Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0496

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-16 ta’ Jannar 2019.
    Deutsche Post AG vs Hauptzollamt Köln.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Artikolu 39 – Status ta’ operatur ekonomiku awtorizzat – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) – Applikant li ma huwiex persuna fiżika – Kwestjonarju – Ġbir ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Artikoli 6 u 7 – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 5 u 6 – Ipproċessar ta’ data personali.
    Kawża C-496/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:26

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    16 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Artikolu 39 – Status ta’ operatur ekonomiku awtorizzat – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) – Applikant li ma huwiex persuna fiżika – Kwestjonarju – Ġbir ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Artikoli 6 u 7 – Regolament (UE) 2016/679 – Artikoli 5 u 6 – Ipproċessar ta’ data personali”

    Fil-Kawża C‑496/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Awwissu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

    Deutsche Post AG

    vs

    Hauptzollamt Köln,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Lulju 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Deutsche Post AG, minn U. Möllenhoff, Rechtsanwalt,

    għal Hauptzollamt Köln, minn W. Liebe u M. Greve-Giesow kif ukoll minn M. Hageroth, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García u V. Ester Casas, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn R. Kissné Berta, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35 u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Deutsche Post AG u Hauptzollamt Köln (l-Uffiċċju Doganali Prinċipali ta’ Köln, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Doganali”), dwar in-natura u l-portata ta’ data personali ta’ terzi li għandha tiġi ppreżentata sabiex impriża tibbenefika mill-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat, previst fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2016, L 267, p. 2 u fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Il-leġiżlazzjoni doganali

    3

    It-Titolu I tal-Kodiċi Doganali jinkludi l-Kapitolu 2, intitolat “Drittijiet u obbligi ta’ persuni fir-rigward tal-leġislazzjoni doganali”, li jinkludi t-Taqsima 4, intitolata “L-operatur ekonomiku awtorizzat” (iktar ’il quddiem l-“OEA”), li jagħmlu parti minnha l-Artikoli 38 sa 41.

    4

    L-Artikolu 38 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

    “1.   Operatur ekonomiku li hu stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni u li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 39 jista’ japplika għall-istatus ta’ [OEA].

    L-awtoritajiet doganali għandhom, jekk meħtieġ wara konsultazzjoni ma’ awtoritajiet oħra kompetenti, jagħtu dak l-istatus, li għandu jkun soġġett għal sorveljanza.

    2.   L-istatus ta’ [OEA] għandu jikkonsisti fit-tipi ta’ awtorizzazzjoni li ġejjin:

    (a)

    dik ta’ [OEA] għas-simplifikazzjonijiet doganali, li għandha tippermetti li d-detentur jibbenefika minn ċerti simplifikazzjonijiet skont il-leġislazzjoni doganali; jew

    (b)

    dik ta’ [OEA] għas-sikurezza u s-sigurtà li għandha tintitola lid-detentur għal faċilitazzjonijiet marbuta mas-sikurezza u s-sigurtà.

    […]

    5.   L-awtoritajiet doganali għandhom, abbażi tar-rikonoxximent tal-istatus ta’ [OEA] għal simplifikazzjonijiet doganali u sakemm ir-rekwiżiti marbuta ma’ tip speċifiku ta’ simplifikazzjoni prevista fil-leġislazzjoni doganali jkunu sodisfatti, jawtorizzaw lill-operatur biex igawdi minn dik is-simplifikazzjoni. L-awtoritajiet doganali m’għandhomx jerġgħu jeżaminaw dawk il-kriterji li diġà kienu eżaminati meta ingħata l-istatus ta’ [OEA].

    6.   L-[OEA] imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jgawdi minn trattament aktar favorevoli minn operaturi ekonomiċi oħra fir-rigward ta’ kontrolli doganali skont it-tip ta’ awtorizzazzjoni mogħtija, inklużi kontrolli fiżiċi u bbażati fuq id-dokumenti inqas frekwenti.

    […]”

    5

    L-Artikolu 39 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

    “Il-kriterji biex jingħata status ta’ operatur ekonomiku awtorizzat għandhom ikunu dawn li ġejjin:

    (a)

    in-nuqqas ta’ kwalunkwe ksur serju jew ksur ripetut tal-leġislazzjoni doganali u r-regoli tat-tassazzjoni, inkluż ebda rekord ta’ reati kriminali serji marbuta mal-attività ekonomika tal-applikant;

    […]”

    6

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-istess kodiċi:

    “Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 39.”

    7

    It-Titolu I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 jinkludi l-Kapitolu 2, intitolat “Drittijiet u obbligi ta’ persuni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni doganali”, li jinkludi s-Sezzjoni 3, intitolata “Operatur ekonomiku awtorizzat”, li jagħmlu parti minnha l-Artikoli 24 sa 35.

