Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0518

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018.
    Stefan Rudigier.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Artikolu 5(1) – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi – Artikolu 7(2) – Obbligu li tiġi ppubblikata ċerta informazzjoni mhux iktar tard minn sena qabel il-bidu tal-proċedimenti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Konsegwenzi tal-assenza ta’ pubblikazzjoni – Annullament tas-sejħa għal offerti – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 27(1) – Artikolu 47(1) – Direttiv 2014/25/UE – Artikolu 45(1) – Artikolu 66(1) – Avviż ta’ kuntratt.
    Kawża C-518/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:757

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    20 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Artikolu 5(1) – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi – Artikolu 7(2) – Obbligu li tiġi ppubblikata ċerta informazzjoni mhux iktar tard minn sena qabel il-bidu tal-proċedimenti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Konsegwenzi tal-assenza ta’ pubblikazzjoni – Annullament tas-sejħa għal offerti – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 27(1) – Artikolu 47(1) – Direttiv 2014/25/UE – Artikolu 45(1) – Artikolu 66(1) – Avviż ta’ kuntratt”

    Fil-Kawża C-518/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura mressqa minn

    Stefan Rudigier

    fil-preżenza ta’:

    Salzburger Verkehrsverbund GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal S. Rudigier, minn C. Casati, Rechtsanwalt,

    għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u Nru 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn Stefan Rudigier, dwar talba għall-annullament ta’ sejħa għal offerti dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, imniedi minn Salzburger Verkehrsverbund GmbH.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 1370/2007

    3

    Il-premessi 20, 21, 29 u 30 tar-Regolament Nru 1370/2007 jiddikjaraw:

    “(20)

    Meta awtorità pubblika tagħżel li tafda servizz ta’ interess ġenerali lil parti terza, hija għandha tagħżel l-operatur ta’ servizz pubbliku skond il-liġi [tal-Unjoni Ewropea] dwar il-kuntratti u l-konċessjonijiet pubbliċi, kif stabbilit mill-Artikoli 43 sa 49 tat-Trattat […], u l-prinċipji tat-trasparenza u trattament ugwali. B’mod partikolari, id-dispożizzjonjiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi applikabbli għall-awtoritajiet pubbliċi permezz tad-Direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, meta l-kuntratti għal servizz pubbliku jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

    (21)

    Protezzjoni legali effettiva għandha tkun garantita, mhux biss għall-għotjiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19)] u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)], iżda wkoll fil-każ ta’ kuntratti oħrajn mogħtija skond dan ir-Regolament. Proċedura ta’ reviżjoni effettiva hija meħtieġa u għandha tkun paragunabbli mal-proċeduri applikabbli skont id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħolijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246)] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, li tikkoordina d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirrelataw mal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet, [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315)], skont il-każ.

    […]

    (29)

    Bil-ħsieb li jingħata kuntratt ta’ servizz pubbiku bl-eċċezzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza u kuntratti fir-rigward ta’ distanzi modesti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirreklamaw, mill-inqas sena minn qabel, il-fatt, li għandhom il-ħsieb li jagħtu tali kuntratti, sabiex l-operaturi potenzjali jkunu jistgħu jirreaġixxu.

    (30)

    Kuntratti għal servizz pubbliku li jingħataw direttament għandhom ikunu soġġetti għal aktar trasparenza.”

    4

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Skop u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

    “1.   L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi [tal-Unjoni], l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment [provvista] ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.

    […]

    2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-operat nazzjonali u internazzjonali tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u b’mezzi ferrovjarji oħrajn u bit-triq, ħlief għas-servizzi li huma mħaddma prinċipalment għall-interess storiku tagħhom jew għall-valur turistiku tagħhom. […]

    […]”

    5

    L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi [2004/17] jew [2004/18], għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz kif definit f’dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi [2004/17] jew [2004/18], id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw.”

    6

    L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Pubblikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Kull awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li, għall-inqas darba fis-sena qabel it-tnedija tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti jew sena qabel l-għoti dirett, mill-inqas din l-informazzjoni li ġejja tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea:

    (a)

    l-isem u l-indirizz ta’ l-awtorità kompetenti;

    (b)

    it-tip ta’ għotja kkunsidrata;

    (ċ)

    is-servizzi u ż-żoni potenzjalment koperti mill-għotja.

    L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jippubblikawx din l-informazzjoni fejn kuntratt għal servizz pubbliku jikkonċerna l-forniment annwali ta’ anqas minn 50,000 kilometru ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri.

    Fil-każ li din l-informazzjoni tinbidel wara l-pubblikazzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti għandha tippubblika rettifika f’dan is-sens mill-aktar fis possibbli. Din ir-rettifika għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-data ta’ tnedija ta’ l-għotja diretta jew is-sejħa għall-offerti.

