This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0494
Judgment of the Court (First Chamber) of 8 May 2019.#Ministero dell'Istruzione, dell'Università e della Ricerca - MIUR v Fabio Rossato and Conservatorio di Musica F.A. Bonporti.#Request for a preliminary ruling from the Corte di Appello di Trento.#Reference for a preliminary ruling — Social policy — Fixed-term work — Contracts concluded with a public sector employer — Measures to penalise misuse of fixed-term employment contracts — Conversion of the employment relationship into a relationship of indefinite duration — Limitation on the retroactive effect of the conversion –No financial remedies.#Case C-494/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019.
Ministero dell'Istruzione, dell'Università e della Ricerca - MIUR vs Fabio Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte di Appello di Trento.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol għal żmien determinat – Kuntratti konklużi ma’ persuna li timpjega li taqa’ taħt is-settur pubbliku – Miżuri intiżi sabiex jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat – Trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat – Limitazzjoni tal-effett retroattiv tat-trasformazzjoni – Assenza ta’ kumpens finanzjarju.
Kawża C-494/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019.
Ministero dell'Istruzione, dell'Università e della Ricerca - MIUR vs Fabio Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte di Appello di Trento.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol għal żmien determinat – Kuntratti konklużi ma’ persuna li timpjega li taqa’ taħt is-settur pubbliku – Miżuri intiżi sabiex jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat – Trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat – Limitazzjoni tal-effett retroattiv tat-trasformazzjoni – Assenza ta’ kumpens finanzjarju.
Kawża C-494/17.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:387
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
8 ta’ Mejju 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol għal żmien determinat – Kuntratti konklużi ma’ persuna li timpjega li taqa’ taħt is-settur pubbliku – Miżuri intiżi sabiex jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat – Trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat – Limitazzjoni tal-effett retroattiv tat-trasformazzjoni – Assenza ta’ kumpens finanzjarju”
Fil-Kawża C‑494/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte d’appello di Trento (il-Qorti tal-Appell ta’ Trento, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura
Ministero dell’ Istruzione, dell’ Università e della Ricerca – MIUR
vs
Fabio Rossato,
Conservatorio di Musica F. A. Bonporti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qegħda taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Arabadjiev (Relatur), E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal F. Rossato, minn A. Mastrolia, avvocatessa, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, C. Colelli u G. D’Avanzo,, avvocati dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u M. van Beek, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Diċembru 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Ministero dell’Istruzione, dell’Università u della Ricerca – MIUR (il-Ministeru għall-Edukazzjoni, għall-Universitajiet u għar-Riċerka – MIUR, l-Italja) u, min-naħa l-oħra, Fabio Rossato u l-Conservatorio di Musica F. A. Bonporti (il-Konservatorju tal-Mużika F. A. Bonporti, l-Italja) dwar il-kumpens għad-dannu allegatament subit minn F. Rossato minħabba l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat matul il-perijodu ta’ bejn it‑18 ta’ Novembru 2003 u t‑2 ta’ Settembru 2015. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, din hija intiża sabiex “[iġ]ġib fis-seħħ il-ftehim qafas […] konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija [il-Konfederazzjoni Ewropea tas-Sindakati (ETUC), l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ Min Iħaddem fl-Ewropa (UNICE) u ċ-Ċentru Ewropew tal-Impriżi Pubbliċi (CEEP)] annessi hawn”. |
4 |
Skont il-Klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jiġi evitat l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. |
5 |
Il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, bit-titolu “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprevedi:
|
Id-dritt Taljan
6 |
