Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0509

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Mejju 2019.
    Christa Plessers vs PREFACO NV u L-Istat Belġjan.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Arbeidshof te Antwerpen.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasferiment ta’ impriżi – Direttiva 2001/23/KE – Artikoli 3 sa 5 – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Eċċezzjonijiet – Proċedura ta’ insolvenza – Proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ trasferiment taħt l-awtorità tal-ġustizzja – Salvagwardja totali jew parzjali tal-impriża – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza liċ‑ċessjonarju jżomm, wara t-trasferiment, il-ħaddiema tal-għażla tiegħu.
    Kawża C-509/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:424

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    16 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasferiment ta’ impriżi – Direttiva 2001/23/KE – Artikoli 3 sa 5 – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Eċċezzjonijiet – Proċedura ta’ insolvenza – Proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ trasferiment taħt l-awtorità tal-ġustizzja – Salvagwardja totali jew parzjali tal-impriża – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza liċ‑ċessjonarju jżomm, wara t-trasferiment, il-ħaddiema tal-għażla tiegħu”

    Fil-Kawża C‑509/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa abbażi tal‑Artikolu 267 TFUE mill-arbeidshof te Antwerpen, afdeling Hasselt (il-Qorti Industrijali ta’ Antwerpen, Sezzjoni ta’ Hasselt, il-Belġju) permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Awwissu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Awwissu 2017, fil‑proċedura

    Christa Plessers

    vs

    Prefaco NV,

    Belgische Staat,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Vilaras, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský (Relatur), L. Bay Larsen, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal C. Plessers, minn J. Nulens u M. Liesens, advocaten,

    għal Prefaco NV, minn J. Van Acker u S. Sonck, advocaten,

    għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn C. Raymaekers, advocaat,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u M. Van Hoof, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Jannar 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Christa Plessers u, min-naħa l-oħra, Prefaco NV u Belgische Staat (l-Istat Belġjan) dwar il-legalità tat-tkeċċija tagħha.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23:

    “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.”

    4

    Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva:

    “1.   It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu.

    L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-ewwel subparagrafu ma japplikax għal ċerti kategoriji speċifiċi ta’ mpjegati li mhumiex koperti mil-liġijiet jew mill-prattika ta’ l-Istati Membri għar-rigward ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija.

    2.   Jekk il-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol jintemmu minħabba li t-trasferiment jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat, min jimpjega għandu jitqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg.”

    5

    Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva:

    “Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, l-Artikoli 3 u 4 m’ għandhomx japplikaw għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju meta min ikun qed jagħmel it-trasferiment huwa s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ xi proċedimenti analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment awtorizzat minn awtorità pubblika kompetenti).”

    Id-dritt Belġjan

    6

    L-Artikolu 22 tal-wet betreffende de continuïteit van de ondernemingen (il-Liġi dwar il-Kontinwità tal-Impriżi) tal-31 ta’ Jannar 2009 (Belgisch Staatsblad, 9 ta’ Frar 2009, p. 8436), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LCE”), jipprovdi:

    “Sakemm il-qorti ma tkunx iddeċidiet dwar ir-rikors għal riorganizzazzjoni ġudizzjarja, irrispettivament minn jekk l-azzjoni tkunx ġiet ippreżentata jew jekk ikunux inbdew l-atti eżekutorji qabel jew wara l-preżentazzjoni tar-rikors:

    id-debitur ma jistax jiġi ddikjarat fallut, u f’każ ta’ kumpannija, din lanqas ma tista’ tiġi llikwidata ġudizzjarjament;

    ebda trasferiment ta’ beni mobbli jew immobbli tad-debitur ma jista’ jseħħ wara l-eżerċizzju tal-atti eżekutorji.”

    7

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-LCE jipprovdi:

    “Is-sentenza li tordna t-trasferiment taħtar mandatarju tal-ġustizzja responsabbli mill-organizzazzjoni u mit-twettiq tat-trasferiment f’isem u għan-nom tad-debitur. Hija tiddetermina l-għan tat-trasferiment jew tħallih għall-evalwazzjoni tal-mandatarju tal-ġustizzja.”

