EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0247

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Novembru 2018.
Denis Raugevicius.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 18 u 21 TFUE – Talba indirizzata lil Stat Membru minn pajjiż terz, intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel Stat Membru – Talba ppreżentata għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija u mhux għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata għaċ-ċittadini nazzjonali biss – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità.
Kawża C-247/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:898

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 18 u 21 TFUE – Talba indirizzata lil Stat Membru minn pajjiż terz, intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel Stat Membru – Talba ppreżentata għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija u mhux għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata għaċ-ċittadini nazzjonali biss – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-247/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura dwar l-estradizzjoni ta’

Denis Raugevicius,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, M. Vilaras, E. Regan, F. Biltgen u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, E. Levits, L. Bay Larsen, C. G. Fernlund (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Mejju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Pavliš, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann kif ukoll minn S. Weinkauff, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn M. Browne u J. Quaney, kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, BL,

għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Zachariadou, E. Neofytou u M. Spiliotopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u V. Čepaitė, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn R. Kissné Berta, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Gvern Rumen, minn C.-R. Canţăr kif ukoll minn R. Mangu, E. Gane u C.‑M. Florescu, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, H. Shev, C. Meyer‑Seitz, L. Zettergren u A. Alriksson, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid kif ukoll minn R. Troosters u M. Huttunen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18, u tal-Artikolu 21 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ talba għal estradizzjoni inidirizzata mill-awtoritajiet Russi lill-awtoritajiet Finlandiżi, li tikkonċerna lil Denis Raugevicius, ċittadin Litwan u Russu, għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni

3

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat‑13 ta’ Diċembru 1957 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni”) jistipula:

“Il-[p]artijiet kontraenti għandhom jikkonsenjaw lil xulxin, skont ir-regoli u taħt il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-artikoli segwenti, l-individwi suġġetti ta’ proċeduri minħabba reat jew rikjesta għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura ta’ sigurtà mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-[p]arti rikjedenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4

L-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Estradizzjoni ta’ ċittadini”, jipprevedi:

a)

Kull [p]arti kontraenti għandha l-fakultà li tirrifjuta l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħha.

b)

Kull [p]arti kontraenti tista’, permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula fil-mument tal-iffirmar jew tal-preżentazzjoni tal-istrument ta’ rettifika jew adeżjoni tagħha, tiddefinixxi, għal dak li jirrigwardaha, it-terminu ‘ċittadini’ fis-sens ta’ din il-[k]onvenzjoni.

c)

Il-kwalità ta’ ċittadin tkun evalwata fil-mument tad-deċiżjoni dwar l-estradizzjoni. […]

2.   Jekk il-[p]arti rikjesta ma testradixxix liċ-ċittadin tagħha, hija għandha, fuq talba tal-Parti rikjedenti, tissottometti l-kawża lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jekk ikun hemm lok ikunu jistgħu jitressqu proċeduri ġudizzjarji. Fil-fatt, il-proċessi, informazzjoni u oġġetti relatati mar-reat jintbagħtu gratwitament skont kif previst fl-Artikolu 12(1). Il-[p]arti rikjedenti għandha tiġi informata bl-eżitu li jkun ingħata lit-talba tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 10 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Preskrizzjoni”, jipprovdi:

“L-estradizzjoni ma għandhiex tingħata jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni jew tal-piena jkun iddekorra jew skont il-liġi tal-parti rikjedenti, jew skont dik tal-parti rikjesta.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

Skont l-Artikolu 17 tal-istess konvenzjoni:

“Jekk tintalab l-estradizzjoni fl-istess waqt minn numru ta’ Stati, jew fir-rigward tal-istess fatt, jew fir-rigward ta’ fatti differenti, il-[p]arti rikjesta għandha tiddeċiedi wara li tkun ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha u b’mod partikolari l-gravità relatata u l-post fejn seħħ ir-reat, id-dati rispettivi tat-talbiet, in-nazzjonalità tal-individwu rikjest u l-possibbiltà ta’ estradizzjoni ulterjuri lejn Stat Membru ieħor”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

Ir-Repubblika tal-Finlandja wettqet dikjarazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni”), bil-kliem li ġejjin:

“Fis-sens ta’ din il-[k]onvenzjoni, it-terminu ‘ċittadini’ jfisser iċ-ċittadini tal-Finlandja, tad-Danimarka, tal-Islanda, tan-Norveġja u tal-Isvezja kif ukoll il-barranin iddomiċiljati f’dawn l-Istati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt Finlandiż

8

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Kostituzzjoni Finlandiża, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, “[e]bda ċittadin Finlandiż ma jista’ jiġi estradit jew ittrasferit kontra l-volontà tiegħu lejn pajjiż ieħor. Il-liġi tista’ madankollu tipprovdi li ċittadin Finlandiż jista’, minħabba reat jew għall-finijiet ta’ proċedura […], jiġi estradit jew ittrasferit lejn pajjiż li fih id-drittijiet tal-bniedem tiegħu u l-protezzjoni ġudizzjarja tiegħu huma ggarantiti”.