L-Artikolu 1(95) tal-legge n. 107 – Riforma del sistema nazionale di istruzione e formazione e delega per il riordino delle disposizioni legislative vigenti (il-Liġi Nru 107 – ir-Riforma tas-Sistema Nazzjonali tal-Edukazzjoni u tal-Formazzjoni u d-Delega għar-Riorganizzazzjoni tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi fis-Seħħ), tat‑13 ta’ Lulju 2015 (GURI Nru 162, tal‑15 ta’ Lulju 2015, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 107/2015”), jipprovdi: “Għas-sena skolastika 2015/2016, il-[MIUR] huwa awtorizzat jimplimenta pjan straordinarju ta’ reklutaġġ ta’ għalliema għal żmien indeterminat għall-iskejjel pubbliċi tal-livelli kollha, bil-għan li jimla l-pożizzjonijiet kollha li huma komuni u li jsostnu l-persunal ‘de jure’, li jkunu għadhom vakanti u disponibbli wara l-operazzjonijiet ta’ ħatra bħala uffiċjali permanenti mwettqa għall-istess sena skolastika skont l-Artikolu 399 tat-test uniku previst mid-[decreto legislativo n. 297 – Testo unico delle disposizioni legislative in materia di istruzione (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 297 li Jiġbor f’Test Uniku d-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi fil-Qasam tat-Tagħlim), tas‑16 ta’ April 1994 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 115, tad‑19 ta’ Mejju 1994) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 297/1994”)], li wara t-twettiq tagħhom għandhom jitħassru l-listi ta’ kandidati xierqa tal-kompetizzjonijiet ibbażati fuq kwalifiki u eżamijiet ippubblikati qabel l‑2012 […]” |
7 |
Skont l-Artikolu 1(131) tal-Liġi Nru 107/2015: “B’effett mill‑1 ta’ Settembru 2016, il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-għalliema u mal-persunal edukattiv, amministrattiv, tekniku u awżiljarju fl-iskejjel u fl-istabbilimenti edukattivi tal-Istat sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti u disponibbli ma jistgħux jeċċedu tul totali ta’ 36 xahar, anki mhux konsekuttivi.” |
8 |
L-Artikolu 1(132) tal-Liġi Nru 107/2015 jipprevedi: “L-estimi tal-baġit tal-[MIUR] jipprevedu l-ħolqien ta’ fond għall-ħlasijiet b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li l-għan tagħhom huwa l-kumpens għad-danni kkawżati mit-tiġdid irrepetut ta’ kuntratti [ta’ xogħol] għal żmien determinat għal tul totali ta’ iktar minn 36 xahar, anki mhux konsekuttivi, għal pożizzjonijiet vakanti u disponibbli, b’allokazzjoni ta’ EUR 10 miljun għal kull waħda mis-snin 2015 u 2016 […]” |
9 |
L-Artikolu 399 tad-Digriet Nru 297/1994 jipprevedi li r-reklutaġġ tal-għalliema għandu jseħħ permezz ta’ kompetizzjonijiet u ta’ listi permanenti ta’ kandidati xierqa. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 |
F. Rossato kien ġie rreklutat bħala għalliem tal-akkordjan mill-Konservatorju tal-Mużika F. A. Bonporti, fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, li l-ewwel wieħed minnhom kien ġie konkluż fit‑18 ta’ Novembru 2003. Din ir-relazzjoni ta’ xogħol kompliet mingħajr interruzzjoni fuq il-bażi ta’ 17-il kuntratt suċċessiv ta’ xogħol għal żmien determinat, sabiex titwettaq l-istess funzjoni. |
11 |
Fl‑20 ta’ Diċembru 2011, F. Rossato ressaq quddiem it-Tribunale di Rovereto (il-Qorti ta’ Rovereto, l-Italja) talbiet intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tal-klawżoli li jissuġġettaw għal terminu d-diversi kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li huwa kkonkluda mal-persuna li timpjegah u sabiex tinkiseb it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat b’effett retroattiv għad-data tal-konklużjoni ta’ l-ewwel kuntratt (iktar ’il quddiem il-“konverżjoni”). Huwa talab ukoll, sussidjarjament, kumpens għad-dannu kkawżat mill-użu abbużiv ta’ dawn il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni, b’applikazzjoni tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tiegħu, tal-anzjanità li huwa kiseb fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol. It-Tribunale di Rovereto (il-Qorti ta’ Rovereto) laqgħet biss it-talba dwar ir-rikonoxximent tal-anzjanità miksuba għall-finijiet tar-remunerazzjoni. Hija ċaħdet it-talbiet ibbażati fuq l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. |
12 |
