Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0411

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Lulju 2019.
Inter-Environnement Wallonie ASBL u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen ASBL vs Conseil des ministres.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Espoo – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(3) – Kunċett ta’ ‘proġett’ – Evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat – Artikolu 6(4) – Kunċett ta’ ‘raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir’ – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 2009/147/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Artikolu 1(2)(a) – Kunċett ta’ ‘proġett’ – Artikolu 2(1) – Artikolu 4(1) – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Artikolu 2(4) – Eżenzjoni tal-evalwazzjoni – Twaqqif gradwali tal-enerġija nukleari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, minn naħa, il-bidu mill-ġdid, għal madwar għaxar snin, tal-attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku minn impjant nukleari sakemm jitwaqqaf, b’effett ta’ posponiment ta’ għaxar snin mid-data inizjalment iffissata mil-leġiżlatur nazzjonali għad-diżattivazzjoni u t-tmiem tal-attività tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-posponiment, għal għaxar snin ukoll, tat-terminu inizjalment previst minn dan l-istess leġiżlatur għad-diżattivazzjoni u għat-twaqqif tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant attiv – Assenza ta’ evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent.
Kawża C-411/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:622

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Espoo – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(3) – Kunċett ta’ ‘proġett’ – Evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat – Artikolu 6(4) – Kunċett ta’ ‘raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir’ – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 2009/147/KE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Artikolu 1(2)(a) – Kunċett ta’ ‘proġett’ – Artikolu 2(1) – Artikolu 4(1) – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent – Artikolu 2(4) – Eżenzjoni tal-evalwazzjoni – Twaqqif gradwali tal-enerġija nukleari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, minn naħa, il-bidu mill-ġdid, għal madwar għaxar snin, tal-attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku minn impjant nukleari sakemm jitwaqqaf, b’effett ta’ posponiment ta’ għaxar snin mid-data inizjalment iffissata mil-leġiżlatur nazzjonali għad-diżattivazzjoni u t-tmiem tal-attività tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-posponiment, għal għaxar snin ukoll, tat-terminu inizjalment previst minn dan l-istess leġiżlatur għad-diżattivazzjoni u għat-twaqqif tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant attiv – Assenza ta’ evalwazzjoni tal-effett fuq l-ambjent”

Fil-Kawża C‑411/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Inter-Environnement Wallonie ASBL,

Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen ASBL

vs

Conseil des ministres,

fil-preżenza ta’:

Electrabel SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Prechal, M. Vilaras, E. Regan, T. von Danwitz, C. Toader u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, M. Ilešič, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Giacobbo‑Peyronnel, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Inter-Environnement Wallonie ASBL u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen ASBL, minn J. Sambon, avocat,

għal Electrabel SA, minn T. Vandenput u M. Pittie, avocats, kif ukoll minn D. Arts u F. Tulkens, advocaten,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u J. Van Holm, bħala aġenti, assistiti minn G. Block u K. Wauters, avocats, kif ukoll minn F. Henry,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil, J. Pavliš u L. Dvořáková, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat inizjalment minn T. Henze u D. Klebs, sussegwentement minn D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, irrappreżentat inizjalment minn C. Pesendorfer, sussegwentement minn M. Oswald u G. Hesse, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo, J. Reis Silva u L. Medeiros, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, J. Kraehling, G. Brown u R. Fadoju, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, C. Zadra, M. Noll-Ehlers, R. Tricot u M. Patakia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali, konkluża f’Espoo (il-Finlandja) fil‑25 ta’ Frar 1991 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Espoo”), u tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, konkluża f’Aarhus (id-Danimarka) fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Habitats”), tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Għasafar”), u tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEA”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Inter-Environnement Wallonie ASBL u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen ASBL, minn naħa, u l-Conseil des ministres (il-Belġju), min-naħa l-oħra, dwar il-liġi li permezz tagħha r-Renju tal-Belġju, minn naħa, ippreveda l-bidu mill-ġdid, għal perijodu ta’ kważi għaxar snin, tal-attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant nukleari sakemm jitwaqqaf u, min-naħa l-oħra, it-terminu inizjalment previst għad-diżattivazzjoni u għat-twaqqif tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant nukleari attiv ġie pospost b’għaxar snin.

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt internazzjonali

1.   Il-Konvenzjoni ta’ Espoo

3

Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Espoo, intitolat “Definizzjonijiet”:

“[…]

5.

l-espressjoni ‘attività prevista’ tirreferi għal kull attività jew proġett intiż sabiex jemenda b’mod sinjifikattiv attività, u li għall-eżekuzzjoni tagħhom hija mitluba deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti skont kull proċedura nazzjonali applikabbli;

[…]

9.

l-espressjoni ‘Awtorità kompetenti’ tirreferi għall-Awtorità (jew l-Awtoritajiet nazzjonali) indikata(i) minn Parti sabiex twettaq(iwettqu) il-karigi li jissemmew f’din il-Konvenzjoni u/jew l-Awtorità (jew l-Awtoritajiet) awtorizzata(i) minn Parti biex teżerċita (jeżerċitaw) setgħat deċiżjonali fir-rigward ta’ attività prevista;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Espoo jistipula:

“1.   Il-Partijiet għandhom separatament jew flimkien jadottaw kull miżura xierqa u effettiva sabiex jipprevjenu, jnaqqsu u jiġġieldu kontra effett dannuż transkonfinali kunsiderevoli għall-ambjent li jista’ jitnissel minn attivitajiet proposta.

2.   Kull Parti għandha tadotta d-dispożizzjonijiet legali, amministrattivi jew oħrajn, neċessarji sabiex timplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, inkluż, f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet previsti li jidhru fil-lista li tinsab fl-Appendiċi I li jista’ jkollhom effett dannuż transkonfinali kunsiderevoli, il-ftuħ ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-pubbliku u l-kostituzzjoni tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li jissemma fl-Appendiċi II.

3.   Il-Parti tal-oriġini għandha tiżgura li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent qabel ma tieħu d-deċiżjoni li tawtorizza jew twettaq attività proposta li tidher fil-lista li tinsab fl-Appendiċi I, li jista’ jkollha effett dannuż transkonfinali kunsiderevoli.

[…]

6.   F’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, il-Parti tal-oriġini għandha toffri lill-pubbliku taż-żoni li jistgħu jintlaqtu l-possibbiltà li jipparteċipa fil-proċeduri rilevanti ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-attivitajiet proposti, u tiżgura li l-possibbiltajiet offruti lill-pubbliku tal-Parti affettwata jkunu ekwivalenti għal dawk offruti lill-pubbliku tagħha.

7.   L-istimi tal-impatt fuq l-ambjent stabbiliti minn din il-konvenzjoni għandhom jitwettqu, bħala kundizzjoni minima, fil-livell tal-proġett tal-attività proposta. Sa fejn xieraq, il-partijiet għandhom jipprovaw japplikaw il-prinċipji tal-istima tal-impatt fuq l-ambjent għall-politika, pjanijiet u programmi.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

Skont l-Artikolu 3(8) tal-Konvenzjoni ta’ Espoo, “[i]l-Partijiet ikkonċernati għandhom jiżguraw li l-pubbliku tal-Parti affettwata, fiż-żoni li jistgħu jintlaqtu, jiġi informat bl-attività proposta u jkollu l-possibbiltà li jifformula osservazzjonijiet jew oġġezzjonijiet dwar is-suġġett u li dawn l-osservazzjonijiet jew l-oġġezzjonijiet jiġu trażmessi lill-awtorità kompetenti tal-Parti tal-oriġini, jew direttament, jew, jekk ikun hemm lok, permezz tal-Parti tal-oriġini” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6

L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Espoo jindika:

“Wara l-kostituzzjoni tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, il-Parti tal-oriġini għandha tidħol, mingħajr dewmien eċċessiv, f’konsultazzjonijiet mal-Parti affettwata dwar, b’mod partikolari, l-impatt transkonfinali li l-attività proposta jista’ jkollha u miżuri xierqa sabiex jitnaqqas dan l-impatt jew sabiex dan jiġi eliminat. Il-konsultazzjonijiet jistgħu jirrigwardaw:

a)

is-soluzzjonijiet alternattivi possibbli, inkluża l-għażla ‘żero’, kif ukoll il-miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex jittaffa kull impatt transkonfinali ta’ dannu kbir u l-proċedura li tista’ tiġi segwita sabiex jiġu ssorveljati l-effetti ta’ dawn il-miżuri għall-ispejjeż tal-Parti tal-oriġini;

b)

forom oħra ta’ għajnuna reċiproka li jistgħu jseħħu sabiex jitnaqqas kull impatt transkonfinali ta’ dannu kbir fl-attività proposta;

c)

kull kwistjoni rilevanti oħra relatata mal-attività proposta.

Il-Partijiet għandhom, fil-bidu tal-konsultazzjonijiet, jiftiehmu fuq terminu raġonevoli għat-tul tal-perijodu ta’ konsultazzjoni. Dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jkunu mmexxija minn korp xieraq komun, jekk jeżisti wieħed.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

Skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Espoo:

“Il-Partijiet għandhom jiżguraw li meta tittieħed deċiżjoni definittiva dwar l-attività proposta, ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, inkluż il-proċess korrispondenti, kif ukoll l-osservazzjonijiet riċevuti dwar dan is-suġġett skont l-[Artikolu] 3(8) u l-[Artikolu 4(2)] u r-riżultat tal-konsultazzjonijiet imsemmija fl-[Artikolu 5], għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

L-Appendiċi I tal-Konvenzjoni ta’ Espoo, intitolat “Lista ta’ attivitajiet”, isemmi, fil-punt 2 tiegħu, b’mod partikolari, l-“impjanti tal-elettriku nukleari u reatturi nukleari oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9

Id-dokument ta’ informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-[Konvenzjoni ta’ Espoo] għal attivitajiet fir-rigward tal-enerġija nukleari (ECE/MP.EIA/2011/5), stabbilit fit‑2 ta’ April 2011 mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, isemmi, fost il-modifiki importanti suġġetti għar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Espoo, “żieda netta tal-produzzjoni jew tal-ħażna ta’ skart radjoattiv li jkun ġej minn installazzjoni (mhux biss minn impjant nukleari), pereżempju ta’ 25 %”, kif ukoll “estensjoni tat-tul tal-ħajja ta’ installazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10

Dan l-istess dokument jippreċiża, f’sunt tal-kontenut tiegħu, dan li ġej:

“Din in-nota tipprova tieħu inkunsiderazzjoni perspettivi differenti u kultant kontradittorji fir-rigward tal-applikazzjoni tal-[Konvenzjoni ta’ Espoo] għal attivitajiet relatati mal-enerġija nukleari, b’mod partikolari l-impjanti nukleari. Din ma hijiex nota ta’ gwida: hija intiża pjuttost sabiex tiffavorixxi d-diskussjoni dwar il-kwistjonijiet prinċipali fil-kuntest tal-kumitat iddedikat għall-proġetti relatati mal-enerġija nukleari, li ser ikun waqt il-ħames sessjoni tal-laqgħa tal-Partijiet għall-[Konvenzjoni ta’ Espoo].