    8

    Skont l-Artikolu 61(4) tal-LCE:

    “Iċ-ċessjonarju għandu l-għażla tal-ħaddiema li huwa jixtieq iżomm. Din l-għażla għandha tkun ibbażata fuq raġunijiet tekniċi, ekonomiċi u ta’ organizzazzjoni u titwettaq mingħajr differenzazzjoni pprojbita, b’mod partikolari, abbażi tal-attività eżerċitata bħala rappreżentant tal-persunal fl-impriża jew fil-parti tal-impriża ttrasferita.

    L-assenza ta’ differenzazzjoni pprojbita f’dan ir-rigward hija meqjusa stabbilita jekk il-proporzjon ta’ ħaddiema u tar-rappreżentanti tagħhom li kienu attivi fl-impriża jew fil-parti tal-impriża ttrasferita u li ntgħażlu miċ-ċessjonarju jiġi osservat fin-numru totali ta’ ħaddiema magħżula.”

    9

    Skont l-Artikolu 62 tal-LCE:

    “Il-mandatarju tal-ġustizzja maħtur għandu jorganizza u jeżegwixxi t-trasferiment ordnat mill-qorti permezz tal-bejgħ jew tat-trasferiment ta’ assi mobbli jew immobbli li jkunu meħtieġa jew utli għaż-żamma tal-attività ekonomika kollha tal-impriża jew ta’ parti minnha.

    Huwa għandu jitlob offerti u għandu jagħti prijorità liż-żamma tal-attività kollha tal-impriża jew ta’ parti minnha, filwaqt li jikkunsidra d-drittijiet tal-kredituri. […]

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    10

    C. Plessers kienet impjegata minn Echo NV fis-sit ta’ Houthaen-Helchteren (il-Belġju) mis-17 ta’ Awwissu 1992 sax-xahar ta’ April 2013.

    11

    Fit-23 ta’ April 2012, fuq talba ta’ Echo, ir-rechtbank van koophandel te Hasselt (il-Qorti Kummerċjali ta’ Hasselt, il-Belġju) bdiet proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja sabiex tikseb il-qbil tal-kredituri taħt l-Artikoli 44 sa 58 tal-LCE. Din l-impriża ngħatat sospensjoni sat-23 ta’ Ottubru 2012 u, imbagħad, sat-22 ta’ April 2013.

    12

    Fid-19 ta’ Frar 2013, jiġifieri qabel l-iskadenza tas-sospensjoni, ir-Rechtbank van koophandel te Hasselt (il-Qorti Kummerċjali ta’ Hasselt) laqgħet it-talba ppreżentata minn Echo intiża sabiex tibdel it-trasferiment bi ftehim fi trasferiment taħt l-awtorità tal-ġustizzja.

    13

    Fit-22 ta’ April 2013, dik il-qorti awtorizzat lill-mandatarji tal-ġustizzja jipproċedu bit-trasferiment tal-assi mobbli u immobbli lil Prefaco, waħda miż-żewġ kumpanniji kandidati biex jieħdu l-attività ta’ Echo. Fil-proposta tagħha, Prefaco kienet offriet li żżomm 164 ħaddiem, jiġifieri madwar żewġ terzi tal-persunal kollu ta’ Echo.

    14

    Il-ftehim tat-trasferiment ġie ffirmat fl-istess jum. Fl-Anness 9 ta’ dan il-ftehim kienet annessa l-lista ta’ ħaddiema li kienu ser jinżammu. Isem C. Plessers ma kienx f’din il-lista.

    15

    Barra minn hekk, l-imsemmi ftehim kien jipprovdi li t-trasferiment kellu jsir effettiv jumejn tax-xogħol wara d-data tal-imsemmija sentenza ta’ awtorizzazzjoni tar-rechtbank van koophandel te Hasselt (il-Qorti Kummerċjali ta’ Hasselt).

