Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0296

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-14 ta’ Novembru 2018.
    Wiemer & Trachte GmbH vs Zhan Oved Tadzher.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru°1346/2000 – Artikolu 3(1) – Kompetenza internazzjonali – Azzjoni revokatorja – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza.
    Kawża C-296/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:902

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    14 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament (KE) Nru°1346/2000 – Artikolu 3(1) – Kompetenza internazzjonali – Azzjoni revokatorja – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza”

    Fil-Kawża C‑296/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

    Wiemer & Trachte GmbH, fi stralċ

    vs

    Zhan Oved Tadzher,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn T. Von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe (Relatur), C. Lycourgos, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Wiemer & Trachte GmbH, minn A. Ganev, S. Simeonov u V. Bozhilov, advokati,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin kif ukoll minn G. Koleva u M. Heller, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1), tal-Artikolu 18(2) kif ukoll tal-Artikoli 21 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Wiemer & Trachte GmbH, kumpannija fi stralċ (iktar ’il quddiem “Wiemer & Trachte”) u Zhan Oved Tadzher dwar ir-rimbors minn dan tal-aħħar ta’ somma ta’ flus li ġiet ittrasferita lilu minn kont bankarju ta’ Wiemer & Trachte mingħajr approvazzjoni tal-likwidatur temporanju.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 1346/2000

    3

    Il-premessi 2 u 6 sa 8 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdu:

    “(2)

    Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ illi l-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] trans-fruntieri joperaw b’effiċjenza u b’effettività u dan ir-Regolament għandu jiġi adottat sabiex jintlaħaq dan il-għan li jaqa’ taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili fil-qofol tat-tifsira tal-Artikolu 65 tat-Trattat [KE].

    […]

    (6)

    Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jkun fih dispożizzjonijiet rigward l-għarfien ta’ dawk il-ġudizzji u rigward il-liġi applikabbli li tissodisfa wkoll dak il-prinċipju.

    (7)

    Proċedimenti ta’ falliment li huma marbuta ma’ l-egħluq ta’ kumpannija jew ta’ persuni ġuridiċi oħrajn falluti, arranġamenti ġudizzjarji, komposizzjonijiet u proċedimenti analogi huma esklużi mill-iskop tal-[Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32)].

    (8)

    Sabiex jintlaħaq il-għan illi jinġiebu ‘l quddiem l-effiċjenza u l-effettività ta’ proċedimenti ta’ falliment li għandhom effett trans-fruntier, huwa meħtieġ, u xieraq, li dispożizzjonijiet dwar ġurisdizzjoni, għarfien, u l-applikabilità tal-liġi f’dan il-qasam għandhom ikunu miġbura f’miżura ta’ liġi tal-Komunità li tkun torbot u tapplika direttament fi Stati Membri.”

    4

    L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza]. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

    2.   Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.”

    5

    L-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “Ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 għandu jkun magħruf fl-Istati Membri kollha mill-waqt li jsir effettiv fl-Istat li jiftaħ il-proċedimenti.

    […]”

    6

    Skont l-Artikolu 18 tal-istess regolament:

    “1.   Il-likwidatur maħtur minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(1) jista’ jeżerċita l-poteri kollha mgħotija lilu bil-liġi ta’ l-Istat li jiftaħ l-proċedimenti fi Stat Membru ieħor, sa kemm l-ebda proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] oħra ma jkunu infetħu hemm u l-anqas xi miżuri ta’ preservazzjoni fil-pajjiż ma jkunu ittieħdu hemm, wara talba għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment f’dak l-Istat. B’mod partikolari, jista’ jneħħi l-assi tad-debitur mit-terrirorju ta’ l-Istat Membru li fih ikunu jinstabu, bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7.

    2.   Il-likwidatur maħtur minn qorti li jkollu ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(2) jista’ fi Stat Membru ieħor jitlob permezz tal-qrati jew barra mill-qorti li propjetà immobbli tkun tneħħiet mit-territorju ta’ l-Istat tal-bidu ta’ proċedimenti lejn it-territorju ta’ dak l-Istat Membru ieħor wara l-bidu tal-proċedimenti ta’ falliment. Jista’ wkoll jiftaħ azzjoni li twarrab li tkun fl-interess tal-kredituri.