9

Bis-saħħa tal-Artikolu 2 tar-rikoksen johdosta tapahtuvasta luovuttamisesta annettu laki (456/1970) (il-Liġi 456/1970 dwar l-Estradizzjoni Minħabba Reat, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Estradizzjoni), ċittadin Finlandiż ma jistax jiġi estradit.

10

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Liġi dwar l-Estradizzjoni jipprevedi:

“Il-Ministeru għall-Ġustizzja jiddeċiedi jekk hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għal estradizzjoni”.

11

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tal-istess liġi jipprovdi:

“Jekk, waqt l-investigazzjoni jew f’att mibgħut lill-Ministeru tal-Ġustizzja qabel ma tiġi deċiża l-kawża, il-persuna oġġett ta’ talba għal estradizzjoni tiddikjara li hija tqis li r-rekwiżiti legali tal-estradizzjoni ma humiex issodisfatti, il-Ministeru, jekk it-talba għal estradizzjoni ma tiġix miċħuda immedjatament, għandu jitlob l-opinjoni tal-Korkein oikeus [(il-Qorti Suprema, il-Finlandja)] qabel ma jiddeċiedi l-kawża. Il-Ministeru jista’ jitlob ukoll l-opinjoni f’każijiet oħra fejn huwa jqis li dan huwa neċessarju”.

12

L-Artikolu 17 tal-Liġi dwar l-Estradizzjoni huwa fformulat kif ġej:

“[i]l-Korkein oikeus [(il-Qorti Suprema)] teżamina jekk it-talba għal estradizzjoni tistax tintlaqa’ billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 sa 10 ta’ din il-liġi u d-dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ ftehim internazzjonali li tiegħu l-Finlandja hija parti.

Jekk il-Korkein oikeus [(il-Qorti Suprema)] tqis li jeżisti ostakolu għall-estradizzjoni, it-talba għal estradizzjoni ma tistax tintlaqa’”.

13

Piena ta’ priġunerija mogħtija minn qorti ta’ Stat li ma jagħmilx parti mill-Unjoni Ewropea tista’ tiġi eżegwita fil-Finlandja b’applikazzjoni tal-kansainvälisestä yhteistoiminnasta eräiden rikosoikeudellisten seuraamusten täytäntöönpanossa (21/1987) (il-Liġi 21/1987 dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fuq l-Eżekuzzjoni ta’ Ċerti Sanzjonijiet Kriminali). L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Piena mogħtija minn qorti ta’ Stat barrani tista’ tiġi eżegwita fil-Finlandja jekk:

1)

Il-kundunna hija res judicata u hija eżekuttiva fl-Istat li fih ingħatat;

[…]

3)

L-Istat li fih il-piena ngħatat talab dan jew ta l-kunsens tiegħu għal dan.

Piena ta’ priġunerija tista’ tiġi eżegwita fil-Finlandja skont l-ewwel paragrafu jekk il-persuna kkundannata hija ċittadin Finlandiż jew ċittadin barrani li jirrisjedi b’mod permanenti fil-Finlandja u jekk il-persuna kkundannata tat il-kunsens tagħha għal dan. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Fl‑1 ta’ Frar 2011, D. Raugevicius ġie ddikjarat ħati, minn qorti Russa, ta’ reat fil-qasam ta’ droga stupefaċenti, li kien jikkonsisti fiż-żamma, mingħajr intenzjoni ta’ bejgħ, ta’ taħlita li kienet tinkludi 3.040 gramma eroina, li għaliha ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija sospiża.

15

Fis-16 ta’ Novembru 2011, qorti li għandha s-sede tagħha fir-Reġjun ta’ Leningrad (ir-Russja) neħħiet is-sospensjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ sorveljanza u kkundannat lil D. Raugevicius għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin.

16

Fit-12 ta’ Lulju 2016, inħareġ mandat ta’ arrest internazzjonali kontra D. Raugevicius.