    8

    Skond it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-regolament:

    “Meta l-applikant ikun persuna fiżika, il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 39(a) tal-Kodiċi [Doganali] għandu jitqies li ġie sodisfatt jekk, matul l-aħħar tliet snin, l-applikant u, meta dan ikun applikabbli, l-impjegat inkarigat għall-kwistjonijiet doganali tal-applikant ma jkunu wettqu ebda ksur serju jew ksur ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u r-regoli ta’ tassazzjoni u ma kellhom ebda rekord ta’ reati kriminali serji marbuta mal-attività ekonomika tagħhom:

    l-

    applikant;

    il-

    persuna responsabbli għall-applikant jew li teżerċita kontroll fuq il-ġestjoni tiegħu;

    l-

    impjegat inkarigat għall-kwistjonijiet doganali tal-applikant.”

    9

    Il-premessa 9 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 tas-17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fejn is-sistemi elettroniċi rilevanti għadhom ma sarux operazzjonali u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (ĠU 2016, L 69, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016 L 101, p. 33, fil-ĠU 2017, L 281, P. 34 u fil-ĠU 2018, L 152, p. 61), jipprovdi:

    “Minħabba li għadha trid tiġi aġġornata s-sistema elettronika meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi li jirregola kemm l-applikazzjoni għall-istatus ta’ [OEA] kif ukoll l-awtorizzazzjoni tiegħu, il-mezzi li qegħdin jintużaw bħalissa, jiġifieri f’forma stampata u dawk elettroniċi, għandhom ikomplu jintużaw sakemm tiġi aġġornata s-sistema.”

    10

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali dwar il-mezzi għall-iskambju u l-ħażna tad-dejta msemmija fl-Artikolu 278 tal-Kodiċi [Doganali] sakemm jibdew joperaw is-sistemi elettroniċi li huma meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet [ta’ dan il-] Kodiċi.

    2.   Ir-rekwiżiti tad-dejta, il-formats u l-kodiċijiet, li jridu jiġu applikati għall-perjodi tranżizzjonali stipulati f’dan ir-Regolment, ir-Regolament Delegat [tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1)], u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni [2015/2447] huma stabbiliti fl-Annessi għal dan ir-Regolament.”

    11

    Ir-Regolament ta’ Delega 2016/341 jinkludi l-Kapitolu 1, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, li jinkludi t-Taqsima 3, intitolata “Applikazzjoni għall-istatus ta’ [OEA], li fil-kuntest tagħha l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Sad-data tal-aġġornament tas-sistema tal-[OEA] msemmija fl-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2014 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Ħidma għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2014, L 134, P. 46)], l-awtoritjiet doganali jistgħu jippermettu li jintużaw mezzi oħrajn, minbarra t-tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-dejta jistgħu jintużaw fir-rigward tal-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet relatati mal-[OEA], jew jistgħu jħallu lok għal kwalunkwe eventwalità li tista’ taffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali.

    2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

    (a)

    applikazzjonijiet għall-istatus ta’ [OEA] għandhom jiġu ppreżentati bl-użu tal-format tal-formola stabbilit fl-Anness 6; u

    […]”

    12

    L-Anness 6 tal-imsemmi regolament jinkludi parti intitolata “Noti ta’ spjega”. Il-punt 19 ta’ dawn in-noti, dwar l-isem, id-data u l-firma tal-applikant, jindika b’mod partikolari dan li ġej:

    “[…]

    L-għadd ta’ annessi: l-applikant għandu jagħti l-informazzjoni ġenerali li ġejja:

    1.

    Deskrizzjoni fil-qosor tal-proprjetarji/azzjonisti ewlenin, fejn jiġu ddikjarati l-ismijiet u l-indirizzi u l-imgħaxijiet proporzjonali tagħhom. Deskrizzjoni fil-qosor tal-membri tal-bord tad-diretturi. Il-proprjetarji huma magħrufa mill-awtoritajiet doganali għal imġieba preċedenti li mhix konformi?

    2.

    Il-persuna responsabbli fl-amministrazzjoni tal-applikant għall-kwistjonijiet doganali.

    […]

    8.

    L-ismijiet ta’ dawk li għandhom il-karigi ewlenin (diretturi maniġerjali, kapijiet tad-diviżjonijiet, maniġers tal-kontabilità, kapijiet tad-diviżjoni doganali, eċċ.). Deskrizzjoni tar-rutini adottati f’sitwazzjonijiet fejn l-impjegat kompetenti mhuwiex preżenti, b’mod temporanju jew permanenti.

    9.

    L-ismijiet u l-pożizzjonijiet fi ħdan l-organizzazzjoni tal-applikanti li għandhom kompetenza doganali speċifika. Valutazzjoni tal-livell ta’ għarfien ta’ dawn il-persuni fit-rigward tal-użu tat-teknoloġija tal-IT fil-proċessi doganali u kummerċjali u fi kwistjonijiet kummerċjali ġenerali.

    […]”

    Id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali

    13

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) kien jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

     

    ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

     

    ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

    […]”

    14

    L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva kien ifformulat kif ġej:

    “1.   Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

    ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

    miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. […]

    adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

    […]

    2.   Għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità mal-paragrafu 1.”

    15

    Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva:

    “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

    […]

    (ċ)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur

    […]”

    16

    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1), daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Mejju 2016. Huwa rrevoka d-Direttiva 95/46 b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018.

