EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0107

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018.
"Aviabaltika" UAB vs "Ūkio bankas" AB.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2002/47/KE – Eżekuzzjoni tal-arranġamenti finanzjarji kollaterali – Bidu tal-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jakkwista kollateral finanzjarju – Seħħ tal-fatt li wassal għall-eżekuzzjoni tal-kollateral – Inklużjoni tal-kollateral finanzjarju fil-massa ta’ falliment – Obbligu li d-djun jitħallsu, fl-ewwel lok, mill-kollateral finanzjarju.
Kawża C-107/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:600

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2002/47/KE – Eżekuzzjoni tal-arranġamenti kollaterali finanzjarji – Bidu tal-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jakkwista kollateral finanzjarju – Seħħ tal-fatt li wassal għall-eżekuzzjoni tal-kollateral – Inklużjoni tal-kollateral finanzjarju fil-massa ta’ falliment – Obbligu li d-djun jitħallsu, fl-ewwel lok, mill-kollateral finanzjarju”

Fil-Kawża C‑107/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

“Aviabaltika” UAB

vs

“Ūkio bankas”, AB, fi stralċ

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Aviabaltika” UAB, minn E. Baranauskas, advokatas,

għal “Ūkio bankas” AB, minn T. Bairašauskas u D. Ušinskaitė-Filonovienė, advokatai,

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u D. Kriaučiūnas kif ukoll minn L. Bendoraitytė, R. Butvydytė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Rius u A. Nijenhuis kif ukoll minn A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(1) u (5), kif ukoll l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 89), kif emendata bid-Direttiva 2009/44/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 146, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/47”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn “Aviabaltika” UAB “Ūkio bankas” AB, dwar talba għall-ħlas mingħand il-bank Ūkio bankas kontra Aviabaltika fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ kollateralizzazzjoni konklużi bejniethom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 3 tad-Direttiva 2002/47 tipprovdi:

“Għandu jiġi mwaqqaf reġim tal-Komunità, sabiex jipprovdi għal garanziji u flus bħala kollaterali (iktar ’il quddiem il-‘kollaterali finanzjarji’) kemm taħt imgħax tal-garanziji, kif ukoll strutturi ta’ trasferiment ta’ titolu inkluż ftehim ta’ xiri mill-ġdid (‘repos’). Dan jikkkontribwixxi għall-integrazzjoni u l-konvenjenza tas-suq finanzjarju, kif ukoll l-istabbilità tas-sistema finanzjarja fil-Komunità, u b’hekk tappoġġja l-libertà sabiex jiġu pprovduti servizzi u l-moviment ħieles tal-kapital f’suq wieħed fis-servizzi finanzjarji. Din id-Direttiva tiffoka fuq arranġamenti finanzjarji kollaterali.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(c)

‘arranġament kollaterali finanzjarju ta’ sigurtà’ tfisser arranġament li fih min qed jipprovdi l-kollateral jipprovdi kollateral finanzjarju bħala sigurtà lil jew favur ir-riċevitur tal-kollateral, u fejn il-proprjetà sħiħa jew kwalifikata tal-kollateral finanzjarju, jew id-dritt sħiħ għalih, tibqa’ ma’ min qed jipprovdi l-kollateral meta jiġi stabbilit id-dritt għas-sigurtà;

[…]

(f)

‘obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti’ tfisser l-obbligazzjonijiet li huma garantiti permezz ta’ arranġament dwar il-kollateral finanzjarju u li jagħtu dritt għal ħlas ta’ flus kontanti u/jew konsenja ta’ strumenti finanzjarji.

[…]

(j)

‘proċeduri ta’ xoljiment’ tfisser proċeduri kollettivi li jinvolvu r-realizazzjoni ta’ assi u d-distribuzzjoni tar-rikavat fost il-kredituri, azzjonisti u membri, skont il-ħtieġa, li jinvolvu kwalunkwe intervent minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, inkluż meta il-proċeduri kollettivi huma tterminati permezz ta’ kompożizzjoni jew miżura li tixxiebaħ, irrispettivament humiex fondati a bażi ta’ falliment jew huma volontarji jew obbligatorji;

[…]

(l)