    […]”

    7

    Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1346/2000:

    “1.   Il-likwidatur jista’ jitlob li avviż tal-ġudizzju li jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] u, fejn xieraq, id-deċiżjoni li taħtar lilu, ikunu ippublikati f’xi Stat Membru ieħor bi qbil mal-proċeduri ta’ pubblikazzjoni li hemm dispożizzjoni dwarhom f’dak l-Istat. Pubblikazzjoni bħal din għandha wkoll tispeċifika il-likwidatur maħtur u jekk ir-regola tal-ġurisdizzjoni applikata tkunx bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(1) jew l-Artikolu 3(2).

    2.   B’dana kollu, xi Stat Membru li fit-territorju tiegħu id-debitur ikollu stabbiliment jista’ jenħtieg pubblikazzjoni mandatorja. F’każijiet bħal dawn, il-likwidatur jew l-awtorità awtoriżżata għal dak l-effett fl-Istat Membru fejn il-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) ikunu mibdija għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassigura pubblikazzjoni bħal dik.”

    8

    L-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Meta jkun ġie onorat obbligu fi Stat Membru għal benefiċċju ta’ debitur li jkun suġġett għal proċedimenti ta’ falliment [insolvenza] miftuħa fi Stat Membru ieħor, meta suppost li jkun ġie onorat għal benefiċċju tal-likwidatur f’dawk il-proċedimenti, il-persuna li tonora l-obbligu għandha tkun meqjusa li ssoddisfat dan l-obbligu jekk ma kienetx taf bil-ftuħ tal-proċedimenti.

    2.   Meta obbligu bħal dan jiġi onorat qabel ma l-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 21 tkun saret, il-persuna li tonora l-obbligu għandha tiġi meqjusa, fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju, li ma kienetx taf bil-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment; meta l-obbligu jiġi onorat wara li tkun saret dik il-pubblikazzjoni, il-persuna li tonora l-obbligu għandha tiġi meqjusa, fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju, li kienet taf bil-ftuħ tal-proċedimenti.”

    9

    Skont l-Artikolu 25(1) tal-imsemmi regolament:

    “Sentenzi mgħotija minn qorti li l-ġudizzju tiegħu dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti huwa rikonoxxut skond l-Artikolu 16 u li jikkonċernaw il-kors u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment [insolvenza], u komposizzjonijiet approvati minn dik il-qorti għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mingħajr formalitajiet oħra. […]

    L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll japplika għal sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom, anki jekk dawk kienu mgħotija minn qorti ieħor.

    L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll ikun japplika għal sentenzi dwar miżuri ta’ preservazzjoni meħuda fuq talba għal ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.”

    Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

    10

    L-Artikolu 1(1) u (2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), jipprovdi:

    “1.   “Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

    2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

    […]

    (b)

    falliment [insolvenza], proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi;

    […]”

    Id-dritt Bulgaru

    11

    L-Artikolu 17a tat-Targovski zakon (il-Liġi dwar il-Kummerċ) jipprovdi:

    “1.   Fergħa ta’ persuna barranija li hija rreġistrata u li għandha d-dritt li teżerċita attività kummerċjali skont id-dritt nazzjonali tagħha, għandha tiġi inkluża fir-reġistru kummerċjali.

    […]

    3.   L-informazzjoni segwenti għandha tiġi inkluża fir-reġistru:

    […]

    3)

    l-informazzjoni li toriġina mill-atti kollha tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam tal-insolvenza, li hija inkluża fir-reġistru li fih hija inkluża l-persuna barranija kif ukoll, skont il-każ, id-deċiżjonijiet li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 759(2), u fl-Artikolu 760(3);

    […]

    5.   L-inklużjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punti 2, 3 u 4 tal-paragrafu 3 tista’ wkoll issir ex officio abbażi ta’ notifika minn reġistru ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni li hija inkluża fih il-persuna barranija, li ġiet irċevuta permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tal-Istati Membri.”

