Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0620

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-29 ta’ Lulju 2019.
    Hochtief Solutions AG Magyarországi Fióktelepe vs Fővárosi Törvényszék.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Székesfehérvári Törvényszék.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri ta’ reviżjoni – Direttiva 89/665/KE – Direttiva 92/13/KEE – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza – Rikors għal reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jiksru d-dritt tal-Unjoni – Responsabbiltà tal-Istati Membri f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali – Evalwazzjoni tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat.
    Kawża C-620/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:630

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    29 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri ta’ reviżjoni – Direttiva 89/665/KE – Direttiva 92/13/KEE – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza – Rikors għal reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jiksru d-dritt tal-Unjoni – Responsabbiltà tal-Istati Membri f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali – Evalwazzjoni tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat”

    Fil-Kawża C‑620/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Székesfehérvári Törvényszék (il-Qorti ta’ Székesfehérvár, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

    Hochtief Solutions AG Magyarországi Fióktelepe

    vs

    Fővárosi Törvényszék,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Hochtief Solutions AG Magyarországi Fióktelepe, minn G. M. Tóth u I. Varga, ügyvédek,

    għal la Fővárosi Törvényszék, minn H. Beerné Vörös u K. Bőke, bħala aġenti, kif ukoll minn G. Barabás, bíró,

    għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, D. Tsagkaraki u G. Papadaki, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár, H. Krämer u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) tat-TUE, l-Artikolu 19(1), it-tieni subparagrafu, tat-TUE, l-Artikolu 49 tat-TFUE, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi ta’ provvista u ta’ xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 335, p. 31) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirrelataw mal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315) kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE (“id-Direttiva 92/13”), id-Direttiva 93/37/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal provvisti pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110), kif ukoll tal-prinċipji tas-supremazija, l-ekwivalenza u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Hochtief Solutions AG Magyarországi Fiókeltelee (iktar ’il quddiem “Hochtief Solutions”) u Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) dwar l-allegat dannu kkawżat minn din tal-aħħar, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha, lil Hochtief Solutions.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 redatt f’termini identiċi għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 92/13 jipprevedi:

    “1.   […]

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-Direttiva [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi [tal-Unjoni] fil-qasam tal-appalti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, skont regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

    4

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665 jistabbilixxi li:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludu dispożizzjoni għall-poteri:

    a)

    jittieħdu, ma’ l-ewwel opportunità possibbli u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

    b)

    jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt;

    c)

    jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.

    […]”

    5

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 92/13 kien jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludu dispożizzjoni għall-poteri:

    jew

    a)

    li jieħu, ma’ l-opportunità l-iktar kmieni u bħala proċedura interlokutorja, miżuri interim bl-iskop li jiġi kkoreġut il-ksur allegat jew li jiġi pprevenut dannu ulterjuri għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi assigurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jew l-implementazzjoni ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-parti kontraenti;

    u

    b)

    li jwarrab jew jiżgura li jitwarrbu deċiżjonijiet meħuda kontra l-liġi, inkluża t-tneħħija ta’ l-ispeċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjari fin-notifika ta’ kuntratt, in-notifika perjodika indikativa, in-notifika dwar l-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifikazzjoni, l-invit għal offerta, d-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li għandu x’jaqsam mall-proċeudra ta’ l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni;

    jew

    ċ)

    sabiex jieħdu, fl-opportunità l-iktar kmieni, jekk possibbli permezz ta’ proċeduri interlokutorji u jekk neċessarju permezz ta’ proċedura finali dwar is-sustanza, miżuri ta’ xort’ oħra minn dawk previsti fil-punti (a) u (b) bl-iskop li jiġi kkoreġut kull ksur identifikat u li jiġi pprevenut dannu għall-interessi konċernati; b’ mod partikolari, li ssir ordni għall-ħlas ta’ somma partikolari f’każijiet meta l-ksur ma ma ġiex korrett jew prevenut.

    L-Istati Membri jistgħu jagħmlu din l-għażla jew għall-partijiet kollha kontraenti jew għal kategorijii ta’ entitajiet definiti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, u f’kull każ jippreservaw l-effettività tal-miżuri stabbiliti sabiex jiġi pprevenut dannu kkawżat lill-interessi kkonċernati;

    d)

    u, fiż-żewġ każijiet ta’ hawn fuq, sabiex jingħata kumpens lil persuni milquta ħażin minn ksur.

    Meta jintalab kumpens fuq il-bażi li ttieħedet deċiżjoni illegalment, l-Istati Membri, meta s-sistema tagħhom tal-liġi interna teħtieġ hekk u tipprovdi għal entitajiet li jkollhom il-poteri neċessarji għal dak l-iskop, jipprovdu li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab jew tiġi ddikjarata illegali.”

    Id-dritt Ungeriż

    6

    L-Artikolu 260 tal-Polgári perrendtartásról szóló 1952 évi III. törvény (il-Liġi Nru III tal-1952 li tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili” jipprevedi:

    “1.   Ir-rikors għal reviżjoni jista’ jiġi ppreżentat kontra sentenza finali jekk:

    (a)

    il-parti tippreżenta kwalunkwe fatt jew prova, jew kwalunkwe deċiżjoni finali ta’ qorti jew awtorità oħra li l-qorti ma ħaditx inkunsiderazzjoni matul il-proċedura preċedenti, sakemm din kienet tkun għall-benefiċċju tagħha li kieku kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni oriġinarjament;

    […]