‘avveniment t’enforzar’ tfisser avveniment ta’ inadempjenza, jew kwalunkwe avveniment ieħor simili kif mifthiem bejn il-partijiet, u li meta jseħħu, taħt it-termini ta’ arranġament dwar kollateral finanzjarju jew permezz ta’ l-operar tal-liġi, min jakkwista l-kollateral huwa ntitolat sabiex jirrealizza jew japproppria il-kollateral finanzjarju jew tidħol fis-seħħ dispożizzjoni dwar il-close-out netting:

[…]”

5

Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-enforzar ta’ l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi meta jseħħ avveniment t’enforzar, min jakkwista l-kollateral għandu jkun jista jirrealizza permezz tas-segwenti, kwalunkwe kollateral finanzjarju pprovdut taħt, u soġġett għat-termini mifthiema f’arranġament dwar il-kollateral finanzjarju tal-garanzija:

[…]

(b)

flus kontanti permezz ta’ tpaċija tal-ammont kontra, jew billi jiġi applikat bħala skarigu ta’ l-obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti;

[…]

4.   Il-manjieri ta’ kif jiġi realizzat il-kollateral finanzjarju li għalih saret referenza fil-paragrafu 1, għandhom ikunu soġġetti għat-termini mifthiema fl-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju ta’ garanzija:

(a)

għandu jkun ingħata avviż dwar l-intenzjoni għall-irrealizzar, minn qabel;

[…]

5.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jidħol fis-seħħ skond it-termini tiegħu, nonostante l-inizzjalar jew il-kontinwazzjoni tal-proċeduri ta’ xoljiment jew miżuri ta’ organizazzjoni mill-ġdid, dwar minn jipprovdi l-kollateral jew min jakkwista l-kollateral.

[…]”

6

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ċerti dispożizzjonijiet dwar il-falliment ma’ japplikawx”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju, kif ukoll il-għoti ta’ kollateral finanzjarju taħt dan l-arranġament, jista ma jiġix dikjarat invalidu jew bla effett, jew li jiġi mdawwar a bażi biss li l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jkun ġie fis-seħħ, jew il-kollateral finanzjarju jkun ġie pprovdut:

(a)

fil-jum li fih jinbdew il-proċeduri dwar ix-xoljiment, jew il-miżuri dwar l-organizazzjoni mill-ġdid, iżda qabel l-ordni jew digriet li bih jinbdew; jew

(b)

f’terminu preskritt qabel, u definit permezz ta’ referenza għall-inizzjalar ta’ dawn il-proċeduri jew miżuri jew permezz ta’ referenza għall-għoti ta’ kwalunkwe ordni jew digriet, jew it-teħid ta’ kwalunkwe azzjoni oħra jew okkorrenza ta’ kwalunkwe avveniment ieħor fil-kors ta’ dawn il-proċeduri jew miżuri.

2.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw meta jkun ġie fis-seħħ arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja rilevanti, jew ikun ġie pprovdut il-kollateral finanzjarju fil-jum ta’ iżda wara l-mument ta’ l-inizzjalar tal-proċeduri ta’ xoljiment jew miżuri ta’ organizazzjoni mill-ġdid, għandu jkun enforzabbli legalment u li jorbot fuq terzi persuni jekk min ikun akkwista l-kollateral jista jipprova li ma kienx konxju, jew lanqas ma suppost kien jaf, bl-inizzjalar ta’ dawn il-proċeduri jew miżuri.

[…]”

Id-dritt Litwan

7

Il-Lietuvos Respublikos finansinio užtikrinimo susitarimų įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-kuntratti ta’ garanzija finanzjarja, iktar ’il quddiem il-“Liġi Litwana dwar l-arranġamenti ta’ kollateral finanzjarju”), li jimplementa d-Direttiva 2002/47, jipprovdi, fl-Artikolu 2(8) u (32):

“8.   ‘arranġament kollaterali finanzjarju mingħajr it-trasferiment ta’ titolu’ huwa ftehim li permezz tiegħu min jipprovdi l-kollateral, jipprovdi kollateral finanzjarju permezz ta’ garanzija favur ta’ jew lil, min jakkwista l-kollateral, u meta l-proprjetà sħiħa jew ristretta tal-kollateral finanzjarju tibqa ta’ min ikun jipprovdi l-kollateral.