    […]”

    Id-Direttiva 2014/24/UE

    7

    L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), intitolat “Prinċipji fuq l-għoti ta’ kuntratti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

    It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.”

    8

    Skont l-Artikolu 27 ta’ din d-direttiva intitolat “Proċedura miftuħa”:

    “1.   Fil-proċeduri miftuħa, kwalunkwe operatur ekonomiku interessat jista’ jippreżenta offerta fir-rigward ta’ sejħa għal kompetizzjoni

    Il-limitu ta’ żmien minimu għar-riċevuta ta’ offerti għandu jkun ta’ 35 jum mid-data li fiha ntbagħat l-avviż ta’ kuntratt.

    L-offerta għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni għas-selezzjoni kwalitattiva li tkun mitluba mill-awtorità kontraenti.

    2.   Meta awtoritajiet kontraenti jkunu diġà ppubblikaw avviż informattiv minn qabel li ma kienx huwa stess użat bħala mezz għas-sejħa tal-kompetizzjoni, il-limitu ta’ żmien minimu għar-riċevuta tal-offerti jista’ jitqassar għal 15-il jum, kif stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dejjem jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    l-avviż informattiv minn qabel inkluda l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-avviż dwar kuntratt fit-taqsima I tal-parti B tal-Anness V, sa fejn dik l-informazzjoni kienet disponibbli fiż-żmien li ġie ppubblikat l-avviż informattiv minn qabel;

    (b)

    l-avviż informattiv minn qabel intbagħat għall-pubblikazzjoni bejn 35 jum u 12-il xahar qabel id-data li fiha ntbagħat l-avviż dwar kuntratt.

    3.   Fejn stat ta’ urġenza sostanzjat sew mill-awtorità kontraenti jrendi bħala imprattikabbli l-limitu ta’ żmien stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, din tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien li ma għandux ikun inqas minn 15-il jum mid-data li fiha ntbagħat l-avviż tal-kuntratt.

    4.   L-awtorità kontraenti tista’ tnaqqas b’ħamest ijiem il-limitu ta’ żmien għall-wasla ta’ offerti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta hi taċċetta li l-offerti jistgħu jiġu sottomessi b’mezzi elettroniċi f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1), u l-Artikolu 22(5) u (6).”

    9

    L-Artikolu 47 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Determinazzjoni tal-limiti taż-żmien”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Meta jiffissaw il-limiti taż-żmien għar-riċevuta ta’ offerti u talbiet għal parteċipazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jikkunsidraw il-kumplessità tal-kuntratt u ż-żmien meħtieġ għat-tfassil tal-offerti, mingħajr ħsara għal-limiti ta’ żmien minimi stabbiliti fl-Artikoli 27 sa 31.”

    10

    L-Artikolu 48 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Avviżi informattivi minn qabel”, jippreċiża fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jħabbru l-intenzjonijiet tagħhom ta’ akkwisti ppjanati permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż informattiv minn qabel. Dawk l-avviżi għandu jkun fihom l-informazzjoni stipulata fl-Anness V parti B taqsima I. Huma għandhom ikunu ppubblikati jew mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew mill-awtoritajiet kontraenti fuq il-profili ta’ xerrejja tagħhom skont il-punt 2(b) tal-Anness VIII. Meta l-avviż ta’ informazzjoni minn qabel ikun ippubblikat mill-awtoritajiet kontraenti fuq il-profil ta’ xerrejja tagħhom, għandhom jibagħtu avviż tal-pubblikazzjoni fuq il-profil ta’ xerrejja lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea tagħhom f’konformità mal-Anness VIII. Dawk l-avviżi għandu jkun fihom l-informazzjoni stipulata fl-Anness V parti A.”

    11

    Il-Parti B tat-taqsima I tal-Anness V tad-Direttiva 2014/24, li għaliha jirreferi l-Artikolu 48 ta’ din tal-aħħar, jipprovdi li l-avviż informattiv minn qabel għandu, b’mod partikolari, jinkludi informazzjoni dwar l-identità tal-entità kontraenti u l-post prinċipali tal-eżekuzzjoni tas-servizzi, jinkludi deskrizzjoni qasira tal-kuntratt, b’mod partikolari n-natura u l-firxa tas-servizzi u, fejn l-avviż ma jintużax bħala mezz ta’ sejħa għall-kompetizzjoni, għandu jiġi indikat jew id-data jew dati previsti tal-avviż jew avviżi ta’ kuntratti msemmija f’dan l-avviż informattiv minn qabel.

    12

    Skont l-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/24, intitolati, rispettivament “Traspożizzjoni u dispożizzjonijiet transizzjonali” u “Tħassir”, l-Istati Membri kienu obbligati li jikkonformaw ma’ din id-direttiva sa mhux aktar tard mit-18 ta’ April 2016, id-data li fiha d-Direttiva 2004/18 tħassret.

