Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0385

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2018.
Torsten Hein vs Albert Holzkamm GmbH & Co.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Arbeitsgericht Verden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Dritt għal-leave annwali mħallas – Artikolu 7(1) – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, permezz ta’ ftehim kollettiv, il-perijodi ta’ qgħad parzjali għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave annwali – Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta’ interpretazzjoni.
Kawża C-385/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:1018

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Dritt għal-leave annwali mħallas – Artikolu 7(1) – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, permezz ta’ ftehim kollettiv, il-perijodi ta’ qgħad parzjali għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave annwali – Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta’ interpretazzjoni”

Fil-Kawża C‑385/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbeitsgericht Verden (il-Qorti Industrijali ta’ Verden, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Torsten Hein

vs

Albert Holzkamm GmbH & Co. KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos (Relatur), E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. Hein, minn S. Eidinger, Rechtsanwältin,

għal Albert Holzkamm GmbH & Co. KG, minn C. Brehm u I. Witten, Rechtsanwältinnen,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. S. Bohr u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), kif ukoll tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Torsten Hein u Albert Holzkamm GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Holzkamm”) dwar il-kalkolu tal-allowance tal-leave mħallas, jiġifieri r-remunerazzjoni li għaliha huwa għandu dritt għal dak li jirrigwarda l-leave mħallas tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 31 tal-Karta, intitolat “Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”, jipprevedi li:

“1.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

2.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”, jipprevedi li:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Diretiva tapplika għal:

(a)

il-perjodi minimi ta’ […] leave annwali […]

[…]”

5

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, “ħin tax-xogħol” għandu jinftiehem bħala “kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi”. Il-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-“perjodu ta’ serħan” bħala “kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol”.

6

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”, jistabbilixxi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

7

L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.”

Id-dritt Ġermaniż

Il-Liġi dwar il-Leave

8

L-Artikolu 3(1) tal-Mindesturlaubsgesetz für Arbeitnehmer (il-Liġi dwar il-Leave Minimu tal-Impjegati), tat‑8 ta’ Jannar 1963 (BGBl. I, 1963, p. 2), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Leave”), jistabbilixxi li:

“Il-leave għandu jammonta għal mill-inqas 24 jum ta’ xogħol kull sena.”

9

L-Artikolu 11 tal-Liġi dwar il-Leave, intitolat “Kumpens legali għal leave mħallas”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Il-kumpens legali għal leave mħallas għandu jiġi kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni medja li l-impjegat ikun irċieva matul l-aħħar tlettax‑il ġimgħa li jippreċedu l-bidu tal-leave, bl-eċċezzjoni tar-remunerazzjoni mħallsa b’mod addizzjonali għas-sahra. […] It-tnaqqis fir-remunerazzjoni matul il-perijodu ta’ referenza li jirriżulta minn qgħad parzjali, minn telf ta’ sigħat tax-xogħol jew minn assenza ġġustifikata mix-xogħol ma għandux jaffettwa l-kalkolu tal-kumpens legali għal leave mħallas. […]”

10

L-Artikolu 13 tal-imsemmija liġi jipprevedi li:

“1.   Il-ftehimiet kollettivi jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet preċedenti, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 1, 2 u 3(1). […]

2.   Fis-settur tal-kostruzzjoni u f’setturi oħra tal-ekonomija fejn, minħabba t-tibdil frekwenti fil-post fejn għandu jsir ix-xogħol mill-impriżi, huwa komuni li r-relazzjonijiet ta’ xogħol ikunu ta’ inqas minn sena, il-ftehimiet kollettivi jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet preċedenti, inklużi dawk enumerati fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 iktar ’il fuq, sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-impjegati kollha jingħataw leave annwali kontinwu. […]

[…]”

Il-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni

11

L-Artikolu 8 tal-Bundesrahmentarifvertrag für das Baugewerbe (il-Ftehim Qafas Kollettiv Federali għas-Settur tal-Kostruzzjoni), tal‑4 ta’ Lulju 2002, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni”), jistabbilixxi li:

“1.   Id-dritt għal-leave u t-tul tal-leave

1.1   L-impjegat huwa intitolat għal 30 jum ta’ xogħol bħala leave ta’ mistrieħ imħallas għal kull sena kalendarja (sena ta’ leave).

[…]

1.3   Is-Sibtijiet ma humiex meqjusa bħala jiem ta’ xogħol.

1.4   It-tul tal-leave għandu jiġi ddeterminat skont in-numru ta’ jiem ta’ xogħol maħduma f’impriżi fis-settur tal-kostruzzjoni.

[…]

2.   Kalkolu tat-tul tal-leave

[…]

2.2   L-impjegat jikseb id-dritt għal jum wieħed ta’ leave wara kull 12‑il jum ta’ xogħol – fil-każ ta’ persuni b’diżabbiltà serja, wara kull 10.3 jiem ta’ xogħol.

