Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0369

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Settembru 2018.
    Shajin Ahmed vs Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 17 – Esklużjoni mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Kawżi – Kundanna għal delitt serju – Determinazzjoni tas-serjetà abbażi tal-piena inflitta skont id-dritt nazzjonali – Ammissibbiltà – Neċessità ta’ evalwazzjoni individwali.
    Kawża C-369/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:713

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    13 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 17 – Esklużjoni mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Kawżi – Kundanna għal delitt serju – Determinazzjoni tas-serjetà abbażi tal-piena inflitta skont id-dritt nazzjonali – Ammissibbiltà – Neċessità ta’ evalwazzjoni individwali”

    Fil-Kawża C‑369/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

    Shajin Ahmed

    vs

    Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Shajin Ahmed, minn G. Győző, ügyvéd,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u M. M. Tátrai, bħal aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Brabcová, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn E. Armoët, E. de Moustier u D. Colas, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. H. S. Gijzen u M. K. Bulterman, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u M. Condou‑Durande, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Shajin Ahmed, ċittadin Afgan, u l-Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, l-Ungerija), li kien il-Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u taċ-Ċittadinanza, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”), dwar iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn S. Ahmed.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    3

    Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954. Din ġiet ikkompletata u emendata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż f’New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni, wara li jiddefinixxi, b’mod partikolari, fit-Taqsima A, il-kunċett ta’ “refuġjat”, jipprovdi, fit-Taqsima F:

    “Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma japplikawx għall-persuni li dwarhom ikun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li:

    (a)

    huma wettqu delitt kontra l-paċi, delitt tal-gwerra jew delitt kontra l-umanità, kif iddefiniti fl-istrumenti internazzjonali mfassla sabiex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

    (b)

    huma wettqu delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż ospitanti qabel id-dħul tagħhom fih bħala refuġjati;

    (ċ)

    huma instabu ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Id-dritt tal-Unjoni

    5

    L-Artikolu 78(1) u (2) TFUE jipprovdi:

    “1.   L-Unjoni [Ewropea] għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Din il-politika trid tkun konformi mal-[Konvenzjoni ta’ Genève], kif ukoll ma’ trattati oħra rilevanti.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa dwar sistema komuni Ewropea ta’ asil li tinkludi:

    a)

    status uniformi ta’ asil għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha;

    b)

    status uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, mingħajr ma jiksbu asil Ewropew, jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;

    […]”

    6

    Id-Direttiva 2011/95, adottata abbażi tal-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE, ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

    7

    Il-premessi 3, 4, 8, 9, 12, 23, 24, 33 u 39 tad-Direttiva 2011/95 huma fformulati kif ġej:

    “(3)

    Il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 ftiehem li jaħdem sabiex jistabbilixxi Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklussiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra […]

    (4)

    Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra [tikkostitwixxi] l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

    […]

    (8)

    Fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil adottat fil-15 u fis-16 ta’ Ottobru 2008, il-Kunsill Ewropew innota li kien fadal numru konsiderevoli ta’ diverġenzi bejn Stat Membru u ieħor dwar l-għoti ta’ protezzjoni u l-forom li l-protezzjoni tieħu u sejjaħ għal inizjattivi ġodda sabiex jitkompla l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea, provduta fil-Programm tal-Aja [adottat mill-Kunsill Ewropew tal‑4 ta’ Novembru 2004, li jistabbilixxi l-għanijiet li għandhom jintlaħqu fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja matul il-perijodu 2005‑2010], u għalhekk joffri grad ogħla ta’ protezzjoni.

    (9)

    Fil-Programm ta’ Stokkolma [adottat fl‑2010], il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tiegħu dwar l-għan li jistabbilixxi żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà, ibbażata fuq proċedura komuni ta’ ażil u status uniformi, skont l-Artikolu 78 [TFUE], għal dawk li ngħataw protezzjoni internazzjonali, mhux aktar tard mill-2012.

    (12)

    L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, minn naħa waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha.