    2.   Skont il-paragrafu 1(a) kwalunkwe waħda mill-partijiet għandha tkun tista’ tippreżenta rikors għal reviżjoni biss jekk hija ma kinitx setgħet tippreżenta l-fatt, il-prova jew id-deċiżjoni msemmija fih matul il-proċedura preċedenti mingħajr ma jista’ jiġi attribwit lilha tort.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    7

    Fil-25 ta’ Lulju 2006, l-Észak-Dunántúli Környezetvédelmi és Vzügyi Igazgatóság (id-Direttorat għall-Protezzjoni Ambjentali u l-Ġestjoni tal-Ilma Transdanubjan tat-Tramuntana, iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”) ippubblika f’il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje S, taħt in-Nru 139–149235, sejħa għall-offerti għal kuntratt ta’ xogħlijiet pubbliċi għall-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport tal-Port Nazzjonali ta’ Győr-Gönyű (l-Ungerija), wara l-proċedura aċċellerata prevista fil-Kapitolu IV tal- közbeszerzésekről szóló 2003. évi CXXIX. törvény (il-Liġi Nru CXXIX tal-2003 dwar il-Kuntratti Pubbliċi).

    8

    Il-punt III.2.2 tas-sejħa għall-offerti li tikkonċerna l-kapaċità ekonomika u finanzjarja indikat li “kandidat, jew sottokuntrattur […], b’aktar minn bilanċ negattiv fil-karta tal-bilanċ matul l-aħħar tliet snin finanzjarji, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kapaċità”.

    9

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, Hochtief Solutions, li billi ma ssodisfatx dan il-kriterju, hija kkontestat il-legalità tagħha fil-Közbeszerzési Dönġotság (il-Kumitat Arbitrali fil-qasam tal-Kuntratti Pubbliċi, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Arbitrali”), fuq naħa waħda, bl-argument li dan il-kriterju kien diskriminatorju u, min-naħa l-oħra, ma kienx kapaċi jipprovdi informazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja tal-offerent.

    10

    Il-Kumitat Arbitrali parzjalment aċċetta Hochtief Solutions, billi ordna lill-Awtorità Kontraenti għal multa Ungeriża ta’ HUF 8000000 (madwar EUR 24500), mingħajr madankollu ma kkonstata li l-imsemmi kriterju kien illegali.

    11

    Fit-2 ta’ Ottubru 2006 Hochtief Solutions ressqet azzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Kumitat Arbitrali quddiem il-Fġvárosi Bíróság (il-Qorti ta’ Budapest, l-Ungerija), li kkunsidrat li r-riżultat tal-karta tal-bilanċ kien xieraq biex jipprovdi informazzjoni dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja u għalhekk irrifjutat l-appell.

    12

    Fl-4 ta’ Ġunju 2010 Hochtief Solutions appellat is-sentenza tal-Qorti tal-ewwel istanza quddiem il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest), li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    13

    Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Édukövíig u Hochtief Construction (C-218/11, EU:C:2012:643), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-Artikolu 44(2) u l-Artikolu 47(1)(b) tad-Direttiva 2004/18 għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità kontraenti hija intitolata li titlob livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja b’riferiment għal wieħed jew diversi elementi partikolari tal-karta tal-bilanċ, bil-kundizzjoni li dawn ikunu oġġettivament xierqa sabiex jinformaw dwar din il-kapaċità fuq livell ta’ operatur ekonomiku u li dan il-livell ikun xieraq għall-importanza tal-kuntratt ikkonċernat fis-sens li jikkostitwixxi oġġettivament indikazzjoni pożittiva tal-eżistenza ta’ bażi ekonomika u finanzjarja suffiċjenti sabiex isseħħ kif għandu jkun l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, mingħajr madankollu ma jmur lil hinn minn dak li huwa raġonevolment neċessarju għal dan il-għan, peress li r-rekwiżit ta’ livell minimu ta’ kapaċità ekonomika u finanzjarja ma jistax, bħala prinċipju, jiġi skartat unikament minħabba li dan il-livell jirrigwarda element tal-karta tal-bilanċ li fir-rigward tiegħu jistgħu jeżistu diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri differenti.

    14

    Il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest), li sadanittant issuċċediet il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest), ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti, tal-Ġustizzja, li ssostni li l-kriterju użat mill-awtorità kontraenti għall-evalwazzjoni tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja ma kinitx diskriminatorja.

    15

    Fit-13 ta’ Settembru 2013, Hochtief Solutions ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) kontra s-sentenza tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti Kapitali ta’ Budapest), fejn argumentat li r-riżultat tal-karta tal-bilanċ ma kienx kapaċi jagħti lill-awtorità kontraenti stampa reali u oġġettiva tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-offerent. Hija talbet ukoll lill-Kúria (il-Qorti Suprema) li terġa’ tressaq talba għal domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    16

    Permezz tas-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2014, madankollu, il-Kúria (il-Qorti Suprema) ċaħdet l-appell abbażi tal-fatt li tali lment, sa fejn Hochtief Solutions ma kinitx qajjmet din il-kwistjoni fl-azzjoni amministrattiva oriġinali tagħha, quddiem il-Kumitat Arbitrali, iżda biss fl-osservazzjonijiet sussegwenti tagħha.

    17

    Fil-25 ta’ Lulju 2014, Hochtief Solutions ippreżentat appell kostituzzjonali kontra s-sentenza tal-Kúria (il-Qorti Suprema) quddiem l-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ungerija), li permezz tiegħu talbet il-kostatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità ta’ din is-sentenza u l-annullament tagħha. Dan l-appell ġie miċħud bħala inammissibbli permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Frar 2015.

    18

    Sadanittant, fis-26 ta’ Novembru 2014, Hochtief Solutions ippreżentat lill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) appell kontra s-sentenza tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) imsemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza.

