EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0445

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018.
Agenzia delle Dogane e dei Monopoli vs Pilato SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Commissione Tributaria Regionale del Lazio.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestaturi 8703, 8704 u 8705 – Karozzi tal-mejtin.
Kawża C-445/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:609

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestaturi 8703, 8704 u 8705 – Karozzi tal-mejtin”

Fil-Kawża C‑445/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria regionale del Lazio (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli

vs

Pilato SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Pilato SpA, minn G. Tardella, avvocato, u minn R. Baggio,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u F. Tomat, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi tariffarji 8703, 8704 u 8705 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad‑9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Pilato SpA u l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ karozza tal-mejtin.

Il-kuntest ġuridiku

Is-SA

3

Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), twaqqaf permezz tal-konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil‑15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni tal-merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u twaqqfet bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din il-konvenzjoni, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tat-tariffi u tal-istatistika jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet konnessi magħhom, u li tiġi segwita l-ordni numerika ta’ din l-imsemmija sistema. Kull parti kontraenti timpenja ruħha wkoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma tbiddilx il-portata ta’ dawn tal-aħħar.

In-noti ta’ spjega tas-SA

5

In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703 hija fformulata kif ġej:

“Bl-eċċezzjoni ta’ karozzi għat-trasport tal-persuni previsti taħt in-Nru 87.02, din l-intestatura tinkludi l-karozzi ta’ kull tip, inklużi l-vetturi anfibji għat-trasport tal-persuni, indipendentement mill-mutur li jħaddimhom (mutur bil-pistuni li jitqabbad bi spark jew bil-kompressjoni, mutur elettriku, turbina li taħdem bil-gass, eċċ.).

Hija tkopri wkoll il-vetturi ħfief bi tliet roti, b’mod partikolari:

dawk li jużaw muturi u roti ta’ motoċikletti, eċċ., li, bl-istruttura mekkanika tagħhom, jippreżentaw il-karatteristiċi tal-karozzi stess: preżenza ta’ sistema tal-istering bħal ta’ karozza, jew kemm ger ta’ trażmissjoni lura u kemm ger divrenzjali;

dawk immuntati fuq xażi f’forma ta’ T b’żewġ roti ta’ wara huma misjuqa minn muturi elettriċi separati mħaddmin minn batteriji. Dawn il-vetturi huma normalment ikkontrollati b’lieva ċentrali unika li tippermetti, minn naħa, il-qbid u ż-żieda jew it-tnaqqis tal-veloċità, il-waqfien u l-użu tal-ger ta’ trażmissjoni lura u, min-naħa l-oħra, it-tidwir lejn il-lemin jew lejn ix-xellug permezz ta’ koppja ta’ divrenzjar għar-roti tas-sewqan jew bil-kontroll fuq ir-rota ta’ quddiem.

Il-vetturi bi tliet roti bil-karatteristiċi deskritti hawn fuq, iżda intiżi għat-trasport tal-merkanzija, jaqgħu taħt in-Nru 87.04.

Il-vetturi hawn imsemmija jistgħu jiġu mmuntati fuq roti jew fuq karreġġjati (caterpillar track).

Jaqgħu, b’mod partikolari, f’din l-intestatura:

1)

Il-vetturi għal użu privat, il-vetturi mikrija bix-xufier jew il-vetturi għall-isport (karozzi tat-tlielaq).

2)

Il-vetturi tat-trasport speċjalizzati, bħal ambulanzi, karozzi għall-ġar ta’ ħabsin, karozzi tal-mejtin.

[…]

4)

Il-vetturi maħsubin apposta għall-ivvjaġġar fuq is-silġ (pereżempju, snowmobiles, karozzi għal użu fuq is-silġ).

5)

Il-vetturi speċjali għat-trasport ta’ persuni fuq il-korsijiet tal-golf u vetturi simili.

6)

Il-vetturi b’erba’ roti, b’xażi tubulari, mgħammra b’sistema tal-istering bħal ta’ karozza, pereżempju bbażata fuq il-prinċipju Ackerman.