    […]

    (23)

    Standards għad-definizzjoni u l-kontenut tal-istatus ta’ refuġjat għandhom jiġu stabbiliti sabiex iservu ta’ gwida lill-korpi nazzjonali tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

    (24)

    Hu meħtieġ li jiġu introdotti kriterji komuni sabiex jiġu rikonoxxuti applikanti għall-ażil bħala refuġjati skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

    […]

    (33)

    Standards għad-definizzjoni u l-kontenut tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu stipulati wkoll. Il-protezzjoni sussidjarja għandha tkun kumplimentari u addizzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

    […]

    (39)

    Filwaqt li tiġi sodisfatta t-talba tal-programm ta’ Stokkolma għall-istabbiliment ta’ status uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u bl-eċċezzjoni tad-derogi li huma meħtieġa u ġustifikati b’mod oġġettiv, benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jingħataw l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li jgawdu refuġjati taħt din id-direttiva, u għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibilità.”

    8

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’punti (e) u (g);

    […]

    (f)

    ‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

    (g)

    ‘status ta’ protezzjoni sussidjarja’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;

    […]”

    9

    Inkluż fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, l-Artikolu 12 tagħha, bit-titolu “Esklużjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

    “2.   Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:

    (a)

    hija kkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

    (b)

    hija kkommettiet delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refuġju qabel id-dħul tagħha bħala refuġjat; jiġifieri qabel il-mument tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-għoti ta’ stat ta’ refuġjat; partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b’għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi;

    (c)

    hija tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbilit fil-Preambolu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti [, iffirmata f’San Francisco fis‑26 ta’ Ġunju 1945].

    3.   Il-paragrafu 2 japplika għal persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq tad-delitti jew atti msemmija fih.”

    10

    Taħt it-titolu “Revoka ta’, tmiem ta’ jew ċaħda għat-tiġdid ta’ status ta’ refuġjat”, l-Artikolu 14 tal-istess direttiva li jinsab fil-Kapitolu IV, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

    “L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta:

    (a)

    ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti;

    (b)

    hija, wara li tkun instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikkostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.”

    11

    Il-Kapitolu V, bit-titolu “Kwalifika biex persuna tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, tad-Direttiva 2011/95 jinkludi l-Artikolu 17, bit-titolu “Esklużjoni”, li jipprovdi:

    “1.   Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serji li jitqiesu li:

    (a)

    hija tkunu ikkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

    (b)

    hija tkun ikkommettiet delitt serju;

    (c)

    hija tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif dikjarat fil-Preamblu u fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

    (d)

    hija tikkostitwixxi periklu għall-komunità jew għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti.

    2.   Il-paragrafu 1 japplika għall-persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq ta’ delitti jew atti msemmija fih.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu ċittadin nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuna mingħajr stat milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja jekk hija, qabel id-dħul tagħha fl-Istat Membru kkonċernat, tkun ikkommettiet delitt wieħed jew aktar barra mill-iskop ta’ paragrafu 1 li jwassal għal kastig ta’ ħabs kieku ġew kommessi fl-Istat Membru interessat, u jekk hija tkun telqet biss mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha sabiex tevita sanzjonijiet li jirriżultaw minn dawk id-delitti.”

    Id-dritt Ungeriż

    12

    L-Artikolu 8 tal-menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény (il-Liġi Nru LXXX tal‑2007 dwar id-Dritt għall-Ażil) (Magyar Közlöny 2007/83, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil”) jipprovdi dan li ġej:

    “1.   “Barrani li fir-rigward tiegħu tapplika waħda mir-raġunijiet għal esklużjoni msemmija fit-Taqsima D, E jew F tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, ma jistax jiġi rrikonoxxut bħala refuġjat.”

    2.   “delitt serju mhux politiku” fis-sens tal-Artikolu 1(F)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Genève ifisser kull att li fih, meta jitwettaq, l-aspetti kriminali tal-ksur jipprevalu fuq l-aspetti politiċi tiegħu – fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, bħall-għan tal-ksur, il-motiv tiegħu, il-mod li bih dan twettaq, jew il-mezzi użati jew previsti – u li fir-rigward tiegħu id-dritt Ungeriż jipprevedi piena li ċċaħħad il-libertà ta’ ħames snin jew iktar”

    13

    Skont l-Artikolu 11(3) ta’ din il-liġi:

    “L-awtorità responsabbli għad-dritt għall-ażil għandha tirrevoka l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jekk dan ir-refuġjat ikun ġie kkundannat b’mod definittiv minn qorti għal delitt li għalih id-dritt Ungeriż jipprevedi piena li ċċaħħad il-libertà ta’ ħames snin jew iktar.”