17

Fit-12 ta’ Diċembru 2016 D. Raugevicius ġie kkundannat, fil-Finlandja, minn qorti tal-ewwel istanza, fejn ġie pprojbit milli jivvjaġġa barra minn dan l-Istat Membru.

18

Fis‑27 ta’ Diċembru 2016, il-Federazzjoni Russa bagħtet talba lill-awtoritajiet Finlandiżi intiża għall-arrest u l-estradizzjoni ta’ D. Raugevicius għal finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija.

19

D. Raugevicius ikkontesta l-estradizzjoni tiegħu billi invoka, b’mod partikolari, il-fatt li kien ilu żmien twil jgħix il-Finlandja u li kien il-missier ta’ żewġ ulied li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru u li għandhom in-nazzjonalità Finlandiża.

20

Fis‑7 ta’ Frar 2017, il-Ministeru għall-Ġustizzja talab opinjoni mingħand il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) dwar jekk jeżistix ostakolu legali għall-estradizzjoni ta’ D. Raugevicious lejn ir-Russja.

21

Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) tqis li hija “qorti jew tribunal” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Artikolu 267 TFUE, anki meta tintervjeni sabiex tagħti opinjoni fil-kuntest ta’ talba għal estradizzjoni. Hija tesponi li tissodisfa l-kriterji relatati ma’ dan il-kunċett, li tfakkru mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Epitropos tou Elegktikou Synedriou (C‑363/11, EU:C:2012:825, punt 18), fid-dawl tal-oriġini legali tagħha, tal-permanenza tagħha, tan-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tagħha, tan-natura kontradittorja tal-proċedura, tal-applikazzjoni li tagħmel tar-regoli tad-dritt kif ukoll tal-indipendenza tagħha. Barra minn hekk, hija ġiet effettivament adita fir-rigward ta’ tilwima, inkwantu D. Raugevicius ikkontesta l-estradizzjoni tiegħu, u l-Ministeru għall-Ġustizzja ma qiesx li kien hemm lok li t-talba tal-Federazzjoni tar-Russja tiġi miċħuda immedjatament. Fl-aħħar nett, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iżżid li l-opinjoni li għandha tagħti hija vinkolanti, fis-sens li t-talba għal estradizzjoni inkwistjoni ma tkunx tista’ tintlaqa’ fil-każ li kellha tqis li jeżisti ostakolu għall-estradizzjoni mitluba.

22

Il-qorti tar-rinviju tqis li, fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fuq il-bażi tal-Artikoli 18 u 21 TFUE, li r-regoli applikabbli fil-qasam tal-estradizzjoni jistgħu jaffettwaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra fit-territorju tal-Istati Membri, f’liema każ hemm lok li dawn ir-regoli jiġu eżaminati wkoll mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

23

Il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) issemmi, madankollu, l-eżistenza ta’ differenzi bejn din il-kawża, relatata ma’ talba għal estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, u l-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, relatata ma’ talba għal estradizzjoni għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni.

24

Din il-qorti tirrileva b’mod partikolari li, filwaqt li jeżisti, bħala prinċipju, obbligu, għall-Istat Membru rikjest, li jressaq proċeduri għall-prosekuzzjoni taċ-ċittadini tiegħu fil-każ li ma jestradixxix lil dawn tal-aħħar, ma jeżistix obbligu ekwivalenti ta’ eżekuzzjoni, fit-territorju tiegħu, tal-piena li għaliha dawn ikunu ġew ikkundannati minn pajjiż terz.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-estradizzjoni għal ksur għandhom jiġu eżaminati fir-rigward tal-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, bl-istess mod, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk talba għal estradizzjoni indirizzata minn Stat terz abbażi ta’ ftehim ta’ estradizzjoni tirrigwardax l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jew, kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), prosekuzzjoni? Huwa rilevanti li l-persuna li ntalbet l-estradizzjoni tagħha tkun ċittadina mhux biss tal-Unjoni iżda wkoll tal-Istat rikjedenti?

