EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0457

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Novembru 2018.
Heiko Jonny Maniero vs Studienstiftung des deutschen Volkes eV.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mir-razza jew l-oriġini etnika – Direttiva 2000/43/KE – Artikolu 3(1)(g) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘edukazzjoni’ – Għoti minn fondazzjoni privata ta’ boroż intiżi sabiex jippromwovu proġetti ta’ riċerka jew ta’ studju barra mill-pajjiż – Artikolu 2(2)(b) – Diskriminazzjoni indiretta – Għoti ta’ dawn il-boroż suġġett għall-kisba minn qabel fil-Ġermanja tal-Ewwel Eżami tal-Istat ta’ Liġi (Erste Juristische Staatsprüfung).
Kawża C-457/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:912

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrispettivament mir-razza jew l-oriġini etnika – Direttiva 2000/43/KE – Artikolu 3(1)(g) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘edukazzjoni’ – Għoti minn fondazzjoni privata ta’ boroż intiżi sabiex jippromwovu proġetti ta’ riċerka jew ta’ studju barra mill-pajjiż – Artikolu 2(2)(b) – Diskriminazzjoni indiretta – Għoti ta’ dawn il-boroż suġġett għall-kisba minn qabel fil-Ġermanja tal-Ewwel Eżami tal-Istat ta’ Liġi (Erste Juristische Staatsprüfung)”

Fil-Kawża C‑457/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Heiko Jonny Maniero

vs

Studienstiftung des deutschen Volkes eV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President, li qed taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Arabadjiev (Relatur), E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Mejju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal H. J. Maniero, minn S. Mennemeyer, P. Rädler u U. Baumann, Rechtsanwälte,

għal Studienstiftung des deutschen Volkes eV, minn E. Waclawik, Rechtsanwalt, kif ukoll minn G. Thüsing, professur tal-liġi,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u E. Lankenau, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(b) u tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Heiko Jonny Maniero u s-Studienstiftung des deutschen Volkes eV (il-Fondazzjoni Akkademika tal-Poplu Ġermaniż, iktar ’il quddiem il-“Fondazzjoni”) fir-rigward ta’ azzjoni ta’ waqfien u ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjoni allegatament imġarrba minn H. J. Maniero minħabba l-età jew l-oriġini tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 12 u 16 tad-Direttiva 2000/43:

“(12)

Sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ soċjetajiet demokratiċi u tolleranti li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-persuni kollha irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, l-azzjonijiet speċifiċi fil-qasam tad-diskriminazzjoni msejsa fuq l-origini tar-razza jew l-etniċità għandhom imorru iktar ’il bogħod mill-aċċess għall-attivitajiet tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom u jkopru oqsma bħall-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, il-vantaġġi soċjali u l-aċċess għall-merkanzija u s-servizzi u l-provvediment tagħhom.

[…]

(16)

Huwa importatni li jiġu protetti l-persuni naturali kollha kontra d-diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità. […]”

4

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett tad-diskriminazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.

2.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

[…]

b)

diskriminazzjoni indiretta għandha tittieħed li tiġri fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari pparagunati ma’ persuni oħra, għajr jekk din id-dispożizzjoniji, dan il-kriterja jew din il-prattika jkunu ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu sewwa u meħtieġa.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Qasam ta’ Applikazzjoni”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-[Unjoni Ewropea], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, f’dak li għandu x’jaqsam mas-setturi pubbliċi u privati, inklużi l-korpi pubbliċi, f’relazzjoni ma’:

[…]

g)

l-edukazzjoni;

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

6

Id-Direttiva 2000/43 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż permezz tal-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament), tal‑14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”).

7

Skont l-Artikolu 1 tal-AGG, intitolat “Għan tal-Liġi”:

“Din il-liġi għandha l-għan li tipprekludi jew li telimina kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew fuq l-oriġini etnika, is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-identità sesswali”.