    19

    Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, Hochtief Solutions argumentat li l-kwistjoni dwar jekk ir-riżultat skont il-karta tal-bilanċ kienx indikatur suffiċjenti tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ offerent, kif ukoll is-sentenza tas-18 ta’ Ottubru 2012, Édukövíig u Hochtief Construction (C-218/11, EU:C:2012:643), ma kinux, fl-aħħar mill-aħħar, suġġetti għal xi eżami. Skont Hochtief Solutions, din l-ommissjoni tikkostitwixxi “fatt”, fis-sens tal-Artikolu 260(1)(a) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jista’ jiġġustifika l-ftuħ tar-reviżjoni ta’ dik is-sentenza tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest). Filwaqt li bbażat ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C‑453/00, EU:C:2004:17, il-punti 26 u 27), Hochtief Solutions fil-fatt, sostniet li, meta sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx titqies fil-kawża prinċipali minħabba n-natura tardiva tagħha, hija tista’ u għandha tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ reviżjoni.

    20

    Għalkemm Hochtief Solutions talbet lill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest), li adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni, din il-qorti ma laqgħetx dik it-talba u ċaħdet ir-rikors għal reviżjoni, meta wieħed iqis li l-fatti u l-provi invokati minn Hochtief Solutions ma kinux ġodda.

    21

    Imbagħad, Hochtief Solutions appellat kontra d-digriet li ċaħad ir-rikors għal reviżjoni tagħha quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest), fejn stiednet lil din tal-aħħar, minn naħa waħda, tiddikjara r-reviżjoni miftuħa u li tordna l-eżami tal-mertu u, min-naħa l-oħra, tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

    22

    Fit-18 ta’ Novembru 2015, Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) tat digriet li jikkonferma d-digriet tal-ewwel istanza tal-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest).

    23

    Hochtief Solutions adixxiet lill-qorti tar-rinviju, is-Székesfehérvári Törvényszék (il-Qorti ta’ Székesfehérvár, l-Ungerija), b’kawża għall-kumpens għad-dannu kkawżat lilu mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt Kapitali ta’ Budapest) fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li hija setgħet tikseb biss il-fatti u ċ-ċirkustanzi li kienet invokat quddiem il-kumitat arbitrali u fil-kuntest tal-proċedura prinċipali, iżda li ma kinux ġew evalwati minn dak il-kumitat jew mill-qrati aditi, jistgħu jiġu kkunsidrati, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, il-korpi Ungeriżi responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt, kienu qed idgħajfu d-drittijiet iggarantiti mir-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

    24

    Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Székesfehérvári Törvényszék (il-Qorti ta’ Székesfehérvár) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1.

    Il-prinċipji fundamentali u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) TUE, u r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni uniformi), kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni, b’mod partikolari fis-sentenza mogħija fil-kawża [tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513)], għandhom jiġu interpretati fis-sens li dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà minn qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru permezz ta’ sentenza li tikser id-dritt tal-Unjoni, tista’ tkun ibbażata esklużivament fuq id-dritt nazzjonali jew fuq il-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali? F’każ li r-risposta tkun waħda negattiva, il-prinċipji fundamentali u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari t-tliet kriterji stabbiliti mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fil-kawża [tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513)] għall-finijiet ta’ dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-“Istat”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-evalwazzjoni mill-qrati tal-imsemmi Stat Membru dwar jekk ġewx issodisfati r-rekwiżiti għar-responsabbiltà tal-Istat Membru għal ksur tad-dritt tal-Unjoni għandha ssir abbażi tad-dritt nazzjonali?

    2)

    Il-prinċipji fundamentali u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) TUE, u r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva), b’mod partikolari s-sentenzi tal-[Qorti tal-Ġustizzja] fil-qasam tar-responsabbiltà tal-Istat Membru mogħtija inter alia, fil-kawżi [tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, EU:C:1991:428), tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79) u tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513)], għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-saħħa ta’ res judicata ta’ sentenzi li jiksru d-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-qrati tal-aħħar istanza tal-Istat Membru teskludi d-dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà għad-danni kontra l-Istat Membru?

    3)

    Fid-dawl tad-Direttiva [89/665], kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE, u tad-Direttiva [92/13], huma rilevanti għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni l-proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ valur li jeċċedi l-limiti [stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni], u l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni amministrattiva adottata fl-imsemmija proċedura? F’każ li r-risposta tkun waħda pożittiva, huma rilevanti għad-dritt tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja] [b’mod partikolari s-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitzz (C-453/00, EU:C:2004:17) u tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C-234/04, EU:C:2006:178), u b’mod partikolari s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C-213/13, EU:C:2014:2067)] fir-rigward tan-neċessità ta’ reviżjoni, bħala proċedura straordinarja, li tirriżulta mid-dritt nazzjonali marbut mal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni amministrattiva adottata fl-imsemmija proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku?

    4)

    Id-direttivi dwar il-proċedura tal-appell fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (jiġifieri, id-Direttiva [89/665], u d-Direttiva [92/13]) għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija konformi magħhom dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li l-qrati nazzjonali aditi bil-kawża principali jistgħu ma jieħdux inkunsiderazzjoni fatt li għandu jiġi eżaminat fid-dawl ta’ sentenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja] — mogħtija fi proċedura għal deċiżjoni preliminari fl-ambitu ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi —, fatt li barra minn hekk lanqas ma jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qrati nazzjonali meta jiddeċiedu kawża li tinbeda wara li tkun inbdiet proċedura għal reviżjoni kontra deċiżjoni adottata fil-kawża prinċipali?

