Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0148

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ April 2018.
    Peek & Cloppenburg KG, Hamburg vs Peek & Cloppenburg KG, Düsseldorf.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tat-trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 14 – Konstatazzjoni a posteriori tal-invalidità ta’ trade mark jew tar-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju tagħha – Data li fiha l-kundizzjonijiet tar-revoka jew tal-invalidità għandhom ikunu ssodisfatti – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 34(2) – Invokazzjoni tal-anzjanità ta’ trade mark nazzjonali preċedenti – Effetti ta’ din l-invokazzjoni fuq it-trade mark nazzjonali preċedenti.
    Kawża C-148/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:271

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    19 ta’ April 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tat-trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 14 – Konstatazzjoni a posteriori tal-invalidità ta’ trade mark jew tar-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju tagħha – Data li fiha l-kundizzjonijiet tar-revoka jew tal-invalidità għandhom ikunu ssodisfatti – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 34(2) – Invokazzjoni tal-anzjanità ta’ trade mark nazzjonali preċedenti – Effetti ta’ din l-invokazzjoni fuq it-trade mark nazzjonali preċedenti”

    Fil-Kawża C-148/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

    Peek & Cloppenburg KG, Hamburg

    vs

    Peek & Cloppenburg KG, Düsseldorf

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Jannar 2018,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Peek & Cloppenburg KG, Hamburg, minn M. Petersenn u A. von Mühlendahl, Rechtsanwälte,

    għal Peek & Cloppenburg KG, Düsseldorf, minn P. Lange, A. Auler u M. Wenz, Rechtsanwälte,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, É. Gippini Fournier u T. Sauer, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), kif ukoll tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU 2009, L 78, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Peek & Cloppenburg KG, Hamburg (iktar ’il quddiem “P & C Hamburg”), minn naħa, u Peek & Cloppenburg KG, Düsseldorf (iktar ’il quddiem “P & C Düsseldorf”), min-naħa l-oħra, dwar il-konstatazzjoni a posteriori tal-invalidità ta’ trade marks nazzjonali li P & C Hamburg kienet il-proprjetarja tagħhom u li din tal-aħħar kienet irrinunzjat għalihom.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2008/95

    3

    Il-premessa 5 tad-Direttiva 2008/95 tipprovdi:

    “Id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi d-dritt ta’ l-Istati Membri li jkomplu jipproteġu t-trade marks miksuba permezz ta’ użu, iżda għandha tikkunsidrahom biss fir-rigward tar-relazzjoni bejniethom u t-trade marks miksuba mir-reġistrazzjoni.”

    4

    Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trade mark fir-rigward ta’ merkanzija jew servizzi li fir-rigward taghħa saret reġistrazzjoni jew applikazzjoni fi Stat Membru għall-fini tar-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark individwali, marka kollettiva jew garanzija jew marka ta’ ċertifikazzjoni, jew li fir-rigward tagħha saret reġistrazzjoni jew applikazzjoni għall-fini tar-reġistrazzjoni tagħha fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjeta’ Intelletwali jew reġistrazzjoni internazzjonali li jkollha effett fi Stat Membru.”

    5

    L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Raġunijiet għar-revokazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Trade mark għandha tkun suġġettibbli għar-revokazzjoni jekk, f’perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma tkunx ġiet użata ġenwinament fl-Istat Membru relattivament għall-merkanzija jew servizzi li għalihom hija ġiet reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu.

    Iżda, l-ebda persuna ma tista’ tinvoka d-dritt li titlob ir-revokazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetarju fi trade mark fejn, matul l-intervall bejn l-iskadenza tal-perijodu ta’ ħames snin u l-preżentata ta’ l-applikazzjoni għar-revokazzjoni, inbeda jew tkompla mill-ġdid l-użu ġenwin tat-trade mark.

    Il-bidu jew tkomplija mill-ġdid ta’ l-użu matul perijodu ta’ tliet xhur qabel l-preżentata ta’ l-applikazzjoni għar-revokazzjoni li beda l-aktar kmieni ma’ l-iskadenza tal-perijodu kontinwu ta’ ħames snin tan-nuqqas ta’ użu għandu jiġi injorat fejn isiru preparazzjonijiet għall-bidu jew tkomplija mill-ġdid biss wara li l-proprjetarju isir konxju li tista’ tiġi preżentata l-applikazzjoni għar-revokazzjoni.”

