krājbanka”, minn J. Ozoliņš,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u E. Petrocka-Petrovska, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Rocchitta, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement [u] ta’ pagamenti u [ta’] titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 107), kif emendata bid-Direttiva 2009/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 146, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/26”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SIA “KPMG Baltics”, li qed taġixxi bħala amministratur ġudizzjarju ta’ AS “Latvijas Krājbanka”, u SIA “Ķipars AI”, dwar l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas mogħtija minn din tal-aħħar lil Latvijas Krājbanka.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 1 sa 4 tad-Direttiva 98/26 jistipulaw:

“(1)

Billi r-rapport ta’ Lamfalussy ta’ 1990 lill-Gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Grupp ta’ l-Għaxra wera r-riskju sistematiku importanti inerenti fis-sistema tal-ħlas li jopera fuq il-bażi ta’ diversi tipi legali ta’ totalizzar ta’ ħlasijiet, partikolarment totalizzar multilaterali; billi t-tnaqqis ta’ riskji legali assoċjati mas-sehem fis-sistemi tal-grossi fil-ħin reali huwa ta’ importanza enormi, meqjusa ż-żieda fl-iżvilupp ta’ dawn is-sistemi.

(2)

Billi huwa wkoll ta’ importanza massima li jitnaqqas ir-riskju assoċjat mal-parteċipazzjoni fis-sistemi ta’ settlement ta’ titoli, partikolarment fejn hemm konnessjoni mill-qrib bejn sistemi bħal dawn u sistemi ta’ ħlasijiet.

(3)

Billi din id-Direttiva għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-operazzjoni effiċjenti u konvenjenti ta’ ħlasijiet transfruntieri u arranġamenti għas-settlement ta’ titoli fil-Komunità, li ssaħħaħ il-libertà ta’ moviment tal-kapital fis-suq intern; […]

(4)

Billi huwa mixtieq li l-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jimmiraw sabiex jimminimizzaw id-disturbi għas-sistema li jinħolqu minn proċeduri ta’ insolvenza kontra parteċipant f’dik is-sistema”.

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal:

(a)

xi sistema kif definita fl-Artikolu 2(a), irregolata bil-liġi ta’ Stat Membru u li topera f’kull munita, l-euro jew il-muniti varji li s-sistema tikkonverti waħda ma’ l-oħra;

(b)

kull parteċipant f’sistema bħal din;

(ċ)

sigurtà kollaterali pprovduta b’konnessjoni ma’:

parteċipazzjoni f’sistema, jew

operazzjonijiet tal-banek ċentrali tal-Istati Membri jew tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-kuntest tal-funzjoni tagħhom bħala banek ċentrali.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘sistema’ għandha tfisser arranġament formali:

bejn tliet parteċipanti jew aktar, minbarra l-operatur tas-sistema ta’ dik is-sistema, aġent għas-settlement potenzjali, kontroparti ċentrali potenzjali, clearing house potenzjali jew parteċipant indirett potenzjali, b’regoli komuni u arranġamenti standardizzati għall-clearing, kemm permezz ta’ kontroparti ċentrali kif ukoll mingħajru jew l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment bejn il-parteċipanti,

irregolati bil-liġi ta’ Stat Membru magħżul mill-parteċipanti; il-parteċipanti jistgħu, madankollu, jagħżlu biss il-liġi ta’ Stat Membru f’liema wieħed minnhom għandu l-uffiċċju ewlieni tagħhom, u

innominati, mingħajr preġudizzju għal kundizzjonijiet l-oħra aktar ħorox ta’ l-implimentazzjoni ġenerali ddettata mil-liġi nazzjonali, bħala sistema u notifikata lill-Kummissjoni mill-Istat Membru li l-liġi tiegħu hija applikabbli, wara li dak l-Istat Membru jkun sodisfatt skond kemm ir-regoli tas-sistema jkunu addattati.

[…]

(b)

‘istituzzjoni’ għandha tfisser:

istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fl-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u ż-żamma ta’ negozju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2006, L 177, p. 1)] inklużi l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva,

ditta ta’ investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263)], ħlief l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tagħha,

awtoritajiet pubbliċi u impriżi b’garanzija pubblika, jew

kull impriża li l-uffiċċju ewlieni tagħha huwa ’l barra mill-[Unjoni] u li l-funzjonijiet tagħha jikkorrispondu ma’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-[Unjoni] jew azjendi ta’ l-investiment kif definiti fl-ewwel u t-tieni subinċiżi,

li jieħdu sehem fis-sistema u li hija responsabbli mil-liberazzjoni ta’ l-obbligazzjonijiet finanzjarji li jiġu minn ordnijiet ta’ trasferiment fi ħdan dik is-sistema.

