EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0338

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018.
Virginie Marie Gabrielle Guigo vs Fond "Garantirani vzemania na rabotnitsite i sluzhitelite".
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Varhoven administrativen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Artikoli 3 u 4 – Teħid mill-istituzzjonijiet ta’ garanzija tal-krediti tal-impjegati – Limitazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija – Esklużjoni tal-pretensjonijiet maħluqa iktar minn tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja.
Kawża C-338/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:605

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Artikoli 3 u 4 – Teħid mill-istituzzjonijiet ta’ garanzija tal-krediti tal-impjegati – Limitazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija – Esklużjoni tal-pretensjonijiet maħluqa iktar minn tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja”

Fil-Kawża C‑338/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Virginie Marie Gabrielle Guigo

vs

Fond “Garantirani vzemania na rabotnitsite i sluzhitelite”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal V. M. G. Guigo, minn H. Hristev, advokat,

għall-Gvern Bulgaru, minn L. Zaharieva u E. Petranova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer kif ukoll minn Y. Marinova u P. Mihaylova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 151 u 153 TFUE, tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikoli 3, 4, 11 u 12 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008, L 283, p. 36), kif ukoll tal-prinċipji ta’ awtonomija proċedurali, ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Virginie Marie Gabrielle Guigo u l-Fond “Garantirani vzemania na rabotnitsite i sluzhitelite” (Fond “krediti garantiti tal-ħaddiema”, il-Bulgarija), fin-Natsionalen osiguritelen institut (Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali), il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“Fond ta’ Garanzija”), dwar rifjut li jiġi ggarantit il-ħlas ta’ pretensjonijiet mhux imħallsa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2008/94 ikkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE tal-20 ta’ Ottubru 1980 dwar it-taqrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 261), u ħassritha.

4

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/94:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1).”

5

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, suġġett għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti, ta’ ħaddiema, li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn previst mil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg.

Il-pretensjonijiet li tidħol għalihom l-istituzzjoni ta’ garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlas tal-paga relatati ma’ perijodu preċedenti ta’ żmien u/jew, skond il-każ applikabbli, wara data speċifikata stabbilita mill-Istati Membri.”

6

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija imsemmija fl-Artikolu 3.

2.   Jekk l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perijodu ta’ żmien li għalih għandhom jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Madankollu, dan ma jistax ikun iqsar minn perijodu ta’ żmien li jkopri r-rimunerazzjoni ta’ l-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ impjieg qabel u/jew wara d-data msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 3.

L-Istati Membri jistgħu jinkludu dan il-perijodu minimu ta’ tliet xhur f’perijodu ta’ żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn sitt xhur.

L-Istati Membri li jkollhom perijodu ta’ żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn 18-il xahar jistgħu jillimitaw il-perijodu li għalih jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni ta’ garanzija għal tmien ġimgħat. F’dan il-każ, dawk il-perijodi ta’ żmien li jkunu l-aktar favorevoli għall-impjegat għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-perijodu minimu ta’ żmien.

3.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti massimi rigward il-ħlasijiet magħmula mill-istituzzjoni ta’ garanzija. Dawn il-limiti massimi m’għandhomx jaqgħu taħt livell li jkun soċjalment kompatibbli ma’ l-għan soċjali ta’ din id-Direttiva.

Jekk l-Istati Membri jeżerċitaw din il-għażla, għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-metodi użati sabiex jiġi stabbilit il-limitu massimu.”

7

L-Artikolu 12 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri:

a)

li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-abbuż

b)

li jirrifjutaw jew inaqqsu r-responsabbiltà msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 jew l-obbligu ta’ garanzija msemmi fl-Artikolu 7 jekk ikun jidher inġustifikat it-twettiq ta’ l-obbligu minħabba l-eżistenza ta’ konnessjonijiet speċjali bejn l-impjegat u min iħaddem u minħabba interessi komuni li jirriżultaw minn kollużjoni bejniethom;

ċ)

li jirrifjutaw jew inaqqsu r-responsabbiltà imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 jew l-obbligu ta’ garanzija previst fl-Artikolu 7 fil-każijiet fejn l-impjegat, f’ismu jew f’isimha jew flimkien ma’ qraba viċini, kien proprjetarju ta’ parti essenzjali ta’ l-impriża jew tan-negozju ta’ min iħaddem u kellu influwenza konsiderevoli fuq l-attivitajiet tagħha.”