8

L-Artikolu 2 tal-AGG, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Skont din il-liġi, id-diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet indikati fl-Artikolu 1 hija illegali fir-rigward:

[…]

7)

l-edukazzjoni”.

9

L-Artikolu 3 tal-AGG, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddikjara, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta, fuq il-bażi ta’ wieħed mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1, persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra li tkun tinsab, li kienet tinsab jew li tista’ tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli. […]

2.   Ikun hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali, tista’ tikkawża, għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1, żvantaġġ partikolari għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ persuni oħra, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u l-mezzi sabiex dan l-għan jinkiseb ma jkunux xierqa u neċessarji.

10

L-Artikolu 19 tal-AGG, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fir-relazzjonijiet irregolati mil-liġi ċivili”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Barra minn hekk, kull żvantaġġ ibbażat fuq ir-razza jew l-oriġini etnika huwa illegali wkoll fil-ħolqien, l-eżekuzzjoni jew il-waqfien tar-relazzjonijiet ġuridiċi l-oħra rregolati mil-liġi ċivili fis-sens tal-punti 5 sa 8 tal-Artikolu 2(1).”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

H. J. Maniero huwa ċittadin Taljan imwieled fil-Ġermanja fejn huwa residenti. Matul is-sens 2013, huwa kiseb mill-Università Haybusak ta’ Jerevan (l-Armenja) it-titolu universitarju ta’ Bachelor of Laws.

12

Il-Fondazzjoni hija assoċjazzjoni rreġistrata fil-Ġermanja li għandha l-għan li tippromwovi, b’mod partikolari permezz tal-għoti ta’ boroż ta’ studju, l-edukazjoni universitarja ta’ żgħażagħ li, fid-dawl tal-importanza tat-talenti xjentifiċi jew artistiċi tagħhom kif ukoll tal-personalità tagħhom, jistgħu jagħtu servizzi partikolari fl-interess ġenerali.

13

Permezz ta’ posta elettronika tal‑11 ta’ Diċembru 2013, H. J. Maniero staqsa lill-Fondazzjoni dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jikseb borża ta’ studju fil-kuntest tal-programm tal-Fondazzjoni bl-isem “Bucerius Jura” (iktar ’il quddiem il-“programm Bucerius Jura”), li għandu l-għan li jinċentiva proġetti ta’ riċerka jew ta’ studji legali barra mill-pajjiż.

14

Permezz ta’ posta elettronika tas‑17 ta’ Jannar 2014, il-Fondazzjoni informat lil H. J. Maniero li l-kisba ta’ borża kienet suġġetta għall-kisba b’suċċess tal-Ewwel Eżami tal-Istat ta’ Liġi (Erste Juristische Staatsprüfung).

15

Permezz ta’ posta elettronika tal-istess jum, ir-rikorrent wieġeb lill-Fondazzjoni li t-titolu universitarju li huwa kien kiseb fl-Armenja hekk kif ikkompleta ħames snin ta’ studji kien paragunabbli għat-Tieni Eżami tal-Istat ta’ Liġi (Zweite Juristische Staatsprüfung), peress li kien jagħti dritt lit-titolari tiegħu jipprattika, f’dan il-pajjiż terz, il-funzjoni ta’ mħallef u l-professjoni ta’ avukat. Huwa żied jgħid li l-kundizzjoni meħtieġa għall-kisba tal-borża ta’ studju fil-kuntest ta’ dan il-programm Bucerius Jura setgħet tikser il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, inkwantu kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika jew soċjali.

16

H. J. Maniero ma ressaqx, fit-terminu previst f’dan ir-rigward, il-kandidatura tiegħu għall-kisba ta’ borża ta’ studju fil-kuntest tal-imsemmi programm. Waqt skambju ulterjuri ta’ korrispondenzi mal-Fondazzjoni, H. J. Maniero sostna li l-attitudni negattiva ta’ din tal-aħħar kienet iddiswadietu milli jressaq il-kandidatura tiegħu.

