EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0330

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-15 ta’ Novembru 2018.
Verbraucherzentrale Baden-Württemberg e.V. vs Germanwings GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1008/2008 – Il‑punt 18 tal-Artikolu 2 – Artikolu 23(1) – Trasport – Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-Unjoni Ewropea – Informazzjoni – Indikazzjoni tal-prezz finali li għandu jitħallas – Inklużjoni tan-noll tal-ajru fil-prezz finali li għandu jitħallas – Obbligu li n-nollijiet tal-ajru jiġu indikati f’euro jew f’valuta nazzjonali – Għażla tal-valuta nazzjonali rilevanti – Kriterji ta’ konnessjoni.
Kawża C-330/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:916

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1008/2008 – Il‑punt 18 tal-Artikolu 2 – Artikolu 23(1) – Trasport – Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-Unjoni Ewropea – Informazzjoni – Indikazzjoni tal-prezz finali li għandu jitħallas – Inklużjoni tan-noll tal-ajru fil-prezz finali li għandu jitħallas – Obbligu li n-nollijiet tal-ajru jiġu indikati f’euro jew f’valuta nazzjonali – Għażla tal-valuta nazzjonali rilevanti – Kriterji ta’ konnessjoni”

Fil-Kawża C‑330/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Verbraucherzentrale Baden-Württemberg eV

vs

Germanwings GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, F. Biltgen (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Verbraucherzentrale Baden-Württemberg eV, minn B. Stillner, Rechtsanwalt,

għal Germanwings GmbH, minn P. Baukelmann u N. Tretter, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 18 tal-Artikolu 2, u tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Germanwings GmbH u Verbraucherzentrale Baden-Württemberg eV (l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi tal-Land ta’ Bade-Württemberg, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Verbraucherzentrale”) dwar l-indikazzjoni, minn Germanwings, tan-nollijiet tal-ajru f’lira sterlina għal titjira bejn Londra (ir-Renju Unit) u Stuttgart (il-Ġermanja).

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1008/2008 hija redatta kif ġej:

“Il-klijenti għandhom ikunu jistgħu jqabblu b’mod effettiv il-prezzijiet għal servizzi ta’ l-ajru bejn linja ta’ l-ajru u oħra. Għalhekk, għandu dejjem ikun indikat il-prezz finali li jrid jitħallas mill-klijent għal servizzi ta’ l-ajru li joriġinaw fil-Komunità, inklużi t-taxxi, l-ħlasijiet u d-drittijiet kollha. It-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji huma mħeġġin ukoll jindikaw il-prezz finali għas-servizzi ta’ l-ajru tagħhom minn pajjiżi terzi lejn il-Komunità.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“Dan ir-Regolament jirregola l-liċenzjar tat-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji, id-dritt tat-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji li joperaw servizzi ta’ l-ajru intra‑Komunitarji, u l-ipprezzar tas-servizzi ta’ l-ajru intra-Komunitarji.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi b’mod partikolari:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

[…]

18)

‘nollijiet ta’ l-ajru’ tfisser il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali li jkollhom jitħallsu lit-trasportaturi ta’ l-ajru jew lill-aġenti tagħhom jew lil bejjiegħa oħra tal-biljetti għat-trasport ta’ passiġġieri fuq servizzi ta’ l-ajru u kwalunkwe kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra”.

6

L-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-libertà ta’ l-ipprezzar”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(1), it-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji u abbażi ta’ reċiproċità, it-trasportaturi ta’ l-ajru ta’ pajjiżi terżi, għandhom jistabbilixxu [b’mod liberu n-]nollijiet ta’ l-ajru u rati ta’ l-ajru għal servizzi ta’ l-ajru intra-Komunitarji.”

7

L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1008/2008, intitolat “Informazzjoni u non‑diskriminazzjoni”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“In-nollijiet ta’ l-ajru u r-rati ta’ l-ajru disponibbli għall-pubbliku in ġenerali għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet applikabbli meta offruti jew pubblikati taħt kull forma, anke fuq l-Internet, għal servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għaliħ japplika t-Trattat. Il-prezz finali li għandu jitħallas għandu jkun indikat dejjem u għandu jinkludi n-noll jew ir-rata ta’ l-ajru applikabbli kif ukoll it-taxxi kollha applikabbli, u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u l-drittijiet li ma jistgħux jiġu evitati u li jkunu prevedibbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni. Minbarra l-indikazzjoni tal-prezz finali, għandu jkun speċifikat għall-inqas dan li ġej:

