EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0164

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018.
Edel Grace u Peter Sweetman vs An Bord Pleanala.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 6(3) u (4) – Evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet ta’ pjan jew proġett fuq sit protett – Pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għat-tmexxija tas-sit – Proġett ta’ park eoliku – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi – Artikolu 4 – Żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) – Anness I – Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus) – Habitat xieraq li jvarja tul iż-żmien – Tnaqqis temporanju jew definittiv ta’ superfiċi ta’ artijiet utli – Miżuri integrati fil-proġett intiżi biex jiżguraw, matul il-proġett, li s-superfiċi effettivament xierqa biex iżżomm fiha l-habitat naturali tal-ispeċi ma titnaqqasx, jew saħansitra tkun tista’ tiżdied.
Kawża C-164/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:593

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 6(3) u (4) – Evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet ta’ pjan jew proġett fuq sit protett – Pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għat-tmexxija tas-sit – Proġett ta’ park eoliku – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi – Artikolu 4 – Żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) – Anness I – Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus) – Habitat xieraq li jvarja tul iż-żmien – Tnaqqis temporanju jew definittiv ta’ superfiċi ta’ artijiet utli – Miżuri integrati fil-proġett intiżi biex jiżguraw, matul il-proġett, li s-superfiċi effettivament xierqa biex iżżomm fiha l-habitat naturali tal-ispeċi ma titnaqqasx, jew saħansitra tkun tista’ tiżdied”

Fil-Kawża C‑164/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2017, fil-proċedura

Edel Grace,

Peter Sweetman

vs

An Bord Pleanála,

fil-preżenza ta’:

ESB Wind Developments Ltd,

Coillte,

The Department of Arts Heritage and the Gaeltacht,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: R. Schiano, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Frar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E. Grace u P. Sweetman, minn O. Collins, barrister, u J. Devlin, SC, bi prokura minn O. Clarke u A. O’Connell, solicitors,

għall-An Bord Pleanála, minn F. Valentine, barrister, u N. Butler, SC, bi prokura minn A. Doyle u B. Slattery, solicitors,

għal ESB Wind Developments Ltd u Coillte, minn R. Mulcahy u D. McDonald, SC, kif ukoll minn A. Carroll, BL, bi prokura minn D. Spence, solicitor,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C.S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u C. Hermes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Habitats’”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Edel Grace u Peter Sweetman, minn naħa u l-An Bord Pleanála (kummissjoni nazzjonali ta’ reviżjoni fil-qasam ta’ żvilupp tat-territorju, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“An Bord”), min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tinħareġ awtorizzazzjoni għal ESB Wind Developments Ltd u Coillte għal park eoliku pproġettat fit-territorju ta’ żona ta’ protezzjoni speċjali, ikklassifikata minħabba l-fatt li din fiha tiġbor fiha l-habitat ta’ speċi protetta.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva Direttiva dwar l-għasafar

3

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”), din tikkonċerna l-konservazzjoni tal-ispeċi kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalih japplika t-Trattat FUE. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.

4

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont tal-:

a)

ispeċi fil-perikolu tal-estinzjoni;

b)

ispeċi vulnerabbli għal ċertu tibdil fl-ambjent naturali tagħhom;

c)

ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

d)

ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-ambjent naturali tagħhom.

Id-drawwiet u l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.

[…]

4.   Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.”

5

Fost l-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-direttiva msemmija hemm il-Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus).

Id-Direttiva “Habitats”

6

Skont l-għaxar premessa tad-Direttiva “Habitats”:

“Billi jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni.”

7

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat[FUE].

2.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

8

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

9

Konformement mal-Artikolu 7 tad-Direttiva “Habitats”, l-obbligi li jirriżultaw mill-paragrafi (2) sa (4) tal-Artikolu 6 tagħha japplikaw għaż-żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem iż-”ŻPS”) fis-sens tad-Direttiva dwar l-għasafar.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Il-kawża prinċipali tirrigwarda proġett ta’ park eoliku, li ser jiġi żviluppat u sfruttat b’mod konġunt minn Coillte, impriża pubblika tal-forestrija u ESB Wind Developments, u lokalizzat fiż-ŻPS bejn it-triq Slieve Felim sal-muntanji ta’ Silvermines (rispettivament fil-kontej ta’ Limerick u ta’ Tipperary, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“proġett inkwistjoni”).