    12

    Skont l-Artikolu 15 taz-Zakon za targovskia register (il-Liġi dwar il-Kummerċ):

    “1.   L-inklużjoni, it-tneħħija u l-pubblikazzjoni jistgħux jiġu ddikjarati:

    1)

    […] min-negozjant jew mill-persuna ġuridika li ma għandhiex skop ta’ lukru;

    2)

    […] mir-rappreżentant awtorizzat;

    3)

    […] minn persuna oħra fil-każijiet previsti mil-liġi;

    4)

    […] minn avukat li għandu mandat espress, stabbilit konformement mal-kundizzjonijiet previsti mil-Liġi dwar il-Professjoni Legali bil-għan ta’ rappreżentanza quddiem l-aġenzija.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13

    Wiemer & Trachte hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’Dortmund (il-Ġermanja). Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2004, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) ordnat ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kummerċ Bulgaru ta’ fergħa ta’ Wiemer & Trachte fil-Bulgarija.

    14

    Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ April 2007, l-Amtsgericht Dortmund (il-Qorti Distrettwali ta’ Dortmund, il-Ġermanja), fil-kuntest tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ Wiemer & Trachte, ħatret likwidatur provviżorju u ddeċidiet li l-atti li bihom din il-kumpannija tiddisponi mill-assi jkollhom effett biss b’approvazzjoni ta’ dan il-likwidatur. Dan l-ewwel digriet ġie rreġistrat fir-reġistru tal-kummerċ Ġermaniż fl-4 ta’ April 2007. Permezz tat-tieni digriet, li ngħata fil-21 ta’ Mejju 2007, u rreġistrat f’dan ir-reġistru fl-24 ta’ Mejju 2007, din il-qorti imponiet fuq Wiemer & Trachte projbizzjoni ġenerali milli tiddisponi mill-assi tagħha. Permezz tat-tielet digriet, li ngħata fl-1 ta’ Ġunju 2007 mill-imsemmija qorti, il-patrimonju tal-kumpannija ġie suġġett għal proċedura ta’ insolvenza. Dan it-tielet digriet ġie rreġistrat fl-imsemmi reġistru fil-5 ta’ Ġunju 2007.

    15

    Fit-18 u 20 ta’ April 2007, l-ammonti rispettivi ta’ EUR 2 149.30 u ta’ EUR 40000 ġew ittrasferiti mill-kont ta’ Wiemer & Trachte mal-bank Obedinena Balgarska banka AD, permezz tad-direttur tal-fergħa Bulgara ta’ Wiemer & Trachte, lejn kont f’isem Z. O. Tadzher, abbażi ta’ “dikjarazzjoni ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar” u ta’ “akkont għal spejjeż professjonali”, rispettivament.

    16

    Wiemer & Trachte għalhekk ressqet kawża quddiem is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) li permezz tagħha sostniet li dawn it-tranżazzjonijiet bankarji kienu invalidi sa fejn kienu seħħew wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Hija talbet rimbors tal-ammonti msemmija fil-punt 15 tas-sentenza preżenti, miżjuda b’interessi legali, fil-patrimonju tal-insolvenza.

    17

    Z. O. Tadzher sostna li s-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kawża prinċipali u li, peress li l-ammont korrispondenti għall-akkont għal spejjeż professonali ma kienx intuża, kien tħallas mill-ġdid lil Wiemer & Trachte fil-25 ta’ April 2007.

    18

    L-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ġiet miċħuda mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) kif ukoll, fl-appell, mill-Apelativen sad (il-Qorti tal-Appell, il-Bulgarija). B’digriet tat-28 ta’ Jannar 2013, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) qieset li l-appell fil-kassazzjoni kontra d-digriet mogħti mill-Apelativen sad (il-Qorti tal-Appell) kien inammissibbli u li dan id-digriet, li kien jirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tas-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) li tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu, kellu saħħa ta’ res judicata.

    19

    Din l-aħħar ġurisdizzjoni laqgħet, fil-mertu, ir-rikors ippreżentat minn Wiemer & Trachte. Z. O. Tadzher appella minn din id-deċiżjoni. Fis-26 ta’ Lulju 2016, l-Apelativen sad (il-Qorti tal-Appell) annullat l-imsemmija deċiżjoni u ċaħdet it-talba għal rimbors tal-ammonti msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza bħala infondata u inattestata.