2.3   Il-‘jiem ta’ xogħol’ għandhom jinkludu l-jiem kalendarji kollha li fihom kienet teżisti relazzjoni ta’ xogħol f’impriżi fis-settur tal-kostruzzjoni matul is-sena ta’ leave. Dawn għandhom jeskludu l-jiem li fihom l-impjegat ikun assenti mix-xogħol mingħajr awtorizzazzjoni u l-jiem ta’ leave mhux imħallas, fejn it-tul taż-żmien huwa itwal minn 14‑il jum.

[…]

4.   Kumpens għal leave mħallas

4.1   Għal-leave annwali skont il-punt 1, il-ħaddiem għandu jirċievi kumpens għal leave mħallas.

Il-kumpens għal leave mħallas għandu jammonta għal 14.25 % tas-salarju gross jew għal 16.63 % għall-persuni b’diżabbiltà serja fis-sens tad-dispożizzjonijiet legali. Il-kumpens għal leave mħallas għandu jikkonsisti fil-kumpens legali għal leave mħallas ta’ 11.4 % tas-salarju gross – 13.3 % għall-persuni b’diżabbiltà serja – u l-ħlas għal vaganzi addizzjonali. Il-ħlas għal vaganzi addizzjonali għandu jammonta għal 25 % tal-kumpens legali għal leave mħallas. Huwa jista’ jiġi kkreditat kontra l-ħlas għal vaganzi addizzjonali mogħti mill-kumpannija.

[…]

4.2   ‘Salarju gross’ ifisser:

(a)

il-ħlas gross li fuqu huwa bbażat il-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul u li jitniżżel fid-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, inkluż ir-remunerazzjoni mħallsa in natura li ma hijiex intaxxata b’rata fissa skont l-Artikolu 40 tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul);

[…]

Is-salarju gross ma jinkludix l-ħlas tat-tlettax‑il xahar jew ħlasijiet tal-istess tip mogħtija mill-impriża (pereżempju bonus tal-Milied, bonus eċċezzjonali annwali), il-kumpens għal leave mhux meħud skont il-punt 6 kif ukoll il-kumpens mogħti fil-każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol.

[…]

4.3   Il-kumpens għal leave mħallas għal leave annwali li jkun ittieħed parzjalment għandu jiġi kkalkolat billi jiġi diviż il-kumpens għal leave mħallas ddeterminat skont il-punt 4.1 bin-numru totali ta’ jiem ta’ leave ddeterminat skont il-punt 2 u billi dan jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem ta’ leave meħuda.

[…]

4.5   Fi tmiem is-sena ta’ leave, il-bilanċ tal-kreditu tal-kumpens għal leave mħallas għandu jiġi ttrasferit għas-sena kalendarja li jmiss.

5.   Kumpens minimu għal leave mħallas

5.1   Għal kull siegħa mitlufa minħabba inkapaċità għax-xogħol iġġustifikata li tirriżulta minn mard, li fil-konfront tagħha ma hemm l-ebda dritt għal salarju, il-kumpens għal leave mħallas ddeterminat skont il-punt 4.1 għandu jiżdied b’14.25 % tas-salarju gross li jkun ġie nnotifikat l-aħħar skont il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) [tat-Tarifvertrag über das Sozialkassenverfahren im Baugewerbe (il-Ftehim Kollettiv dwar il-Proċeduri tal-Fondi Soċjali fis-Settur tal-Kostruzzjoni)].

5.2   Għal kull siegħa mitlufa fil-perijodu mill‑1 ta’ Diċembru sal‑31 ta’ Marzu, li fil-konfront tagħha l-ħaddiem jirċievi allowance tal-qgħad parzjali staġjonali, il-kumpens għal leave mħallas iddeterminat skont il-punt 4.1 għandu jiżdied, wara li jintemm dan il-perijodu, b’14.25 % tas-salarju gross li jkun ġie nnotifikat l-aħħar skont il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-Ftehim Kollettiv dwar il-Proċeduri tal-Fondi Soċjali fis-Settur tal-Kostruzzjoni. L-ewwel 90 siegħa mitlufa minħabba li l-ħaddiem ikun irċieva allowance tal-qgħad parzjali staġjonali għandhom jiġu injorati.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

T. Hein huwa impjegat minn Holzkamm bħala ħaddiem tal-konkrit. Ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom hija regolata mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni. Matul is-sena kalendarja 2015, T. Hein sab ruħu f’qgħad parzjali għal perijodu totali ta’ 26 ġimgħa. Matul is-snin 2015 u 2016, huwa ħa 30 jum ta’ leave li huwa kien akkwista matul is-sena 2015.