11

Dan it-territorju ġie kklassifikat bħala ŻPS skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar minħabba l-fatt li jospita l-habitat naturali ta’ speċi ta’ għasafar elenkata fl-Anness I ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-Bugħadam Abjad Prim. It-territorju msemmi li jestendi fuq 20935 ettaru jinkludi, b’mod partikolari, żoni ta’ artijiet imxarrba mhux imħawla u xagħri, kif ukoll 12078 ettaru bis-siġar. It-totalità ta’ dan l-ispazju hija potenzjalment xierqa, minħabba l-karatteristiċi tagħha, biex isservi bħala habitat għal din l-ispeċi.

12

Skont il-qorti tar-rinviju, il-proġett inkwistjoni jipprevedi li jokkupa 832 ettaru miż-ŻPS, essenzjalment koperti minn pjantazzjonijiet ta’ siġar koniferi tal-ewwel u tat-tieni rotazzjoni kif ukoll minn artijiet imxarrba mhux imħawla u minn raba’ xagħri. Il-kostruzzjoni ta’ sittax-il turbina tar-riħ kif ukoll ta’ infrastrutturi tal-madwar teħtieġ li s-siġar jinqatgħu f’kull wieħed mill-postijiet fejn jitqiegħdu. Skont stima, is-superfiċi kkonċernata mill-qtugħ tas-siġar hija ta’ 41.7 ettari. Il-proġett iwassal għall-qerda permanenti ta’ 9 ettari ta’ habitat li jikkorrispondi għaż-żoni li fuqhom ser jinbnew il-kostruzzjonijiet, kif ukoll għall-qerda temporanja ta’ 1.7 ettari ta’ superfiċi ta’ habitat li jintużaw għall-kostruzzjoni ta’ baċiri ta’ impjantazzjoni temporanji. Barra minn hekk, peress li huwa preżunt li dawn l-għasafar, fit-tfittxija tagħhom għall-ikel, ma jippenetrawx f’perimetru ta’ 250 m madwar turbina tar-riħ, l-imsemmija qorti tindika li, minħabba dan il-fatt, l-għajbien totali taż-żona tal-ikel jista’ jammonta għal 162.7 ettari.

13

Il-proġett inkwistjoni huwa akkumpanjat minn pjan ta’ ġestjoni tal-habitats u tal-ispeċi (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ ġestjoni”). Dan il-pjan, li għandu jiġi implimentat fuq perijodu ta’ ħames snin, jinkludi miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt potenzjali tal-park eoliku fuq iż-żona ta’ alimentazzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim. L-ewwel nett, skont il-pjan ta’ ġestjoni, tliet żoni attwalment imħawla, li jirrappreżentaw superfiċji totali ta’ 41.2 ettari, li minnhom 14.2 ettari jkunu jinsabu f’perimetru ta’ 250 metru madwar turbina tar-riħ, jiġu kkonvertiti lura f’art imxarrba tal-għata. It-tieni nett, matul il-fażi ta’ żvilupp tal-proġett inkwistjoni, l-imsemmi pjan jissuġġetta 137.3 ettari ta’ foresta tat-tieni rotazzjoni għal ġestjoni “sensibbli”, li tipprevedi l-qtugħ u s-sostituzzjoni tal-foresti attwali b’kopertura magħluqa sabiex tiġi żgurata preżenza permanenti ta’ 137.3 ettari ta’ foresta b’kopertura miftuħa, li toffri żona ta’ provvista xierqa għall-Bugħadam Abjad Prim, u tranżizzjoni ekoloġika bejn żewġ żoni ta’ art imxarrba miftuħa. Dan il-qtugħ iseħħ fi stadji diversi li jibdew sena qabel il-bidu tal-kostruzzjoni. It-tielet nett, ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ikun ġeneralment limitat għal perijodi li jinsabu barra mill-istaġun prinċipali tat-tgħammir tal-Bugħadam Abjad Prim.