Il-Corte d’appello di Trento (il-Qorti tal-Appell ta’ Trento), adita, fil‑5 ta’ Marzu 2013, b’appell minn din is-sentenza ppreżentat mill-MIUR, u sussegwentement, fil‑31 ta’ Mejju 2013, b’appell inċidentali ppreżentat minn F. Rossato, issospendiet il-kawża diversi drabi fl-istennija, minn naħa, tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401), u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjonijiet tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) u tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), dwar il-Liġi Nru 107/2015 li kienet ġiet adottata fit‑13 ta’ Lulju 2015, sussegwentement għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401), sabiex tadatta l-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim qafas stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza. |
13 |
Fit‑2 ta’ Settembru 2015, matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-appell, il-persuna li timpjega lil F. Rossato pproċediet għall-ħatra tiegħu bħala uffiċjal permanenti b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Jannar 2014, u b’hekk ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom saret għal żmien indeterminat. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-ħatra ta’ F. Rossato bħala uffiċjal permanenti, imwettqa b’applikazzjoni tal-Artikolu 399 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru297/1994, tirriżulta mill-pożizzjoni tiegħu fil-lista permanenti ta’ kandidati xierqa u mhux minn implimentazzjoni tal-pjan straordinarju ta’ reklutaġġ stabbilit permezz tal-Liġi Nru 107/2015. |
14 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), kienet iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 1(95) tal-Liġi Nru 107/2015 dwar ir-reklutaġġ straordinarju tal-għalliema mniżżla f’pożizzjoni favorevoli fil-listi ta’ kandidati xierqa kienu jimplimentaw ir-regoli stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401). Hija qieset, b’mod partikolari, li t-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, prevista minn din il-liġi bis-saħħa tal-pjan straordinarju ta’ reklutaġġ, l-istess bħal, u bl-istess effett, it-trasformazzjonijiet l-oħra eventwali f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, bħall-ħatra bħala uffiċjal permanenti minħabba l-avvanz ta’ klassifikazzjoni fil-lista ta’ kandidati xierqa, kienu jikkostitwixxu, fir-rigward tal-każijiet ta’ abbuż preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 107/2015, miżuri proporzjonati, suffiċjentement effettivi u dissważivi li jippermettu li jiġi ssanzjonat dan l-abbuż, b’tali mod li ħaddiem li bbenefika minn trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, tkun xi tkun ir-raġuni, ma setax jippretendi ebda kumpens finanzjarju f’dan ir-rigward. |
15 |
Il-qorti tar-rinviju għandha madankollu dubji dwar il-legalità ta’ tali interpretazzjoni ġurisprudenzjali fid-dawl tal-Ftehim qafas u tar-regoli stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401). |
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Corte d’appello di Trento (il-Qorti tal-Appell ta’ Trento) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas […] għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(95), (131) u (132) tal-Liġi Nru 107/2015 tal-Istat Taljan, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jipprevedu, għall-għalliema, it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat għall-ġejjieni, mingħajr effett retroattiv u mingħajr kumpens għad-dannu, bħala miżuri li huma ta’ natura proporzjonata, suffiċjentement effettiva u dissważiva sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-ftehim qafas għal dak li jikkonċerna l-ksur tiegħu permezz tal-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi matul il-perijodu preċedenti għall-perijodu li għalih il-miżuri previsti minn dawn ir-regoli huma intiżi sabiex jipproduċu l-effetti tagħhom?” |
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
17 |
Il-Gvern Taljan jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. F’dan ir-rigward huwa jsostni li d-domanda magħmula, sa fejn din tirrigwarda l-Artikolu 1(95), (131) u (132) tal-Liġi Nru 107/2015, hija ipotetika peress li din il-leġiżlazzjoni ma tapplikax għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Huwa jirrileva li r-relazzjoni ta’ xogħol ta’ F. Rossato ma kinitx ġiet ittrasformata bis-saħħa tal-Artikolu 1(95) ta’ din il-liġi, iżda fuq il-bażi tal-“istrumenti preċedenti ta’ selezzjoni u ta’ kompetizzjoni”, kif kienu joperaw qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi, f’dan il-każ il-ħatra bħala uffiċjal permanenti skont il-pożizzjoni fil-lista ta’ kandidati xierqa. |
18 |
Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) u l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), fl-applikazzjoni tagħhom tal-Liġi Nru 107/2015, li teskludi, bħala regola ġenerali, l-għoti ta’ kumpens lill-ħaddiem ikkonċernat meta huwa jkun ibbenefika mit-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, ma jagħmlux distinzjoni bejn il-każijiet ta’ trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol b’applikazzjoni ta’ din il-liġi, b’mod partikolari taħt il-pjan straordinarju ta’ reklutaġġ previst fl-Artikolu 1(95) tagħha, u dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ selezzjoni u ta’ kompetizzjoni stabbiliti qabel l-adozzjoni tal-imsemmija liġi. Il-qorti tar-rinviju tindika li dawn il-qrati b’hekk estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 107/2015 għall-għalliema, bħal F. Rossato, li bbenefikaw minn trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom abbażi tal-imsemmija strumenti, bl-effett li jiġi eskluż, ukoll għal dawn l-għalliema, kull dritt għal kumpens finanzjarju. |
19 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána, C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
F’dan il-każ, fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jitqies li d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod preliminari ma hijiex ta’ natura ipotetika u, għaldaqstant, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id-domanda preliminari
21 |
Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, Le Rayon d’Or, C-151/13, EU:C:2014:185, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
22 |
F’dan ir-rigward, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li F. Rossato bbenefika, fit‑2 ta’ Settembru 2015, minn trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat b’effett retroattiv mill‑1 ta’ Jannar 2014. |
23 |
Jeħtieġ għalhekk li d-domanda magħmula tinftiehem bħala essenzjalment intiża sabiex jiġi magħruf jekk il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, hekk kif applikata mill-qrati supremi nazzjonali, teskludi, għal għalliema li jaqgħu taħt is-settur pubbliku li bbenefikaw mit-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat b’effett retroattiv limitat, kull dritt għal kumpens finanzjarju minħabba l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. |
24 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas tobbliga lill-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, jadottaw mill-inqas waħda mill-miżuri li din il-klawżola telenka, fil-każ fejn id-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti (sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2018, C-494/16, Santoro,EU:C:2018:166, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C-331/17, EU:C:2018:859, punt 32). |
25 |
F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, peress li huma għandhom l-għażla li jirrikorru għal miżura jew għal numru ta’ miżuri elenkati fl-imsemmija Klawżola 5(1)(a) sa (ċ), kif ukoll għal miżuri legali eżistenti ekwivalenti, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 33). |
26 |
B’dan il-mod, il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas tagħti lill-Istati Membri għan ġenerali, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbuż, filwaqt li tħallilhom l-għażla tal-mezzi sabiex jaslu għal dan, sakemm huma ma jippreġudikawx l-għan jew l-effettività tal-Ftehim qafas (sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 34). |
27 |
Barra minn hekk, meta, bħal f’dan il-każ, id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix sanzjonijiet speċifiċi fl-ipoteżi fejn madankollu ġew ikkonstatati abbużi, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li għandhom ikunu mhux biss ta’ natura proporzjonata, iżda wkoll effettivi u dissważivi biżżejjed sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tar-regoli adottati bis-saħħa tal-Ftehim qafas (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Minn dan jirriżulta li, meta jkun seħħ użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tippreżenta garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex dan l-abbuż jiġi debitament issanzjonat u jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 64; tas‑ 26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 79, kif ukoll tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 31). |
29 |
Ma hijiex kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, peress li din il-missjoni taqa’ esklużivament fuq il-qorti tar-rinviju, li f’dan il-każ, għandha tiddetermina jekk ir-rekwiżiti mfakkra fil-punti preċedenti humiex issodisfatti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi li jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 45). |