    Id-Direttiva 2014/25/UE

    13

    L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243), intitolat “Prinċipji ta’ akkwist”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

    It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.”

    14

    Skont l-Artikolu 45 ta’ din d-direttiva intitolat “Proċedura miftuħa”:

    “1.   Fil-proċeduri miftuħa, kwalunkwe operatur ekonomiku interessat jista’ jippreżenta offerta fir-rigward ta’ sejħa għal kompetizzjoni

    Il-limitu ta’ żmien minimu għar-riċevuta ta’ offerti għandu jkun ta’ 35 jum mid-data li fiha ntbagħat l-avviż ta’ kuntratt.

    L-offerta għandha tkun akkumpanjata mill- informazzjoni għall-għażla kwalitattiva li tkun mitluba mill-entità kontraenti.

    2.   Meta l-entitajiet kontraenti jkunu ppubblikaw avviż perjodiku indikattiv li ma ntużax huwa stess bħala mezz ta’ sejħa għalkompetizzjoni, il-limitu ta’ żmien minimu għar-riċevuta ta’ offerti, kif stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jista’ jitqassar għal 15-il jum, dment li l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu sodisfatti:

    (a)

    l-avviż perjodiku indikattiv inkluda, minbarra l-informazzjoni meħtieġa mit-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness VI, l-informazzjoni kollha meħtieġa mit-Taqsima II tal-Parti A tal-Anness VI, sa fejn din l-informazzjoni msemmija l-aħħar kienet disponibbli fiż-żmien meta ġie ppubblikat l-avviż perjodiku indikattiv;

    (b)

    l-avviż perjodiku indikattiv intbagħat għall-pubblikazzjoni bejn 35 jum u 12-il xahar qabel id-data li fiha ntbagħat l-avviż ta’ kuntratt.

    3.   Fejn stat ta’ urġenza ssostanzjat debitament mill-entità kontraenti jrendi bħala imprattikabbli l-limitu ta’ żmien stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, din tista’ jistabbilixxi limitu ta’ żmien li ma għandux ikun inqas minn 15-il jum mid-data li fiha ntbagħat l-avviż ta’ kuntratt.

    4.   L-entità kontraenti tista’ tnaqqas b’ħamest ijiem il-limitu ta’ żmien għar-riċevuta ta’ offerti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta hi taċċetta li l-offerti jistgħu jiġu ppreżentati b’mezzi elettroniċi f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(4) u l-Artikolu 40(5) u (6).”

    15

    L-Artikolu 66 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Determinazzjoni tal-limiti taż-żmien”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Meta jiffissaw il-limiti ta’ żmien għat-talbiet għal parteċipazzjoni u r-riċevuta ta’ offerti, l-entitajiet kontraenti għandhom jieħdu kont partikolari tal-kumplessità tal-kuntratt u ż-żmien meħtieġ għat-tfassil tal-offerti, mingħajr preġudizzju għal-limiti ta’ żmien minimi stabbiliti fl-Artikolu 45 sa 49.”

    16

    L-Artikolu 67 tal-istess direttiva, intitolat “Avviżi perjodiċi indikattivi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

    “L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jħabbru l-intenzjonijiet tagħhom ta’ akkwisti ppjanati permezz ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż informattiv minn qabel. Dawk l-avviżi għandu jkun fihom l-informazzjoni stabbilita fil-parti A, taqsima I tal-Anness VI. Għandhom jiġu ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew mill-entitajiet kontraenti fuq il-profili ta’ xerrej tagħhom f’konformità mal-punt 2(b) tal-Anness IX. Fejn l-avviż perjodiku indikattiv jiġi ppubblikat mill-entitajiet kontraenti fuq il-profil tax-xerrej tagħhom, huma għandhom jibagħtu avviż tal-pubblikazzjoni tal-avviż perjodiku indikattiv fuq profil ta’ xerrej lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-punt 3 tal-Anness IX. Dawk l-avviżi għandu jkun fihom l-informazzjoni stipulata fl-Anness VI Parti B.”

    17

    Skont l-Anness VI, Parti A, Taqsima I, tad-Direttiva 2014/25, li għalih jirreferi l-Artikolu 67(1) tagħha, l-avviż perjodiku indikattiv għandu jinkludi informazzjoni dwar, inter alia, l-identità ta’ l-entità kontraenti u servizz ta’ kuntatt.

    18

    Skont l-Artikolu 106(1) u l-Artikolu 107 tad-Direttiva 2014/25, intitolati, rispettivament “Traspożizzjoni u dispożizzjonijiet transizzjonali” u “Tħassir”, l-Istati Membri kienu obbligati li jikkonformaw ma’ din id-direttiva sa mhux aktar tard mit-18 ta’ April 2016, id-data li fiha d-Direttiva 2004/17 tħassret.