14

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2014, l-An Bord iddeċieda li jawtorizza l-proġett inkwistjoni għar-raġuni li dan ma jippreġudikax l-integrità taż-ŻPS.

15

E. Grace u P. Sweetman ippreżentaw rikors quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) li permezz tiegħu huma kkontestaw id-deċiżjoni tal-An Bord. B’deċiżjonijiet tal-1 ta’ Ottubru u tal-4 ta’ Diċembru 2015, din il-qorti ċaħdet l-appell tagħhom u kkonfermat id-deċiżjoni tal-An Bord.

16

Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2016, E. Grace u P. Sweetman ġew awtorizzati jappellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda). B’sentenza tal-24 ta’ Frar 2017, din il-qorti ddeċidiet definittivament fuq tnejn mit-tliet aggravji ta’ dan l-appell. Madankollu, l-aħħar deċiżjoni li għandha tingħata għall-appell imsemmi tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitats”.

17

Skont E. Grace u P. Sweetman, l-An Bord kellu jikkunsidra li l-proġett inkwistjoni u l-pjan ta’ ġestjoni li jakkumpanjah kienu jinvolvu miżuri ta’ kumpens, b’tali mod li l-evalwazzjoni kellha titwettaq b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji previsti fl-Artikolu 6(4) tad-direttiva msemmija.

18

L-An Bord u l-intervenjenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk il-proġett jistax jippreġudika l-integrità taż-ŻPS, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ebda parti tas-settur bis-siġar taż-żona ma tibqa’ b’mod permanenti fi stat li toffri habitat adatt.

19

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Bugħadam Abjad Prim huwa għasfur li essenzjalment jgħix fil-kampanja u li jeħtieġ spazji vasti ta’ artijiet xierqa biex ifittex l-ikel. Min-naħa l-oħra, il-bini tal-bejtiet hija ħafna inqas dipendenti fuq tali fattur, peress li dan jista’ jseħħ fuq żona ġeografika iżgħar u f’tipi differenti ta’ habitats. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-ispeċi protetta jirriżulta iktar mid-degradazzjoni possibbli taż-żona ta’ għalf milli dik tal-bini tal-bejtiet. Din il-qorti ssostni li, għalkemm kien ġeneralment rikonoxxut li l-artijiet imxarrba mhux imħawla u x-xagħri jikkostitwixxu l-habitat prinċipali tal-Bugħadam Abjad Prim, ġie osservat, bl-iżvilupp tal-forestrija, li l-pjantazzjonijiet ta’ siġar koniferi żgħar fuq artijiet imxarrba joffru l-possibbiltà għall-Bugħadam Abjad Prim li jfittex l-ikel fihom. Min-naħa l-oħra, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li foresta li ma hijiex imdawla jew maqtugħ, iżda li titħalla biss tilħaq il-maturità tagħha sakemm tifforma kopertura magħluqa, ma toffrix żona ta’ ikel xierqa.

