EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0176

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Settembru 2018.
Profi Credit Polska S.A. w Bielsku Białej vs Mariusz Wawrzosek.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Proċedura ta’ ordni għal ħlas ibbażata fuq ċedola li tiggarantixxi l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim ta’ self għall-konsumatur.
Kawża C-176/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:711

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Proċedura ta’ ordni għal ħlas ibbażata fuq ċedola li tiggarantixxi l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim ta’ self għall-konsumatur”

Fil-Kawża C‑176/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich I Wydział Cywilny (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ April 2017, fil-proċedura

Profi Credit Polska S.A. w Bielsku Białej

vs

Mariusz Wawrzosek,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Marzu 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn B. Czech u S. Żyrek, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Cleenewerck de Crayencour, K. Herbout-Borczak, G. Goddin u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) kif ukoll tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, ĠU 2011, L 234, p. 46 u ĠU 2015, L 36, p. 15).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura bejn Profi Credit Polska u Mariusz Wawrzosek dwar rikors għal ordni għal ħlas ibbażat fuq ċedola ssottoskritta minnu għall-ħlas ta’ somom allegatament dovuti b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ self għall-konsumatur mogħti minn din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13

3

Il-premessa 24 tad-Direttiva 93/13 tippreċiża li “[…] l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

4

Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan tad-Direttiva 93/13 huwa l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

5

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur”.

6

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

7

Skont l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-Direttiva 87/102/KEE

8

L-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat‑22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326) kien jipprevedi:

“L-Istati Membri li, in konnessjoni ma’ ftehim ta’ kreditu, jippermettu lill-konsumatur:

(a)

li jagħmel ħlas permezz ta’ kambjali inklużi ċedoli;

(b)

li jagħti garanzija permezz ta’ kambjali inklużi ċedoli u ċekkijiet,

għandhom jiżguraw li l-konsumatur huwa mħares b’mod xieraq meta jkun qed juża dawn l-istrumenti f’ dawk il-modi.”

Id-Direttiva 2008/48

9

Bħalma jispeċifika l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2008/48 huwa li jiġu armonizzati ċerti aspetti tar-regoli tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur.

10

L-Artikolu 3(ċ) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“ftehim ta’ kreditu” bħala “ftehim li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ ħlas differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra; ħlief għal ftehim għall-forniment fuq bażi kontinwa ta’ servizzi jew il-forniment ta’ merkanzija ta’ l-istess xorta, fejn il-konsumatur iħallas għal tali servizzi jew merkanzija għat-tul ta’ żmien tal-provvista tagħhom permezz ta’ pagamenti bin-nifs”.

11

L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ċessjoni ta’ drittijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn id-drittijiet tal-kreditur taħt ftehim ta’ kreditu jew il-ftehim innifsu jiġu ċeduti lil parti terza, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jeċċepixxi kontra ċ-ċessjonarju kwalunkwe difiża li kienet disponibbli għalih kontra l-kreditur oriġinali, inkluża tpaċija fejn din ta’ l-aħħar tkun permessa fl-Istat Membru kkonċernat.”

12

L-Artikolu 22 tal-istess direttiva, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

13

L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/48 jispeċifika li d-Direttiva 87/102 għandha titħassar b’effett mill‑11 ta’ Ġunju 2010.

Id-dritt Pollakk

14

L-Artikolu 4841 tal-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas-17 ta’ Novembru 1964 (Dz.U. 1964, no4), test ikkonsolidat, kif emendat (iktar ’il quddiem il-“KPC”), jipprevedi:

“[…]

2.   Il-qorti għandha tiddeċiedi skont il-proċedura ta’ ordni għal ħlas fuq talba bil-miktub tar-rikorrent ifformulata fir-rikors promotur.

3.   Il-kawża għandha tiġi eżaminata in camera. […]”

15

Skont l-Artikolu 485(2) ta’ dan il-kodiċi:

“Il-qorti għandha toħroġ ukoll ordni għal ħlas fil-konfront tad-debitur ta’ ċedola […] redatta kif suppost jekk l-awtentiċità u l-kontenut tagħha ma jqajmux dubji.”