Din in-nota ma tirriflettix neċessarjament l-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti jew tas-segretarjat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

Il-mandat mogħti għall-preparazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet dwar prattika tajba rigward l-applikazzjoni tal-[Konvenzjoni ta’ Espoo] għall-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari, approvati mil-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Espoo fis-seba’ sessjoni (Minsk (il-Bjelorussja), bejn it‑13 u s‑16 ta’ Ġunju 2017), jindika li l-għan ta’ dan id-dokument huwa li “jiddeskrivi l-prattiċi tajba eżistenti fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent u applikabbli għall-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

12

Dan l-istess mandat jindika li l-verifika preliminari jkollha tiddetermina jekk l-attivitajiet nukleari kif ukoll il-modifiki sensittivi li sarulhom jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Espoo jew le. Huwa jippreċiża li din il-verifika “tinkludi kunsiderazzjonijiet dwar l-estensjoni, it-tiġdid u l-aġġornament tal-liċenzja (pereżempju, estensjoni tat-tul tal-ħajja operattiva), bħal żieda sostanzjali fil-livelli ta’ produzzjoni jew fil-produzzjoni/fit-trasport/fil-ħażna ta’ skart radjoattiv ta’ installazzjoni (mhux biss impjant nukleari) u t-twaqqif tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2.   Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

13

Skont l-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, id-definizzjoni mogħtija għall-espressjoni “awtorità pubblika”“ma tinkludix il-korpi jew l-istituzzjonijiet li jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ setgħat […] leġiżlattivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

14

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Parteċipazzjoni pubblika fid-deċiżjonijiet dwar attivitajiet partikolari”, jistipula, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Kull Parti:

a)

għandha tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu meta tkun meħtieġa deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu awtorizzati jew le attivitajiet proposti tat-tip ta’ attivitajiet elenkati fl-Anness I;

b)

għandha tapplika wkoll id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, konformement mad-dritt intern tagħha, meta tkun meħtieġa deċiżjoni dwar attivitajiet proposti li ma humiex elenkati fl-Anness I u li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Il-Partijiet għandhom jiddeterminaw, f’kull każ, jekk l-attività proposta taqax taħt dawn id-dispożizzjonijiet;

[…]

4.   Kull Parti għandha tadotta dispożizzjonijiet sabiex il-parteċipazzjoni pubblika tibda mal-bidu tal-proċedura, jiġifieri meta l-għażliet u s-soluzzjonijiet kollha jkunu għadhom possibbli u meta l-pubbliku jkun jista’ jeżerċita influwenza reali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

L-Anness I tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Lista tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) tal-Artikolu 6”, isemmi, fil-ħames inċiż tal-punt 1 tiegħu, l-“impjanti tal-enerġija nukleari u reatturi nukleari oħra, inklużi ż-żarmar jew l-għeluq ta’ tali impjanti jew reatturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

16

Skont il-punt 22 ta’ dan l-anness:

“Kull tibdil fi, jew tkabbir ta’ attività, jekk it-tibdil jew tkabbir innifsu jilħaq il-limiti jew il-kriterji stabbiliti f’dan l-anness, għandu jitwettaq fl-osservanza tal-Artikolu 6(1)(a) ta’ din il-konvenzjoni. Kull modifika jew estensjoni ta’ attività oħra taqa’ taħt l-Artikolu 6(1)(b) ta’ din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17

Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ Maastricht dwar il-mezzi għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni effettiva tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-ambjent ġew approvati mil-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus waqt il-ħames sessjoni (Maastricht (il-Pajjiżi l-Baxxi), bejn it‑30 ta’ Ġunju u l‑1 ta’ Lulju 2014). Fil-parti intitolata “Sunt” ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, huwa indikat li dawn tal-aħħar, għalkemm “la vinkolanti u lanqas eżawrjenti”, madankollu jipprovdu “gwida utli dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 6, 7 u 8 tal-[Konvenzjoni ta’ Aarhus]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B. Id-dritt tal-Unjoni

1.   Id-Direttiva dwar il-Habitats

18

L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Habitats jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.”

19

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għandu jiġi stabbilit n etwork ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-[Direttiva 79/409/KEE, tat‑2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98)].”

20

L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Habitats jiddisponi:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

21

L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Habitats jistabbilixxi:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva [79/409] dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva [79/409], meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”

2.   Id-Direttiva dwar l-Għasafar

22

L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iżommu jew jadattaw il-popolazzjoni tal-ispeċi kollha msemmija fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali.”

23

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Fid-dawl tal-ħtiġiet msemmija fl-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippreżervaw, imantnu jew jistabbilixxu mill-ġdid diversità u żoni ta’ ambjent naturali suffiċjenti għall-ispeċi kollha tal-għasafar msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Il-preżervazzjoni, iż-żamma u l-istabbiliment mill-ġdid tal-bijotopi u l-ambjent naturali għandhom jinkludu primarjament il-miżuri li ġejjin:

a)

kreazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni;

b)

żamma u l-iżvilupp bi qbil mal-bżonnijiet ekoloġiċi tal-ambjent naturali ġewwa u barra ż-żoni ta’ protezzjoni;

c)

l-istabbiliment mill-ġdid tal-bijotopi meqruda;

d)

kreazzjoni ta’ bijotopi.”

24

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jindika:

“1.   L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. […]

[…]

4.   Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.”

25

Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tagħha, id-Direttiva dwar l-Għasafar ħassret id-Direttiva 79/409. It-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 18 jippreċiża li r-referenzi magħmula għal din l-aħħar direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għad-Direttiva dwar l-Għasafar u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness VII tagħha.

3.   Id-Direttiva SEA

26

Il-premessi 1, 15 u 18 sa 20 tad-Direttiva SEA jistabbilixxu:

“(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248] ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

[…]

(15)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet imsaħħa li jirrigwardaw l-istima tal-impatt fuq l-ambjent f’kuntest transkonfinali sabiex jitqiesu l-iżviluppi fuq livell internazzjonali. Il-Komunità ffirmat il-[Konvenzjoni ta’ Espoo] fil‑25 ta’ Frar 1991, u rratifikatha fl‑24 ta’ Ġunju 1997.

[…]

(18)

Il-Komunità Ewropea ffirmat il-[Konvenzjoni ta’ Aarhus] fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u rratifikatha fis‑17 ta’ Frar 2005.

(19)

Fost l-objettivi tal-Konvenzjoni ta’ Århus hemm ix-xewqa li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet f’materji ambjentali sabiex jikkontribwixxu għall-protezzjoni tad-dritt għall-għixien f’ambjent li huwa adegwat għas-saħħa u l-ġid personali.

(20)

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Århus jipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika fid-deċiżjonijiet dwar l-attivitajiet speċifiċi elenkati fl-Anness I tagħha u dwar l-attivitajiet mhux hekk elenkati li jista’ jkollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent.”

27

Skont l-Artikolu 1(2) u (4) ta’ din id-direttiva:

“2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

a)

‘proġett’ tfisser:

l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazzjonijiet jew skemi oħra,

interventi oħra fil-madwar u fil-pajsaġġ naturali inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

b)

‘żviluppatur’ tfisser l-applikant għal awtorizzazzjoni għal proġett privat jew l-awtorità pubblika li tibda proġett;

c)

‘kunsens għall-iżvilupp’ tfisser id-deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett;

[…]

4.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b’att leġiżlattiv nazzjonali speċifiku, ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, inkluża dik li tiġi ssupplimentata l-informazzjoni, jinkisbu permezz tal-proċess leġiżlattiv.”

28

L-Artikolu 2(1) u (4) tal-imsemmija direttiva jipprevdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.

[…]

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, l-Istati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku fl-intier tiegħu jew f’parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva.

F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom:

a)

jikkunsidraw jekk għamla oħra ta’ stima tkunx approprjata;

b)

jagħmlu disponibbli għall-pubbliku kkonċernat it-tagħrif miksub taħt għamliet oħra tal-istima msemmija fil-punt (a), it-tagħrif li jkollu x’jaqsam mad-deċiżjoni dwar l-għotja tal-eżenzjoni u r-raġunijiet għaliex tkun ġiet mogħtija;

c)

jinformaw lill-Kummissjoni, qabel ma jingħata kunsens, bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżenzjoni mogħtija, u jipprovduha bl-informazzjoni li jkunu għamlu disponibbli, fejn japplika, liċ-ċittadini tagħhom stess.

Il-Kummissjoni għandha immedjatament tibgħat id-dokumenti li tkun irċeviet lill-Istati Membri l-oħra.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta ta’ kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.”

29

L-Artikolu 4(1) u (2) tal-istess direttiva jiddisponi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:

a)

eżami każ b’każ,

jew

b)

livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).”

30

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva SEA jipprevedi li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-iżviluppatur, għall-proġetti li, skont l-Artikolu 4 tagħha, għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jinkludu mill-inqas: deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi informazzjoni dwar is-sit, id-disinn u d-daqs tal-proġett; deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jevitaw, inaqqsu u, jekk ikun possibbli, jirrimedjaw effetti negattivi sinjifikattivi; id-data meħtieġa sabiex jidentifikaw u jistmaw l-effetti ewlenin li l-proġett x’aktarx li jkun ser ikollu fuq l-ambjent; il-punti prinċipali tal-alternattivi ewlenin studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għall-għażla tiegħu, fid-dawl tal-effetti fuq l-ambjent; sunt mhux tekniku ta’ din l-informazzjoni differenti.

31

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva tistabbilixxi:

“Meta Stat Membru jkun jaf li proġett x’aktarx ikun sejjer ikollu effetti sinifikanti fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor jew meta Stat Membru li x’aktarx ikun sejjer jiġi affettwat b’mod sinifikanti jitlob hekk, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-proġett ikun maħsub li jitwettaq għandu jibgħat lill-Istat Membru affettwat malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn meta jgħarraf lill-pubbliku tiegħu, fost ħwejjeġ oħra:

a)

deskrizzjoni tal-proġett, flimkien ma’ kull tagħrif disponibbli dwar l-impatt transkonfinali possibbli tiegħu;

b)

tagħrif dwar in-natura tad-deċiżjoni li tista’ tittieħed.”

32

L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proġetti msemmija fl-Artikolu 4(1)”, isemmi, fil-punt 2(b) tiegħu, il-“[p]ower stations nukleari u reatturi oħra nukleari inklużi l-iżmantellament jew l-għeluq ta’ tali power stations jew reatturi nukleari”.

33

L-imsemmi Anness I isemmi, fil-punt 24 tiegħu, “[k]ull bidla jew estensjoni tal-proġetti elenkati f’dan l-Anness meta tali bidla jew estensjoni fiha nfisha tilħaq il-livelli, jekk ikun hemm, iddikjarati f’dan l-Anness”.

34

L-Anness II tad-Direttiva SEA jsemmi, fil-punt 13(a) tiegħu, “[k]ull bidla jew estensjoni tal-proġetti mniżżla fl-Anness I jew f’dan l-Anness, diġà awtorizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista’ jkollhom effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent (bidla jew estensjoni mhux inkluża fl-Anness I)”.

C. Id-dritt Belġjan

1.   Il-Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003

35

Il-Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003 dwar it-Twaqqif Gradwali tal-Enerġija Nukleari għal Finijiet ta’ Produzzjoni Industrijali ta’ Elettriku (Moniteur belge tat‑28 ta’ Frar 2003, p. 9879, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003”) stabbilixxiet kalendarju ta’ twaqqif progressiv tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku mill-fissjoni ta’ kombustibbli nukleari mill-impjanti nukleari.

36

Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi:

“Għall-applikazzjoni ta’ din il-liġi:

1° ‘id-data ta’ meta jibda jopera l-impjant’ tfisser id-data tal-ftehim formali bejn il-produttur tal-elettriku, il-kostrutturi u l-kumpannija ta’ konsulenza li permezz tagħha l-fażi ta’ proġett hija ffinalizzata u tibda l-fażi ta’ produzzjoni, jiġifieri, għall-impjanti eżistenti:

Doel 1: il‑15 ta’ Frar 1975

Doel 2: l‑1 ta’ Diċembru 1975

Doel 3: l‑1 ta’ Diċembru 1982

Doel 4: l‑1 ta’ Lulju 1985

Tihange 1: l‑1 ta’ Ottubru 1975

Tihange 2: l‑1 ta’ Frar 1983

Tihange 3: l‑1 ta’ Settembru 1985

[…]”

37

Fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi kien jipprevedi:

“§ 1.   L-impjanti nukleari intiżi għall-produzzjoni industrijali ta’ elettriku bil-fissjoni ta’ kombustibbli nukleari, għandhom jiġu ddiżattivati erbgħin sena wara d-data ta’ meta jibda jopera l-impjant u ma jkunux jistgħu jipproduċu iktar elettriku wara dan il-mument.

§ 2.   L-awtorizzazzjonijiet individwali kollha ta’ operat u ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku mill-fissjoni ta’ kombustibbli nukleari, mogħtija għal perijodu mingħajr limitazzjoni ta’ żmien mir-Re […] għandhom jintemmu erbgħin sena wara d-data ta’ meta jibda jopera l-impjant ta’ produzzjoni kkonċernat.”

38

Skont l-Artikolu 9 tal-istess liġi:

“F’każ ta’ theddida għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, ir-Re jista’, permezz ta’ Digriet Irjali ddeliberat fil-Kunsill tal-Ministri, wara opinjoni mingħand il-Kummissjoni Regolatorja tal-Elettriku u tal-Gass, jieħu l-miżuri neċessarji, bla ħsara għall-Artikoli 3 sa 7 ta’ din il-liġi, ħlief f’każ ta’ forza maġġuri. Din l-opinjoni tirrigwarda b’mod partikolari l-effett tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ produzzjoni fuq is-sigurtà ta’ provvista.”

