Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0389

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Jannar 2019.
    Kawża mressqa minn „Paysera LT“ UAB, anciennement „EVP International“ UAB.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aċċess għall-attività tal-istabbilimenti ta’ flus elettroniċi – Direttiva 2009/110/KE – Artikolu 5(2) u (3) – Regoli fil-qasam ta’ fondi proprji – Fondi proprji meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi – Kunċett ta’ ‘attività marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi’ – Ħruġ tal-flus elettroniċi favur il-bejjiegħ bil-valur nominali tal-fondi rċevuti.
    Kawża C-389/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:25

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    16 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aċċess għall-attività tal-istabbilimenti ta’ flus elettroniċi – Direttiva 2009/110/KE – Artikolu 5(2) u (3) – Regoli fil-qasam ta’ fondi proprji – Fondi proprji meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi – Kunċett ta’ ‘attività marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi’ – Ħruġ tal-flus elettroniċi favur il-bejjiegħ bil-valur nominali tal-fondi rċevuti”

    Fil-Kawża C‑389/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura mibdija minn

    “Paysera LT” UAB, li qabel kienet “EVP International” UAB

    fil-preżenza ta’:

    Lietuvos bankas,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.-C. Bonichot, E. Regan (Relatur), C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Litwan, minn R. Krasuckaitė, G. Taluntytė, V. Vasiliauskienė u D. Kriaučiūnas, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u A. Steiblytė, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Ottubru 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) u tal-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU 2009, L 267, p. 7).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn “Paysera LT” UAB, li qabel kienet “EVP International” UAB (iktar ’il quddiem “Paysera”), dwar deċiżjoni tal-Lietuvos banko Priežiūros tarnyba (il-Bord ta’ Sorveljanza tal-Bank tal-Litwanja) li ta twissija minħabba applikazzjoni żbaljata tal-metodi ta’ kalkolu tal-fondi proprji għal ċerti tranżazzjonijiet ta’ ħlas (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-Direttiva 2009/110

    3

    Skont il-premessi 2, 7 sa 9 u 11 tad-Direttiva 2009/110:

    “(2)

    Fir-reviżjoni tagħha tad-Direttiva 2000/46/KE [tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenti tal-kummerċ ta’ istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi (ĠU 2000, L 275, p. 39)] il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li tiġi reveduta dik id-Direttiva minħabba li xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha tqiesu li xekklu l-ħolqien ta’ suq uniku reali għas-servizzi tal-flus elettroniċi u l-iżvilupp ta’ servizzi bħal dawn li jistgħu jintużaw b’mod faċli mill-utent.

    […]

    (7)

    Jixraq li tiġi introdotta definizzjoni ċara tal-flus elettroniċi sabiex tkun teknikament newtrali. Din id-definizzjoni għandha tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn il-fornitur tas-servizz ta’ ħlas joħroġ valur maħżun imħallas minn qabel bi tpartit għal fondi, li jkun jista’ jintuża għall-finijiet ta’ ħlas minħabba li persuni terzi jgħodduh bħala ħlas.

    (8)

    Id-definizzjoni ta’ flus elettroniċi għandha tkopri l-flus elettroniċi kemm jekk ikunu miżmuma fuq apparat tal-ħlas li jkun għand id-detentur tal-flus elettroniċi kif ukoll jekk ikunu maħżuna mill-bogħod fuq server u ġestiti mid-detentur tal-flus elettroniċi permezz ta’ kont ta’ ħlas speċifiku tal-flus elettroniċi. Din id-definizzjoni għandha tkun wiesgħa biżżejjed biex tevita li xxekkel l-innovazzjoni teknoloġika u biex tkopri mhux biss il-prodotti kollha tal-flus elettroniċi disponibbli llum fis-suq iżda wkoll dawk il-prodotti li jistgħu jiġi żviluppati fil-ġejjieni.

