EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0521

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Awwissu 2018.
Coöperatieve Vereniging SNB-REACT U.A.vs Deepak Mehta.
Talba għal deċiżjoni preliminari ,imressqa mit-Tallinna Ringkonnakohus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 4 – Locus standi quddiem organu ta’ rappreżentazzjoni kollettiva ta’ proprjetarji ta’ trade marks – Direttiva 2000/31/KE – Artikoli 12 sa 14 – Responsabbiltà ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ kiri u ta’ reġistrazzjoni ta’ indirizzi IP li jippermetti l-użu anonimu ta’ ismijiet ta’ dominju u ta’ siti internet.
Kawża C-521/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:639

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Awwissu 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 4 – Locus standi quddiem organu ta’ rappreżentazzjoni kollettiva ta’ proprjetarji ta’ trade marks – Direttiva 2000/31/KE – Artikoli 12 sa 14 – Responsabbiltà ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ kiri u ta’ reġistrazzjoni ta’ indirizzi IP li jippermetti l-użu anonimu ta’ ismijiet ta’ dominju u ta’ siti internet”

Fil-Kawża C‑521/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Awwissu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Settembru 2017, fil-proċedura

Coöperatieve Vereniging SNB‑REACT U.A.

vs

Deepak Mehta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), M Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Coöperatieve Vereniging SNB-REACT U.A., minn K. Turk, vandeadvokaat u M. Pild, advokaat,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman, P. Huurnink u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u E. Randvere, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), kif ukoll tal-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Coöperatieve Vereniging SNB‑REACT U.A. (iktar ’il quddiem “SNB‑REACT”) u Deepak Mehta fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar minħabba l-ksur tad-drittijiet ta’ għaxar proprjetarji ta’ trade marks.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2000/31

3

Il-premessa 42 tad-Direttiva 2000/31 tiddikjara:

“L-eżenzjonijiet mir-responsabbilità stabbilita f’din id-Direttiva jkopru biss każi meta l-attività ta’ dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni tkun limitata għall-proċess tekniku ta’ operat u tagħti aċċess għal qafas ta’ komunikazzjoni li fuqu informazzjoni disponibbli minn partijiet terzi tkun trasmessa jew temporanjament maħżuna, bl-iskop biss li tagħmel it-trasmissjoni aktar effiċjenti; din l-attività hija sempliċement teknika, awtomatika u passiva fin-natura, li timplika li dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni la jkollu tagħrif u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni li tkun trasmessa jew maħżuna.”

4

Il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji”, jinkludi inter alia Taqsima 4, intitolata “Responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz”, li fih hemm l-Artikoli 12 sa 15 ta’ din id-direttiva.

5

L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “‘Mere conduit’”, jgħid:

“1.   Meta servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun ipprovdut li jikkonsisti fit-trasmissjoni f’network ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni provduta minn dak li jirċievi s-servizz, jew tal-proveddiment ta’ aċċess lejn network ta’ komunikazzjoni, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni trasmessa […]

[…]

3.   Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibilità għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri, li jinħtieġu li dak li jipprovdi s-servizz li jwaqqaf jew li ma jħallix li jsir ksur.”

6

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “‘Caching’”, jipprevedi:

“1.   Meta jkun provdut servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni li jikkonsisti fit-trasmissjoni fuq network ta’ komunikazzjoni minn informazzjoni provduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għal ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta’ dik l-informazzjoni, mwettqa biss għall-iskop li tagħmel aktar effiċjenti t-tmexxija tat-trasmissjoni ta’ l-informazzjoni lil oħrajn li jirċievu s-servizz fuq talba tagħhom […]

[…]

2.   Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibilità għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri, li jinħtieġu li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew ma jħallix li jsir ksur.”

7

Skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Hosting”:

“1.   Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz […]

[…]

3.   Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni.”

Id-Direttiva 2004/48

8

Il-premessa 18 tad-Direttiva 2004/48 tiddikjara:

“Il-persuni li huma ntitolati li jitolbu l-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji m’għandhomx ikunu dawk biss li qegħdin iżommu id-dritt, imma wkoll dawk il-persuni li għandhom interess dirett u pożizzjoni legali sa fejn jistgħu u skond il-liġi applikabbli, li jistgħu jinkludu organiżazzjonijiet professjonali li għandhom l-inkarigu ta’ dawk id-drittijiet jew għad-difiża ta’ interessi kollettivi u individwali li għalihom huma jġorru ir-risponsabbilità.”