Karozzi tat-tip station wagons, fis-sens ta’ din l-intestatura, ifissru l-vetturi b’massimu ta’ disa’ pożizzjonijiet bilqiegħda (inkluż ix-xufier) li l-ispazju intern tagħhom jista’ jintuża mingħajr tibdil strutturali, kemm għat-trasport ta’ persuni kif ukoll għat-trasport tal-merkanzija.

Il-klassifikazzjoni ta’ ċerti karozzi f’din l-intestatura hija ddeterminata minn ċerti karatteristiċi li juru li dawn huma prinċipalment intiżi għat-trasport ta’ persuni u mhux ta’ merkanzija (Nru 87.04). Dawn il-karatteristiċi huma partikolarment utli sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni ta’ karozzi li l-piż totali tagħhom huwa ġeneralment inqas minn 5 tunnellati u li jkollhom spazju intern magħluq wieħed biss inkluża parti rriżervata għas-sewwieq u għall-passiġġieri u parti oħra li tista’ tintuża għat-trasport ta’ persuni u ta’ merkanzija. F’din il-kategorija ta’ karozzi huma inklużi dawk ġeneralment imsejħa bħala vetturi li jintużaw għal diversi għanijiet [multi-purpose] (pereżempju, vetturi tat-tip vann, vetturi għal użu ta’ divertiment u ċerti vetturi tat-tip ‘pick-up’). L-elementi li ġejjin jirreferu għall-karatteristiċi tad-disinn li ġeneralment ikollhom il-vetturi li jaqgħu f’din l-intestatura:

a)

preżenza ta’ sedili permanenti b’apparat ta’ sigurtà (pereżempju, ċinturini ta’ sigurtà jew punti għat-twaħħil u aċċessorji intiżi għall-installazzjoni tagħhom) għal kull persuna jew ta’ punti għat-twaħħil permanenti u aċċessorji intiżi għall-installazzjoni tas-sedili u tal-apparat ta’ sigurtà fil-parti ta’ wara li tinsab wara s-sewwieq u l-passiġġieri. Dawn is-sedili jistgħu jkunu fissi, jinfetħu u jingħalqu jew inkella jitneħħew mill-punti għat-twaħħil;

b)

preżenza ta’ twieqi fuq in-naħa ta’ wara fuq iż-żewġ pjanċi tal-ġenb;

c)

preżenza ta’ bieba waħda jew iktar li jislajdjaw, li jinfetħu ’il barra jew ’il fuq, bit-twieqi, fuq il-pjanċi tal-ġenb jew fuq wara;

d)

assenza ta’ pjanċa jew ta’ pannell permanenti bejn il-parti tas-sewwieq u tal-passiġġieri ta’ quddiem u l-parti ta’ wara li tista’ tintuża għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija;

e)

preżenza fil-parti interna kollha tal-vettura ta’ elementi ta’ kumdità, ta’ elementi ta’ finitura interna u ta’ aċċessorji simili għal dawk li jinsabu fil-parti tas-sewwieq u tal-passiġġieri ta’ quddiem tal-vetturi għal użu privat (pereżempju, tapizzerija, ventilazzjoni, dawl intern, axtrejs).

Il-vetturi intiżi apposta għall-fieri, partikolarment l-auto-scooters, jaqgħu taħt in-Nru 95.08.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8704 hija fformulata kif ġej:

“Din l-intestatura tinkludi b’mod partikolari:

It-trakkijiet u l-vannijiet ordinarji (flatbed, b’tarpolini, magħluqa, eċċ.), il-karozzi ta’ kunsinna ta’ kull tip, il-karozzi tal-ġarr, it-trakkijiet li jinħattu waħedhom (b’kaxxa fuq wara li tista’ tgħola u tinżel, eċċ.), it-tankers mgħammra bil-pompi, it-trakkijiet friġġ u t-trakkijiet isotermiċi, it-trakkijiet bi pjanċi fuq xulxin għat-trasport ta’ reservoirs tal-aċidu, kontenituri tal-gass butan, eċċ., it-trakkijiet bi pjattaforma baxxa u rampi ta’ aċċess għat-trasport ta’ materjal tqil (tankijiet, tagħmir ta’ rfigħ jew ta’ ċaqliq tal-art, transformers elettriċi, eċċ.), it-trakkijiet maħsuba għall-ġarr tal-konkrit frisk, minbarra t-trakkijiet tal-miksers tal-konkos tan-Nru 87.05, eċċ., it-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku, anki jekk ikun fih apparat ta’ tagħbija, ta’ kompressjoni, ta’ umidifikazzjoni, eċċ.