    Id-Direttiva 89/665/KEE

    19

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 (ĠU 2014, L 94, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva [2014/24], sakemm tali kuntratti ma jkunx esklużi skont l-Artikoli 7, 8, 9, 10, 11, 12, 15, 16, 17 u 37 ta’ dik id-Direttiva.

    […]

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva[2014/24] […], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.”

    20

    Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

    (a)

    jieħdu, ma’ l-ewwel opportunità u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

    (b)

    jew iwarrbu jew jiżguraw it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluża t-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji diskriminatorji fl-invit għal offerta, fid-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li jirrelata għall-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt;

    (ċ)

    jagħtu kumpens lill-persuni milquta minn ksur.ċ) (ċ) jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.”

    21

    L-Artikolu 2d(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin:

    (a)

    jekk l-awtorità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea meta dan ma jkunx permissibbli skond id-Direttiva [2014/24][…];

    (b)

    fil-każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, jekk dan il-ksur ikun ċaħħad lill-offerent milli japplika għal reviżjoni tal-possibbiltà li jiġu segwiti rimedji pre-kuntrattwali, fejn ksur bħal dan ikun flimkien ma’ ksur tad-Direttiva [2014/24][.], jekk dan il-ksur ikun affettwa l-opportunità għall-offerent li qed japplika għal reviżjoni, biex jikseb il-kuntratt,”

    (ċ)

    fil-każi msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2b(ċ) ta’ din id-Direttiva, jekk l-Istati Membri jkunu invokaw id-deroga mill-perijodu sospensiv għall-kuntratti li huma bbażati fuq ftehim qafas u sistema dinamika ta’ xiri.

    2.   Il-konsegwenzi ta’ meta kuntratt jitqies ineffettiv għandhom jiġu stipulati mil-liġi nazzjonali.

    Il-liġi nazzjonali tista’ tipprovdi għall- annullament retroattiv tal-obbligi kuntrattwali kollha jew tillimita l-iskop tal-annullament għal dawk l-obbligi li xorta jkunu għad iridu jitwettqu. F’dan il-każ ta’ l-aħħar, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ penali oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2e(2).”

    Id-Direttiva 92/13

    22

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/13, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”), intitolat “Skop u disponibilità tal-proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva [2014/25], sakemm tali kuntratti ma jkunux esklużi skont l-Artikoli 18 sa 24, 27 sa 30, 34 jew 55 ta’ dik id-Direttiva.

    […]

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2014/25] […], deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, fuq il-bażi li tali deċiżjonijiet jiksru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.”

    23

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/13, intitolat “Rekwiżiti għall-proċeduri ta’ reviżjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludu dispożizzjoni għall-poteri:

    jew

    (a)

    li jieħu, ma’ l-opportunità l-iktar kmieni u bħala proċedura interlokutorja, miżuri interim bl-iskop li jiġi kkoreġut il-ksur allegat jew li jiġi pprevenut dannu ulterjuri għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi assigurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jew l-implimentazzjoni ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-parti kontraenti;

    u

    (b)

    li jwarrab jew jiżgura li jitwarrbu deċiżjonijiet meħuda kontra l-liġi, inkluża t-tneħħija ta’ l-ispeċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjari fin-notifika ta’ kuntratt, in-notifika perjodika indikativa, in-notifika dwar l-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifikazzjoni, l-invit għal offerta, d-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li għandu x’jaqsam mall-proċeudra ta’ l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni;

    jew

    sabiex jieħdu, fl-opportunità l-iktar kmieni, jekk possibbli permezz ta’ proċeduri interlokutorji u jekk neċessarju permezz ta’ proċedura finali dwar is-sustanza, miżuri ta’ xort’ oħra minn dawk previsti fil-punti (a) u (b) bl-iskop li jiġi kkoreġut kull ksur identifikat u li jiġi pprevenut dannu għall-interessi konċernati; b’mod partikolari, li ssir ordni għall-ħlas ta’ somma partikolari f’każijiet meta l-ksur ma ġiex korrett jew prevenut.

    L-Istati Membri jistgħu jagħmlu din l-għażla jew għall-, partijiet kollha kontraenti jew għal kategorijii ta’ entitajiet definiti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, u f’kull każ jippreservaw l-effettività tal-miżuri stabbiliti sabiex jiġi pprevenut dannu kkawżat lill-interessi kkonċernati;

    (d)

    u, fiż-żewġ każijiet ta’ hawn fuq, sabiex jingħata kumpens lil persuni milquta ħażin minn ksur.

