Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0448

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-20 ta’ Settembru 2018.
    EOS KSI Slovensko s.r.o. vs Ján Danko u Margita Danková.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Krajský súd v Prešove.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Artikolu 4(2) u Artikolu 5 – Obbligu li l-klawżoli jiġu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem – Artikolu 7 – Kawża mressqa quddiem qorti minn persuni jew organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà għal assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi li tintervjeni fil-proċedura għall-kunsens tal-konsumatur – Kreditu għall-konsum – Direttiva 87/102/KEE – Artikolu 4(2) – Obbligu li tiġi indikata r-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt miktub – Kuntratt li jinkludi biss formola matematika għall-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta mingħajr l-elementi meħtieġa sabiex jitwettaq dan il-kalkolu.
    Kawża C-448/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:745

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    20 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Artikolu 4(2) u Artikolu 5 – Obbligu li l-klawżoli jiġu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem – Artikolu 7 – Kawża mressqa quddiem qorti minn persuni jew organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà għal assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi li tintervjeni fil-proċedura għall-kunsens tal-konsumatur – Kreditu għall-konsum – Direttiva 87/102/KEE – Artikolu 4(2) – Obbligu li tiġi indikata r-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-kuntratt miktub – Kuntratt li jinkludi biss formola matematika għall-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta mingħajr l-elementi meħtieġa sabiex jitwettaq dan il-kalkolu”

    Fil-Kawża C‑448/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

    EOS KSI Slovensko s. r. o.

    vs

    Ján Danko,

    Margita Danková,

    fil-preżenza ta’:

    Združenie na ochranu občana spotrebiteľa HOOS,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn J. Malenovský, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u N. Ruiz García, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, EOS KSI Slovenkso s. r. o. (iktar ’il quddiem “EOS”) u, min-naħa l-oħra, Ján Danko u Margita Dakonvá dwar talba għall-ħlas ta’ somom li għadhom dovuti fil-kuntest ta’ kreditu għall-konsum.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 87/102

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat-22 ta’ Dicembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326), kif emendata bid-Direttiva 98/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 36) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 87/102”), jipprovdi:

    “1.   Din id-Direttiva tapplika għal ftehim ta’ kreditu.

    2.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

    […]

    (d)

    ‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’ tfisser l-ispejjeż kollha, li jinkludu l-interessi u spejjeż oħra, li l-konsumatur għandu jħallas għall-kreditu;

    (e)

    ‘rata perċentwali [annwali] ta’ ħlas’ tfisser l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur, espressa bħala l-persentaġġ annwali ta’ l-ammont ta’ kreditu mogħti u kkalkulat in konformità ma’ l-Artikolu 1a.”

    4

    L-Artikolu 1a tad-Direttiva 87/102 jipprevedi:

    “1   

    (a)

    Ir-rata annwali perċentwali ta’ ħlas, li għandha tkun dik l-ekwivalenti, fuq bażi annwali, għall-valur preżenti ta’ l-impennji kollha (self, ħlas lura u imposti), futuri jew eżistenti, miftehmin mill-kreditur u min jissellef, għandhom jiġu kkalkulati in konformità mal-formula matematika msemmija fl-Anness II.

    (b)

    B’mod illustrazzjoni ta’ Fl-Anness III jingħataw erba’ eżempji tal-metodu ta’ kalkolazzjoni.

    2.   Għall-għan ta’ kalkolazzjoni tar-rata perċentwali annwali ta’ ħlas, l-’ispiża totali ta’ kreditu lill-konsumatur’ kif definit fl-Artikolu 1(2)(d) għandha tiġi ddeterminat, bl-eċċezzjoni ta’ l-imposti li ġejjin […]

    […]

    4.   

    (a)

    Ir-rata annwali perċentwali ta’ ħlas għandha tiġi kkalkulata fil-ħin li jkun konkluż il-kuntratt ta’ kreditu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 li jikkonċerna riklamar u offerti speċjali.

    (b)

    Il-kalkolazzjoni għandha ssir fuq il-preżunzjoni li l-kuntratt ta’ kreditu huwa validu għall-perjodu miftiehem u li l-kreditur u l-konsumatur jaderixxu ma’ l-obbligi tagħhom taħt it-termini u d-dati miftiehma.

    […]

    6.   Fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu li jkun fihom klawsoli li jippermettu varjazzjonijiet fir-rata ta’ interessi u l-ammont jew livell ta’ imposti oħra li jinsabu fir-rata annwali perċentwali ta’ imposta iżda mhux ikkwantifikati fil-ħin meta ġiet ikkalkulata, ir-rata annwali perċentwali ta’ imposta għandha tiġi kkalkulata fuq il-preżunzjoni li l-interessi u imposti oħra jibqgħu fissi u japplikaw sat-tmiem tal-kuntratt ta’ kreditu.

    […]”

    5

    L-Artikolu 4 ta din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “Il-ftehim miktub għandu jinkludi:

    (a)

    dikjarazzjoni tar-rata perċentwali ta’ ħlas ta’ kull sena;

    (b)

    dikjarazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi emendata r-rata ta’ ħlas perċentwali ta’ kull sena.