Hija tkopri wkoll il-vetturi ħfief bi tliet roti, b’mod partikolari:

dawk li jużaw muturi u roti ta’ motoċikletti, eċċ., li, bl-istruttura mekkanika tagħhom, jippreżentaw il-karatteristiċi tal-karozzi stess: preżenza ta’ sistema tal-istering bħal ta’ karozza, jew kemm ger ta’ trażmissjoni lura u kemm ger divrenzjali;

dawk immuntati fuq xażi f’forma ta’ T b’żewġ roti ta’ wara huma misjuqa minn muturi elettriċi separati mħaddmin minn batteriji. Dawn il-vetturi huma normalment ikkontrollati b’lieva ċentrali unika li tippermetti, minn naħa, il-qbid u ż-żieda jew it-tnaqqis tal-veloċità, il-waqfien u l-użu tal-ger ta’ trażmissjoni lura u, min-naħa l-oħra, it-tidwir lejn il-lemin jew lejn ix-xellug permezz ta’ koppja ta’ divrenzjar għar-roti tas-sewqan jew bil-kontroll fuq ir-rota ta’ quddiem.

Il-vetturi bi tliet roti bil-karatteristiċi deskritti hawn fuq, iżda prinċipalment intiżi għat-trasport ta’ persuni, jaqgħu taħt in-Nru 87.03.

Il-klassifikazzjoni ta’ ċerti karozzi f’din l-intestatura hija ddeterminata minn ċerti karatteristiċi li juru li dawn huma intiżi għat-trasport ta’ merkanzija u mhux ta’ persuni (Nru 87.03). Dawn il-karatteristiċi huma partikolarment utli sabiex tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tal-karozzi li l-piż totali tagħhom huwa ġeneralment inqas minn 5 tunnellati li jkollhom parti separata fuq wara li tkun magħluqa jew pjattaforma miftuħa fuq wara, ġeneralment użati għat-trasport tal-merkanzija; dawn il-vetturi jista’ jkollhom sedili fuq wara tat-tip ta’ bank mingħajr ċinturin tas-sigurtà, u lanqas punti għat-twaħħil jew kumditajiet għall-passiġġieri, li jingħalqu mal-ġenb sabiex il-pjattaforma tkun tista’ tintuża kollha għat-trasport tal-merkanzija. Din il-kategorija ta’ karozzi tinkludi, b’mod partikolari, dawk ġeneralment imsejħa bħala vetturi li jintużaw għal diversi għanijiet (pereżempju, vetturi tat-tip ta’ vann, vetturi tat-tip ‘pick-up’ u ċerti vetturi għal użu ta’ divertiment). L-elementi li ġejjin jirreferu għall-karatteristiċi tad-disinn li ġeneralment ikollhom il-vetturi li jaqgħu f’din l-intestatura:

a)

preżenza ta’ sedili tat-tip ta’ banketta mingħajr apparat ta’ sigurtà (pereżempju, ċinturini ta’ sigurtà jew punti għat-twaħħil u aċċessorji intiżi għall-installazzjoni tagħhom) u lanqas kumditajiet għall-passiġġieri fil-parti ta’ wara, wara l-parti rriżervata għas-sewwieq u għall-passiġġieri. Dawn is-sedili jistgħu ġeneralment jitniżżlu sabiex jippermettu l-użu sħiħ, għat-trasport tal-merkanzija, tal-pjanċa fil-parti ta’ wara (vetturi tat-tip ta’ vann) jew ta’ pjattaforma separata (vetturi tat-tip ‘pick-up’);

b)

preżenza ta’ kabina separata għas-sewwieq u għall-passiġġieri, kif ukoll ta’ pjattaforma miftuħa separata, bil-ġnub fissi u bieba li titniżżel (vetturi tat-tip ‘pick-up’);

c)