13

Hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Leave jipprovdi li l-kumpens legali għal leave mħallas għandu jiġi kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni medja li l-impjegat ikun irċieva matul il-perijodu ta’ referenza, jiġifieri l-aħħar tlettax‑il ġimgħa li jippreċedu l-bidu tal-leave. Skont din id-dispożizzjoni, it-tnaqqis fir-remunerazzjoni li jirriżulta, matul il-perijodu ta’ referenza, minn qgħad parzjali, minn telf ta’ sigħat tax-xogħol jew minn assenza ġġustifikata tal-impjegat ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kumpens legali għal leave mħallas.

14

L-Artikolu 13(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Leave jippermetti deroga permezz ta’ ftehim kollettiv skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. L-imsieħba soċjali fis-settur tal-kostruzzjoni għamlu użu minn din l-possibbiltà u inkludew, fil-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw, b’mod partikolari, l-akkwist tad-dritt għal-leave u r-remunerazzjoni rċevuta matul il-leave, imsejħa “kumpens għal leave mħallas”.

15

Il-kumpens għal leave mħallas huwa kkalkolat abbażi tas-salarju gross irċevut matul il-perijodu ta’ referenza, li huwa kkalkolat fuq bażi annwali. Għalkemm, skont il-punt 4.1 tal-Artikolu 8 tal-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni, il-kumpens għal leave mħallas huwa 25 % ogħla mill-“kumpens legali għal leave mħallas”, li huwa previst fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi dwar il-Leave, u li jammonta għalhekk, għall-ħaddiema mingħajr diżabbiltà, għal 14.25 % tas-salarju gross annwali, il-kalkolu tal-kumpens għal leave mħallas abbażi tas-salarju gross irċevut matul il-perijodu ta’ referenza jwassal għal tnaqqis f’dan il-kumpens meta l-impjegat kellu perijodi ta’ qgħad parzjali matul dan il-perijodu ta’ referenza, peress li t-tnaqqis fir-remunerazzjoni li jirriżulta minn dawn il-perijodi ta’ qgħad parzjali jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ dan il-kumpens.

16

Fir-rigward tal-perijodi ta’ qgħad parzjali ta’ T. Hein matul is-sena 2015, Holzkamm ikkalkolat l-ammont tal-kumpens tiegħu għal leave mħallas abbażi ta’ salarju gross bis-siegħa li huwa inqas mis-salarju normali bis-siegħa. Issa, T. Hein huwa tal-fehma li l-perijodi ta’ qgħad parzjali matul il-perijodu ta’ referenza ma jistgħux ikollhom l-effett li jnaqqsu l-ammont tal-kumpens għal leave mħallas li huwa intitolat għalih u jitlob, f’dan ir-rigward, ammont totali ta’ EUR 2 260.27.

17

Skont il-qorti tar-rinviju, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari hija neċessarja, għaliex jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludi s-sistema ġuridika nazzjonali, li tipprovdi li t-tnaqqis fir-remunerazzjoni, li jirriżulta minn qgħad parzjali matul il-perijodu ta’ referenza, għandu jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi kkalkolat il-kumpens għal leave mħallas, Holzkamm ibbażat ruħha fuq rata bis-siegħa baxxa wisq meta kkalkolat il-kumpens għal leave mħallas dovut lil T. Hein. Din il-qorti tispeċifika li l-kreditu invokat minn T. Hein jirrigwarda għall-inqas parzjalment il-kumpens għal leave mħallas dovut għal-leave minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.

18

Skont l-imsemmija qorti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni ordinarja għat-tul tal-leave annwali fis-sens tad-Direttiva 2003/88. Din ir-remunerazzjoni ordinarja għandha tiġi kklakolata fuq il-bażi ta’ medja matul perijodu ta’ referenza li jitqies bħala rappreżentattiv u fid-dawl tal-prinċipju li jgħid li d-dritt għal-leave annwali u d-dritt li jinkiseb ħlas matul dan il-leave jikkostitwixxu żewġ aspetti tal-istess dritt.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni li tqum f’dan il-każ, jiġifieri dik tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġi previst, permezz ta’ ftehim kollettiv, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ telf ta’ salarju li jista’ jseħħ matul il-perijodu ta’ referenza minħabba qgħad parzjali, li jimplika tnaqqis fil-kumpens għal leave mħallas, ma ġietx deċiża mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeitsgericht Verden (il-Qorti Industrijali ta’ Verden, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 31 tal-[Karta] u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/88] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tippermetti li jiġi previst permezz ta’ ftehim kollettiv li tnaqqis ta’ remunerazzjoni li jirriżulta matul il-perijodu ta’ referenza ta’ qgħad parzjali jittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tal-kumpens legali għal leave imħallas, li għandu bħala konsegwenza li l-impjegat jirċievi, matul il-leave annwali minimu ta’ erba’ ġimgħat, kumpens għal leave imħallas – jew, f’każ ta’ waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol, kumpens finanzjarju għal leave mhux meħud – inqas minn dak li huwa kien jirċievi kieku l-kumpens għal leave imħallas kien ġie kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni medja li huwa kien jibbenefika minnha matul il-perijodu ta’ referenza mingħajr dan it-tnaqqis ta’ remunerazzjoni? Fl-affermattiv, liema jista’ jkun bħala massimu, bħala perċentwali tar-remunerazzjoni medja mingħajr tnaqqis, it-tnaqqis tal-kuumpens għal leave imħallas li jirriżulta minn qgħad parzjali matul il-perijodu ta’ referenza, sabiex jista’ jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġi previst tali tnaqqis permezz ta’ ftehim kollettiv tkun ġiet interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni?

