EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0174

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2018.
L-Unjoni Ewrpea vs Plásticos Españoles SA (ASPLA) u Armando Álvarez SA.
Appell – Rikors għad-danni – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Tul eċċessiv tal-proċedura fil-kuntest ta’ żewġ kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti – Dannu materjali – Spejjeż ta’ garanzija bankarja – Rabta kawżali – Interessi moratorji.
Kawżi magħquda C-174/17 P u C-222/17 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:1015

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

13 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Appell – Rikors għad-danni – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE – Tul eċċessiv tal-proċedura fil-kuntest ta’ żewġ kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti – Dannu materjali – Spejjeż ta’ garanzija bankarja – Rabta kawżali – Interessi moratorji”

Fil-Kawżi magħquda C‑174/17 P u C‑222/17 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati, rispettivament, fil-5 ta’ April u fis-27 ta’ Marzu 2017,

L‑Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn J. Inghelram, Á. M. Almendros Manzano u P. Giusta, bħala aġenti, sussegwentement minn J. Inghelram u Á. M. Almendros Manzano, bħala aġenti (C‑174/17 P),

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Plásticos Españoles SA (ASPLA), stabbilita f’Torrelavega (Spanja),

Armando Álvarez SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

irrappreżentati minn M. Troncoso Ferrer, C. Ruixó Claramunt u S. Moya Izquierdo, abogados,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Urraca Caviedes, S. Noë u F. Erlbacher kif ukoll minn F. Castilla Contreras, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Plásticos Españoles SA (ASPLA), stabbilita f’Torrelavega,

Armando Álvarez SA, stabbilita f’Madrid,

irrappreżentati minn S. Moya Izquierdo u M. Troncoso Ferrer, abogados (C‑222/17 P),

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L‑Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn J. Inghelram, Á. M. Almendros Manzano u P. Giusta, bħala aġenti, sussegwentement minn J. Inghelram u Á. M. Almendros Manzano, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Il‑Kummissjoni Ewropea,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.‑C. Bonichot, E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, minn naħa, l-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, Plásticos Españoles SA (ASPLA) (iktar ’il quddiem “ASPLA”) u Armando Álvarez SA jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Frar 2017, ASPLA u Armando Álvarez vs L‑Unjoni Ewropea (T‑40/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:105), li permezz tagħha kkundannat lill-Unjoni Ewropea sabiex tħallas kumpens għal ammont ta’ EUR 44 951.24 lil ASPLA u kumpens għal ammont ta’ EUR 111 042.48 lil Armando Álvarez bħala dannu materjali subit minn kull waħda minn dawn il-kumpanniji minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il‑Kummissjoni, (T‑76/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il‑Kummissjoni (T‑78/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:673) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Kawżi T‑76/06 u T‑78/06”), u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Frar 2006, minn naħa ASPLA u, min-naħa l-oħra, Armando Álvarez ippreżentaw, kull waħda, rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 4634 tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni C(2005) 4634”). Fir-rikorsi tagħhom, huma talbu, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali tannulla din id-deċiżjoni sa fejn kienet tikkonċernahom, jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom.

3

Permezz tas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il‑Kummissjoni (T‑76/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il‑Kummissjoni (T‑78/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:673), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn ir-rikorsi.

4

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fl-24 ta’ Jannar 2012, ASPLA u Armando Álvarez appellaw mis-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il‑Kummissjoni (T‑76/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:672), u Álvarez vs Il‑Kummissjoni (T‑78/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:673).

5

Permezz tas-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2014, ASPLA vs Il‑Kummissjoni (C‑35/12 P, EU:C:2014:348), u Armando Álvarez vs Il‑Kummissjoni (C‑36/12 P, EU:C:2014:349), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dawn l-appelli.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2015, ASPLA u Armando Álvarez ippreżentaw rikors ibbażat fuq l-Artikolu 268 TFUE kontra l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni Ewropea, intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li dawn il-kumpanniji kienu sofrew minħabba tul eċċessiv tal-proċedura, quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06.