Id-dritt Bulgaru

8

Skont l-Artikolu 4(1) taz-Zakon za garantiranite vzemania na rabotnitsite i sluzhitelite pri nesastoyatelnost na rabotodatelia (il-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati”):

“Il-ħaddiema li kellhom jew li għandhom relazzjoni ta’ impjieg ma’ min iħaddem imsemmi fl-Artikolu 2 jistgħu jkunu eliġibbli għal krediti garanti fis-sens ta’ din il-liġi, ikunu xi jkunu, jew kienu x’kienu, it-tul u l-ħinijiet ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol, sakemm din:

1.

ma kinitx waqfet fid-data ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 6;

2.

tkun waqfet matul l-aħħar tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 6.”

9

L-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Id-dritt għal krediti ggarantiti favur il-ħaddiema, imsemmi fl-Artikolu 4(1) għandu jkollu effett mid-data ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tad-deċiżjoni:

1.

ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja;

2.

ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja u għall-konstatazzjoni simultanja ta’ falliment;

3.

ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja, ta’ konstatazzjoni tal-waqfien tal-attivitajiet tal-impriża, ta’ dikjarazzjoni tal-falliment tad-debitur, u tal-interruzzjoni tal-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja minħabba nuqqas ta’ assi għall-finijiet tal-ħlas tal-ispejjeż.”

10

L-Artikolu 25 tal-liġi msemmija huwa fformulat kif ġej:

“Il-krediti garanti fis-sens ta’ din il-liġi għandhom jingħataw fuq il-bażi ta’ formola ta’ dikjarazzjoni mimlija skont il-mudell previst għal dan il-għan, mibgħuta mill-ħaddiem lill-fergħa lokali tal-Istitut Nazzjonali għas-Sigurtà Soċjali l-iktar viċin tas-sit tal-persuna li timpjega fi żmien xahrejn mid-data tar-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 6 jew mid-data li fiha l-ħaddiema ġew informati mill-persuna Bulgara li timpjega bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja skont il-liġi ta’ Stat ieħor.”

11

L-Artikolu 358 tal-Kodeks na truda (il-Kodiċi tal-impjieg) jipprovdi:

“1)   L-azzjonijiet dwar il-kunflitti fuq il-post tax-xogħol għandhom jitressqu fit-termini ta’ żmien li ġejjin:

[…]

3.

fi żmien tliet snin għall-kunflitti fuq il-post tax-xogħol l-oħra kollha.

2)   Il-perijodi msemmija fil-paragrafu preċedenti jibdew jiddekorru:

[…]

2.

għall-azzjonijiet l-oħra, mill-jum li fih id-dritt li huwa s-suġġett tar-rikors sar dovut jew mill-jum li fih l-eżekuzzjoni tiegħu saret possibbli. Fir-rigward ta’ djun ta’ flus, l-eżiġibbiltà hija preżunta mill-jum meta l-ħlas tad-dejn normalment kellu jitwettaq.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

V. M. G. Guigo ħadmet bejn id-29 ta’ Ġunju 2007 u l-14 ta’ Mejju 2012 għal Evrosilex OOD, kumpannija stabbilita f’Varna (il-Bulgarija).

13

B’sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2013, ir-Rayonen sad Varna (il-Qorti tad-Distrett ta’ Varna, il-Bulgarija) ikkundannat lil Evrosilex tħallas lil V. M. G. Guigo ċerti krediti li jikkorrispondi għar-remunerazzjoni netta ta’ leave li ttieħed f’Marzu, April u Mejju 2012, għar-remunerazzjoni tax-xogħol relatat max-xahar ta’ Mejju 2012 kif ukoll kumpens għal terminazzjoni tal-kuntratt mingħajr notifika minn qabel, kull waħda minn dawn it-talbiet miżjuda bl-interessi legali.

14

B’sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2013, l-Okrazhen sad Varna (il-Qorti Reġjonali ta’ Varna, il-Bulgarija) fetħet proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja fir-rigward ta’ Evrosilex u ppronunzjat il-falliment tagħha. Fl-istess jum, din id-deċiżjoni ġiet irreġistrata fir-reġistru kummerċjali.

15

Fit-3 ta’ Awwissu 2016, V. M. G. Guigo talbet lill-Fond ta’ Garanzija għall-ħlas tal-krediti li jikkorrispondu għar-remunerazzjonijiet mhux imħallsa minn Evrosilex. Din it-talba kienet ibbażata fuq il-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati, fuq is-sentenza tar-Rayonen sad Varna (il-Qorti Distrettwali ta’ Varna) tas-26 ta’ Ġunju 2013, kif ukoll fuq il-mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ abbażi ta’ din is-sentenza. Peress li l-Fond ta’ Garanzija ma rrispondiex fit-terminu legali, V. M. G. Guigo kkontesta dan ir-rifjut impliċitu quddiem l-Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija).