    (9)

    Ir-reġim prudenzjali superviżorju għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi għandu jiġi rivedut u jinġieb eqreb għar-riskji li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn l-istituzzjonijiet. Għandu jkun hemm ukoll koerenza mar-reġim superviżorju prudenzjali li japplika għall-istituzzjonijiet tal-ħlas taħt id-Direttiva 2007/64/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1; u rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5)]. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2007/64/KE għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. […]

    […]

    (11)

    Hemm bżonn ta’ reġim ta’ kapital inizjali magħqud ma’ wieħed ta’ kapital kurrenti sabiex ikun żgurat livell xieraq ta’ ħarsien tal-konsumatur u l-operat sod u prudenti tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi. Minħabba l-ispeċifiċità tal-flus elettroniċi, għandu jsir provvediment għal metodu addizzjonali għall-kalkolu ta’ kapital kurrenti. Għandha tinżamm diskrezzjoni superviżorja sħiħa sabiex ikun żgurat li l-istess riskji jkunu ttrattati bl-istess mod għall-fornituri kollha tas-servizzi tal-ħlas u li jinżamm il-metodu ta’ kalkolu li jinkludi s-sitwazzjoni speċifika tan-negozju ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi partikulari. Barra minn hekk, għandu jsir provvediment biex l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jkunu meħtieġa jżommu l-fondi tad-detenturi tal-flus elettroniċi mifruda minn fondi tal-istituzzjoni tal-flus elettroniċi għal skopijiet ta’ negozju ieħor. Istituzzjonijiet tal-ħlas elettroniku għandhom ukoll ikunu suġġetti għal rekwiżiti effettivi kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.”

    4

    Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110, intitolat “Definizzjonijiet”:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    2)

    ‘flus elettroniċi’ tfisser valur monetarju maħżun elettronikament, anke b’mod manjetiku, kif rappreżentat minn pretensjoni fuq l-emittent li tinħareġ malli jiġu rċevuti l-fondi għall-iskop ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas kif definiti fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE u li huwa aċċettat minn persuna ġuridika għajr l-emittent tal-flus elettroniċi;

    […]”

    5

    L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Fondi proprji”, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu jipprovdi:

    “2.   Fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1) li mhumiex marbuta mal-ħruġ tal-flus elettroniċi, ir-rekwiżiti dwar il-fondi proprji ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi għandhom ikunu kkalkulati skont wieħed minn tliet metodi (A, B jew C) stipulati fl-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2007/64/KE. Il-metodu x-xieraq għandu jiġi determinat mill-awtoritajiet kompetenti konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    Għall-attività tal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, ir-rekwiżit dwar il-fondi proprji ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi għandhom ikunu kkalkulati skont il-Metodu D stipulat fil-paragrafu 3.

    L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi dejjem għandu jkollhom fondi proprji li jkunu mill-inqas ugwali għas-somma ta’ rekwiżiti msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, jew daqshom.

    3.   Metodu D: Il-fondi proprji ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi għall-attività ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi għandhom jammontaw għal mill-anqas 2 % tal-medja ta’ flus elettroniċi pendenti.”

    6

    L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Attivitajiet” jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

    “1.   Apparti mill-ħruġ tal-flus elettroniċi, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jkunu intitolati jidħlu għal kwalunkwe waħda mill-attivitajiet li ġejjin:

    a) il-forniment ta’ servizzi ta’ ħlas elenkati fl-Anness għad-Direttiva 2207/64/KE”.

    7

    L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/110, intitolat “Ħruġ u rimborżabbiltà”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-emittenti ta’ flus elettroniċi jemettu l-flus elettroniċi bil-parità kontabbli bħalma jkun hemm fuq l-irċevuta tal-fondi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba tad-detentur tal-flus elettroniċi, l-emittenti tal-flus elettroniċi jirrimborżaw, f’kull ħin u bil-parità kontabbli, il-valur monetarju tal-flus elettroniċi miżmuma.”

    Id-Direttiva 2007/64/KE

    8

    L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE, tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1; u rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    3

    ‘servizzi ta’ ħlas’ tfisser kwalunkwe mill-attivitajiet ta’ negozju kif elenkati fl-Anness;

    […]

    5)

    ‘transazzjoni ta’ ħlas’ tfisser att, mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligazzjoni sottostanti bejn min ħallas u min jitħallas;

    […]”

    9

    L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kalkolu tal-fondi proprji”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

    “1.   Minkejja r-rekwiżiti ta’ kapital inizjali stabbiliti fl-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet tal-ħlas dejjem ikollhom fondi proprji kkalkolati skond wieħed minn dawn it-tliet metodi, kif determinat mill-awtoritajiet kompetenti skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali:

    Metodu A

    Il-fondi proprji ta’ l-istituzzjoni tal-ħlas għandhom jammontaw għal mill-inqas 10 % ta’ l-ispejjeż ġenerali fissi tagħha tas-sena preċedenti. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġġustaw dik il-ħtieġa fil-każ ta’ bidla materjali fin-negozju ta’ l-istituzzjoni tal-ħlas mis-sena preċedenti ’l hawn. Fejn istituzzjoni tal-ħlas ma tkunx għadha temmet sena sħiħa ta’ negozju fid-data tal-kalkolu, il-ħtieġa għandha tkun li l-fondi tagħha jammontaw għal mill-inqas 10 % ta’ l-ispejjeż ġenerali fissi korrispondenti kif previst fil-pjan tan-negozju, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jirrikjedux aġġustament għal dak il-pjan.