[…]

(ċ)

‘kontraparti ċentrali’ għandha tfisser entità li tintervjeni bejn l-istituzzjonijiet fis-sistema u li taġixxi bħala l-kontraparti esklussiva ta’ dawn l-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ l-ordnijiet tagħhom ta’ trasferiment;

(d)

‘aġent għall-ħlas’ għandu jfisser entità li tipprovdi lill-istituzzjonijiet u/jew lill-kontraparti ċentrali li jieħu sehem fis-sistemi, kontijiet tal-ħlas li permezz tagħhom ordnijiet ta’ trasferiment fi ħdan sistemi bħal dawn jitħallsu u, skond il-każ, kreditu estiż lil dawk l-istituzzjonijiet u/jew kontrapartijiet ċentrali għall-għanijiet ta’ ħlas;

(e)

‘stabbiliment ta’ rilaxx’ għandu jfisser entità responsabbli għall-kalkolazzjoni tal-pożizzjoni netta ta’ l-istituzzjonijiet, possibbilment kontraparti ċentrali u/jew possibbilment aġent għall-ħlas;

(f)

‘parteċipant’ għandha tfisser istituzzjoni, kontroparti ċentrali, aġent għas-settlement, clearing house jew operatur tas-sistema.

Skond ir-regoli tas-sistema, l-istess parteċipant jista’ jaġixxi bħala kontraparti ċentrali, aġent għall-ħlas jew stabbiliment ta’ rilaxx jew iwettaq parti minn, jew dawn il-ħidmiet kollha.

Stat membru jista’ jiddeċiedi li għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva parteċipant indirett jista’ jitqies bħala parteċipant jekk dan ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ riskju sistematiku. Fejn parteċipant indirett jitqies li jkun parteċipant abbażi ta’ riskju sistemiku, dan ma jillimitax ir-responsabilità tal-parteċipant li permezz tiegħu l-parteċipant indirett jgħaddi l-ordnijiet ta’ trasferiment lis-sistema;

g)

‘parteċipant indirett’ għandha tfisser istituzzjoni, kontroparti ċentrali, aġent għas-settlement, clearing house jew operatur tas-sistema b’relazzjoni kuntrattwali ma’ parteċipant f’sistema li teżegwixxi ordnijiet ta’ trasferiment li jippermettu li l-parteċipant indirett jgħaddi l-ordnijiet ta’ trasferiment mis-sistema; sakemm l-parteċipant indirett ikun magħruf lill-operatur tas-sistema;

[…]

(i)

‘ordni ta’ trasferiment’ għandha tfisser:

kull istruzzjoni minn parteċipant sabiex jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ riċevitur ammont ta’ flus permezz ta’ reġistrazzjoni fil-kontijiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, bank ċentrali, kontroparti ċentrali jew aġent għas-settlement, jew kwalunkwe istruzzjoni li tirriżulta fis-suppożizzjoni jew fir-rilaxx ta’ obbligu ta’ ħlas kif definit mir-regoli tas-sistema, jew

struzzjoni minn parteċipant sabiex jitrasferixxi t-titolu lil, jew l-interess fi, sigurta jew titoli permezz ta’ reġistrazzjoni f’reġistru, jew b’mod ieħor;

[…]

(p)

‘operatur ta’ sistema’ għandha tfisser l-entità jew l-entitajiet legalment responsabbli għat-tħaddim ta’ sistema. Operatur ta’ sistema jista’ jaġixxi wkoll bħala aġent għas-settlement, kontroparti ċentrali jew clearing house.”

6

Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva:

“1.   L-ordnijiet ta’ trasferiment u t-totalizzar(netting) għandhom ikunu legalment infurzabbli u vinkolanti fuq partijiet terzi, anke fil-każ ta’ proċedimenti ta’ falliment kontra parteċipant, ladarba l-ordnijiet ta’ trasferiment ikunu ddaħħlu fis-sistema qabel il-mument tal-bidu ta’ tali proċedimenti ta’ falliment kif definit fl-Artikolu 6(1). Dan għandu japplika anke fil-każ ta’ proċedimenti ta’ falliment kontra parteċipant (fis-sistema kkonċernata jew f’sistema interoperabbli) jew kontra l-operatur tas-sistema ta’ sistema interoperabbli li mhuwiex parteċipant.