    5)

    Id-Direttiva [89/665], b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (3) u d-Direttiva [92/13], b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 tagħha — b’mod partikolari, fid-dawl [tas-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C-453/00, EU:C:2004:17), tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapkreer (C-234/04, EU:C:2006:178), tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C-2/06, EU:C:2008:78) tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C-243/08, EU:C:2009:350) u tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C-213/13, EU:C:2014:2067)] —, għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija konformi mal-imsemmija direttivi u mar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mal-prinċjipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, dispożizzjoni nazzjonali, jew applikazzjoni tagħha, li skontha, minkejja li tkun ngħatat sentenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja] mogħtija fi proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari qabel l-għoti ta’ sentenza fil-proċedura tat-tieni istanza tkun tistabbilixxi interpretazzjoni rilevanti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti adita bil-kawża tiċħadha bħala intempestiva u sussegwentement il-qorti adita bil-proċedura ta’ reviżjoni ma tilqax ir-reviżjoni?

    6)

    Jekk, skont id-dritt nazzjonali, għandha tintlaqa’ r-reviżjoni sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kostituzzjonalità permezz ta’ deċiżjoni ġdida tal-qorti kostituzzjonali, ma għandiex allura tintlaqa’ r-reviżjoni, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ekwivalenza u l-prinċipju sanċit fis-sentenza [sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C-118/08, EU:C:2010:39] f’każ li ma setgħtex tittieħed inkunsiderazzjoni sentenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja] fil-kawża prinċipali minħabba d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar it-termini proċedurali?

    7)

    Id-Direttiva tal-Kunsill [89/665], b’mod partikolari l-Arikolu 1(1) u (3) [tagħha], u d-Direttiva [92/13], b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 2 tagħha, fid-dawl [tas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C-2/06, EU:C:2008:78), li skontha parti fil-kawża ma hijiex obbligata tinvoka b’mod speċifiku l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi rregolati mill-imsemmija direttivi jistgħu jinbdew biss permezz ta’ rikors li jkun jinkludi deskrizzjoni espressa tal-ksur marbut mal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi invokat u, barra minn hekk, li jindika b’mod preċiż ir-regola tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi li tkun ġiet miksura, billi jispeċifika n-numru tal-artikolu u tal-paragrafu u li, fi proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jista’ jiġi eżaminat biss dak il-ksur tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti li jkun ġie indikat mir-rikorrent b’riferiment għad-diżpożizzjoni miksura billi jindika n-numru tal-artikolu u tal-paragrafu, filwaqt li f’kull proċedura oħra, amministrattiva jew ċivili, ikun biżżejjed li l-parti fil-kawża tippreżenta l-fatti u l-provi li jsostnuhom, u l-awtorità jew qorti kompetenti tiddeċiedi r-rikors skont il-kontenut tiegħu?

    8)

    Ir-rekwiżit ta’ ‘ksur suffiċjentement serju’, żviluppat fis-sentenzi [tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513) u tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C-173/03, EU:C:2006:391)], għandu jitqies bħala li ma hemmx tali ksur meta l-qorti tal-aħħar istanza, bi ksur manifest tal-ġurisprudenza stabbilita u deskritta b’mod preċiż ħafna mill-Qorti tal-Ġustizzja – li barra minn hekk ġiet approvata minn diversi opinjonijiet legali – tiċħad it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn parti fil-kawża marbuta man-neċessità li tintlaqa’ r-reviżjoni minħabba r-raġuni assurda li d-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari d-Direttiva [89/665] u d-Direttiva [92/13] – ma jinkludi l-ebda regola fuq ir-reviżjoni, minkejja li din in-neċessità ġiet ukoll murija bl-ikbar dettall fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż [fis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C-213/13, EU:C:2014:2067)], li ġustament tiddikjara n-neċessità ta’ reviżjoni marbuta mal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku?

    Liema huwa l-grad ta’ preċiżjoni, fid-dawl [tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335)], li għandu jkollha l-motivazzjoni tal-qorti nazzjonali meta din ma’ tilqax ir-reviżjoni, filwaqt li ma tosservax interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ natura vinkolanti?

    9)

    Il-prinċipji ta’ rimedju effettiv u ta’ ekwivalenza, fis-sens tal-Artikolu 19 TUE u [l-Artikolu] 4(3) TUE, kif ukoll il-libertà ta’ stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi sanċiti fl-Artikolu 49 TFUE, u d-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE tal‑14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, kif ukoll id-Direttivi [89/665, 92/13 u 2007/66], għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jippermettu li awtoritajiet u [l-]qrati aditi jiċħdu sistematikament, filwaqt li jinjoraw b’mod manifest id-dritt tal-Unjoni applikabbli, l-appelli ppreżentati mir-rikorrent wara li dan ma tħallhiex jipparteċipa fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, meta dawn l-appelli jirrikjedu, skont il-każ, il-produzzjoni ta’ diversi noti b’investiment kbir ta’ ħin u ta’ flus, u l-parteċipazzjoni f’seduti, u li, anki jekk fit-teorija teżisti l-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà minħabba danni kkawżati fl-eżerċizzju ta’ funzjoni ġudizzjarja, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tostakola lir-rikorrent milli jitob mingħand il-qorti l-ħlas tad-danni subiti minnu minħabba miżuri illegali?