17

H. J. Maniero ippreżenta rikors kontra l-Fondazzjoni għall-finijiet tal-waqfien u tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età jew l-oriġini tiegħu, tal-ħlas tas-somma ta’ EUR 18 734.60 u ta’ konstatazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tad-danni flimkien mal-interessi supplimentari għall-ispejjeż ta’ vvjaġġar.

18

Peress li l-qrati Ġermaniżi tal-ewwel istanza u tal-appell ma laqgħux ir-rikors, H. J. Maniero ippreżenta appell għal Reviżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja).

19

Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima tiddependi, fl-ewwel lok, mill-punt dwar jekk l-għoti, minn assoċjazzjoni rreġistrata, ta’ boroż intiżi li jinċentivaw proġetti ta’ riċerka jew ta’ studji barra mill-pajjiż jaqax taħt il-kunċett ta’ “edukazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2000/43. F’dan ir-rigward, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tirrileva li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tat lok għal din id-direttiva kienet tagħmel riferiment għall-“edukazjoni, inklużi l-għotjiet u boroż ta’ studju, filwaqt li jirrispetta għalkollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija tistaqsi wkoll dwar ir-raġunijiet għalfejn inżamm biss it-terminu “edukazzjoni”.

20

Fit-tieni lok, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, din il-qorti tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima barra minn hekk tiddependi mill-punt dwar jekk, fil-kuntest tal-għoti ta’ dawn il-boroż ta’ studju, il-kundizzjoni għall-kisba tal-Ewwel Eżami tal-Istat ta’ Liġi toħloqx diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, fil-konfront ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun kiseb kwalifika paragunabbli barra mill-Unjoni, meta l-għażla tal-post ta’ kisba ta’ kwalifika tkun nieqsa minn kull relazzjoni mal-oriġini etnika tal-persuna kkonċernata u meta din il-persuna, residenti fil-Ġermanja u li għandha padronanza effettiva tal-lingwa Ġermaniża, setgħet kellha l-possibbiltà li tistudja l-liġi fil-Ġermanja fejn setgħet tgħaddi mill-Ewwel Eżami tal-Istat ta’ Liġi.

21

Ċertament, hekk kif jallega H. J. Maniero, tali kundizzjoni jkollha bħala effett li tkun ta’ żvantaġġ għall-persuni ta’ oriġini etnika barranija li jkollhom kwalifika ekwivalenti miksuba barra mill-pajjiż, fil-każ fejn dawn ma kinux setgħu jistudjaw fil-Ġermanja, mill-inqas b’faċilità.

22

Madankollu, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tesprimi dubji dwar il-kwistjoni jekk H. J. Maniero jappartjenix għal tali grupp żvantaġġat. Fil-fatt, skont din il-qorti, minn naħa, huwa għandu padronanza perfetta tal-Ġermaniż, jirrisjedi fil-Ġermanja u għaldaqstant seta’ jistudja mingħajr diffikultà f’dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, l-għażla tiegħu li jikseb kwalifika universitarja fl-Armenja kienet mingħajr relazzjoni mal-oriġini etnika tiegħu.

23

Min-naħa l-oħra, din il-qorti tirrileva li, kif jirriżulta mill-punt 60 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480), il-kunċett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika”, imsemmija fl-Artikolu 1 u fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/43, għandha jedd tapplika irrispettivament, skont jekk il-miżura kkonċernata tolqotx il-persuni li għandhom ċerta oriġini etnika jew dawk li, mingħajr ma jkunu tal-imsemmija oriġini, iġarrbu, flimkien ma’ tal-ewwel, l-iżvantaġġ partikolari li jirriżulta minn din il-miżura.

24

Fit-tielet lok, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, skont din il-qorti tqum il-kwistjoni dwar jekk l-għan ta’ politika edukattiva li trid tintlaħaq permezz tal-programm Bucerius Jura, mhux marbuta ma’ kriterji diskriminatorji, jikkostitwixxix ġustifikazzjoni oġġettiva, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43.