    […]”

    6

    Id-Direttiva 87/102 tħassret b’effett mill-11 ta’ Ġunju 2010, konformement mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46). Fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, hija d-Direttiva 87/102 li tibqa’ applikabbli għal din il-kawża.

    Id-Direttiva 93/13

    7

    Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13:

    “Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew [l-Unjoni Ewropea], b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

    8

    L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

    9

    L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

    2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar [ċar u li jinftiehem].”

    10

    L-Artikolu 5 tal-istess direttiva huwa fformualt kif ġej:

    “Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2).”

    11

    Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13:

    “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

    12

    L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

    2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

    3.   Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil-paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili.”

    13

    L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

    Id-dritt Slovakk

    14

    L-Artikolu 53a tal-Občiansky zákonník (il-Kodiċi Ċivili), li jittrasponi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, jipprojbixxi lill-bejjiegħa u lill-fornituri kollha milli jkomplu jużaw klawżola kuntrattwali li ġiet irrikonoxxuta bħala inġusta minn qorti f’deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ tilwima fil-qasam tad-dritt tal-konsumaturi. Din id-dispożizzjoni teħtieġ, madankollu, li l-konsumatur ikun fetaħ il-kawża jew li, meta jkun il-konvenut, ikun ippreżenta att proċedurali.

    15

    L-Artikolu 93 taz-zákon č. 99/1963 Zb., Občiansky súdny poriadok (il-Liġi Nru 99/1963 li jistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jipprevedi:

    “1.   Persuna li jkollha interess ġuridiku fl-eżitu tal-kawża tista’ tintervjeni bħala intervenjent insostenn tat-talbiet tar-rikorrent jew tal-konvenut […].

    2.   Tista’ tintervjeni wkoll bħala intervenjent fil-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrent jew tal-konvenut persuna ġuridika li l-attività tagħha hija intiża li tipproteġi d-drittijiet b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari.

    3.   Din il-persuna għandha tintervjeni fil-kawża fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ parti kkomunikata mill-qorti. Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-intervent fil-każ biss li ssirilha talba f’dan is-sens.

    4.   Fil-kuntest tal-proċedura, l-intervenjent għandu jkollu l-istess drittijiet u obbligi bħal parti fil-kawża. Madankollu, l-intervenjent għandu jaġixxi biss għalih innifsu. Jekk l-atti tiegħu jqajmu oġġezzjoni fil-konfront ta’ dawk tal-parti li insostenn tagħha jkun intervjena, il-qorti għandha tevalwahom wara eżami taċ-ċirkustanzi kollha.”

    16

    Skont l-Artikolu 172 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili:

    “1.   Il-qorti tista’ toħroġ ordni ta’ ħlas anki fl-assenza ta’ talba espliċita tar-rikorrent u mingħajr ma tkun semgħet lill-konvenut jekk ir-rikors jinvoka dritt għall-ħlas ta’ somma flus li jirriżulta miċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrent. Fl-ordni ta’ ħlas hija għandha tordna lill-konvenut iħallas lir-rikorrent, f’terminu ta’ ħmistax-il jum min-notifika ta’ din l-ordni, l-ammont dovut u l-ispejjeż legali, jew jippreżenta, f’dan it-terminu, oġġezzjoni quddiem il-qorti li tkun ħarġet l-ordni ta’ ħlas. L-oġġezzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas għandha tkun immotivata fuq il-mertu. […]

    […]

    3.   Jekk il-qorti ma toħroġx ordni ta’ ħlas, hija għandha tordna ż-żamma ta’ seduta.

    […]

    7.   Jekk ir-rikors jinvoka dritt li jkun parzjalment f’kuntradizzjoni manifesta mal-leġiżlazzjoni, il-qorti għandha toħroġ, bil-kunsens tar-rikorrent, ordni ta’ ħlas fir-rigward biss tal-parti li ma tkunx ikkonċernata mill-imsemmija kuntradizzjoni; ladarba jingħata dan il-kunsens, il-kawża jibqgħalha bħala suġġett din il-parti biss tar-rikors, u l-qorti ma tagħtix deċiżjoni dwar il-bqija tar-rikors. Is-suġġett tal-klawża jibqa’, anki wara l-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas, il-parti tar-rikors li dwarha l-qorti ddeċidiet bil-ħruġ tal-imsemmija ordni ta’ ħlas; din id-dispożizzjoni tapplika anki fil-każ li tkun ġiet ippreżentata oġġezzjoni.

    […]

    9.   Fil-każ li jkun qiegħed jiġi invokat dritt għall-ħlas ta’ somma flus fuq il-bażi ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur u fil-każ li l-konvenut ikun konsumatur, il-qorti ma għandhiex toħroġ ordni ta’ ħlas jekk il-kuntratt ikun jinkludi klawżoli inġusti.”