(a)

in-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru;

(b)

it-taxxi;

(ċ)

il-ħlasijiet ta’ l-ajruport; u

(d)

ħlasijiet, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet oħrajn, bħal dawk marbutin mas-sigurtà jew il-karburant;

fejn il-punti elenkati taħt (b), (c) u (d) jkunu żdiedu man-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru. Is-supplimenti tal-prezz fakultattivi għandhom jiġu komunikati b’mod ċar, trasparenti u mingħajr ambigwità fil-bidu ta’ kull proċess ta’ prenotazzjoni u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-klijent għandha tkun fuq bażi ‘opt-in’.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Germanwings GmbH hija trasportatur bl-ajru stabbilit fil-Ġermanja.

9

Fil-bidu tax-xahar ta’ Settembru 2014, klijent li kien jinsab fil-Ġermanja xtara, minn fuq il-paġna tal-internet “www.germanwings.de” operata minn Germanwings, titjira bejn Londra u Stuttgart.

10

Fuq din il-paġna, in-noll ta’ din it-titjira kien indikat biss f’lira sterlina. Barra minn hekk, wara l-prenotazzjoni tal-imsemmija titjira, il-klijent irċieva fattura li kienet tindika dan in-noll u spejjeż oħrajn f’lira sterlina.

11

Peress li qieset li din il-prattika kienet tikkostitwixxi aġir żleali u li t-tariffi kellhom jiġu indikati f’euro, il-Verbraucherzentrale, li ġiet informata mill-imsemmi klijent, ressqet azzjoni għal inġunzjoni ta’ din il-prattika kontra Germanwings quddiem il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja), li din tal-aħħar laqgħet.

12

Germanwings appellat mid-deċiżjoni mogħtija minn din il-qorti quddiem l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Köln, il-Ġermanja), li ntlaqa’ għar-raġuni li r-Regolament Nru 1008/2008 ma jipprojbixxix lit-trasportaturi bl-ajru milli jindikaw in-noll tal-ajru f’valuta li ma hijiex l-euro.

13

Adita minn appell għal “Reviżjoni” mis-sentenza mogħtija fl-appell, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) u tal-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1008/2008.

14

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-punt ta’ jekk l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li, għat-titjiriet intra‑Komunitarji, in-nollijiet tal-ajru, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni f’euro, għandhom jiġu espressi f’valuta nazzjonali partikolari, jew jekk it-trasportaturi bl-ajru humiex liberi jagħżlu l-valuta nazzjonali rilevanti f’dan ir-rigward.

15

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-teżi li skontha t-trasportaturi bl-ajru huma liberi jindikaw in-nollijiet tal-ajru fil-valuta nazzjonali tal-għażla tagħhom hija, a priori, ikkorroborata, minn naħa, mill-assenza ta’ obbligu li n-nollijiet tal-ajru jiġu indikati f’valuta partikolari, riżultanti espressament mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, u, min-naħa l-oħra, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi li bħala prinċipju t-trasportaturi bl-ajru jistabbilixxu b’mod liberu t-tariffi tagħhom għas-servizzi tal-ajru intra-Komunitarji. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-għan tar-Regolament Nru 1008/2008, li, konformement mal-premessa 16 tiegħu, huwa li jippermetti lill-klijenti jqabblu b’mod effettiv il-prezzijiet tas-servizzi tal-ajru pprattikati minn kumpanniji tal-ajru differenti, ikun kompromess li kieku t-trasportaturi bl-ajru kellhom jingħataw tali marġni ta’ diskrezzjoni.

16

Fit-tieni lok, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha titwassal sabiex tqis li, fin-nuqqas ta’ espressjoni f’euro, in-nollijiet tal-ajru għandhom jiġu indikati f’valuta nazzjonali ddeterminata minn qabel, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “valuta nazzjonali” li jinsab fil-punt 18 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari meta t-trasportatur bl-ajru li jkollu s-sede tiegħu fi Stat Membru joffri titjira fuq l-internet lil klijent u meta l-post tat-tluq ta’ din it-titjira jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li l-munita tiegħu ma hijiex l-euro.

17

Skont il-qorti tar-rinviju jeżistu diversi valuti nazzjonali li jistgħu jkunu rilevanti f’dan ir-rigward, jiġifieri l-munita li għandha valuta legali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu t-trasportatur bl-ajru huwa stabbilit, dik li għandha valuta legali fl-Istat Membru fejn jinsab il-klijent, dik li għaliha jirreferi d-“domain tal-ogħla livell tal-paġna tal-Internet li fuqha tinsab ippubblikata l-offerta tat-trasport bl-ajru” jew inkella l-munita li għandha valuta legali fl-Istat Membru tal-post ta’ tluq tat-titjira kkonċernata.