9

Fil-Kapitolu I ta’ din id-direttiva, intitolat “L-oġġettiv u l-firxa ta’ applikazzjoni”, jinkludi inter alia l-Artikolu 2 tal-istess direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti [fl-Unjoni] jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-[Unjoni] u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

10

Fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji”, hemm b’mod partikolari l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva intitolat “Il-persuni ntitolati biex japplikaw għall-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji”, li huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala persuni intitolati biex jistgħu japplikaw għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji li għalihom saret riferenza f’dan il-kapitolu:

(a)

id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

(b)

il-persuni l-oħra kollha awtoriżżati, […] safejn huwa permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

(ċ)

is-soċjetajiet li jamministraw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod kollettiv li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet intellettwali, safejn hu permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

(d)

is-soċjetajiet professjonali ta’ difiża li huma regolarment rikonoxxuti bħala rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, safejn hu permess u skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli”.

Id-dritt Estonjan

11

L-Artikolu 3 tat-tsiviilkohtumenetluse seadustik (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) (RT I 2005, 26, 197), intitolat “Dritt ta’ locus standi”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Fil-każijiet previsti mil-liġi, il-qorti teżamina wkoll kawża ċivili meta tiġi adita minn persuna bl-għan tal-protezzjoni ta’ dritt jew ta’ interess ta’ terz jew tal-pubbliku, li huwa preżunt li huwa protett bil-liġi.”

12

L-Artikolu 601 tal-kaubamärgiseadus (il-Liġi dwar it-Trade Marks) (RT I 2002, 49, 308), intitolat “Rappreżentant fit-tilwim dwar it-trade marks”, jiddikjara, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-proprjetarju ta’ trade mark jista’, għall-protezzjoni tad-drittijiet tiegħu, jiġi rrappreżentat minn organu li jkollu l-kapaċità li jaġixxi, sabiex jirrappreżenta lill-proprjetarji ta’ trade marks, li tiegħu huwa jkun membru.”

13

L-Artikoli 8 tal-infoühiskonna teenuse seadus (il-Liġi dwar is-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni) (RT I 2004, 29, 191), intitolat “Limitazzjoni tar-responsabbiltà fil-każ tas-sempliċi trażmissjoni ta’ informazzjoni u tal-provvista ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku” huwa fformulati kif ġej:

“1.   Fil-każ ta’ provvista ta’ servizz li jikkonsisti biss mit-trażmissjoni, f’netwerk ta’ komunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku, ta’ informazzjoni pprovduta mill-utent tas-servizz jew mill-provvista ta’ aċċess għan-netwerk ta’ komunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku, il-fornitur tas-servizzi ma huwiex responsabbli għall-kontenut tal-informazzjoni trażmessa […]”

14

L-Artikolu 9 ta’ din il-liġi, intitolat “Limitazzjoni tar-responsabbiltà fil-każ tal-ħażna ta’ data magħrufa bħala ‘caching’”, jistabbilixxi:

“Fil-każ ta’ provvista ta’ servizz li jikkonsisti mit-trażmissjoni, f’netwerk ta’ komunikazzjoni disponibbli għall-pubbliku, ta’ informazzjoni pprovduta minn utent, jekk il-metodu ta’ trażmissjoni inkwistjoni jeħtieġ, għal raġunijiet tekniċi, ħażna intermedja ta’ informazzjoni (‘caching’) u li dan is-servizz għandu biss l-iskop li t-trażmissjoni ’l quddiem tal-informazzjoni ssir iżjed effiċjenti għal utenti oħra meta jitolbuha, il-fornitur ma huwiex responsabbli għall-ħażna awtomatika, intermedja u temporanja ta’ dik l-informazzjoni […]”

15

L-Artikolu 10 ta’ din l-istess liġi, intitolat “Limitazzjoni tar-responsabbiltà fil-każ ta’ provvista ta’ servizz ta’ ħażna tal-informazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każ ta’ provvista ta’ servizz li jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn utent tas-servizz, il-fornitur ma huwiex responsabbli għall-kontenut tal-informazzjoni maħżuna fuq talba ta’ utent tas-servizz […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

SNB‑REACT hija organu stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) bl-għan li tiġi żgurata r-rappreżentazzjoni kollettiva ta’ proprjetarji ta’ trade marks.