2.   Il-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015

39

Il-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 li temenda l-Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003 dwar it-Twaqqif Gradwali tal-Enerġija Nukleari għal Finijiet ta’ Produzzjoni Industrijali ta’ Elettriku sabiex tiġi ggarantita s-Sigurtà ta’ Provvista fuq il-Livell Enerġetiku (Moniteur belge tas‑6 ta’ Lulju 2015, p. 44423, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015”) daħlet fis-seħħ fis‑6 ta’ Lulju 2015.

40

L-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 tenfasizza, b’mod partikolari, li s-sitwazzjoni potenzjalment problematika fil-qasam tas-sigurtà ta’ provvista hija enfasizzata f’diversi studji xjentifiċi u li, fid-dawl tal-inċertezzi kbar marbuta mal-bidu mill-ġdid tal-impjanti Doel 3 u Tihange 2, tal-għeluq imħabbar ta’ impjanti termiċi matul is-sena 2015 u tal-fatt li l-integrazzjoni ta’ kapaċitajiet barranin fin-netwerk Belġjan ma hijiex possibbli fi żmien qasir, il-Gvern Belġjan iddeċieda, fit‑18 ta’ Diċembru 2014, li jestendi l-operat tal-impjanti Doel 1 u Doel 2 għal perijodu ta’ għaxar snin, mingħajr ma l-perijodu tal-operat ta’ dawn ir-reatturi jista’ jiġi estiż wara s-sena 2025. Din tistabbilixxi li din l-estensjoni għandha ssir b’osservanza tar-rekwiżiti fil-qasam tal-evalwazzjoni mill-ġdid fuq għaxar snin ta’ sigurtà li tkopri b’mod partikolari l-miżuri previsti mill-pjan għall-operat fit-tul tal-impjanti, imħejji minn Electrabel SA, li jispeċifika l-miżuri li għandhom jittieħdu minħabba l-estensjoni tal-attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku taż-żewġ impjanti, imsejjaħ “Pjan ‘Long Term Operation’” (iktar ’il quddiem il-“Pjan LTO”), l-adozzjoni mill-ġdid tal-pjan ta’ azzjoni fir-rigward ta’ testijiet ta’ reżistenza u l-approvazzjonijiet neċessarji tal-Aġenzija Federali għas-Superviżjoni Nukleari (AFSN).

41

L-Artikolu 4(1) tal-Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015, issa jiddisponi:

“L-impjant nukleari Doel 1 jista’ jipproduċi l-elettriku mill-ġdid mid-dħul fis-seħħ tal-[Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015]. Dan ser ikun iddiżattivat u ma jistax jipproduċi iktar elettriku mill‑15 ta’ Frar 2025. L-impjanti nukleari l-oħra intiżi għall-produzzjoni industrijali ta’ elettriku mill-fissjoni ta’ kombustibbli nukleari, għandhom jiġu ddiżattivati fid-dati li ġejjin u ma jistgħux jipproduċu iktar elettriku b’effett minn dawn id-dati:

[…]

Doel 2: l‑1 ta’ Diċembru 2025.”

42

Barra minn hekk, il-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 ikkompletat l-Artikolu 4 tal-Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003 b’paragrafu 3, redatt kif ġej:

“Ir-Re għandu jċaqlaq, permezz ta’ digriet iddeliberat fil-Kunsill tal-Ministri, id-data msemmija fil-paragrafu 1 għall-impjanti nukleari ta’ Doel 1 u ta’ Doel 2 għall‑31 ta’ Marzu 2016, jekk il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 4/2, § 3, ma jkunx ġie konkluż sat‑30 ta’ Novembru 2015.”

43

Finalment, il-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 daħħlet Artikolu 4/2 fil-Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003, li huwa redatt kif ġej:

“§ 1.   Il-proprjetarju tal-impjanti nukleari Doel 1 u Doel 2 għandu jħallas tariffa annwali lill-Istat Federali, sal‑15 ta’ Frar 2025 għal Doel 1 u sal‑1 ta’ Diċembru 2025 għal Doel 2, inkambju għall-estensjoni tal-perijodu ta’ permess ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku mill-fissjoni ta’ kombustibbli nukleari.

[…]

§ 3.   L-Istat Federali għandu jikkonkludi ftehim mal-proprjetarju tal-impjanti nukleari Doel 1 u Doel 2 b’mod partikolari bil-għan li:

jispeċifikaw il-modalitajiet ta’ kalkolu tat-tariffa msemmija fil-paragrafu 1;

jirregolaw il-kumpens ta’ kull waħda mill-partijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-impenji kuntrattwali tagħhom.”

II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

44

Ir-Renju tal-Belġju għandu seba’ reatturi nukleari: erbgħa fit-territorju tar-reġjun ta’ Vlaams Gewest, f’Doel (Doel 1, Doel 2, Doel 3 u Doel 4), u tlieta fit-territorju tar-reġjun ta’ Wallonie, f’Tihange (Tihange 1, Tihange 2 u Tihange 3). Fil-kuntest ta’ din is-sentenza, kull reattur jitqies bħala impjant nukleari distint.

45

L-impjanti Doel 1 u Doel 2 bdew joperaw, rispettivament, fil‑15 ta’ Frar 1975 u fl‑1 ta’ Diċembru 1975. Dawn kienu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni unika, mogħtija matul is-sena 1974 permezz ta’ digriet irjali, għal żmien indeterminat.

46

Il-Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003, fil-verżjoni inizjali tagħha, minn naħa, ipprojbixxiet il-kostruzzjoni u l-operat ta’ kull impjant nukleari ġdid fil-Belġju u, min-naħa l-oħra, stabbilixxiet kalendarju ta’ twaqqif progressiv nukleari billi ddeċidiet li, f’data partikolari, l-attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku tal-impjanti attivi kollha ser titwaqqaf. Għal dan l-għan, hija pprevediet li l-awtorizzazzjonijiet individwali ta’ operat u ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku għandhom jintemmu erbgħin sena wara l-bidu tal-operat tal-impjant ikkonċernat, filwaqt li jħallu l-possibbiltà għar-Re li jemenda dan il-kalendarju f’każ ta’ theddida għas-sigurtà ta’ provvista tal-pajjiż.

47

Madankollu, bil-Liġi tat‑18 ta’ Diċembru 2013, li temenda l-Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003, id-data ta’ waqfien tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku tal-impjant Tihange 1, li beda jopera fl‑1 ta’ Ottubru 1975, ġiet posposta b’għaxar snin. Din il-liġi pprevediet li l-awtorizzazzjoni ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku biss kienet ser tintemm fid-data ta’ diżattivazzjoni prevista mill-kalendarju ta’ twaqqif nukleari u li l-awtorizzazzjoni ta’ operat kienet ser tibqa’ fis-seħħ sakemm din tkun “adattata”. Din ħassret ukoll il-possibbiltà għar-Re li jemenda l-kalendarju ta’ twaqqif nukleari li kien ġie stabbilit bil-Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003.

48

Fit‑18 ta’ Diċembru 2014, il-Gvern Belġjan iddeċieda li l-perijodu ta’ produzzjoni ta’ elettriku tal-impjanti Doel 1 u Doel 2 kellu wkoll jiġi estiż b’għaxar snin.

49

Fit‑13 ta’ Frar 2015, Electrabel, proprjetarja u operatriċi ta’ dawn iż-żewġ impjanti, innotifikat lill-AFSN bid-diżattivazzjoni tal-impjant Doel 1 u t-twaqqif tal-attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku tiegħu, fil‑15 ta’ Frar 2015 f’nofsillejl, konformement mal-kalendarju stabbilit mil-Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003. Ġie ppreċiżat li din in-notifika kienet “nulla u bla effett” jekk u mill-mument meta tidħol fis-seħħ liġi ta’ estensjoni ta’ għaxar snin dwar dan l-impjant u sakemm il-kundizzjonijiet relatati magħha jiġu aċċettati minn Electrabel.

50

Il-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 emendat mill-ġdid il-kalendarju ta’ twaqqif nukleari stabbilit mil-leġiżlatur nazzjonali, billi pposponiet it-terminu stabbilit għat-twaqqif tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku tal-impjanti Doel 1 u Doel 2. Din il-liġi pprevediet ukoll li l-impjant Doel 1 seta’ jipproduċi l-elettriku mill-ġdid.

51

Skont din il-liġi, dawn iż-żewġ impjanti għandhom jiġu ddiżattivati u jwaqqfu l-produzzjoni industrijali ta’ elettriku tagħhom fil‑15 ta’ Frar 2025 għall-impjant Doel 1 u fl‑1 ta’ Diċembru 2025 għall-impjant Doel 2.

52

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li diversi seduti saru mill-Membri Parlamentari fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-imsemmija liġi, fosthom dik tad-Direttur tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Iskart Radjuattiv u l-Materjali Fissili Arrikkiti, li indikat li l-estensjoni għal għaxar snin tal-attività ta’ produzzjoni ta’ elettriku ta’ dawn iż-żewġ impjanti tista’ tipproduċi sa 350 m3 ta’ skart operattiv.

53

Fix-xahar ta’ Settembru 2015, l-AFSN ikkonfermat id-deċiżjoni tagħha, adottata matul ix-xahar ta’ Awwissu 2015, li ma tissuġġettax l-emendi previsti mill-operatur fil-kuntest tal-Pjan LTO għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

54

Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju).

55

Digriet Irjali tas‑27 ta’ Settembru 2015 ippreċiża l-kundizzjonijiet tal-operat tal-impjanti Doel 1 u Doel 2, billi ppreveda li Electrabel kellha timplimenta l-Pjan LTO sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2019. Dan id-digriet kien ukoll is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).

56

Fit‑30 ta’ Novembru 2015, Electrabel u l-Istat Belġjan iffirmaw ftehim li kien jipprevedi t-twettiq ta’ pjan ta’ investimenti msejjaħ “ta’ tiġdid”, ta’ ammont ta’ madwar EUR 700 miljun, għall-estensjoni tal-perijodu tal-operat tal-impjanti Doel 1 u Doel 2 sat-terminu previst mil-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tat‑30 ta’ Novembru 2015”).

57

Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, assoċjazzjonijiet Belġjani għall-protezzjoni tal-ambjent, ressqu rikors għall-annullament tal-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 quddiem il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju). Huma essenzjalment isostnu li din il-liġi kienet ġiet adottata mingħajr ma ġew osservati r-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni minn qabel, imposti kemm mill-Konvenzjonijiet ta’ Espoo u ta’ Aarhus kif ukoll mid-Direttiva SEA, mid-Direttiva dwar il-Habitats u mid-Direttiva dwar l-Għasafar.

58

Huwa f’dan il-kuntest li l-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 2(1) sa (3), (6) u (7), l-Artikolu 3(8), l-Artikolu 5 u l-Artikolu 6(1), u l-punt 2 tal-Appendiċi I tal-[Konvenzjoni ta’ Espoo] għandhom jiġu interpretati skont il-kjarifiki pprovduti mid-Dokument ta’ informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-[Konvenzjoni ta’ Espoo] għal attivitajiet fir-rigward tal-enerġija nukleari u r-Rakkomandazzjonijiet dwar prattika tajba rigward l-applikazzjoni tal-[Konvenzjoni ta’ Espoo] għall-attivitajiet marbuta mal-enerġija nukleari?

2.

L-Artikolu 1(IX) tal-Konvenzjoni ta’ Espoo li jiddefinixxi l-‘awtorità kompetenti’ jista’ jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni atti leġiżlattivi bħal-[Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015], b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tad-diversi studji mwettqa u seduti ta’ smigħ miżmuma fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ din il-liġi?

3.

a)

L-Artikoli 2 sa 6 tal-Konvenzjoni ta’ Espoo għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw qabel l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv bħal-[Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015], li l-Artikolu 2 tagħha jipposponi d-data tad-diżattivazzjoni u tat-tmiem tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku tal-impjanti ta’ enerġija nukleari ta’ Doel 1 u Doel 2?

b)

Ir-risposta għad-domanda magħmula fil-punt a) hija differenti skont jekk hija tikkonċernax l-impjant ta’ Doel 1 jew dak ta’ Doel 2, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità, għall-ewwel impjant, li jiġu adottati atti amministrattivi għall-eżekuzzjoni tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq tat‑28 ta’ Ġunju 2015?

c)

Is-sigurtà ta’ provvista tal-elettriku tal-pajjiż tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li ssir deroga mill-applikazzjoni tal-Artikoli 2 sa 6 tal-Konvenzjoni ta’ Espoo u/jew li tiġi sospiża din l-applikazzjoni?

4.