    17

    L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jinkludi, fost l-oħrajn, id-definizzjonijiet li ġejjin:

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli […]; persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

    ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

    […]”

    18

    L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi:

    “1.   Id-data personali għandha:

    tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (“legalità, ġustizzja u trasparenza”);

    tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; […]

    tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (“minimizzazzjoni tad-data”);

    […]

    2.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (“responsabbiltà”).”

    19

    L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi:

    “1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

    […]

    (c)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

    […]

    3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

    (a)

    il-liġi tal-Unjoni, jew

    (b)

    il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

    Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali […]. Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

    […]”

    Id-dritt Ġermaniż

    20

    L-Artikolu 139a(1) tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxi Ġermaniż, iktar ’il quddiem l-“AO”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

    “L-Uffiċċju Federali tat-Taxxa għandu jattribwixxi lil kull persuna taxxabbli, għall-identifikazzjoni inekwivokabbli tagħha fil-proċeduri fiskali, kodiċi uniku u permanenti (kodiċi ta’ identifikazzjoni), li għandu jiġi pprovdut mill-persuna taxxabbli jew minn terz li għandu jikkomunika d-data tal-istess persuna lill-awtoritajiet fiskali, fi kwalunkwe konsultazzjoni, dikjarazzjoni jew komunikazzjoni mal-awtoritajiet tat-taxxa. Il-kodiċi ta’ identifikazzjoni għandu jkun kompost minn sekwenza numerika li ma tistax tiġi kostrutta jew dedotta minn data oħra tal-persuna taxxabbli, u l-aħħar ċifra għandha tkun ċifra ta’ kontroll […]”

    21

    L-Artikolu 139b tal-AO, intitolat “Numru ta’ identifikazzjoni”, jipprovdi:

    “(1)   Persuna fiżika tista’ tirċievi biss numru ta’ identifikazzjoni wieħed […]

    (2)   L-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu jiksbu u jużaw in-numru ta’ identifikazzjoni biss meta jkun meħtieġ sabiex jissodisfaw il-funzjonijiet legali tagħhom jew meta jkunu espressament awtorizzati jew ordnati jagħmlu dan minn dispożizzjoni legali. Korpi pubbliċi jew privati oħrajn jistgħu:

    1.

    jiksbu u jużaw in-numru ta’ identifikazzjoni biss meta dan ikun meħtieġ għall-komunikazzjoni tad-data bejn dawn il-korpi u l-awtoritajiet fiskali jew meta jkunu espressament awtorizzati jew ordnati jagħmlu dan minn dispożizzjoni legali; […]

    3.

    jużaw in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ persuna taxxabbli miksub legalment sabiex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom ta’ informazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet tat-taxxa, sakemm l-obbligu ta’ komunikazzjoni jkun tal-persuna taxxabbli stess u l-ġbir u l-użu tan-numru ta’ identifikazzjoni jkunu koperti mill punt 1 […]

    […]”

    22

    L-Artikolu 38(1) u (3) tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, iktar ’il quddiem l-“EstG”), fil-verżjoni tagħha applikabbli meta seħħew il-fatti, huwa fformolat kif ġej:

    “(1)   Fir-rigward tad-dħul mix-xogħol bis-salarju, it-taxxa fuq id-dħul għandha tinġabar permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn (taxxa fuq is-salarji), sakemm is-salarju jitħallas minn persuna li timpjega […]

    […]

    (3)   Il-persuna li timpjega għandha tnaqqas it-taxxa fuq is-salarji, f’isem il-persuna impjegata, ma’ kull pagament ta’ salarji”.

    23

    Skont l-Artikolu 39(1) tal-EstG, intitolat “Data individwali għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarji”:

    “Sabiex tiġi imposta t-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarji, għandha tiġi ddeterminata, fuq talba tal-impjegat, id-data individwali intiża għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn […]”

    24

    Skont l-Artikolu 39e tal-EStG, intitolat “Proċedura dwar l-istabbiliment u l-applikazzjoni tad-dejta individwali elettroniċi, għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn tat-taxxa fuq is-salarji”:

    “(1)   L-Uffiċċju Federali tat-Taxxa għandu jiddetermina, għal kull impegat, ġeneralment b’mod awtomatiku, il-klassi tat-taxxa, kif ukoll, għall-ulied li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fuq il-bażi tal-klassijiet ta’ taxxa I sa IV, in-numru ta’ tnaqqis mit-taxxa għall-ulied dipendenti bħala data individwali għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn tat-taxxa fuq is-salarji (il-punti 1 u 2 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 39(4)). F’każ li l-uffiċċju tat-taxxa jiddetermina d-data individwali għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn skont l-Artikolu 39, huwa għandu jikkomunikahom lill-Uffiċċju Federali tat-Taxxa sabiex jagħmilhom disponibbli għal konsultazzjoni awtomatika mill-persuna li timpjega […]