17

Hija ressqet, quddiem il-Harju Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Harju, l-Estonja), talba intiża sabiex D. Mehta jieqaf jikser id-drittijiet ta’ għaxra mill-membri tiegħu, iżomm lura milli jerġa’ jikser dawn id-drittijiet u jiġi kkundannat jikkumpensa d-dannu li kkawża.

18

Insostenn ta’ din it-talba, SNB‑REACT esponiet li D. Mehta kien irreġistra ismijiet ta’ dominju tal-internet li illegalment użuw sinjali identiċi għal trade marks tal-membri tagħha, kif ukoll siti internet li fuqhom kienet qiegħda tiġi illegalment mibjugħa l-merkanzija b’dawn is-sinjali. Barra minn hekk, SNB‑REACT sostniet li D. Mehta kien id-detentur ta’ indirizzi IP li jikkorrispondu għal dawn l-ismijiet ta’ dominju u għal dawn is-siti. Fl-aħħar nett, hija sostniet li r-responsabbiltà ta’ D. Mehta kienet tinvolvi l-użu illegali tas-sinjali inkwistjoni minn dawn l-imsemmija ismijiet ta’ dominju u minn dawn l-imsemmija siti, liema fatt kien ġie mgħarraf bih diversi drabi.

19

Bħala risposta, D. Mehta sostna li la kien irreġistra l-ismijiet ta’ dominju u s-siti internet imqegħdin inkwistjoni minn SNB‑REACT, u lanqas ma kien uża, b’xi mod jew ieħor, sinjali identiċi għal trade marks tal-membri ta’ dan l-organu. Barra minn hekk, filwaqt li jirrikonoxxi li huwa d-detentur ta’ 38000 indirizz IP, huwa jindika li kien sempliċement jikri dawn lil żewġ kumpanniji terzi. Fl-aħħar nett, huwa sostna li, fid-dawl ta’ din l-attività, huwa kellu jitqies li huwa biss fornitur ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll il-persuna li tittrażmetti informazzjoni.

20

Il-Harju Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Harju) ċaħdet it-talba ta’ SNB‑REACT meta qieset, l-ewwel nett, li din tal-aħħar ma kelliex locus standi sabiex tressaq, f’isimha stess, talba intiża sabiex jinkiseb ir-rispett għad-drittijiet tal-membri tagħha u l-kumpens għad-dannu kkawżat minħabba l-ksur ta’ dawn id-drittijiet. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti kkonstatat li SNB‑REACT ma kelliex hija stess id-drittijiet fuq it-trade marks ikkonċernati permezz tat-talba tagħha, qabel ma jista’ jitqies li l-Artikolu 601(2) tal-Liġi dwar it-Trade Marks għandu jiġi interpretat fis-sens li organu bħalu ma kellux locus standi għal kwalunkwe għan għajr ir-rappreżentazzjoni tal-membri tiegħu.

21

It-tieni nett, il-Harju Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Harju) qieset li l-provi prodotti minn SNB‑REACT kienu jippermettu li jiġi stabbilit li D. Mehta kien id-detentur tal-indirizzi IP marbuta ma’ ismijiet ta’ dominju tal-internet li illegalment użuw sinjali identiċi għal trade marks tal-membri ta’ dan l-organu, kif ukoll siti internet li fuqhom kienet qiegħda tiġi illegalment mibjugħa l-merkanzija b’dawn is-sinjali. Min-naħa l-oħra, hija qieset li dawn il-provi la ma kienu juru li D. Mehta kien id-detentur ta’ dawn l-ismijiet ta’ dominju u ta’ dawn is-siti, u lanqas ma kienu juru li huwa stess kien qiegħed juża s-sinjali inkwistjoni b’mod illegali. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, din l-imsemmija qorti kkonkludiet li r-responsabbiltà ta’ D. Mehta ma setgħetx tiġi mfittxija minħabba l-attività illegali ta’ persuni li użaw l-imsemmija ismijiet ta’ dominju u l-imsemmija siti, konformement mal-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar is-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni.