    17

    Skont l-Artikolu 4(2)(g) tal-Liġi Nru 258/2001 dwar il-kreditu għall-konsum, applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li ma jsemmix ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta (iktar ’il quddiem ir-“RPAI”) huwa meqjus li la jipproduċi interessi u lanqas spejjeż.

    It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18

    Fl-24 ta’ Ottubru 2005, J. Danko kkonkluda, ma’ Všeobecná úverová banka a.s., kuntratt ta’ kreditu għall-konsum li seta’ jiġġedded għal ammont ta’ 30000 koruna Slovakka (SKK) (madwar EUR 995). Il-parti li tat is-self sussegwentement ittrasferixxiet il-kreditu tagħha li jirriżulta mill-imsemmi kuntratt lil EOS, kumpannija li tirkupra d-dejn.

    19

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx jindika r-RPAI u kien fih biss formola matematika għall-kalkolu tar-RPAI, mingħajr l-elementi neċessarji sabiex isir dan il-kalkolu.

    20

    Filwaqt li invokat ksur tal-imsemmi kuntratt mill-parti li ssellfet, EOS ippreżentat, quddiem l-Okresný súd Humenné (il-Qorti Distrettwali ta’ Humenné, is-Slovakkja), rikors intiż li jinkiseb il-ħlas tas-somma ta’ EUR 1 123.12, flimkien ma’ interessi moratorji bir-rata ta’ 9.5 %. F’dan ir-rigward hija talbet li tinħareġ ordni ta’ ħlas skont l-Artikolu 172(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li hija proċedura mħaffa kkaratterizzata mill-fatt li d-deċiżjoni fil-mertu tiġi adottata mingħajr seduta, mingħajr produzzjoni ta’ provi u fuq il-bażi biss tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent.

    21

    Fl-24 ta’ Awwissu 2012, l-Okresný súd Humenné (il-Qorti Distrettwali ta’ Humenné) ħarġet l-ordni ta’ ħlas mitluba. Din l-ordni nħarġet minn uffiċjal u mhux minn maġistrat. L-imsemmija qorti ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx jindika r-RPAI u lanqas ma eżaminat in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt.

    22

    Iz-Združenie na ochranu občana spotrebiteľa HOOS, assoċjazzjoni Slovakka għall-protezzjoni tal-konsumaturi (iktar ’il quddiem il-“HOOS”), li intervjeniet insostenn tad-drittijiet ta’ J. Danko u ta’ M. Danková, ippreżentat oġġezzjoni għall-ordni ta’ ħlas.

    23

    Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Jannar 2013, l-Okresný súd Humenné (il-Qorti Distrettwali ta’ Humenné) ċaħdet l-imsemmija oġġezzjoni għar-raġuni li, peress li ma kienx il-konsumatur stess li ppreżenta oġġezzjoni, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-HOOS tkun tista’ tintervjeni fil-kawża ma kinux issodisfatti.

    24

    Adita b’rikors ippreżentat mill-HOOS, il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Settembru 2013, annullat id-digriet imsemmi fil-punt preċedenti u ordnat lill-Okresný súd Humenné (il-Qorti Distrettwali ta’ Humenné) torganizza seduta, tippermetti l-produzzjoni tal-provi u tiddeċiedi mill-ġdid fuq il-mertu tal-kawża wara li twettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli kuntrattwali tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov) laqgħet l-oġġezzjoni tal-HOOS għar-raġuni li din kellha l-istess drittijiet bħal konsumatur li jkun issellef, u qieset li l-kawża prinċipali ma setgħetx tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa peress li din tal-aħħar teskludi ż-żamma ta’ seduta u l-produzzjoni tal-provi.

    25

    Il-prosekutur ġenerali (is-Slovakkja) ippreżenta appell fil-kassazzjoni straordinarja kontra d-digriet tal-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov) quddiem in-Najvyšší súd (il-Qorti Suprema, is-Slovakkja).

    26

    Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Marzu 2015, in-Najvyšší súd (il-Qorti Suprema) annullat id-digriet tal-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov) u bagħtet il-kawża lura quddiem din il-qorti tal-aħħar. In-Najvyšší súd (il-Qorti Suprema) ikkonstatat li l-għan tal-intervent minn assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi jista’ jimmaterjalizza biss wara li titnissel tilwima, jiġifieri b’effett biss mill-mument li fih il-konsumatur ikun ippreżenta oġġezzjoni għal ordni ta’ ħlas.

    27

    Il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov) għandha dubju dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissodisfax il-prinċipju ta’ ekwivalenza previst fid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi tista’ tintervjeni fil-kawża fl-interess tal-konsumatur fid-dawl tar-regoli ġenerali tad-dritt Slovakk dwar l-intervent fl-interess tal-konvenut.

    28

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-każ li konsumatur konvenut f’kawża, fil-kuntest tal-proċedura intiża li jitwaqqaf l-użu tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi ma’ bejjiegħ jew fornitur, prevista fl-Artikolu 53a tal-Kodiċi Ċivili, ma jinformax ruħu u ma jiħux azzjoni, jew fil-każ li ma jkunx jista’ jiġi kkuntattjat, id-drittijiet tiegħu ma jkunux difiżi b’mod adegwat jekk il-qorti adita b’talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas tirrinunzja milli tistħarreġ in-natura inġusta tal-klawżoli kkonċernati.