18

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-għażla tal-munita li għandha valuta legali fl-Istat Membru tal-post ta’ tluq tat-titjira kkonċernata hija l-iktar waħda li tikkonforma mal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1008/2008. Barra minn hekk hija tirrileva li t-trasportaturi bl-ajru għandhom il-prassi li jużaw din il-valuta. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni f’dan ir-rigward.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

In-nollijiet tal-ajru għas-servizzi tal-ajru intra-Komunitarji li għandhom jiġu speċifikati skont it-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, għandhom jiġu indikati f’valuta partikolari, sa fejn dawn ma humiex espressi f’euro?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermettiv għall-ewwel domanda:

F’liema valuta nazzjonali jistgħu n-nollijiet imsemmija fl-Artikolu 2(18) u fit-tieni u fit-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jiġu indikati, meta trasportatur tal-ajru stabbilit fi Stat Membru (f’dan il-każ il-Ġermanja) jippromwovi u joffri lil konsumatur fuq l-internet servizz tal-ajru li l-post ta’ tluq tiegħu jinsab fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ ir-Renju Unit)?

Il-fatt li, f’dan il-kuntest, it-trasportatur tal-ajru juża għall-offerta indirizz tal-internet b’domain tal-ogħla livell speċifiku għal pajjiż (www.germanwings.de fil-każ ineżami), li jirreferi għall-Istat Membru tas-sede tiegħu, u li l-konsumatur ikun jinsab f’dan l-Istat Membru huwa determinanti?

Huwa sinjifikattiv il-fatt li t-trasportaturi tal-ajru kollha jew il-maġġoranza kbira ħafna tagħhom jindikaw in-nollijiet inkwistjoni fil-valuta nazzjonali fis-seħħ fil-post tat-tluq?”

Fuq id-domandi preliminari

20

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, moqri flimkien mal-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li, waqt l-indikazzjoni tan-nollijiet tal-ajru għas-servizzi tal-ajru intra-Komunitarji, it-trasportaturi bl-ajru li ma jesprimux dawn it-tariffi f’euros jistgħu jindikawhom fi kwalunkwe valuta nazzjonali tal-għażla tagħhom. Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn trasportatur bl-ajru stabbilit fi Stat Membru li għandu l-euro bħala munita joffri fuq l-internet servizz tal-ajru li għalih il-post ta’ tluq tat-titjira kkonċernata jkun jinsab fi Stat Membru ieħor li l-munita tiegħu ma hijiex l-euro, in-nollijiet tal-ajru jistgħux, jekk ma jiġux espressi f’euros, jiġu indikati fil-munita li għandha valuta legali f’dan l-aħħar Stat Membru.

21

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprovdi li, meta jkunu qed joffru servizzi bl-ajru bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, it-trasportaturi bl-ajru huma obbligati jispeċifikaw, f’kull mument, il-prezz finali li għandu jitħallas, li jinkludi, b’mod partikolari, in-noll tal-ajru. Min-naħa l-oħra, il-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “nollijiet tal-ajru” bħala l-prezzijiet li għandhom jitħallsu lit-trasportaturi bl-ajru, lill-aġenti tagħhom jew lil bejjiegħa oħra ta’ biljetti għat-trasport tal-passiġġieri fuq servizzi tal-ajru u l-kundizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lis-servizzi awżiljarji l-oħra, jippreċiża li dawn il-prezzijiet għandhom jiġu espressi “f’euro jew f’muniti lokali”.

22

Madankollu, il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tinkludi ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-valuta nazzjonali li fiha għandhom ikunu indikati, mit-trasportaturi bl-ajru, in-nollijiet tal-ajru meta dawn it-trasportaturi ma jesprimuhomx f’euro.

23

F’dan il-kuntest għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti, kif ukoll l-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2018, E LATS, C‑154/17, EU:C:2018:560, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, moqri flimkien mal-punt 18 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, kemm mit-titolu ta’ din l-ewwel dispożizzjoni kif ukoll mill-kontenut tagħha jirriżulta b’mod ċar li hija intiża tiggarantixxi, b’mod partikolari, l-informazzjoni u t-trasparenza tal-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru u li għaldaqstant tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-klijent li jagħmel użu minn dawn is-servizzi (sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Air Berlin, C‑290/16, EU:C:2017:523, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, din it-trasparenza tal-prezzijiet tippermetti li tiġi żgurata kompetizzjoni iktar sana fost it-trasportaturi bl-ajru peress li din tevita, b’mod partikolari, li ċerti trasportaturi bl-ajru joffru prezz mhux komplut fil-bidu tat-tranżazzjoni u jżidu diversi supplimenti tal-prezz eżatt qabel it-tmiem tagħha.