L-Artikolu 2(2) tal-[Konvenzjoni ta’ Århus] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni atti leġiżlattiv bħal-[Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015], b’teħid inkunsiderazzjoni jew le tad-diversi studji mwettqa u seduti ta’ smigħ miżmuma fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ din il-liġi?

5.

a)

B’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tar-‘Rakkomandazzjonijiet ta’ Maastricht dwar il-mezzi għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni effettiva tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-ambjent’ fir-rigward ta’ proċess deċiżjonali b’diversi stadji, l-Artikoli 2 u 6, flimkien mal-Anness I.1 tal-Konvenzjoni ta’ Århus, għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw qabel l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv bħal-[Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015], li l-Artikolu 2 tagħha jipposponi d-data tad-diżattivazzjoni u tat-tmiem tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku tal-impjanti ta’ enerġija nukleari ta’ Doel 1 u Doel 2?

b)

Ir-risposta għad-domanda magħmula fil-punt a) hija differenti skont jekk hija tikkonċernax l-impjant ta’ Doel 1 jew dak ta’ Doel 2, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità, għall-ewwel impjant, li jiġu adottati atti amministrattivi għall-eżekuzzjoni tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq tat‑28 ta’ Ġunju 2015?

c)

Is-sigurtà ta’ provvista tal-elettriku tal-pajjiż tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li ssir deroga mill-applikazzjoni tal-Artikoli 2 u 6 tal-Konvenzjoni ta’ [Aarhus] u/jew li tiġi sospiża din l-applikazzjoni?

6.

a)

L-Artikolu 1(2) flimkien mal-punt 13(a) tal-Anness II tad-Direttiva [SEA], moqrija, fejn xieraq, fid-dawl tal-Konvenzjonijiet ta’ Espoo u ta’ Århus, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma japplikaw għall-posponiment tad-data ta’ diżattivazzjoni u ta’ tmiem tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant ta’ enerġija nukleari, bl-implikazzjoni, bħalma huwa l-każ hawnhekk, ta’ investimenti importanti u ta’ upgrades tas-sigurtà għall-impjanti ta’ enerġija nukleari ta’ Doel 1 u Doel 2?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda magħmula fil-punt a), l-Artikoli 2 sa 8 u 11 u l-Annessi I, II u III tad-Direttiva [SEA] għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw qabel l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv bħal-[Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015], li l-Artikolu 2 tagħha jipposponi d-data tad-diżattivazzjoni u tat-tmiem tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku tal-impjanti ta’ enerġija nukleari ta’ Doel 1 u Doel 2?

c)

Ir-risposta għad-domandi magħmula fil-punti a) u b) hija differenti skont jekk hija tikkonċernax l-impjant ta’ Doel 1 jew dak ta’ Doel 2, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità, għall-ewwel impjant, li jiġu adottati atti amministrattivi għall-eżekuzzjoni tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq tat‑28 ta’ Ġunju 2015?

d)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda magħmula fil-punt a), l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva [SEA] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġi eżentat il-posponiment tad-diżattivazzjoni ta’ impjant ta’ enerġija nukleari mill-applikazzjoni tal-Artikoli 2 sa 8 u 11 tad-Direttiva [SEA] għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali marbuta mas-sigurtà ta’ provvista tal-elettriku tal-pajjiż?

7.

Il-kunċett ta’ ‘att leġiżlattiv speċifiku’ fis-sens tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva [SEA] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva att leġiżlattiv bħal-[Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015], b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tad-diversi studji mwettqa u seduti ta’ smigħ miżmuma fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ din il-liġi u li jista’ jilħaq l-għanijiet tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq?

8.

a)

L-Artikolu 6 tad-Direttiva [dwar il-Habitats], flimkien mal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva [dwar l-Għasafar], moqrija, fejn xieraq, fid-dawl tad-Direttiva [SEA] u tal-Konvenzjonijiet ta’ Espoo u ta’ Århus, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma japplikaw għall-posponiment tad-data ta’ diżattivazzjoni u ta’ tmiem tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant ta’ enerġija nukleari, bl-implikazzjoni, bħalma huwa l-każ hawnhekk, ta’ investimenti importanti u ta’ upgrades tas-sigurtà għall-impjanti ta’ enerġija nukleari ta’ Doel 1 u Doel 2?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda magħmula fil-punt a), l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [dwar il-Habitats] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika qabel l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv bħal-[Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015], li l-Artikolu 2 tagħha jipposponi d-data tad-diżattivazzjoni u tat-tmiem tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku tal-impjanti ta’ enerġija nukleari ta’ Doel 1 u Doel 2?

c)

Ir-risposta għad-domandi magħmula fil-punti a) u b) hija differenti skont jekk hija tikkonċernax l-impjant ta’ Doel 1 jew dak ta’ Doel 2, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità, għall-ewwel impjant, li jiġu adottati atti amministrattivi għall-eżekuzzjoni tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq tat‑28 ta’ Ġunju 2015?

d)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda magħmula fil-punt a), l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva [dwar il-Habitats] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jitqiesu bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali maġġuri raġunijiet marbuta mas-sigurtà ta’ provvista tal-elettriku tal-pajjiż, b’teħid inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, tad-diversi studji mwettqa u seduti ta’ smigħ miżmuma fil-kuntest tal-adozzjoni tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq tat‑28 ta’ Ġunju 2015 u li jista’ jilħaq l-għanijiet tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq?

9.

Jekk, abbażi tar-risposti mogħtija għad-domandi preliminari preċedenti, il-qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li l-liġi [tat‑28 ta’ Ġunju 2015] tikser wieħed mill-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjonijiet jew mid-direttivi msemmija iktar ’il fuq, mingħajr ma s-sigurtà ta’ provvista tal-elettriku tal-pajjiż tkun tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li ssir deroga minn dawn l-obbligi, tista’ l-imsemmija qorti żżomm l-effetti tal-liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 sabiex tiġi evitata inċertezza legali u sabiex ikunu jistgħu jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent u ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku li jirriżultaw mill-konvenzjonijiet jew mid-direttivi msemmija iktar ’il fuq?”

III. Fuq id-domandi preliminari

A. Fuq is-sitt u s-seba’ domanda, dwar id-Direttiva SEA

1.   Fuq il-punti (a) sa (c) tas-sitt domanda

59

Permezz tal-punti (a) sa (c) tas-sitt domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2)(a) u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva SEA għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-bidu mill-ġdid, għal perijodu ta’ kważi għaxar snin, tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant nukleari sakemm jitwaqqaf, b’effett ta’ posponiment ta’ għaxar snin tad-data inizjalment stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali għad-diżattivazzjoni u t-tmiem tal-attività tiegħu, u l-posponiment, ukoll ta’ għaxar snin, tat-terminu inizjalment previst minn dan l-istess leġiżlatur għad-diżattivazzjoni u għat-twaqqif tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant attiv, miżuri li jinvolvu xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni tal-impjanti kkonċernati, jikkostitwixxux proġett, fis-sens ta’ din id-direttiva, u, jekk ikun il-każ, jekk dawn il-miżuri u dawn ix-xogħlijiet għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent qabel l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri mil-leġiżlatur nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar ir-rilevanza tal-fatt li l-implimentazzjoni tal-miżuri kkontestati quddiemha teħtieġ, għal wieħed miż-żewġ impjanti kkonċernati, l-adozzjoni ta’ atti ulterjuri, bħall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni individwali ġdida ta’ produzzjoni ta’ elettriku għal finijiet industrijali.

60

Peress li, skont il-premessa 1 tad-Direttiva SEA, din tikkodifika d-Direttiva 85/337, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva tal-aħħar tgħodd ukoll għad-Direttiva SEA meta d-dispożizzjonijiet tagħhom ikunu identiċi.

a)   Fuq il-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens tad-Direttiva SEA

61

Għandu jitfakkar li d-definizzjoni tat-terminu “proġett”, li tinsab fl-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA ssemmi, fl-ewwel inċiż tiegħu, it-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjonijiet jew skemi oħra u, fit-tieni inċiż tiegħu, ta’ interventi oħra fil-madwar u fil-pajsaġġ naturali, inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali.

62

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-terminu “proġett” jikkorrispondi, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-formulazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA, għal xogħlijiet jew għal interventi li jinvolvu modifiki fl-aspett fiżiku tas-sit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Pro-Braine et, C‑121/11, EU:C:2012:225, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija dwar jekk il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt tali klassifikazzjoni peress li dawn, għall-implimentazzjoni tagħhom, u għalhekk neċessarjament jakkumpanjawhom, jeħtieġu investimenti kbar u xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni taż-żewġ impjanti kkonċernati.

64

Fil-fatt, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jimplikaw it-twettiq ta’ xogħlijiet fuq skala kbira fuq l-impjanti Doel 1 u Doel 2, intiżi għall-modernizzazzjoni tagħhom u sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-istandards attwali ta’ sigurtà, kif jixhed il-pakkett finanzjarju, ta’ ammont ta’ EUR 700 miljun, li huwa ddedikat għalihom.

65

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-Ftehim tat‑30 ta’ Novembru 2015 jipprevedi t-twettiq ta’ pjan ta’ investimenti magħruf bħala “ta’ tiġdid”, li jiddeskrivi dawn ix-xogħlijiet bħala dawk neċessarji għall-estensjoni tal-perijodu ta’ operat taż-żewġ impjanti u li jinkludi, b’mod partikolari, l-investimenti approvati mill-AFSN fil-kuntest tal-Pjan LTO għas-sostituzzjoni ta’ installazzjonijiet minħabba qdim u l-modernizzazzjoni ta’ installazzjonijiet oħra, kif ukoll il-modifiki li għandhom isiru skont ir-raba’ reviżjoni perijodika ta’ sigurtà u t-testijiet ta’ reżistenza mwettqa wara l-inċident ta’ Fukushima (il-Ġappun).

66

B’mod partikolari, mill-proċess ipprovdut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn ix-xogħlijiet għandhom jirrigwardaw b’mod partikolari l-modernizzazzjoni tal-koppli tal-impjanti Doel 1 u Doel 2, it-tiġdid tat-tankijiet għall-ħażna tal-kombustibbli użat, l-installazzjoni ta’ stazzjon tal-ippumpjar ġdid u l-adattament tal-pedamenti sabiex dawn l-impjanti jiġu protetti aħjar kontra l-għargħar. Dawn ix-xogħlijiet jimplikaw mhux biss it-titjib tal-istrutturi eżistenti iżda wkoll il-bini ta’ tliet binjiet, li tnejn minnhom huma intiżi sabiex jakkomodaw is-sistemi ta’ ventilazzjoni u t-tielet huwa intiż sabiex ikun struttura kontra n-nirien. Issa, tali xogħlijiet huma ta’ natura li jaffettwaw l-aspett fiżiku tas-siti kkonċernati, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

67

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li dawn ix-xogħlijiet ma humiex imsemmija fil-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 iżda fil-Ftehim tat‑30 ta’ Novembru 2015, dawn huma madankollu strettament marbuta mal-miżuri adottati mil-leġiżlatur Belġjan.

68

Fil-fatt, ma setax jittieħed vot dwar dawn tal-aħħar, permezz tal-iskala tal-estensjoni tal-perijodu ta’ attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ enerġija li huma jipprevedu, mingħajr ma l-leġiżlatur Belġjan kien jaf minn qabel dwar in-natura u l-fattibbiltà teknika u finanzjarja tax-xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni li huma jinvolvu kif ukoll l-investimenti neċessarji għall-implimentazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 u x-xogħlijiet preparatorji tagħha espressament isemmu dawn ix-xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni u investimenti.

69

Għandu jiġi rrilevat ukoll li din ir-rabta materjali bejn il-miżuri kkontestati quddiem il-qorti tar-rinviju u l-investimenti msemmija fil-punt preċedenti hija kkonfermata mill-fatt li l-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 daħħlet, fl-Artikolu 4 tal-Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003, paragrafu 3, li jipprevedi li, fin-nuqqas ta’ konklużjoni, sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Novembru 2015, ta’ ftehim bejn il-proprjetarju tal-impjanti Doel 1 u Doel 2 u l-Istat Belġjan, ir-Re għandu jċaqlaq id-data ta’ diżattivazzjoni ta’ dawn l-impjanti għall‑31 ta’ Marzu 2016.

70

Barra minn hekk, mill-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-operatur taż-żewġ impjanti huwa legalment obbligat li jwettaq dawn ix-xogħlijiet kollha sal-aħħar tas-sena 2019.