    […]”

    24

    L-Artikolu 2d tal-imsemmija direttiva, intitolata “Ineffettività”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

    “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-entità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każijiet li jmiss:

    (a)

    jekk l-entità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma dan ikun permissibbli skont id-Direttiva [2014/25][…];

    (b)

    fil-każ ta’ ksur ta’ l-Artikolu 1(5), l-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2a(2) ta’ din id-Direttiva, jekk dan il-ksur ikun ċaħħad lill-offerent milli japplika għal reviżjoni tal-possibbiltà li jiġu segwiti rimedji pre-kuntrattwali,fejn ksur bħal dan ikun flimkien ma’ ksur tad-Direttiva [2014/25] […], jekk dak il-ksur ikun affettwa l-opportunita’ għall-offerent li qed japplika għal reviżjoni biex jikseb il-kuntratt;

    (ċ)

    fil-każi ta’ ksur imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2b(ċ) ta’ din id-Direttiva, jekk l-Istati Membri jkunu invokaw id-deroga mill-perijodu ta’ waqfien għal kuntratti li huma bbażati fuq sistema dinamika ta’ xiri.”

    Id-dritt Awstrijak

    25

    L-Artikolu 26 tas-Salzburger Vergabekontrollgesetz 2007 (il-Liġi tal-Land ta’ Salzburg dwar il-Kontroll ta’ Akkwist tal-2007), tas-7 ta’ Frar 2007, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, intitolat “Annullament ta’ deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Il-Landesverwaltungsgericht [(il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, l-Awstrija)] għandha tannulla deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li tista’ tiġi kkontestata b’mod separat u li ġiet mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, jekk

    1.

    din id-deċiżjoni jew deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi kkontestata b’mod iżolat tikser dritt invokat mir-rikorrent […] u

    2.

    l-illegalità teżerċita influwenza deċiżiva għall-eżitu tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    26

    Fl-20 ta’ April 2016, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ sejħa għall-offerti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Salzburger Verkehrsverbund nediet proċedura miftuħa għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bix-xarabank f’Gastein (l-Awstrija), b’diversi linji tax-xarabank għal total ta’ madwar 670000 km kull sena. Kien indikat fl-avviż ta’ kuntratt li t-terminu sabiex jippreżentaw offerta tiskadi fit-8 ta’ Ġunju 2016.

    27

    Barra minn hekk, dan il-kuntratt għandu jiġi konkluż fil-forma ta’ kuntratt ta’ servizzi, u mhux ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi, u l-bidu tas-servizz kien previst għat-11 ta’ Diċembru 2016.

    28

    Salzburger Verkehrsverbund ma pproċedietx għall-pubblikazzjoni tal-avviż informattiv minn qabel, imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007.

    29

    Fil-31 ta’ Mejju 2016, Rudigier adixxa l-Landesverwaltungsgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, l-Awstrija), sabiex jikseb l-annullament tas-sejħa għall-offerti, b’mod partikolari minħabba l-ksur tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007.

    30

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2016, il-Landesverwaltungsgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg) ċaħdet l-allegazzjonijiet tar-rikorrent.

    31

    Ir-rikorrent ippreżenta rikors għal reviżjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija).

    32

    Insostenn ta’ dan ir-rikors, S. Rudigier issostni li l-Landesverwaltungsgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg) ma eżaminatx fid-dettall il-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, li kellu jsir sena qabel it-tnedija tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti.

    33

    Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) tinnota li ma hija prevista l-ebda eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 fir-rigward tas-servizzi tat-trasport li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/17 jew id-Direttiva 2004/18, u li l-premessa 29 ta’ dan ir-regolament ma jagħmel ebda distinzjoni skont is-sistema li hija applikabbli għal dawk il-kuntratti pubbliċi tat-trasport. Hija tikkonkludi li l-obbligu li tiġi ppubblikata l-informazzjoni meħtieġa għandha tapplika anki meta s-servizzi huma parti minn suq ta’ prodotti suġġetti għal waħda minn dawn id-direttivi.

    34

    Din il-qorti ssostni madankollu li, f’dan il-każ, b’differenza tas-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Hörmann Reisen (C-292/15, EU:C:2016:817), li sar f’kuntest ta’ sottokuntrattar fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, la d-Direttiva 2004/18 u lanqas id-Direttiva 2014/24 li ssostitwixxietha ma jistipulaw rekwiżit ta’ informazzjoni minn qabel, kif jagħmel l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007.

    35

    Dan jimplika li, jekk jiġi deċiż li jiġi applikat dan l-Artikolu 7(2) għal kuntratti suġġetti għal waħda minn dawn iż-żewġ direttivi, l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bil-karozzi tal-linja hija suġġetta għal sistema iktar stretta minn dik li jirregolaw servizzi oħra.

    36

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedi ebda sanzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi previsti fl-imsemmi Artikolu 7(2).