    (2)   L-Uffiċċju Federali tat-Taxxa għandu jirreġistra l-elementi għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn sabiex jagħmilhom disponibbli għall-konsultazzjoni awtomatika mill-persuna li timpjega, filwaqt li jindika n-numru ta’ identifikazzjoni u jżid, għal kull persuna taxxabbli, mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 139b(3) tal-Abgabenordnung (il-Kodiċi tat-Taxxa), dan li ġej

    1.

    l-appartenenza legali għal komunità reliġjuża li tiġbor it-taxxa, kif ukoll id-data tal-adeżjoni u l-irtirar,

    2.

    l-istat ċivili u d-data tal-ħolqien jew tat-tmiem tal-istat ċivili u, għall-persuni miżżewġin, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-konjuġi,

    3.

    l-ulied, bin-numru ta’ identifikazzjoni tagħhom,

    […]

    (4)   Meta tinbeda relazzjoni ta’ impjieg, il-persuna impjegata għandha tikkomunika lil kull waħda mill-persuni li jimpjegawha, sabiex ikunu jistgħu jikkonsultaw id-data individwali għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn:

    1.

    in-numru ta’ identifikazzjoni tagħha u d-data tat-twelid tagħha,

    […]

    Fil-bidu tal-kuntratt tax-xogħol, il-persuna li timpjega għandha tiġbor elettronikament, mill-Uffiċċju Federali tat-Taxxa, id-data individwali elettronika intiża għall-kalkolu tat-taxxa f’ras il-għajn dwar l-impjegat u tinkludihom fil-kont tas-salarju tal-impjegat.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    25

    Deutsche Post għandha l-istatus ta’ destinatarju awtorizzat, ta’ dak ta’ konsenjatarju awtorizzat, u għandha awtorizzazzjoni għall-użu ta’ garanzija komprensiva, li jikkostitwixxu semplifikazzjonijiet fil-kuntest tas-sistema doganali tal-Unjoni.

    26

    Peress li l-Kodiċi Doganali emenda l-kundizzjonijiet individwali ta’ għoti ta’ awtorizzazzjonijiet doganali, l-uffiċċju prinċipali, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ April 2017, talab lil Deutsche Post twieġeb kwestjonarju ta’ awtoevalwazzjoni, li fih hija kellha tidentifika b’mod preċiż il-membri tal-bordijiet konsultattivi u superviżorji, id-diretturi ewlenin (diretturi maniġerjali, kapijiet tad-diviżjonijiet, maniġers tal-kontabbiltà, persuni responsabbli mill-kwistjonijiet doganali, eċċ.) u dawk responsabbli mill-ġestjoni fi kwistjonijiet doganali jew dawk responsabbli mill-ipproċessar tagħhom, billi tittrażmetti, b’mod partikolari, in-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa ta’ kull waħda minn dawn il-persuni fiżiċi u d-dettalji kollha tal-uffiċċji fiskali kompetenti fir-rigward tagħhom.

    27

    L-Uffiċċju Doganali informa lil Deutsche Post li, fin-nuqqas ta’ kollaborazzjoni, ma kienx ser ikun possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti fil-Kodiċi Doganali kinux issodisfatti u li, fil-każ li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux iktar issodisfatti, huwa kien ser jirrevoka l-awtorizzazzjonijiet li kienet tibbenefika minnhom.

    28

    Permezz tar-rikors tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), Deutsche Post tikkontesta l-obbligu ta’ trażmissjoni lill-Uffiċċju Doganali tan-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-persuni kkonċernati u tad-dettalji tal-uffiċċji fiskali kompetenti fir-rigward tagħhom.

    29

    Deutsche Post issostni li l-grupp ta’ persuni fi ħdan il-kumpannija tagħha li huma affettwati mid-domandi magħmula mill-Uffiċċju Doganali huwa kbir ħafna, u li parti minn dawn il-persuni ma hijiex ser tkun disposta li tagħti kunsens għat-trażmissjoni ta’ data personali u li dan il-grupp huwa ikbar minn dak tal-persuni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447. Hija tqis li s-sitwazzjoni tal-impjegati tagħha fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul ma tippermettix li jiġi evalwat jekk twettaqx ksur serju jew repetut tal-leġiżlazzjoni doganali jew fiskali, jew reati kriminali serji fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha. Skont Deutsche Post, il-ġbir ta’ numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa la huwa meħtieġ u lanqas adatt sabiex tiġi ddeterminata l-affidabbiltà tagħha fir-rigward tad-dritt doganali, u li l-verifika tas-sitwazzjoni fiskali personali tal-persuni kkonċernati kollha hija sproporzjonata meta mqabbla ma’ dan l-għan.