16

Finalment, il-Fond ta’ Garanzija, b’deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2016, ċaħad espliċitament it-talba ta’ V. M. G. Guigo abbażi tal-punt 2 tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 25 tal-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati. V. M. G. Guigo ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna).

17

Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2016, din il-qorti ċaħdet iż-żewġ rikorsi ta’ V. M. G. Guigo billi kkunsidrat, minn naħa, li l-kundizzjonijiet relatati mat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol, stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tal-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati, ma kinux issodisfatti u, min-naħa l-oħra, li mis-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Mustafa (C‑247/12, EU:C:2013:256), kien jirriżulta li, skont id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu perijodu ta’ tliet xhur, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma jillimitaw indebitament il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/94.

18

V. M. G. Guigo ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju.

19

Din il-qorti tirrileva li l-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 4(1) tal-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati għandux l-effett li jneħħi l-effett sħiħ tal-Artikoli 151 u 153 TFUE kif ukoll l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2008/94, sa fejn din id-dispożizzjoni nazzjonali tista’ titqies li tipprekludi li ħaddiem impjegat li għandu krediti ggarantiti jkun jista’ jibbenefika minn protezzjoni minima.

20

Din tistaqsi, b’mod partikolari, jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni, bħall-Artikolu 4(1) tal-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati, li teskludi mill-benefiċċju tal-protezzjoni minima tal-pretensjonijiet, meta min iħaddem ikun ġie ddikjarat fallut, lil dawk il-krediti li jirriżultaw minn relazzjoni ta’ xogħol li waqfet teżisti għal iktar minn tliet xhur, u dan b’mod awtomatiku u assolut. Il-qorti tar-rinviju tosserva li d-Direttiva 2008/94 ma tipprevedix il-possibbiltà ta’ restrizzjoni tal-kategorija tal-persuni li għandhom il-kwalità ta’ ħaddiema impjegati u li għandhom pretensjonijiet mhux imħallsa kontra l-persuna li timpjega li tkun falluta, ħlief għall-kategorija speċifika tal-persuni esklużi mill-protezzjoni skont il-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva.

21

Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk it-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 25 tal-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati għall-preżentazzjoni ta’ talba għall-pagament ta’ krediti ggarantiti, li jibda jiddekorri mid-data tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja, jiżgurax livell suffiċjenti ta’ protezzjoni tal-impjegati u jekk dan it-terminu jirrestrinġix eċċessivament l-eżerċizzju tad-drittijiet li dawn il-ħaddiema jisiltu mid-Direttiva 2008/94. Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li l-Kodiċi tal-impjieg jipprevedi terminu ta’ tliet snin għall-preżentata ta’ azzjoni għall-ħlas tal-pretensjonijiet, li jibda jiddekorri mid-data li fiha d-dejn kellu jitħallas mill-persuna li timpjega, u li, għalkemm dawn iż-żewġ liġijiet nazzjonali jirregolaw sitwazzjonijiet differenti min-natura tagħhom, madankollu jsegwu għan komuni, jiġifieri l-protezzjoni tal-pretensjonijiet tal-impjegati.

22

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 25 tal-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati mal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2008/94 kif ukoll mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività, minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni hija applikabbli b’mod awtomatiku u mingħajr l-ebda possibbiltà li jiġu evalwati d-dettalji ta’ kull każ.