2)

Leġiżlazzjoni nazzjonali skont liema huma biss iċ-ċittadini nazzjonali li ma jiġux estraditi barra l-Unjoni għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena, tiddiskrimina b’mod mhux iġġustifikat liċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor? Il-mekkaniżmi tad-dritt tal-Unjoni li jippermettu li jinkiseb b’mod inqas restrittiv għan leġittimu bħala tali għandhom jiġu applikati ukoll f’każ ta’ eżekuzzjoni? Kif għandha tiġi mwieġba talba għal estradizzjoni f’każ fejn l-Istat Membru l-ieħor ikun ġie infurmat, b’applikazjzoni ta’ tali mekkaniżmi, bit-talba għal estradizzjoni, iżda li dan l-aħħar Stat, pereżempju minħabba ostakli legali, ma jiħux miżuri fir-rigward taċ-ċittadin tiegħu?”

Fuq id-domandi preliminari

26

Permezz tad-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-preżenza ta’ talba għal estradizzjoni, magħmula minn pajjiż terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt għal moviment liberu tiegħu, mhux għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni iżda għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, l-Istat Membru rikjest, li d-dritt nazzjonali tiegħu jipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu barra mill-Unjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija u li jipprevedi l-possibbiltà li tali piena mogħtija barra mill-pajjiż tiġi eżegwita fit-territorju tiegħu, għandu l-obbligu li jfittex jekk teżistix miżura alternattiva għall-estradizzjoni, li inqas tippreġudika l-eżerċizzju tal-moviment liberu.

27

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li ċittadin tal-Unjoni, bħal D. Raugevicius, ċittadin ta’ Stat Membru, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Litwanja, li ttrasferixxa lilu nnifsu lejn Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Finlandja, għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, fejn għalhekk is-sitwazzjoni tiegħu taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, li jikkonferma l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 31).

28

Barra minn hekk, regola nazzjonali li tipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini Finlandiżi biss tintroduċi differenza fit-trattament bejn dawn iċ-ċittadini u ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra. B’dan il-mod, tali regola toħloq inugwaljanza fit-trattament li tista’ taffettwa l-moviment liberu ta’ dawn tal-aħħar fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 32).

29

Iċ-ċirkustanza li ċittadin ta’ Stat Membru minbarra l-Istat Membru li quddiemu titressaq talba għal estradizzjoni, bħal D. Raugevicius, ikollu wkoll in-nazzjonalità tal-pajjiż terz awtur ta’ din it-talba ma tinvalidax din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, in-nazzjonalità doppja ta’ Stat Membru u ta’ pajjiż terz ma tistax iċċaħħad lill-persuna kkonċernata mil-libertajiet li hija għandha taħt id-dritt tal-Unjoni bħala ċittadina ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et, C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 15).

30

Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-inugwaljanza fit-trattament li tikkonsisti fil-fatt li tiġi permessa l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, bħal D. Raugevicius, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-moviment liberu, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 33).

31

Tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li wettqu reat għandu jitqies li huwa leġittimu u jippermetti li tiġi ġġustifikata miżura restrittiva, suġġett għall-fatt li din il-miżura tkun neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi li tixtieq tiggarantixxi u sa fejn dawn l-għanijiet ma jkunux jistgħux jiġu ppreġudikati permezz ta’ miżuri inqas restrittivi (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 3738).

33

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 39 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), li l-estradizzjoni hija proċedura intiża li tiġġieled l-impunità ta’ persuna li tinsab f’territorju li ma jkunx dak li fuqu hija allegatament wettqet reat. F’din is-sentenza, li kienet tirrigwarda talba għal estradizzjoni għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, f’dan l-istess punt, li n-nuqqas ta’ estradizzjoni taċ-ċittadini jiġi ġeneralment ikkumpensat bil-possibbiltà għall-Istat Membru rikjest li jressaq proċeduri ġudizzjarji għall-prosekuzzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess għal reat gravi mwettaq barra mit-territorju tiegħu, filwaqt li, bħala regola ġenerali, dan l-Istat Membru ma jkollux ġurisdizzjoni biex iressaq proċeduri ġudizzjarji għall-prosekuzzjoni ta’ tali fatti meta la l-awtur u lanqas il-vittma tar-reat allegat ma jkollhom in-nazzjonalità tal-Istat Membru msemmi. Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-estradizzjoni tippermetti, b’dan il-mod, li jiġi evitat li reati mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuni li ħarbu minn dak it-territorju jibqgħu impuniti.

34

Madankollu l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikawx ukoll fil-każ ta’ talba għal estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena.