20

Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-foresta għall-użu tal-forestrija għandha ċiklu medju ta’ 40 sena li jinkludi żewġ fażijiet ta’ rotazzjoni. Il-partijiet taż-żona li fiha l-pjantazzjonijiet ikunu waslu għall-maturità fl-aħħar tal-ewwel fażi u li, minħabba dan il-fatt, jippreżentaw kopertura magħluqa, jiġu maqtugħa. Issegwi fażi ta’ ripjantazzjoni, li mill-ġdid toħloq parti miż-żona li l-kopertura tagħha tkun miftuħa, adattata ħafna għall-alimentazzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim. Minn dan jirriżulta li ż-żona għall-alimentazzjoni ta’ din l-ispeċi fiż-ŻPS tinsab f’tibdil kostanti u tiddependi minn dawn il-fażijiet, relatati mal-ġestjoni tal-forestrija. Għaldaqstant, nuqqas fil-ġestjoni attiva tat-tħawwil forestali waħdu jwassal għal għajbien taż-żona ta’ alimentazzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim, minħabba l-għajbien gradwali ta’ partijiet taż-żona b’kopertura miftuħa. Skont l-istudji disponibbli, il-popolazzjoni tal-ispeċi protetta fil-fatt tvarja, ’il fuq jew l-isfel, skont l-eżistenza ta’ foresti b’kopertura miftuħa. F’dan il-każ, il-proporzjon ta’ foresta b’kopertura miftuħa tonqos gradwalment minn 14 % tat-total tal-art afforestata matul is-snin 2014 sa 2018 biex tilħaq livell ta’ 8 % matul is-snin 2024 sa 2028.

21

Il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tiddetermina jekk kienx bi żball li l-An Bord qies li l-proġett inkwistjoni u l-pjan ta’ ġestjoni kienu jinvolvu miżuri ta’ mitigazzjoni li kienu jawtorizzawh iwettaq l-evalwazzjoni tiegħu biss taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”.

22

F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-miżuri proposti fil-kuntest tal-pjan ta’ ġestjoni li jakkumpanja l-abbozz inkwistjoni, u li huma intiżi sabiex jiżguraw li s-superfiċi totali li toffri habitat adegwat ma titnaqqasx u tkun tista’ saħansitra tiżdied, jistgħu, f’dan il-każ, jiġu kkwalifikati bħala miżuri ta’ mitigazzjoni jew jekk għandhomx jitqiesu bħala miżuri kumpensatorji, fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”.

23

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Meta

a)

l-għan essenzjali ta’ sit protett ikun li joffri ħabitat għal speċi partikolari

b)

in-natura tal-ħabitat li hija ta’ benefiċċju għall-imsemmija speċi tkun timplika li l-parti tas-sit li hija ta’ benefiċċju se tevolvi neċessarjament maż-żmien, u

c)

fil-kuntest ta’ proġett maħsub, ikun previst li għandu jiġi implementat pjan ta’ ġestjoni għas-sit fit-totalità tiegħu (li jinkludi tibdiliet fil-ġestjoni tal-partijiet tas-sit li ma jkunux direttament affettwati mill-proġett innifsu) sabiex jiġi żgurat li, fi kwalunkwe ħin, id-daqs tas-sit li huwa xieraq sabiex joffri ħabitat kif imsemmi iktar ’il fuq ma jkunx imnaqqas, iżda jista’ jiġi mkabbar; iżda li

d)

waqt il-proġett ta’ żvilupp, parti mis-sit ma hijiex se tkun ta’ natura li toffri ħabitat xieraq,

miżuri bħal dawk deskritti taħt (c) jistgħu jitqiesu ġustament bħala miżuri ta’ mitigazzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Qabel kollox, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma fiha l-ebda referenza għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija domanda, li għandha tinqara fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitats”.

25

Sussegwentement, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-domanda magħmula, għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva ma jinkludi ebda riferiment għal xi kunċett ta’ “miżuri ta’ mitigazzjoni” (sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 57, kif ukoll tat-12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman et, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 25).

26

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-effett utli tal-miżuri ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” huwa intiż li jevita li, permezz ta’ miżuri msemmija “mitiganti”, iżda li jikkorrispondu fir-realtà għal miżuri kumpensatorji, l-awtorità nazzjonali kompetenti tevita l-proċeduri speċifiċi stabbiliti f’dan l-artikolu billi tawtorizza, skont il-paragrafu 3 tiegħu, proġetti li jaffettwaw ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Finalment, f’dak li jikkonċerna ż-żoni kklassifikati bħala ŻPS, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jissostitwixxu, skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar mid-data tal-klassifikazzjoni skont din id-direttiva meta din id-data tkun iktar tard mid-data tal-implimentazzjoni tad-Direttiva “Habitats” [sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata].