    29

    Issa, skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Slovakk ma jippermettux lil assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi tintervjeni, fl-interess tal-konsumatur, fil-kawża, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu li:

    il-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu bil-miktub għal tali intervent;

    il-motivi ta’ difiża mqajma mill-imsemmija assoċjazzjoni jiġu approvati wkoll mill-konsumatur bħala konvenut;

    il-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu sabiex tali assoċjazzjoni tkun tista’ tippreżenta appell minn deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonċernah.

    30

    Skont il-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, id-dritt Slovakk ġie applikat b’mod inqas favorevoli milli kien jiġi applikat fil-każ ta’ sitwazzjoni li ma tinkludi ebda element li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, bi ksur tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 46). Fil-fatt, f’sitwazzjoni li ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni, it-tilwima titnissel fil-jum tal-preżentata tal-att promotur quddiem il-qorti nazzjonali, b’tali mod li l-intervenjent ikun jista’ jintervjeni fil-kawża sa mill-bidu tal-proċedura.

    31

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-klawżola tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali dwar ir-RPAI, il-qorti tar-rinviju tqis li din il-klawżola ma hijiex trasparenti u tmur kontra l-morali tajba, b’tali mod li, konformement mad-dritt Slovakk, il-kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jitqies li la jipproduċi interessi u lanqas spejjeż. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, tali sanzjoni tkun proporzjonata u dissważiva fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia (C‑42/15, EU:C:2016:842, punti 6569).

    32

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Fid-dawl tas-sentenza [tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovost’ (C‑470/12, EU:C:2014:101)], u tal-kunsiderazzjonijiet ifformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll fil-punt 46 [ta’ din is-sentenza], leġiżlazzjoni li, filwaqt li tqiegħed fuq l-istess livell l-interessi protetti mil-liġi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti, ma tawtorizzax, minn naħa, mingħajr il-kunsens tal-konsumatur konvenut, li persuna ġuridika li l-attività tagħha tikkonsisti li tipproteġi kollettivament il-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti u li jiġi osservat l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13], kif traspost mill-Artikolu 53a(1) u (2) tal-[K]odiċi [Ċ]ivili tintervjeni bħala intervenjenti fi proċedura ġudizzjarja sa mill-bidu tagħha u ma tippermettix l-eżerċizzju effettiv, fil-proċedura preżenti, tal-motivi ta’ difiża u ta’ rikors għall-benefiċċju tal-konsumatur għall-finijiet li jiġi protett kontra l-użu ġenerali ta’ klawżoli inġusti, filwaqt li, f’każ ieħor, l-intervenjenti li għandha interess li s-suġġett tal-proċedura jiġi rregolat fil-mertu (mill-perspettiva patrimonjali) u li tintervjeni fi proċedura ġudizzjarja insostenn tal-konvenut ma għandhiex bżonn tal-kunsens ta’ dan tal-aħħar sabiex tintervjeni fil-proċedura ġudizzjarja sa mill-bidu tagħha għall-finijiet li jiġu sostnuti utilment motivi ta’ difiża u ta’ rikors għall-benefiċċju tal-konvenut li insostenn tiegħu hija tintervjeni tmur kontra l-prinċipju ta’ ekwivalenza tad-dritt tal-Unjoni?

    2)

    Fid-dawl [tas-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282) u tat-23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262)], il-kelma “ċar” [li jinftiehem], li tinsab fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li klawżola tista’ tiġi kklassifikata bħala li ma tkunx tinftiehem, li jkollu bħala konsegwenza legali li l-qorti teżamina (ex officio) n-natura inġusta tal-klawżola, anki jekk is-sistema legali (l-istrument) li tirregola din il-klawżola kuntrattwali, hija fiha nnifisha kkomplikata b’mod li l-konsegwenzi legali tagħha huma diffiċilment prevedibbli għall-konsumatur medju u li l-ftehim tagħha ġeneralment jirrikjedi parir legali speċjalizzat li l-ispiża tiegħu hija sproporzjonata meta pparagunata mal-valur tas-servizz li l-konsumatur jirċievi mill-kuntratt?