[…]

32.   ‘obbligazzjoni finanzjarja rilevanti’ hija obbligu li l-eżekuzzjoni tiegħu hija garantita permezz ta’ arranġament dwar il-kollateral finanzjarju u li jagħti dritt għal ħlas ta’ flus kontanti u/jew konsenja ta’ strumenti finanzjarji u/jew ta’ assi marbuta ma’ dawk l-istrumenti finanzjarji. […]”

8

Skont l-Artikolu 9(3) u (8) tal-Liġi Litwana dwar l-arranġamenti kollaterali finanzjarji:

“3.   F’każ li jseħħ avveniment li jwassal għall-infurzar tal-kollateral finanzjarju, min jakkwista l-kollateral għandu d-dritt li jirrealizza unilateralment il-kollateral finanzjarju pprovdut taħt arranġament kollaterali finanzjarju mingħajr it-trasferiment ta’ titolu, b’wieħed mill-modi deskritti hawn taħt u skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak l-arranġament:

[…]

2)

fil-każ tal-ispeċi, ta’ tpaċija tal-ammont kontra, jew billi jiġi applikat bħala skarigu ta’ l-obbligazzjonijiet finanzjarji rilevanti;

[…]

8.   L-arranġament kollaterali finanzjarju jidħol fis-seħħ fid-dati previsti fih, indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ stralċ jew mill-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni fir-rigward ta’ min jipprovdi jew jakkwista l-kollateral.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Fl-10 ta’ Ottubru 2011 u fis-16 ta’ Awwissu 2012, Aviabaltika mal-bank Ūkio bankas ikkonkludew żewġ kuntratti ta’ kollateralizzazzjoni (minn hawn ’il quddiem “il-kuntratti tal-2011 u tal-2012”), li abbażi tagħhom garanziji kienu mogħtija lil sħab kontraenti ta’ Aviabaltika. Aviabaltika stess tat il-fondi li jinsabu fil-kont miftuħ f’isimha f’Ūkio bankas bħala kollateral għall-obbligi tagħha.

10

Il-kuntratti tal-2011 u tal-2012 kienu jipprovdu li l-fondi mħallsa fuq dan il-kont, bl-istess mod li l-obbligu ta’ restituzzjoni ta’ dawn il-fondi, kienu mogħtija lill-bank b’titolu ta’ sigurtà bħala garanzija għat-twettiq tajjeb tal-obbligi li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti u kellhom jiġu kklassifikati bħala kollateral finanzjarju fis-sens tal-Liġi Litwana dwar l-arranġamenti kollaterali finanzjarji.

11

Ūkio bankas mbagħad ikkonkludiet arranġamenti ta’ kontrokollateral ma’ Commerzbank AG, li b’applikazzjoni tagħhom Commerzbank pprovdiet kollaterali lill-Bank Statali tal-Indja u dan tal-aħħar lill-benefiċjarji finali ta’ dawn il-kollaterali, jiġifieri s-sħab kontraenti ta’ Aviabaltika. Bħala sigurtà, Ūkio bankas iddepożitat flejjes sal-limitu tal-ammont tal-kollaterali pprovduti minn Commerzbank.

12

Fit-2 ta’ Mejju 2013, inbdiet proċedura ta’ insolvenza kontra Ūkio bankas mill-Kaunas apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas, il-Litwanja).

13

Peress li Aviabaltika ma wettqitx l-obbligi tagħha fil-konfront tas-sħab kontraenti tagħha, min jakkwista l-kollateral bis-saħħa tal-arranġamenti tal-2011 u tal-2012, il-Commerzbank, fit-12 ta’ Marzu 2014, kellha twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-arranġamenti ta’ kontrokollateral u ddebitat parti mill-flus li Ūkio bankas kienet ippreżentat bħala sigurtà.

14

Fit-28 ta’ Ottubru 2014, Kaunas apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas) aċċettat l-obbligazzjonijiet ta’ Ūkio bankas tal-kreditu ta’ Aviabaltika, b’mod partikolari, fondi pprovduti lil dak il-bank bħala kollateral finanzjarju fil-qafas tal-arranġamenti tal-2011 u tal-2012.