    16

    Fit-23 ta’ April 2013, Prefaco kkuntattjat bit-telefon lill-ħaddiema miżmuma u talbithom sabiex l-għada jippreżentaw ruħhom sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. Fl-24 ta’ April 2013, Prefaco kkonfermat dan it-trasferiment bil-miktub. Fir-rigward tal-kumplament tal-ħaddiema, dawn ġew ikkuntattjati bit-telefon u informati mill-mandatarji tal-ġustizzja, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ April 2013, li Prefaco ma kinitx żammithom.

    17

    Il-kontenut ta’ din l-ittra kien is-segwenti:

    “Din l-ittra hija notifika uffiċjali skont l-Artikolu 64(2) tal-[LCE]. L-attivitajiet [ta’ Echo] ġew itterminati sa mit-22 ta’ April 2013. Peress li inti ma ġejtx miżmuma miċ-ċessjonarji ċċitati iktar ’il fuq, inti għandek tikkunsidra din l-ittra bħala terminazzjoni tal-kuntratt mill-persuna li timpjegak, [Echo]. Bħala kreditur potenzjali [ta’ Echo], nissuġġerulek tippreżenta l-kreditu tiegħek lill-mandatarji tal-ġustizzja hawn taħt iffirmati […]”.

    18

    Il-mandatarji tal-ġustizzja bagħtu wkoll lil C. Plessers formola li ssemmi d-data tat-23 ta’ April 2013 bħala dik tat-terminazzjoni tal-kuntratt.

    19

    Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Mejju 2013, C. Plessers intimat lil Prefaco żżommha. Hija allegat li Prefaco kienet bdiet tuża l-istabbiliment ta’ Houthalen-Helchteren sa mit-22 ta’ April 2013, data li fiha r-rechtbank van koophandel te Hasselt (il-Qorti Kummerċjali ta’ Hasselt) tat is-sentenza tagħha.

    20

    Prefaco ċaħdet din it-talba permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2013, billi għamlet riferiment għall-Artikolu 61(4) tal-LCE, li jagħti liċ-ċessjonarju d-dritt li jagħżel il-ħaddiema li huwa jixtieq iżomm, sa fejn, minn naħa, tali għażla tkun ibbażata fuq raġunijiet tekniċi, ekonomiċi jew ta’ organizzazzjoni, u min-naħa l-oħra, ma jkunx hemm differenzazzjoni pprojbita. Prefaco kompliet targumenta li ma kinitx marbuta bl-obbligu li terġa’ timpjega lil C. Plessers wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol li kien jorbot lil din tal-aħħar ma’ Echo.

    21

    Permezz ta’ rikors tal-11 ta’ April 2014, C. Plessers ippreżentat rikors quddiem l-arbeidsrechtbank te Antwerpen (it-Tribunal Industrijali ta’ Antwerpen, il-Belġju).

    22

    Barra minn hekk, fl-24 ta’ Lulju 2015, C. Plessers ħarrket lill-Istat Belġjan b’intervent forzat.

    23

    B’sentenza tat-23 ta’ Mejju 2016, l-arbeidsrechtbank te Antwerpen (it-Tribunal Industrijali ta’ Antwerpen) iddikjara t-talbiet kollha ta’ C. Plessers infondati u kkundannaha għall-ispejjeż kollha.

    24

    C. Plessers appellat minn din is-sentenza quddiem l-arbeidshof te Antwerpen, afdeling Hasselt (il-Qorti Industrijali ta’ Antwerpen, Sezzjoni ta’ Hasselt, il-Belġju), li ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Id-dritt tal-għażla mogħti liċ-ċessjonarju fl-Artikolu 61(4) tal-[LCE] […] huwa konformi mad-Direttiva [2001/23], u b’mod partikolari mal-Artikoli 3 u 5 ta’ din id-direttiva, sa fejn din ir-‘riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ trasferiment taħt l-awtorità tal-ġustizzja’ hija applikabbli bl-għan taż-żamma taċ-ċedent kollu jew parti minnu jew tal-attivitajiet tiegħu?”