16

L-Artikolu 486(1) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Fl-assenza ta’ prerekwiżiti suffiċjenti għall-ħruġ ta’ ordni għal ħlas, il-president għandu jistabbilixxi d-data għas-smigħ, sakemm il-kawża ma tkunx tista’ tiġi ttrattata in camera.”

17

L-Artikolu 491(1) tal-KPC jipprevedi:

“Bl-ordni ta’ ħlas il-qorti titlob lill-konvenut biex jagħmel tajjeb għad-dejn sħiħ, inklużi l-ispejjeż, fi żmien ġimagħtejn wara li jirċievi l-ordni għal ħlas, jew inkella li jressaq oppożizzjoni kontra din l-ordni f’dan it-terminu.”

18

L-Artikolu 492 ta’ dan il-kodiċi jippreċiża:

“1.   Mal-ħruġ tagħha, l-ordni għal ħlas titqies bħala titolu ta’ garanzija eżegwibbli mingħajr inklużjoni ta’ ordni ta’ infurzar […]

[…]

3.   L-ordni għal ħlas maħruġa abbażi ta’ ċedola […] hija eżegwibbli mal-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-ħlas tad-dejn. Fil-każ ta’ oppożizzjoni tal-konvenut, il-qorti tista’, fuq talba tiegħu, tissospendi l-eżekuzzjoni tal-ordni […].”

19

Skont l-Artikolu 493(1) tal-imsemmi kodiċi:

“L-oppożizzjoni għandha titressaq quddiem dik il-qorti li tkun ħarġet l-ordni għal ħlas. Il-konvenut għandu jindika, fl-att ta’ oppożizzjoni tiegħu, jekk huwiex qiegħed jikkontesta l-ordni għal ħlas fl-intier tagħha jew parzjalment u għandu jressaq il-motivi u l-eċċezzjonijiet mqajma, li għandhom jiġu invokati, taħt piena ta’ inammissibbiltà, qabel id-difiża fil-mertu, kif ukoll jippreżenta fatti u provi. […]”

20

L-Artikolu 385(1) tal-Kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili tat‑23 ta’ April 1964, Dz. U. tal‑1964, n 16), test ikkonsolidat, kif emendat (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jippreċiża:

“1.   Il-klawżoli ta’ kuntratt mal-konsumatur li ma jkunux ġew miftiehma individwalment ma humiex vinkolanti għall-konsumatur jekk dawn jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’mod li jmur kontra l-prinċipji aċċettati tal-moralità u jippreġudikaw b’mod serju l-interessi tiegħu (klawżoli kuntrattwali inammissibbli). Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-klawżoli li jiddeterminaw l-obbligi prinċipali tal-partijiet, partikolarment il-prezz jew ir-remunerazzjoni, jekk ikunu ġew ifformulati b’mod ċar.

2.   Meta klawżola ta’ kuntratt ma tkunx vinkolanti għall-konsumatur skont il-paragrafu (1), il-ftehim jibqa’ vinkolanti għall-partijiet fil-kumplament tiegħu.

[…]”

21

Skont l-Artikolu 101 tal-Ustawa prawo wekslowe (il-Liġi dwar il-Kambjali, tat‑28 ta’ April 1936, Dz.U. 1936, n 37), kif emendata:

“Iċ-ċedola għandha tinkludi:

1)

il-kelma ‘ċedola’ fit-test tad-dokument bil-lingwa li fiha din tkun inħarġet;

2)

il-wegħda inkundizzjonata li ser titħallas somma ta’ flus speċifika;

3)

l-indikazzjoni tat-terminu għal ħlas;

4)

l-indikazzjoni tal-post għall-ħlas;

5)

l-isem tal-persuna li għall-benefiċċju jew li fuq ordni tagħha għandu jsir il-ħlas;

6)

l-indikazzjoni tad-data u tal-post tal-ħruġ taċ-ċedola;

7)

il-firma tal-emittent taċ-ċedola.”

22

Skont l-Artikolu 19(4) tal-Ustawa o kosztach sądowych w sprawach cywilnych (il-Liġi dwar l-Ispejjeż tal-Qorti f’Materji Ċivili) tat‑28 ta’ Lulju 2005 (Dz. U. 2005, n 167):

“Fil-każ ta’ oppożizzjoni għall-ordni għal ħlas mogħtija skont il-proċedura ta’ ordni, il-konvenut għandu jħallas tliet kwarti mill-ispejjeż tal-qorti.”