    3)

    Jekk qorti tagħti deċiżjoni dwar id-drittijiet li jirriżultaw minn kuntratt konkluż ma’ konsumatur invokati kontra l-konsumatur, fil-kwalità tiegħu bħala konvenut, abbażi biss tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, permezz ta’ ordni ta’ ħlas fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, mingħajr bl-ebda mod tapplika fil-kuntest tal-proċedura d-dispożizzjoni tal-Artikolu 172(9) tal-[K]odiċi ta’ [P]roċedura [Ċ]ivili, li tipprevedi li ma tinħariġx ordni ta’ ħlas jekk il-kuntratt konkluż ma’ konsumatur jinkludi klawżoli inġusti, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, peress li l-qorti ma tapplikax l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 172(9) tal-[K]odiċi ta’ [P]roċedura [Ċ]ivili u fid-dawl tat-terminu qasir sabiex tiġi ppreżentata oppożizzjoni kontra ordni ta’ ħlas u tal-eventwali impossibbiltà li jsir kuntatt mal-konsumatur, ma tippermettix li assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li għandha l-kwalità u li hija awtorizzata tapplika l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif traspost mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 53a(1) u (2) tal-[K]odiċi [Ċ]ivili, issostni utilment, mingħajr il-kunsens tal-konsumatur (iżda mingħajr ma l-konsumatur juri n-nuqqas ta’ kunsens tiegħu), l-uniku motiv ta’ difiża tal-konsumatur fil-forma ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas tmur kontra d-dritt tal-Unjoni?

    4)

    Għall-finijiet tar-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi, tista’ titqies bħala rilevanti ċ-ċirkustanza li, skont l-ordinament ġuridiku, il-konsumatur ma għandux dritt għal rappreżentazzjoni legali obbligatorja u li l-ksur ta’ dan id-dritt flimkien ma’ assenza ta’ rappreżentazzjoni legali huwa l-bażi ta’ riskju li ma huwiex insinjifikattiv li ma jinvokax in-natura abbużiva tal-klawżoli kuntrattwali u li dan lanqas ma jressaq att li jawtorizza l-intervent fil-proċedura ġudizzjarja, insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, ta’ assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li għandha l-kwalità u li hija awtorizzata teżegwixxi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13], kif traspost permezz tal-Artikolu 53a(1) u (2) tal-[K]odiċi [Ċ]ivili?

    5)

    Leġiżlazzjoni bħall-proċedura mħaffa dwar ordni ta’ ħlas (Artikoli 172(1) et seq. tal-[K]odiċi ta’ [P]roċedura [Ċ]ivili) li tippermetti li tingħata, mal-effetti marbuta ma’ deċiżjoni ġudizzjarja, 1) somma flus favur il-bejjiegħ jew fornitur, 2) fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, 3) minn impjegat amministrattiv ta’ qorti, 4) fuq il-bażi biss tal-affermazzjonijiet tal-bejjiegħ jew fornitur, u dan 5) mingħajr produzzjoni tal-prova u f’sitwazzjoni fejn, 6) il-konsumatur ma huwiex irrappreżentat minn espert tad-dritt u li 7) id-difiża tiegħu lanqas ma tista’ tiġi utilment żgurata, mingħajr il-kunsens tiegħu, minn assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li għandha l-kwalità u li hija awtorizzata teżegwixxi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif traspost mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 53a(1) u (2) tal-[K]odiċi [Ċ]ivili tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari r-rekwiżit li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi tal-kawża kollha skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [93/13]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    33

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lil organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi tintervjeni, fl-interess tal-konsumatur, fi proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas li tikkonċerna lil konsumatur individwali u tippreżenta oġġezzjoni kontra tali ordni fl-assenza ta’ kontestazzjoni ta’ din l-ordni mill-imsemmi konsumatur.

    34

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm mezzi adegwati u effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi. Mill-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li dawn il-mezzi jinkludu l-possibbiltà għal persuni jew għal organizzazzjonijiet li jkollhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi li jiftħu proċeduri quddiem il-qrati sabiex jiġi ddeterminat jekk klawżoli fformulati bil-għan li jintużaw b’mod ġenerali għandhomx natura inġusta u sabiex jiksbu, jekk ikun il-każ, il-projbizzjoni tagħhom (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Madankollu, la d-Direttiva 93/13 u lanqas dawk suċċessivi għaliha, li jikkompletaw il-qafas regolatorju għall-protezzjoni tal-konsumaturi, ma jinkludu dispożizzjoni li tirregola r-rwol li jista’ jew li għandu jingħata lill-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi fil-kuntest ta’ tilwim individwali li jinvolvi konsumatur. B’hekk, id-Direttiva 93/13 ma tirregolax il-kwistjoni ta’ jekk tali assoċjazzjonijiet għandhomx ikollhom id-dritt li jintervjenu insostenn ta’ konsumaturi fil-kuntest ta’ tali tilwim individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 45).

    36

    Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt tal-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi li jintervjenu f’tilwim individwali li jinvolvi konsumaturi, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 46).

    37

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi li tintervjeni huma iktar favorevoli meta r-rikors ikun ippreżentat esklużivament fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali milli meta jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, filwaqt li, f’kawża li ma tkunx tinvolvi elementi li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, it-tilwima titnissel, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-jum tal-preżentata tal-att promotur quddiem il-qorti, b’tali mod li l-intervenjent huwa awtorizzat jintervjeni fil-kawża sa mill-ftuħ tal-proċedura, jidher għall-kuntrarju li, fil-kawża prinċipali, li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, it-tilwima titnissel biss fil-mument li fih il-konsumatur jippreżenta oġġezzjoni għall-ordni ta’ ħlas, b’tali mod li l-assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi kkonċernata ma tkunx tista’ tintervjeni qabel ma tiġi ppreżentata din l-oġġezzjoni.