    20

    Għaldaqstant, Wiemer & Trachte appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) kontra s-sentenza tal-Apelativen sad (il-Qorti tal-Appell), billi sostniet li l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma kienx applikabbli għall-kawża prinċipali u li, għalhekk Z. O. Tadzher ma setax isostni li ma kellux għarfien tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza li tirrigwarda lil Wiemer & Trachte.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 3(1) tar-[Regolament Nru 1346/2000] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet il-proċedura ta’ insolvenza sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq l-insolvenza u mressqa kontra konvenut li jkollu l-uffiċċju rreġistrat jew id-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor, hija ġurisdizzjoni esklużiva jew likwidatur jista’ jressaq azzjoni revokatorja quddiem qorti fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-uffiċċju rreġistrat jew id-domiċilju tal-konvenut fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament, meta l-azzjoni revokatorja tal-likwidatur tkun ibbażata fuq it-trasferiment ta’ proprjetà mobbli mwettaq fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor?

    2)

    L-Artikolu 24(2), moqri flimkien mal-Artikolu 24(1) tar-[Regolament Nru 1346/2000] japplika fir-rigward ta’ rilaxx mir-responsabbiltà fil-każ ta’ eżekuzzjoni favur id-debitur fi Stat Membru permezz ta’ direttur ta’ fergħa tal-kumpannija debitriċi rreġistrata f’dan l-Istat meta, fil-mument tal-eżekuzzjoni, kienet tressqet talba fi Stat Membru ieħor fir-rigward tad-debitur għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza u kien inħatar likwidatur temporanju, iżda ma kinitx ittieħdet deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza?

    3)

    L-Artikolu 24(1) tar-[Regolament Nru 1346/2000] japplika fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-obbligu li titħallas somma fi flus kontanti favur id-debitur meta t-trasferiment inizjali ta’ din is-somma mid-debitur lill-persuna li tonera l-obbligu jitqies li huwa null skont id-dritt nazzjonali tal-qorti li quddiemha tressqet il-proċedura ta’ insolvenza u meta din in-nullità tkun ibbażata fuq il-fatt li tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza?

    4)

    Il-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ għarfien fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-[Regolament Nru 1346/2000] tapplika f’sitwazzjoni fejn il-persuni msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament ma jkunux ħadu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-pubblikazzjoni, fir-reġistru tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-istabbiliment tad-debitur, tal-atti tal-qorti li quddiemha tressqet il-proċedura ta’ insolvenza li permezz tagħhom ikun inħatar likwidatur temporanju u li permezz tagħhom ikun stabbilit li l-istruzzjonijiet tal-kumpannija huma validi biss bl-approvazzjoni tal-likwidatur temporanju, meta l-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment jipprevedi l-pubblikazzjoni obbligatorja ta’ tali atti, minkejja li jirrikonoxxihom bis-saħħa tal-Artikolu 25 ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 16 tar-Regolament?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    22

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru, li fit-territorju tiegħu tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza, sabiex tingħata deċiżjoni dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq l-insolvenza u intiża kontra konvenut li għandu l-uffiċċju rreġistrat jew id-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor, hija esklużiva jew inkella jistax likwidatur iressaq tali azzjoni revokatorja wkoll quddiem qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-uffiċċju rreġistrat jew id-domiċilju tal-konvenut.

    23

    L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jikkonferixxi ġurisdizzjoni sħiħa lill-qrati tal-Istati fit-territorju fejn jinsab iċ-ċentru tal-attivitajiet tad-debitur sabiex tinfetaħ proċedura ta’ insolvenza prinċipali (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, Rastelli Davide e C., C-191/10, EU:C:2011:838, punt 27).

    24

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-premessa 6 tar-Regolament Nru 1346/2000 li tipprovdi li dan ir-regolament għandu jkun limitat għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġurisdizzjoni għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza u t-teħid ta’ deċiżjonijiet li jiġu deċiżi direttament abbażi tal-proċedura ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2009, Seagon, C‑339/07, EU:C:2009:83, punt 20, u tad-19 ta’ April 2012, F-Tex, C-213/10, EU:C:2012:215, punt 26).