assenza ta’ tieqa fil-parti ta’ wara fuq iż-żewġ pjanċi tal-ġenb; preżenza ta’ bieba waħda jew iktar li jislajdjaw, li jinfetħu ’l barra jew ’il fuq, mingħajr twieqi, fuq il-pjanċi tal-ġenb jew fuq wara, sabiex jippermettu t-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija (vetturi tat-tip ta’ vann);

d)

preżenza ta’ pjanċa jew ta’ pannell permanenti bejn il-parti tas-sewwieq u tal-passiġġieri ta’ quddiem u l-parti ta’ wara;

e)

assenza ta’ elementi ta’ kumdità, ta’ elementi ta’ finitura interna u ta’ aċċessorji fuq il-pjattaforma għat-tagħbija simili għal dawk li jinsabu fil-parti tas-sewwieq u tal-passiġġieri ta’ quddiem tal-vetturi għal użu privat (pereżempju, tapizzerija, ventilazzjoni, dawl intern, axtrejs). […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8705 hija fformulata kif ġej:

“Din l-intestatura tinkludi sett ta’ karozzi, mibnija apposta jew ikkonvertiti, mgħammra b’apparat jew bi strumenti oħra adegwati għat-twettiq ta’ ċerti funzjonijiet, b’distinzjoni mit-trasport innifsu. Għaldaqstant dawn huma vetturi mhux primarjament maħsuba għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija.

Dawn li ġejjin jaqgħu f’din l-intestatura:

1)

Il-vetturi għall-irmunkar li jikkonsistu minn xażi ta’ trakk jew ta’ vann, bi jew mingħajr pjanċa, mgħammar b’tagħmir ta’ rfigħ, bħal krejnijiet mhux rotanti, arbli, paranki, taljoli, maħsuba sabiex jgħollu u jirmonkaw il-karozzi bil-ħsara.

2)

Il-vetturi li jippumpjaw, li ġeneralment ikun fihom pompa li titħaddem mill-mutur tal-vettura, bħal pereżempju l-vetturi għat-tifi tan-nar.

3)

Il-vetturi bil-livelli u l-vetturi bi pjattaforma tal-elevazzjoni għall-manutenzjoni tal-linji tal-elettriku, tad-dawl pubbliku, eċċ., kif ukoll il-vetturi bi pjattaforma u bl-idejn artikolati (travelling) għall-iffilmjar ċinematografiku jew tat-televiżjoni.

4)

Il-vetturi li jintużaw għat-tindif tat-toroq, tal-postijiet pubbliċi, tal-gandotti, tar-runways f’ajruport, eċċ., bħal vetturi għall-knis tat-toroq, vetturi tat-tbexxix, vetturi għall-knis tat-toroq u tat-tbexxix, u vetturi li jiġbdu l-ħama.

5)

L-imħaret tas-silġ b’tagħmir fiss. Fil-każ ta’ karozzi esklużivament maħsuba għal dan l-użu, ġeneralment mgħammra b’turbini, b’pali li jduru, eċċ., imħaddma bil-mutur tal-vettura jew b’mutur separat.

L-imħaret tas-silġ b’tagħmir mobbli ta’ kull xorta jaqgħu taħt in-Nru 84.30 anki jekk ikunu mmuntati fuq karozza.

6)

Il-vetturi tal-bexx, li jsaħħnu jew le, ta’ kull tip u għal kull użu (anki agrikoli), b’apparat għall-applikazzjoni tal-qatran, taż-żrar (vetturi li jxerrdu r-ramel), eċċ.

7)

It-trakkijiet krejn, li ma humiex maħsuba għat-trasport tal-merkanzija, magħmula minn xażi ta’ karozza bil-kabina li magħha jkun imwaħħal b’mod permanenti krejn rotanti. Huma madankollu esklużi karozzi tan-Nru 87.04 li jipprovdu huma stess it-tagħbija tagħhom stess.

8)

Id-deriks mobbli magħmulin minn trakk li fuqu huwa mmuntat frejm metalliku vertikali mgħammar bit-taljoli u b’mekkaniżmi oħra meħtieġa għat-tħaffir jew għall-iddriljar. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

In-NM

8

In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-SA li minnha tieħu l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri, b’mod li huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li jifformaw subdiviżjonijiet speċifiċi għaliha.