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    25

    Prefaco tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, billi tinnota li, mill-perspettiva tagħha, id-domanda magħmula ma hijiex rilevanti sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, peress li din it-tilwima hija bejn żewġ individwi, C. Plessers ma tistax tinvoka d-Direttiva 2001/23 sabiex teskludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali ċara.

    26

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, b’mod partikolari r-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24, u tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 31).

    27

    Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25, u tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 32).

    28

    Peress li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/23, għandu jiġi osservat li, huwa minnu li fir-rigward ta’ tilwima bejn individwi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u ma tistax għalhekk tiġi invokata bħala tali kontra tiegħu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, ukoll b’mod konsistenti, iddeċidiet li l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha kif ukoll id-dmir tagħhom li jadottaw il-miżuri ġenerali jew partikolari kollha xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu jorbot lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, lill-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    29

    Minn dan isegwi li, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali li qegħdin jintalbu jinterpretawh għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha ta’ dan id-dritt u japplikaw il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu għall-interpretazzjoni tiegħu, sakemm ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u għalhekk konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ma jistax jitqies li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda relazzjoni mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li tikkonċerna problema ta’ natura ipotetika.

    31

    Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    32

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi t-tilwima ppreżentata quddiemha. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-31 ta’ Mejju 2018, Zheng, C‑190/17, EU:C:2018:357, punt 27).

    33

    Fil-każ preżenti, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk il-liġi nazzjonali li tinvoka hijiex konformi mal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2001/23.

    34

    Issa, minn naħa, kif ifformulata, din id-domanda twassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, dwar il-kompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, ħaġa li hija ma għandhiex tagħmel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 29).

    35

    Min-naħa l-oħra, għalkemm l-imsemmija domanda ma tirrigwardax espliċitament l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23, dan l-artikolu, peress li jikkonċerna l-protezzjoni tal-ħaddiema minn kull tkeċċija miċ-ċedent jew miċ-ċessjonarju fuq il-bażi tat-trasferiment, huwa rilevanti għar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju.

    36

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula għandha tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li hija intiża, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk id-Direttiva 2001/23, b’mod partikolari l-Artikoli 3 sa 5 tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża li jkun sar fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ trasferiment taħt l-awtorità tal-ġustizzja applikata bl-għan taż-żamma taċ-ċedent kollu jew ta’ parti minnu jew tal-attivitajiet tiegħu, tipprevedi, għaċ-ċessjonarju, id-dritt li jagħżel il-ħaddiema li jixtieq iżomm.

    37

    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23, sakemm l-Istati Membri ma jipprevedux mod ieħor, l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-Direttiva ma japplikawx għat-trasferimenti ta’ impriżi fejn iċ-ċedent ikun is-suġġett ta’ proċeduri ta’ falliment jew ta’ proċedura ta’ insolvenza analoga mibdija bil-għan tal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent u li tkun tinstab taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika kompetenti.

    38

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23, sa fejn, bħala prinċipju, jagħmel inapplikabbli s-sistema ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ ċerti trasferimenti ta’ impriża u jiddevja għalhekk mill-għan prinċipali li huwa l-bażi ta’ din id-direttiva, għandu neċessarjament ikun suġġett għal interpretazzjoni stretta (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Verkvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 41).

    39

    Għalhekk, għandu, l-ewwel nett, jiġi ddeterminat jekk it-trasferiment ta’ impriża bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23.

    40

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jiġi żgurat li tali trasferiment jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi stipulati f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li ċ-ċedent għandu jkun suġġett għal proċedura ta’ falliment jew għal proċeduri ta’ insolvenza analoga, li din il-proċedura għandha tinbeda għall-finijiet tal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent u li din tkun taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Verkvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 44).

    41

    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kundizzjoni li ċ-ċedent għandu jkun suġġett għal proċedura ta’ falliment jew għal proċeduri ta’ insolvenza analoga, għandu jiġi osservat li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm il-qorti ma tkunx iddeċidiet dwar it-talba għar-riorganizzazzjoni ġudizzjarja, id-debitur ma jistax jiġi ddikjarat fallut u, fil-każ ta’ kumpannija, din lanqas ma tista’ tiġi xolta ġudizzjarjament.