    37

    F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li operatur ta’ servizz ta’ trasport li ma josservax din id-dispożizzjoni jista’, ċertament, f’każ ta’ nonosservanza ta’ din id-dispożizzjoni, jibbenefika minn vantaġġ li għandu fuq il-kompetituri tiegħu. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-għanijiet ta’ trasparenza u nondiskriminazzjoni mfittxija minn din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti meta s-servizz ikkonċernat huwa s-suġġett ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, sa fejn l-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2014/24, jipprevedi, b’mod simili għal dak li kien jipprevedi l-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2004/18, l-awtorità kontraenti għandha tistabbilixxi t-termini tal-proċedura li tkun qed tmexxi inkunsiderazzjoni tal-kumplessità tal-kuntratt u ż-żmien meħtieġ għat-tfassil tal-offerti.

    38

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, dwar jekk ksur tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 li jistax iwassal għall-illegalità ta’ sejħa għal offerti f’ċirkustanzi fejn l-awtorità kontraenti hija barra minn hekk konformi mar-rekwiżiti previsti fid-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi.

    39

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont id-dritt Awstrijak, id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti għandha tiġi annullata biss meta l-illegalità teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Hija tqis li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn hija ma tirrendix impossibbli l-eżerċizzju ta’ dritt ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni u lanqas ma tikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza, iżda tindika li hija tixtieq tirċievi l-konferma.

    40

    Hija tenfasizza li din l-aħħar domanda hija iktar u iktar iġġustifikata peress li, fil-kawża prinċipali, skont l-allegazzjonijiet tal-entità kontraenti, S. Rudigier għal żmien twil kellu konoxxenza tas-sejħa għal offerti li kienu ħerġin, u dan ifisser li t-talbiet tiegħu kollha għandhom jiġu miċħuda, peress li l-ksur tad-dritt li huwa jinvoka ma kkawżalux preġudizzju.

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1.

    L-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 1370/2007] huwa applikabbli wkoll fil-każ ta’ għoti ta’ kuntratt ta’ servizzi fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament għal servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bil-karozzi tal-linja skont proċedura prevista fid-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi (Direttiva [2004/17] jew [2004/18])?

    2.

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

    Ksur tal-obbligu li tiġi ppubblikata, mill-inqas sena qabel il-bidu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-informazzjoni ċċitata fl-Artikolu 7(2)(a) sa (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jwassal sabiex sejħa għal offerti – mingħajr tali pubblikazzjoni sena qabel il-bidu tal-proċedura, iżda li ssir fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament fi proċedura skont id-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi – ikollha titqies bħala illegali?

    3.

    Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

    Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bis-saħħa ta’ liema l-annullament, previst fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva [89/665], ta’ sejħa għal offerti – li għandha titqies bħala illegali minħabba l-assenza ta’ pubblikazzjoni skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 – jista’ jiġi eskluż meta l-illegalità ma jkollhiex effett deċiżiv fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ għoti għaliex l-operatur ikkonċernat seta’ jirreaġixxi fil-ħin u għaliex ma kienx hemm effett ħażin fuq il-kompetizzjoni?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    42

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea saret fid-20 ta’ April 2016, jiġifieri jumejn wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttivi 2014/24 u 2014/25 fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u wara t-tħassir tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18, rispettivament, l-Artikoli 90 u 91 tad-Direttiva 2014/24, kif ukoll tal-Artikoli 106 u 107 tad-Direttiva 2014/25.

    43

    Minn dan isegwi li d-Direttiva 2014/24 jew id-Direttiva 2014/25 li hija applikabbli fil-kawża prinċipali, u mhux id-Direttiva 2004/17 jew id-Direttiva 2004/18, kif imsemmi fid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C-213/13, EU:C:2014:2067, punti 31 sa 33).

    44

    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn id-domandi jirreferu kemm għad-Direttiva 2004/17 u għad-Direttiva 2004/18. L-assenza ta’ identifikazzjoni mill-qorti tar-rinviju tad-direttiva applikabbli fil-kawża prinċipali inkwistjoni madankollu ma hijiex ta’ natura li tipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrispondi għal dawn id-domandi, minħabba li t-tweġibiet għalihom jistgħu jiġu fformulati b’mod identiku abbażi tad-Direttiva 2014/24 jew tad-Direttiva 2014/25, li ħassru u ssostitwixxew, rispettivament, lid-Direttiva 2004/18 u lid-Direttiva 2004/17.

    Fuq l-ewwel domanda preliminari

    45

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel li huwa jipprevedi japplika għall-kuntratti ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport b’xarabank li huma fil-prinċipju mogħtija konformement mal-proċeduri previsti mid-Direttiva 2014/24 jew mid-Direttiva 2014/25.

    46

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizz ta’ trasport tal-passiġġieri b’xarabank, huma biss id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) sa (6) ta’ dan ir-regolament ma japplikawx, filwaqt li d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament jibqgħu applikabbli (is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Hörmann Reisen, C-292/15, EU:C:2016:817, punt 41).

    47

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament għandu japplika għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi ta’ trasport jingħataw skont il-proċeduri stipulati mid-Direttiva 2014/24 jew mid-Direttiva 2014/25.

    48

    Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan tar-Regolament Nru 1370/2007.