9

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000 tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), il-Kummissjoni Ewropea għandha ta’ kull sena tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompleta tan-Nomenklatura Magħquda, flimkien mar-rati tad-dazju, kif tirriżulta minn miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu japplika mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

10

Il-verżjoni tan-NM applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li seħħew matul is-sena 2013, hija dik definita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 927/2012.

11

Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fil-punt A tat-Taqsima 1 tal-Ewwel Parti tagħha, jiddisponu:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

12

It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima XVII, intitolata “Vetturi, biċċiet tal-ajru, bastimenti u tagħmir tat-trasport assoċjat”. Din it-taqsima tinkludi l-Kapitolu 87, intitolat “Vetturi ħlief magni u vaguni (rolling-stock) ta’ ferroviji jew linji tat-tramm, u partijiet u aċċessorji tagħhom”, li fih jinsabu l-intestaturi 8703, 8704 u 8705 tan-NM. Dawn l-intestaturi huma fformulati kif ġej:

“8703

Karozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni (ħlief dawk ta’ titlu 8702), inklużi station wagons u karozzi tat-tlielaq:

[…]

8704

Vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ oġġetti:

[…]

8705

Vetturi bil-mutur b’għanijiet speċjali, ħlief dawk prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni u oġġetti (per eżempju, trakkijiet għall-ħsarat, trakkijiet krejn, vetturi għat-tifi tan-nar, trakkijiet tal-miksers tal-konkos, trakkijiet għall-knis tat-toroq, trakkijiet biex ibexxu, ħwienet tax-xogħol mobbli, unitajiet radjoloġiċi mobbli):

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Fl‑20 ta’ Awwissu 2013, Pilato ressqet quddiem l-Aġenzija talba għal informazzjoni tariffarja vinkolanti sabiex tikseb il-klassifikazzjoni ta’ karozza tal-mejtin mgħammra b’mutur diżil fis-subintestatura 87049000 tan-NM, jiġifieri fost il-“[v]etturi bil-mutur għat-trasport ta’ oġġetti”.

14

Fl-imsemmija talba, il-vettura ġiet deskritta kif ġej:

“Karozza tal-mejtin tad-diżil. Il-karozza hija kkaratterizzata minn:

1)

kabina separata għas-sewwieq;

2)

pannell diviżorju bejn il-parti tas-sewwieq u l-parti ta’ wara;

3)

bieba fuq wara li tinfetaħ ’il fuq sabiex tippermetti t-tagħbija u l-ħatt ta’ tebut;

4)

tagħmir speċjali li jippermetti operazzjonijiet ta’ tagħbija u ta’ ffissar ta’ tebut u ta’ kontenituri oħra;

5)

ċilindru ta’ 2143 cm3;

6)

il-vettura għandha d-dimensjonijiet li ġejjin: tul ta’ 5990 metru u wisa’ ta’ 1870 metru.”

15

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Diċembru 2013, l-Aġenzija pprovdiet l-informazzjoni tariffarja vinkolanti mitluba billi kklassifikat il-karozza tal-mejtin ikkonċernata fis-subintestatura 87033290 tan-NM, jew fost il-“[k]arozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni (ħlief dawk ta’ titlu 8702), inklużi station wagons u karozzi tat-tlielaq”.

16

Fis‑26 ta’ Frar 2014, Pilato ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Roma (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Ruma, l-Italja), li laqgħet dan ir-rikors b’sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2016. Din il-Kummissjoni qieset, b’mod partikolari, li l-imsemmija karozza tal-mejtin ma kellhiex il-karatteristiċi strutturali li jirrikonoxxu n-noti ta’ spjega tas-SA għal vetturi mibnija prinċipalment għat-trasport ta’ persuni u, għall-kuntrarju, tiddistingwi ruħha permezz tal-karatteristiċi strutturali mogħtija lil vetturi għat-trasport tal-merkanzija.