    Metodu B

    Il-fondi proprji ta’ l-istituzzjoni tal-ħlas għandhom jammontaw għal mill-inqas is-somma ta’ l-elementi li ġejjin multiplikati b’fattur ta’ skalar k, stabbilit fil-paragrafu 2, fejn il-volum tal-ħlas (payment volume – PV) jirrappreżenta parti waħda minn tnax ta’ l-ammont totali tat-transazzjonjiet ta’ ħlas mwettqa mill-istituzzjoni tal-ħlas fis-sena preċedenti:

    (a)

    4,0 % ta’ dak il-porzjon ta’ PV sa EUR 5 miljun,

    flimkien ma’

    (b)

    2,5 % ta’ dak il-porzjon ta’ PV ’il fuq minn EUR 5 miljun sa EUR 10 miljun,

    flimkien ma’

    (ċ)

    1 % ta’ dak il-porzjon ta’ PV ’il fuq minn EUR 10 miljun sa EUR 100 miljun,

    flimkien ma’

    (d)

    0,5 % ta’ dak il-porzjon ta’ PV ’il fuq minn EUR 100 miljun sa EUR 250 miljun,

    flimkien ma’

    (e)

    0,25 % ta’ dak il-porzjon ta’ PV ’il fuq minn EUR 250 miljun.

    Metodu Ċ

    Il-fondi proprji ta’ l-istituzzjoni tal-ħlas għandhom jammontaw għal mill-inqas l-indikatur rilevanti kif definit fil-punt (a),suġġett għall-fattur multiplikatur stabbilit fil-punt (b) kif ukoll għall-fattur ta’ skalar k stabbilit fil-paragrafu 2.

    (a)

    L-indikatur rilevanti huwa s-somma ta’ dan li ġej:

    dħul minn interessi;

    spejjeż ta’ interessi;

    kummissjonijiet u drittijiet riċevuti; u

    dħul operattiv ieħor.

    Kull element għandu jiġi inkluż fis-somma bis-sinjal pożittiv jew negattiv tiegħu. Dħul minn elementi straordinarji jew irregolari ma jistax jintuża fil-kalkolu ta’ l-indikatur rilevanti. In-nefqa għal servizzi minn barra li jingħataw minn partijiet terzi jista’ jnaqqas l-indikatur rilevanti jekk in-nefqa tiġġarrab minn impriża soġġetta għal superviżjoni taħt din id-Direttiva. L-indikatur rilevanti huwa kkalkolat abbażi ta’ l-aħħar tnax-il osservazzjoni mensili fi tmiem is-sena finanzjarja. L-indikatur rilevanti għandu jiġi kkalkolat fuq is-sena finanzjarja preċedenti. Madankollu fondi proprji kkalkolati skond il-Metodu Ċ m’għandhomx jaqgħu taħt it-80 % tal-medja tat- tliet snin finanzjarji preċedenti għall-indikatur rilevanti. Meta l-figuri tal-verifika ma jkunux disponibbli, jistgħu jintużaw stimi tan-negozju.

    (b)

    Il-fattur ta’ multiplikazzjoni għandu jkun:

    i)

    10 % ta’ dak il-porzjon ta’ l-indikatur rilevanti sa EUR 2,5 miljun,

    ii)

    8 % ta’ dak il-porzjon ta’ l-indikatur rilevanti minn EUR 2,5miljun sa EUR 5 miljun,

    iii)

    6 % ta’ dak il-porzjon ta’ l-indikatur rilevanti minn EUR 5 miljun sa EUR 25 miljun,

    iv)

    3 % ta’ dak il-porzjon ta’ l-indikatur rilevanti minn EUR 25 miljun sa 50 miljun,

    v)

    1,5 % ’il fuq minn EUR 50 miljun.