    10)

    Il-prinċipji żviluppati fis-sentenzi [tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio (199/82, EU:C:1983:318), tat-30 ta’ Settembru 2003(Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513),tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo (C-173/03, EU:C:2006:391) u] għandhom jiġu interpreatti fis-sens li ma jistgħux jiġu rriżaċiti d-danni kkawżati mill-fatt li l-qorti tal-aħħar istanza, bi ksur tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma laqgħetx ir-reviżjoni miltuba f’ħin utli minn parti u li fil-kuntest tagħha l-imsemmija parti setgħet titlob ir-rimbors tal-ispejjeż sostuni minnha?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Kunsiderazzjonijiet preliminari

    25

    Kif jirriżulta ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kawża prinċipali tikkonċerna l-kumpens ta’ dannu allegatament subit minn Hochtief Solutions minħabba d-digriet, imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li permezz tagħha l-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest), li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, ikkonfermat id-digriet tal-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest), imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, li, minn naħa waħda, irrifjutat li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari u, min-naħa l-oħra, irrifjutat l-azzjoni ta’ reviżjoni mressqa minn Hochtief Solutions kontra s-sentenza tal-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) imsemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza.

    26

    Minn dan isegwi li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk, b’dan il-mod, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) kinitx wettqet ksur tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tibbaża l-obbligu tagħha li tikkumpensa għad-dannu li Hochtief Solutions allegatament ġarrbet minħabba dan il-ksur.

    27

    F’dak il-kuntest, hija, b’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju li trid taċċerta jekk id-dritt tal-Unjoni għandhiex tiġi interpretata li tfisser li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali adita b’rikors għal reviżjoni ta’ sentenza li jkollha l-awtorità ta’ res judicata, wara sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-bażi tal-Artikolu 267 TFUE fil-kuntest tal-proċedura li twassal għal dik is-sentenza, għandha tkun intitolata għal dak ir-rikors.

    28

    Huwa fid-dawl tal-kuntest hekk limitat fil-kawża prinċipali li d-domandi preliminari għandhom jiġu eżaminati.

    Fuq l-ammissibbiltà tas-seba’ u d-disa’ domandi

    29

    Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, biex tiddeċiedi dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali rrelatati mal-kontenut obbligatorju ta’ azzjoni fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi, filwaqt li, fid-disa’ domanda tagħha, tistaqsi, essenzjalment, jekk iċ-ċaħda sistematika, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, ta’ azzjoni mressqa minn offerent li ma ntgħażilx fi proċedura ta’ kuntratti pubbliċi, bħal Hochtief Solutions, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    30

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali. Minn dan jirriżulta li huma biss il-qrati nazzjonali, li quddiemhom tkun tressqet il-kawża u li jkollhom jassumu r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jevalwaw, fid-dawl tad-dettalji partikolari ta’ kull kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom u kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Verlezza et, C-487/17 sa C-489/17, EU:C:2019:270, punti 2728 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    31

    Madankollu, ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar kwistjoni rrinvijata għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali huwa possibbli, b’mod partikolari, fejn ikun ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandha x’taqsam xejn mar-realtà jew mas-suġġett tal-proċedimenti ewlenin jew fejn il-problema hija ta’ natura ipotetika (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Verlezza et, C-487/17 sa C-489/17, EU:C:2019:270, il-punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Madankollu, is-seba’ u d-disa’ domandi jaqgħu preċiżament taħt dan l-aħħar każ. Fil-fatt, huwa ċar li dawn id-domandi ma għandhom x’jaqsmu xejn mas-suġġett tal-kawża prinċipali, kif irrijassunti fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, u għalhekk huma ipotetiċi.

    33

    Minn dan isegwi li s-seba’ u d-disa’ domandi huma inammissibbli.

    Fuq l-ewwel, it-tieni, it-tmien u l-għaxar domandi

    34

    Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex gwida, b’mod partikolari, dwar il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni minn qorti nazzjonali tal-aħħar istanza. Il-qorti nazzjonali tistaqsi, essenzjalment, jekk dawk il-prinċipji għandhomx jiġu interpretati f’dak is-sens, l-ewwel nett, li r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat trid tiġi evalwata abbażi tad-dritt nazzjonali; it-tieni, li l-prinċipju ta’ res judicata jkun ifisser li r-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru tista’ tiġi stabbilita, it-tielet, li hemm ksur serju biżżejjed tad-dritt tal-Unjoni fejn il-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tirrifjuta li tirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja, kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tqajmet quddiemha, u, ir-raba’ nett, li toġġezzjona għal regola tad-dritt nazzjonali li tipprekludi kwalunkwe dannu li jista’ jkun suġġett għal kumpens tal-ispejjeż imwettqa fir-rigward ta’ parti mid-deċiżjoni tal-qorti inkwistjoni.

    35

    Fl-ewwel lok għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu, li l-individwi leżi għandhom dritt għal kumpens ladarba jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, li huma li r-regola tad-dritt tal-Unjoni miksura jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din ir-regola jkun suffiċjentement serju u li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-danni mġarrba minn dawn l-individwi (ara, għal dan il-għan, inter alia, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punt 51; tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punt 51, u tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C-168/15, EU:C:2016:602, punt 22).

    36

    Għandu jiġi mfakkar ukoll li r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni kkawżati b’deċiżjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza bi ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni hija rregolata bl-istess kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punt 52, u tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C-168/15, EU:C:2016:602, punt 23).

    37

    Barra minn hekk, it-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza huma neċessarji u suffiċjenti sabiex jagħtu lill-individwi d-dritt li jiksbu kumpens, mingħajr, madankollu, ma jeskludu l-possibbiltà li Stat Membru jista’ jinżamm responsabbli taħt kundizzjonijiet anqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punt 66, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punt 57).