22

Fil-kuntest tal-appell li ġie ppreżentat quddiem it-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja), SNB‑REACT issostni, minn naħa, li huwa possibbli li l-Artikolu 601(2) tal-Liġi dwar it-Trade Marks jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tippermetti locus standi lil organu ta’ rappreżentazzjoni kollettiva sabiex iressaq, f’ismu stess, talba intiża sabiex jiddefendi d-drittijiet u l-interessi tal-membri tiegħu. Min-naħa l-oħra, huwa żbaljat li l-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet kwalunkwe responsabbiltà ta’ D. Mehta fir-rigward tas-servizzi pprovduti minnu lil persuni li jużaw ismijiet ta’ dominju u siti internet fil-kuntest ta’ attività ta’ bejgħ online ta’ merkanzija kontrafatta. Fil-fatt, il-limitazzjoni ta’ responsabbiltà prevista fl-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar is-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni tapplika għall-fornituri ta’ servizzi li jillimitaw ruħhom li jaqdu r-rwol ta’ intermedjarji newtrali, iżda mhux għal dawk li, bħal D. Mehta, ikunu jafu bl-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u li għandhom rwol attiv fit-twettiq ta’ dan tal-aħħar.

23

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, it-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn) tindika li, fid-dawl ta’ dawn l-argumenti u tad-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni, tidher meħtieġa deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq żewġ punti.

24

Fl-ewwel lok, hija tistaqsi jekk organu bħalma huwa SNB‑REACT għandux ikun awtorizzat locus standi sabiex iressaq, f’ismu stess, talba intiża sabiex jiddefendi d-drittijiet u l-interessi tal-membri tiegħu. Għal din ir-raġuni, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjoni informata dwar il-portata li għandha tingħata, fil-kawża prinċipali, lid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien mal-Artikolu 3(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u mal-Artikolu 601(2) tal-Liġi dwar it-Trade Marks.

25

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tistax tiġi mfittxija r-responsabbiltà ta’ D. Mehta, anki jekk dan ma użax is-sinjali bi ksur tad-drittijiet tal-membri ta’ SNB‑REACT, sa fejn dan ipprovda servizzi lil persuni li jużaw l-ismijiet ta’ dominju u s-siti internet li illegalment jużaw tali sinjali, billi jikrilhom l-indirizzi IP li huma miżmuma minnu taħt kundizzjonijiet li jippermettulhom joperaw b’mod anonimu. Hija tindika wkoll li r-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq it-tifsira tal-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31, li ġew trasposti fid-dritt intern permezz tal-Artikoli 8 sa 10 tal-Liġi dwar is-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni.

26

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva [2004/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati li jirrikonoxxu l-organi ta’ rappreżentazzjoni kollettiva ta’ proprjetarji ta’ trade marks bħala persuni li għandhom il-kwalità sabiex jitolbu, f’isimhom stess, l-applikazzjoni ta’ rimedji bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-proprjetarji tat-trademarks fil-każ ta’ ksur tal-imsemmija drittijiet, u sabiex jippreżentaw, f’isimhom stess, azzjoni ġudizzjarja bil-għan li jiġu infurzati d-drittijiet ta’ proprjetarji ta’ trade marks?

2)

L-Artikoli 12, 13 u 14 tad-Direttiva [2000/31] għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu wkoll jitqies bħala dak li jipprovdi s-servizz imsemmi f’dawn l-artikoli, li għalih japplikaw il-limiti ta’ responsabbiltà previsti mill-Artikoli ċċitati iktar ’il fuq, dak li jipprovdi s-servizz li s-servizz tiegħu jikkonsisti fir-reġistrazzjoni ta’ indirizzi IP, li jippermetti li l-indirizzi IP jintrabtu ma’ ismijiet ta’ domaine b’mod anonimu, u fil-kiri ta’ dawn l-indirizzi IP?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati li jirrikonoxxu lil organu ta’ rappreżentazzjoni kollettiva ta’ proprjetarji ta’ trade marks, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala persuna li għandha l-kwalità sabiex titlob, f’isimha stess, l-applikazzjoni ta’ rimedji previsti minn din id-direttiva, bl-għan li jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawn il-proprjetarji, kif ukoll locus standi, f’isimha stess, sabiex tiddefendi dawn l-imsemmija drittijiet.