25

Skont il-formulazzjoni tas-sejħa għal kandidaturi, il-programm Bucerius Jura huwa intiż, permezz tas-sostenn li jipprovdi għal proġetti ta’ riċerka jew ta’ studji barra mill-pajjiż, li jgħin lil persuni ggradwati partikolarment ikkwalifikati li jkunu studjaw il-liġi fil-Ġermanja sabiex jiksbu għarfien tas-sistemi legali barranin, esperjenza barra mill-pajjiż u għarfien lingwistiku. Issa, peress li dan l-għan ma huwa konness ma’ ebda kriterju diskriminatorju, il-qorti tar-rinviju tqis li l-prattika tal-Fondazzjoni ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta.

26

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-għoti permezz ta’ assoċjazzjoni rreġistrata ta’ boroż ta’ studju, li huma intiżi li jippromwovu proġetti ta’ riċerka jew ta’ studji barra mill-pajjiż jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘edukazzjoni’ fis-sens tal‑Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2000/43?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tiġi risposta fl-affermattiv:

Fil-każ tal-għoti tal-boroż ta’ studju msemmija fl-ewwel domanda preliminari, ir-rekwiżit ta’ parteċipazzjoni relatat mal-fatt li persuna tgħaddi mill-ewwel eżami tal-Istat ta’ liġi fil-Ġermanja jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fil-konfront ta’ kandidat fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva [2000/43], meta l‑kandidat, li jkun ċittadin tal-Unjoni Ewropea, effettivament kiseb kwalifika paragunabbli fi Stat li ma huwiex membru tal-Unjoni Ewropea, fejn l-għażla ta’ dan il-post fejn kiseb il-kwalifika ma hijiex konnessa mal-oriġini etnika tal-kandidat, iżda abbażi tar‑residenza tiegħu ġewwa l-pajjiż u l-kapaċità tiegħu li jitkellem sewwa bil-Ġermaniż bħal ċittadin nazzjonali huwa kellu l‑possibbiltà li jagħmel l-ewwel eżami tal-Istat ta’ liġi wara li studja l-liġi fit-territorju nazzjonali?

F’dan ir-rigward, tagħmel differenza li l-għan imfittex mill‑programm ta’ boroż ta’ studji, mingħajr ma huwa marbut ma’ karatteristiċi diskriminatorji, huwa li jipprovdi lil persuni li ggradwaw fl-istudji tal-liġi fil-Ġermanja, billi jippromwovi proġett ta’ riċerka jew ta’ studji barra mill-pajjiż, l-għarfien ta’ sistemi ta’ liġi barranija, esperjenza barra mill-pajjiż u tagħlim ta’ lingwi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2000/43 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-għoti ta’ boroż minn fondazzjoni privata intiżi li jsostnu proġetti ta’ riċerka jew ta’ studji barra mill-pajjiż jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “edukazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

28

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat, kif jirriżulta mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-programm Bucerius Jura għandu l-għan essenzjali li jiffavorixxi l-aċċess għal proġetti ta’ riċerka jew ta’ studji legali universitarji barra mill-pajjiż, permezz tal-għoti lill-parteċipanti ta’ benefiċċji finanzjarji li jinkludu borża kompleta ta’ EUR 1000 fix-xahar jew, jekk l-istudji jsiru fil-Gran Brittanja jew fl-Istati Uniti, ta’ EUR 1500, allokazzjoni unika inizjali ta’ EUR 500, ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar kif ukoll allokazzjoni għall-miżati ta’ iskrizzjoni sa massimu ta’ EUR 12500, fejn il-miżati ta’ iskrizzjoni jitħallsu kompletament sa EUR 5000 filwaqt li lil hinn minn dan l-ammont jitħallsu sa massimu ta’ 50 %.