    42

    Issa, minn naħa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa paċifiku bejn il-partijiet li proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja ma tistax titqies li hija proċedura ta’ falliment.

    43

    Min-naħa l-oħra, jekk proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ twassal għall-falliment tal-impriża kkonċernata, tali konsegwenza la tidher li hija awtomatika u lanqas li hija ċerta.

    44

    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kundizzjoni li l-proċedura għandha tinbeda għall-finijiet tal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li proċedura intiża għat-tkomplija tal-attività tal-impriża kkonċernata ma tissodisfax din il-kundizzjoni (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Verkvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    45

    Issa, kif jirriżulta mill-kliem innifsu tad-domanda magħmula, il-qorti nazzjonali kompetenti ordnat tali proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz tat-trasferiment taħt l-awtorità tal-ġustizzja bil-għan taż-żamma tat-totalità jew ta’ parti minn Echo jew tal-attivitajiet tagħha.

    46

    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li l-proċedura inkwistjoni għandha tkun taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika kompetenti, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jirriżulta li, minn naħa, il-mandatarju tal-ġustizzja maħtur mis-sentenza li tordna t-trasferiment huwa inkarigat mill-organizzazzjoni u mit-twettiq tiegħu f’isem u għan-nom tad-debitur. Min-naħa l-oħra, dan il-mandatarju għandu jitlob offerti u għandu jagħti prijorità liż-żamma tal-attività kollha tal-impriża jew ta’ parti minnha, filwaqt li jikkunsidra d-drittijiet tal-kredituri. Fil-każ li jkun hemm diversi offerti paragunabbli, il-prijorità tingħata lil dik li tiggarantixxi l-permanenza tal-impjieg permezz ta’ ftehim soċjali.

    47

    Issa, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kontroll hekk eżerċitat mill-mandatarju fil-kuntest tal-proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ trasferiment taħt l-awtorità tal-ġustizzja ma jistax jissodisfa din il-kundizzjoni, peress li l-portata tiegħu hija iktar limitata minn dik tal-kontroll eżerċitat mill-mandatarju fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment.

    48

    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ trasferiment taħt l-awtorità tal-ġustizzja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 u li, konsegwentement, it-trasferiment imwettaq taħt tali kundizzjonijiet ma huwiex kopert mill-eċċezzjoni prevista f’dik id-dispożizzjoni.

    49

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 jibqgħu applikabbli għal każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    50

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu, it-tieni nett, jiġi ddeterminat jekk l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti liċ-ċessjonarju l-possibbiltà li jagħżel il-ħaddiema li jixtieq iżomm.

    51

    F’dan ir-rigward, qabel kollox, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 jirriżulta li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għaċ-ċedent minn kuntratt ta’ impjieg jew minn relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment ta’ impriża huma, minħabba dan it-trasferiment, ittrasferiti liċ-ċessjonarju.

    52

    Fil-fatt, kif iddeċidiet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2001/23, inkluż l-Artikolu 3 tagħha, hija intiża sabiex tiżgura ż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ bdil fit-tmexxija tal-impriża billi tippermettilhom jibqgħu fis-servizz tal-persuna l-ġdida li timpjega bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma maċ-ċedent. L-għan tal-imsemmija direttiva huwa li tiġi ggarantita, sa fejn ikun possibbli, il-kontinwazzjoni tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ impjieg, mingħajr tibdil, maċ-ċessjonarju, sabiex jiġi evitat li l-ħaddiema kkonċernati jitqiegħdu f’pożizzjoni inqas favorevoli sempliċiment minħabba dan it-trasferiment (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Settembru 2010, Briot, C‑386/09, EU:C:2010:526, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Sussegwentement, abbażi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23, it-trasferiment ta’ impriża ma jikkostitwixxix fih innifsu bażi għal tkeċċija miċ-ċedent jew miċ-ċessjonarju. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix tkeċċijiet li jistgħu jseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu.