    6

    L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Stabbiliment a posteriori ta’ nullità [invalidità] jew revokazzjoni ta’ trade mark”, jipprovdi:

    “Fejn tiġi invokata l-preċedenza ta’ trade mark preċedenti li ġiet ċeduta [irrinunzjata] jew li tħalliet tiskadi għal trade mark Komunitarja, in-nullità jew revokazzjoni tat-trade mark preċedenti tista’ tiġi stabbilita a posteriori.”

    Ir-Regolament Nru 207/2009

    7

    L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Talba tal-Anzjanità ta’ trade mark Nazzjonali”, jipprevedi:

    “1.   Il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti reġistrata fi Stat Membru, li tinkludi trade mark reġistrata fil-pajjiżi Benelux, jew reġistrata taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru, li japplika għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark identika bħala trade mark Komunitarja għal prodotti jew servizzi li huma identiċi għal jew huma inklużi ma’ dawk li għalihom it-trade mark preċedenti tkun ġiet irreġistrata, jista jitlob fir-rigward tat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] l-anzjanità tat-trade mark preċedenti għall-Istat Membru fejn jew għal-liem tkun reġistrata.

    2.   L-anzjanità mitluba għandha l-effett uniku taħt dan ir-Regolament li, jekk il-proprjetarju tat-trademark [tal-Unjoni Ewropea] jċedi [jirrinunzja] t-trade mark preċedenti jew iħalliha tiskadi, huwa jitqies li jkompli jgawdi l-istess drittijiet daqs li kieku t-trade mark preċedenti baqgħet reġistrata.

    […]”

    8

    L-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Talba ta’ anzjanità wara r-reġistrazzjoni ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea]”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Il-proprjetarju ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] li huwa l-proprjetarju ta’ trade mark identika aktar kmieni rreġistrata fi Stat Membru, inkluża trade mark irreġistrata fil-pajjiżi Benelux jew ta’ trade mark identika aktar kmieni, b’reġistrazzjoni internazzjonali effettiva fi Stat Membru, għall-oġġetti jew is-servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark aktar kmieni kienet ġiet irreġistrata, li tkun inkluża fihom, jista jitlob senjorità tat-trade mark aktar kmieni fir-rigward tal-Istat Membru li fih jew li għalih tkun ġiet irreġistrata.”

    Id-Direttiva (UE) 2015/2436

    9

    Id-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1) li twettaq riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/95, daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Jannar 2016, wara d-data tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali. L-Artikolu 6 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

    “Fejn il-preċedenza ta’ trade mark nazzjonali jew ta’ trade mark reġistrata taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fl-Istat Membru, li ġiet ċeduta [irrinunzjata] jew li tħalliet tiskadi, tiġi invokata għal trade mark tal-UE, l-invalidità jew ir-revoka tat-trade mark li tipprovdi l-bażi għat-talba ta’ preċedenza tista’ tiġi stabbilita a posteriori, sakemm l-invalidità jew ir-revoka tkun setgħet ġiet iddikjarata fil-ħin li l-marka [trade mark] ġiet ċeduta jew tħalliet tiskadi. F’każ bħal dan il-preċedenza għandha tieqaf milli tipproduċi l-effetti tagħha.”