[…]

3.   Il-mument ta’ dħul ta’ ordni ta’ trasferiment fis-sistema għandu jkun definit mir-regoli ta’ dik is-sistema. Jekk hemm kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali li tirregola s-sistema dwar il-mument tad-dħul, ir-regoli ta’ dik is-sistema għandhom jaqblu mal-kondizzjonijiet bħal dawn.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Fis‑17 ta’ Novembru 2011, Ķipars IA, id-detentriċi ta’ kont kurrenti ordinarju ma’ Latvijas Krājbanka, tat lil din tal-aħħar ordni li tittrasferixxi l-fondi kollha disponibbli f’dan il-kont kurrenti lejn kont ieħor li hija kellha ma’ bank ieħor. Din l-ordni ddaħħlet fis-sistema ta’ settlement interna ta’ Latvijas Krājbanka, u l-fondi ġew iddebitati mill-kont kurrenti ta’ Ķipars AI u rreġistrati f’kont intermedjarju ta’ Latvijas Krājbanka għall-finijiet tat-trasferiment. Madankollu, l-ordni ta’ ħlas ma ġietx iffinalizzata, peress li, ftit sigħat wara, il-Finanšu un kapitāla tirgus komisija (il-Kummissjoni tas-Swieq Finanzjarji u ta’ Kapital, il-Latvja) ipprojbixxiet lil Latvijas Krājbanka twettaq kwalunkwe tranżazzjoni li tirrigwarda ammonti ta’ iktar minn EUR 100000 u, sussegwentement, dan il-bank ġie ddikjarat insolventi. KPMG Baltics inħatret bħala amministratur ġudizzjarju ta’ Latvijas Krājbanka.

8

Peress li l-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell laqgħu r-rikors ippreżentat minn Ķipars AI għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas, KPMG Baltics ippreżentat rikors ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-kuntest ta’ din l-aħħar proċedura, Ķipars AI invokat, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/26. Minkejja li l-qorti tar-rinviju tqis, bħala prinċipju, li din id-direttiva ma hijiex applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi u istituzzjonijiet ta’ kreditu u, għaldaqstant, għall-ordni ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija xorta għandha dubji fuq dan il-punt, peress li tqis li l-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, jista’ jkopri wkoll ordni ta’ ħlas bħal dan minħabba n-natura tat-trasferiment tal-fondi.

9

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kunċett ta’ ‘ordni ta’ trasferiment’ fis-sens tad-[Direttiva 98/26] jinkludi ordni ta’ ħlas mogħtija minn persuna li qed tiddepożita lil istituzzjoni ta’ kreditu għat-trasferiment ta’ fondi lil istituzzjoni oħra ta’ kreditu?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, l-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 98/26], li jipprovdi li ‘[l]-ordnijiet ta’ trasferiment u t-totalizzar (netting) għandhom ikunu legalment infurzabbli u vinkolanti fuq partijiet terzi, anke fil-każ ta’ proċedimenti ta’ falliment kontra parteċipant, ladarba l-ordnijiet ta’ trasferiment ikunu ddaħħlu fis-sistema qabel il-mument tal-bidu ta’ tali proċedimenti ta’ falliment kif definit fl-Artikolu 6(1). Dan għandu japplika anke fil-każ ta’ proċedimenti ta’ falliment kontra parteċipant (fis-sistema kkonċernata jew f’sistema interoperabbli) jew kontra l-operatur tas-sistema ta’ sistema interoperabbli li mhuwiex parteċipant’, għandu jiġi interpretat fis-sens li ordni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li ‘ddaħlet fis-sistema’ u għandha tiġi eżegwita?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

10

KPMG Baltics u l-Gvern Latvjan jikkontestaw, essenzjalment, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari, minħabba li l-ordni ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/26 u, għaldaqstant, il-kawża prinċipali ma tippreżenta l-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni.