28

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, filwaqt li l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2004/48 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu, fi kwalunkwe każ, lill-proprjetarji tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bħala persuni li għandhom il-kwalità sabiex jitolbu l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji msemmija fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, il-punti (b) sa (d) tal-Artikolu 4 ta’ din tal-aħħar kollha jispeċifikaw li dan huwa biss sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli jippermettulhom jagħmlu dan u, konformement magħhom, li l-Istati Membri jirrikonoxxu din l-istess kwalità fir-rigward ta’ persuni oħra kif ukoll fir-rigward ta’ ċerti organi speċifiċi.

29

B’mod partikolari, skont l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, l-Istati Membri jirrikonoxxu tali kwalità ta’ organi ta’ ġestjoni kollettiv ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali li huma regolarment irrikonoxxuti bħala organi li jkollhom il-kwalità sabiex jirrappreżentaw lill-proprjetarji tad-drittijiet, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli jippermettulhom jagħmlu dan u konformement ma’ dawn ir-regoli.

30

Fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni, hemm lok li t-tifsira u l-portata tal-kliem “leġiżlazzjoni applikabbli”, minn naħa, u “jippermettulhom jagħmlu dan”, min-naħa l-oħra, jiġu ppreċiżati.

31

Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-riferiment għal-leġiżlazzjoni applikabbli li tinsab fl-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, fid-dawl tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, għandu jinftiehem li din tirreferi kemm għal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, u kemm, fejn xieraq, għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

32

Fir-rigward, sussegwentement, tat-tieni element imsemmi fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-Istati Membri libertà bla limitu sabiex jirrikonoxxu jew le, fir-rigward ta’ organi ta’ ġestjoni kollettiv ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-kwalità sabiex jitolbu, f’isimhom stess, l-applikazzjoni ta’ rimedji previsti minn din id-direttiva, bl-għan li jiġu protetti l-imsemmija drittijiet. Fil-fatt, tali interpretazzjoni ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni, intiża sabiex tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet ta’ dawn l-istati, minn kull effett utli.

33

Barra minn hekk, mill-premessa 18 tad-Direttiva 2004/48, li fid-dawl tagħha għandha tinqara din id-dispożizzjoni, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li l-kwalità sabiex tintalab l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti minn din id-direttiva tiġi rrikonoxxuta mhux biss għall-proprjetarji tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, iżda wkoll għal dawk li għandhom interess dirett li jipproteġu dawn id-drittijiet kif ukoll id-dritt ta’ locus standi in judicio, sa fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli tippermettih u konformement magħha. Barra minn hekk, din il-premessa tindika li din it-tieni kategorija ta’ persuni tista’ tinkludi l-organizzazzjonijiet professjonali li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-imsemmija drittijiet jew għad-difiża ta’ interessi kollettivi u individwali li għalihom huma responsabbli.

34

Minn dan isegwi li l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48, interpretat fid-dawl tal-premessa 18 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta organu li huwa responsabbli għall-ġestjoni kollettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u huwa rrikonoxxut bħala organu li għandu l-kwalità sabiex jirrappreżenta lill-proprjetarji ta’ dawn id-drittijiet jitqies mil-liġi nazzjonali bħala organu li għandu interess dirett li jiġu protetti l-imsemmija drittijiet, minn naħa, u li din il-leġiżlazzjoni tippermettilu locus standi in judicio, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri huma obbligati li jirrikonoxxu li dan l-organu għandu l-kwalità sabiex jtilob l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti minn din id-direttiva kif ukoll sabiex ikollu locus standi sabiex jiddefendi tali drittijiet.

35

Għaldaqstant, l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 għandu l-għan li jiżgura li, meta organu li huwa responsabbli għall-ġestjoni kollettiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u li jirrappreżenta lill-proprjetarji ta’ dawn id-drittijiet għandu, bis-saħħa tad-dritt intern, locus standi in judicio sabiex jiddefendi dawn id-drittijiet, l-istess kwalità għandha tiġi rrikonoxxuta speċifikament għall-finijiet li jiġu invokati l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti minn din id-direttiva.

36

Jekk din il-kundizzjoni ma tiġix issodisfatta, tali obbligu ta’ rikonoxximent ma għandux jorbot lill-Istati Membri.

37

F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tgħid li organu ta’ rappreżentazzjoni kollettiva ta’ proprjetarji ta’ trade marks huwa involut hawnhekk.