30 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-leġiżlazzjoni preċedenti għal-Liġi Nru 107/2015 ma kienx fiha sanzjoni ta’ natura suffiċjentement effettiva u dissważiva li tippermetti li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tar-regoli adottati b’applikazzjoni tal-Ftehim qafas. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-unika possibbiltà sabiex l-għalliema inkwistjoni f’din il-kawża, jiksbu t-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, kienet tiddependi fuq il-ħatra tagħhom bħala uffiċjali permanenti miksuba minħabba l-avvanz ta’ klassifikazzjoni tagħhom fil-lista ta’ kandidati xierqa u, għaldaqstant, fuq ċirkustanzi li kellhom jitqiesu bħala imprevedibbli u aleatorji, inkwantu dawn kienu jiddependu mit-tul globali tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kif ukoll mill-pożizzjonijiet li sadanittant kienu saru vakanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 107). |
31 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażata ruħha fuq il-fatt li t-terminu għall-ħatra tal-għalliema bħala uffiċjali permanenti kien kemm varjabbli kif ukoll inċert (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 105). |
32 |
F’dan il-każ, mill-fajl li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li l-leġiżlatur nazzjonali, bil-għan li jiżgura t-tranżizzjoni lejn sistema ġdida li tinkludi miżuri intiżi sabiex jipprevjenu u jissanzjonaw l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, adotta pjan ta’ reklutaġġ straordinarju li jipprevedi t-trasformazzjoni, matul is-sena skolastika 2015/2016, tar-relazzjonijiet ta’ xogħol kollha għal żmien determinat konklużi ma’ għalliema bi status “prekarju”, permezz tal-eżawriment progressiv u definittiv tal-listi ta’ kandidati xierqa u tal-klassifikazzjonijiet li l-amministrazzjoni kienet tuża sabiex tirrekluta l-għalliema għal żmien determinat. |
33 |
Il-Gvern Taljan indika wkoll li huwa kien qiegħed ikompli, b’mod parallel, u sakemm jitlestew, il-proċeduri pendenti ta’ ħatra bħala uffiċjali permanenti tal-għalliema li jinsabu diġà mniżżla f’ras il-listi ta’ kandidati xierqa. Fil-fatt, l-Artikolu 1(95) tal-Liġi Nru 107/2015 jipprovdi, f’dan ir-rigward, li l-pjan ta’ reklutaġġ straordinarju huwa implimentat “bil-għan li jimla l-pożizzjonijiet kollha […] li jkunu għadhom vakanti u disponibbli wara l-operazzjonijiet ta’ ħatra bħala uffiċjali permanenti mwettqa għall-istess sena skolastika skont l-Artikolu 399 [tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994]”, jiġifieri l-ħatriet bħala uffiċjali permanenti abbażi tal-avvanz ta’ klassifikazzjoni fil-lista permanenti ta’ kandidati xierqa. |
34 |
B’hekk jidher, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, li r-reklutaġġ straordinarju u l-proċeduri skont l-Artikolu 399 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, bħal dik li wasslet għall-ħatra ta’ F. Rossato bħala uffiċjal permanenti, jirrigwardaw l-istess kategorija ta’ persunal li jgħallem u li, għaldaqstant, ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ F. Rossato kellha tiġi ttrasformata l-iktar tard fit-tmiem tas-sena skolastika 2015/2016 f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat jew minħabba l-ikkompletar ta’ proċedura ta’ ħatra bħala uffiċjal permanenti diġà pendenti, jew b’applikazzjoni tal-pjan ta’ reklutaġġ straordinarju. |
35 |
Dan il-fatt, fil-każ li huwa veru, jippermetti li jitqies li s-sitwazzjoni ta’ F. Rossato taqa’, minħabba r-riforma stabbilita permezz tal-Liġi Nru 107/2015, taħt kuntest kunsiderevolment differenti, minn perspettiva fattwali u legali, minn dak inkwistjoni fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401). |
36 |
Fil-fatt, kuntrarjament għas-sitwazzjoni tal-għalliema inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, it-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ F. Rossato ma kinitx inċerta u ma kinitx ta’ natura imprevedibbli u aleatorja peress li din kienet saret obbligatorja permezz tal-Liġi Nru 107/2015. |
37 |
Għaldaqstant, in-natura suffiċjentement effettiva u dissważiva tas-sanzjoni prevista minn tali leġiżlazzjoni ma tistax tiġi kkontestata abbażi tan-natura allegatament imprevedibbli u aleatorja tat-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol. |