    38

    Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li tipprovdi, għar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni kkawżati lil individwi permezz ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiġi attribwit lilha, tal-kundizzjonijiet inqas restrittivi minn dawk stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

    39

    Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ res judicata ma jipprekludix ir-rikonoxximent tal-prinċipju tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru bis-saħħa tad-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza li tikser regola tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li ksur tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni minn tali deċiżjoni normalment ma jistax ikun iktar jiġi rrimedjat, l-individwi ma jistgħux jiċċaħħdu mill-possibbiltà li jinvokaw ir-responsabbiltà tal-Istat sabiex b’dan il-mezz jiksbu protezzjoni legali tad-drittijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punt 34 u tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C-234/17, EU:C:2018:853, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Fit-tielet lok, isegwi minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza li huma kapaċi jistabbilixxu r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi permezz ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni attribwibbli għaliha, fil-prinċipju, għandhom jitwettqu mill-qrati nazzjonali skont il-gwida pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja għal tali implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punt 100, u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev, C-571/16, EU:C:2018:807, punt 95).

    41

    F’dan ir-rigward, b’mod partikolari fir-rigward tat-tieni waħda minn dawk il-kundizzjonijiet, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati minn deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali mogħtija li tiddeċiedi fl-aħħar istanza bi ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni tirriżulta biss fil-każ eċċezzjonali fejn qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tkun kisret b’mod manifest id-dritt applikabbli (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punt 53, u tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo, C-173/03, EU:C:2006:391, punti 3242).

    42

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk ksur tad-dritt tal-Unjoni jikkonsistix fi ksur suffiċjentement gravi, il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet talba għall-kumpens, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni mressqa quddiemha. Fost l-elementi li jistgħu jitqiesu f’dan ir-rigward hemm, b’mod partikolari, il-grad ta’ ċarezza u preċiżjoni tar-regola miksura, il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li r-regola miksura tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali, in-natura intenzjonali jew mhux volontarja tal-ksur imwettaq jew tad-dannu kkawżat, in-natura skużabbli jew mhux skużabbli ta’ żball possibbli ta’ liġi, iċ-ċirkustanza li l-pożizzjonijiet meħuda minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea setgħu kkontribwixxew għall-adozzjoni jew iż-żamma ta’ miżuri jew ta’ prassi nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, mill-qorti inkwistjoni, tal-obbligu tagħha ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame, C-46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 56, tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punti 5455, u tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C-168/15, EU:C:2016:602, punt 25).

    43

    Fi kwalunkwe każ, ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa suffiċjentement serju meta dan isir bi ksur manifest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, EU:C:2003:513, punt 56, 25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C-429/09, EU:C:2010:717, punt 52 u tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C-168/15, EU:C:2016:602, punt 26).

    44

    Fir-rigward tal-proċedimenti prinċipali, huwa f’idejn il-qorti nazzjonali li tevalwa, filwaqt li tqis il-fatturi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) permezz tad-digriet imsemmi fil-punt 22 ta’ din is-sentenza wettqet ksur serju biżżejjed tad-dritt tal-Unjoni billi b’mod manifest kisret id-dritt applikabbli tal-Unjoni, inkluża l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Édukövíig u Hochtief Construction (C-218/11, EU:C:2012:643).

    45

    Ir-raba’, minħabba li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti, huwa taħt il-liġi nazzjonali li l-Istat Membru jikkumpensa l-konsegwenzi tad-danni kkawżati, peress li huwa mifhum li l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kumpens għad-danni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk relatati ma’ talbiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jinbidlu b’tali mod li fil-prattika jagħmlu impossibbli jew diffiċli żżejjed biex jiksbu rimedju (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punt 67, tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 58, u tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová, C-168/15, EU:C:2016:602, punt 38).

    46

    F’dan ir-rigward, huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi permezz ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni għandu jkun adegwat għall-kumpens għad-danni subiti, li huwa tali li jiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, EU:C:1996:79, punt 82, kif ukoll tal-25 ta’ Novembru 2010, Fuß, C-429/09, EU:C:2010:717, punt 92).

    47

    Madankollu, regola tad-dritt nazzjonali li, f’każ fejn Stat Membru huwa responsabbli għal danni kkawżati bħala riżultat ta’ ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni b’deċiżjoni ta’ qorti ta’ dak l-Istat li taġixxi bħala l-aħħar istanza, l-ispejjeż imwettqa minn parti skont dik id-deċiżjoni ġeneralment jiġi eskluż mid-danni li jistgħu jiġu kkumpensati, jista’ fil-prattika jagħmilha eċċessivament diffiċli jew saħansitra impossibbli li jinkiseb kumpens adegwat tad-dannu subit minn din il-parti.

    48

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel, it-tieni, it-tmien u l-għaxar domandi għandha tkun li r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni kkawżati b’deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali bħala l-aħħar istanza li tikser regola tad-dritt tal-Unjoni hija rregolata mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fil-punt 51 tas-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513), mingħajr ma jeskludi l-possibbiltà li dan l-Istat jista’ jinżamm responsabbli taħt kundizzjonijiet inqas restrittivi fuq abbażi tad-dritt nazzjonali. Dik ir-responsabbiltà ma tkunx prekluża mill-fatt li din id-deċiżjoni tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata. Fl-implimentazzjoni ta’ dik ir-responsabbiltà, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet it-talba għad-danni sabiex tevalwa, filwaqt li tqis l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni, jekk il-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza tkunx wettqet ksur serju biżżejjed tad-dritt tal-Unjoni billi tkun kisret b’mod ċar id-dritt applikabbli tal-Unjoni, inkluża l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’kuntrast, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi regola tad-dritt nazzjonali li, f’każ bħal dan, teskludi b’mod ġenerali danni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens għall-ispejjeż imwettqa minn parti permezz tad-deċiżjoni kontra l-qorti nazzjonali.