71

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi differenti, miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu sseparati artifiċjalment minn xogħlijiet li huma marbuta magħhom b’mod indissoċjabbli, għall-finijiet li tiġi evalwata l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ proġett, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li tali miżuri u x-xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni li huma marbuta magħhom b’mod indissoċjabbli jagħmlu, meħudin flimkien, u suġġetti għall-evalwazzjonijiet ta’ fatt li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, parti mill-istess proġett, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

72

Il-fatt li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri teżiġi, għal wieħed miż-żewġ impjanti kkonċernati, l-adozzjoni ta’ atti ulterjuri, bħall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni individwali ġdida ta’ produzzjoni ta’ elettriku għal finijiet industrijali, ma huwiex ta’ natura li jibdel din l-analiżi.

b)   Fuq in-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent

73

Qabelxejn, għandu jitfakkar li proġetti, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA, għandhom, qabel ma jiġu awtorizzati, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, meta dawn x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom.

74

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva SEA ma jeżiġix li kull proġett li jista’ jkollu impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent għandu jkun suġġett għall-proċedura ta’ evalwazzjoni li din id-direttiva tipprevedi, iżda li għandhom ikunu hekk suġġetti biss dawk imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li jirreferi għall-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 25).

75

Finalment, minn qari flimkien tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva SEA jirriżulta li l-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness I ta’ din id-direttiva għandhom, min-natura tagħhom, riskju ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u għandhom ta’ bilfors ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, dwar dan l-obbligu ta’ evalwazzjoni, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 74, kif ukoll tal‑11 ta’ Frar 2015, Marktgemeinde Straßwalchen et, C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 20).

1) Fuq l-applikazzjoni tal-Annessi I u II tad-Direttiva SEA

76

Il-punt 2(b) tal-Anness I tad-Direttiva SEA jsemmi, fost il-proġetti li l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jissuġġetta għal evalwazzjoni konformement mal-Artikoli 5 sa 10 tal-imsemmija direttiva, l-impjanti nukleari u r-reatturi nukleari oħra, inkluż l-iżmantellament tagħhom jew l-għeluq tagħhom.

77

Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, flimkien max-xogħlijiet li huma indissoċjabbli minnhom, jistgħux jaqgħu taħt il-punt 24 tal-Anness I tad-Direttiva SEA, li jirreferi għal “[k] ull bidla jew estensjoni tal-proġetti elenkati f’dan l-anness li fiha nnifisha tissodisfa l-limiti eventwali, stabbiliti fiha”, jew il-punt 13(a) tal-Anness II ta’ din id-direttiva, li jirreferi għal “[k]ull bidla jew estensjoni tal-proġetti mniżżla fl-Anness I jew f’dan l-Anness, diġà awtorizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista’ jkollhom effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent (bidla jew estensjoni mhux inkluża fl-Anness I)”.

78

Fir-rigward tal-punt 24 tal-Anness I tad-Direttiva SEA, mill-kliem u mill-istruttura tiegħu jirriżulta li dan jirrigwarda l-emendi jew l-estensjonijiet ta’ proġett li, b’mod partikolari minħabba n-natura jew l-iskala tagħhom, jippreżentaw riskji simili, f’termini ta’ effetti fuq l-ambjent, għall-proġett innifsu.

79

Issa, il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandhom l-effett li jestendu, għal perijodu sinjifikattiv ta’ għaxar snin, il-perijodu, li preċedentement kien limitat permezz tal-Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003 għal erbgħin sena, tal-awtorizzazzjoni ta’ produzzjoni miż-żewġ impjanti kkonċernati ta’ elettriku għal finijiet industrijali, għandhom, flimkien max-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni importanti meħtieġa minħabba l-istat qadim ta’ dawn l-impjanti u l-obbligu sabiex dawn ikunu konformi mal-istandards ta’ sigurtà, jitqiesu li huma ta’ skala paragunabbli, f’termini ta’ riskji ta’ effetti fuq l-ambjent, ma’ dik tal-bidu tal-operat inizjali tal-imsemmija impjanti.

80

Konsegwentement, għandu jitqies li dawn il-miżuri u dawn ix-xogħlijiet jaqgħu taħt il-punt 24 tal-Anness I tad-Direttiva SEA. Fil-fatt, tali proġett għandu, minħabba n-natura tiegħu, riskju ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, u għandu ta’ bilfors jiġi suġġett għall-evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva.

81

Barra minn hekk, peress li l-impjanti Doel 1 u Doel 2 jinsabu qrib il-fruntiera tar-Renju tal-Belġju mar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma jistax jiġi kkontestat li tali proġett jista’ wkoll ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ta’ dan l-aħħar Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva.

2) Fuq il-mument li fih għandha ssir l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent

82

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva SEA jippreċiża li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li hija timponi għandha ssir “qabel ma jingħata l-kunsens” għall-proġetti li jkunu suġġetti għaliha.

83

Bħalma diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li tali evalwazzjoni għandha ssir qabel huwa ġġustifikat min-neċessità li, fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni, l-awtorità kompetenti tqis kemm jista’ jkun kmieni l-effetti fuq l-ambjent tal-proċessi tekniċi ta’ ppjanar u ta’ teħid ta’ deċiżjoni kollha sabiex jiġi evitat, sa mill-bidu nett, il-ħolqien ta’ tniġġis jew ta’ inkonvenjenzi iktar milli sabiex sussegwentement jiġu miġġielda l-effetti tagħhom (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑526/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:356, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

Għandu jiġi indikat ukoll li l-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva SEA jiddefinixxi t-terminu “kunsens” bħala d-deċiżjoni tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur sabiex iwettaq il-proġett, li bħala prinċipju hija ħaġa li l-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

85

Barra minn hekk, fil-każ fejn id-dritt nazzjonali jipprevedi għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni f’diversi stadji, l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent għandha, bħala prinċipju, issir kemm jista’ jkun malajr sabiex jiġu identifikati u evalwati l-effetti kollha li dan il-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 52, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et, C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 26).

86

Għaldaqstant, meta l-ewwel tinħareġ deċiżjoni prinċipali u sussegwentement deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni li għandha tirrispetta l-parametri stabbiliti bl-ewwel waħda, l-effetti li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent għandhom jiġu identifikati u evalwati matul il-proċedura dwar id-deċiżjoni prinċipali. Huwa biss jekk dawn l-effetti jkunu identifikati biss matul il-proċedura relatata mad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni li l-evalwazzjoni għandha ssir matul din l-aħħar proċedura (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 52, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et, C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 26).

87

F’dan il-każ, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jekk il-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 tikkostitwixxix awtorizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva SEA, għandu jiġi kkonstatat minn issa li din il-liġi tipprevedi, b’mod preċiż u mingħajr kundizzjoni, minn naħa, il-bidu mill-ġdid, għal perijodu ta’ kważi għaxar snin, tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant nukleari sakemm jitwaqqaf, b’effett ta’ posponiment ta’ għaxar snin tad-data inizjalment stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali għad-diżattivazzjoni u t-tmiem tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-posponiment, ukoll ta’ għaxar snin, tat-terminu inizjalment previst mil-leġiżlatur nazzjonali għat-twaqqif tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant attiv.

88

Minn dan jirriżulta li, anki jekk l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri teħtieġ l-adozzjoni ta’ atti ulterjuri fil-kuntest ta’ proċess kumpless u rregolat, intiżi b’mod partikolari sabiex jiżguraw l-osservanza tal-istandards ta’ sikurezza u ta’ sigurtà applikabbli għal din l-attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku nukleari, u jekk l-imsemmija miżuri huma b’mod partikolari suġġetti, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015, għal approvazzjoni minn qabel tal-AFSN, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-miżuri, ladarba adottati mil-leġiżlatur nazzjonali, jiddefinixxu l-karatteristiċi essenzjali tal-proġett u ma għadhomx, a priori, maħsuba li jiġu diskussi jew ikkontestati.

89

Fir-rigward tal-fatt li l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett teħtieġ il-ħruġ, għal wieħed miż-żewġ impjanti kkonċernati, ta’ awtorizzazzjoni individwali ġdida ta’ produzzjoni ta’ elettriku għal finijiet industrijali, dan ma jistax jiġġustifika li evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent titwettaq biss wara l-adozzjoni ta’ din il-liġi. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kwantità addizzjonali ta’ skart radjoattiv li jista’ jiġi ġġenerat permezz tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri 350 m3, kienet ġiet mgħarrfa lill-Parlament Belġjan qabel din l-adozzjoni.

90

Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punti 63 sa 71 ta’ din is-sentenza, il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu, flimkien max-xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni li huma indissoċjabbilment marbuta magħhom, proġett, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA.

91

F’dan il-kuntest, jidher, prima facie, li l-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 hija ekwivalenti għal awtorizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) ta’ din id-direttiva, jew li, tal-inqas, hija tikkostitwixxi l-ewwel stadju tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni, f’dak li jikkonċerna l-karatteristiċi essenzjali tiegħu.

92

Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kellhiex tirrigwarda wkoll ix-xogħlijiet indissoċjabbilment marbuta mal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ikun il-każ jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, kemm dawn ix-xogħlijiet kif ukoll l-effetti potenzjali tagħhom fuq l-ambjent kienu suffiċjentement identifikabbli f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Fuq dan il-punt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, hekk kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, kemm in-natura kif ukoll l-ammont ta’ xogħlijiet meħtieġa mill-miżuri li jinsabu fil-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 kienu wkoll magħrufa mill-Parlament Belġjan qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi.

93

Barra minn hekk, peress li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ta’ Stat Membru ieħor, għandu jiġi kkonstatat li dan għandu wkoll ikun suġġett għal proċedura ta’ evalwazzjoni transkonfinali li hija konformi mal-Artikolu 7 tad-Direttiva SEA.

94

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-punti (a) sa (c) tas-sitt domanda hija li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2)(a), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva SEA għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-bidu mill-ġdid, għal perijodu ta’ kważi għaxar snin, tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant nukleari sakemm jitwaqqaf, b’effett ta’ posponiment ta’ għaxar snin tad-data inizjalment stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali għad-diżattivazzjoni u t-tmiem tal-attività tiegħu, u l-posponiment, ukoll ta’ għaxar snin, tat-terminu inizjalment previst minn dan l-istess leġiżlatur għad-diżattivazzjoni u għat-twaqqif tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant attiv, miżuri li jinvolvu xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni tal-impjanti kkonċernati ta’ natura li jaffettwaw l-aspett fiżiku tas-siti, jikkostitwixxu “proġett”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li għandu, bħala prinċipju, u suġġetti għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Il-fatt li l-implimentazzjoni ta’ dawn tal-aħħar timplika atti ulterjuri, bħall-ħruġ, għal wieħed mill-impjanti kkonċernati, ta’ awtorizzazzjoni individwali ġdida ta’ produzzjoni ta’ elettriku għal finijiet industrijali, ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward. Ix-xogħlijiet indissoċjabbilment marbuta mal-imsemmija miżuri għandhom ukoll ikunu suġġetti għal tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-istess miżuri jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, in-natura tagħhom u l-effetti potenzjali tagħhom fuq l-ambjent ikunu suffiċjentement identifikabbli f’dan l-istadju.

2.   Fuq il-punt (d) tas-sitt domanda

95

Permezz tal-punt (d) tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva SEA għandux jiġi interpretat fis-sens li proġett bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi eżentat minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat.

96

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva SEA, l-Istati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku, totalment jew parzjalment, mid-dispożizzjonijiet li hija tipprevedi, bla ħsara madankollu għall-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, dwar l-obbligi imposti fuq Stat Membru li fit-territorju tiegħu jkun previst it-twettiq ta’ proġett li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ta’ Stat Membru ieħor.

97

Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li n-neċessità li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku ta’ Stat Membru tista’ tikkaratterizza każ eċċezzjonali, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva SEA, ta’ natura li jiġġustifika l-eżenzjoni ta’ proġett minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandu jitfakkar li l-punti (a) sa (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva jimponu obbligi partikolari fuq l-Istati Membri li għandhom l-intenzjoni li jipprevalixxu rwieħhom minn din l-eżenzjoni.

98

Fil-fatt, f’każ bħal dan, l-Istati Membri kkonċernati huma obbligati li jeżaminaw jekk forma oħra ta’ evalwazzjoni hijiex meħtieġa, li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kkonċernat l-informazzjoni miksuba f’dan il-kuntest, li jinformaw lill-Kummissjoni, qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni, dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eċċezzjoni mogħtija u li jipprovduha bl-informazzjoni li huma jqiegħdu, jekk ikun il-każ, għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini tagħhom stess.