    30

    L-Uffiċċju Doganali jsostni li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud. Huwa jsostni, prinċipalment, li t-trażmissjoni ta’ numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata identifikazzjoni ċara tal-persuni kkonċernati fil-kuntest ta’ talba għal informazzjoni li huwa jista’ jippreżenta fl-uffiċċju fiskali kompetenti, li skambju ta’ informazzjoni huwa pprovdut, każ b’każ, biss jekk l-imsemmi uffiċċju jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu informazzjoni dwar ksur serju repetut tal-leġiżlazzjoni fiskali, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-proċeduri ta’ sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi jew il-proċeduri kriminali abbandunati, u li l-ksur repetut ta’ din il-leġiżlazzjoni jittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-każ ta’ repetizzjoni sproporzjonata meta mqabbla man-natura u d-daqs tal-attività kummerċjali tal-applikant għall-awtorizzazzjoni. L-Uffiċċju Doganali jqis li l-grupp ta’ persuni kkonċernati mid-domandi magħmula huwa konformi mal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni.

    31

    Skont il-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2015/2447, moqri fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tar-Regolament 2016/679, peress li n-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-persuni kkonċernati u d-dettalji tal-uffiċċji fiskali kompetenti fir-rigward tagħhom jikkostitwixxu data personali.

    32

    Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk it-trażmissjoni ta’ tali data tikkostitwixxix ipproċessar legali fid-dawl tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447. Min-naħa l-oħra, hija għandha dubju dwar il-ħtieġa tal-użu tad-data personali tal-impjegati u ta’ membri tal-bord superviżorju ta’ Deutsche Post, liema data nġabret għall-finijiet ta’ impożizzjoni tat-taxxa fuq id-dħul permezz ta’ tnaqqis tat-taxxa f’ras il-għajn fuq is-salarji.

    33

    Il-qorti tar-rinviju tqis li d-data personali ta’ dawn l-impjegati ma għandhiex rabta diretta mal-evalwazzjoni tal-affidabbiltà ta’ Deutsche Post fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt doganali u ma għandha ebda relazzjoni mal-attività ekonomika tagħha.

    34

    Hija tistaqsi jekk, fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-amministrazzjoni doganali tistax titlob data personali, bħal numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-persuni kkonċernati u d-dettalji tal-uffiċċji fiskali kompetenti għall-impożizzjoni tat-taxxa fuq id-dħul ta’ dawn il-persuni. Hija tosserva li l-membri tal-bord superviżorju ma humiex imsemmija fl-Anness 6 tar-Regolament Delegat 2016/341 u li, bħall-kapijiet ta’ dipartimenti u bħall-ġestjonarji tal-kontabbiltà, ma humiex responsabbli mill-ipproċessar ta’ kwistjonijiet relatati mal-leġislazzjoni doganali.

    35

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [2015/2447] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jippermetti lill-awtoritajiet doganali jeżiġu mingħand l-applikant li huwa jinformahom, fir-rigward tal-membri tal-bord ta’ sorveljanza tiegħu u tal-impjegati tiegħu li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ diretturi ġenerali, kapijiet ta’ dipartimenti, ġestitur tas-servizzi ta’ kontabbiltà, kap tad-dipartiment doganali, kif ukoll tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni ta’ kwistjonijiet doganali u dawk inkarigati jittrattawhom, bin-numri ta’ identifikazzjoni fiskali mogħtija mill-uffiċċju federali tat-taxxa għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul, kif ukoll bl-uffiċċji tat-taxxa responsabbli għall-istabbiliment tat-taxxa fuq id-dħul?”

    Fuq id-domanda preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    36

    Sabiex jindirizzaw aspetti mir-risposta għad-domanda magħmula, il-partijiet ikkonċernati, minbarra l-Kummissjoni, jibbbażaw ruħhom fuq ir-Regolament 2016/679, li tirreferi għalih ukoll il-qorti tar-rinviju.

    37

    Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li peress li l-fatti fil-kawża prinċipali seħħew f’April 2017, id-Direttiva 95/46 hija applikabbli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

    38

    Dan premess, fir-rigward tan-natura dikjaratorja tar-rikors quddiem il-qorti nazzjonali (Feststellungsklage), ma huwiex eskluż li dan ir-regolament huwa applikabbli ratione temporis għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li din il-kwistjoni ma ġietx iċċarata fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

    39

    Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha ssir fid-dawl kemm tad-Direttiva 95/46 kif ukoll tar-Regolament 2016/679.

    Fuq il-mertu

    40

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, moqri fid-dawl tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament Nru 2016/679, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet doganali jistgħu jeżiġu mill-applikant għall-istatus ta’ OEA li jipprovdi numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, għall-finijiet tal-impożizzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, li jikkonċernaw lill-membri tal-bord superviżorju tiegħu u l-impjegati tiegħu li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ diretturi maniġerjali, kapijiet tad-diviżjonijiet, ġestjonarji tal-kontabbiltà, u persuni responsabbli għall-kwistjonijiet doganali, inklużi dawk responsabbli għall-ġestjoni ta’ kwistjonijiet doganali u dawk responsabbli għall-ipproċessar tagħhom, kif ukoll id-dettalji tal-uffiċċji fiskali kompetenti fir-rigward ta’ dawn il-persuni kollha.