7

Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Marzu 2016, ASPLA u Armando Álvarez vs L‑Unjoni Ewropea (T‑40/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:133), il-Kummissjoni ġiet imħassra minn din il-kawża bħala rappreżentanta tal-Unjoni, wara r-rinunzja għall-atti parzjali tar-rikorrenti.

8

Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali qatgħet u ddeċidiet:

“1)

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tħallas kumpens ta’ EUR 44951.24 lil [ASPLA] u kumpens ta’ EUR 111042.48 lil [Armando Álvarez] għad-danni materjali subiti minn kull waħda minn dawn il-kumpanniji minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-prolazzjoni ta’ sentenza fil-kawżi [T‑76/06 u T‑78/06]. Kull wieħed minn dawn il-kumpensi għandu jiġi evalwat mill-ġdid permezz tal-interessi kumpensatorji, dekorribbli mis-27 ta’ Jannar 2015 sal-prolazzjoni tas-sentenza odjerna, bir-rata ta’ inflazzjoni annwali stabbilita, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat (uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea) fl-Istati Membru li fih huma stabbiliti dawn il-kumpanniji.

2)

Kull wieħed mill-kumpensi msemmija fil-punt 1) iktar ’il fuq għandu jiżdied bl-interessi moratorji, mill-prolazzjoni tas-sentenza odjerna sal-ħlas sħiħ, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)

ASPLA u Armando Álvarez, minn naħa, u [l-Unjoni Ewropea], irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

5)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.”

It-talbiet tal-partijiet

9

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑174/17 P, l-Unjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tiċħad bħala infondata t-talba ta’ ASPLA u ta’ Armando Álvarez, ifformulata fl-ewwel istanza, intiża sabiex tinkiseb is-somma ta’ EUR 3495 038.66 għad-dannu li kien ġie kkawżat lilhom minħabba skadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, u

tikkundanna lil ASPLA u lil Armando Álvarez għall-ispejjeż.

10

ASPLA u Armando Álvarez jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

11

Il‑Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell għal dawn l-elementi kollha.

12

Permezz tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑222/17 P, ASPLA u Armando Álvarez jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiddikjara dan l-appell ammissibbli;

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Eworpea, li tħallas EUR 3495 038.66 (EUR 355 118.67 li jikkorrispondu mal-kummissjonijiet bankarji mħallsa addizzjonalment u EUR 3139 919.99 li jikkorrispondu mal-interessi fuq il-multa mħallsa addizzjonalment) bħala l-kumpens dovut għall-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ammont li miegħu għandhom jiżdiedu l-interessi kumpensatorji b’rata ekwivalenti għar-rata ta’ inflazzjoni annwali fi Spanja kkalkolata minn Eurostat għall-perijodu mis-27 ta’ Jannar 2015 sas-17 ta’ Frar 2017 kif ukoll l-interessi moratorji bir-rata applikata mill-BĊE għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid tiegħu, miżjuda b’żewġ punti ta’ perċentwali, ikkalkolati minn din id-data u sal-ħlas effettiv, u

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

13

L‑Unjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell billi tiddikjarah jew parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat, jew bħala infondat, u

tikkundanna lill-appellanti sabiex ibatu l-ispejjeż tal-proċedura.

14

Permezz tad-deċiżjoni tal-President tal-Ewwel Awla tas-17 ta’ April 2018, il-Kawżi C‑174/17 P u C‑222/17 P ingħaqdu għall-finijiet tal-konklużjonijiet u tas-sentenza.

Fuq l-appelli

15

Insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑174/17 P, l-Unjoni Ewropea tqajjem żewġ aggravji.

16

Insostenn tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑222/17 P, ASPLA u Armando Álvarez iqajmu ħames aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑174/17 P

L-argumenti tal-partijiet

17

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-Unjoni Ewropea ssostni li, peress li qieset li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 u t-telf subit minn ASPLA u Armando Álvarez minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”.