    38

    F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza teħtieġ l-applikazzjoni mingħajr differenza tar-regoli nazzjonali għall-proċeduri bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 30).

    39

    Għaldaqstant, dan il-prinċipju għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-intervent tal-assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi f’tilwim li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni għal kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk applikabbli fil-każ ta’ tilwim li jaqa’ esklużivament taħt id-dritt nazzjonali.

    40

    Għalkemm il-Gvern Slovakk isostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-applikazzjoni ddifferenzjata tar-regoli nazzjonali li ġew identifikati mill-qorti tar-rinviju ma hijiex ibbażata fuq jekk it-tilwima tkunx marbuta jew le mad-dritt tal-Unjoni, iżda hija bbażata fuq in-natura differenti tal-proċeduri inkwistjoni, hija madankollu l-qorti tar-rinviju, li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali tar-rimedji fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħha, li għandha tivverifika l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza fil-kawża li għandha quddiemha, u dan billi tanalizza r-rimedji kkonċernati fid-dawl tas-suġġett tagħhom, tal-kawża tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom.

    41

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-rifjut li jiġi aċċettat l-intervent ta’ assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi fi proċedura mressqa kontra konsumatur ma jaffettwax id-dritt ta’ din l-assoċjazzjoni għal rimedju ġudizzjarju effettiv għad-difiża tad-drittijiet irrikonoxxuti lilha bħala assoċjazzjoni ta’ dan it-tip, li jikkonsistu, b’mod partikolari, fid-drittijiet tagħha li tressaq azzjoni kollettiva taħt l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, assoċjazzjoni tista’ tirrappreżenta direttament tali konsumatur f’kull proċedura, inkluż fi proċedura ta’ eżekuzzjoni, fuq mandat mogħti minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punti 5455).

    42

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikser il-prinċipju ta’ effettività fir-rigward tad-dritt tal-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi li jintervjenu f’tilwim li jinvolvi konsumaturi f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

    43

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li d-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lil organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi tintervjeni, fl-interess tal-konsumatur, fi proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas li tikkonċerna lil konsumatur individwali u tippreżenta oġġezzjoni kontra tali ordni fl-assenza ta’ kontestazzjoni ta’ din l-ordni mill-imsemmi konsumatur, fil-każ li l-imsemmija leġiżlazzjoni effettivament tissuġġetta l-intervent tal-assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi f’tilwim li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni għal kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk applikabbli għat-tilwim li jaqa’ esklużivament taħt id-dritt nazzjonali, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq it-tielet sal-ħames domanda

    44

    Permezz tat-tielet sal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, filwaqt li tipprevedi, fl-istadju tal-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas kontra konsumatur, l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur, minn naħa, tagħti lil uffiċjal amministrattiv ta’ qorti li ma għandux il-kwalità ta’ maġistrat il-kompetenza li joħroġ din l-ordni ta’ ħlas u, min-naħa l-oħra, tillimita għal ħmistax-il jum it-terminu sabiex tiġi ppreżentata oġġezzjoni u teżiġi li din tal-aħħar tkun immotivata fuq il-mertu.

    45

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 tista’ tiġi ggarantita biss jekk is-sistema proċedurali nazzjonali tipprevedi, fil-kuntest tal-proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas jew fil-kuntest tal-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ tali ordni, stħarriġ ex officio, minn qorti, tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli fil-kuntratt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punti 4546).

    46

    B’hekk, fil-każ li, fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas, ma jkun previst ebda stħarriġ ex officio, minn qorti, tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli fil-kuntratt ikkonċernat, leġiżlazzjoni nazzjonali għandha titqies li hija ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva 93/13 jekk ma tipprevedix tali stħarriġ fl-istadju tal-ħruġ tal-ordni jew, meta tali stħarriġ ikun previst biss fl-istadju tal-oġġezzjoni kontra l-ordni marħuġa, jekk ikun hemm riskju mhux negliġibbli li l-konsumatur ikkonċernat ma jippreżentax l-oġġezzjoni meħtieġa jew minħabba t-terminu partikolarment qasir previst għal dan il-għan, jew fid-dawl tal-ispejjeż ikkawżati minn tali azzjoni legali meta mqabbla mal-ammont tad-dejn ikkontestat, jew minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix l-obbligu li tiġi kkomunikata lilu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jiddetermina l-portata tad-drittijiet tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 54, u tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 52).

    47

    F’dan il-każ, l-Artikolu 172(9) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi li, fil-każ li jiġi invokat id-dritt għall-ħlas ta’ somma flus taħt kuntratt konkluż ma’ konsumatur u fil-każ li l-konvenut ikun konsumatur, il-qorti ma għandhiex toħroġ l-ordni ta’ ħlas jekk il-kuntratt ikun fih klawżoli inġusti.