    41

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni 2015/2447 jipprovdi li, meta l-applikant għall-istatus ta’ OEA ma huwiex persuna fiżika, il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 39(a) tal-Kodiċi Doganali jitqies li huwa ssodisfatt jekk, matul l-aħħar tliet snin, ebda waħda mill-persuni li hemm riferiment għalihom fl-imsemmi artikolu ma tkun wettqet ksur serju jew ksur repetut tal-leġiżlazzjoni doganali jew tad-dispożizzjonijiet fiskali u ma tkun instabet ħatja ta’ reati kriminali serji b’rabta mal-attività ekonomika tagħha.

    42

    Il-persuni speċifikati huma biss l-applikant, il-persuna responsabbli minnu jew li teżerċita kontroll fuq il-ġestjoni tiegħu u l-impjegat inkarigat mill-kwistjonijiet doganali tal-applikant. Il-qari ta’ din id-dispożizzjoni jindika li din il-lista hija eżawrjenti.

    43

    Għalhekk, ma jistax jiġi aċċettat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 jista’ jiġi interpretat bħala li jkopri persuni fiżiċi għajr dawk li huma responsabbli mill-applikant, li jikkontrollaw il-ġestjoni tiegħu jew li huma responsabbli mill-kwistjonijiet doganali tiegħu. B’hekk, din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-membri ta’ bordijiet konsultattivi u bordijiet superviżorji ta’ persuna ġuridika, il-kapijiet ta’ dipartiment, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li huma responsabbli għall-kwistjonijiet doganali tal-applikant, il-ġestjonarji tal-kontabbilità u l-persuni responsabbli mill-ipproċessar ta’ kwistjonijiet doganali.

    44

    Id-diretturi ġenerali, min-naħa tagħhom, jistgħu jkunu obbligati jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, huma jitqiesu responsabbli għall-applikant jew jikkontrollaw il-ġestjoni tiegħu.

    45

    Ċertament, ir-Regolament Delegat 2016/341 jipprovdi, fil-punt 19 tan-Noti ta’ spjega fl-Anness 6 tiegħu, li l-applikant għall-istatus ta’ OEA għandu jipprovdi, annessi mal-formola tal-applikazzjoni għal dan l-istatus, l-ismijiet u l-pożizzjonijiet fi ħdan l-organizzazzjoni tal-applikant ta’ lista iktar estiża ta’ persuni fiżiċi bħal dik li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447.

    46

    Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li r-Regolament Delegat 2016/341 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li għandu bħala suġġett jew bħala effett deroga mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Kodiċi Doganali, li jgħid li l-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 39 ta’ dan il-kodiċi, li għandhom jiġu eżaminati sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jistax jingħata l-istatus ta’ OEA.

    47

    Għalhekk, ir-Regolament Delegat 2016/341 ma jistax ikollu effett fuq il-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447.

    48

    Barra minn hekk, il-fatt li din id-dispożizzjoni tipprovdi li r-rekwiżiti li teżiġi japplikaw għall-“persuna” responsabbli għall-applikant jew li teżerċita kontroll fuq il-ġestjoni tiegħu u għall-“impjegat” responsabbli mill-kwistjonijiet doganali f’isem l-applikant ma jistax iwassal għall-konklużjoni li dawn ir-rekwiżiti jikkonċernaw biss persuna waħda responsabbli għall-applikant jew li teżerċita kontroll fuq il-ġestjoni tiegħu u impjegat wieħed responsabbli għal kwistjonijiet doganali fil-kumpannija tiegħu.

    49

    Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, fi ħdan l-organizzazzjoni ta’ impriża, numru ta’ persuni fiżiċi jkunu responsabbli konġuntament minnha jew jeżerċitaw kontroll fuq il-ġestjoni tagħha konġuntament, u li numru ta’ persuni fiżiċi oħra jkunu responsabbli mill-kwistjonijiet doganali tagħha, b’mod partikolari fuq bażi territorjali.

    50

    Konsegwentement, il-persuni fiżiċi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 huma dawk kollha li, fi ħdan l-organizzazzjoni tal-applikant, huma responsabbli minnha jew jeżerċitaw kontroll fuq il-ġestjoni tagħha kif ukoll dawk li huma responsabbli għall-kwistjonijiet doganali tal-kumpannija.

    51

    Fit-tieni lok, sabiex l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jwieġbu għal applikazzjoni għall-istatus ta’ OEA, din id-dispożizzjoni timplika li għandhom jingħataw aċċess għad-data li tippermetti li jiġi stabbilit li ebda waħda mill-persuni fiżiċi li tagħmel riferiment għalihom ma wettqet ksur serju jew ksur repetut tal-leġiżlazzjoni doganali u tad-dispożizzjonijiet fiskali, jew ma nstabet ħatja ta’ reati kriminali serji b’rabta mal-attività ekonomika tagħha.

    52

    F’dan il-każ, l-awtoritajiet doganali Ġermaniżi jitolbu t-trażmissjoni tan-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-persuni fiżiċi msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza u tad-dettalji kollha tal-uffiċċji fiskali kompetenti fir-rigward ta’ dawn il-persuni.

    53

    F’tali sitwazzjoni, huwa importanti li, jekk il-prattika ta’ dawn l-awtoritajiet tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 jew tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2016/679, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali għandha tiġi osservata.