29

Għalhekk, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kunċett ta’ “edukazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2000/43, jinkludix l-aċċess għall-edukazzjoni u, jekk iva, jekk dawn il-boroż ta’ studju, bħal dawk mogħtija fil-kuntest tal-programm Bucerius Jura, jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett.

30

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fl-assenza ta’ kull definizzjoni, fid-Direttiva 2000/43, tal-kunċett ta’ “edukazzjoni”, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ dan it-terminu għandhom jiġu stabbiliti, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mas-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet li tixtieq tikseb il-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Qabel kollox, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 22 u 23 tal-konklużjonijiet tagħha, it-terminu “edukazzjoni” għandu jinftiehem, fis-sens abitwali fil-lingwaġġ kurrenti, b’mod li jirrigwarda l-atti jew il-proċessi li permezz tagħhom jiġu trażmessi jew jinkisbu, b’mod partikolari, informazzjoni, għarfien, fehim, attitudnijiet, valuri, idoneitajiet, kompetenzi jew aġir.

32

Issa, filwaqt li ma hemmx dubju li r-riċerki u l-istudji legali universitarji li għalihom il-programm Bucerius Jura huwa intiż li jiffavorixxi l-aċċess jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “edukazzjoni”, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dan il-kunċett ma jinkludix, fih innifsu, preliminarjament, l-aċċess għall-edukazzjoni jew l-għoti ta’ benefiċċji finanzjarji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

33

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest leġiżlattiv li fih jintuża l-kunċett ta’ “edukazzjoni”, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dan jirriżulta fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/43. Issa, dan l-artikolu jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva li l-għan tagħha huwa, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi qafas sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, bil-għan li jiġi implimentat, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

34

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet li din id-direttiva tixtieq tikseb, il-premessa 16 tagħha tiddikjara li jeħtieġ li jiġu protetti l-persuni fiżiċi kollha kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika.

35

Għal dak li jirrigwarda speċifikament il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/43, mill-premessa 12 tagħha jirriżulta li, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ soċjetajiet demokratiċi u tolleranti li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-individwi kollha tkun liema tkun ir-razza jew l-oriġini etnika tagħhom, azzjoni speċifika fil-qasam tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika għandha tkun estiża b’mod partikolari għal oqsma bħal dawk elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič‑Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 41, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 40).

36

Għalhekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2000/43 u tan-natura tad-drittijiet li hija intiża li tipproteġi kif ukoll tal-fatt li din id-direttiva hija sempliċement l-espressjoni, fil-qasam meħud inkunsiderazzjoni, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, irrikonoxxut fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ma jistax jiġi ddefinit b’mod restrittiv (sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2011Runevič‑Vardyn u Wardyn, C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 43, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 42).

37

Issa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 32 u 34 tal-konklużjonijiet tagħha, interpretazzjoni teleoloġika tal-kunċett ta’ “edukazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2000/43, tirrikjedi, l-ewwel nett, li l-aċċess għall-edukazzjoni jiġi kkunsidrat bħala wieħed mill-aspetti essenzjali ta’ dan il-kunċett, ġaladarba ma jistax ikun hemm edukazzjoni mingħajr il-possibbiltà ta’ aċċess għaliha u li, għalhekk, l-għan ta’ din id-direttiva, li huwa li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, ma jkunx jista’ jinkiseb li kieku d-diskriminazzjoni kellha tkun awtorizzata fl-istadju tal-aċċess għall-edukazzjoni.

38

It-tieni nett, l-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni fi proġett ta’ riċerka jew fi programm edukattiv għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt komponenti tal-aċċess għall-edukazzjoni hekk inklużi fil-kunċett ta’ “edukazzjoni” sa fejn id-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji neċessarji għal tali parteċipazzjoni tista’ tikkundizzjona l-aċċess għall-imsemmi proġett jew programm.