26

Barra minn hekk, il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1008/2008 tistipula li l-klijenti għandhom ikunu jistgħu jqabblu effettivament il-prezzijiet tas-servizzi tal-ajru pprattikati minn diversi kumpanniji tal-ajru u li, għaldaqstant, il-prezz finali li għandu jitħallas mill-klijent għal servizzi bl-ajru bi tluq minn ajruport li jinsab fit-territorju tal-Unjoni Ewropea għandu dejjem jiġi indikat inklużi t-taxxi, il-ħlasijiet u d-drittijiet kollha.

27

Minn dan isegwi li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, moqri flimkien mal-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament u fid-dawl tal-premessa 16 tiegħu, għandu l-għan li jiżgura trasparenza fil-prezzijiet li tikkonsisti fl-obbligu li l-elementi kollha tal-prezz finali li għandu jitħallas, inkluż in-noll tal-ajru, għandhom ikunu indikati b’mod li tiġi ggarantita mhux biss kompetizzjoni iktar sana bejn it-trasportaturi bl-ajru, iżda wkoll il-possibbiltà għall-klijent li jqabbel, fi kwalunkwe ħin, effettivament u kompletament, il-prezzijiet offruti mid-diversi trasportaturi bl-ajru għall-istess servizz. B’hekk, ir-Regolament Nru 1008/2008 huwa intiż li jiżgura li jkun possibbli għall-klijent li jevalwa n-natura iktar jew inqas għolja tal-prezz finali li għandu jitħallas, kif offrut mid-diversi traportaturi bl-ajru għall-istess servizz.

28

Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-għan ta’ tqabbil effettiv tal-prezzijiet ikun kompromess jekk l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, moqri flimkien mal-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, kellu jiġi interpretat fis-sens li l-għażla, disponibbli għat-trasportaturi bl-ajru biex jiddeterminaw il-valuta li fiha huma jindikaw in-nollijiet tal-ajru għas-servizzi bl-ajru intra-Komunitarji, ma hija rregolata bl-ebda mod.

29

Fil-fatt, tali interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li tippermetti, jekk ikun il-każ, lid-diversi trasportaturi bl-ajru jindikaw, għall-istess servizz, in-nollijiet tal-ajru f’valuti differenti, mingħajr ma dawn ikollhom rabta mas-servizz offrut jew mal-klijent. Din is-sitwazzjoni mhux biss tkun ta’ natura li twassal lil dan tal-aħħar biex iwettaq żball rigward il-prezzijiet realment ipprattikati, iżda barra minn hekk tagħmilha iktar diffiċli għalih li jwettaq it-tqabbil effettiv tal-prezzijiet offruti mid-diversi trasportaturi bl-ajru.

30

Fir-rigward tal-ġenesi tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jitfakkar li l-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1008/2008 ssostitwixxa l-Artikolu 2(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2409/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar nollijiet u rati għal servizzi ta’ l-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 427), li kien jagħmel riferiment għal “prezzijiet espressi f’ecu jew f’muniti lokali”.

31

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-ecu ma kinitx valuta nazzjonali, iżda standard komuni li l-użu tiegħu kien iservi biss sabiex jippermetti, b’mod ġenerali, tqabbil aħjar tal-prezzijiet, b’tali mod li l-indikazzjoni, mit-trasportaturi bl-ajru, tan-nollijiet tal-ajru f’ecu kienet tippermetti li jiġi ffaċilitat it-tqabbil tal-prezzijiet mill-klijenti kkonċernati.

32

Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni bidel “ecu” b’“euro”, b’tali mod li l-punt 18 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1008/2008 issa jagħti l-għażla lit-trasportaturi bl-ajru li jindikaw in-nollijiet tal-ajru għas-servizzi tal-ajru intra-Komunitarji “f’euro jew f’muniti lokali”, xorta jibqa’ l-fatt li l-loġika sottostanti din id-dispożizzjoni baqgħet l-istess.