    54

    F’dan ir-rigward, din il-leġiżlazzjoni timplika li r-rispett tad-dritt għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ tali data jikkonċerna kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (ara, f’dan is-sens, sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 52, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz, C-291/12, EU:C:2013:670, punt 26).

    55

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li d-data fiskali tikkostitwixxi “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2015, Bara et, C‑201/14, EU:C:2015:638, punt 29, kif ukoll tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C-73/16, EU:C:2017:725, punt 41).

    56

    Numru ta’ identifikazzjoni fiskali jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, data fiskali relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli u, għalhekk, data personali. Barra minn hekk, minħabba r-rabta stabbilita bejn in-numru ta’ identifikazzjoni fiskali ta’ persuna speċifikament identifikata u l-informazzjoni dwar iċ-ċentru fiskali kompetenti fir-rigward ta’ tali persuna, imwettaq mill-awtoritajiet doganali, din l-informazzjoni għandha titqies bħala data personali.

    57

    Kwalunkwe pproċessar tad-data personali għandu, minn naħa, jikkonforma mal-prinċipji dwar il-kwalità tad-data stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46 jew fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2016/679 u, min-naħa l-oħra, jissodisfa wieħed mill-prinċipji dwar il-leġittimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data elenkati fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jew tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C-465/00, C-138/01 u C-139/01, EU:C:2003:294, punt 65, kif ukoll tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317, punt 71).

    58

    B’mod partikolari, id-data personali għandha, skont l-Artikolu 6(1)(b) u (c) tad-Direttiva 95/46 jew tal-Artikolu 5(1)(b) u (c) tar-Regolament 2016/679, tinġabar għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u għandha tkun adatta, rilevanti, u limitata għal dak li huwa neċessarju fid-dawl tal-imsemmija għanijiet, u l-ipproċessar, skont l-Artikolu 7(c) ta’ din id-Direttiva jew l-Artikolu 6(1)(c) ta’ dan ir-regolament, ikun biss legali jekk dan ikun neċessarju għall-konformità mal-obbligu legali li huwa suġġett għalih il-kontrollur.

    59

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rekwiżit li l-ipproċessar tad-data personali jkun ġust, previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46 jew fl-Artikolu 5 tar-Regolament 2016/679, jimplika obbligu li l-persuni kkonċernati jiġu informati bil-ġbir ta’ din id-data mill-awtoritajiet doganali għall-finijiet tal-ipproċessar sussegwenti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Bara et, C-201/14, EU:C:2015:638, punt 34).

    60

    Fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidher, minn naħa, li n-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-persuni fiżiċi, ġew inizjalment miġbura mill-persuna li timpjega lil dawn il-persuni sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul u, b’mod partikolari, tal-obbligu tal-persuna li timpjega li tiġbor it-taxxa permess ta’ tnaqqis f’ras il-għajn tat-taxxa dovuta minn kull waħda minn dawn il-persuni fiżiċi fir-rigward tax-xogħol remunerat tagħha.

    61

    Min-naħa l-oħra, il-ġbir sussegwenti ta’ din id-data personali mill-awtoritajiet doganali sabiex tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għal status ta’ OEA tidher li hija neċessarja għall-osservanza ta’ obbligu legali li huma suġġett għalih dawn l-awtoritajiet skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 u l-kundizzjonijiet li jistabbilixxi għall-għoti ta’ dan l-istatus. F’dan ir-rigward, l-imsemmija data tinġabar u għaldaqstant tiġi pproċessata għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi.

    62

    L-istess jgħodd fir-rigward tal-ġbir, mill-awtoritajiet doganali, tad-dettalji tal-uffiċċji fiskali kompetenti għall-evalwazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul ta’ dawk il-persuni fiżiċi, peress li l-għan ta’ tali ġbir huwa wkoll li jippermetti lil dawn l-awtoritajiet iwieġbu għal applikazzjoni għal status ta’ OEA.

    63

    Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-ġbir tad-data mill-awtoritajiet doganali, jiġifieri n-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa ta’ persuni fiżiċi u d-dettalji tal-uffiċċji fiskali kompetenti fir-rigward tagħhom għall-finijiet tal-evalwazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, huwa adatt, rilevanti u limitat għal dak li huwa neċessarju għall-finijiet li għalihom tinġabar id-data personali.

    64

    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-awtoritajiet doganali jagħtu l-istatus ta’ OEA lil operatur huwa, fir-realtà, ekwivalenti għad-delega lil dan tal-aħħar ta’ parti mill-funzjonijiet ta’ kontroll tal-leġiżlazzjoni doganali. Għalhekk, huwa importanti li, qabel ma jingħata tali status, dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-applikant tal-imsemmi status fir-rigward tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali u dwar l-affidabbiltà tal-persuni fiżiċi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 fir-rigward tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni doganali u tad-dispożizzjonijiet fiskali li jikkonċernawhom.