    49

    Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1370/2007, li jirreferi biss għas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jipprevedi modalitajiet ta’ intervent fis-sistemi ġenerali ta’ kuntratti pubbliċi, bħal dawk irregolati mid-Direttiva 2014/24 jew id-Direttiva 2014/25. Dan ir-regolament fih regoli speċjali, li għandhom jissostitwixxu jew jissupplimentaw jew ir-regoli ġenerali tad-Direttiva 2014/24 jew tad-Direttiva 2014/25, li jipprevedi li d-direttiva saret applikabbli jew le għar-regoli fl-oqsma koperti minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Hörmann Reisen, C-292/15, EU:C:2016:817, punti 44 sa 47).

    50

    Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 hija kkonfermata minn eżami tal-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/24 u tal-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2014/25, li għandhom funzjoni parzjalment komparabbli ma’ dik tal-imsemmi Artikolu 7(2).

    51

    Fil-fatt, b’differenza mill-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri konġuntament mad-dispożizzjonijiet tal-Anness, parti B, Taqsima I, ta’ din id-direttiva, u l-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2014/25, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Anness VI, Parti A, Taqsima I, ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) tar-regolament imsemmi, minn naħa, japplikaw b’mod obbligatorju għall-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti u, min-naħa l-oħra, jirrigwardaw mhux biss is-sitwazzjoni fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti ikollha l-intenzjoni li tniedi proċedura ta’ sejħa għal offerti, iżda wkoll dik li fiha jkun hemm l-intenzjoni li jitnieda għoti dirett ta’ kuntratt. Barra minn hekk, il-pubblikazzjonijiet magħmula skont dawn id-direttivi ma għandhomx ikunu suġġetti għat-terminu imperattiv ta’ sena qabel it-tnedija tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u ma għandhomx jiġu ppubblikati neċessarjament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    52

    Għalhekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jimponi obbligi iktar speċifiċi minn dawk tad-Direttivi 2014/24 u 2014/25 u, bħala lex specialis, jipprevali fuq dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Hörmann Reisen, C-292/15, EU:C:2016:817, punti 44 sa 47).

    53

    Minn dan isegwi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel li huwa jipprevedi japplika għall-kuntratti ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport b’xarabank li huma fil-prinċipju mogħtija konformement mal-proċeduri previsti mid-Direttiva 2014/24 jew mid-Direttiva 2014/25.

    Fuq it-tieni u t-tielet domanda

    54

    Permezz tat-tieni u t-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fuq il-punt dwar jekk l-illegalità li tirriżulta mill-ksur jew l-ommissjoni tal-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel, prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ sejħa għall-offerti ppubblikata regolarment.

    55

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 21 ta’ dan ir-regolament, protezzjoni legali effettiva hija meħtieġa mhux biss għall-kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18, rispettivament mħassra u sostitwiti bid-Direttivi 2014/25 u 2014/24, iżda wkoll għall-kuntratti oħra mogħtija skont dak ir-regolament. Barra minn hekk, proċedura ta’ reviżjoni effettiva hija meħtieġa u għandha tkun paragunabbli mal-proċeduri applikabbli skont id-Direttiva 89/665 u d-Direttiva 92/13, skont il-każ.

    56

    Issa, kemm l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665 kif ukoll l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 92/13 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tippermetti, fost miżuri oħra, jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment.

    57

    Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma tipprevedix regola ġenerali li l-illegalità li tivvizzja att jew ommissjoni fi stadju partikolari tal-proċedura li tirrendi illegali kull att sussegwenti ta’ din il-proċedura u li tiġġustifika l-annullament tagħhom. Huwa biss f’ċirkustanzi speċjali definiti b’mod ċar li din il-leġiżlazzjoni tipprevedi tali konsegwenza.

    58

    L-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665 u l-Artikolu 2d tad-Direttiva 92/13 jistabbilixxu li għandhom jiġu ddikjarati bħala invalidi l-kuntratti affettwati bl-illegalitajiet li huma jelenkaw, li jinkludu każijiet fejn l-entità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma dan ikun awtorizzat skont, rispettivament, id-Direttiva 2014/24 jew tad-Direttiva 2014/25.

    59

    Madankollu, jekk l-ommissjoni mhux awtorizzata li jiġi ppubblikat avviż li jagħti bidu għal proċedura ta’ sejħa għal offerti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandha bħala regola ġenerali twassal għal dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ikkonċernat, tali konsegwenza ma hijiex prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007.

    60

    Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex dispożizzjoni speċifika li tikkonċerna ksur tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, tali leġiżlazzjoni taqa’ taħt id-dritt nazzjonali.