23

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 ġew trasposti fid-dritt Pollakk permezz tal-Liġi tat‑12 ta’ Mejju 2011 dwar il-Ftehim ta’ Kreditu għall-Konsumatur (Ustawa z dnia 12 maja 2011 r. o kredycie konsumencki, Dz. U. 2014, n 1497, verżjoni kkonsolidata, kif emendata, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑12 ta’ Mejju dwar il-Kreditu għall-Konsumatur”). L-Artikolu 41 tagħha jipprovdi:

“[…] 1.   [I]ċ-ċedola […] ta’ konsumatur li tingħata lill-kreditur għall-finijiet tal-eżekuzzjoni jew tal-garanzija ta’ tranżazzjoni li tirriżulta minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur trid tinkludi l-klawżola ‘mhux għan-nom’ jew klawżola bl-istess sinjifikat.

[…] 2.   Jekk il-kreditur jaċċetta ċedola […] li ma tinkludix il-klawżola ‘mhux għan-nom’, u jittrasferixxi din iċ-ċedola […] lil persuna oħra, il-kreditur huwa obbligat jagħmel tajjeb għad-dannu lill-konsumatur billi jħallas il-kambjala. […]

[…] 3.   Il-paragrafu 2 japplika wkoll jekk iċ-ċedola jew iċ-ċekk ikun spiċċa fil-pussess ta’ persuna oħra kontra r-rieda tal-kreditur.”

Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

24

Permezz ta’ kuntratt standard tat‑3 ta’ Diċembru 2015, Profi Credit Polska, kumpannija stabbilita f’Bielsko-Biała (il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“istabbiliment finanzjarju” jew “min isellef”), tat self għall-konsumatur lil M. Wawrzosek (iktar ’il quddiem il-“persuna li tissellef”). Dan il-kuntratt standard kien jinkludi klawżola li timponi fuq il-persuna li tissellef l-obbligu li toħroġ ċedola sabiex tiggarantixxi d-djun ta’ min isellef skont dan il-kuntratt. Ir-rimbors ta’ dan is-self kien għaldaqstant iggarantit b’ċedola ffirmata mill-persuna li tissellef, li l-ammont tagħha ma kienx ippreċiżat.

25

Wara li l-persuna li tissellef naqset milli tħallas, l-istabbiliment finanzjarju nfurmaha li ċ-ċedola kienet imtliet bl-ammont li kien għadu dovut. Dan l-istabbiliment adixxa lill-qorti tar-rinviju b’rikors għal ordni għal ħlas fil-konfront tal-persuna li tissellef, għall-ammont ta’ 3268,38 zlotys Pollakki (PLN) (madwar EUR 753), imsemmija fuq iċ-ċedola. L-imsemmi stabbiliment finanzjarju annetta mar-rikors tiegħu l-imsemmija ċedola debitament mimlija u ffirmata, kif ukoll l-att ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ self.

26

Dik il-qorti tippreċiża li, minkejja li hija ma għandhiex, fil-proċess, il-kuntratt standard inkwistjoni, hija għandha għarfien tal-kliem tal-klawżola kuntrattwali li timponi l-ħruġ mill-persuna li tissellef ta’ ċedola bħala garanzija ta’ ħlas. Hija tindika li din hija redatta b’mod identiku fil-kuntratti ta’ self kollha konklużi minn Profi Credit Polska li taw lok, quddiemha, għal diversi rikorsi għal ordni għal ħlas.

27

L-imsemmija qorti tindika li din il-proċedura ta’ ordni għal ħlas ibbażata fuq ċedola kemm-il darba hija użata mill-bejjiegħa jew fornituri fil-Polonja sabiex jirkupraw id-djun tagħhom. Il-prattika tikkonsisti f’li sempliċement tiġi annessa ma’ dan ir-rikors iċ-ċedola debitament mimlija, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe dokument ieħor li juri l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ obbligu preeżistenti għas-sottoskrizzjoni tiegħu (ir-“relazzjoni sottostanti”), inkluż il-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur.