23

Finalment, il-qorti tar-rinviju tispjega li għandha dubji rigward il-kompatibbiltà mal-Artikolu 20 tal-Karta tad-differenza fit-trattament li huma suġġetti għaliha impjegati li huma intitolati għall-protezzjoni tal-krediti mhux imħallsa tagħhom, skont jekk japplikax il-punt 3 tal-Artikolu 358(1) tal-Kodiċi tal-impjieg jew l-Artikolu 4(1) tal-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati, u skont jekk il-persuna li timpjega tkunx insolventi jew le.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 151 u 153 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 3, 4, 11 u 12 tad-Direttiva [2008/94] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu dispożizzjoni nazzjonali, bħalma hija l-Artikolu 4(1) [tal-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati], li tipprovdi li huma esklużi mill-protezzjoni ta’ pretensjonijiet pendenti marbuta mal-impjieg dawk il-persuni li r-relazzjonijiet ta’ impjieg tagħhom ikunu ntemmu qabel il-perijodu stabbilit ta’ tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward tal-assi tal-persuna li timpjega?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: Il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-għanijiet soċjali tal-Artikoli 151 u 153 TFUE u tad-Direttiva 2008/94, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jitqies li hija konformi miżura nazzjonali, bħall-Artikolu 25 [tal-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati], li tipprovdi li mal-iskadenza ta’ terminu ta’ xahrejn mid-data tar-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jintemm kemm id-dritt li jsiru u kemm id-dritt li jkunu mħallsa pretensjonijiet iggarantiti, sa fejn fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru teżisti dispożizzjoni, bħat-tielet punt tal-Artikolu 358(1) tal-[kodiċi tal-impjieg], li tipprovdi li t-terminu sabiex isiru pretensjonijiet pendenti fil-qasam tal-impjieg huwa ta’ tliet snin, ikkalkolat mid-data li fiha l-pretensjoni kien imissha tħallset, u li l-ħlasijiet li jsiru lil hinn minn dan it-terminu ma jiġux ikkunsidrati li huma ħlasijiet li ma kinux dovuti?

3)

L-Artikolu 20 tal-[Karta] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, ħaddiema u impjegati li jkollhom pretensjonijiet pendenti u li r-relazzjonijiet legali tagħhom intemmu qabel it-terminu stabbilit ta’ tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, u dawk li r-relazzjonijiet legali tagħhom intemmu matul it-terminu stabbilit ta’ tliet xhur, u, min-naħa l-oħra, bejn tali ħaddiema u impjegati u dawk li huma intitolati għal protezzjoni fir-rigward tal-pretensjonijiet pendenti tagħhom minħabba li r-relazzjonijiet legali ta’ impjieg tagħhom intemmu fit-terminu ta’ tliet snin mid-data li fiha l-pretensjoni kien imissha tħallset, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 358[(1)] tal-[kodiċi tal-impjieġ]?

4)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/94, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tagħha u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti dispożizzjoni, bħall-Artikolu 25 [tal-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati], li tipprovdi li, b’mod awtomatiku u mingħajr il-possibbiltà ta’ eżami każ b’każ taċ-ċirkustanzi rilevanti, mal-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn mid-data tar-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, jintemm kemm id-dritt li jsiru u kemm id-dritt li jkunu mħallsa pretensjonijiet iggarantiti fil-qasam tal-impjieg?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn id-Direttiva 2008/94 hija bbażata fuq l-Artikolu 137(2) KE, li sar l-Artikolu 153 TFUE, u ġiet adottata bil-għan li jitwettqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 151 TFUE, hija biss l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li hija neċessarja sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda.

26

Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/94 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 4(1) tal-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati, li ma tiggarantixxix il-pretensjonijiet salarjali tal-ħaddiema impjegati li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tkun spiċċat iktar minn tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja tal-persuna li timpjegahom.

27

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/94, din tapplika għall-pretensjonijiet tal-ħaddiema impjegati li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol jew mir-relazzjonijiet ta’ xogħol u li jeżistu fil-konfront ta’ persuni li jimpjegaw li jinsabu fi stat ta’ insolvenza.

28

Skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan soċjali ta’ din id-direttiva huwa dak li jiġi ggarantit lill-impjegati kollha minimu ta’ protezzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega permezz tal-ħlas tal-pretensjonijiet mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u li jinvolvu r-remunerazzjoni li tirrigwarda perijodu ddeterminat (sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2013, Gomes Viana Novo et, C‑309/12, EU:C:2013:774, punt 20, kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner, C‑496/15, EU:C:2017:152, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Huwa għal dan il-għan li l-Artikolu 3 tad-direttiva msemmija jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-istituzzjonijiet ta’ garanzija nazzjonali jiżguraw il-ħlas tal-pretensjonijiet mhux imħallsa tal-ħaddiema impjegati.

30

Madankollu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, id-Direttiva 2008/94 tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jillimitaw l-obbligu ta’ ħlas permezz tal-iffissar ta’ perijodu ta’ referenza jew ta’ perijodu ta’ garanzija u/jew l-istabbiliment ta’ limiti għall-ħlasijiet (ara, b’analoġija mad-Direttiva 80/987, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Gomes Viana Novo et, C‑309/12, EU:C:2013:774, punt 22, kif ukoll id-digriet tal-10 ta’ April 2014, Macedo Maia et, C‑511/12, mhux ippubblikat, EU:C:2014:268, punt 21).