    2.   Il-fattur ta’ scalar k li għandu jintuża fil-Metodi B u Ċ fuq għandu jkun:

    a)

    0,5 fejn l-istituzzjoni tal-ħlas tipprovdi biss is-servizz tal-ħlas imsemmi fil-punt 6 ta’ l-Anness;

    (b)

    0,8 fejn l-istituzzjoni tal-ħlas tipprovdi is-servizz ta’ ħlas imsemmi fil-punt 7 ta’ l-Anness;

    (ċ)

    1 fejn l-istituzzjoni tal-ħlas tipprovdixi waħda mis-servizz tal-ħlas imsemmija filpunti 1 sa 5 ta’ l-Anness.”

    10

    L-Anness tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Servizzi ta’ ħlas (it-tielet punt ta’ l-Artikolu 4)”, jistabbilixxi l-lista tal-attivitajiet meqjusa bħala tali:

    “1.   Servizzi li jippermettu li flus kontanti jiġu mqiegħda f’kont tal-ħlas kif ukoll l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tħaddim ta’ kont tal-ħlas.

    2.   Servizzi li jippermettu ġbid ta’ flus kontanti minn kont tal-ħlas kif ukoll l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tħaddim ta’ kont tal-ħlas.

    3.   Eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas, inkluż trasferiment ta’ fondi fuq kont tal-ħlas mal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ieħor:

    eżekuzzjoni ta’ debiti diretti, inkluż debiti diretti ta’ darba;

    eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas permezz ta’ kard tal-ħlas jew strument ieħor simili;

    eżekuzzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu, fosthom ordnijiet fissi.

    4.   Eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas fejn il-fondi huma koperti minn linja ta’ kreditu għal utent ta’ servizzi ta’ ħlas:

    eżekuzzjoni ta’ debiti diretti, inkluż debiti diretti ta’ darba;

    eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas permezz ta’ kard tal-ħlas jew strument ieħor simili;

    eżekuzzjoni ta’ trasferimenti ta’ kreditu, fosthom ordnijiet fissi.

    5.   Il-ħruġ u/jew il-kisba ta’ strumenti tal-ħlas.

    6.   Rimessa ta’ flus.

    7.   Eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas fejn il-kunsens ta’ min iħallas għall-eżekuzzjoni ta’ transazzjoni ta’ ħlas jingħata permezz ta’ kwalunkwe apparat tat-telekomunikazzjoni, diġitali jew ta’ l-IT u l-ħlas isir lill-operatur tat-telekomunikazzjoni, sistema jew operatur tan-network ta’ l-IT, li jaġixxi biss bħala intermedjarju bejn l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas u l-fornitur tal-merkanzija jew is-servizzi.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    11

    Paysera hija kumpannija Litwana li għandha liċenzji ta’ stabbiliment ta’ flus elettroniċi u ta’ stabbiliment ta’ ħlas mogħtija mil-Lietuvos bankas (il-Bank tal-Litwanja), li jagħtuha d-dritt li toħroġ flus elettroniċi u li tipprovdi servizzi marbuta mal-ħruġ ta’ dawn il-flus, kif ukoll servizzi ta’ ħlas oħra.

    12

    Wara spezzjoni tal-attività ta’ Paysera mwettqa mill-Bord ta’ Sorveljanza tal-Bank tal-Litwanja, dan, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, bagħat twissija lil din il-kumpannija u ordnalha ttemm il-ksur tar-regoli ta’ kalkolu tal-fondi proprji tal-istabbilimenti ta’ flus elettroniċi.

    13

    Il-Bord ta’ Sorveljanza tal-Bank tal-Litwanja fil-fatt irrifjuta li jirrikonoxxi bħala servizzi ta’ ħlas marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi l-attivitajiet li ġejjin imwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali:

    il-ħlasijiet (trasferimenti) imwettqa minn detentur ta’ flus elettroniċi minn kont ta’ flus elettroniċi li huwa għandu fi stabbiliment ta’ flus elettroniċi lejn il-kontijiet ta’ terzi, miftuħa fi stabbilimenti ta’ kreditu (iktar ’il quddiem is-“servizz I”);

    il-ġabra ta’ ħlasijiet għal beni u (jew) servizzi li jikkonsenjaw jew jipprovdu l-klijenti (operaturi) ta’ stabbiliment ta’ flus elettroniċi li għandhom kontijiet ta’ flus elettroniċi, mingħand persuni li jixtru dawn il-beni jew servizzi, li ma jipparteċipawx fis-sistema ta’ flus elettroniċi (iktar ’il quddiem is-“servizz II”).