    14

    L-Artikolu 15 tal-imsemmija liġi, li jirregola r-raġunijiet għall-esklużjoni mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, jipprevedi:

    “Barrani ma jistax jingħata l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja

    (a)

    jekk ikun hemm raġunijiet serji sabiex jitqies li

    (aa)

    huwa wettaq delitt kontra l-paċi, delitt tal-gwerra jew delitt kontra l-umanità, kif iddefiniti fl-istrumenti internazzjonali;

    (ab)

    huwa wettaq delitt li għalih id-dritt Ungeriż jipprevedi piena li ċċaħħad il-libertà ta’ ħames snin jew iktar;

    (ac)

    huwa wettaq delitti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti;

    (b)

    [meta] r-residenza tiegħu fit-territorju tal-Ungerija tirrappreżenta perikolu għas-sigurtà nazzjonali.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    15

    S. Ahmed kiseb l-istatus ta’ refuġjat permezz ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju tat‑13 ta’ Ottubru 2000 minħabba r-riskju ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, peress li missieru kien uffiċjal ta’ grad għoli tar-reġim ta’ Najibullah.

    16

    Sussegwentement infetħu proċeduri kriminali fl-Ungerija kontra S. Ahmed, li fil-kuntest tagħhom dan tal-aħħar talab li l-konsulat tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan jinżamm informat bis-sħiħ dwar id-destin tiegħu.

    17

    Peress li mill-applikazzjoni għal protezzjoni seta’ jiġi dedott li S. Ahmed kien volontarjament informa lil pajjiż ta’ oriġini tiegħu li ma kienx għad hemm perikolu ta’ persekuzzjoni, fl‑2014 l-Uffiċċju beda ex officio proċedura ta’ reviżjoni tal-istatus tiegħu ta’ refuġjat.

    18

    Permezz ta’ sentenza definittiva tal‑21 ta’ Mejju 2014, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) ikkundannat lil S. Ahmed għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sentejn u għal piena ta’ telf tad-drittijiet ċiviċi ta’ erba’ snin, għal attentat ta’ omiċidju. Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2014, il-Budapest Környéki Törvényszék (il-Qorti Reġjonali ta’ Budapest, l-Ungerija) ikkundannatu għal piena li ċċaħħad il-libertà ta’ erba’ snin u għal piena ta’ telf tad-drittijiet ċiviċi ta’ tliet snin, għal tentattiv ta’ estorsjoni.

    19

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Novembru 2014, l-Uffiċċju rtira l-istatus ta’ refuġjat ta’ S. Ahmed, skont l-Artikolu 11(3) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil.

    20

    Fit‑30 ta’ Ġunju 2015, S. Ahmed ippreżentat applikazzjoni ġdida intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, li ġiet miċħuda mill-Uffiċċju permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2015.

    21

    S. Ahmed ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Budapest, l-Ungerija). Din il-qorti laqgħet dan ir-rikors u ordnat lill-Uffiċċju jibda proċedura amministrattiva ġdida.

    22

    Fil-kuntest ta’ din il-proċedura l-ġdida, l-Uffiċċju, filwaqt li kkonstata l-eżistenza ta’ ostakolu għar-refoulement, ċaħad, permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Ottubru 2016, l-applikazzjoni ta’ S. Ahmed, kemm f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja. L-Uffiċċju qies li S. Ahmed ma setax jingħata l-protezzjoni sussidjarja minħabba l-eżistenza ta’ raġuni għal esklużjoni fis-sens tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, peress li huwa kien wettaq delitt li għalih id-dritt Ungeriż jipprevedi piena li ċċaħħad il-libertà ta’ ħames snin jew iktar. F’dan ir-rigward, l-Uffiċċju ħa inkunsiderazzjoni l-kundanni imposti fuq S. Ahmed kif jirriżultaw mis-sentenzi msemmija fil-punt 18 ta’ din is-sentenza.