31

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/94 dwar il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jillimitaw il-garanzija tagħhom juru li s-sistema stabbilita bid-direttiva msemmija tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Gomes Viana Novo et, C‑309/12, EU:C:2013:774, punt 29, kif ukoll id-digriet tal-10 ta’ April 2014, Macedo Maia et, C‑511/12, mhux ippubblikat, EU:C:2014:268, punt 21).

32

B’hekk, minn naħa, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 jipprovdi li l-pretensjonijiet li l-kontroll tagħhom jittieħed mill-istituzzjoni ta’ garanzija għandhom ikunu r-remunerazzjonijiet mhux imħallsa li jikkorrispondu ma’ perijodu li jinsab qabel u/jew, jekk ikun il-każ, wara data ddeterminata mill-Istati Membri.

33

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/94, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jillimitaw l-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija msemmi fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Skont l-Artikolu 4(2) tad-direttiva msemmija, meta l-Istati Membri jagħmlu użu minn tali possibbiltà, dawn għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perijodu li jagħti lok għall-ħlas tal-pretensjonijiet mhux imħallsa mill-istituzzjoni ta’ garanzija, fejn madankollu dan il-perijodu ma jistax ikun inqas minn perijodu li jkopri r-remunerazzjoni tal-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ impjieg li jkun jinsab qabel u/jew wara d-data msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu wkoll lill-Istati Membri l-possibbiltà li jinkludu dan il-perijodu minimu ta’ tliet xhur f’perijodu ta’ referenza ta’ mhux inqas minn sitt xhur, kif ukoll jipprovdu garanzija minima limitata għal tmien ġimgħat, bil-kundizzjoni li dan il-perijodu ta’ tmien ġimgħat ikun inkluż f’perijodu ta’ referenza itwal, ta’ mill-inqas tmintax-il xahar (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Gomes Viana Novo et, C‑309/12, EU:C:2013:774, punt 26).

34

Għandu jiġi rrilevat li l-każijiet li fihom huwa permess li jiġi limitat l-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija, kif previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/94, għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 2011, van Ardennen, C‑435/10, EU:C:2011:751, punt 34, kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 2013, Gomes Viana Novo et, C‑309/12, EU:C:2013:774, punt 31). Madankollu, tali interpretazzjoni restrittiva ma jistax ikollha bħala effett li tirrendi irrilevanti l-possibbiltà espliċitament irriżervata lill-Istati Membri li jillimitaw l-imsemmi obbligu ta’ ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Gomes Viana Novo et, C‑309/12, EU:C:2013:774, punt 32).

35

F’dan il-każ, huwa skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/94 li l-Artikolu 6 tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-pretensjonijiet tal-impjegati ffissa bħala d-data ta’ referenza dik li fiha d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ. Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-Repubblika tal-Bulgarija għamlet użu mill-fakultà prevista fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva li tistabbilixxi perijodu ta’ referenza, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

36

Issa, skont l-Artikolu 4(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-direttiva msemmija, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni ta’ garanzija, fil-każ fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tkun waqfet qabel din id-data ta’ referenza, billi tali protezzjoni tingħata biss lil persuni impjegati li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tkun spiċċat matul l-aħħar tliet xhur qabel dik id-data, kif previst fl-Artikolu 4(1) tal-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati. Fil-fatt, l-esklużjoni tal-ħaddiema impjegati li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom spiċċat qabel dan il-perijodu ma tippreġudikax il-protezzjoni minima prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/94, peress li dawn il-ħaddiema ma għandhomx, fir-rigward tal-persuna li timpjega insolventi, pretensjonijiet mhux imħallsa li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ impjieg tagħhom jew minn relazzjoni ta’ impjieg li nħolqu matul l-aħħar tliet xhur qabel l-imsemmija data ta’ referenza.

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2008/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 4(1) tal-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati, li ma tiggarantixxix il-pretensjonijiet salarjali tal-ħaddiema impjegati li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tkun spiċċat iktar minn tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja tal-persuna li timpjegahom.

Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda

38

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 4(1) taz-Zakon za garantiranite vzemania na rabotnitsite i sluzhitelite pri nesastoyatelnost na rabotodatelia (il-liġi dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom), li ma tiggarantixxix il-pretensjonijiet salarjali tal-ħaddiema impjegati li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tkun spiċċat iktar minn tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ġudizzjarja tal-persuna li timpjegahom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top