    65

    Għaldaqstant, il-ġbir ta’ numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-persuni fiżiċi biss imsemmija f’dan l-artikolu kif ukoll tad-dettalji tal-uffiċċji fiskali kompetenti fir-rigward tagħhom jikkostitwixxi miżura adatta u rilevanti sabiex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jivverifikaw jekk twettaqx wieħed mill-ksur stabbiliti fl-imsemmi artikolu.

    66

    Barra minn hekk, id-data personali miġbura minn dawn l-awtoritajiet tidher li hija limitata għal dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447, sa fejn din id-data hija ristretta u, fiha nnifisha, ma tiżvelax lill-awtoritajiet doganali informazzjoni sensittiva dwar ċirkustanzi personali, bħall-istatus ċivili jew affiljazzjoni reliġjuża, jew dwar id-dħul tal-persuni fiżiċi kkonċernati.

    67

    Filwaqt li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-ġbir ta’ numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-persuni fiżiċi elenkati f’dan l-artikolu u ta’ dettalji ta’ uffiċċji fiskali kompetenti fir-rigward tagħhom tista’, bħala prinċipju, tippermetti lill-awtoritajiet doganali jaċċedu għal data personali li ma għandha ebda rabta mal-attività ekonomika tal-applikant għall-istatus ta’ OEA, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur tad-dispożizzjonijiet fiskali, imsemmi f’dan l-artikolu, ma huwiex limitat għal dak relatat mal-attività ekonomika tal-applikant għall-istatus ta’ OEA.

    68

    F’dan ir-rigward, jidher korrett li, qabel l-għoti ta’ dan l-istatus lil applikant, li, kif jirriżulta mill-punt 64 ta’ din is-sentenza, jammonta għal delega lil dan tal-aħħar tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet proprji tal-awtoritajiet doganali, ikun meħtieġ li dawn l-awtoritajiet jivverifikaw mhux biss jekk dan tal-aħħar josservax il-leġiżlazzjoni doganali, iżda wkoll jekk, fir-rigward tal-livell tagħhom ta’ responsabbiltà fi ħdan l-istruttura organizzattiva ta’ dan l-applikant, il-persuni fiżiċi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 ma wettqux, huma stess, ksur serju jew ksur repetut ta’ din il-leġiżlazzjoni jew tad-dispożizzjonijiet fiskali, indipendentement minn jekk dan il-ksur kellux rabta mal-attività ekonomika tal-applikant.

    69

    Konsegwentement, il-ġbir mill-awtoritajiet doganali ta’ numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tal-persuni fiżiċi elenkati b’mod eżawrjenti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 u ta’ dettalji tal-uffiċċji fiskali kompetenti fir-rigward ta’ dawn il-persuni huwa biss awtorizzat sa fejn din id-data tippermetti lil dawn l-awtoritajiet jiksbu informazzjoni dwar ksur serju jew repetut tal-leġiżlazzjoni doganali jew tad-dispożizzjonijiet fiskali jew dwar reati kriminali serji mwettqa minn dawn il-persuni fiżiċi b’rabta mal-attività ekonomika tagħhom.

    70

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2015/2447, moqri fid-dawl tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament 2016/679, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet doganali jistgħu jeżiġu li l-applikant għal status ta’ OEA jipprovdi n-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, allokati għall-finijiet ta’ ġbir tat-taxxa fuq id-dħul, li jirrigwardaw biss il-persuni fiżiċi li huma responsabbli mill-applikant jew li jeżerċitaw kontroll fuq il-ġestjoni tiegħu u dawk li huma responsabbli għall-kwistjonijiet doganali tiegħu, kif ukoll d-dettalji tal-uffiċċji fiskali kompetenti fir-rigward ta’ dawk il-persuni kollha, sa fejn din id-data tippermetti lil dawn l-awtoritajiet jiksbu informazzjoni dwar ksur serju jew repetut tal-leġiżlazzjoni doganali jew ta’ dispożizzjonijiet fiskali jew dwar reati kriminali serji mwettqa minn dawn il-persuni fiżiċi b’rabta mal-attività ekonomika tagħhom.

    Fuq l-ispejjeż

    71

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqri fid-dawl tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet doganali jistgħu jeżiġu li l-applikant għal status ta’ operatur ekonomiku awtorizzat jipprovdi n-numri ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, allokati għall-finijiet ta’ ġbir tat-taxxa fuq id-dħul, li jirrigwardaw biss il-persuni fiżiċi li huma responsabbli mill-applikant jew li jeżerċitaw kontroll fuq il-ġestjoni tiegħu u dawk li huma responsabbli għall-kwistjonijiet doganali tiegħu, kif ukoll id-dettalji tal-uffiċċji fiskali kompetenti fir-rigward ta’ dawk il-persuni kollha, sa fejn din id-data tippermetti lil dawn l-awtoritajiet jiksbu informazzjoni dwar ksur serju jew repetut tal-leġiżlazzjoni doganali jew ta’ dispożizzjonijiet fiskali jew dwar reati kriminali serji mwettqa minn dawn il-persuni fiżiċi b’rabta mal-attività ekonomika tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż..

    Top