17

Fit‑13 ta’ Jannar 2017, l-Aġenzija appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Commissione tributaria regionale del Lazio (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja). Hija sostniet, b’mod partikolari, li n-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703 tan-NM tinkludi wkoll “il-vetturi tat-trasport speċjalizzati, bħal ambulanzi, karozzi għall-ġarr ta’ ħabsin, karozzi tal-mejtin” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

18

Din il-qorti tenfasizza, minn naħa, li n-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703 tan-NM tinkludi b’mod partikolari l-vetturi tat-trasport speċjalizzati, bħal ambulanzi, karozzi għall-ġar ta’ ħabsin, karozzi tal-mejtin, kif ukoll il-“vetturi għal diversi għanijiet” li “jkollhom spazju intern magħluq wieħed biss inkluża parti rriżervata għas-sewwieq u għall-passiġġieri u parti oħra li tista’ tintuża għat-trasport ta’ persuni u ta’ merkanzija” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, minkejja r-referenza espliċita għall-karozzi tal-mejtin fost il-vetturi inklużi fl-intestatura 8703 tan-NM, il-karatteristiċi strutturali u oġġettivi ta’ dawn il-vetturi ma jaqblux ma’ dawk indikati fin-nota ta’ spjega tas-SA. Għalhekk, il-karozzi tal-mejtin ma jippreżentawx spazju uniku magħluq b’parti rriżervata għas-sewwieq u għall-passiġġieri u parti oħra li tista’ tintuża għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija, peress li, għall-kuntrarju, hemm pannell fiss u ermetiku installat, li huwa meħtieġ għal raġunijiet sanitarji u ta’ iġjene, li jissepara l-kabina tas-sewwieq u l-parti ta’ wara.

19

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti tirrileva li n-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8704 tan-NM tindika, b’mod partikolari, bħala karatteristiċi ta’ kostruzzjoni li jappartjenu b’mod ġenerali għall-vetturi li jaqgħu f’din l-intestatura, il-preżenza ta’ struttura jew ta’ gradilja ta’ separazzjoni permanenti bejn il-parti tas-sewwieq u l-parti ta’ wara, kif ukoll l-assenza ta’ twieqi fuq in-naħa ta’ wara tal-ħitan tal-ġnub. Dawn il-karatteristiċi jidhru li huma kollha kompatibbli ma’ dawk tal-karozzi tal-mejtin.

20

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li r-referenza espliċita għall-karozzi tal-mejtin fin-nota ta’ spjega tas-SA, fl-intestatura 8703 tan-NM, tikkontradixxi l-kundizzjonijiet oġġettivi li għandhom jiġu ssodisfatti mill-karozzi sabiex jaqgħu f’din l-intestatura. Peress li n-noti ta’ spjega tas-SA ma għandhomx saħħa vinkolanti, il-klassifikazzjoni tal-karozzi tal-mejtin fl-intestatura 8704 tan-NM ma hijiex eskluża.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Commissione tributaria regionale del Lazio (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali ta’ Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-karozzi tal-mejtin għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura [8704 tan-NM]? Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, il-karozzi tal-mejtin għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura [8705 tan-NM] jew, pjuttost, fl-intestatura [8703 tan-NM]?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-karozzi tal-mejtin bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati bħala vetturi intiżi għat-trasport ta’ persuni, fl-intestatura 8703 tan-NM, bħala vetturi maħsuba għat-trasport ta’ merkanzija, fl-intestatura 8704 tan-NM, jew bħala vetturi maħsuba għal għanijiet speċjali, ħlief dawk prinċipalment maħsuba għat-trasport ta’ persuni jew ta’ merkanzija, fl-intestatura 8705 tan-NM.

23

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu qabelxejn jiġi enfasizzat li, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 11 ta’ din is-sentenza, ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprovdu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli, peress li l-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli jew tas-subkapitoli jitqiesu li għandhom biss valur indikattiv.

24

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu, b’mod ġenerali, jitfittex fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Sussegwentement, l-użu intenzjonat tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan huwa inerenti għal dan il-prodott, fejn din l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Van Landeghem, C‑486/06, EU:C:2007:762, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-noti ta’ spjega mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-ODD, jikkontribwixxu, b’mod importanti, għall-interpretazzjoni tal-portata tal-intestaturi differenti mingħajr, madankollu, ma jkollhom saħħa vinkolanti. Barra minn hekk, għalkemm l-opinjonijiet tal-ODD li jikklassifikaw oġġett fis-SA ma għandhomx saħħa vinkolanti, huma jikkostitwixxu, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tal-imsemmija prodott fin-NM, indikazzjonijiet li jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tal-intestaturi differenti tan-NM (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Van Landeghem, C‑486/06, EU:C:2007:762, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Pilato ssostni li l-karozzi tal-mejtin għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8704 tan-NM, peress li għandhom karatteristiċi simili għal dawk imsemmija fin-nota ta’ spjega tas-SA għall-vetturi għat-trasport ta’ merkanzija, filwaqt li l-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jsostnu li dawn għandhom ikunu s-suġġett ta’ klassifikazzjoni fl-intestatura 8703 tan-NM.