18

B’mod partikolari, l-Unjoni Ewropea tqis li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-premessa żbaljata li l-għażla li tiġi kkostitwita garanzija bankarja ssir biss f’mument partikolari, jiġifieri fil-mument tal-“għażla inizjali” li tiġi kkostitwita din il-garanzija. Issa, peress li l-obbligu li titħallas il-multa kien jeżisti matul il-proċedura kollha quddiem il-qrati tal-Unjoni, u anki lil hinn minn dan il-perijodu, peress li l-multa ma ġietx annullata, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kellhom il-possibbiltà li jħallsu l-multa u b’hekk jeżegwixxu l-obbligu tagħhom f’dan ir-rigward. Billi kellhom il-possibbiltà li f’kull mument iħallsu l-multa, l-għażla stess imwettqa minn dawn ir-rikorrenti li jissostitwixxu dan il-ħlas permezz ta’ garanzija bankarja hija għażla kontinwa, li huma jwettqu matul il-proċedura kollha. Għaldaqstant, ir-raġuni determinanti tal-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja hija l-għażla tagħom stess li ma jħallsux il-multa u li jissostitwixxu dan il-ħlas permezz ta’ garanzija bankarja u mhux il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza.

19

Il-Kummissjoni taderixxi mal-argumenti invokati mill-Unjoni Ewropea.

20

ASPLA u Armando Álvarez isostnu li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi fil-punti 110 sa 119 tas-sentenza appellata, u jsostnu li r-raġuni determinanti tal-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja ma tinsabx fl-“għażla proprja” tagħhom, bħalma jidher li qed tallega l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, iżda tirriżulta mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145).

21

F’dan ir-rigward, l-appellati jirrilevaw, l-ewwel nett, li t-termini ta’ din id-dispożizzjoni ma jimplikawx li l-possibbiltà li jiġi ggarantit il-pagament tiġi kkonċepita bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali, iżda li, sabiex jintalbu termini supplimentari għall-ħlas, żewġ kundizzjonijiet għandhom neċessarjament jiġu ssodisfatti, jiġifieri, minn naħa, li jiġi ggarantit il-ħlas, u, min-naħa l-oħra, li jitħallsu l-interessi. It-tieni nett, il-possibbiltajiet ta’ ħlas immedjat jew ta’ kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja jkunu disponibbi għall-applikanti ugwalment, b’tali mod li l-għażla tat-tieni possibbiltà ma tistax bħala konsegwenza timplika ksur tar-raba kawżali bejn id-dannu u l-illegalità. It-tielet nett, l-għażliet li jirriżultaw minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li toffri lill-parti fil-kawża alternattiva billi tipprevediha speċifikament ma jistgħux jiksru r-rabta kawżali.

22

Għalhekk, ASPLA u Armando Álvarez jitolbu li dan l-aggravju jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23

Għandu jitfakkar li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali magħmula mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tirrigwarda l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u d-dannu, rabta li huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tagħha, b’tali mod li l-aġir ikkritikat għandu jkun ir-raġuni determinanti tad-dannu (digriet tal-31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il‑Kummissjoni, C‑433/10 P, mhux ippubblikat, EU:C:2011:204, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 huwiex ir-raġuni determinanti tad-dannu li jirriżulta mill-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir ikkritikat lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u d-dannu allegat.

25

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni ppreżentat kontra l-Kummissjoni, intiż sabiex jinkiseb, b’mod partikolari, ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ garanzija magħmula mir-rikorrenti sabiex tinkiseb is-sospensjoni tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-ħlasijiet lura inkwistjoni, deċiżjonijiet li sussegwentement ġew irtirati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta deċiżjoni li timponi l-ħlas ta’ multa tinkludi l-fakultà li jsir depożitu ddestinat li jiggarantixxi dan il-ħlas u l-interessi moratorji, sakemm ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni jasal fi tmiem, id-dannu li jikkonsisti fl-ispejjeż ta’ garanzija ma jirriżultax minn din id-deċiżjoni, iżda mill-għażla stess tal-persuna kkonċernata li tikkostitwixxi garanzija pjuttost milli teżegwixxi immedjatament l-obbligu ta’ rimbors. F’dawn ir-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li ma kienet teżisti ebda rabta kawżali diretta bejn l-aġir li l-Kummissjoni ġiet ikkritikata bih u d-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Inalca u Cremonini vs Il‑KummissjoniC‑460/09 P, EU:C:2013:111, punti 118 kif ukoll 120).