38 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-assenza ta’ kumpens fil-każ ta’ trasformazzjoni ta’ tali relazzjoni ta’ xogħol, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punti 24 sa 26 ta’ din is-sentenza, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet tal-politika soċjali tagħhom. |
39 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-Klawżola 5(2) tal-Ftehim qafas jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, fil-kuntest tal-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, jittrasformaw ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indeterminat, peress li l-istabbiltà tal-impjieg li dawn tal-aħħar joffru tikkostitwixxi l-element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema. |
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, qieset li leġiżlazzjoni li tipprevedi regola imperattiva li abbażi tagħha, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, dawn tal-aħħar għandhom jiġu ttrasformati f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat tista’ tinkludi miżura li effettivament tissanzjona tali użu abbużiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u, għaldaqstant, tista’ tissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza. |
41 |
Madankollu l-ġurisprudenza ma teħtieġx kumulu ta’ miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall, C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 25, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho, C‑407/14, EU:C:2015:831, punti 32 u 35). |
42 |
Barra minn hekk, la l-prinċipju ta’ kumpens sħiħ għad-dannu subit u lanqas il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jimponu l-ħlas ta’ danni punittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho, C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 37). |
43 |
Fil-fatt, dawn il-prinċipji jobbligaw lill-Istat Membri jipprevedu kumpens adegwat, li għandu jmur lil hinn minn kumpens purament simboliku, mingħajr madankollu ma jmur lil hinn minn kumpens sħiħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann, 14/83, EU:C:1984:153, punt 28; tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Marshall, C‑271/91, EU:C:1993:335, punt 26, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Arjona Camacho, C‑407/14, EU:C:2015:831, punt 33). |
44 |
Barra minn hekk, sa fejn F. Rossato jinvoka differenza fit-trattament meta mqabbel mal-ħaddiema li kisbu kundanna tal-persuna li timpjegahom minħabba l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 107/2015 u li setgħu, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni preċedenti, jakkumulaw kumpens u l-benefiċċju ta’ reklutaġġ b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-differenza fit-trattament bejn żewġ kategoriji ta’ ħaddiema għal żmien determinat li tirriżulta minn riforma tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma taqax taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2018, Viejobueno Ibáñez u de la Vara González, C‑245/17, EU:C:2018:934, punti 50 u 51). |
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Ftehim qafas ma jobbligax lill-Istati Membri jipprevedu, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, dritt għal kumpens li jiżdied mat-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat. |
46 |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà, fir-rigward tal-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, tal-effett retroattiv limitat tat-trasformazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol li minnha bbenefika F. Rossato. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li F. Rossato ħadem bħala għalliem tal-mużika fuq il-bażi ta’ 17-il kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għal perijodu partikolarment twil, mit‑18 ta’ Novembru 2003 sat‑2 ta’ Settembru 2015, qabel ma bbenefika, f’Settembru 2015, minn trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li t-trasformazzjoni ta’ tali relazzjoni ta’ xogħol fis-settur privat minħabba użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kellha effett retroattiv għad-data tal-konklużjoni tal-ewwel kuntratt ta’ xogħol. Dan kien jirriżulta għar-rikorrent fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari, teħid inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ tal-anzjanità miksuba bis-saħħa tal-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tiegħu. |