28

Mit-titolu stess tal-intestaturi 8703, 8704 u 8705 tan-NM jirriżulta li l-ewwel waħda tkopri l-mezzi tat-trasport għall-persuni inġenerali, filwaqt li t-tieni tirrigwarda l-mezzi tat-trasport għall-merkanzija, u t-tielet tikkonċerna l-mezzi tat-trasport għal għanijiet speċjali, li, bħala prinċipju, ma humiex maħsuba għat-trasport tal-persuni jew tal-merkanzija.

29

Barra minn hekk, skont il-formulazzjoni tal-intestatura 8703, jiġifieri “Karozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni”, l-iskop prinċipali tal-imsemmija vetturi huwa deċiżiv għall-klassifikazzjoni tagħhom. Mill-użu tat-terminu “maħsub” jirriżulta, kif inhuwa kkonfermat mill-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li l-iskop prinċipali tal-vettura inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa deċiżiv, u dan għandu jkun inerenti għaliha. Dan l-iskop huwa ddeterminat mill-aspett ġenerali ta’ din il-vettura u mill-karatteristiċi kollha tal-imsemmija vettura li jagħtuha l-karattru essenzjali tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Van Landeghem, C‑486/06, EU:C:2007:762, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-vettura inkwistjoni fil-kawża prinċipali msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, karozza tal-mejtin hija mibnija apposta u mgħammra għat-trasport ta’ twiebet li fihom l-iġsma. F’dan ir-rigward, kif jirrilevu l-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, ġisem ta’ bniedem, anki mejjet, ma jistax jiġi assimilat ma’ oġġett li jista’ jkun is-suġġett, bħala tali, ta’ operazzjonijiet kummerċjali. Il-karozzi tal-mejtin għandhom, għalhekk, l-iskop prinċipali tat-trasport ta’ persuni.

31

Din l-interpretazzjoni hija konformi ma’ qari globali tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703 tan-NM.

32

Fil-fatt, din in-nota tirreferi b’mod espliċitu, fil-ħames paragrafu tagħha, li “[j]aqgħu, b’mod partikolari, f’din l-intestatura: […] [i]l-vetturi tat-trasport speċjalizzati, bħal ambulanzi, karozzi għall-ġar ta’ ħabsin, karozzi tal-mejtin” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa biss is-seba’ paragrafu tal-imsemmija nota li jindika li “[l]-klassifikazzjoni ta’ ċerti karozzi f’din l-intestatura hija ddeterminata minn ċerti karatteristiċi li juru li dawn huma prinċipalment intiżi għat-trasport ta’ persuni u mhux ta’ merkanzija” u li “[f]’din il-kategorija ta’ karozzi huma inklużi dawk ġeneralment imsejħa bħala vetturi li jintużaw għal diversi għanijiet”. Dan il-paragrafu sussegwentement jelenka sett ta’ karatteristiċi tad-disinn li ġeneralment ikollhom il-vetturi li jaqgħu f’din l-intestatura.

33

Minn dan jirriżulta li l-imsemmija nota ta’ spjega tirreferi, l-ewwel nett, speċifikament għal dawk il-vetturi li jaqgħu fl-intestatura 8703 tan-NM, mingħajr ebda dettalji oħrajn. It-tieni nett, hija tiddeskrivi, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, il-karatteristiċi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-vetturi li l-klassifikazzjoni tagħhom hija ekwivoka u tindika li l-iskop prinċipali ta’ dawn il-vetturi huwa t-trasport ta’ persuni. It-tielet nett, din in-nota telenka l-karatteristiċi tad-disinn li ġeneralment ikollhom il-vetturi prinċipalment maħsuba għat-trasport ta’ persuni.