2)

F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1: il-prinċipju ta’ ċertezza legali, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività jimponu li tiġi limitata ratione temporis il-possibbiltà għall-persuni kkonċernati kollha li jibbażaw ruħhom fuq l-interpetazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti lis-sentenza preliminari tagħha tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tal-[Karta] u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/88], sa fejn il-qrati nazzjonali l-iktar għolja kienu preċedentement iddeċidew li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, ta’ oriġini leġiżlattiva u konvenzjonali, ma setgħux jiġu interpretati b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni? Fin-negattiv, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jipproteġu, abbażi tad-dritt nazzjonali, l-aspettattivi leġittimi tal-persuni li jimpjegaw li kienu bbażaw ruħhom fuq iż-żamma tal-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali l-iktar għolja, jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija rriżervata lill-Qorti tal-Ġustizzja?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens għal leave mħallas, tippermetti li jiġi previst permezz ta’ ftehim kollettiv it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tnaqqis fir-remunerazzjoni li jirriżulta mill-eżistenza, matul il-perijodu ta’ referenza, ta’ jiem fejn, minħabba qgħad parzjali, ebda xogħol effettiv ma jkun ġie pprovdut, bil-konsegwenza li l-impjegat jirċievi, għat-tul tal-leave annwali minimu li minnu jibbenefika skont l-Artikolu 7(1), kumpens għal leave mħallas li huwa inqas minn dak li kien jirċievi li kieku dan tal-aħħar kien ġie kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni medja li huwa rċieva matul il-perijodu ta’ referenza mingħajr it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan it-tnaqqis fir-remunerazzjoni. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, din il-qorti tistaqsi, fil-kuntest tal-interpretazzjoni konformi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija tista’ tkun obbligata twettaq, sa liema livell il-kumpens għal leave mħallas jista’ jitnaqqas mingħajr ma jinkiser id-dritt tal-Unjoni.

22

Qabelxejn, għandu jitfakkar, minn naħa, li, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, dispożizzjoni li fir-rigward tagħha din id-direttiva ma tippermettix deroga, kull ħaddiem għandu jibbenefika minn dritt għal-leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat, liema dritt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitqies li huwa prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari (sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Dan id-dritt, mogħti lil kull ħaddiem, huwa stabbilit espressament fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li għandha, skont l-Artikolu 6(1) TUE, l-istess valur legali bħat-Trattati (sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin, C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 22; tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 33, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Dicu, C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 25).

24

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li d-Direttiva 2003/88 tittratta d-dritt għal-leave annwali u d-dritt li jinkiseb ħlas f’dan ir-rigward bħala li jikkostitwixxu żewġ aspetti tal-istess dritt (sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 60, kif ukoll tal‑15 ta’ Settembru 2011, Williams et, C‑155/10, EU:C:2011:588, punt 26).

25

Għalhekk, sabiex tingħata risposta utli għall-ewwel parti tal-ewwel domanda, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, it-tul tal-leave annwali minimu li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jingħata mid-dritt tal-Unjoni u, fit-tieni lok, ir-remunerazzjoni li l-ħaddiem huwa intitolat għaliha matul dan il-leave.

26

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, it-tul tal-leave annwali minimu, għandu jitfakkar li l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, mogħti lil kull ħaddiem mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, huwa li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ bħala korrispettiv għall-eżekuzzjoni tal-kompiti mogħtija lilu mill-kuntratt tax-xogħol tiegħu, minn naħa, u li jgawdi minn perijodu ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni, min-naħa l-oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 25; kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Dicu, C‑12/17, EU:C:2018:799, point 27).

27

Dan l-għan, li jiddistingwi d-dritt għal-leave annwali mħallas minn tipi oħra ta’ leave b’għanijiet differenti, huwa bbażat fuq il-premessa li l-ħaddiem effettivament ikun ħadem matul il-perijodu ta’ referenza. Fil-fatt, l-għan li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ jippreżumi li dan il-ħaddiem kien eżerċita attività li tiġġustifika, sabiex jiżgura l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu msemmija mid-Direttiva 2003/88, il-benefiċċju ta’ perijodu ta’ mistrieħ, ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni. Għaldaqstant, id-drittijiet għal-leave annwali mħallas għandhom bħala prinċipju jiġu kkalkolati skont perijodi ta’ xogħol effettiv imwettqa bis-saħħa tal-kuntratt tax-xogħol (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Dicu, C‑12/17, EU:C:2018:799, point 28).