    25

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, b’kunsiderazzjoni għall-għan tal-leġiżlatur kif stabbilit f’din il-premessa u għall-effett utli tar-Regolament Nru 1346/2000, l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jattribwixxi lill-qrati tal-Istat Membru li għandhom ġurisdizzjoni jiftħu proċedura ta’ insolvenza ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiddeċiedu dwar azzjonijiet li jirriżultaw direttament minn din il-proċedura u li huma marbuta mill-qrib magħha (sentenzi tat-12 ta’ Frar 2009, Seagon, C-339/07, EU:C:2009:83, punt 21, u tad-19 ta’ April 2012, F-Tex, C-213/10, EU:C:2012:215, punt 27).

    26

    Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-azzjonijiet revokatorji li għandhom bħala għan li jżidu l-assi tal-impriża suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza jaqgħu fil-kategorija ta’ azzjonijiet. Għaldaqstant, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet proċedura ta’ insolvenza għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq l-insolvenza u intiża kontra konvenut domiċiljat fi Stat Membru ieħor (sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Seagon, C-339/07, EU:C:2009:83, punt 28).

    27

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk din il-ġurisdizzjoni internazzjonali hijiex esklużiva jew jekk, kuntrarjament, hijiex fakultattiva, li tippermetti lil-likwidatur iressaq kawża quddiem qorti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut ta’ tali azzjoni revokatorja.

    28

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-premessa 7 tar-Regolament Nru 1346/2000 tippreċiża li l-proċeduri ta’ insolvenza dwar l-istralċ ta’ impriżi insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, il-ftehimiet ġudizzjarji u l-proċeduri analogi l-oħra huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali li ġiet issostwita, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri bl-esklużjoni tar-Renju tad-Danimarka, bir-Regolament Nru 44/2001. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, dan ir-regolament ma japplikax għal “falliment [insolvenza], proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi”.

    29

    Dan ir-regolament u r-Regolament Nru 1346/2000 għandhom jiġu interpretati b’mod li għandha tiġi evitata kull sovrappożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt stabbiliti minn dawn it-testi u kwalunkwe lakuna legali. Għalhekk, l-azzjonijiet esklużi, abbażi tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. B’mod simmetriku, l-azzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau, C-641/16, EU:C:2017:847, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li dan l-aħħar regolament huwa intiż li japplika għall-materji kollha ċivili u kummerċjali bl-eċċezzjoni ta’ ċerti materji ddefiniti sew, u li l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 jeskludi biss mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-azzjonijiet li jirrizultaw direttament minn proċedura ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħha, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, F‑Tex, C-213/10, EU:C:2012:215, punt 29).

    31

    Minn dan jirriżulta li l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ regolamenti dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri huma ddelimitati b’mod ċar u li azzjoni revokatorja, peress li tirriżulta direttament minn proċedura ta’ insolvenza u hija marbuta mill-qrib magħha, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 u mhux ta’ dak tar-Regolament Nru°44/2001.

    32

    Għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru°1346/2000 ma jipprovdi ebda regola ta’ attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali li twasal sabiex tattribwixxi lill-qrati tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar azzjonijiet revokatorji li jirriżultaw direttament minn proċedura ta’ insolvenza u huma marbuta mill-qrib magħha.

    33

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li konċentrazzjoni tal-azzjonijiet kollha direttament marbuta mal-insolvenza quddiem il-qrati tal-Istat Membru li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu proċedura ta’ insolvenza hija konformi mal-għan tat-titjib tal-effiċjenza u tal-ħeffa ta’ proċeduri ta’ insolvenza li għandhom effetti transkonfinali, li hemm riferiment għalih fil-premessi 2 u 8 tar-Regolament Nru 1346/2000 (sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Seagon, C-339/07, EU:C:2009:83, punt 22).

    34

    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li skont il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament, huwa neċessarju, għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li jiġi evitat li l-partijiet ikunu inċentivati jittrasferixxu assi jew proċeduri ġudizzjarji minn Stat lejn ieħor sabiex itejbu s-sitwazzjoni legali tagħhom (forum shopping) (sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Seagon, C-339/07, EU:C:2009:83, punt 23).