    23

    S. Ahmed ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Budapest), sa fejn, permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-Uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni tiegħu għall-għoti tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

    24

    Skont S. Ahmed, billi tqis bħala raġuni għall-esklużjoni minn dan l-istatus il-fatt li huwa wettaq delitt punibbli, skont id-dritt Ungeriż, b’piena ta’ ħames snin priġunerija, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċaħħad lill-korpi amministrattivi responsabbli għall-applikazzjoni tagħha kif ukoll lill-qrati responsabbli għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta’ dawn il-korpi minn kull setgħa diskrezzjonali. Issa, l-espressjoni “hija tkun ikkommettiet delitt serju”, li tirriżulta mill-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 dwar il-kawżi ta’ esklużjoni minn dan l-istatus, timplika l-obbligu li jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali kkonċernat.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, l-istess kriterju, jiġifieri l-fatt li wieħed ikun ġie kkundannat talli “huwa wettaq delitt li għalih id-dritt Ungeriż jipprevedi piena li ċċaħħad il-libertà ta’ ħames snin jew iktar”, iservi ta’ bażi kemm għar-revoka tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 11(3) tal-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil, kif ukoll għall-esklużjoni mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 15(a), (ab) ta’ din il-liġi. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2011/95 tipprevedi kriterji differenti għar-revoka tal-istatus ta’ refuġjat u għall-esklużjoni mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

    26

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, fir-rigward tar-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jadotta bħala kriterju l-kundanna tal-persuna kkonċernata għal delitt “partikolarment serju”, fatt li jimplika li l-persuna kkundannata tikkostitwixxi manifestament perikolu għall-komunità tal-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li, skont l-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva, l-esklużjoni mill-eliġibbiltà għall-protezzjoni sussidjarja hija bbażata fuq it-twettiq ta’ “delitt serju”, li jippreżumi li l-aġir inkriminat huwa inqas serju minn dak imsemmi fl-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva.

    27

    Skont il-qorti tar-rinviju, il-kriterju adottat mid-dritt Ungeriż, li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-piena inflitta, ma huwiex ta’ natura li jippermetti evalwazzjoni tas-serjetà tad-delitt effettivament imwettaq.

    28

    Fil-fatt, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “delitt serju” fuq il-bażi biss tal-piena inflitta iwassal sabiex kull ksur li jista’ jiġi ssanzjonat, skont id-dritt Ungeriż, b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ ħames snin jew iktar, inkluż il-ksur li għalih il-piena massima possibbli hija ċaħda tal-libertà ta’ ħames snin, jitqies awtomatikament bħala gravi. Barra minn hekk, raġuni għal esklużjoni bbażata fuq il-piena inflitta ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-eżekuzzjoni tal-piena tista’ tiġi sospiża.

    29

    Issa, skont il-qorti tar-rinviju, il-kliem użat fl-Artikolu 14(4) u fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2011/95 jimplika evalwazzjoni bir-reqqa taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwu kkonċernat u, għal dan il-każ, tad-deċiżjoni tal-qorti kriminali.

    30

    Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li tiġi ċċarata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 li jirrigwarda l-esklużjoni mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja b’mod partikolari fid-dawl tal-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 12(2)(b) u (c) tad-Direttiva 2004/83, li sar l-Artikolu 12(2)(b) u (c) tad-Direttiva 2011/95, dwar l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat, fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 87), li tipprovdi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tapplika din id-dispożizzjoni biss wara li, għal kull każ individwali, tkun għamlet evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li hija taf bihom sabiex tiddetermina jekk hemmx raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-atti mwettqa mill-persuna kkonċernata, li barra minn hekk tissodisfa l-kriterji sabiex tikseb l-istatus ta’ refuġjat, jaqgħu taħt wieħed miż-żewġ każijiet ta’ esklużjoni previsti fl-imsemmija dispożizzjoni.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “Mill-kliem ‘hija tkun ikkommettiet delitt serju’ użat fl-Artikolu 17(1)(b) tad-[Direttiva 2011/95], jirriżulta li huwa biss abbażi tal-piena inflitta għal delitt partikolari skont id-dritt tal-Istat Membru partikolari li għandu jiġi ddeterminat jekk l-applikant wettaqx delitt li abbażi tiegħu huwa jista’ jiġi eskluż mill-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja?”