28

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-proċedura ta’ ordni għal ħlas hija bbażata fuq il-preżunzjoni li tipprovdi li s-sitwazzjoni fattwali li tiġġustifika d-dejn tar-rikorrent ġiet integralment ippruvata minn dokumenti, stipulati fl-Artikolu 485 tal-KPC, u annessi mar-rikors, li fosthom hemm iċ-ċedola. Konsegwentement, għall-finijiet tal-ħruġ ta’ digriet dwar ordni għal ħlas, ikun biżżejjed li jiġi vverifikat li ċ-ċedola ġiet stabbilita b’mod korrett, b’osservanza tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1 et seq. kif ukoll tal-Artikolu 101 tal-Liġi dwar il-Kambjali, kif emendata.

29

Dik il-qorti tosserva li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-proċedura ta’ ordni għal ħlas tipproċedi f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, l-evalwazzjoni tal-validità taċ-ċedola, jekk din tista’ ssir ex officio mill-qorti, hija limitata għall-eżami tar-regolarità formali tagħha, peress li mill-Artikolu 485(2) tal-KPC jirriżulta li l-qorti adita għandha tagħti ordni għal ħlas fil-konfront tad-debitur ta’ “ċedola […] redatta kif suppost jekk l-awtentiċità u l-kontenut tal-kambjala ma jqajmux dubji”. Fit-tieni fażi, jekk id-debitur imsemmi mill-kambjala jkun għamel oppożizzjoni għall-ordni għal ħlas, dan ikun jista’ mhux biss jikkontesta l-obbligu naxxenti mill-kambjala, iżda wkoll ir-relazzjoni sottostanti eżistenti, inkluż pereżempju l-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur.

30

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-proċedura ta’ ordni għal ħlas implimentata abbażi ta’ ċedola hijiex konformi mad-Direttiva 93/13.

31

Skont dik il-qorti, din il-kawża hija distinta mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349), u tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98), li fihom il-qrati nazzjonali kellhom id-dokumenti kuntrattwali fid-dispożizzjoni tagħhom li jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti, b’mod illi huma kellhom il-possibbiltà li ma japplikawx il-klawżoli inġusti inklużi f’dawn id-dokumenti.

32

Min-naħa l-oħra, hija tqis li, fil-kawża pendenti quddiemha, minkejja li huwa l-kompitu tagħha li teżamina r-relazzjoni ġuridika li torbot lill-partijiet, dan l-eżami huwa limitat għall-qasam iddefinit mir-relazzjoni kambjarja. Hija tesponi li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-istħarriġ tagħha jista’ jirrigwarda biss il-kontenut taċ-ċedola. Għaldaqstant, anki jekk hija jkollha għarfien tar-relazzjoni sottostanti, hija ma tkunx tista’, minħabba l-leġiżlazzjoni nazzjonali, teżerċita stħarriġ fuq id-dokumenti li jikkonstatawha. Għaldaqstant ikun il-kompitu tal-konsumatur biss li jagħmel oppożizzjoni kontra l-ordni għal ħlas sabiex in-natura eventwalment inġusta ta’ ċerti klawżoli jew in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi fil-qasam ta’ informazzjoni tkun tista’ tiġi kkonstatata.

33

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich I Wydział Cywilny (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari sussegwenti:

“Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [93/13], b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1), kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 […], u b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 22(1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu lil negozjant (persuna li ssellef) milli jeżegwixxi kreditu kkonstatat minn kambjala redatta kif suppost, fil-konfront ta’ konsumatur (il-persuna li tissellef), fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni ta’ ħlas kif iddefinita mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 485(2) et seq. tal-[Kodiċi tal-Proċedura Ċivili] flimkien ma’ dik tal-Artikolu 41 tal-[Liġi tat‑12 ta’ Mejju 2011 dwar il-Kreditu lill-Konsumaturi], li jipprevedu li l-eżami tal-qorti nazzjonali għandu jkun limitat biss għall-verifika tal-validità tal-obbligazzjoni naxxenti mill-kambjala mill-perspettiva tal-osservanza tal-kundizzjonijiet formali applikabbli għaliha, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni sottostanti?”