    Id-dritt Ġermaniż

    10

    L-Artikolu 49 tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Trade marks u Sinjali Distintivi Oħra), tal-25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3082, iktar ’il quddiem il-“Markengesetz”), intitolat “Revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Fuq talba, it-trade mark għandha titħassar mir-reġistru minħabba revoka jekk ma tkunx intużat fis-sens tal-Artikolu 26, wara d-data ta’ reġistrazzjoni tagħha, matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin. Ir-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark ma tistax tiġi madankollu invokata jekk, wara t-tmiem tal-imsemmi perijodu u qabel il-preżentata tat-talba għal kanċellazzjoni, l-użu tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 26 ikun inbeda jew tkompla. Il-bidu jew tkomplija ta’ użu matul perijodu ta’ tliet xhur qabel il-preżentata tat-talba għal tħassir, li jibda jiddekorri wara perijodu mhux interrott ta’ ħames snin tan-nuqqas ta’ użu, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fejn il-preparazzjonijiet għall-bidu jew għat-tkomplija tal-użu jitwettqu biss wara li l-proprjetarju tat-trade mark isir jaf li tista’ tiġi preżentata l-applikazzjoni għar-revoka. Meta l-applikazzjoni għal tħassir imsemmija fl-Artikolu 53(1) tkun ġiet ippreżentata quddiem l-Uffiċċju tal-Privattivi, l-applikazzjoni lill-Uffiċċju tal-Privattivi tibqa’ determinanti għall-kalkolu tat-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tielet sentenza, sakemm ir-rikors għal tħassir skont l-Artikolu 55(1) ikun ġie ppreżentat f’terminu ta’ tliet xhur wara n-notifika tal-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 53(4).”

    11

    L-Artikolu 125c tal-Markengesetz, intitolat “Konstatazzjoni a posteriori tal-invalidità ta’ trade mark”, jipprovdi:

    “1.   Jekk, fir-rigward ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] ippreżentata jew irreġistrata, tkun ġiet invokata l-preċedenza ta’ trade mark irreġistrata fl-Uffiċċju tal-Privattivi skont l-Artikolu 34 jew 35 tar-Regolament [Nru 207/2009] u jekk it-trade mark irreġistrata fir-Reġistru tal-Uffiċċju tal-Privattivi tkun tħassret minħabba l-assenza ta’ proroga tat-tul tal-protezzjoni […], jew ir-rinunzja […], l-invalidità ta’ din it-trade mark tista’, fuq talba, tiġi kkonstatata a posteriori bħala revokata jew invalida.

    2.   Il-konstatazzjoni tal-invalidità sseħħ taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ tħassir minħabba revoka jew invalidità. L-invalidità minħabba revoka taħt tal-Artikolu 49(1) tista’ madankollu tiġi kkonstatata biss jekk il-kundizzjonijiet għat-tħassir skont din id-dispożizzjoni kienu diġà jeżistu fid-data li fiha t-trade mark tkun tħassret minħabba l-assenza ta’ proroga tat-tul tal-protezzjoni jew minħabba rinunzja.

    3.   Il-proċedura għal konstatazzjoni tal-invalidità hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-proċedura għal tħassir ta’ trade mark irreġistrata, filwaqt li jinftiehem li l-konstatazzjoni tal-invalidità tat-trade mark tissostitwixxi t-tħassir tagħha.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    P & C Düsseldorf hija proprjetarja tat-trade marks verbali u figurattivi Ġermaniżi PuC, irreġistrati għal ħwejjeġ taħt in-numri 648526 u 648528 u li l-preċedenza tagħhom tmur lura għas-sena 1953.

    13

    P & C Hamburg hija proprjetarja ta’ trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea PUC, li ġiet irreġistrata fis-6 ta’ April 2001 taħt in-numru 242446 għal prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 25 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondi b’mod partikolari għal ħwejjeġ u għal aċċessorji tal-moda. Din it-trade mark tgawdi, fit-territorju Ġermaniż, mill-anzjanità ta’ żewġ trade marks verbali Ġermaniżi PUC, ippreżentati u rreġistrati matul is-snin 1978 u 1982, għal ħwejjeġ, taħt in-numri 966148 u 1027854.

    14

    Fil-11 ta’ Frar 2005, P & C Düsseldorf ippreżentat azzjoni għal tħassir, minħabba revoka, tat-trade marks verbali Ġermaniżi PUC. Peress li P & C Hamburg kienet volontarjament talbet, fis-7 ta’ Lulju 2005, lid-Deutsches Patent- und Markenamt (l-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade marks), li dawn it-trade marks jitħassru, iż-żewġ partijiet għal din it-tilwima ddikjaraw ir-riżoluzzjoni tagħha u l-imsemmija trade marks tħassru fid-9 u fil-31 ta’ Awwissu 2005.