47 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, il-fatt li l-miżura adottata mil-leġiżlatur nazzjonali fis-settur privat tikkostitwixxi l-iktar protezzjoni wiesgħa li tista’ tiġi rrikonoxxuta lil ħaddiem ma jistax, fih innifsu, ikollu l-konsegwenza li jtaffi n-natura effettiva tal-miżuri nazzjonali applikabbli għall-ħaddiema li jaqgħu taħt is-settur pubbliku (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 51). |
48 |
Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni tas-snin kollha maħduma abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat waqt il-ħatra tal-ħaddiem ikkonċernat bħala uffiċjal permanenti jekwivali għat-twettiq ta’ rikostituzzjoni sħiħa tal-karriera bħal dik li hija rriżervata għall-uffiċjali li għaddew minn kompetizzjoni. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-Istati Membri jittrattaw b’mod identiku lill-uffiċjali permanenti rreklutati fit-tmiem ta’ kompetizzjoni ġenerali u dawk irreklutati wara li kienu kisbu esperjenza professjonali fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, peress li din id-differenza fit-trattament tirriżulta mill-ħtieġa, minn naħa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kwalifiki meħtieġa u n-natura tal-funzjonijiet li l-uffiċjali permanenti għandhom jieħdu r-responsabbiltà tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jiġi evitat il-ħolqien ta’ diskriminazzjoni retroattiva fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punti 46 u 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-limitazzjoni tal-effett retroattiv tat-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol li minnha bbenefika F. Rossato tista’ tkun iġġustifikata, għall-inqas parzjalment, minħabba l-ispeċifiċitajiet tas-settur pubbliku. |
50 |
Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità rrikonoxxuta lil F. Rossato jibqa’ sew inqas mill-perijodu maħdum abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. |
51 |
Għalkemm huwa minnu li Stat Membru għandu d-dritt, meta jiġi biex jimplimenta l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas, li jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ settur speċifiku bħal dak tat-tagħlim, dan id-dritt ma jistax jinftiehem b’mod li jippermettilu ma josservax l-obbligu li jipprevedi miżura xierqa sabiex jissanzjona debitament l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 118). Tali miżura għandha tkun, b’mod partikolari, hekk kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, proporzjonata. |
52 |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni, minn naħa, tal-ġustifikazzjoni possibbli tal-limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, u, min-naħa l-oħra, tat-tul partikolarment twil tal-abbuż li F. Rossato kien suġġett għalih, it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod retroattiv tal-anzjanità tiegħu għall‑1 ta’ Jannar 2014 jikkostitwixxi miżura ta’ natura proporzjonata sabiex jiġi debitament issanzjonat dan l-abbuż u sabiex jitħassru l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza. |
53 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, hekk kif applikata mill-qrati supremi nazzjonali, teskludi, għal għalliema li jaqgħu taħt is-settur pubbliku li bbenefikaw mit-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat b’effett retroattiv limitat, kull dritt għal kumpens finanzjarju minħabba l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, meta tali trasformazzjoni la hija inċerta, la hija imprevedibbli u lanqas hija aleatorja u meta l-limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba bis-saħħa tal-imsemmija kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat tikkostitwixxi miżura proporzjonata sabiex jiġi ssanzjonat dan l-abbuż, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, hekk kif applikata mill-qrati supremi nazzjonali, teskludi, għal għalliema li jaqgħu taħt is-settur pubbliku li bbenefikaw mit-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat b’effett retroattiv limitat, kull dritt għal kumpens finanzjarju minħabba l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, meta tali trasformazzjoni la hija inċerta, la hija imprevedibbli u lanqas hija aleatorja u meta l-limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba bis-saħħa tal-imsemmija kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat tikkostitwixxi miżura proporzjonata sabiex jiġi ssanzjonat dan l-abbuż, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.