    14

    Sussegwentement, peress li r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2016 tal-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat appell quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja).

    15

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk is-servizzi I u II għandhomx jiġu kkwalifikati jew le bħala “servizzi ta’ ħlas marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi.”

    16

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 5(2) moqri flimkien mal-Artikolu 6(1)(a) tad-[Direttiva 2009/110], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, huma meqjusa bħala servizzi ta’ ħlas marbuta (jew mhux marbuta) mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi:

    a)

    tranżazzjoni ta’ ħlas li permezz tagħha, fuq talba (ordni) tad-detentur tal-flus elettroniċi lill-istabbiliment tal-flus elettroniċi (l-emittent), il-flus elettroniċi (ammonti li għandhom jiġu rrimborsati) jiġu ttrasferiti bil-valur nominali tagħhom lejn il-kont bankarju ta’ terz; u

    b)

    tranżazzjoni ta’ ħlas li permezz tagħha, fuq l-ordni tal-bejjiegħ, ix-xerrej (il-persuna li tħallas) ta’ beni u/jew servizzi iħallas għal tali beni u/jew servizzi lil stabbiliment tal-flus elettroniċi (emittenti tal-flus elettroniċi) li, wara li jirċievi dawn il-fondi, jgħaddi l-flus elettroniċi favur il-bejjiegħ (detentur tal-flus elettroniċi) bil-valur nominali tal-fondi riċevuti?”

    Fuq id-domanda preliminari

    17

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2009/110 għandux jiġi interpretat fis-sens li servizzi pprovduti minn stabbilimenti ta’ flus elettroniċi fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxux attivitajiet marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi.

    18

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, l-istabbilimenti ta’ flus elettroniċi għandhom jissodisfaw ċerti rekwiżiti fil-qasam ta’ fondi proprji.

    19

    B’mod partikolari, mill-Artikolu 5(2) u (3) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l-attività ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi, il-fondi proprji meħtieġa minn stabbiliment ta’ flus elettroniċi għandhom ikunu kkalkolati skont il-metodu D u għandhom jammontaw għal mill-inqas 2 % tal-medja tal-flus elettroniċi f’ċirkulazzjoni.

    20

    Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-attivitajiet li ma humiex marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi u li, għal din ir-raġuni, jikkostitwixxu servizzi ta’ ħlas fis-sens tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/64, il-fondi proprji meħtieġa minn stabbiliment ta’ flus elettroniċi għandhom ikunu kkalkolati skont wieħed mit-tliet metodi (A, B jew Ċ) imsemmija fl-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva.

    21

    Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-ammonti tal-fondi proprji relatati ma’ kull wieħed minn dawn il-metodi, stabbiliment ta’ flus elettroniċi għandu jkollu iktar fondi proprji meta dawn jiġu kkalkolati skont il-metodi A, B jew Ċ, milli meta dawn jiġu kkalkolati skont il-metodu D.

    22

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2009/110 joħloq, fir-rigward tas-servizzi ta’ ħlas marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, eċċezzjoni għar-regoli dwar fondi proprji previsti mid-Direttiva 2007/64, sa fejn dawn is-servizzi huma marbuta mal-attività ta’ emissjoni ta’ flus elettroniċi.

    23

    Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux attivitajiet marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn is-servizzi humiex intrinsikament marbuta mal-ħruġ jew mar-rimbors ta’ flus elettroniċi.

    24

    Il-kunċett ta’ “ħruġ ta’ flus elettroniċi” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2009/110, peress li din sempliċement tispeċifika, fl-Artikolu 2(2) tagħha li l-kunċett ta’ “flus elettroniċi” għandu jinftiehem bħala valur monetarju maħżun elettronikament, anki b’mod manjetiku, li jirrappreżenta kreditu fuq l-emittent, li jinħareġ malli jiġu rċevuti l-fondi għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas kif iddefiniti fil-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE u li huwa aċċettat minn persuna fiżika jew ġuridika minbarra l-emittent tal-flus elettroniċi.