33

Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta espressament, minn naħa, mill-premessi 2 u 6 kif ukoll mill-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta’ l-Euro (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 81), u, min-naħa l-oħra, mill-premessa 2 u mill-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 111, rettifika fil-ĠU 2017, L 253, p. 41), li, mill-1 ta’ Jannar 1999, l-ecu ma baqax jindika l-unità tal-munita Ewropea u ġie ssostitwit bl-euro.

34

Għaldaqstant, l-euro għandu jitqies bħala valuta ta’ referenza, li l-użu tiegħu mit-trasportaturi bl-ajru sabiex jindikaw in-nollijiet tal-ajru huwa, bħalma kien fil-każ tal-ecu, ta’ natura li jiżgura tqabbil aħjar tal-prezzijiet, u dan peress li dan jikkostitwixxi l-valuta fis-seħħ f’19 mit-28 Stat Membru u jista’ għalhekk ikun magħruf minn numru kbir ta’ persuni.

35

F’dan il-kuntest ma jistax jiġi aċċettat li, billi jagħżlu li jesprimu n-nollijiet tal-ajru għas-servizzi tal-ajru intra-Komunitarji f’valuta li ma hijiex l-euro, it-trasportaturi bl-ajru jistgħu jagħmlu iktar diffiċli, u saħansitra impossibbli fil-prattika, it-tqabbil tal-prezzijiet mill-klijenti kkonċernati, taħt piena li l-għan ta’ tqabbil effettiv tal-prezzijiet imfittex mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jitqiegħed fundamentalment fid-dubju u, għaldaqstant, li din id-dispożizzjoni tiġi mċaħħda minn parti kbira mill-effettività tagħha.

36

F’dan ir-rigward wieħed għandu jżid li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali essenzjalment fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tqabbil effettiv tal-prezzijiet ikun iffaċilitat li kieku t-trasportaturi bl-ajru kellhom jindikaw in-nollijiet tal-ajru f’valuta nazzjonali li hija oġġettivament marbuta mas-servizz offrut.

37

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-post tat-tluq u l-post tal-wasla tat-titjira kkonċernata għandhom jitqiesu, fuq l-istess livell, bħala l-postijiet ta’ provvista prinċipali tas-servizzi tal-ajru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 68), għaliex dawn huma l-postijiet fejn it-twettiq tal-imsemmija servizzi jibda u jintemm, rispettivament.

38

Il-munita nazzjonali li jkollha valuta legali fl-Istat Membru fejn jinsab il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tat-titjira kkonċernata għandha, għalhekk, tiġi kkunsidrata li hija marbuta mill-qrib mas-servizz offrut.

39

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, moqri flimkien mal-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, waqt l-indikazzjoni tan-nollijiet tal-ajru għas-servizzi tal-ajru intra-Komunitarji, it-trasportaturi bl-ajru li ma jesprimux dawn in-nollijiet f’euros huma obbligati jagħżlu valuta nazzjonali oġġettivament marbuta mas-servizz offrut. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ tal-munita li għandha valuta legali fl-Istat Membru li fih jinsab il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tat-titjira kkonċernata.

40

B’hekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn trasportatur bl-ajru stabbilit fi Stat Membru fejn l-euro għandha l-valuta legali joffri, fuq l-internet, servizz tal-ajru fejn il-post tat-tluq tat-titjira kkonċernata jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, li fih hija munita oħra għajr l-euro li għandha valuta legali, in-nollijiet tal-ajru, jekk ma jiġux espressi f’euro, jistgħu jiġu indikati fil-munita li għandha valuta legali f’dan l-aħħar Stat Membru.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità, moqri flimkien mal-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, waqt l-indikazzjoni tan-nollijiet tal-ajru għas-servizzi tal-ajru intra-Komunitarji, it-trasportaturi bl-ajru li ma jesprimux dawn in-nollijiet f’euros huma obbligati jagħżlu valuta nazzjonali oġġettivament marbuta mas-servizz offrut. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ ta’ munita li għandha valuta legali fl-Istat Membru li fih jinsab il-post tat-tluq jew il-post tal-wasla tat-titjira kkonċernata.

 

B’hekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn trasportatur bl-ajru stabbilit fi Stat Membru fejn l-euro għandha valuta legali joffri, fuq l-internet, servizz tal-ajru fejn il-post tat-tluq tat-titjira kkonċernata jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, li fih hija munita oħra għajr l-euro li għandha valuta legali, in-nollijiet tal-ajru, jekk ma jiġux espressi f’euro, jistgħu jiġu indikati fil-munita li għandha valuta legali f’dan l-aħħar Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top