    15

    Fit-12 ta’ Marzu 2010, P & C Düsseldorf ippreżentat rikors quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), intiż sabiex P & C Hamburg ma tkunx tista’ iktar tinvoka l-anzjanità tat-trade marks verbali Ġermaniżi PUC, billi sostniet, prinċipalment, li dawn, fid-data li fiha huma tħassru minħabba r-rinunzja ta’ din il-kumpannija, setgħu jitħassru wkoll fuq il-bażi ta’ revoka. Sussidjarjament, P & C Düsseldorf sostniet li dawn it-trade marks setgħu jitħassru wkoll f’din id-data minħabba l-eżistenza ta’ drittijiet preċedenti li hija l-proprjetarja tagħhom.

    16

    Il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) laqgħet dan ir-rikors u l-appell, ippreżentat quddiem l-Oberlandesgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Hamburg, il-Ġermanja) minn P & C Hamburg, ġie miċħud. Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tal-appell qieset li, skont l-Artikolu 125c(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 49(1) tal-Markengesetz, it-talba ta’ P & C Düsseldorf kienet fondata peress li t-trade marks verbali Ġermaniżi mħassra li l-anzjanità tagħhom ġiet invokata għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea PUC setgħu jitħassru fuq il-bażi ta’ revoka kemm fid-data li fiha huma tħassru minħabba rinunzja kif ukoll fid-data tal-aħħar seduta li nżammet quddiemha.

    17

    P & C Hamburg talbet għalhekk reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja).

    18

    Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tesponi li l-qorti tal-appell wettqet interpretazzjoni preċiża tal-Artikolu 125c(2) tal-Markengesetz meta qieset li l-kundizzjonijiet għal tħassir ta’ trade mark fuq il-bażi ta’ revoka kellhom ikunu ssodisfatti mhux biss fil-mument tar-rinunzja għal din it-trade mark, iżda wkoll fid-data tal-aħħar seduta quddiem il-qorti adita b’talba għall-konstatazzjoni tal-invalidità tal-imsemmija trade mark. Hija tistaqsi, madankollu, jekk din l-interpretazzjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/95.

    19

    Peress li kkonstatat li l-Artikolu 14 ma jispeċifikax ir-rekwiziti li jistgħu jiġu imposti għall-konstatazzjoni a posteriori tal-invalidità tat-trade mark nazzjonali preċedenti li kienet is-suġġett ta’ rinunzja jew ta’ skadenza, il-qorti tar-rinviju tosserva li mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2015/2436 jirriżulta li ma jistax jintalab, taħt dan l-artikolu, li l-kundizzjonijiet tar-revoka jkunu wkoll issodisfatti fid-data tad-deċiżjoni li taqta’ l-azzjoni għall-konstazzjoni a posteriori ta’ revoka. Hija tistaqsi jekk din id-direttiva ddefinixxietx mill-ġdid ir-rekwiżiti li għalihom hija suġġetta tali konstatazzjoni jew jekk hija servietx biss sabiex tiċċara r-rekwiziti diġà applikabbli skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/95.

    20

    Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, anki jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 125c tal-Markengesetz indikata fil-punt 18 ta’ din is-sentenza titiqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/95, tqum il-kwistjoni dwar jekk P & C Hamburg, wara li rrinunzjat għat-trade marks verbali Ġermaniżi tagħha fis-7 ta’ Lulju 2005, setgħetx tuża dawn it-trade marks b’mod xieraq sabiex tiġi żgurata ż-żamma tad-drittijiet relatati magħhom. Peress li l-qorti tar-rinviju qieset li l-atti ta’ użu wara r-rinunzja ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li dawn l-atti ma għandhomx “effett sanatorju”, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din l-analiżi hijiex preċiża fid-dawl tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u tistaqsi f’dan ir-rigward dwar l-effett tal-invokazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea tal-anzjanità ta’ trade mark nazzjonali preċedenti.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Huwa kompatibbli mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/95 li l-invalidità jew ir-revoka ta’ trade mark nazzjonali li hija l-bażi tal-invokazzjoni tal-anzjanità ta’ trade mark tal-Unjoni u li kienet is-suġġett ta’ rinunzja jew ta’ skadenza tista’ biss tiġi kkonstatata a posteriori jekk il-kundizzjonijiet tal-invalidità jew tar-revoka jkunu ssodisfatti mhux biss fil-mument tar-rinunzja jew tal-iskadenza tat-trade mark, iżda wkoll fid-data tad-deċiżjoni ġudizzjarja marbuta ma’ din il-konstatazzjoni?