15

Ūkio bankas paċiet parti mill-imposti mħaddma minn Commerzbank mhux mal-fondi mogħtija taħt dan il-kollateral kkostitwit minn Aviabaltika, iżda mal-allowance pperċepit b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Litwani dwar il-garanzija ta’ depożiti, li kien jinsab fuq kont ieħor ta’ Aviabaltika. Hija mbagħad talbet il-kundanna ta’ Aviabaltika tħallasha lura il-bilanċ dovut skont l-arranġamenti tal-2011 u tal-2012, wara tali kumpens, flimkien mal-interessi.

16

Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2015, il-Kaunas apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Kaunas) laqgħet dawn it-talbiet. B’deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2016, il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) ikkonfermat din is-sentenza. Dawn il-qrati ddeċidew li l-arranġamenti tal-2011 u tal-2012 kienu jinkludu ftehim ta’ kollateral finanzjarju li l-objettiv tiegħu kienu l-fondi li jikkredita fil-kont miftuħ f’isem Aviabaltika ma’ dak il-bank. Huma qiesu li, wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza fir-rigward ta’ Ūkio bankas, dawn il-fondi kienu niżlu fl-assi rimanenti wara l-falliment u li d-dritt ta’ dan il-bank li tiddisponi minnhom kien limitat għall-projbizzjoni ta’ jitħallas kwalunkwe obbligu li ma jkunx ġie fid-data tal-ftuħ ta’ din il-proċedura, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali f’dan il-qasam. Aviabaltika ressqet quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) b’appell ta’ kassazzjoni.

17

Il-Qorti tar-rinviju tesponi li Aviabaltika u Ūkio bankas ikkonkludew arranġament ta’ kollateral finanzjarju ta’ sigurtà, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2002/47, u avveniment ta’ infurzar tal-kollateral seħħ wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza kontra min jakkwista l-kollateral, jew f’dan il-każ Ūkio bankas. B’hekk tqum, b’mod partikolari, il-kwistjoni jekk dan il-kollateral jista’ jiġi eżegwit minn min jakkwista l-kollateral, sabiex jirkupra d-dejn tiegħu fuq min jipprovdi l-kollateral jew Aviabaltika, imwielda minn nuqqas ta’ eżekuzzjoni minn din tal-aħħar tal-obbligazzjonijiet finanzjarji koperti minn dan il-kuntratt.

18

Aviabaltika issostni li, sabiex tirkupra d-dejn tagħha, Ūkio bankas għandha, abbażi tad-Direttiva 2002/47, b’mod partikolari tal-Artikolu 4 ta’ din tal-aħħar, tuża l-fondi li ppreżentatilha taħt l-imsemmi kollateral u mhux ta’ assi oħra proprjetà tagħha. Aviabaltika tqis barra minn hekk li kieku kienet laqgħet it-talbiet ta’ Ūkio bankas, hija ma tistax tiġbor dawn il-fondi fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza u għandha, fil-prattika, tħallsu għat-tieni darba f’dan il-bank l-ammont tal-kollateral finanzjarju. Ūkio bankas tqis, min-naħa l-oħra, li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam bankarju u ta’ insolvenza, dawn il-fondi niżlu fl-assi rimanenti wara l-falliment u ma jistgħux jintużaw biex isolvu l-pretensjonijiet tagħha stess. Hija żżid tgħid li, skont din id-direttiva, bħala min akkwista l-kollateral, hija għandha d-dritt, u mhux l-obbligu, li tuża l-fondi mogħtija f’dan ir-rigward u tista’ tagħżel li tirkupra l-kreditu tagħha fuq assi oħra ta’ Aviabaltika.