99

Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 150 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn l-obbligi ma jikkostitwixxux sempliċi formalitajiet iżda kundizzjonijiet intiżi sabiex tiġi żgurata l-osservanza, sa fejn possibbli, tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva SEA.

100

F’dan il-każ, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-osservanza, mir-Renju tal-Belġju, tal-imsemmija obbligi, diġà jista’ jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tindika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li hija ma ġietx informata minn dan l-Istat Membru bl-implimentazzjoni tal-imsemmija eżenzjoni.

101

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva SEA jippermetti li proġett ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jiġi eżentat biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ juri li r-riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku li huwa jinvoka jkun raġonevolment probabbli u li dan il-proġett ikollu natura ta’ urġenza li tista’ tiġġustifika l-assenza ta’ tali evalwazzjoni. Barra minn hekk, kif intqal fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, tali eżenzjoni tapplika bla ħsara għall-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, dwar l-evalwazzjoni tal-proġetti li għandhom effetti transkonfinali.

102

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (d) tas-sitt domanda hija li l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva SEA għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lil Stat Membru li jeżenta proġett bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent bl-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tiegħu biss fil-każ fejn dan l-Istat Membru juri li r-riskju għas-sigurtà ta’ din il-provvista jkun raġonevolment probabbli u li l-proġett inkwistjoni jkollu natura ta’ urġenza li tista’ tiġġustifika l-assenza ta’ tali evalwazzjoni, sakemm ikunu osservati l-obbligi previsti fil-punti (a) sa (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva. Madankollu, tali possibbiltà ta’ eżenzjoni hija bla ħsara għall-obbligi imposti fuq l-Istat Membru kkonċernat bis-saħħa tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

3.   Fuq is-seba’ domanda

103

Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva SEA għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix att leġiżlattiv nazzjonali speċifiku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, eskluż, skont din id-dispożizzjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

104

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva SEA, li rriproduċa l-kontenut tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337, jissuġġetta l-esklużjoni ta’ proġett mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva SEA għall-osservanza ta’ żewġ kundizzjonijiet.

105

L-ewwel kundizzjoni timplika li l-proġett jiġi adottat b’att leġiżlattiv speċifiku, li jkollu l-istess karatteristiċi bħal awtorizzazzjoni. Dan l-att għandu, b’mod partikolari, jagħti lill-iżviluppatur id-dritt li jwettaq il-proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Solvay et, C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

Barra minn hekk, il-proġett għandu jiġi adottat fid-dettall, jiġifieri b’mod suffiċjentement preċiż u definittiv, b’tali mod li l-att leġiżlattiv li jadottah għandu jinkludi, bħal awtorizzazzjoni, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur, l-elementi rilevanti kollha tal-proġett fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Għalhekk, l-att leġiżlattiv għandu juri li l-għanijiet tad-Direttiva SEA ntlaħqu fir-rigward tal-proġett ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Solvay et, C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

Minn dan jirriżulta li att leġiżlattiv ma jistax jitqies li jadotta proġett fid-dettall, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva SEA, meta dan ma jkunx jinkludi l-elementi neċessarji għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent jew meta dan ikun jeħtieġ l-adozzjoni ta’ atti oħra sabiex jagħti lill-iżviluppatur id-dritt li jwettaq il-proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Solvay et, C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

It-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva SEA timplika li l-għanijiet ta’ din id-direttiva, inkluż dak tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni, għandhom jintlaħqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva. Fil-fatt, mill-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-għan essenzjali ta’ din tal-aħħar huwa li jiġi żgurat li l-proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura tagħhom, id-daqs tagħhom jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, għandhom, qabel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, jiġu suġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Solvay et, C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109

Konsegwentement, il-leġiżlatur għandu jkollu informazzjoni suffiċjenti għad-dispożizzjoni tiegħu fil-mument tal-adozzjoni tal-proġett inkwistjoni. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva SEA jirriżulta li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-iżviluppatur għandha tinkludi minn tal-inqas deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi informazzjoni dwar is-sit tiegħu, id-disinn tiegħu u d-daqs tiegħu, deskrizzjoni tal-miżuri maħsuba sabiex jiġu evitati u jitnaqqsu l-effetti negattivi sinjifikattivi u, jekk possibbli, li jiġu rrimedjati, id-data meħtieġa sabiex jiġu identifikati u evalwati l-effetti prinċipali li l-proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent, deskrizzjoni tal-alternattivi prinċipali li ġew eżaminati mill-iżviluppatur u indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għall-għażla tiegħu, fid-dawl tal-effetti fuq l-ambjent, kif ukoll sunt mhux tekniku ta’ din l-informazzjoni differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et, C‑128/09 sa C‑131/09, C‑134/09 u C‑135/09, EU:C:2011:667, punt 43, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2012, Solvay et, C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 37).

110

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx osservati, b’teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-kontenut tal-att leġiżlattiv adottat kif ukoll tal-proċedura leġiżlattiva kollha li wasslet għall-adozzjoni tiegħu, u b’mod partikolari, l-atti preparatorji u d-dibattiti parlamentari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et, C‑128/09 sa C‑131/09, C‑134/09 u C‑135/09, EU:C:2011:667, punt 47, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2012, Solvay et, C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 41).

111

Madankollu, fid-dawl tal-informazzjoni miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li dan ma kienx il-każ.

112

Fil-fatt, għalkemm il-qorti tar-rinviju ssemmi l-eżistenza ta’ studji u ta’ seduti qabel l-adozzjoni tal-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-leġiżlatur nazzjonali kien jaf bl-informazzjoni msemmija fil-punt 109 ta’ din is-sentenza f’dak li jikkonċerna kemm il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll ix-xogħlijiet indissoċjabbilment marbuta ma’ dawn il-miżuri, li fir-rigward tagħhom ġie meqjus, fil-kuntest tar-risposta għall-punti (a) sa (c) tas-sitt domanda, li dawn flimkien kienu jikkostitwixxu l-istess proġett.

113

Barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 91 ta’ din is-sentenza, liġi bħal dik tat‑28 ta’ Ġunju 2015 tista’ tikkostitwixxi biss l-ewwel stadju fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’dak li jikkonċerna x-xogħlijiet li dan jinkludi, b’tali mod li hija lanqas ma tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-proġett relatat jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva SEA skont l-Artikolu 1(4) tagħha, jiġifieri li jiġi adottat fid-dettall, permezz ta’ att leġiżlattiv speċifiku.

114

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għas-seba’ domanda hija li l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva SEA għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix att leġiżlattiv nazzjonali speċifiku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, eskluż, skont din id-dispożizzjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

B. Fuq it-tmien domanda, dwar id-Direttiva dwar il-Habitats

1.   Fuq il-punti (a) sa (c) tat-tmien domanda

115

Permezz tal-punti (a) sa (c) tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, flimkien mal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva dwar l-Għasafar u moqri, jekk ikun il-każ, fid-dawl tad-Direttiva SEA, għandux jiġi interpretat fis-sens li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux, b’teħid inkunsiderazzjoni tax-xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni u tal-konformità mal-istandards attwali ta’ sigurtà li huma jimplikaw, pjan jew proġett suġġetti għal evalwazzjoni, skont dan l-Artikolu 6(3) u, jekk ikun il-każ, jekk din l-evalwazzjoni għandhiex titwettaq qabel l-adozzjoni tagħhom mil-leġiżlatur. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk hemmx lok li ssir distinzjoni f’dan ir-rigward skont jekk dawn il-miżuri jirrigwardawx wieħed miż-żewġ impjanti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tan-neċessità, għal waħda minnhom, li jiġu adottati sussegwentement atti ta’ eżekuzzjoni, bħall-għoti ta’ awtorizzazzjoni individwali ġdida ta’ produzzjoni ta’ elettriku għal finijiet industrijali.

a)   Osservazzjonijiet preliminari

116

L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Habitats jimponi fuq l-Istati Membri sensiela ta’ obbligi u ta’ proċeduri speċifiċi maħsuba sabiex jiġu żgurati, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iż-żamma jew, jekk ikun il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi ta’ interess għall-Komunità, bl-għan li jintlaħaq l-għan iktar ġenerali segwit minn din l-istess direttiva li huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent tas-siti protetti taħtha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats jipprevedi proċedura ta’ evalwazzjoni maħsuba sabiex jiġi żgurat, permezz ta’ kontroll minn qabel, li pjan jew proġett li ma jkunx direttament marbut ma’ jew meħtieġ għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jkun jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikattiv, ikun awtorizzat biss sakemm ma jippreġudikax l-integrità ta’ dan is-sit (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman, C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 38).

118

Dan l-istess Artikolu 6(3) jagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet fil-proċedura ta’ evalwazzjoni li huwa jipprevedi.

119

L-ewwel, imsemmija fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, teżiġi li l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett meta jkun hemm il-probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwawh b’mod sinjifikattiv. It-tieni, imsemmija fit-tieni sentenza, li tiġi wara l-imsemmija evalwazzjoni xierqa, tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ tali pjan jew proġett għall-kundizzjoni li dan ma jippreġudikax l-integrità tas-sit ikkonċernat, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu 6 (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman, C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 32).

120

Barra minn hekk, evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett timplika li, qabel l-approvazzjoni tiegħu, għandhom jiġu identifikati, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, l-aspetti kollha ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett li jistgħu, waħedhom jew flimkien ma’ pjanijiet jew ma’ proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit protett. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jawtorizzaw attività biss bil-kundizzjoni li jkunu kisbu ċ-ċertezza li din l-attività ma għandhiex effetti dannużi għall-integrità ta’ dan is-sit. Dan huwa l-każ meta ma jeżisti l-ebda dubju raġonevoli mill-perspettiva xjentifika fir-rigward tal-assenza ta’ tali effetti (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Holohan et, C‑461/17, EU:C:2018:883, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

121

Għandu jiġi indikat ukoll li, f’dak li jikkonċerna ż-żoni kklassifikati bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats jissostitwixxu, konformement mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-Għasafar, mid-data tal-klassifikazzjoni skont din id-direttiva meta din id-data tkun iktar tard mid-data tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Habitats (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman, C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 27).

b)   Fuq il-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-Habitats

122

Peress li d-Direttiva dwar il-Habitats ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tagħha, hemm lok, l-ewwel nett, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “proġett”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 232426; tal‑14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 38; tas‑17 ta’ Lulju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑600/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2086, punt 75, kif ukoll tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 60).

123

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, jekk attività taqa’ taħt id-Direttiva SEA, hija għandha, a fortiori, taqa’ taħt id-Direttiva dwar il-Habitats (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 65).

124

Minn dan isegwi li, jekk attività titqies li hija proġett, fis-sens tad-Direttiva SEA, hija tista’ tikkostitwixxi proġett, fis-sens tad-Direttiva dwar il-Habitats (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 66).

125

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-punti (a) sa (c) tas-sitt domanda, hemm lok li jitqies li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, flimkien max-xogħlijiet li huma marbuta magħhom b’mod indissoċjabbli, jikkostitwixxu proġett, fis-sens tad-Direttiva dwar il-Habitats.

126

Sussegwentement, huwa stabbilit li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex marbut ma’ jew meħtieġ għall-ġestjoni ta’ sit protett.

127

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-fatt li attività rikorrenti ġiet awtorizzata skont id-dritt nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Habitats ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, ostakolu sabiex tali attività tista’ titqies, waqt kull intervent ulterjuri, bħala proġett distint fis-sens ta’ din id-direttiva, bir-riskju li fir-rigward ta’ din l-attività tiġi eskluża b’mod permanenti kwalunkwe evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tagħha fuq is-sit ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 41, kif ukoll tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 77).

128

Għal dan l-għan, għandu jiġi evalwat jekk, fid-dawl, b’mod partikolari tar-rikorrenza tagħhom, tan-natura tagħhom jew tal-kundizzjonijiet tagħhom għat-twettiq tax-xogħol, ċerti attivitajiet għandhomx jitqiesu bħala li jikkostitwixxu tranżazzjoni unika u jistgħux jitqiesu bħala l-istess proġett wieħed, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2010, Stadt Papenburg, C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 47, kif ukoll tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 78).

129

Dan ma huwiex il-każ fl-assenza ta’ kontinwità u ta’ identiċità ta’ attività, b’mod partikolari fir-rigward tal-postijiet u tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Coöperatie Mobilisation for the Environment et, C‑293/17 u C‑294/17, EU:C:2018:882, punt 83).