28

F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ T. Hein fil-kawża prinċipali, matul il-perijodi ta’ qgħad parzjali, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem tkompli, iżda l-ħaddiem ma jipprovdix xogħol effettiv għall-ħtiġijiet tal-persuna li timpjegah.

29

Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ħaddiem li jinsab f’tali sitwazzjoni jista’ jikseb drittijiet għal-leave annwali mħallas, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, biss għall-perijodi li matulhom huwa jkun ipprovda xogħol effettiv, peress li l-ebda dritt għal-leave ma jinkiseb, skont din id-dispożizzjoni, għall-perijodi ta’ qgħad parzjali li matulhom huwa ma jkunx ipprovda tali xogħol. Għalhekk, f’dan il-każ, peress li, matul is-sena 2015, T. Hein ma pprovda ebda xogħol effettiv matul 26 ġimgħa, jidher li huma biss, bħala prinċipju, ġimgħatejn ta’ leave li huma rregolati minn dan l-Artikolu 7(1), fejn madankollu t-tul eżatt ta’ dan il-perijodu ta’ leave għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

30

Madankollu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) u (2)(a), tal-Artikolu 7(1) kif ukoll tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta b’mod ċar li din tal-aħħar tillimita ruħha li tiffissa r-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u li hija ma tippreġudikax il-possibbiltà tal-Istati Membri li japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-ħaddiema.

31

Minn dan jirriżulta li l-imsemmija direttiva ma tipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali jew ftehim kollettiv jagħti lill-impjegati dritt għal-leave annwali mħallas ta’ perijodu itwal minn dak ggarantit minn din l-istess direttiva, u dan irrispettivament minn jekk il-ħin tax-xogħol tal-impjegati jkunx tnaqqas minħabba qgħad parzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punti 4748).

32

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kumpens li għandu jitħallas lill-ħaddiem fir-rigward tal-perijodu ta’ leave annwali minimu ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-espressjoni “leave annwali bil-ħlas”, li tinsab fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, tfisser li, matul il-perijodu ta’ “leave annwali”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ir-remunerazzjoni għandha tibqa’ titħallas u li, fi kliem ieħor, il-ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni normali għal dan il-perijodu ta’ mistrieħ (sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 50, kif ukoll tal‑15 ta’ Settembru 2011, Williams et, C‑155/10, EU:C:2011:588, punt 19).

33

Fil-fatt, l-għan li jiġi rremunerat dan il-leave huwa li l-ħaddiem, matul l-imsemmi leave, jitqiegħed f’sitwazzjoni li hija, fir-rigward tas-salarju, paragunabbli mal-perijodi ta’ xogħol (sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 58, kif ukoll tal‑15 ta’ Settembru 2011, Williams et, C‑155/10, EU:C:2011:588, punt 20).

34

Jekk l-istruttura tar-remunerazzjoni ordinarja ta’ impjegat tkun taqa’, bħala tali, taħt id-dispożizzjonijiet u l-prattiki rregolati mid-dritt tal-Istati Membri, din ma jistax ikollha impatt fuq id-dritt tal-impjegat li jgawdi, matul il-perijodu tiegħu ta’ mistrieħ u ta’ serħan, minn kundizzjonijiet ekonomiċi komparabbli għal dawk li jikkonċernaw it-twettiq tax-xogħol tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Williams et, C‑155/10, EU:C:2011:588, punt 23).

35

F’dan il-każ, mill-punti 4.1, 4.2 u 5.2 tal-Artikolu 8 tal-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni jirriżulta li dan tal-aħħar jieħu inkunsiderazzjoni, għall-inqas parzjalment, perijodi ta’ qgħad parzjali għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa għal-leave annwali. Fil-każ ta’ T. Hein, il-qorti tar-rinviju tindika li dan wassal għal tnaqqis sinjifikattiv ta’ din ir-remunerazzjoni meta mqabbla ma’ dik li kien jirċievi fl-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi. Fil-fatt, matul is-sena 2015, li, skont il-qorti tar-rinviju, hija l-perijodu ta’ referenza li matulu T. Hein akkwista d-drittijiet għal-leave annwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan il-ħaddiem kien f’qgħad parzjali għal 26 ġimgħa, li jirrappreżenta nofs dan il-perijodu ta’ referenza.