28

Minn dan isegwi li għandu jinftiehem li, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta proġett ikun intiż li jitwettaq fuq sit indikat għall-protezzjoni u għall-konservazzjoni tal-ispeċi, li s-superfiċi tiegħu xierqa għall-ħtiġijiet ta’ speċi protetta tvarja maż-żmien, u meta tali proġett ikollu bħala effett li, temporanjament jew definittivament, ċerti partijiet ta’ dan is-sit ma jkunux ser jibqgħu ta’ natura li joffru habitat adatt lill-ispeċi inkwistjoni, iċ-ċirkustanza li dan il-proġett jinkludi miżuri intiżi li jiżguraw, wara li tkun twettqet l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-imsemmi proġett u matul il-ħajja tal-proġett imsemmi, li l-parti tal-imsemmi sit li b’mod konkret tista’ toffri habitat xieraq ma titnaqqasx, jew saħansitra tista’ tiżdied, tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni li għandha ssir skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u intiża li tiżgura li l-proġett inkwistjoni mhux ser jaffettwa b’mod negattiv l-integrità tas-sit ikkonċernat jew jekk tali ċirkustanza taqax, skont il-każ, taħt il-paragrafu 4 ta’ dan l-istess artikolu.

29

L-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” jimponi fuq l-Istati Membri sensiela ta’ obbligi u ta’ proċeduri speċifiċi intiżi sabiex jiġu żgurati, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iż-żamma jew, jekk ikun il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi ta’ interess għall-Unjoni, bil-għan li jintlaħaq l-għan iktar ġenerali tal-istess direttiva li huwa dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fir-rigward tas-siti protetti taħt din id-direttiva [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 43, u tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 106].

30

F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” jikkostitwixxu totalità koerenti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni mfittxija minn din id-direttiva. Fil-fatt, il-paragrafi (2) u (3) ta’ dan l-artikolu għandhom l-għan li jiżguraw l-istess livell ta’ protezzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi, filwaqt li l-paragrafu (4) tal-imsemmi artikolu jikkostitwixxi biss dispożizzjoni derogatorja għat-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu (3) (sentenza tat-12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Skont l-għaxar premessa tad-Direttiva “Habitats”, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun innominat fil-ġejjieni. Din il-premessa hija espressa fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi b’mod partikolari li pjan jew proġett li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq is-sit ikkonċernat ma jistax jiġi awtorizzat mingħajr ma ssir evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tiegħu fuqu (sentenza tat-12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jistabbilixxi żewġ fażijiet. L-ewwel fażi, prevista fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, teżiġi li l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett meta jkun hemm il-probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv. It-tieni fażi, prevista fit-tieni sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni, li tiġi wara l-imsemmija evalwazzjoni xierqa, tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ tali pjan jew proġett għall-kundizzjoni li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva (sentenza tat-12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula.

34

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-fatt li ma jkunx hemm effett ħażin fuq l-integrità ta’ sit, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, jippresupponi li dan jinżamm fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, li jimplika ż-żamma fit-tul tal-karatterisitiċi kostituttivi tiegħu, marbuta mal-preżenza ta’ tip ta’ habitat naturali li l-għan ta’ preżervazzjoni tiegħu jiġġustifika li dan is-sit jitniżżel fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja, fis-sens ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 116).

35

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, id-deżinjazzjoni ta’ żona bħala ŻPS għall-konservazzjoni ta’ speċi timplika ż-żamma fit-tul tal-karatteristiċi kostituttivi tal-habitat ta’ din iż-żona, fejn l-għan li jiġġustifika d-deżinjazzjoni ta’ din iż-żona huwa s-sopravivenza tal-ispeċi inkwistjoni u r-riproduzzjoni tagħha.