26

Issa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-fatti inkwistjoni fil-kawża li kienet adita biha kienu sostanzjalment differenti minn dawk ikkonstatati f’din il-ġurisprudenza, b’tali mod li r-rabta bejn l-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 u l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li kien jikkorrispondi ma’ din l-iskadenza ma setgħetx ġiet miksura minħabba l-għażla inizjali ta’ ASPLA u ta’ Armando Álvarez li ma jħallsux immedjatament il-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2005) 4634 u li jikkostitwixxu garanzija bankarja.

27

B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-punti 110 u 111 tas-sentenza appellata, iż-żewġ ċirkustanzi li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex tasal għall-konklużjoni stabbilita fil-punt 112 ta’ din is-sentenza huma, minn naħa, li, fil-mument meta ASPLA u Armando Álvarez ikkostitwixxew garanzija bankarja, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza kien imprevedibbli u li dawn il-kumpanniji setgħu leġittimament jistennew li dawn ir-rikorsi jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli u, min-naħa l-oħra, li l-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza seħħet wara l-għażla inizjali ta’ ASPLA u ta’ Armando Álvarez li jikkostitwixxu din il-garanzija.

28

Issa, iż-żewġ ċirkustanzi evokati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 110 u 111 tas-sentenza appellata, ma jistgħux ikunu rilevanti sabiex jiġi kkunsidrat li r-rabta kawżali bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, fil-kuntest tal-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06, u d-dannu subit minn ASPLA u minn Armando Álvarez minħabba l-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu korrispondenti mal-iskadenza ta’ dan it-terminu ma setgħetx ġiet miksura minħabba l-għażla ta’ dawn l-impriżi li jikkostitwixxu din il-garanzija.

29

Fil-fatt, dan ikun il-każ biss jekk iż-żamma tal-garanzija bankarja jkollha natura obbligatorja, b’tali mod li l-impriża li tkun ippreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa, u li tkun għażlet li tikkostitwixxi garanzija bankarja sabiex ma teżegwixxix immedjatament din id-deċiżjoni, ma kellhiex id-dritt, qabel id-data meta ngħatat is-sentenza fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li tħallas din il-multa u li twaqqaf il-garanzija bankarja li hija kienet ikkostitwixxiet (sentenza tal-lum, C‑138/17 P u C‑146/17 P, L‑Unjoni Ewropea vs Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, punt 28).

30

Issa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 37, 50 u 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, u hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, bħal fil-każ tal-kostituzzjoni tal-garanzija bankarja, iż-żamma tagħha taqa’ taħt l-evalwazzjoni libera tal-impriża kkonċernata fir-rigward tal-interessi finanzjarji tagħha. Fil-fatt, ma hemm xejn fid-dritt tal-Unjoni li jipprekludi din l-impriża li, fi kwalunkwe mument, twaqqaf il-garanzija bankarja li hija kkostitwixxiet u li tħallas il-multa imposta, meta, b’kunsiderazzjoni tal-iżvilupp taċ-ċirkustanzi meta mqabbla ma’ dawk eżistenti fid-data tal-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija, din l-impriża tqis li din l-għażla hija iktar vantaġġuża għaliha. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jwassal lill-impriża inkwistjoni sabiex tikkunsidra li s-sentenza ser tingħata f’data sussegwenti għal dik li kienet inizjalment ipprevediet u li, konsegwentement, l-ispejjeż tal-garanzija bankarja ser ikunu ogħla minn dawk li hija kienet inizjalment ipprevediet, waqt il-kostituzzjoni ta’ din il-garanzija (sentenza tal-lum, C‑138/17 P u C‑146/17 P, L‑Unjoni Ewropea vs Gascogne Sack Deutschland u Gascogne, punt 29).