    48

    Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju tispeċifika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti kompetenza, fir-rigward tal-ħruġ tal-ordnijiet ta’ ħlas, lil uffiċjal tal-qorti li ma għandux il-kwalità ta’ maġistrat.

    49

    F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li l-ħarsien tal-effett utli tad-Direttiva 93/13 jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li ordni ta’ ħlas tinħareġ mingħajr ma l-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jibbenefika, f’xi mument tal-proċedura, mill-garanzija li ser jitwettaq stħarriġ minn qorti tal-assenza ta’ klawżola inġusta fil-kuntratt ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 45).

    50

    Għaldaqstant, il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti kompetenza fil-qasam tal-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ ħlas lil uffiċjal li ma għandux il-kwalità ta’ maġistrat ma jippreġudikax il-ħarsien tal-effett utli tad-Direttiva 93/13 sakemm stħarriġ minn qorti tal-assenza ta’ klawżola inġusta fil-kuntratt ikkonċernat ikun previst fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-ordni tal-ħlas jew fil-każ ta’ oġġezzjoni għal din l-ordni.

    51

    B’dan premess, kif tfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ tali stħarriġ fl-istadju biss tal-oġġezzjoni tista’ tħares l-effett utli tad-Direttiva 93/13 fil-każ biss li l-konsumaturi ma jkunux dissważi milli jippreżentaw tali oġġezzjoni.

    52

    Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi terminu ta’ ħmistax-il jum biss li matulu l-konsumatur jista’ jippreżenta oġġezzjoni għall-ordni ta’ ħlas, u teżiġi wkoll li dan jimmotiva l-oġġezzjoni tiegħu fuq il-mertu.

    53

    Għaldaqstant, b’tali leġiżlazzjoni, jeżisti riskju mhux negliġibbli li l-konsumatur ikkonċernat ma jippreżentax oġġezzjoni u li, b’hekk, l-istħarriġ ex officio minn qorti tal-assenza ta’ klawżola inġusta fil-kuntratt ikkonċernat ma jkunx jista’ jitwettaq.

    54

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet sal-ħames domanda hija li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, filwaqt li tipprevedi, fl-istadju tal-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas kontra konsumatur, l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur, minn naħa, tagħti lil uffiċjal amministrattiv ta’ qorti li ma għandux il-kwalità ta’ maġistrat il-kompetenza li joħroġ din l-ordni ta’ ħlas u, min-naħa l-oħra, tipprevedi terminu ta’ ħmistax-il jum sabiex tiġi ppreżentata oġġezzjoni u teżiġi li din tal-aħħar tkun immotivata fuq il-mertu, fil-każ li tali stħarriġ ex officio ma jkunx previst fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija ordni, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq it-tieni domanda

    Fuq l-ammissibbiltà

    55

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Slovakk isostni, essenzjalment, li din id-domanda hija ta’ natura ipotetika peress li eventwali rikonoxximent, mill-qorti tar-rinviju, tal-locus standi tal-HOOS jimplika l-annullament tad-digriet tal-Okresný súd Humenné (il-Qorti Distrettwali ta’ Humenné) tas-17 ta’ Jannar 2013 u l-kawża tintbagħat lura quddiem din tal-aħħar. B’hekk, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ser tiddeċiedi dwar in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali kkonċernata.

    56

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika n-natura eżatta tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association u Reynaud, C‑125/16, EU:C:2017:707, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċedura jkun hemm lok, għal dik il-qorti, li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association u Reynaud, C‑125/16, EU:C:2017:707, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    58

    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel, għat-tielet, għar-raba’ u għall-ħames domanda, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni domanda hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    59

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum dwar l-ispiża tal-kreditu għandha titqies li hija fformulata b’mod ċar u li jinftiehem, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ li dan il-kuntratt, minn naħa, ma jindikax ir-RPAI u jinkludi biss formola matematika għall-kalkolu ta’ din ir-RPAI mingħajr l-elementi meħtieġa sabiex jitwettaq dan il-kalkolu u, min-naħa l-oħra, ma jsemmix ir-rata ta’ interessi.

    60

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma għandhiex tkopri d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas ir-relazzjoni adegwata bejn il-prezz u l-ħlas, minn naħa, u s-servizzi jew il-beni li għandhom jingħataw bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, sakemm dawn il-klawżoli jkunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem.

    61

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tispeċifika li dan ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, imfakkar ukoll fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, ma jistax jiġi limitat għas-sempliċi natura li tinftiehem minn aspett formali u grammatikali ta’ dawn il-klawżoli, iżda li, għall-kuntrarju, peress li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata permezz ta’ din id-direttiva hija bbażata fuq il-ħsieb li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni inferjuri meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur fir-rigward, b’mod partikolari, tal-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ formulazzjoni ċara u li tinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza, meħtieġ mill-istess direttiva, għandu jiġi interpretat b’mod estensiv (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    62

    Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu dwar l-ispiża tiegħu u li, għalhekk, tikkonċerna s-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt hijiex ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxu obbligi fil-qasam tal-informazzjoni tal-konsumaturi u li jistgħu japplikaw għall-kuntratt ikkonċernat.