    2)

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv

    L-invokazzjoni ta’ anzjanità għandha l-effett, skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, li t-trade mark nazzjonali tiskadi u ma tistax tintuża iktar b’mod li jinżammu d-drittijiet marbuta magħha, jew inkella t-trade mark nazzjonali hija miżmuma fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk ma teżistix iktar fir-reġistru tal-Istat Membru kkonċernat, bil-konsegwenza li tista’ jew għandha tkompli tintuża sabiex jinżammu d-drittijiet marbuta magħha?”

    Fuq id-domandi preliminari

    22

    Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/95, moqri flimkien mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-invalidità ta’ trade mark nazzjonali preċedenti jew ir-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju tagħha, li l-anzjanità tagħha tiġi invokata għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, tista’ tiġi kkonstatata a posteriori biss jekk il-kundizzjonijiet għal din l-invalidità jew għal din ir-revoka ikunu ssodisfatti mhux biss fid-data li fiha tkun saret ir-rinunzja għal din it-trade mark nazzjonali preċedenti jew fid-data ta’ skadenza tagħha, iżda wkoll fid-data tad-deċiżjoni ġudizzjarja li twettaq din il-konstatazzjoni.

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi l-possibbiltà, għall-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti li jippreżenta applikazzjoni għal trade mark identika intiża sabiex tiġi rreġistrata bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata it-trade mark nazzjonali preċedenti, li jinvoka, fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu, l-anzjanità tat-trade mark nazzjonali preċedenti fir-rigward tal-Istat Membru li fih jew li għalih hija tkun ġiet irreġistrata. L-Artikolu 35 ta’ dan ir-regolament jipprevedi possibbiltà simili ta’ invokazzjoni tal-anzjanità wara r-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea.

    24

    L-uniku effett tal-invokazzjoni tal-anzjanità ta’ trade mark nazzjonali preċedenti huwa, skont l-Artikolu 34(2) ta’ dan ir-regolament, li, fil-każ fejn il-proprjetarju ta’ din tal-aħħar jirrinunzja għaliha jew iħalliha tiskadi, huwa jitqies li jkompli jgawdi mill-istess drittijiet li kien igawdi minnhom li kieku t-trade mark nazzjonali preċedenti baqħet irreġistrata.

    25

    Sabiex jipprekludi tali invokazzjoni, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/95 jipprevedi l-possibbiltà ta’ konstatazzjoni, a posteriori, tal-invalidità tat-trade mark nazzjonali preċedenti li kienet is-suġġett ta’ rinunzja jew ta’ skadenza, jew tar-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark.

    26

    Għalkemm l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/95 ma jispeċifikax liema data għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet tal-invalidità jew tar-revoka humiex issodisfatti, jirriżulta madankollu mill-kliem u mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni li l-eżami inkwistjoni huwa intiż sabiex jiġi ddeterminat b’mod retroattiv jekk dawn il-kundizzjonijiet kinux issodisfatti fid-data li fiha saret ir-rinunzja għat-trade mark nazzjonali preċedenti jew fid-data ta’ skadenza tagħha. Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit li l-kundizzjonijiet tal-invalidità tat-trade mark nazzjonali preċedenti jew tar-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju tagħha għandhom ikunu ssodisfatti wkoll fid-data li fiha tingħata deċiżjoni fuq it-talba intiża għall-konstatazzjoni a posteriori ta’ din l-invalidità jew ta’ din ir-revoka ma huwiex konformi mal-imsemmija dispożizzjoni.

    27

    Barra minn hekk, tali rekwiżit jistrieħ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali, fuq it-teżi li atti ta’ użu ta’ trade mark nazzjonali, wara r-rinunzja tagħha, jistgħu jkollhom effett sanatorju ta’ natura li tiżgura ż-żamma tad-drittijiet relatati magħha. Issa, tali teżi ma hija bbażata la fuq id-Direttiva 2008/95 u lanqas fuq ir-Regolament Nru 207/2009.