130

F’dan il-każ, għalkemm l-attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku tal-impjanti Doel 1 u Doel 2 kienet ġiet awtorizzata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Habitats, għal perijodu illimitat, il-Liġi tal‑31 ta’ Jannar 2003 madankollu llimitat dan il-perijodu ta’ attività għal 40 sena, jiġifieri sal‑15 ta’ Frar 2015 għall-impjant Doel 1 sal‑1 ta’ Diċembru 2015 għall-impjant Doel 2. Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali emendaw din l-għażla leġiżlattiva, u dan kien jeħtieġ, b’mod partikolari, it-tħaddim mill-ġdid ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ impjanti.

131

Huwa wkoll stabbilit li, waqt l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, l-attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ dawn iż-żewġ impjanti ma titwettaqx f’kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni identiċi għal dawk inizjalment awtorizzati, anki jekk biss minħabba l-iżvilupp tat-tagħrif xjentifiku u ta’ standards ġodda ta’ sigurtà applikabbli, fejn dawn tal-aħħar jiġġustifikaw, hekk kif tfakkar fil-punti 64 sa 66 ta’ din is-sentenza, li jsiru xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni ta’ skala kbira. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li awtorizzazzjoni ta’ produzzjoni ngħatat lill-operatur tal-imsemmija impjanti wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Habitats, wara żieda fil-qawwa tagħhom.

132

Minn dan jirriżulta li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, flimkien max-xogħlijiet li huma marbuta magħhom b’mod indissoċjabbli, jikkostitwixxu proġett distint, suġġett għar-regoli ta’ evalwazzjoni previsti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

133

Il-kwalità ta’ leġiżlatur tal-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tapprova l-pjan jew il-proġett inkwistjoni hija irrilevanti. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tipprevedi d-Direttiva SEA, ma jistax ikun hemm deroga għall-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats għar-raġuni li l-awtorità kompetenti sabiex tawtorizza l-proġett inkwistjoni hija l-leġiżlatur (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Solvay et, C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 69).

c)   Fuq ir-riskju ta’ assenjazzjoni sinjifikattiva ta’ sit protett

134

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħtieġa ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew proġett previst fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats hija suġġetta għall-kundizzjoni li hemm probabbiltà jew riskju li dan jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv. Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, jitqies li tali riskju jeżisti meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, li l-pjan jew il-proġett jista’ jaffettwa l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. L-evalwazzjoni tar-riskju għandha ssir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punti 111112 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

135

F’dan il-każ, kif jirriżulta minn estratti ta’ xogħlijiet parlamentari relatati mal-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju, u kif irrilevat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 24 sa 26 tal-konklużjonijiet tagħha, l-impjanti li huma s-suġġett tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinsabu fuq l-ixtut tas-Schelde, jinsabu qrib żoni protetti, skont id-Direttiva dwar il-Habitats u d-Direttiva dwar l-Għasafar, stabbiliti b’mod partikolari favur speċi protetti ta’ ħut u ta’ ċiklostomi f’din ix-xmara.

136

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fatt li proġett jinsab barra żona Natura 2000 ma jeżentahx mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑98/03, EU:C:2006:3, punti 4451, kif ukoll tas‑26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑142/16, EU:C:2017:301, punt 29).

137

F’dan il-każ, hemm riskju ċar li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm minħabba d-daqs tax-xogħlijiet li jinkludi kif ukoll minħabba l-perijodu ta’ estensjoni tal-attività ta’ produzzjoni industrijali ta’ elettriku taż-żewġ impjanti li huwa jipprevedi, jikkomprometti l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ siti protetti li jinsabu fil-viċinanza, anki jekk biss minħabba l-modalitajiet stess ta’ funzjonament tagħhom, u b’mod partikolari minħabba l-ġabra ta’ ammonti kbar ta’ ilma fix-xmara fil-viċinanza għall-bżonnijiet tas-sistema ta’ tkessiħ kif ukoll ir-rimi ta’ dawn l-ammonti ta’ ilma, iżda wkoll minħabba l-eżistenza tar-riskju ta’ aċċident serju li huwa jippreżenta (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑98/03, EU:C:2006:3, punt 44, u tas‑26 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑142/16, EU:C:2017:301, punt 30), mingħajr ma hemm lok li ssir distinzjoni tas-sitwazzjoni ta’ kull wieħed miż-żewġ impjanti.

138

Għaldaqstant, proġett bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jaffettwa s-siti protetti b’mod sinjifikattiv, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

139

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, flimkien max-xogħlijiet marbuta magħhom b’mod indissoċjabbli, jikkostitwixxu proġett li għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit ikkonċernat konformement ma’ din id-direttiva, mingħajr ma hemm lok li ssir distinzjoni skont jekk dawn il-miżuri humiex relatati ma’ wieħed miż-żewġ impjanti inkwistjoni.

d)   Fuq il-mument li fih għandha ssir l-evalwazzjoni

140

It-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats tippreċiża li, wara li titwettaq evalwazzjoni xierqa, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti “għandhom jaqblu” dwar proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jippreġudikax l-integrità tas-sit ikkonċernat u, jekk ikun il-każ, wara li jkunu ħadu l-opinjoni tal-pubbliku.

141

Minn dan jirriżulta li tali evalwazzjoni għandha neċessarjament issir qabel dan il-qbil.

142

Barra minn hekk, għalkemm id-Direttiva dwar il-Habitats ma tiddefinixxix il-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet “għandhom jaqblu” dwar proġett partikolari, skont l-Artikolu 6(3) tagħha, il-kunċett ta’ “kunsens” li jinsab fl-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva SEA huwa rilevanti sabiex jiġi ddefinit is-sens ta’ dawn it-termini.

143

Għalhekk, b’analoġija, ma’ dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-Direttiva SEA, fil-każ fejn id-dritt nazzjonali jipprevedi li l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni sseħħ f’diversi stadji, hemm lok li jitqies li l-evalwazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats għandha, bħala prinċipju, issir kemm jista’ jkun malajr sabiex l-effetti kollha li l-proġett inkwistjoni jista’ jkollu fuq sit protett ikunu suffiċjentement identifikabbli.

144

Konsegwentement, u għal raġunijiet simili għal dawk stabbiliti fil-punti 87 sa 91 ta’ din is-sentenza, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-Liġi tat‑28 ta’ Ġunju 2015 li tippreżenta l-karatteristiċi ta’ qbil tal-awtoritajiet fir-rigward tal-proġett ikkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, u l-fatt li l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett għandha tkun is-suġġett ta’ atti ulterjuri, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ wieħed miż-żewġ impjanti kkonċernati, ta’ awtorizzazzjoni individwali ġdida ta’ produzzjoni ta’ elettriku għal finijiet industrijali, ma tistax tiġġustifika l-assenza ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tax-xogħlijiet indissoċjabbilment marbuta mal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni, f’dan l-istadju tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett, jekk in-natura tagħhom u l-effetti potenzjali tagħhom fuq is-siti protetti jkunu suffiċjentement identifikabbli, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

145

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-punti (a) sa (c) tat-tmien domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, flimkien max-xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni u tal-konformità mal-istandards attwali ta’ sigurtà, jikkostitwixxu proġett li għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-siti protetti kkonċernati. Dawn il-miżuri għandhom ikunu suġġetti għal tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni tagħhom mil-leġiżlatur. Il-fatt li l-implimentazzjoni tal-imsemmija miżuri timplika atti ulterjuri, bħall-ħruġ, għal wieħed mill-impjanti kkonċernati, ta’ awtorizzazzjoni individwali ġdida ta’ produzzjoni ta’ elettriku għal finijiet industrijali, ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward. Ix-xogħlijiet indissoċjabbilment marbuta ma’ dawn l-istess miżuri għandhom ukoll ikunu suġġetti għal tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ dawn tal-aħħar jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, in-natura tagħhom u l-effetti potenzjali tagħhom fuq is-siti protetti jkunu suffiċjentement identifikabbli f’dan l-istadju.

2.   Fuq il-punt (d) tat-tmien domanda

146

Permezz tal-punt (d) tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitats għandux jiġi interpretat fis-sens li l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku ta’ Stat Membru jikkostitwixxix raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku kbir, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

147

Bħala dispożizzjoni li tidderoga mill-kriterju ta’ awtorizzazzjoni stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, l-Artikolu 6(4) ta’ din tal-aħħar għandu jiġi interpretat b’mod strett u jista’ japplika biss wara li l-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett ikunu ġew analizzati konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 6(3) (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 189 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

148

Fil-fatt, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitats, fil-każ li, minkejja l-konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni mwettqa konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, u fl-assenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi, pjan jew proġett ikollu xorta waħda jitwettaq minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku ikbar, inklużi dawk ta’ natura soċjali jew ekonomika, l-Istat Membru għandu jieħu kull miżura kumpensatorja neċessarja sabiex jiżgura li tiġi protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑304/05, EU:C:2007:532, punt 81, u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 190).

149

Barra minn hekk, meta s-sit ikkonċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità jew speċi ta’ prijorità, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitats jipprevedi li l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem u mas-sigurtà pubblika jew dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma’ raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess pubbliku kbir.

150

L-għarfien tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett, fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit inkwistjoni għaldaqstant jikkostitwixxi kundizzjoni preċedenti indispensabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitats, għaliex, fl-assenza ta’ dawn l-elementi, l-ebda kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni derogatorja ma tista’ tiġi evalwata. L-eżami ta’ eventwali raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir u l-eżami tal-eżistenza ta’ alternattivi li jikkawżaw inqas ħsara jeħtieġu, fil-fatt, ibbilanċjar fil-konfront tal-ħsara kkawżata għall-imsemmi sit mill-pjan jew mill-proġett previst. Barra minn hekk, sabiex tiġi ddeterminata n-natura ta’ eventwali miżuri kumpensatorji, il-ħsara għas-sit ikkonċernat għandha tiġi identifikata bi preċiżjoni (sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑304/05, EU:C:2007:532, punt 83, u tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-punt (d) tat-tmien domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-istudji u s-seduti mwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali ppermettew it-twettiq ta’ evalwazzjoni konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

152

Madankollu, minbarra l-fatt li ma jirriżultax mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li dawn l-istudji u dawn is-seduti kienu ppermettew li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva SEA, fi kwalunkwe każ hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali evalwazzjoni tistax titqies bħala li tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Habitats (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et, C‑295/10, EU:C:2011:608, punt 62, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis, C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 58).

153

Sabiex dan ikun il-każ, għandhom jiġu identifikati, b’mod partikolari, kif tfakkar fil-punt 120 ta’ din is-sentenza, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni li jistgħu, minnhom innifishom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti protetti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Grace u Sweetman, C‑164/17, EU:C:2018:593, punt 40).

154

Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-istudji u s-seduti mwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali tawx lok għal konklużjonijiet negattivi, peress li, fin-nuqqas ta’ dawn, ma jkunx hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

155

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku ta’ Stat Membru jikkostitwixxix raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku kbir, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitats, għandu jitfakkar li l-interess ta’ natura li jiġġustifika t-twettiq ta’ pjan jew ta’ proġett għandu jkun kemm “pubbliku” kif ukoll “kbir”, li jimplika li dan huwa ta’ importanza li tista’ tiġi bbilanċjata mal-għan ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali, tal-fawna, inkluż l-avifawna, u tal-flora selvaġġa segwit minn din id-direttiva (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 121).

156

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li l-Artikolu 194(1)(b) TFUE jidentifika s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea bħala wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 48).

157

Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, l-għan li tiġi żgurata, f’kull ħin, is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fi Stat Membru, jissodisfa l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 155 ta’ din is-sentenza.

158

Madankollu, fil-każ fejn is-sit protett li jista’ jiġi affettwat minn proġett jospita tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità jew speċi ta’ prijorità, fis-sens tad-Direttiva dwar il-Habitats, hija biss in-neċessità li tiġi eskluża theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat li hija ta’ natura li tikkostitwixxi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, raġuni ta’ sigurtà pubblika li tista’, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, tiġġustifika t-twettiq tal-proġett.

159

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt (d) tat-tmien domanda hija li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan li tiġi żgurata, f’kull ħin, is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku ta’ Stat Membru jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku kbir, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn is-sit protett li jista’ jiġi affettwat minn proġett jospita tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità jew speċi ta’ prijorità, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, hija biss in-neċessità li tiġi eskluża theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat li hija ta’ natura li tikkostitwixxi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, raġuni ta’ sigurtà pubblika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

C. Fuq l-ewwel sat-tielet domanda, dwar il-Konvenzjoni ta’ Espoo

160

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Konvenzjoni ta’ Espoo għandhiex tiġi interpretata fis-sens li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx ikunu suġġetti għall-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent li hija tipprevedi.