Fuq id-domanda preliminari

34

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2008/48 jagħmel riferiment għat-trasferiment tad-drittijiet ta’ min isellef lil terz, huwa stabbilit, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-benefiċjarju taċ-ċedola u min isellef huma l-istess persuna ġuridika.

35

Barra minn hekk, minkejja li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 87/102, li ġie mħassar bid-Direttiva 2008/48, kien jagħmel riferiment għaċ-ċedoli, bħalma osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 ma jagħmlux iktar riferiment għal dawn l-istrumenti.

36

Peress li d-Direttiva 2008/48 ma wettqitx armonizzazzjoni fil-qasam taċ-ċedoli bħala garanzija ta’ kreditu lill-konsumatur, l-Artikolu 22(1) tagħha lanqas ma huwa applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37

Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju se tirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13.

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-ħruġ ta’ ordni għal ħlas, ibbażata fuq ċedola regolari fir-rigward tal-forma tagħha, li tiggarantixxi dejn naxxenti minn ftehim ta’ kreditu lill-konsumatur, meta l-qorti adita b’rikors għal ordni għal ħlas ma għandhiex is-setgħa li twettaq eżami tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt.

39

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-klawżoli inġusti inklużi f’kuntratt ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma għandhomx jorbtu lill-konsumaturi, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali tagħhom.

40

Minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li sserraħ fuqhom il-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew tal-fornituri, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 24 tagħha, li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għal dan l-għan, hija l-qorti nazzjonali li għandha purament u sempliċement ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta sabiex din ma tipprovdix effett vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma tkun tista’ tirrevedi l-kontenut tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li minkejja li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, li tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, dan huwa bil-kundizzjoni li hija jkollha quddiemha punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 58).

43

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349) u tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98) kif ukoll għad-digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2016, Aktiv Kapital Portfolio (C‑122/14, mhux ippubblikat, EU:C:2016:486), li dawn il-motivi japplikaw ukoll, bħal fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-konfront ta’ proċedura ta’ordni għal ħlas.

44

Fil-fatt, protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-konsumatur minn din id-direttiva tista’ tiġi ggarantita biss jekk is-sistema proċedurali nazzjonali tippermetti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas jew f’dak tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-ordni għal ħlas, stħarriġ ex officio tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 46, u digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2016, Aktiv Kapital Portfolio, C‑122/14, mhux ippubblikat, EU:C:2016:486, punt 30).

45

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-istħarriġ tagħha, matul l-ewwel fażi tal-proċedura ta’ ordni għal ħlas, huwa limitat għar-relazzjoni kambjarja nfisha, jiġifieri ċ-ċedola, u ma jistax jirrigwarda r-relazzjoni sottostanti.

46

Barra minn hekk, dik il-qorti tindika li hija ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ self inkwistjoni.

47

Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qorti nazzjonali ma tistax twettaq l-eżami tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali sakemm hija ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha għal dan l-għan.

48

Fit-tieni lok, u dejjem fir-rigward tal-ewwel fażi tal-proċedura, il-Gvern Pollakk jargumenta li, skont l-Artikolu 486(1) tal-KPC, fl-assenza ta’ prerekwiżiti suffiċjenti għall-ħruġ ta’ ordni għal ħlas, il-president tal-formazzjoni adita jkun jista’ jistabbilixxi data għas-smigħ, sakemm il-kawża ma tkunx tista’ tiġi eżaminata in camera. Meta tkun stabbilita data għas-seduta, il-fażi orali tal-proċedura tkun organizzata skont il-proċedura ordinarja jew il-proċedura speċjali li hija applikabbli għaliha, li tippermetti kemm li tiġi eżaminata r-relazzjoni kambjarja kif ukoll ir-relazzjoni sottostanti, inkluż il-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur.

49

Dan ingħad, minn naħa, bħalma jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, is-setgħa li għandu l-president tal-formazzjoni adita biex jistabbilixxi data għas-seduta, b’deroga għar-regola li tipprovdi li, konformement mal-Artikolu 4841 tal-KPC, il-kawża għandha tiġi eżaminata in camera, hija suġġetta għall-kundizzjoni li ma jeżistux “prerekwiżiti suffiċjenti għall-ħruġ ta’ ordni għal ħlas”.