36

Tali leġiżlazzjoni timplika li perijodi ta’ qgħad parzjali, li matulhom l-impjegat ma jkunx ipprovda xogħol effettiv, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta, b’mod partikolari, għall-jiem ta’ leave annwali li jirriżultaw mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

37

Minn dan jirriżulta li ħaddiem li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ T. Hein jikseb, għall-jiem ta’ leave annwali tiegħu, remunerazzjoni li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni ordinarja li jirċievi matul perijodi ta’ xogħol effettiv, li jmur kontra r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, li jgħidu li l-ħaddiem għandu jgawdi, matul il-perijodi ta’ mistrieħ u ta’ serħan li huma ggarantiti lilu permezz tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, minn kundizzjonijiet ekonomiċi komparabbli għal dawk li jikkonċernaw it-twettiq tax-xogħol tiegħu.

38

Holzkamm u l-Gvern Ġermaniż jindikaw, f’dan ir-rigward, essenzjalment, li l-għan imfittex mill-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni huwa li jippermetti flessibbiltà ikbar għall-impriżi tas-settur tal-kostruzzjoni sabiex ikunu jistgħu jevitaw ikeċċu lill-impjegati tagħhom għal raġunijiet ekonomiċi matul perijodi ta’ domanda baxxa billi jużaw il-qgħad parzjali. Tali vantaġġ għall-impjegati jista’ jiġi mminat jekk l-impriżi jkollhom iħallsu t-totalità tal-kumpens għal leave mħallas li għalih l-impjegati jkunu intitolati li kieku ħadmu kull jum tas-sena. Skont Holzkamm, tkeċċija eventwali jkollha, għall-impjegati kkonċernati, konsegwenzi negattivi ħafna iktar evidenti minn dawk li jistgħu jirriżultaw minn tnaqqis fil-kumpens għal leave mħallas.

39

Barra minn hekk, din il-kumpannija tindika li r-regoli previsti mill-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni huma neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-impjegati kollha jingħataw leave annwali mħallas kontinwu, minkejja li r-relazzjonijiet ta’ xogħol tagħhom ikunu għal żmien qasir, sabiex b’hekk jiġi ggarantit li l-jiem ta’ leave mhux meħuda jiġu ttrasferiti u jingħataw lill-impjegat fil-kuntest ukoll tar-relazzjoni ta’ xogħol il-ġdida. Holzkamm issostni wkoll li n-numru ta’ jiem ta’ leave li għalihom l-impjegati għandhom dritt ma jitnaqqasx jekk qgħad parzjali jkun ġie deċiż preċedentement. Għalhekk, Holzkamm issostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma twassalx għal tnaqqis fil-kumpens totali għal leave mħallas, riċevut mill-ħaddiema kull sena, għal ammont inqas mill-ammont minimu meħtieġ fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, peress li l-ħaddiema jgawdu minn numru ikbar ta’ jiem ta’ leave.

40

Fl-aħħar nett, meta jiġi kkalkolat il-kumpens għal leave imħallas, ir-remunerazzjoni għas-sahra mwettqa mill-impjegati tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jeżiġix li r-remunerazzjoni ordinarja stabbilita mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza għandha tingħata għat-tul kollu tal-leave annwali li minnu l-impjegat jibbenefika bis-saħħa tad-dritt nazzjonali. Il-persuna li timpjega għandha tagħti din ir-remunerazzjoni, skont l-Artikolu 7(1), biss għat-tul tal-leave annwali minimu previst f’din id-dispożizzjoni, peress li dan il-leave jinkiseb mill-impjegat, kif imfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, biss għall-perijodi ta’ xogħol effettiv.

42

Sussegwentement, għalkemm, kif jirriżulta mill-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2003/88 ma tipprekludix lill-imsieħba soċjali milli jadottaw, permezz ta’ ftehim kollettiv bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, regoli intiżi li jikkontribwixxu b’mod ġenerali għat-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għandhom, madankollu, josservaw il-limiti li jirriżultaw minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 57).

43

F’dan ir-rigward, żieda fid-drittijiet għal-leave annwali mħallas li tmur lil hinn mill-minimu rikjest fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jew il-possibbiltà li jinkiseb dritt għal-leave annwali mħallas kontinwu huma miżuri favorevoli għall-ħaddiema li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi previsti f’din id-dispożizzjoni u, għalhekk, ma humiex regolati minnha. Dawn il-miżuri ma għandhomx jintużaw sabiex jikkumpensaw l-effett negattiv, għall-ħaddiem, ta’ tnaqqis fir-remunerazzjoni dovuta għal dan il-leave, taħt piena li jiġi mminat id-dritt għal-leave annwali mħallas taħt l-imsemmija dispożizzjoni, li parti integrali tiegħu hija d-dritt tal-ħaddiem li jgawdi, matul il-perijodu tiegħu ta’ mistrieħ u ta’ serħan, minn kundizzjonijiet ekonomiċi komparabbli għal dawk li jikkonċernaw it-twettiq tax-xogħol tiegħu.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ksib tar-remunerazzjoni ordinarja matul il-perijodu ta’ leave annwali mħallas huwa intiż li jippermetti lill-ħaddiem jieħu effettivament il-jiem ta’ leave li għalihom għandu dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, EU:C:2006:177, punt 49, kif ukoll tat‑22 ta’ Mejju 2014, Lock, C‑539/12, EU:C:2014:351, punt 20). Issa, meta r-remunerazzjoni mogħtija fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 hija, bħal fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inqas mir-remunerazzjoni ordinarja li l-ħaddiem jirċievi matul il-perijodi ta’ xogħol effettiv, hemm riskju li tali ħaddiem ikun inkoraġġit li ma jiħux il-leave annwali mħallas, għall-inqas matul il-perijodi ta’ dan ix-xogħol, sa fejn dan iwassal, matul dawn il-perijodi, għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tiegħu.