    61

    Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ natura proċedurali previst mid-dritt tal-Unjoni sabiex tissanzjona dritt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dawn ir-regoli ma għandhomx ikunu inqas favorevoli mir-rimedji simili ta’ natura interna (l-prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et, C‑391/15, EU:C:2017:268, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    62

    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jitfakkar li l-osservanza ta’ dan il-prinċipju jippresupponi li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt intern li jkollhom skop u kawżalità simili (is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C-246/09, EU:C:2010:418, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    63

    F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk dak il-prinċipju ġiex osservat.

    64

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi rrilevat li d-dritt li jirriżulta, għall-operaturi ekonomiċi, mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 huwa intiż, minn naħa, hekk kif ġie essenzjalment irrilevat fil-premessa 29 tiegħu, li jippermetti lill-operaturi ekonomiċi jirreaġixxu għall-intenzjonijiet tal-awtorità kontraenti jew tal-entità kontraenti, b’mod partikolari għat-tip ta’ għoti li din l-awtorità jew entità kontraenti beħsiebha tuża (sejħa għall-offerti jew l-għoti dirett), u, min-naħa l-oħra, li l-operaturi ekonomiċi jingħataw żmien biex iħejju aħjar għal kompetizzjoni.

    65

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività għandu jkun differenti skont jekk tkun prevista b’għotja diretta jew sejħiet għal offerti.

    66

    Fil-każ ta’ għotja diretta, l-assenza ta’ informazzjoni minn qabel tista’ twassal biex l-operatur ekonomiku jkun jista’ jqajjem oġġezzjonijiet qabel ma titwettaq, u dan jirriskja li jitlef definittivament il-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni. Tali sitwazzjoni tista’ tpoġġi f’dubju l-prinċipju ta’ effettività.

    67

    Min-naħa l-oħra, meta l-ksur tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 isseħħ f’kuntest fejn l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tqis li jkun hemm kompetizzjoni b’sejħa għal offerti regolari sussegwenti, tali ksur ma jkunx fih innifsu jipprekludi li l-operatur ekonomiku jista’ effettivament jipparteċipa f’kompetizzjoni.

    68

    Dwar it-tħassib espress mill-qorti tar-rinviju li ksur tal-Artikolu 7(25) tar-Regolament Nru 1370/2017 jista’ jwassal sabiex operatur ekonomiku, li diġà huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jibbenefika minn vantaġġ fuq il-kompetituri tiegħu, hemm lok li jiġi rrilevat li, meta tistabbilixxi t-termini sabiex jaslu l-offerti, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha, fuq il-bażi tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2014/24 jew tal-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/25, tieħu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-kuntratt u ż-żmien meħtieġ għat-tfassil tal-offerti.

    69

    Madankollu, jekk l-operatur ekonomiku jipproduċi l-prova li, wara l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti, in-nuqqas ta’ informazzjoni minn qabel ġie żvantaġġat b’mod sostanzjali mill-operatur ekonomiku li diġà huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u li għalhekk konoxxenza preċiża tal-karatteristiċi kollha ta’ dan il-kuntratt, il-ksur tal-prinċipju ta’ effettività jista’ jiġi kkonstatat, li jwassal għall-annullament ta’ din is-sejħa għal offerti. Tali żvantaġġ jista’ jikkostitwixxi wkoll ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    70

    Din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti tar-rinviju waqt li jitqiesu elementi rilevanti tal-każ inkwistjoni. F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li 49 jum wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie mogħti lil operaturi ekonomiċi biex iwieġbu għal dan, li jaqbeż it-termini previsti mid-Direttivi 2014/24 u 2014/25. Barra minn hekk, l-operatur ekonomiku inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien fil-pussess ta’ informazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ sejħa għal offerti qabel is-sejħa għall-offerti ġiet ippubblikata.

    71

    Barra minn hekk, u separatament mill-funzjoni ta’ rikors bħal dak imsemmi fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, operatur ekonomiku għandu dritt jippreżenta rikors kontra l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti, għar-raġuni li, fid-dokumenti tal-kuntratt, it-terminu ta’ żmien għas-sottomissjoni ta’ offerti kien qasir wisq, bi ksur tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2014/24 jew tal-Artikolu 66 tad-Direttiva 2014/25, li jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kumplessità tal-kuntratt u ż-żmien meħtieġ għat-tfassil tal-offerti.

    72

    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel li huwa jipprevedi ma jwassalx għall-annullament tas-sejħa għal offerti inkwistjoni sakemm jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ trattament ugwali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq l-ispejjeż

    73

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u Nru 1107/70, għandu jiġi interpretat kif ġej:

     

    l-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel li jipprevedi japplika għall-kuntratti ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport b’xarabank li huma fil-prinċipju mogħtija konformement mal-proċeduri previsti mid-Direttiva 2014/24 jew mid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, jew bid-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE;

    il-ksur jew nuqqas tal-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel li huwa jipprevedi ma jwassalx għall-annullament tas-sejħa għal offerti inkwistjoni sakemm jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ trattament ugwali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top