161

Madankollu, ġie rrilevat, fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħmlu parti minn proġett li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ta’ Stat Membru ieħor u li għandu jiġi suġġett għal proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti transkonfinali tiegħu skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva SEA, li tieħu inkunsiderazzjoni, kif tindika l-premessa 15 tagħha, ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni ta’ Espoo.

162

Għaldaqstant, f’dan il-kuntest ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel sat-tielet domanda, dwar il-Konvenzjoni ta’ Espoo.

D. Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda, dwar il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

163

Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku li huwa jipprevedi japplikawx għal miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

164

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) tagħmel dawn id-domandi minħabba d-dubji li hija għandha dwar l-applikabbiltà għal dawn il-miżuri tad-Direttiva SEA, li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 18 sa 20 tagħha, madankollu hija intiża sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

165

Madankollu, mir-risposti mogħtija għas-sitt u għas-seba’ domanda jirriżulta li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, flimkien max-xogħlijiet li huma marbuta magħhom b’mod indissoċjabbli, jikkostitwixxu proġett li għandu jiġi suġġett, qabel l-adozzjoni tiegħu, għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, skont id-Direttiva SEA.

166

Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ u għall-ħames domanda.

E. Fuq id-disa’ domanda, dwar iż-żamma tal-effetti tal-liġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali

167

Permezz tad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix lil qorti nazzjonali li żżomm l-effetti ta’ miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għaż-żmien neċessarju sabiex tiġi rrimedjata l-illegalità eventwali tagħhom fid-dawl tad-Direttiva SEA u tad-Direttiva dwar il-Habitats.

168

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm id-Direttiva SEA timponi, fl-Artikolu 2(1) tagħha, obbligu ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-proġetti li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni, id-Direttiva dwar il-Habitats tipprevedi wkoll, fir-rigward tal-proġetti suġġetti għal evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tagħha, li l-Istati Membri jistgħu jaqblu biss wara li jkunu żguri f’dan il-kuntest dwar l-assenza ta’ ħsara għall-integrità tas-sit ikkonċernat.

169

Madankollu, la d-Direttiva SEA u lanqas id-Direttiva dwar il-Habitats ma jippreċiżaw il-konsegwenzi li għandhom jirriżultaw minn ksur tal-obbligi li huma jistabbilixxu.

170

Madankollu, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom iħassru l-konsegwenzi illegali ta’ dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma għalhekk obbligati li jieħdu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-miżuri neċessarji kollha sabiex jirrimedjaw l-ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, pereżempju billi jirtiraw jew jissospendu awtorizzazzjoni diġà mogħtija, sabiex titwettaq tali evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

171

Tali obbligu huwa impost ukoll fuq il-qrati nazzjonali aditi b’rikorsi kontra att nazzjonali li jinkludi tali awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-modalitajiet proċedurali applikabbli għal tali rikorsi li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

172

Konsegwentement, il-qrati aditi f’dan ir-rigward għandhom jadottaw, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, il-miżuri intiżi għas-sospensjoni jew għall-annullament tal-awtorizzazzjoni ta’ proġett adottat bi ksur tal-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

173

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li regoli nazzjonali jippermettu, f’ċerti każijiet, li jiġu rregolarizzati operazzjonijiet jew atti irregolari fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

174

Madankollu, tali possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni hija ssubordinata għall-kundizzjoni li din ma tkunx toffri lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li tevita r-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li tevita li tapplikahom u li din tibqa’ possibbiltà eċċezzjonali (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

175

Għalhekk, fil-każ ta’ ommissjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent meħtieġa mid-Direttiva SEA, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom iħassru l-konsegwenzi illegali ta’ din l-ommissjoni, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li ssir tali evalwazzjoni bħala regolarizzazzjoni meta l-proġett ikun qiegħed jitwettaq jew wara li jkun twettaq, bil-kundizzjoni doppja, minn naħa, li r-regoli nazzjonali li jippermettu din ir-regolarizzazzjoni ma joffrux lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jevitaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni jew li jevitaw li japplikawhom u, min-naħa l-oħra, li l-evalwazzjoni mwettqa bħala regolarizzazzjoni ma tirrigwardax biss l-effetti futuri ta’ dan il-proġett fuq l-ambjent, iżda tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti ambjentali kollha li seħħew wara t-twettiq tal-imsemmi proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 43, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2018, Comune di Castelbellino, C‑117/17, EU:C:2018:129, punt 30).

176

B’analoġija, hemm lok li jitqies li d-dritt tal-Unjoni lanqas ma jipprekludi, u bla ħsara għall-istess kundizzjonijiet, li tali regolarizzazzjoni titwettaq fil-każ ta’ ommissjoni tal-evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-proġett ikkonċernat fuq sit protett, meħtieġa fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats.

177

Għandu jingħad ukoll li hija l-Qorti tal-Ġustizzja biss li tista’, b’mod eċċezzjonali u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni eżerċitat minn regola tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali kuntrarju għal dan id-dritt. Fil-fatt, li kieku l-qrati nazzjonali kellhom is-setgħa li jagħtu supremazija lil dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru, anki fuq bażi provviżorja, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tiġi ppreġudikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punti 6667, kif ukoll tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement, C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 33).

178

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-punt 58 tas-sentenza tagħha tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103), li qorti nazzjonali tista’ eċċezzjonalment, fid-dawl tal-fatt li teżisti kunsiderazzjoni imperattiva marbuta, bħalma kien il-każ fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, mal-protezzjoni tal-ambjent u sakemm ikunu osservati l-kundizzjonijiet iddefiniti minn din is-sentenza, tiġi awtorizzata tagħmel użu mid-dispożizzjoni nazzjonali tagħha li tagħtiha s-setgħa li żżomm ċerti effetti ta’ att nazzjonali annullat. Għaldaqstant, mill-imsemmija sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tirrikonoxxi, fuq bażi ta’ każ b’każ, u b’mod eċċezzjonali, lil qorti nazzjonali s-setgħa li taġġusta l-effetti tal-annullament ta’ dispożizzjoni nazzjonali kkonstatata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fl-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement, C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 34).

179

F’dan il-każ, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 177 ta’ din is-sentenza, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jiġi ġġustifikat, b’mod eċċezzjonali, li jinżammu l-effetti ta’ miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, tali kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġġustifikaw iż-żamma tal-effetti ta’ miżuri nazzjonali adottati bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva SEA u mid-Direttiva dwar il-Habitats biss jekk, fil-każ ta’ annullament jew ta’ sospensjoni tal-effetti ta’ dawn il-miżuri, kienet teżisti theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat, li ma tistax tiġi ffaċċjata b’mezzi u alternattivi oħra, b’mod partikolari fil-kuntest tas-suq intern.

180

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fid-dawl tal-mezzi u tal-alternattivi l-oħra li l-Istat Membru kkonċernat għandu sabiex jiżgura l-provvista tal-elettriku fit-territorju tiegħu, iż-żamma eċċezzjonali tal-effetti tal-miżuri kkontestati quddiem din il-qorti hijiex għaldaqstant iġġustifikata min-neċessità li tiġi ffaċċjata tali theddida.

181

Fi kwalunkwe każ, tali żamma tista’ tkopri biss il-perijodu ta’ żmien li huwa strettament neċessarju sabiex tiġi rrimedjata l-illegalità.

182

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-disa’ domanda hija li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tista’, jekk id-dritt intern jippermetti dan, b’mod eċċezzjonali, iżżomm l-effetti ta’ miżuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkunu ġew adottati bi ksur tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva SEA u mid-Direttiva dwar il-Habitats, jekk din iż-żamma tkun iġġustifikata minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta man-neċessità li tiġi eskluża theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat, li ma tistax tiġi ffaċċjata b’mezzi u alternattivi oħra, b’mod partikolari fil-kuntest tas-suq intern. L-imsemmija żamma tista’ tkopri biss il-perijodu ta’ żmien li huwa strettament neċessarju sabiex tiġi rrimedjata din l-illegalità.

IV. Fuq l-ispejjeż

183

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2)(a), l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-bidu mill-ġdid, għal perijodu ta’ kważi għaxar snin, tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant nukleari sakemm jitwaqqaf, b’effett ta’ posponiment ta’ għaxar snin tad-data inizjalment stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali għad-diżattivazzjoni u t-tmiem tal-attività tiegħu, u l-posponiment, ukoll ta’ għaxar snin, tat-terminu inizjalment previst minn dan l-istess leġiżlatur għad-diżattivazzjoni u għat-twaqqif tal-produzzjoni industrijali ta’ elettriku ta’ impjant attiv, miżuri li jinvolvu xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni tal-impjanti kkonċernati ta’ natura li jaffettwaw l-aspett fiżiku tas-siti, jikkostitwixxu “proġett”, fis-sens ta’ din id-direttiva, li għandu, bħala prinċipju, u suġġetti għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Il-fatt li l-implimentazzjoni ta’ dawn tal-aħħar timplika atti ulterjuri, bħall-ħruġ, għal wieħed mill-impjanti kkonċernati, ta’ awtorizzazzjoni individwali ġdida ta’ produzzjoni ta’ elettriku għal finijiet industrijali, ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward. Ix-xogħlijiet indissoċjabbilment marbuta mal-imsemmija miżuri għandhom ukoll ikunu suġġetti għal tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-istess miżuri jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, in-natura tagħhom u l-effetti potenzjali tagħhom fuq l-ambjent ikunu suffiċjentement identifikabbli f’dan l-istadju.

 

2)

L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lil Stat Membru li jeżenta proġett bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali minn evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent bl-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku tiegħu biss fil-każ fejn dan l-Istat Membru juri li r-riskju għas-sigurtà ta’ din il-provvista jkun raġonevolment probabbli u li l-proġett inkwistjoni jkollu natura ta’ urġenza li tista’ tiġġustifika l-assenza ta’ tali evalwazzjoni, sakemm ikunu osservati l-obbligi previsti fil-punti (a) sa (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(4) ta’ din id-direttiva. Madankollu, tali possibbiltà ta’ eżenzjoni hija bla ħsara għall-obbligi imposti fuq l-Istat Membru kkonċernat bis-saħħa tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

 

3)

L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix att leġiżlattiv nazzjonali speċifiku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, eskluż, skont din id-dispożizzjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

 

4)

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, flimkien max-xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni u tal-konformità mal-istandards attwali ta’ sigurtà, jikkostitwixxu proġett li għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-siti protetti kkonċernati. Dawn il-miżuri għandhom ikunu suġġetti għal tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni tagħhom mil-leġiżlatur. Il-fatt li l-implimentazzjoni tal-imsemmija miżuri timplika atti ulterjuri, bħall-ħruġ, għal wieħed mill-impjanti kkonċernati, ta’ awtorizzazzjoni individwali ġdida ta’ produzzjoni ta’ elettriku għal finijiet industrijali, ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward. Ix-xogħlijiet indissoċjabbilment marbuta ma’ dawn l-istess miżuri għandhom ukoll ikunu suġġetti għal tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ dawn tal-aħħar jekk, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, in-natura tagħhom u l-effetti potenzjali tagħhom fuq is-siti protetti jkunu suffiċjentement identifikabbli f’dan l-istadju.

 

5)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan li tiġi żgurata, f’kull ħin, is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku ta’ Stat Membru jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku kbir, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn is-sit protett li jista’ jiġi affettwat minn proġett jospita tip ta’ habitat naturali ta’ prijorità jew speċi ta’ prijorità, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, hija biss in-neċessità li tiġi eskluża theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat li hija ta’ natura li tikkostitwixxi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, raġuni ta’ sigurtà pubblika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

6)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tista’, jekk id-dritt intern jippermetti dan, b’mod eċċezzjonali, iżżomm l-effetti ta’ miżuri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkunu ġew adottati bi ksur tal-obbligi stabbiliti mid-Direttivi 2011/92 u 92/43, jekk din iż-żamma tkun iġġustifikata minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta man-neċessità li tiġi eskluża theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat, li ma tistax tiġi ffaċċjata b’mezzi u alternattivi oħra, b’mod partikolari fil-kuntest tas-suq intern. L-imsemmija żamma tista’ tkopri biss il-perijodu ta’ żmien li huwa strettament neċessarju sabiex tiġi rrimedjata din l-illegalità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top