35

Din il-qorti tesprimi dubju f’dan ir-rigward billi ssostni li, filwaqt li l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tipprevedi, fl-Artikolu 6(2) tagħha, il-possibbiltà, għall-Istat rikjest, li jressaq proċeduri ġudizzjarji għall-prosekuzzjoni taċ-ċittadini tiegħu, li ma jestradixxix, hija ma timponix fuq Stat li jirrifjuta l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu l-obbligu li jadotta miżuri intiżi għall-eżekuzzjoni ta’ piena mogħtija minn qorti ta’ Stat ieħor parti f’din il-konvenzjoni. L-imsemmija qorti u numru ta’ gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jqisu, ukoll, li t-tressiq ta’ proċeduri ġudizzjarji ġodda għall-prosekuzzjoni ta’ persuna li diġà tressqu kontriha jistgħu jkunu kuntrarji għall-prinċipju ta’ ne bis in idem, li jgħid li persuna ma tistax tiġi kkundannata darbtejn għall-istess ksur.

36

Madankollu, għalkemm il-prinċipju ta’ ne bis in idem, hekk kif inhu ggarantit mid-dritt nazzjonali, jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-prosekuzzjoni, minn Stat Membru, tal-persuni kkonċernati minn talba għal estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex jiġi evitat ir-riskju li tali persuni jibqgħu impuniti, jeżistu mekkaniżmi fid-dritt nazzjonali u/jew fid-dritt internazzjonali li jippermettu li dawn il-persuni jiskontaw il-pieni tagħhom, b’mod partikolari, fl-Istat li tiegħu huma ċ-ċittadini u, b’dan il-mod, iżidu l-possibbiltajiet tagħhom ta’ reintegrazzjoni soċjali wara li jiskontaw il-piena.

37

L-istess jgħodd, b’mod partikolari, għall-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment tal-Persuni Kkundannati, tal‑21 ta’ Marzu 1983, li għaliha huma parti l-Istati Membri kollha, kif ukoll il-Federazzjoni tar-Russja. Fil-fatt, din il-konvenzjoni tippermetti lil persuna li tkun ġiet ikkundannata fit-territorju ta’ Stat firmatarju tal-imsemmija konvenzjoni, konformement mal-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar, titlob li tiġi ttrasferita lejn it-territorju tal-pajjiż ta’ oriġni tiegħu biex jirċievi l-kundanna li tkun ġiet imposta fuqu, fejn il-premessi tal-istess konvenzjoni jindikaw li l-għan ta’ tali trasferiment huwa b’mod partikolari li tiġi inċentivata r-reintegrazzjoni soċjali tal-persuni kkundannati, fejn il-barranin fi priġunerija wara reat kriminali jkunu jistgħu jiskontaw il-kundanna tagħhom fl-ambjent soċjali ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Laurin Effing, C‑302/02, EU:C:2005:36, punti 1213).

38

Barra minn hekk, ċerti Stati, bħar-Repubblika tal-Finlandja, jipprevedu wkoll il-possibbiltà, għaċ-ċittadini tagħhom, li jiskontaw fit-territorju tagħhom piena mogħtija fi Stat ieħor.

39

Konsegwentement, fir-rigward ta’ talba għal estradizzjoni, jeħtieġ li jiġi osservat, minn naħa, li, għalkemm l-Istat Membru rikjest ma jistax neċessarjament iressaq proċeduri ġudizzjarji għall-prosekuzzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess, madankollu jeżistu mekkaniżmi sabiex dawn ikunu jistgħu jiskontaw il-piena tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Madankollu min-naħa l-oħra, l-estradizzjoni tippermetti li jiġi evitat li ċittadini tal-Unjoni mhux ċittadini tal-imsemmi Stat Membru jissuġġettaw lilhom infushom għall-eżekuzzjoni tal-piena tagħhom.

40

Sa fejn, kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, in-natura tal-estradizzjoni hija li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità taċ-ċittadini tal-Istati Membri minbarra tal-Istat Membru rikjest u fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti l-estradizzjoni taċ-ċittadini tal-Istati Membri minbarra tar-Repubblika tal-Finlandja, jeħtieġ li tiġi eżaminata n-natura proporzjonata ta’ din il-leġiżlazzjoni billi jiġi vverifikat jekk jeżistux miżuri li jippermettu li jintlaħaq daqstant effikaċement dan l-għan iżda li jippreġudikaw inqas il-moviment liberu tal-imsemmija ċittadini (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 41), billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, ta’ fatt u ta’ liġi.