39

Għalhekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li benefiċċji finanzjarji taħt forma ta’ boroż ta’ studju jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “edukazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2000/43, meta teżisti rabta suffiċjentement mill-qrib bejn dawn il-benefiċċji finanzjarji u l-parteċipazzjoni fi proġett ta’ riċerka jew fi programm edukattiv speċifiku li min-naħa tiegħu jaqa’ taħt dan il-kunċett. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta dawn il-benefiċċji finanzjarji jkunu marbuta mal-parteċipazzjoni tal-kandidati potenzjali għal tali proġett ta’ riċerka jew ta’ studju, ikollhom bħala għan li jneħħu kompletament jew parzjalment l-ostakoli finanzjarji potenzjali għal din il-parteċipazzjoni u jkunu idonei sabiex jiksbu dan l-għan.

40

Issa, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, dan jidher li huwa l-każ tal-boroż ta’ studju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu dawn jidhru li huma tali li jneħħu kompletament jew parzjalment l-ostakoli finanzjarji potenzjali għall-parteċipazzjoni fi proġetti ta’ riċerka jew fi programmi ta’ studji legali universitarji barra mill-pajjiż, billi jikkontribwixxu sabiex jippermettu lill-kandidati kkonċernati jsostnu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ għixien ogħla li jirriżultaw mit-trasferiment tagħhom barra mill-pajjiż kif ukoll il-miżati ta’ iskrizzjoni marbuta mal-imsemmija proġetti ta’ riċerka jew programmi edukattivi.

41

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Fondazzjoni u l-Gvern Ġermaniż, dawn il-konstatazzjonijiet ma huma invalidati la minn kunsiderazzjonijiet misluta mit-tfassil tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2000/43 u lanqas mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

42

Fil-fatt, minn naħa, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, it-tfassil tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2000/43 ma jurix b’mod inekwivoku li t-tneħħija, matul il-proċedura leġiżlattiva, tal-kliem “inklużi l-għotjiet u boroż ta’ studju, filwaqt li jirrispetta għalkollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jinsab fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni li tat lok għal din id-direttiva, kienet immotivata mill-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

43

Min-naħa l-oħra, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijiet tagħha, la ċ-ċirkustanza li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/43 ma tippreċiża l-portata tal-parti l-kbira tal-kunċetti li huma elenkati fiha minn elementi addizzjonali u lanqas il-fatt li t-taħriġ professjonali huwa espressament imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ din id-direttiva ma jimponu interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “edukazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tal-imsemmija direttiva, li tmur kontra l-għanijiet ta’ din tal-aħħar, hekk kif imfakkra fil-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għoti minn fondazzjoni privata ta’ boroż intiżi li jsostnu proġetti ta’ riċerka jew ta’ studju barra mill-pajjiż jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “edukazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta teżisti rabta suffiċjentement viċina bejn il-benefiċċji finanzjarji mogħtija u l-parteċipazzjoni f’dawn il-proġetti ta’ riċerka jew ta’ studju li min-naħa tagħhom jaqgħu huma stess taħt dan l-istess kunċett ta’ “edukazzjoni”. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta dawn il-benefiċċji finanzjarji jkunu marbuta mal-parteċipazzjoni tal-kandidati potenzjali f’tali proġett ta’ riċerka jew ta’ studju, meta jkollhom bħala għan li jneħħu kompletament jew parzjalment l-ostakoli finanzjarji potenzjali għal din il-parteċipazzjoni u meta jkunu idonei sabiex jintlaħaq dan il-għan.

Fuq it-tieni domanda

45

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li fondazzjoni privata stabbilita fi Stat Membru tirriżerva l-għoti ta’ boroż intiżi sabiex isostnu proġetti ta’ riċerka jew ta’ studji legali barra mill-pajjiż għall-kandidati li jkunu kisbu, f’dan l-Istat Membru, eżami tal-liġi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta minħabba r-razza jew l-oriġini etnika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

46

Skont dan l-artikolu, diskriminazzjoni indiretta sseħħ meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tista’ tikkawża żvantaġġ partikolari lil persuni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika speċifika, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma tkunx oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u sakemm il-metodi sabiex jinkiseb dan l-għan ma jkunux xierqa u neċessarji.