    Fuq id-domanda preliminari

    32

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha l-applikant għal protezzjoni sussidjarja huwa meqjus li “[kkommetta] delitt serju” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jista’ jeskludih mill-eliġibbiltà għal din il-protezzjoni, abbażi biss tal-piena inflitta għal delitt partikolari skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “delitt serju” li jinsab fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 ma huwiex iddefinit f’din id-direttiva, li lanqas ma tinkludi riferiment espress għad-dritt nazzjonali sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tiegħu.

    34

    Dan japplika wkoll għall-kunċett ta’ “delitt partikolarment serju” imsemmi fl-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, dwar ir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat, u għall-kunċett ta’ “delitt serju mhux politiku” imsemmi fl-Artikolu 12(2)(b) ta’ din id-direttiva, dwar l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat.

    35

    Skont il-Gvern Ċek u dak Ungeriż, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprovdiex definizzjoni tal-kunċett ta’ “delitt serju” fil-kuntest tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, huwa l-leġiżlatur tal-Istati Membri li għandu jiddefinixxu dan il-kunċett. Min-naħa l-oħra, S. Ahmed, il-Gvern Franċiż u dak Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu li dan il-kunċett għandu, fil-kuntest tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għar-refuġjati u li l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu, għalhekk, jiġi interpretat fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Genève, b’mod partikolari tal-Artikolu 1(F)(b) u tal-Artikolu 12(2)(b) ta’ din id-direttiva li jirriproduċi, essenzjalment, il-kontenut ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

    36

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li, konformement mar-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, it-termini ta’ dispożizzjoni ta’ dan id-dritt, li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2016, JZ, C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610, punti 35 sa 37; tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami, C‑225/16, EU:C:2017:590, punt 38, u tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 41).

    37

    Issa, mill-premessa 12 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, mill-Artikolu 78(1) TFUE jirriżulta li l-politika komuni li l-Unjoni tiżviluppa fil-qasam tal-ażil, tal-protezzjoni sussidjarja u tal-protezzjoni temporanja, intiża li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement, għandha tkun konformi mal-Konvenzjoni ta’ Genève.

    38

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, bħad-Direttiva 2004/83, id-Direttiva 2011/95 tirregola, fil-kuntest tal-kunċett ta’ “protezzjoni internazzjonali”, żewġ sistemi distinti ta’ protezzjoni, jiġifieri, minn naħa, l-istatus ta’ refuġjat u, min-naħa l-oħra, dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja (ara, fir-rigward tad-Direttiva 2004/83, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, N., C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 26).

    39

    Hekk kif jirriżulta mill-premessi 6 u 33 tad-Direttiva 2011/95, il-protezzjoni sussidjarja għandha l-għan li tikkompleta l-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita bil-Konvenzjoni ta’ Genève (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 31).

    40

    Mill-premessi 4, 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema ġuridika internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut ta’ dan tal-aħħar ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 28 u l-ġuriprudenza ċċitata).

    41

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, bħal dawk tad-Direttiva 2004/83, għandha, għaldaqstant, issir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, billi jiġu osservati l-Konvenzjoni ta’ Genève u t-Trattati l-oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 78; tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 29, u tal‑31 ta’ Jannar 2017, Lounani, C‑573/14, EU:C:2017:71, punt 42).

    42

    Filwaqt li dawn il-kunsiderazzjonijiet, inkwantu jirreferu għall-Konvenzjoni ta’ Genève, huma rilevanti biss fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll tal-kontenut ta’ dan tal-aħħar, sa fejn is-sistema prevista minn din il-konvenzjoni tapplika biss għar-refuġjati u mhux għall-benefiċjarji tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, madankollu, mill-premessi 8, 9 u 39 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jistabbilixxi status uniformi favur il-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punti 3132).