    28

    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-possibbiltà ta’ użu ta’ trade mark nazzjonali li ġiet irrinunzjata ma hija bl-ebda mod prevista mid-Direttiva 2008/95. Mill-premessa 5 u mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jirriżulta, barra minn hekk, li din id-direttiva tapplika biss għat-trade marks li jkunu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni jew ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni, b’tali mod li trade mark li tkun tħassret ma teżistix iktar fir-rigward tagħha.

    29

    Sussegwentement, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/95 jirriżulta li l-użu tat-trade mark jittieħed inkunsiderazzjoni biss sad-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal revoka, eventwalment imressqa ’l quddiem bi tliet xhur fil-każ imsemmi fit-tielet paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Ma jkunx, għaldaqstant, koerenti ma’ din id-dispożizzjoni li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-konstatazzjoni a posteriori tar-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark, użu wara d-data li fiha dan il-proprjetarju jkun huwa stess iddikjara r-rinunzja għal din it-trade mark jew ikun ħalliha tiskadi.

    30

    Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-uniku effett tal-anzjanità ta’ trade mark nazzjonali preċedenti invokata għal trade mark tal-Unjoni Ewropea huwa li l-proprjetarju ta’ din it-trade mark preċedenti, li jkun irrinunzja għaliha jew li jkun ħalliha tiskadi, jitqies li jkompli jgawdi, fl-Istat Membru li fih jew li għalih hija ġiet irreġistrata, mill-istess drittijiet li huwa kien igawdi minnhom li kieku t-trade mark nazzjonali preċedenti baqħet irreġistrata. Din id-dispożizzjoni toħloq għalhekk sitwazzjoni fittizja intiża sabiex tippermetti lill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jkompli jgawdi, f’dan l-Istat Membru, mill-protezzjoni li kienet tgawdi minnha t-trade mark nazzjonali preċedenti li tħassret u mhux sabiex tippermetti lil din tal-aħħar li tkompli teżisti bħala tali. Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li użu tas-sinjal inkwistjoni wara dan it-tħassir għandu jitqies, f’każ bħal dan, bħala użu tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u mhux tat-trade mark nazzjonali preċedenti li tħassret.

    31

    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/95 imwettqa fil-punt 26 ta’ din is-sentenza hija kkonfermata mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2015/2436, li daħlet fis-seħħ wara d-data tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li jipprevedi bħala unika kundizzjoni għal konstatazzjoni a posteriori tal-invalidità tat-trade mark nazzjonali preċedenti jew tar-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju tagħha li l-invalidità jew ir-revoka tad-drittijiet setgħet tiġi ddikjarata fil-mument li fiha din it-trade mark kienet is-suġġett ta’ rinunzja jew ta’ skadenza.

    32

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/95, moqri flimkien mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-invalidità ta’ trade mark nazzjonali preċedenti jew ir-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju tagħha, li l-anzjanità tagħha tiġi invokata għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, tista’ tiġi kkonstatata a posteriori biss jekk il-kundizzjonijiet għal din l-invalidità jew għal din ir-revoka jkunu ssodisfatti mhux biss fid-data li fiha tkun saret ir-rinunzja għal din it-trade mark nazzjonali preċedenti jew fid-data ta’ skadenza tagħha, iżda wkoll fid-data tad-deċiżjoni ġudizzjarja li twettaq din il-konstatazzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    33

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, moqri flimkien mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-invalidità ta’ trade mark nazzjonali preċedenti jew ir-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju tagħha, li l-anzjanità tagħha tiġi invokata għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, tista’ tiġi kkonstatata a posteriori biss jekk il-kundizzjonijiet għal din l-invalidità jew għal din ir-revoka jkunu ssodisfatti mhux biss fid-data li fiha tkun saret ir-rinunzja għal din it-trade mark nazzjonali preċedenti jew fid-data ta’ skadenza tagħha, iżda wkoll fid-data tad-deċiżjoni ġudizzjarja li twettaq din il-konstatazzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top