34

Għalhekk, karozzi tat-tlielaq, il-karozzi għal użu fuq is-silġ jew vetturi speċjali għat-trasport ta’ persuni fuq il-korsijiet tal-golf, li huma msemmija b’mod espliċitu fil-ħames paragrafu tal-imsemmija nota ta’ spjega rispettivament fil-punti 1, 4 u 5, jaqgħu fl-intestatura 8703 tan-NM, anki jekk dawn ma humiex, bħala prinċipju, mgħammra b’bibien li jislajdjaw, li jinfetħu ’l barra jew ’il fuq, bit-twieqi, fuq il-pjanċi tal-ġenb jew fuq wara, din il-karatteristika hija, skont is-seba’ paragrafu tal-imsemmija nota, karatteristika tad-disinn li ġeneralment ikollhom il-vetturi prinċipalment maħsuba għat-trasport ta’ persuni imsemmija fl-intestatura 8703 tan-NM.

35

Din l-analiżi hija trasponibbli għall-vetturi tat-trasport speċjalizzati, bħall-ambulanzi u l-karozzi tal-mejtin, li huma msemmija fil-punt 2 tal-ħames paragrafu tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703 tan-NM, filwaqt li dawn ġeneralment ikollhom pannell permanenti bejn il-parti ta’ quddiem intiża għas-sewwieq u l-parti ta’ wara intiża għat-trasport ta’ streċer jew ta’ tebut, karatteristika li l-vetturi prinċipalment maħsuba għat-trasport ta’ persuni ġeneralment ma jkollhomx, skont is-seba’ paragrafu ta’ din in-nota ta’ spjega.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-imsemmija nota ta’ spjega ma tagħti ebda indikazzjoni dwar il-karatteristiċi tad-disinn li jrid ikollhom il-vetturi tat-trasport speċjalizzati li huma elenkati fiha jimplika li l-karozzi tal-mejtin għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura 8703 tan-NM, mingħajr il-ħtieġa li jkollhom karatteristiċi speċifiċi oħrajn.

37

Din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni permezz tal-argument invokat minn Pilato, li skontu l-karozzi tal-mejtin għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8704 tan-NM minħabba li għandhom karatteristiċi komparabbli ma’ dawk imsemmija fin-nota ta’ spjega tas-SA għall-karozzi intiżi għat-trasport tal-merkanzija li jaqgħu f’din l-intestatura tariffarja.

38

Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-punti 32 sa 36 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-karozzi tal-mejtin ma għandhomx il-karatteristiċi tad-disinn imsemmija fin-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703 tan-NM ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħhom, peress li dawn jaqgħu taħt l-intestatura 8703 tan-NM tal-vetturi maħsuba għat-trasport ta’ persuni li ma jkollhomx il-karatteristiċi tad-disinn li ġeneralment ikollhom il-vetturi li jaqgħu f’din l-intestatura.

39

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li ċerti karatteristiċi tad-disinn li ġeneralment ikollhom il-vetturi għat-trasport tal-merkanzija, elenkati taħt il-punti (a) sa (e) tar-raba’ subparagrafu tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8704 tan-NM, ma jikkonċernawx il-karozzi tal-mejtin. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-preżenza ta’ pjattaforma miftuħa separata, bil-ġnub fissi u bieba li titniżżel, kif ukoll tal-assenza ta’ twieqi fuq in-naħa ta’ wara fuq iż-żewġ pjanċi tal-ġenb.

40

Barra minn hekk, karozzi tal-mejtin bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kklassifikati fl-intestatura 8705 tan-NM li tirreferi għall-“[v]etturi bil-mutur b’għanijiet speċjali, ħlief dawk prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni u oġġetti”. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess ta’ din l-intestatura, il-funzjoni prinċipali ta’ vetturi li jaqgħu taħtha la hija għat-trasport ta’ persuni u lanqas hija għat-trasport ta’ merkanzija.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li karozzi tal-mejtin bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8703 tan-NM.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad‑9 ta’ Ottubru 2012, għandha tiġi interpretata fis-sens li karozzi tal-mejtin bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8703 tan-Nomenklatura Magħquda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top