    43

    Fir-rigward tar-raġunijiet għall-esklużjoni mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ispira ruħu mir-regoli applikabbli għar-refuġjati sabiex jestendihom, inkwantu possibbli, għall-benefiċjarji tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

    44

    Fil-fatt, il-kontenut u l-istruttura tal-Artikolu 17(1)(a) sa (c) tad-Direttiva 2011/95, dwar l-esklużjoni mill-eliġibbiltà għall-protezzjoni sussidjarja, huma simili għall-Artikolu 12(2)(a) sa (c) ta’ din id-direttiva, dwar l-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat, li huwa stess essenzjalment jirriproduċi l-kontenut tal-Artikolu 1(F)(a) sa (c) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

    45

    Barra minn hekk mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2011/95 kif ukoll minn dak tad-Direttiva 2004/83 (ara l-punti 4.5 u 7 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni fit‑30 ta’ Ottubru 2001 (COM (2001) 510 finali) (ĠU 2002, C 51 E, p. 325) kif ukoll il-proposta għal direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni fil‑21 ta’ Ottubru 2009 (COM (2009) 551 finali)), jirriżulta li l-Artikolu 17(1)(a) sa (c) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta mir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jintroduċi kawżi ta’ esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja simili għal dawk applikabbli għar-refuġjati.

    46

    Madankollu, għalkemm dawn il-kawżi ta’ esklużjoni huma strutturati madwar il-kunċett ta’ “delitt serju”, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kawża ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 huwa iktar wiesa’ minn dak tal-kawża ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat prevista fl-Artikolu 1(F)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95.

    47

    Fil-fatt, filwaqt li l-kawża ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat prevista f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar tirreferi għal delitt serju mhux politiku mwettaq barra mill-pajjiż ta’ refuġju qabel id-dħul tal-persuna kkonċernata bħala refuġjat, il-kawża ta’ esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja prevista fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 tirreferi b’mod iktar ġenerali għal delitt serju u għalhekk ma hijiex limitata ġeografikament jew fiż-żmien, u lanqas fir-rigward tan-natura tad-delitti inkwistjoni.

    48

    Hemm lok li jitfakkar li, fis-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punt 87), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(2)(b) u (c) tad-Direttiva 2004/83, li sar l-Artikolu 12(2)(b) u (c) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tapplika din id-dispożizzjoni biss wara li, għal kull każ individwali, tkun għamlet evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li hija taf bihom sabiex tiddetermina jekk hemmx raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-atti mwettqa mill-persuna kkonċernata, li barra minn hekk tissodisfa l-kriterji sabiex tikseb l-istatus ta’ refuġjat, jaqgħu taħt wieħed miż-żewġ każijiet ta’ esklużjoni previsti f’din id-dispożizzjoni.

    49

    Minn dan jirriżulta li kull deċiżjoni li teskludi persuna mill-istatus ta’ refuġjat għandha tkun ippreċeduta minn eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali tagħha u ma tistax tittieħed b’mod awtomatiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 9193).

    50

    Tali rekwiżit għandu jiġi traspost għad-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja.

    51

    Fil-fatt, bħal fil-każ tal-kawżi ta’ esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat, l-għan tal-kawżi ta’ esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja huwa li jiġu esklużi mill-istatus mogħti minnha l-persuni meqjusa li ma tixirqilhomx il-protezzjoni marbuta ma’ dan l-istatus u li tiġi ppreżervata l-kredibbiltà tas-sistema komuni Ewropea tal-ażil, li tinkludi kemm l-approssimazzjoni tar-regoli dwar ir-rikonoxximent tar-refuġjati u dwar il-kontenut tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll il-miżuri dwar forom sussidjarji ta’ protezzjoni, li joffru status xieraq lil kull persuna fil-bżonn ta’ din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 2004/83 tal-istatus ta’ refuġjat, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 104115).

    52

    Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 jippermetti l-esklużjoni ta’ persuna mill-eleġibbiltà għall-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja biss jekk ikun hemm “raġunijiet serji” sabiex jitqies li hija wettqet delitt serju. Din id-dispożizzjoni tipprevedi kawża ta’ esklużjoni li tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2011/95 u għalhekk għandha tiġi interpretata b’mod strett.