50

Issa, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, tali kundizzjoni ma hijiex issodisfatta fil-kawża prinċipali.

51

Min-naħa l-oħra, dik il-qorti tenfasizza li, fl-ewwel fażi tal-proċedura, mill-Artikolu 485(2) tal-KPC jirriżulta li l-kompetenza tagħha hija limitata għal eżami tar-regolarità formali taċ-ċedola. L-imsemmija qorti tispeċifika li, fil-proċedura pendenti quddiemha, iċ-ċedola inkwistjoni hija valida.

52

Fi kwalunkwe każ, minkejja li, skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex toħroġ mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 il-kriterji li jiddefinixxu l-qafas li jippermetti li tiġi evalwata ex officio l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dispożizzjoni, bħall-Artikolu 486(1) tal-KPC, tistax toffrilha, jekk ikun il-każ, tali qafas.

53

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-eżami tar-relazzjoni ġuridika li tirriżulta mill-ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur isir biss jekk il-konsumatur jagħmel oppożizzjoni għall-ordni għal ħlas.

54

Għandu jitqies li, minkejja li l-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda biss l-ewwel fażi tagħha, din il-proċedura għandha madankollu, bħalma osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, tiġi eżaminata fit-totalità tagħha, billi jiġu inklużi kemm l-ewwel fażi qabel issir l-oppożizzjoni, kif ukoll it-tieni fażi li tiġi wara din l-oppożizzjoni.

55

Fil-fatt, kull sitwazzjoni li fiha tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali taffettwax id-dritt għal rimedju effettiv, għandha tiġi analizzata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

Għandu jiġi osservat li, mal-bidu tat-tieni fażi tal-proċedura, jiġifieri permezz tal-oppożizzjoni tal-konsumatur għall-ordni għal ħlas, il-qorti nazzjonali jkun jista’ jkollha punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa għall-eżami ex officio tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

57

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet, f’diversi okkażjonijiet u billi ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, il-mod kif il-qorti nazzjonali għandha tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li l-konsumaturi jisiltu minn din id-direttiva, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, u li dawn il-proċeduri jaqgħu, għalhekk, taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li jipprevedu dritt għal rimedju effettiv, kif previst fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, The Trustees of the BT Pension Scheme, C‑628/15, EU:C:2017:687, punti 5859 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, u bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, hemm lok jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda informazzjoni ta’ natura li tqajjem dubju dwar il-konformità ma’ dan il-prinċipju tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

59

F’dak li jirrigwarda d-dritt għal rimedju effettiv, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, li jiġu previsti modalitajiet proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-Direttiva 93/13 kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti jimplika rekwiżit ta’ dritt għal rimedju effettiv, li huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta. Din il-protezzjoni għandha tapplika kemm fuq il-livell tal-identifikazzjoni tal-qrati kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawżi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u kif ukoll fir-rigward tal-modalitajiet proċedurali marbuta ma’ tali kawżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Mill-Artikolu 492 u mill-Artikolu 493(1) tal-KPC jirriżulta li l-oppożizzjoni għall-ordni għal ħlas magħmula mid-debitur, quddiem il-qorti li tkun ħarġet dan id-digriet, tippermetti lill-qorti tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha.

61

Bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tagħha, sabiex jiġi ddeterminat jekk proċedura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tmurx kontra dritt għal rimedju effettiv, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina, bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-modalitajiet tal-proċedura ta’ oppożizzjoni li jipprevedi d-dritt nazzjonali jwasslux għal riskju mhux żgħir li l-konsumaturi kkonċernati ma jagħmlux l-oppożizzjoni meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 54; tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz, C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 58, u tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 52).

62

Fil-fatt, fl-assenza ta’ stħarriġ effettiv tan-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, ir-rispett tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi ggarantit (sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Banco Santander, C‑598/15, EU:C:2017:945, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Fost dawn il-mezzi adegwati u effettivi li għandhom jiggarantixxu lill-konsumaturi dritt għal rimedju effettiv, għandu jkun hemm il-possibbiltà li jippreżentaw rikors jew li jagħmlu oppożizzjoni f’kundizzjonijiet proċedurali raġjonevoli, b’mod illi l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet, b’mod partikolari termini jew spejjeż, li jnaqqsu l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Mill-informazzjoni kollha fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, minkejja li, konformement mal-Artikoli 491 et seq. tal-KPC, il-konvenut fl-ewwel fażi tal-proċedura għandu d-dritt li jikkontesta l-ordni għal ħlas, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ oppożizzjoni huwa suġġett għal kundizzjonijiet partikolarment restrittivi.