31

F’dan il-każ, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li, minn naħa, il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 seħħ fit-23 ta’ Novembru 2010, hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 65 tas-sentenza appellata, u li, min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mir-rikors fl-ewwel istanza tagħhom, ASPLA u Armando Álvarez ikkunsidraw li l-ftuħ tal-proċedura orali kellha sseħħ mhux iktar tard mix-xahar ta’ Frar 2009 fir-rigward tal-Kawża T‑76/06 u fix-xahar ta’ Ottubru 2008 fir-rigward tal-Kawża T‑78/06, għandu jiġi kkonstatat li, minn dawn id-dati, ASPLA u Armando Álvarez ma setgħux jinjoraw li t-tul tal-proċeduri f’dawn il-kawżi kien ser jaqbeż dak li huma kienu inizjalment ipprevedew, u li dawn il-kumpanniji setgħu jikkunsidraw mill-ġdid l-opportunità li jżommu l-garanzija bankarja, fir-rigward tal-ispejjeż supplimentari li ż-żamma ta’ din il-garanzija tista’ timplika.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 ma jistax ikun ir-raġuni determinanti tad-dannu subit minn ASPLA u minn Armando Álvarez minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali dannu jirriżulta mill-għażla stess ta’ ASPLA u ta’ Armando Álvarez li jżommu l-garanzija bankarja matul il-proċedura kollha f’dawn il-kawżi, minkejja konsegwenzi finanzjarji li dan jimplika.

33

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li qieset li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06 u t-telf subit minn ASPLA u minn Armando Álvarez minħabba l-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rabta kawżali”.

34

Konsegwentement, billi dan l-aggravju għandu jintlaqa’, hemm lok li l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata jiġi annullat, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni aggravju invokat mill-Unjoni Ewropea insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C‑174/17 P.

Fuq it-tielet sal-ħames aggravju fil-Kawża C‑222/17 P

35

It-tielet sal-ħames aggravju huma, rispettivament, ibbażati fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-projbizzjoni li tingħata deċiżjoni ultra petita, ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ ASPLA u ta’ Armando Álvarez, kif ukoll ta’ motivazzjoni kontradittorja f’dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ kumpens.

36

Peress li dawn l-aggravji ttrattaw l-ammont tal-kumpens mogħti mill-Qorti Ġenerali bħala dannu materjali subit mill-fatt tal-ħlas minn ASPLA u minn Armando Álvarez ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza u li, hekk kif jirriżulta mill-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata ġie annullat, ma hemmx iktar lok li dawn l-aggravji jiġu eżaminati.

Fuq it-tieni aggravju fil-Kawża C‑222/17 P

L-argumenti tal-partijiet

37

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, li għandu jiġi eżaminat qabel l-ewwel aggravju, ASPLA u Armando Álvarez isostnu li, billi ċaħdet it-talba għal kumpens tagħhom bħala dannu materjali subit minħabba ħlas ta’ interessi moratorji supplimentari fuq l-ammont tal-multa imposta, minħabba li r-rikorrenti ma kienu pproduċew ebda prova li setgħet turi li, matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, l-ammont tal-interessi moratorji kien ogħla mill-vantaġġ li huma setgħu jibbenefikaw minnu minħabba t-tgawdija, matul dan il-perijodu, tal-ammont tal-multa miżjuda bl-interessi moratorji, u li, għalhekk, ir-rikorrenti ma kinux urew li huma kienu sofrew telf reali u ċert minħabba l-ħlas ta’ dawn l-interessi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tad-dannu materjali subit.