    53

    Skont il-qorti tar-rinviju, il-Liġi dwar l-Ażil twassal, madankollu, sabiex kull ksur li jista’ jiġi ssanzjonat, skont id-dritt Ungeriż, b’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ ħames snin jew iktar, jitqies awtomatikament bħala gravi.

    54

    Il-Kummissjoni tosserva, ġustament, li din il-kwalifika tista’ tkopri firxa wiesgħa ta’ aġir ta’ grad ta’ serjetà varjabbli. Issa, skont il-Kummissjoni, huwa neċessarju li l-awtorità jew il-qorti nazzjonali kompetenti li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja tkun tista’ teżamina, fuq il-bażi ta’ kriterji oħra minbarra dak tal-piena inflitta, jekk il-ksur imwettaq mill-applikant, li barra minn hekk jissodisfa l-kriterji sabiex jikseb l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, huwiex ta’ tali gravità li għandu jwassal għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

    55

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk il-kriterju tal-piena inflitta skont il-leġiżlazzjoni kriminali tal-Istat Membru kkonċernat għandu importanza partikolari sabiex tiġi evalwata s-serjetà tad-delitt li jiġġustifika l-esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja skont l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tinvoka l-kawża ta’ esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni biss wara li, għal kull każ individwali, tkun għamlet evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li hija taf bihom sabiex tiddetermina jekk hemmx raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li l-atti mwettqa mill-persuna kkonċernata, li barra minn hekk tissodisfa l-kriterji sabiex tikseb l-istatus ta’ refuġjat, jaqgħu taħt din il-kawża ta’ esklużjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 87, u tal‑31 ta’ Jannar 2017, Lounani, C‑573/14, EU:C:2017:71, punt 72).

    56

    Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mir-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) għax-xhar ta’ Jannar 2016, bit-titolu “Esklużjoni: Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva ta’ Klassifikazzjoni (2011/95/UE)” li jirrakkomanda, fil-punt 3.2.2 dwar l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, li s-serjetà tad-delitt li jista’ jeskludi persuna mill-protezzjoni sussidjarja għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ diversi kriterji bħal, b’mod partikolari, in-natura tal-att inkwistjoni, id-dannu kkawżat, il-forma ta’ proċedura użata sabiex jinbdew proċeduri, in-natura tal-piena inflitta u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-biċċa l-kbira tal-qrati jqisu wkoll l-att inkwistjoni bħala delitt serju. L-EASO jirreferi, f’dan ir-rigward, għal ċerti deċiżjonijiet meħuda mill-qrati supremi tal-Istati Membri.

    57

    Barra minn hekk rakkomandazzjonijiet simili jinsabu fil-Linji Gwida dwar il-Proċeduri u l-Kriterji li Għandhom Jiġu Applikati Sabiex Jiġi Ddeterminat l-Istatus ta’ Refuġjat fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-1951 u tal-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati (il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), 1992, punti 155 sa 157).

    58

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha l-applikant għal protezzjoni sussidjarja huwa meqjus li “[kkommetta] delitt serju” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jista’ jeskludih mill-eleġibbiltà għal din il-protezzjoni, abbażi biss tal-piena inflitta għal delitt partikolari skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru. Hija l-awtorità jew il-qorti nazzjonali kompetenti li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja li għandha tevalwa l-gravità tal-ksur inkwistjoni, billi twettaq eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali kkonċernat.

    Fuq l-ispejjeż

    59

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha l-applikant għal protezzjoni sussidjarja huwa meqjus li “[kkommetta] delitt serju” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jista’ jeskludih mill-eleġibbiltà għal din il-protezzjoni, abbażi biss tal-piena inflitta għal delitt partikolari skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru. Hija l-awtorità jew il-qorti nazzjonali kompetenti li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja li għandha tevalwa l-gravità tal-ksur inkwistjoni, billi twettaq eżami sħiħ taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali kkonċernat.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Top