11

F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex preċiżament li tistabbilixxi jekk l-ordni ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax jew le taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tad-Direttiva 98/26, u, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għalhekk, l-argument ta’ KPMG Baltics u tal-Gvern Latvjan li din l-ordni ta’ ħlas ma taqax taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni huwa indissoċjabbilment marbut mar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fuq il-mertu u, konsegwentement, ma għandux effett fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għall-imsemmija domanda (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, Wojciechowski, C‑408/14, EU:C:2015:591, punt 29, u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Staatssecretaris van Veiligheid en justitie (Effett sospensiv tal-appell), C‑180/17, EU:C:2018:775, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

12

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni domanda, din ġiet magħmula biss fl-ipoteżi ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, jiġifieri jekk l-ordni ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/26. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda wkoll ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

13

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.

Fuq id-domandi preliminari

14

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ordni ta’ ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħtija mid-detentur ta’ kont kurrenti ordinarju lil istituzzjoni ta’ kreditu u li tirrigwarda trasferiment ta’ fondi lejn istituzzjoni ta’ kreditu oħra, taqax taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tad-Direttiva 98/26, u, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

15

Kif jirriżulta mill-premessi 1 sa 4 ta’ din id-direttiva, din għandha l-għan li tnaqqas ir-riskju sistemiku u li tiżgura l-istabbiltà tas-sistemi ta’ ħlas u ta’ settlement ta’ titoli, billi jiġu mminimizzati d-disturbi għal sistema bħal din li jinħolqu minn proċedura ta’ insolvenza kontra wieħed mill-parteċipanti tagħha.

16

Għal dan l-għan, l-imsemmija direttiva tipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1) tagħha, li l-ordnijiet ta’ trasferiment għandhom ikunu legalment infurzabbli u vinkolanti fuq terzi, anki fil-każ ta’ proċedura ta’ insolvenza kontra parteċipant, sakemm dawn ikunu ddaħħlu fis-sistema qabel il-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza.

17

F’dan il-każ, l-ordni ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħatat minn Ķipars IA, id-detentriċi ta’ kont kurrenti ordinarju ma’ Latvijas Krājbanka, lil din tal-aħħar sabiex tittrasferixxi l-fondi kollha disponibbli f’dan il-kont kurrenti lejn kont li Ķipars AI kellha ma’ istituzzjoni ta’ kreditu oħra. Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali ordni ta’ ħlas taqax taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tad-Direttiva 98/26, u, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, għandu jsir riferiment kemm għall-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kif ukoll għad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tagħha.

18

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/26, id-dispożizzjonijiet tagħha huma applikabbli għal kwalunkwe sistema, kif iddefinita fl-Artikolu 2(a), għal kull parteċipant f’sistema bħal din, kif ukoll għas-sigurtà kollaterali pprovduta b’konnessjoni mal-parteċipazzjoni f’sistema bħal din jew fil-kuntest ta’ operazzjonijiet tal-banek ċentrali tal-Istati Membri jew tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-funzjoni tagħhom bħala banek ċentrali.

19

L-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sistema” bħala, essenzjalment, arranġament formali bejn mill-inqas tliet parteċipanti, li jinkludi regoli komuni u arranġamenti standardizzati għall-clearing jew l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment bejn il-parteċipanti.

20

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, mill-Artikolu 2(a), (b) u (i) tad-Direttiva 98/26 jirriżulta li dan ikopri biss l-istruzzjonijiet li jinvolvu obbligi finanzjarji li huma mogħtija min-naħa tal-parteċipanti f’tali sistema, fil-kuntest tagħha, lil parteċipanti oħra, li huma inkarigati li jwettquhom. Kuntrarjament, dan il-kunċett ma jkoprix l-istruzzjonijiet li jinvolvu obbligi finanzjarji li huma mogħtija minn terzi, barra minn sistema bħal din.

21

Din it-tifsira tal-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment” hija kkonfermata mill-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, li jissuġġetta l-protezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għall-ordnijiet ta’ trasferiment għall-kundizzjoni li dawn ikunu “ddaħħlu fis-sistema”.