    25

    Min-naħa tiegħu, il-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64 jiddefinixxi t-tranżazzjoni ta’ ħlas bħala att, mibdi mill-persuna li tħallas jew mill-benefiċjarju, li jikkonsisti fil-ħlas, fit-trasferiment jew fil-ġbid ta’ fondi, indipendentement minn kwalunkwe obbligu sottostanti bejn il-persuna li tħallas u l-benefiċjarju. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 3 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-anness tal-imsemmija direttiva, it-twettiq ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas, inkluż it-trasferiment ta’ fondi fuq kont ta’ ħlas, jikkostitwixxi servizz ta’ ħlas.

    26

    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2009/110 jimponi fuq l-emittenti ta’ flus elettroniċi obbligu li jirrimborsaw, fuq it-talba tad-detentur ta’ flus elettroniċi, f’kull ħin u bil-valur nominali, il-valur monetarju tal-flus elettroniċi miżmuma.

    27

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “rimbors”, li ma huwiex iddefinit mid-Direttivi 2007/64 u 2009/110, dan jikkonsisti fil-konverżjoni mill-ġdid ta’ flus elettroniċi għall-valur nominali tiegħu u l-ħlas sussegwenti ta’ fondi fuq l-ordni tad-detentur tal-flus elettroniċi. F’dan ir-rigward, dawn id-direttivi ma jeżiġux li dawn il-fondi jitħallsu fil-kont tad-detentur tal-flus elettroniċi jew fil-kont ta’ terz.

    28

    Peress li l-ħruġ ta’ flus elettroniċi jimplika inkondizzjonalment u awtomatikament dritt għar-rimbors, il-kunċett ta’ “servizz ta’ ħlas marbut mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi” jinkludi wkoll ir-rimbors tal-flus elettroniċi, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2009/110.

    29

    Għalhekk, servizz ta’ ħlas ipprovdut bil-għan li jippermetti r-rimbors tal-valur nominali tal-flus elettroniċi jikkostitwixxi attività marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi.

    30

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk is-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux servizzi ta’ ħlas marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, għandu jiġi ddeterminat jekk il-provvista ta’ dawn is-servizzi jwasslux għall-ħruġ jew għar-rimbors tal-flus elettroniċi fil-kuntest tal-istess tranżazzjoni unika ta’ ħlas.

    31

    F’dan ir-rigward, is-servizz I jikkonsisti fi tranżazzjoni ta’ ħlas li permezz tagħha, fuq ordni tad-detentur tal-flus elettroniċi, l-istabbiliment ta’ flus elettroniċi jirrimborsa l-fondi bil-valur nominali tagħhom u jittrasferixxihom fil-kont bankarju ta’ terz.

    32

    Sa fejn il-fondi jiġu rrimborsati biss bil-għan tat-trasferiment tagħhom u fil-kuntest tal-istess tranżazzjoni unika ta’ ħlas, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, servizz bħas-servizz I jista’ jiġi kkunsidrat li huwa marbut mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2009/110.

    33

    Fir-rigward tas-servizz II, dan jikkonsisti fi tranżazzjoni li permezz tagħha, fuq ordni tal-bejjiegħ, ix-xerrej tal-beni jew tas-servizzi jittrasferixxi għal dan il-għan fondi lill-istabbiliment ta’ flus elettroniċi, li min-naħa tiegħu joħroġ, wara li jkun irċieva dawn il-fondi, il-flus elettroniċi għall-benefiċċju tal-bejjiegħ (detentur tal-flus elettroniċi).

    34

    Bla ħsara għall-verifiki tal-qorti tar-rinviju, servizz bħas-servizz II huwa wkoll direttament marbut mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, peress li t-trasferiment ta’ fondi jwassal awtomatikament, u dan fil-kuntest tal-istess tranżazzjoni unika ta’ ħlas, il-ħruġ ta’ flus elettroniċi. It-trasferiment ta’ fondi huwa għalhekk marbut mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi.

    35

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2009/110 għandu jiġi interpretat fis-sens li servizzi pprovduti minn stabbilimenti ta’ flus elettroniċi fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu attivitajiet marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk dawn is-servizzi jwasslu għall-ħruġ jew għar-rimbors ta’ flus elettroniċi fil-kuntest tal-istess tranżazzjoni unika ta’ ħlas.

    Fuq l-ispejjeż

    36

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li servizzi pprovduti minn stabbilimenti ta’ flus elettroniċi fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu attivitajiet marbuta mal-ħruġ ta’ flus elettroniċi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk dawn is-servizzi jwasslu għall-ħruġ jew għar-rimbors ta’ flus elettroniċi fil-kuntest tal-istess tranżazzjoni unika ta’ ħlas.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

    Top