45

Għandu jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li, għalkemm il-punt 1.1 tal-Artikolu 8 tal-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni jiffissa t-tul tal-leave annwali għal 30 jum, irrispettivament mill-perijodi ta’ qgħad parzjali li matulhom il-ħaddiem ma pprovdiex xogħol effettiv, mill-punt 4.3 tal-Artikolu 8 ta’ dan il-ftehim jirriżulta li, fil-każ ta’ leave meħud parzjalment, il-kumpens għal leave mħallas għandu jitnaqqas proporzjonalment. Għalhekk, il-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni għandu l-effett li ħaddiem li ma jiħux il-leave kollu li huwa intitolat għalih taħt dan il-ftehim, iżda biss il-jiem ta’ leave li huwa intitolat għalihom skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ qgħad parzjali, jingħata kumpens għal leave mħallas inqas minn dak li huwa intitolat għalih skont l-istess Artikolu 7.

46

Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda r-regola li tgħid li s-sahra mwettqa mill-ħaddiem għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta fir-rigward tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas, għandu jiġi rrilevat li, minħabba n-natura straordinarja u imprevedibbli tagħha, ir-remunerazzjoni għas-sahra ma tifformax parti, bħala prinċipju, mir-remunerazzjoni ordinarja li l-ħaddiem jista’ jitlob għal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

47

Madankollu, meta l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol jirrikjedu li l-ħaddiem jaħdem is-sahra fuq bażi prevedibbli u regolari ħafna, fejn ir-remunerazzjoni għas-sahra tikkostitwixxi element importanti tar-remunerazzjoni totali li l-ħaddiem jirċievi fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tiegħu, ir-remunerazzjoni għas-sahra għandha tiġi inkluża fir-remunerazzjoni ordinarja dovuta fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, sabiex il-ħaddiem ikun jista’ jgawdi, matul dan il-leave, minn kundizzjonijiet ekonomiċi komparabbli għal dawk li minnhom huwa jibbenefika fl-eżerċizzju tax-xogħol tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverfika jekk dan huwiex il-każ fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

48

Għal dak li jirrigwarda r-rwol tal-qorti nazzjonali meta jkollha tiddeċiedi dwar tilwima bejn individwi li fiha jkun jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tikser id-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar li hija din il-qorti nazzjonali li għandha tiżgura l-protezzjoni legali għall-partijiet fil-kawża li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tiggarantixxi l-effett sħiħ tagħhom (sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 45, u tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 29).

49

F’dan ir-rigward, l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu ir-riżultat previst minnha kif ukoll id-dmir tagħhom li jieħdu l-miżuri kollha, ġenerali jew partikolari, adatti sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dan l-obbligu huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inkluż, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Minn dan isegwi li, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali li qed jintalbu jinterpretawh għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha ta’ dan id-dritt u li japplikaw il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu għall-interpretazzjoni tiegħu, sakemm ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u b’hekk konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Għalkemm l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali, ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi, madankollu, l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 3233 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

F’dan il-każ, f’tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, bejn persuni privati, jiġifieri T. Hein u Holzkamm, il-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha b’mod konformi mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li tali interpretazzjoni għandha twassal sabiex il-kumpens għal leave mħallas li jingħata lill-ħaddiema, għal-leave minimu previst minn din id-dispożizzjoni, ma jkunx inqas mill-medja tar-remunerazzjoni ordinarja li huma jirċievu matul il-perijodi ta’ xogħol effettiv. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tirrikjedix li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata fis-sens li tagħti d-dritt għal ħlas għal vaganzi addizzjonali li jiżdied ma’ din il-medja tar-remunerazzjoni ordinarja, u lanqas li r-remunerazzjoni għas-sahra tittieħed inkunsiderazzjoni, ħlief meta l-kundizzjonijiet stabbilit fil-punt 47 ta’ din is-sentenza jiġu ssodisfatti.