65

Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikolu 491(1) tal-KPC jirriżulta li t-terminu sabiex issir oppożizzjoni huwa ta’ ġimagħtejn. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 493(1) ta’ dan il-kodiċi, il-konvenut għandu, fl-att ta’ oppożizzjoni tiegħu, jippreċiża jekk huwiex qiegħed jikkontesta l-ordni għal ħlas fl-intier tagħha jew parzjalment u għandu jressaq, taħt piena ta’ inammissibbiltà tagħha, il-motivi u l-eċċezzjonijiet mqajma, kif ukoll jippreżenta fatti u provi.

66

Bħalma osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tagħha, tali modalitajiet proċedurali f’terminu daqshekk qasir iwasslu għar-riskju mhux żgħir li l-konsumatur ma jagħmilx oppożizzjoni jew li din tkun inammissibbli.

67

Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 19(4) tal-Liġi Pollakka tat-28 ta’ Lulju 2005 dwar l-Ispejjeż tal-Qorti f’Materji Ċivili, jirriżulta li l-konvenut għandu jħallas tliet kwarti tal-ispejjeż tal-qorti meta jagħmel oppożizzjoni għad-digriet dwar ordni għal ħlas, b’mod illi l-bejjiegħ jew fornitur ikollu jħallas biss kwart tal-ispejjeż tal-qorti.

68

Bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tagħha, tali spejjeż huma fihom infushom ta’ natura li jiddiswadu konsumatur milli jagħmel oppożizzjoni, peress li dan tal-aħħar huwa dejjem iktar ippenalizzat jekk huwa jkollu, fi kwalunkwe każ, iħallas spejjeż tliet darbiet ogħla mill-avversarju.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jeżisti riskju mhux żgħir li l-konsumaturi kkonċernati ma jressqux l-oppożizzjoni meħtieġa jew minħabba t-terminu partikolarment qasir previst għal dan il-għan, jew għaliex jistgħu jiġu skoraġġuti milli jiddefendu ruħhom fid-dawl tal-ispejjeż li azzjoni legali tinvolvi meta mqabbla mal-ammont tad-dejn ikkontestat, jew għaliex ma jafux jew ma jifhmux il-portata tad-drittijiet tagħhom, jew inkella minħabba l-kontenut limitat tat-talba għal ordni mressqa mill-bejjiegħa jew fornituri u għalhekk tan-natura inkompleta tal-informazzjoni li jkollhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC, C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2016, Aktiv Kapital Portfolio, C‑122/14, mhux ippubblikat, EU:C:2016:486, punt 37).

70

Minn dan isegwi li modalitajiet proċedurali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn dawn jeżiġu mill-konsumatur li huwa jipproduċi, f’terminu ta’ ġimagħtejn sa minn meta jirċievi d-digriet ta’ ordni għal ħlas, il-punti ta’ fatt u l-provi li jippermettu lill-qorti twettaq din l-evalwazzjoni u li jippenalizzawh fil-mod kif inhuma kkalkolati l-ispejjeż tal-qorti, iwasslu għal tali riskju.

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-ħruġ ta’ ordni għal ħlas, ibbażata fuq ċedola regolari, li tiggarantixxi dejn naxxenti minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, meta l-qorti adita b’rikors għal ordni għal ħlas ma għandhiex is-setgħa li twettaq eżami tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, peress li l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li ssir oppożizzjoni għal tali digriet ma jippermettux li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumatur jislet minn din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-ħruġ ta’ ordni għal ħlas, ibbażata fuq ċedola regolari, li tiggarantixxi dejn naxxenti minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, meta l-qorti adita b’rikors għal ordni għal ħlas ma għandhiex is-setgħa li twettaq eżami tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, peress li l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li ssir oppożizzjoni għal tali digriet ma jippermettux li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumatur jislet minn din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top