47

Il-kunċett ta’ “żvantaġġ partikolari”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem fis-sens li jkunu b’mod partikolari l-persuni ta’ razza jew ta’ oriġini etnika speċifika li, minħabba d-dispożizzjoni, tal-kriterju jew tal-prattika inkwistjoni, li jinsabu żvantaġġati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 100, u tas‑6 ta’ April 2017, Jyske Finans, C‑668/15, EU:C:2017:278, punt 27).

48

Għaldaqstant tali kunċett japplika biss jekk il-miżura allegatament diskriminatorja jkollha bħala effett li tkun ta’ żvantaġġ għal oriġini etnika b’mod partikolari. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ trattament sfavorevoli ma tistax tiġi kkonstatata b’mod ġenerali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret, fid-dawl tat-trattament favorevoli inkwistjoni (sentenza tas‑6 ta’ April 2017, Jyske Finans, C‑668/15, EU:C:2017:278, punti 3132).

49

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-grupp iffavorizzat mill-Fondazzjoni fir-rigward tal-għoti tal-boroż ta’ studju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi l-persuni li jissodisfaw il-kundizzjoni li jkunu kisbu b’suċċess l-Ewwel Eżami tal-Istat ta’ Liġi, filwaqt li l-grupp żvantaġġat huwa kompost mill-persuni kollha li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni.

50

Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, bħal fil-każ taċ-ċirkustanzi prevalenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ April 2017, Jyske Finans (C‑668/15, EU:C:2017:278), ebda element mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-persuni li jappartjenu għal grupp etniku speċifiku huwa iktar affetwat mill-imsemmija kundizzjoni tal-kisba tal-Ewwel Eżami tal-Istat ta’ Liġi minn dawk li jappartjenu għal gruppi etniċi oħra.

51

Għalhekk, il-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta minħabba tali kundizzjoni tidher, fi kwalunkwe każ, li hija eskluża.

52

Għaldaqstant jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li fondazzjoni privata stabbilita fi Stat Membru tirriżerva l-għoti ta’ boroż intiżi sabiex isostnu proġetti ta’ riċerka jew ta’ studji legali barra mill-pajjiż għall-kandidati li jkunu kisbu, f’dan l-Istat Membru, eżami tal-liġi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta minħabba r-razza jew l-oriġini etnika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għoti minn fondazzjoni privata ta’ boroż intiżi li jsostnu proġetti ta’ riċerka jew ta’ studju barra mill-pajjiż jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “edukazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta teżisti rabta suffiċjentement viċina bejn il-benefiċċji finanzjarji mogħtija u l-parteċipazzjoni f’dawn il-proġetti ta’ riċerka jew ta’ studju li min-naħa tagħhom jaqgħu huma stess taħt dan l-istess kunċett ta’ “edukazzjoni”. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta dawn il-benefiċċji finanzjarji jkunu marbuta mal-parteċipazzjoni tal-kandidati potenzjali f’tali proġett ta’ riċerka jew ta’ studju, meta jkollhom bħala għan li jneħħu kompletament jew parzjalment l-ostakoli finanzjarji potenzjali għal din il-parteċipazzjoni u meta jkunu idonei sabiex jintlaħaq dan il-għan.

 

2)

L-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li fondazzjoni privata stabbilita fi Stat Membru tirriżerva l-għoti ta’ boroż intiżi sabiex isostnu proġetti ta’ riċerka jew ta’ studji legali barra mill-pajjiż għall-kandidati li jkunu kisbu, f’dan l-Istat Membru, eżami tal-liġi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni indiretta minħabba r-razza jew l-oriġini etnika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top