    Fuq it-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt domandi

    49

    Fid-dawl tal-kuntest tal-kawża prinċipali, kif imfakkar fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza, għandu jkun mifhum li, bit-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt mistoqsija tagħha, il-qorti nazzjonali titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 89/665 u d-Direttiva 92/13, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, iridu jiġu interpretati fis-sens li dan ma jipprekludix ir-regolament ta’ Stat Membru li ma jawtorizzax ir-reviżjoni ta’ sentenza, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, ta’ qorti ta’ dak l-Istat Membru li tkun iddeċidiet dwar azzjoni għal annullament kontra att ta’ awtorità kontraenti, mingħajr ma tindirizza kwistjoni li l-eżami tagħha kien ikkontemplat minn sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat b’risposta għal domanda preliminari magħmula fil-proċedimenti relatati ma’ dak ir-rikors għal annullament.

    50

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/13 jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu ta’ adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti fl-ambitu tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18 ikunu suġġetti għal rimedji effikaċi u, b’mod partikolari, l-iktar espedjenti possibbli, minħabba li dawn ikunu kisru id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C-439/14 u C-488/14, EU:C:2016:688, punt 39).

    51

    Dawn id-dispożizzjonijiet, li huma intiżi sabiex jipproteġu l-operaturi ekonomiċi mill-arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti, għandhom l-għan għalhekk li jiżguraw l-eżistenza, fl-Istati Membri kollha, ta’ rimedji legali effikaċi, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, partikolarment fi stadju fejn il-ksur ikun għadu jista’ jiġi kkoreġut (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C-439/14 u C-488/14, EU:C:2016:688, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Id-Direttiva 89/665 u lanqas id-Direttiva 92/13 ma jinkludu dispożizzjonijiet li jirregolaw speċifikament il-kundizzjonijiet li fihom dawn ir-rimedji legali jistgħu jiġi eżerċitati. Dawn id-direttivi jipprevedu biss dispożizzjonijiet li jistabbilixxu biss il-kundizzjonijiet minimi li għalihom għandhom iwieġbu l-proċeduri legali nazzjonali, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C-439/14 u C-488/14, EU:C:2016:688, punt 42)

    53

    F’dan il-każ, jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti nazzjonali li, skont id-dritt proċedurali Ungeriż, ir-reviżjoni fis-sens tal-Artikolu 260 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, huwa rimedju straordinarju, li jippermetti, fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti, li tiġi kkontestata l-awtorità ta’ res judicata relatata ma’ sentenza finali.

    54

    Issa, għandha tiġi mfakkra l-importanza li għandu l-prinċipju tar-res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li ma jkunx possibbli li jitqiegħdu iktar fid-dubju d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti d-drittijiet ta’ appell disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti għal dawn id-drittijiet (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 58, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C-69/14, EU:C:2015:662, punt 28).

    55

    Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk, li kieku jsir hekk, dan jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia, C-69/14, EU:C:2015:662, punt 29).

    56

    Fil-fatt, ġie deċiż li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix li, sabiex titqies l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti ta’ dan id-dritt adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja, korp ġudizzjarju nazzjonali għandu, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, li jreġġa’ lura d-deċiżjoni tiegħu li għandha l-awtorità ta’ res judicata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impa Pitarotti, C-213/13, EU:C:2014:2067, punt 60, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C-69/14, EU:C:2015:662, punt 38).

    57

    Is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitzz (C-453/00, EU:C:2004:17), imsemmija mill-qorti tar-rinviju, ma tistax tikkontesta din il-kunsiderazzjoni.

    58

    Minn din is-sentenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jimponi fuq korp amministrattiv, adit b’talba f’dan is-sens, li jirrevedi deċiżjoni amministrattiva finali sabiex titqies l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti adottata fil-frattemp mill-Qorti tal-Ġustizzja meta, b’mod partikolari, dak il-korp ikollu s-setgħa, skont il-liġi nazzjonali, li jikkunsidra mill-ġdid dik id-deċiżjoni (sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz, C-453/00, EU:C:2004:17, punt 28).

    59

    Huwa stabbilit, madankollu, li din il-kunsiderazzjoni tikkonċerna biss il-possibbiltà ta’ reviżjoni ta’ deċiżjoni finali ta’ korp amministrattiv u mhux, bħal f’dan il-każ, ta’ qorti.

    60

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jekk ir-regoli tal-proċedura domestiċi applikabbli jagħtu l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, lil qorti nazzjonali li tirrevedi deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata biex tagħmel is-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt nazzjonali, dik il-possibbiltà għandha tipprevali jekk ikunu ssodisfatti dawk il-kundizzjonijiet, skont ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u effettività, biex is-sitwazzjoni inkwistjoni tinġieb lura f’konformità mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Impa Pitarotti, C-213/13, EU:C:2014:2067, punt 62).

    61

    F’dan il-każ, jidher ċar mill-indikazzjonijiet tal-qorti nazzjonali li, skont l-Artikolu 260 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, sentenza finali għandha tiġi rriveduta jekk parti tkun tista’ tinvoka, b’mod partikolari, deċiżjoni finali tal-qorti li ma tkunx ġiet ikkunsidrata matul il-proċedura li twassal għas-sentenza, li r-reviżjoni tagħha tkun intalbet, u biss jekk dik il-parti ma tkunx setgħet, mingħajr ma dan kien ir-riżultat ta’ xi nuqqas min-naħa tagħha, li tkun magħrufa l-eżistenza ta’ dik id-deċiżjoni matul l-imsemmija proċedura.