36

Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit, kif tindika l-qorti tar-rinviju u hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 13 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-għan ta’ konservazzjoni taż-ŻPS hija li jinżammu jew jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kondizzjonijiet ta’ konservazzjoni favorevoli tal-Bugħadam Abjad Prim. B’mod iktar partikolari, huwa billi toffri lill-ispeċi protetta habitat li jinkludi fih żona ta’ alimentazzjoni li ż-ŻPS tippermetti li jintlaħaq dan l-għan.

37

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-effetti tal-proġett inkwistjoni fuq iż-ŻPS, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-pjan ta’ ġestjoni huwa intiż biex jistabbilixxi salvagwardji li jikkonsistu f’li, fi kwalunkwe ħin, fir-rigward taż-żona ta’ alimentazzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim, is-superfiċi taż-żona ma titnaqqasx, jew saħansitra tkun tista’ tiżdied, minkejja li, matul il-perijodu ta’ żvilupp tal-proġett inkwistjoni, parti minnha ma tkunx ta’ natura li toffrilu habitat adegwat.

38

L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jipprovdi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex, bis-saħħa ta’ kontroll minn qabel, tiggarantixxi li pjan jew proġett li ma jkunx marbut direttament jew neċessarju għall-ġestjoni taż-żona kkonċernata, iżda li jkun jista’ jaffettwa lil din tal-aħħar b’mod sinifikanti jkun awtorizzat biss jekk dan ma jkunx ser jaffettwa ħażin lill-integrità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

L-evalwazzjoni mwettqa skont din id-dispożizzjoni ma tistax tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet previsti fiż-żona protetta kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Il-fatt li l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq iż-żona kkonċernata għandha titwettaq skont l-imsemmija dispożizzjoni jimplika li, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, għandhom jiġu identifikati l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Huwa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza t-twettiq tal-proġett li ma għandu jeżisti ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku dwar l-assenza ta’ effetti li jippreġudikaw l-integrità taż-żona kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, l-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tidentifika l-għajbien permanenti u dirett ta’ superfiċji li jospitaw habitat xieraq għall-Bugħadam Abjad Prim b’disa’ ettari. It-tieni nett, is-superfiċi bis-siġar li ser jinqatgħu għall-kostruzzjoni tat-turbini tar-riħ kif ukoll tal-infrastrutturi tikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 41.7 ettari minn din iż-żona tal-habitat. It-tielet nett, il-parti taż-żona mhux disponibbli matul il-proġett tista’ tilħaq il-162.7 ettari. Ir-raba’ nett, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, matul il-fażi ta’ żvilupp tal-proġett inkwistjoni, is-superfiċi ta’ foresta b’kopertura miftuħa, li tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi li jikkostitwixxu ż-żona għall-alimentazzjoni tal-ispeċi protetta, tkun qed tonqos b’mod kostanti.

43

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta pjan jew proġett li ma jkunx direttament marbut ma’ jew neċessarju għat-tmexxija ta’ żona, jirriskja li jikkomprometti l-għanijiet ta’ konservazzjoni tagħha, dan għandu jitqies li jista’ jaffettwa lil din iż-żona b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni tal-imsemmi riskju għandha titwettaq, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi taż-żona kkonċernata minn tali pjan jew tali proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 45).

44

Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tat-tipi ta’ miżuri inklużi fil-proġett inkwistjoni taħt il-pjan ta’ ġestjoni sabiex jiġu indirizzati l-effetti tal-proġett, dawn jikkonsistu, minn naħa, fir-restawr taż-żoni lura lejn artijiet imxarrba tal-għata kif ukoll lejn art mistagħdra fuq superfiċi ta’ 41.2 ettari (li minnhom 14.2 ettari jinsabu f’perimetru ta’ 250 metru madwar turbina tar-riħ) u, min-naħa l-oħra, fl-għoti lil Bugħadam Abjad Prim u lil annimali oħra li jinsabu fit-territorju, ta’ żoni ta’ habitat ottimali matul il-ħajja tal-proġett, b’mod partikolari billi, fuq żona ta’ 137.3 ettari, tinqata’ u tiġi ssostitwita l-forest attwali b’kopertura magħluqa li tinsab fiha sabiex finalment tiġi żgurata l-preżenza ta’ żona ta’ kopertura miftuħa.