38

Skont ASPLA u Armando Álvarez, din id-dimostrazzjoni ma hijiex neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu reali. L-ammont supplimentari marbut mal-multa li jikkorrispondi mal-interessi moratorji huwa, bħal fil-każ tal-kummissjonijiet li jirriżultaw mill-għoti ta’ garanziji bankarji, infiq finanzjarju effettivament sostnut li ma kienx jeżisti mingħajr l-aġir illegali tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-kuntest, ikun inkoerenti li tali kummissjonijiet jiġu kklassifikati bħala “dannu li jista’ jiġi kkumpensat” mingħajr ma tkun meħtieġa ebda dimostrazzjoni fis-sens indikat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, u li ma tinżammx, min-naħa l-oħra, din il-klassifikazzjoni f’dak li jikkonċerna l-infiq finanzjarju li jikkorrispondi mal-interessi moratorji.

39

Bħal fil-każ tal-appellanti, l-Unjoni Ewropa tirrikonoxxi li s-sentenza appellata tippreżenta inkoerenza f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni, minn naħa, tad-dannu allegat li jirriżulta mill-ħlas tal-interessi fuq l-ammont tal-multa u, min-naħa l-oħra, tad-dannu allegat li jirriżulta mill-ispejjeż ta’ garanzija bankarja. Madankollu, bil-kontra tal-appellanti, l-Unjoni Ewropea tikkunsidra li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi fl-uniku trattament ta’ dan l-aħħar dannu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40

L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, kull dannu, li għalih jintalab kumpens fil-kuntest ta’ rikors għad-danni mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340TFUE għandu jkun reali u ċert (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, peress li att jew ommissjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni jistgħu jwasslu għal ċerti spejjeż għal impriża iżda, fl-istess ħin, jistgħu jġibu xi qligħ għaliha, ma jistax jiġi kkunsidrat li jeżisti dannu, fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE, ħlief meta d-differenza netta bejn l-ispejjeż u l-qligħ li tirriżulta mill-aġir li bih hija kkritikata din l-istituzzjoni hija negattiva.

42

Għalhekk, fir-rigward tad-dannu allegat li jirriżulta mill-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ammont tal-multa matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, huwa biss, effettivament, jekk l-interessi li ddekorrew matul dan il-perjodu huma ogħla mill-vantaġġ li l-appellanti setgħu jieħdu mit-tgawdija, matul dan il-perijodu, tas-somma ugwali għall-ammont tal-multa miżjuda bl-interessi moratorji, li jista’ jiġi kkunsidrat li jeżisti dannu reali u ċert (sentenza tal-lum, C‑150/17 P, L‑Unjoni Ewropea vs Kendrion, punt 88).

43

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hija l-parti li tikkontesta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li għandha tipproduċi provi konklużivi kemm tal-eżistenza kif ukoll tal-portata tad-dannu li hija tinvoka (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett ippreċiżat, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li kienet Armando Álvarez li ħallset l-ammont totali tal-interessi moratorji li mmaturaw matul il-proċedura fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06.

45

Sussegwentement, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, matul il-proċedura fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06, Armando Álvarez la ħallset l-ammont tal-multa u lanqas l-interessi moratorji, b’tali mod li, matul din il-proċedura, Armando Álvarez kellha t-tgawdija tas-somma li kienet tikkorrispondi mal-ammont ta’ din il-multa miżjuda bl-interessi moratorji.

46

Fl-aħħar nett, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti ma kienu pproduċew ebda prova li setgħet turi li, matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06, l-ammont tal-interessi moratorji, sussegwentement imħallsa minn Armando Álvarez lill-Kummissjoni, kien ogħla mill-vantaġġ li din il-kumpannija setgħet tibbenefika minnu minħabba t-tgawdija tas-somma ugwali għall-ammont tal-multa miżjuda bl-interessi moratorji.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif jirriżulta mill-punti 40 sa 43 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali korrettament iddeċidiet, minn naħa, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li ma kienx intwera mir-rikorrenti li, matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06, Armando Álvarez kienet sofriet dannu reali u ċert marbut mal-ħlas ta’ interessi moratorji fuq l-ammont tal-multa mhux imħallsa u, min-naħa l-oħra, ikkonkludiet, għalhekk, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li t-talba għal kumpens għal dannu allegat subit f’dan il-kap tiġi miċħuda.