    63

    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 87/102, li, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur segwit minn din id-direttiva kontra l-kundizzjonijiet ta’ kreditu inġusti u sabiex il-konsumatur ikun jista’ jkollu għarfien sħiħ tal-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni futura tal-kuntratt konkluż, fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jeżiġi li min jissellef ikollu l-elementi kollha li jista’ jkollhom effett fuq il-portata tal-obbligi tiegħu (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura, C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    Konformement mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 87/102, il-kuntratt ta’ kreditu għandu jiġi stabbilit bil-miktub u dan il-kuntratt bil-miktub għandu jinkludi l-indikazzjoni tar-RPAI kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom din tal-aħħar tista’ tiġi emendata. L-Artikolu 1a ta’ din id-direttiva jiffissa l-modalitajiet għall-kalkolu tar-RPAI u jispeċifika, fil-paragrafu 4(a) tiegħu, li din ir-rata għandha tiġi kkalkolata “fil-ħin li jkun konkluż il-kuntratt ta’ kreditu”. Din l-informazzjoni għall-konsumatur dwar l-ispiża globali tal-kreditu, fil-forma ta’ rata kkalkolata skont formola matematika waħda, hija għalhekk ta’ importanza essenzjali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C‑76/10, EU:C:2010:685, punti 6970).

    65

    Għaldaqstant, il-fatt li r-RPAI ma tissemmiex f’kuntratt ta’ kreditu jista’ jikkostitwixxi element deċiżiv fil-kuntest tal-analiżi mill-qorti nazzjonali kkonċernata tal-kwistjoni dwar jekk il-klawżola ta’ dan il-kuntratt dwar l-ispiża tal-kreditu hijiex ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13. Jekk dan ma jkunx il-każ, din il-qorti nazzjonali tkun awtorizzata tevalwa n-natura inġusta ta’ tali klawżola fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C‑76/10, EU:C:2010:685, punti 7172).

    66

    Għandu jingħad ukoll li għandha tiġi assimilata mas-sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm indikazzjoni tar-RPAI f’kuntratt ta’ kreditu s-sitwazzjoni fejn, bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kuntratt jinkludi biss formola matematika għall-kalkolu ta’ din ir-RPAI mingħajr l-elementi meħtieġa sabiex jitwettaq dan il-kalkolu.

    67

    Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-konsumatur ma jistax jitqies li għandu għarfien sħiħ tal-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni futura tal-kuntratt konkluż, fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, u, għaldaqstant, li għandu l-elementi kollha li jista’ jkollhom effett fuq il-portata tal-obbligi tiegħu.

    68

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, minn naħa, ma jindikax ir-RPAI u jinkludi biss formola matematika għall-kalkolu ta’ din ir-RPAI mingħajr l-elementi meħtieġa sabiex jitwettaq dan il-kalkolu u, min-naħa l-oħra, ma jsemmix ir-rata ta’ interessi, tali fatt huwa element deċiżiv fil-kuntest tal-analiżi mill-qorti nazzjonali kkonċernata tal-kwistjoni dwar jekk il-klawżola tal-imsemmi kuntratt dwar l-ispiża tal-kreditu hijiex ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    69

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lil organizzazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi tintervjeni, fl-interess tal-konsumatur, fi proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas li tikkonċerna lil konsumatur individwali u tippreżenta oġġezzjoni kontra tali ordni fl-assenza ta’ kontestazzjoni ta’ din l-ordni mill-imsemmi konsumatur, fil-każ li l-imsemmija leġiżlazzjoni effettivament tissuġġetta l-intervent tal-assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi f’tilwim li jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni għal kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk applikabbli għat-tilwim li jaqa’ esklużivament taħt id-dritt nazzjonali, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     

    2)

    Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, filwaqt li tipprevedi, fl-istadju tal-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas kontra konsumatur, l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli inklużi f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur, minn naħa, tagħti lil uffiċjal amministrattiv ta’ qorti li ma għandux il-kwalità ta’ maġistrat il-kompetenza li joħroġ din l-ordni ta’ ħlas u, min-naħa l-oħra, tipprevedi terminu ta’ ħmistax-il jum sabiex tiġi ppreżentata oġġezzjoni u teżiġi li din tal-aħħar tkun immotivata fuq il-mertu, fil-każ li tali stħarriġ ex officio ma jkunx previst fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija ordni, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     

    3)

    L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, minn naħa, ma jindikax ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta u jinkludi biss formola matematika għall-kalkolu ta’ din ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta mingħajr l-elementi meħtieġa sabiex jitwettaq dan il-kalkolu u, min-naħa l-oħra, ma jsemmix ir-rata ta’ interessi, tali fatt huwa element deċiżiv fil-kuntest tal-analiżi mill-qorti nazzjonali kkonċernata tal-kwistjoni dwar jekk il-klawżola tal-imsemmi kuntratt dwar l-ispiża tal-kreditu hijiex ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.

    Top