45

Il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għal fatt li, fil-fehma tagħha, jista’ jikkostitwixxi element determinanti għar-risposta li għandha tingħata lid-domanda tagħha, peress li dan l-element jiddistingwi l-fatti tal-kawża prinċipali minn dawk li taw lok għas-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330), kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583).

46

Għaldaqstant, il-ġestjoni taż-ŻPS bil-għan li jiġi ppreżervat l-habitat naturali tal-Bugħadam Abjad Prim issir b’mod “dinamiku”, fis-sens li s-superfiċi xierqa għal dan il-habitat ivarjaw ġeografikament u matul iż-żmien, abbażi ta’ din il-ġestjoni.

47

F’dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitats” kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata miegħu jirriżulta li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-miżuri ta’ protezzjoni inkorporati fil-proġett u intiżi biex jiġu evitati jew imnaqqsa l-eventwali effetti negattivi kkawżati direttament minn dan tal-aħħar, sabiex jiġi żgurat li dan il-proġett ma jippreġudikax l-integrità taż-żona, li jaqgħu taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, mill-miżuri li, fis-sens tal-paragrafu 4 tiegħu, huma intiżi sabiex jikkumpensaw l-effetti negattivi tal-imsemmi proġett fuq żona protetta li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan l-istess proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punti 2829; tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 48, kif ukoll tas-26 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑142/16, EU:C:2017:301, punti 3471).

48

F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li xi partijiet miż-ŻPS ma jibqgħux, jekk il-proġett inkwistjoni jitlesta, iktar kapaċi li joffru habitat xieraq, iżda li pjan ta’ tmexxija huwa intiż biex jiżgura li l-parti taż-ŻPS li tista’ toffri habitat xieraq ma titnaqqasx, jew saħansitra tiżdied.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma distinti minn dawk li taw lok għas-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330), kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583), dawn huma simili fis-sens li, fil-mument tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-pjan jew tal-proġett fuq iż-żona kkonċernata, huma bbażati fuq premessa identika tal-benefiċċji futuri li jindirizzaw l-effetti tal-park eoliku fuq din iż-żona, filwaqt li, barra minn hekk, dawn il-benefiċċji ma humiex ċerti. Il-lezzjonijiet li jirriżultaw minn dawn is-sentenzi huma għalhekk trasponibbli għal ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

50

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li miżuri previsti minn proġett li huma intiżi biex jikkumpensaw l-effetti negattivi tiegħu ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-imsemmi proġett, prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” (sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 29, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 48).

51

Huwa biss fejn ikun hemm ċertezza suffiċjenti li miżura tkun ser tikkontribwixxi b’mod effettiv biex tiġi evitata ħsara li tiggarantixxi n-nuqqas ta’ kull dubju raġonevoli dwar il-fatt li l-proġett ma jaffettwax ħażin l-integrità taż-żona, li tali miżura tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑142/16, EU:C:2017:301, punt 38).

52

Issa, bħala regola ġenerali, l-effetti pożittivi eventwali tal-iżvilupp futur ta’ habitat ġdid, intiż li jikkumpensa t-telf tas-superfiċji u ta’ kwalità ta’ dan l-istess tip ta’ habitat fuq żona protetta, huma biss diffiċilment prevedibbli jew ikunu viżibbli biss iktar tard (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punti 5256 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Għandu jiġi enfasizzat li din ma hijiex ċirkustanza fejn il-habitat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinsab f’tibdil kontinwu u fejn din iż-żona teħtieġ ġestjoni “dinamika” li hija sors ta’ inċertezza. Tali inċertezza tirriżulta, min-naħa l-oħra, mill-identifikazzjoni ta’ ħsara ċerta jew potenzjali lill-integrità taż-żona kkonċernata, bħala żona ta’ habitat u ta’ provvista tal-ikel, u għalhekk għal waħda mill-karatteristiċi kostituttivi ta’ din iż-żona, kif ukoll mill-inklużjoni, fl-evalwazzjoni tal-impatti, tal-benefiċċji futuri li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżuri li, fl-istadju ta’ dik l-evalwazzjoni, huma biss possibbli peress li l-implimentazzjoni tagħhom għadha ma ġietx iffinalizzata. B’riżultat ta’ dan, u mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija benefiċċji ma setgħux ikunu previsti biċ-ċertezza meħtieġa fil-mument meta l-awtoritajiet approvaw l-abbozz inkwistjoni.