48

Għall-kumplament, sa fejn l-appellanti jsostnu, fl-istadju tal-appell tagħhom, li huma ssubixxew dannu materjali ċert ekwivalenti mill-inqas għad-differenza bejn, minn-naħa, l-ispejjeż tat-trasferiment tal-ħlas tal-multa u tal-ħlas tal-interessi moratorji korrispondenti u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż li rriżultaw minn sitwazzjoni ta’ ħlas immedjat tal-multa possibbli permezz ta’ finanzjament fis-suq tal-kreditu, l-argument tagħhom għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li dan jimplika l-eżami ta’ motiv ġdid fil-mori tal-kawża. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li fis-sitwazzjoni li parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti Ġenerali jkun ifisser li din il-parti tkun qed titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilwima li tkun usa’ minn dik li fuqha ddeċidiet il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-motivi li jkunu ġew diskussi quddiemha (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Electrabel vs Il‑Kummissjoni, C‑84/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2040, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment infondat.

Fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑222/17 P

L-argumenti tal-partijiet

50

L-ewwel aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

51

Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju tagħhom, ASPLA u Armando Álvarez jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet nuqqas doppju ta’ motivazzjoni meta kkonkludiet, fil-punti 69 u 72 tas-sentenza appellata, minn naħa, li tul ta’ 15-il xahar bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura bħala prinċipju jikkostitiwxxi tul xieraq sabiex jiġu ttrattati l-kawżi relatati mal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, li t-trattament paralleli ta’ kawżi konnessi jista’ jiġġustifika titwil, ta’ tul ta’ xahar għal kull kawża konnessa supplimentari, tal-perijodu inkluż bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-proċedura orali tagħha, mingħajr, madankollu, ma tingħata ġustifikazzjoni jew informazzjoni konkreta sabiex dawn it-talbiet jiġu sostnuti.

52

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, ASPLA u Armando Álvarez jikkritikaw, fl-ewwel lok, lill-Qorti Ġenerali li applikat motivazzjoni kontradittorja billi ddeċidiet, fl-ewwel lok, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li r-rabta ta’ konnessjoni bejn żewġ kawżi tiġġustifika estensjoni ta’ xahar u billi kkonkludiet, fit-tieni lok, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, li “[r]-rabta partikolarment mill-qrib bejn il-Kawża T‑76/06 u l-Kawża T‑78/06 ġġustifikat titwil, b’tul ta’ żmien ta’ erba’ xhur addizzjonali, tal-perijodu ta’ bejn l-aħħar tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T-78/06”.

53

Il-Kunsill jikkontesta l-argument tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors fl-ewwel istanza tagħhom, ASPLA u Armando Álvarez essenzjalment talbu lill-Qorti Ġenerali li tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-ħlas ta’ kumpens għal ammont ta’ EUR 3495 038.66, jiġifieri EUR 355 118.67 bħala spejjeż ta’ garanzija bankarja, u EUR 3139 919.99 bħala interessi moratorji, għal-finijiet ta’ kumpens għad-dannu li ġie kkawżat lilhom minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza, fil-kuntest tal-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06.

55

Fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkundannat lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tħallas kumpens għal ammont ta’ EUR 44 951.24 lil ASPLA kif ukoll kumpens għal ammont ta’ EUR 111 042.48 lil Armando Álvarez, bħala dannu materjali subit minn kull waħda minn dawn il-kumpanniji minħabba dan il-ksur. Mill-punti 129 sa 134 tas-sentenza appellata jirriżulta li dawn il-kumpensi b’mod konkret jikkorrispondu mal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja sostnuti minn dawn il-kumpanniji matul il-perijodu mis-16 ta’ Marzu 2010 sal-14 ta’ Jannar 2011.