    54

    Minn kliem din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-tkeċċijiet li jseħħu fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ impriża għandhom ikunu mmotivati minn raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu li ma jkunux intrinsikament relatati mal-imsemmi trasferiment.

    55

    Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk qieset li l-assenza ta’ ftehim bejn iċ-ċessjonarju u sidien il-kera dwar kuntratt tal-kera ġdid, l-impossibbiltà li jinstab fond kummerċjali ieħor jew l-impossibbiltà li l-persunal jiġi ttrasferit fi ħwienet oħra jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Kirtruna u Vigano, C‑313/07, EU:C:2008:574, punt 46).

    56

    F’dan il-każ, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li ċ-ċessjonarju għandu d-dritt li jagħżel il-ħaddiema li jixtieq iżomm; madankollu, din l-għażla għandha tkun immotivata minn raġunijiet tekniċi, ekonomiċi u ta’ organizzazzjoni u għandha titwettaq mingħajr differenzazzjoni pprojbita.

    57

    Issa, jidher li tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tirrigwardax, għall-kuntrarju tal-perspettiva li minnha jifforma parti l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23, lill-ħaddiema li jkunu s-suġġett ta’ tkeċċija, iżda lil dawk li l-kuntratt ta’ impjieg tagħhom jiġi ttrasferit, fejn huwa sottointiż li l-għażla miċ-ċessjonarju tal-persuni msemmija l-aħħar tkun ibbażata fuq raġunijiet tekniċi, ekonomiċi u ta’ organizzazzjoni.

    58

    Għalkemm huwa minnu li l-ħaddiema mhux magħżula miċ-ċessjonarju kkonċernat u, għaldaqstant, imkeċċija huma dawk li fir-rigward tagħhom, impliċitament iżda neċessarjament, iċ-ċessjonarju ma jqisx li hemm xi raġuni teknika, ekonomika jew ta’ organizzazzjoni li teħtieġ it-trasferiment tal-kuntratt ta’ impjieg, xorta jibqa’ l-fatt li dan iċ-ċessjonarju ma għandu l-ebda obbligu li juri li t-tkeċċijiet li seħħew fil-kuntest tat-trasferiment huma dovuti għal raġunijiet tekniċi, ekonomiċi jew ta’ organizzazzjoni.

    59

    Għalhekk jidher li l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura li tikkomprometti serjament l-osservanza tal-għan prinċipali tad-Direttiva 2001/23, kif speċifikat fl-Artikolu 4(1) tagħha u kif imfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema kontra tkeċċijiet mhux iġġustifikati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi.

    60

    Għandu madankollu jitfakkar, kif diġà ġie enfasizzat fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, li qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn individwi, li tinsab fl-impossibbiltà li twettaq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha b’mod li jkun konformi ma’ direttiva mhux trasposta jew trasposta b’mod żbaljat, ma hijiex marbuta, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, li tħalli mhux applikati dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Il-parti leża bin-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mal-imsemmija direttiva tista’ madankollu tinvoka l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428), sabiex tikseb mill-Istat Membru, skont il-każ, kumpens għad-dannu subit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punti 4956).

    61

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2001/23, b’mod partikolari l-Artikoli 3 sa 5 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża li jkun sar fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ trasferiment taħt l-awtorità tal-ġustizzja applikata bl-għan taż-żamma taċ-ċedent kollu jew ta’ parti minnu jew tal-attivitajiet tiegħu, tipprevedi, għaċ-ċessjonarju, id-dritt li jagħżel il-ħaddiema li jixtieq iżomm.

    Fuq l-ispejjeż

    62

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, b’mod partikolari l-Artikoli 3 sa 5 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża li jkun sar fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ trasferiment taħt l-awtorità tal-ġustizzja applikata bl-għan taż-żamma taċ-ċedent kollu jew ta’ parti minnu jew tal-attivitajiet tiegħu, tipprevedi, għaċ-ċessjonarju, id-dritt li jagħżel il-ħaddiema li jixtieq iżomm.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top