54

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma kkonfermati mill-fatt li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jintegra fih il-prinċipju ta’ prekawzjoni u jippermetti l-prevenzjoni effettiva tad-danni lill-integrità taż-żoni protetti dovuti għall-pjanijiet jew għall-proġetti kkunsidrati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

Finalment, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”, fil-każ fejn, fin-nuqqas ta’ konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni mwettqa konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, pjan jew proġett għandu madankollu jitwettaq, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku maġġuri, inklużi ta’ natura soċjali u ekonomika, u meta ma jeżistux soluzzjonijiet alternattivi, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu kull miżura ta’ kumpens neċessarja sabiex jiżgura li “l-koerenza globali ta’ Natura 2000” tkun protetta.

56

Għaldaqstant, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu, f’dan il-kuntest, jagħtu awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva biss sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu jkunu sodisfatti (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Minn dan isegwi li għandu jinftiehem li, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta proġett ikun intiż li jitwettaq fuq sit indikat għall-protezzjoni u għall-konservazzjoni tal-ispeċi, li s-superfiċi tiegħu xierqa għall-ħtiġijiet ta’ speċi protetta tvarja maż-żmien, u meta tali proġett ikollu bħala effett li, temporanjament jew definittivament, ċerti partijiet ta’ dan is-sit ma jkunux ser jibqgħu ta’ natura li joffru habitat adatt lill-ispeċi inkwistjoni, iċ-ċirkustanza li dan il-proġett jinkludi miżuri intiżi li jiżguraw, wara li tkun twettqet l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-imsemmi proġett u matul il-ħajja tal-proġett imsemmi, li l-parti tal-imsemmi sit li b’mod konkret tista’ toffri habitat xieraq ma titnaqqasx, jew saħansitra tista’ tiżdied, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni li għandha ssir skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu u intiża li tiżgura li l-proġett inkwistjoni mhux ser jaffettwa b’mod negattiv l-integrità tas-sit ikkonċernat, iżda taqa’, jekk ikun il-każ, taħt il-paragrafu 4 ta’ dan l-istess artikolu.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta proġett ikun intiż li jitwettaq fuq sit indikat għall-protezzjoni u għall-konservazzjoni tal-ispeċi, li s-superfiċi tiegħu xierqa għall-ħtiġijiet ta’ speċi protetta tvarja maż-żmien, u meta tali proġett ikollu bħala effett li, temporanjament jew definittivament, ċerti partijiet ta’ dan is-sit ma jkunux ser jibqgħu ta’ natura li joffru habitat adatt lill-ispeċi inkwistjoni, iċ-ċirkustanza li dan il-proġett jinkludi miżuri intiżi li jiżguraw, wara li tkun twettqet l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-imsemmi proġett u matul il-ħajja tal-proġett imsemmi, li l-parti tal-imsemmi sit li b’mod konkret tista’ toffri habitat xieraq ma titnaqqasx, jew saħansitra tista’ tiżdied, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni li għandha ssir skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu u intiża li tiżgura li l-proġett inkwistjoni mhux ser jaffettwa b’mod negattiv l-integrità tas-sit ikkonċernat, iżda taqa’, jekk ikun il-każ, taħt il-paragrafu 4 ta’ dan l-istess artikolu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top