41

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li D. Raugevicius ikkontesta l-estradizzjoni tiegħu, minħabba li kien ilu ħafna żmien jgħix fil-Finlandja u li kien missier żewġ ulied ta’ nazzjonalità Finlandiża li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru. Dawn iċ-ċirkustanzi ma tqiegħdux inkwistjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, ma jistax jiġi eskluż li D. Raugevicius jista’ jitqies li huwa ċittadin barrani li jirrisjedi b’mod permanenti fil-Finlandja, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fuq l-Eżekuzzjoni ta’ Ċerti Sanzjonijiet Kriminali.

42

Issa, jekk dan ikun il-każ, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li D. Raugevicius ikun jista’ jiskonta fit-territorju Finlandiż il-piena li għaliha ġie kkundannat fir-Russja, sa fejn dan l-aħħar Stat kif ukoll D. Raugevicius innifsu jagħtu l-kunsens tagħhom.

43

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għandu jitqies li huwa l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31; tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 41, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 30).

44

Għaldaqstant kull ċittadin tal-Unjoni jista’ jinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tinsab fl-Artikolu 18 TFUE fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni, fejn dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu, bħal fil-kawża prinċipali, l-eżerċizzju tal-libertà fundamentali ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑75/11, EU:C:2012:605, punt 39, u tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 59).

45

Barra minn hekk, għalkemm, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-estradizzjoni ta’ ċittadini tal-Istati Membri lejn ir-Russja, l-Istati Membri jkollhom il-ġurisdizzjoni sabiex jadottaw tali regoli, dawn l-istess Stati Membri jkollhom obbligu jeżerċitaw din il-ġurisdizzjoni fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 18 TFUE kif ukoll tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri ggarantita fl-Artikolu 21(1) TFUE.

46

Issa, fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità, iċ-ċittadini Finlandiżi, minn naħa, u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li jirrisjedu b’mod permanenti fil-Finlandja u li b’hekk juru livell ta’ integrazzjoni ċerta fis-soċjetà ta’ dan l-Istat, min-naħa l-oħra, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C‑123/08, EU:C:2009:616, punt 67), fejn hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk D. Raugevicius jaqax taħt din il-kategorija ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

47

Għalhekk, l-Artikoli 18 u 21 TFUE jirrikjedu li ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu b’mod permanenti fil-Finlandja u li jkunu suġġetti għal talba għal estradizzjoni minn pajjiż terz għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija jibbenefikaw mir-regola li tipprojbixxi l-estradizzjoni applikata għaċ-ċittadini Finlandiżi u jkunu jistgħu, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawn tal-aħħar, jiskontaw il-piena tagħhom fit-territorju Finlandiż.

48

Jekk, min-naħa l-oħra, ċittadin bħal D. Raugevicius ma jistax jitqies li jirrisjedi b’mod permanenti fl-Istat Membru rikjest, il-kwistjoni tal-estradizzjoni tiegħu tiġi riżolta fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt internazzjonali applikabbli

49

Jeħtieġ ukoll li jiġi ppreċiżat li, fl-ipoteżi fejn l-Istat Membru rikjest ikollu l-intenzjoni li jestradixxi ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fuq talba ta’ pajjiż terz, dan l-ewwel Stat Membru għandu jivverifika li l-estradizzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mill-Artikolu 19 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 60).

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-preżenza ta’ talba għal estradizzjoni, magħmula minn pajjiż terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, mhux għall-finijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji ta’ prosekuzzjoni, iżda tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, l-Istat Membru rikjest, li d-dritt nazzjonali tiegħu jipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess barra mill-Unjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena u li jipprevedi l-possibbiltà li tali piena mogħtija barra mill-pajjiż tiġi skontata fit-territorju tiegħu, għandu l-obbligu li jiżgura li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, fil-mument li dan iċ-ċittadin jirrisjedi b’mod permanenti fit-territorju tiegħu, jirċievi trattament identiku għal dak mogħti liċ-ċittadini tiegħu fil-qasam tal-estradizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-preżenza ta’ talba għal estradizzjoni, magħmula minn pajjiż terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, mhux għall-finijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji ta’ prosekuzzjoni, iżda tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, l-Istat Membru rikjest, li d-dritt nazzjonali tiegħu jipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess barra mill-Unjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena u li jipprevedi l-possibbiltà li tali piena mogħtija barra mill-pajjiż tiġi skontata fit-territorju tiegħu, għandu l-obbligu li jiżgura li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, fil-mument li dan iċ-ċittadin jirrisjedi b’mod permanenti fit-territorju tiegħu, jirċievi trattament identiku għal dak mogħti liċ-ċittadini tiegħu fil-qasam tal-estradizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top