53

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tal-ewwel domanda hija li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens għal leave mħallas, tippermetti li jiġi previst permezz ta’ ftehim kollettiv it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tnaqqis fir-remunerazzjoni li jirriżulta mill-eżistenza, matul il-perijodu ta’ referenza, ta’ jiem fejn, minħabba qgħad parzjali, ebda xogħol effettiv ma jkun ġie pprovdut, bil-konsegwenza li l-impjegat jirċievi, għat-tul tal-leave annwali minimu li minnu jibbenefika skont l-Artikolu 7(1), kumpens għal leave mħallas li huwa inqas mir-remunerazzjoni ordinarja medja li huwa jirċievi matul il-perijodi ta’ xogħol. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll tal-għan tad-Direttiva 2003/88, b’mod li l-kumpens għal leave mħallas li jingħata lill-ħaddiema, għal-leave minimu previst fl-Artikolu 7(1), ma jkunx inqas mill-medja tar-remunerazzjoni ordinarja li huma jirċievu matul il-perijodi ta’ xogħol effettiv.

54

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel parti tal-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta separata għat-tieni parti ta’ din id-domanda.

Fuq it-tieni domanda

55

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-possibbiltà li jiġu llimitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll l-Artikolu 31 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-każ li tali limitazzjoni tiġi miċħuda, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jipproteġu, abbażi tad-dritt nazzjonali, l-aspettattivi leġittimi tal-persuni li jimpjegaw fir-rigward taż-żamma tal-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali l-iktar għolja li tikkonferma l-legalità tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-leave mħallas tal-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni.

56

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni li din tal-aħħar tagħti lil dispożizzjoni legali tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet legali mnissla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq kawża dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et, C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 34, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 59).

57

Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali ferm li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li tqiegħed inkwistjoni relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti f’bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tingħata, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi speċifiċi, b’mod partikolari meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti b’mod partikolari għan-numru għoli ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti f’bona fide fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni meqjusa bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa sabiex jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva għal dak li jirrigwarda l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li għaliha kienu eventwalment ikkontribwixxew l-aġir stess adottat mill-Istati Membri l-oħra jew mill-Kummissjoni Ewropea (sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, EU:C:2005:169, punt 69; tat‑13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 93, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 61).

59

F’dan il-każ, ebda element fil-proċess ma jippermetti li jitqies li l-kundizzjoni dwar ir-riperkussjonijiet ekonomiċi serji hija ssodisfatta.

60

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu llimitati ratione temporis.

61

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix lill-qrati nazzjonali jipproteġu, abbażi tad-dritt nazzjonali, l-aspettattivi leġittimi tal-persuni li jimpjegaw fir-rigward taż-żamma tal-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali l-iktar għolja li kkonfermat l-legalità tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-leave mħallas tal-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif previst mill-qorti tar-rinviju, twassal, fir-realtà, għal-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, peress li, b’dan il-mod, din l-interpretazzjoni ma tkunx tapplika fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 39).

62

Madankollu, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-eżistenza tagħhom, kif jirriżulta mill-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, ma ġietx stabbilita, id-dritt tal-Unjoni hekk interpretat għandu jiġi applikat mill-qorti anki għal relazzjonijiet legali mnissla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq kawża dwar l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt quddiem il-qrati kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li ma hemmx lok li jiġu llimitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza u li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jipproteġu, abbażi tad-dritt nazzjonali, l-aspettattivi leġittimi tal-persuni li jimpjegaw fir-rigward taż-żamma tal-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali l-iktar għolja li tikkonferma l-legalità tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-leave mħallas tal-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif ukoll l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kumpens għal leave mħallas, tippermetti li jiġi previst permezz ta’ ftehim kollettiv it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tnaqqis fir-remunerazzjoni li jirriżulta mill-eżistenza, matul il-perijodu ta’ referenza, ta’ jiem fejn, minħabba qgħad parzjali, ebda xogħol effettiv ma jkun ġie pprovdut, bil-konsegwenza li l-impjegat jirċievi, għat-tul tal-leave annwali minimu li minnu jibbenefika skont l-Artikolu 7(1), kumpens għal leave mħallas li huwa inqas mir-remunerazzjoni ordinarja medja li huwa jirċievi matul il-perijodi ta’ xogħol. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll tal-għan tad-Direttiva 2003/88, b’mod li l-kumpens għal leave mħallas li jingħata lill-ħaddiema, għal-leave minimu previst fl-Artikolu 7(1), ma jkunx inqas mill-medja tar-remunerazzjoni ordinarja li huma jirċievu matul il-perijodi ta’ xogħol effettiv.

 

2)

Ma hemmx lok li jiġu llimitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza u d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jipproteġu, abbażi tad-dritt nazzjonali, l-aspettattivi leġittimi tal-persuni li jimpjegaw fir-rigward taż-żamma tal-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali l-iktar għolja li tikkonferma l-legalità tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-leave mħallas tal-Ftehim Kollettiv dwar il-Kostruzzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top