56

Fid-dawl ta’ dan, hekk kif ġie indikat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑174/17 P intlaqa’, b’tali mod li l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata ġie annullat.

57

Barra minn hekk, it-tieni aggravju fil-Kawża C‑222/17 P, li jikkonċerna d-dannu materjali allegat li jirriżulta mill-ħlas ta’ interessi moratorji matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06, fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, ġie miċħud bħala infondat.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 83 u 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki jekk jiġi preżunt li ż-żewġ partijiet tal-ewwel aggravju kienu fondati u li, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tat-tul tal-iskadenza tat-terminu raġonevoli, minn dan ma jirriżulta la l-annullament tas-sentenza appellata u lanqas l-għoti ta’ kumpens ogħla bħala dannu materjali allegatament subit minn ASPLA u minn Armando Álvarez, billi dawn l-appellanti ma kienu invokaw ebda dannu għajr dak li rriżulta mill-ispejjeż ta’ garanzija bankarja u mill-interessi mħallsa fuq l-ammont tal-multa.

59

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala ineffettiv.

60

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell fil-Kawża C‑222/17 P għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

61

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament it-tilwima, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

62

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li tiddeċiedi definittivament dwar ir-rikors għad-danni ppreżentat minn ASPLA u minn Armando Álvarez quddiem il-Qorti Ġenerali sa fejn dan ir-rikors huwa intiż li jinkiseb kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja lil hinn mit-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06.

63

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, jeħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni, in-natura reali tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu invokat (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 55 tas-sentenza appellata, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni determinata (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

Għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 23 sa 33 ta’ din is-sentenza, ir-rikors għad-danni ppreżentat minn ASPLA u minn Armando Álvarez, sa fejn huwa intiż sabiex jinkiseb kumpens għal ammont ta’ EUR 3495 038.66 bħala dannu materjali subit mill-fatt tal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-Kawżi T‑76/06 u T‑78/06, għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

66

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

67

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

68

Peress li ASPLA u Armando Álvarez tilfu, kemm fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑174/17 P kif ukoll f’dak tal-Kawża C‑222/17 P, hemm lok li dawn il-kumpanniji jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, l-ispejjeż kollha sostnuti mill-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ appelli, kif mitlub minn din tal-aħħar

69

Konformement mal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, minn naħa, l-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, ASPLA u Armando Álvarez għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

70

L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, meta, fil-każ li ma tkunx hija stess ippreżentat l-appell, intervenjenti fl-ewwel istanza tipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ tiddeċiedi li din l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

71

Il-Kummissjoni, li kellha l-kwalità ta’ intervenjenti fl-ewwel istanza u li pparteċipat fil-fażi bil-miktub tal-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑174/17 P, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑174/17 P.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Frar 2017, ASPLA u Armando Álvarez vs L‑Unjoni Ewropea (T‑40/15, EU:T:2017:105), huwa annullat.

 

2)

L-appell fil-Kawża C‑222/17 P ippreżentat minn Plásticos Españoles SA (ASPLA) u Armando Álvarez SA huwa miċħud.

 

3)

Ir-rikors għad-danni ppreżentat minn Plásticos Españoles SA (ASPLA) u minn Armando Álvarez SA sa fejn huwa intiż li jinkiseb kumpens għal ammont ta’ EUR 3495 038.66, bħala dannu materjali subit mill-fatt tal-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, ASPLA vs Il‑Kummissjoni (T‑76/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:672), u tas-16 ta’ Novembru 2011, Álvarez vs Il‑Kummissjoni (T‑78/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:673), huwa miċħud.

 

4)

Plásticos Españoles SA (ASPLA) u Armando Álvarez SA għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk kollha sostnuti mill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, kif ukoll l-ispejjeż rispettivi tagħhom fl-ewwel istanza.

 

5)

L‑Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fl-ewwel istanza.

 

6)

Il‑Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kemm fil-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell fil-Kawża C‑174/17 P.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top