    62

    Barra minn hekk, mill-kliem tas-sitt domanda jirriżulta li d-dritt Ungeriż jippermetti r-reviżjoni ta’ deċiżjoni li għandha l-awtorità ta’ res judicata, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kostituzzjonalità ta’ sitwazzjoni abbażi ta’ deċiżjoni ġdida mill-Alkotmánybíróság (il-Qorti Kostituzzjonali).

    63

    Għalhekk, huwa f’idejn il-qorti nazzjonali li tivverifika jekk ir-regoli proċedurali Ungeriżi jagħtux lok għall-possibbiltà li tmur lura għal sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata, bl-għan li tagħmel is-sitwazzjoni li tirriżulta minn din is-sentenza kompatibbli mad-deċiżjoni finali tal-qorti preċedenti, li tagħha l-qorti li tat dik is-sentenza u l-partijiet fil-kawża li wasslu għal dik is-sentenza kienu diġà konxji. Jekk dan ikun il-każ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, din il-possibbiltà, skont il-prinċipji tal-ekwivalenza u tal-effettività, għandha tipprevali, taħt l-istess kundizzjonijiet, sabiex is-sitwazzjoni ssir kompatibbli ma’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    64

    Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jitfakkar li hija ġuriprudenza stabbilita li, minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li ksur tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni minn tali deċiżjoni normalment ma jistax ikun iktar jiġi rrimedjat, l-individwi ma jistgħux jiċċaħħdu mill-possibbiltà li jinvokaw ir-responsabbiltà tal-Istat sabiex b’dan il-mezz jiksbu protezzjoni legali tad-drittijiet tagħhom (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C-69/14, EU:C:2015:662, punt 40, kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C-234/17, EU:C:2018:853, punt 58).

    65

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-sitt domandi għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 89/665 u d-Direttiva 92/13, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, iridu jiġu interpretati fis-sens li dan ma jipprekludix ir-regolament ta’ Stat Membru li ma jawtorizzax ir-reviżjoni ta’ sentenza, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, ta’ qorti ta’ dak l-Istat Membru li tkun iddeċidiet dwar azzjoni għal annullament kontra att ta’ awtorità kontraenti, mingħajr ma tindirizza kwistjoni li l-eżami tagħha kien ikkontemplat minn sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat b’risposta għal domanda preliminari magħmula fil-proċedimenti relatati ma’ dak ir-rikors għal annullament Madankollu, jekk ir-regoli proċedurali interni applikabbli jinkludu l-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tirrevedi sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata sabiex tagħmel is-sitwazzjoni li tirriżulta minn dik is-sentenza kompatibbli ma’ deċiżjoni finali tal-qorti nazzjonali preċedenti, li tagħha l-qorti li tkun tat is-sentenza u l-partijiet fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienu diġà konxji, dik il-possibbiltà għandha, skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tipprevali, taħt l-istess kundizzjonijiet, sabiex tagħmel is-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, kif interpretata minn sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Fuq l-ispejjeż

    66

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni kkawżati b’deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali bħala l-aħħar istanza li tikser regola tad-dritt tal-Unjoni hija rregolata mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fil-punt 51 tas-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513), mingħajr ma jeskludi l-possibbiltà li dan l-Istat jista’ jinżamm responsabbli taħt kundizzjonijiet inqas restrittivi fuq abbażi tad-dritt nazzjonali. Dik ir-responsabbiltà ma tkunx prekluża mill-fatt li din id-deċiżjoni tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata. Fl-implimentazzjoni ta’ dik ir-responsabbiltà, hija l-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet it-talba għad-danni sabiex tevalwa, filwaqt li tqis l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni inkwistjoni, jekk il-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza tkunx wettqet ksur serju biżżejjed tad-dritt tal-Unjoni billi tkun kisret b’mod ċar id-dritt applikabbli tal-Unjoni, inkluża l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’kuntrast, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi regola tad-dritt nazzjonali li, f’każ bħal dan, teskludi b’mod ġenerali danni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kumpens għall-ispejjeż imwettqa minn parti permezz tad-deċiżjoni kontra l-qorti nazzjonali.

     

    2)

    Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi ta’ provvista u ta’ xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 u d-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni, kif emendata mid-Direttiva 2007/66, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, iridu jiġu interpretati fis-sens li dan ma jipprekludix ir-regolament ta’ Stat Membru li ma jawtorizzax ir-reviżjoni ta’ sentenza, li għandha l-awtorità ta’ res judicata, ta’ qorti ta’ dak l-Istat Membru li tkun iddeċidiet dwar azzjoni għal annullament kontra att ta’ awtorità kontraenti, mingħajr ma tindirizza kwistjoni li l-eżami tagħha kien ikkontemplat minn sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat b’risposta għal domanda preliminari magħmula fil-proċedimenti relatati ma’ dak ir-rikors għal annullament. Madankollu, jekk ir-regoli proċedurali interni applikabbli jinkludu l-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tirrevedi sentenza li għandha l-awtorità ta’ res judicata sabiex tagħmel is-sitwazzjoni li tirriżulta minn dik is-sentenza kompatibbli ma’ deċiżjoni finali tal-qorti nazzjonali preċedenti, li tagħha l-qorti li tkun tat is-sentenza u l-partijiet fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienu diġà konxji, dik il-possibbiltà għandha, skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, tipprevali, taħt l-istess kundizzjonijiet, sabiex tagħmel is-sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, kif interpretata minn sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Top