38

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk organu bħal dan jitqiesx mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala organu li għandu interess dirett li jiġu protetti d-drittijiet tal-proprjetarji tat-trade marks li huma jirrappreżentaw u jekk din il-leġiżlazzjoni tippermettilux locus standi in judicio, f’liema każ għandu jiġi ttrattat li għandu l-kwalità sabiex jitlob l-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji previsti minn din id-direttiva.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati li jirrikonoxxu lil organu ta’ rappreżentazzjoni kollettiva ta’ proprjetarji ta’ trade marks, bħalma huwa dak fil-kawża prinċipali, bħala persuna li għandha l-kwalità sabiex titlob, f’isimha stess, l-applikazzjoni ta’ rimedji previsti minn din id-direttiva, bl-għan li jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawn il-proprjetarji, kif ukoll locus standi, f’isimha stess, sabiex tiddefendi dawn l-imsemmija drittijiet, bil-kundizzjoni li dan l-organu huwa kkunsidrat, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħala persuna li għandha interess dirett li jiġu protetti dawn id-drittijiet u li din il-leġiżlazzjoni tippermettilha locus standi in judicio għal dan l-għan, li hija ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika.

Fuq it-tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-limiti ta’ responsabbiltà previsti minn dawn l-artikoli huma applikabbli għal fornitur ta’ servizz ta’ kiri u ta’ reġistrazzjoni ta’ indirizzi IP li jippermetti l-użu ta’ ismijiet ta’ dominju tal-internet b’mod anonimu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41

F’dan ir-rigward, kemm mit-titolu tad-Direttiva 2000/31 kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1), tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li dawn it-tliet dispożizzjonijiet huma applikabbli meta jiġi pprovdut servizz ta’ soċjetà tal-informazzjoni.

42

Il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa l-kunċett ta’ “servizz minn soċjetà tal-informazzjoni” bħala wieħed li jkopri s-servizzi li jiġu pprovduti mill-bogħod permezz ta’ mezzi elettroniċi għall-ipproċessar u l-ħażna ta’ data, fuq it-talba individwali ta’ destinatarji tas-servizzi u, normalment, għal remunerazzjoni (sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 110). Barra minn hekk, u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett għandu jinkludi, b’mod partikolari, is-servizzi li jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet tal-persuni li jwettqu attività ta’ bejgħ online mal-klijenti tagħhom (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 109). F’dan il-każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex elementi suffiċjenti għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiddetermina jekk is-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax taħt l-imsemmi kunċett, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

43

Fil-każ ta’ provvista ta’ servizz bħal dan, għandu jiġi evalwat jekk il-limiti ta’ responsabbiltà previsti fl-Artikolu 12(1), fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 humiex applikabbli għal fornitur ta’ dan is-servizz.

44

Għal dan l-għan, huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li tiġi ddeterminata d-dispożizzjoni li jaqa’ taħtha s-servizz ikkonċernat u, għal dak l-għan, li jiġi evalwat jekk dan is-servizz jikkostitwixxix, fir-rigward tal-karatteristiċi tiegħu, servizz ta’ “mere conduit”, servizz ta’ “caching” jew servizz ta’ hosting.

45

Jekk iva, imbagħad għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-kategorija ta’ servizzi inkwistjoni, kif stabbiliti, skont il-każ, fl-Artikolu 12(1), fl-Artikolu 13(1) jew fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, humiex issodisfatti.

46

Madankollu, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li d-domanda magħmula ma għandhiex l-għan li tikseb dettalji supplimentari fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza, iżda hija marbuta biss mal-kriterji sabiex jiġi stabbilit jekk servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex ta’ natura purament teknika, awtomatika u passiva.

47

F’dan ir-rigward, fl-aħħar nett, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 12(1), l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-premessa 42 ta’ din id-direttiva, li minnha jirriżulta li d-derogi fil-qasam tar-responsabbiltà prevista mill-imsemmija direttiva jkopru biss il-każijiet meta l-attività li jwettqu l-fornituri ta’ servizzi ta’ soċjetà tal-informazzjoni hija ta’ natura sempliċement teknika, awtomatika u passiva, li jimplika li dawn il-fornituri la għandhom għarfien ta’ u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni trażmessa jew maħżuna mill-persuni li lilhom huma jipprovdu s-servizzi tagħhom (sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 113, u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden, C‑484/14, EU:C:2016:689, punt 62).