22

Barra minn hekk u fuq kollox, l-imsemmija tifsira hija kkonfermata mill-fatt li, kif jirriżulta mill-punt 15 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija direttiva għandha għan speċifiku u limitat, li jitnaqqas ir-riskju sistemiku u li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistemi koperti minn din id-direttiva, billi tillimita l-effetti tal-proċeduri ta’ insolvenza fuq dawn is-sistemi. Fil-fatt, sakemm istruzzjoni li tinvolvi obbligi finanzjarji ma tkunx iddaħlet f’tali sistema minn wieħed mill-parteċipanti tagħha, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha minħabba proċedura ta’ insolvenza ma joħloqx riskju sistemiku u ma jaffettwax l-istabbiltà ta’ sistema bħal din. Għalhekk, l-estensjoni tal-protezzjoni prevista minn din id-direttiva għall-ordnijiet ta’ trasferiment mogħtija mill-parteċipanti f’tali sistemi, fi ħdan dawn is-sistemi, għal istruzzjonijiet li jinvolvu obbligi finanzjarji mogħtija minn terzi, li jinsabu barra sistemi bħal dawn, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 98/26.

23

B’hekk, sabiex jiġi stabbilit jekk ordni ta’ ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/26, għandu jiġi vverifikat jekk din tistax titqies bħala li ngħatat fil-kuntest ta’ sistema kif iddefinita fl-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva minn wieħed mill-parteċipanti tagħha.

24

L-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 98/26 jelenka, b’mod eżawrjenti, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “parteċipant”. Dawn jistgħu jkunu “istituzzjoni”, “kontroparti ċentrali”, “aġent għas-settlement”, “clearing house” jew “operatur tas-sistema”. Dawn l-entitajiet huma, minn naħa tagħhom, iddefiniti, b’mod preċiż, fl-Artikolu 2(b) sa (e) u (p) ta’ din id-direttiva.

25

Issa, mid-definizzjonijiet stabbiliti f’dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, kif imfakkra fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li detentur ta’ kont kurrenti ordinarju, bħal Ķipars AI, ma jikkorrispondi għal ebda waħda mill-imsemmija entitajiet. B’mod partikolari, tali detentur ta’ kont kurrenti ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “istituzzjoni”, peress li dan jirrigwarda biss, konformement mal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, l-entitajiet li jistgħu jkunu responsabbli mill-eżekuzzjoni tal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn ordnijiet ta’ trasferiment mogħtija fi ħdan sistema, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi ta’ investiment.

26

Ċertament, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 98/26 jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-fakultà li jiddeċiedu li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, parteċipant indirett jista’ jitqies bħala parteċipant jekk dan ikun iġġustifikat għal raġunijiet ta’ riskju sistemiku. Madankollu, ma jista’ jiġi dedott minn ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li r-Repubblika tal-Latvja għamlet użu minn din il-fakultà. Fi kwalunkwe każ, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “parteċipant indirett”, li tinsab fl-Artikolu 2(g) tal-imsemmija direttiva, jirriżulta li l-entitajiet li jistgħu jaqgħu taħt dan l-aħħar kunċett huma l-istess bħal dawk koperti mill-kunċett ta’ “parteċipant”, kif imfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, fejn id-differenza bejn parteċipant u parteċipant indirett hija li l-ewwel wieħed huwa marbut mas-sistema b’mod dirett filwaqt li t-tieni wieħed huwa marbut magħha biss permezz ta’ relazzjoni kuntrattwali ma’ parteċipant. Issa, meta detentur ta’ kont kurrenti ordinarju, bħal Ķipars AI, ma jikkorrispondi għal ebda minn dawn l-entitajiet, dan ma jistax jiġi meqjus bħala parteċipant indirett, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tal-istess direttiva.

27

B’hekk, ordni ta’ ħlas mogħtija minn tali detentur ta’ kont kurrenti ordinarju ma tistax titqies bħala li ngħatat minn parteċipant f’sistema fis-sens tal-Artikolu 2(a) u (f) tad-Direttiva 98/26. Minn dan isegwi, kif isostnu barra minn hekk il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tali ordni ta’ ħlas ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, u lanqas, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

28

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li ordni ta’ ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħtija mid-detentur ta’ kont kurrenti ordinarju lil istituzzjoni ta’ kreditu u li tirrigwarda trasferiment ta’ fondi lejn istituzzjoni ta’ kreditu oħra ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tad-Direttiva 98/26, u lanqas, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

29

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ordni ta’ ħlas, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mogħtija mid-detentur ta’ kont kurrenti ordinarju lil istituzzjoni ta’ kreditu u li tirrigwarda trasferiment ta’ fondi lejn istituzzjoni ta’ kreditu oħra ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ordni ta’ trasferiment”, fis-sens tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli, kif emendata bid-Direttiva 2009/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Mejju 2009, u lanqas, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.

Top