    35

    Il-possibbiltà li jkun hemm iktar minn qorti waħda li jkollha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-azzjonijiet revokatorji mibdija fi Stati Membri differenti twassal sabiex jiddgħajjef il-persegwiment ta’ tali għan (sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Seagon, C-339/07, EU:C:2009:83, punt 24).

    36

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-qrati tal-Istat Membru li fih infetħet proċedura ta’ insolvenza, imsemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, jibbenefikaw minn ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jiddeċiedu dwar azzjonijiet li jirriżultaw direttament minn proċedura ta’ insolvenza u huma marbuta mill-qrib magħha u għalhekk dwar azzjonijiet revokatorji bbażati fuq l-insolvenza.

    37

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

    38

    L-ewwel nett, l-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-regolament ma jistax jintuża sabiex jikkonfuta n-natura esklużiva tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament sabiex jiġu deċiżi azzjonijiet revokatorji.

    39

    Fil-fatt, l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 jikkonċerna unikament is-sitwazzjoni partikolari li fiha ġie ddenominat likwidatur fil-kuntest ta’ proċedura li taqa’ taħt l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament u ma jistax japplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwisjtoni fil-kawża prinċipali li fiha l-likwidatur ġie ddenominat fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali.

    40

    Kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-distinzjoni tista’ tiġi spjegata mill-fatt li, fil-kuntest ta’ proċedura li taqa’ taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, il-poteri tal-likwidatur huma limitati territorjalment sa fejn, skont dan l-artikolu, l-effetti ta’ din il-proċedura huma kkonfinati għall-beni tad-debitur li jinsab fit-territorju tal-Istat Membru fid-data tal-ftuħ tal-imsemmija proċedura. Għaldaqstant, il-likwidatur għandu, f’tali każ, il-possibbiltà li jressaq azzjoni revokatorja marbuta ma’ tali proċedura quddiem qorti ta’ Stat Membru għajr dak tal-ftuħ tal-proċedura sekondarja jekk il-beni li jagħmlu parti minn din il-proċedura ġew ittrasferiti, wara l-ftuħ tagħha, fi Stat Membru ieħor.

    41

    It-tieni nett, lanqas ma huwa possibbli li l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 isostni l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament favur ġurisdizzjoni internazzjonali fakultattiva għall-azzjonijiet revokatorji.

    42

    Kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni tkopri biss ir-rikonoxximent u n-natura eżekutorja tad-deċiżjonijiet li jirriżultaw direttament minn proċedura ta’ insolvenza u huma marbuta mill-qrib magħha, anki jekk dawk jingħataw minn qorti oħra. L-imsemmija dispożizzjoni sempliċement tirrikonoxxi l-possibbiltà li l-qrati ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu nfetħu proċedimenti ta’ insolvenza, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, jistgħu wkoll jieħdu konjizzjoni ta’ azzjoni li tirriżulta direttament minn din il-proċedura, kemm jekk din tkun qorti li tkun fetħet il-proċedura ta’ insolvenza, skont l-imsemmi Artikolu 3(1), kif ukoll qorti ta’ dan l-istess Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni territorjali u sostantiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Seagon, C-339/07, EU:C:2009:83, punti 26 u 27).

    43

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza għandhom ġurisdizzjoni sħiħa sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq l-insolvenza u intiża kontra konvenut li jkollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jew id-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor.

    Fuq it-tieni sar-raba’ domanda

    44

    Sa fejn it-tieni sar-raba’ domanda jippresupponu, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, li azzjoni revokatorja tista’ titressaq quddiem qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jew id-domiċilju tiegħu, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-imsemmija domandi.

    Fuq l-ispejjeż

    45

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar il-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet proċedura ta’ insolvenza għandhom ġurisdizzjoni sħiħa sabiex jiddeċiedu dwar azzjoni revokatorja bbażata fuq l-insolvenza u intiża kontra konvenut li jkollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu jew id-domiċilju tiegħu fi Stat Membru ieħor.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

    Top