48

Min-naħa l-oħra, dawn il-limiti ta’ responsabbiltà ma japplikawx fil-każ fejn fornitur ta’ servizzi ta’ soċjetà tal-informazzjoni għandu rwol attiv, billi jippermetti lill-klijenti tiegħu li jottimizzaw l-attività tagħhom ta’ bejgħ online (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punti 113116123 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tgħid li l-fornitur inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprovdi servizz ta’ kiri u ta’ reġistrazzjoni ta’ indirizzi IP li jippermettu lill-klijenti tiegħu jużaw ismijiet ta’ dominju u siti internet b’mod anonimu.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura ruħha, fid-dawl tal-elementi kollha tal-fatti u tal-provi rilevanti, li tali fornitur la kellu għarfien ta’ u lanqas kellu kontroll fuq l-informazzjoni trażmessa jew maħżuna mill-klijenti tiegħu, u li huwa ma għandux rwol attiv li jippermetti lil dawn tal-aħħar li jottimizzaw l-attività tagħhom ta’ bejgħ online.

51

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, jekk il-qorti tar-rinviju tasal, wara l-eżami tagħha, għall-konklużjoni li l-attività tal-fornitur inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tibbenefika mil-limiti ta’ responsabbiltà msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, jibqa’ possibbli, skont l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31, li tindirizza lill-persuna kkonċernata, fil-każ fejn l-eżistenza ta’ ksur jew ta’ riskju ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali tkun ġiet stabbilita b’mod suffiċjenti, ordni mmirata sabiex jintemm dan il-ksur jew sabiex jiġi evitat dan ir-riskju (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden, C‑484/14, EU:C:2016:689, punti 77, 7894).

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-limiti ta’ responsabbiltà previsti minn dawn l-artikoli huma applikabbli għal fornitur ta’ servizz ta’ kiri u ta’ reġistrazzjoni ta’ indirizzi IP li jippermetti l-użu ta’ ismijiet ta’ dominju tal-internet b’mod anonimu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm dan is-servizz jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji ta’ servizzi msemmija f’dawn l-artikoli u jissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti kollha, sa fejn l-attività ta’ tali fornitur tkun ta’ natura purament teknika, awtomatika u passiva, li jimplika li huwa la kellu għarfien ta’ u lanqas kellu kontroll fuq l-informazzjoni trażmessa jew maħżuna mill-klijenti tiegħu, u fejn huwa ma għandux rwol attiv, billi jippermetti lil dawn tal-aħħar li jottimizzaw l-attività tagħhom ta’ bejgħ online, li hija ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati li jirrikonoxxu lil organu ta’ rappreżentazzjoni kollettiva ta’ proprjetarji ta’ trade marks, bħalma huwa dak fil-kawża prinċipali, bħala persuna li għandha l-kwalità sabiex titlob, f’isimha stess, l-applikazzjoni ta’ rimedji previsti minn din id-direttiva, bl-għan li jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawn il-proprjetarji, kif ukoll locus standi, f’isimha stess, sabiex tiddefendi dawn l-imsemmija drittijiet, bil-kundizzjoni li dan l-organu huwa kkunsidrat, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħala persuna li għandha interess dirett li jiġu protetti dawn id-drittijiet u li din il-leġiżlazzjoni tippermettilha locus standi in judicio għal dan l-għan, li hija ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika.

 

2)

L-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-limiti ta’ responsabbiltà previsti minn dawn l-artikoli huma applikabbli għal fornitur ta’ servizz ta’ kiri u ta’ reġistrazzjoni ta’ indirizzi IP li jippermetti l-użu ta’ ismijiet ta’ dominju tal-internet b’mod anonimu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm dan is-servizz jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji ta’ servizzi msemmija f’dawn l-artikoli u jissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti kollha, sa fejn l-attività ta’ tali fornitur tkun ta’ natura purament teknika, awtomatika u passiva, li jimplika li huwa la kellu għarfien ta’ u lanqas kellu kontroll fuq l-informazzjoni trażmessa jew maħżuna mill-klijenti tiegħu, u fejn huwa ma għandux rwol attiv, billi jippermetti lil dawn tal-aħħar li jottimizzaw l-attività tagħhom ta’ bejgħ online, li hija ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Estonjan.

Top