19

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-għoti bħala kollateral finanzjarju ta’ flus f’kont bankarju kellha l-effett li jkollha bħala kollateral l-obbligazzjoni ta’ rifużjoni ta’ dawn il-fondi, peress li l-proprjetà tal-imsemmija fondi hija ttrasferita lill-Bank. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam bankarju u ta’ insolvenza li fuqhom ibbażaw ruħhom il-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell, huma applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-projbizzjoni fuq kwalunkwe obbligu pendenti fid-data tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, li tipprekludi t-twettiq ta’ dan il-kollateral u l-użu effettiv minn min jakkwista l-kollateral. Din il-qorti tenfasizza li, jekk min jipprovdi l-kollateral huwa obbligat iħallas l-obbligazzjonijiet finanzjarji koperti bl-għajnuna tal-assi l-oħrajn tiegħu minħabba dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ser ikun f’kunflitt, fil-prattika, mar-regoli dwar l-insolvenza sabiex jirkupra l-imsemmi kollateral.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li tistabbilixxi li l-garanzija finanzjarja [kollateral finanzjarju] ma għandhiex tkun tifforma parti mill-assi rimanenti wara l-falliment tal-benefiċjarju tal-garanzija [ta’ min jakkwista l-kollateral] (tal-bank fi proċedura ta’ falliment)? Fi kliem ieħor, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw leġiżlazzjoni li tippermetti lill-benefiċjarju tal-garanzija [lil min jakkwista l-kollateral] (lill-bank) li de facto jissodisfa l-kreditu tiegħu, li jkun iggarantit b’garanzija finanzjarja [kollateral finanzjarju] (jiġifieri mill-fondi li jinsabu fil-kont bankarju u mid-dritt ta’ kreditu fuq dawn il-fondi), minkejja li l-avveniment li jwassal għall-eżekuzzjoni tal-garanzija finanzjarja [kollateral finanzjarju] jseħħ wara l-ftuħ tal-proċeduri ta’ stralċ tal-benefiċjarju tal-garanzija [ta’ minn jakkwista l-kollateral](il-bank)?

2)

Fid-dawl tal-istruttura tad-Direttiva 2002/47, l-Artikolu 4(1) u (5) għandu jiġi interpretat sistematikament bħala li jagħti lill-fornitur tal-garanzija [lil minn jipprovdi l-kollateral] d-dritt li jirrikjedi li l-benefiċjarju tal-garanzija [min jakkwista l-kollateral] (il-bank) jissodisfa l-kreditu tiegħu, li huwa iggarantit b’garanzija finanzjarja [kollateral finanzjarju] (mill-fondi li jinsabu fil-kont bankarju u mid-dritt ta’ kreditu fuq dawn il-fondi), fl-ewwel lok billi jdur kontra l-garanzija finanzjarja [kollateral finanzjarju] u bħala [li] jimponi l-obbligu korrispondenti fuq il-benefiċjarju tal-garanzija [min jakkwista l-kollateral] li jottempora ruħu ma’ tali rikjesta, minkejja li jkunu diġà nbdew il-proċeduri ta’ stralċ kontrih?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda u jekk il-fornitur tal-garanzija [min jipprovdi l-kollateral] jħallas il-kreditu ggarantit tal-benefiċjarju tal-garanzija [ta’ min jakkwista l-kollateral] permezz ta’ attiv ieħor li jappartjenu lilu, id-Direttiva 2002/47 u b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 8 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jkun hemm deroga, għall-benefiċċju tal-fornitur tal-garanzija [ta’ minn jipprovdi l-kollateral], mill-ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri tal-benefiċjarju tal-garanzija [ta’ minn jakkwista l-kollateral] (tal-bank) li jkun fi proċedura ta’ stralċ u li dan tal-aħħar għandu jingħata preferenza fuq il-kredituri l-oħra fil-kuntest tal-imsemmija proċedura sabiex ikun jista’ jirkupra l-garanzija finanzjarja [kollateral finanzjarju]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jimponi fuq l-Istati Membri li jadottaw leġiżlazzjoni li tippermetti lil min jakkwista l-kollateral taħt arranġament ta’ kollateral finanzjarju b’sigurtà li jirkupra l-kreditu tiegħu, imwieled min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tall-obbligazzjonijiet finanzjarji rilevanti, fuq dan il-kollateral, meta avveniment ta’ enforzar tal-kollateral iseħħ wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fil-konfront tiegħu.

22

Hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kollateral finanzjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkun waqa’ fl-assi rimanenti wara l-falliment ta’ Ūkio bankas, min jakkwista l-kollateral, u ma jkunx jista’, minħabba projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni applikabbli fid-dritt nazzjonali, jiġi eżegwit sabiex ikun żgurat b’mod effettiv l-irkupru tal-kreditu tiegħu. B’hekk jidher li sitwazzjoni bħal din ikollha l-konsegwenza li tobbliga, fil-prattika, lil min jipprovdi l-kollateral, li jħallas għat-tieni darba lil min jakkwista l-kollateral l-ammont ta’ dan il-kollateral, li jaqa’ taħt il-proċedura ta’ insolvenza.

23

L-ewwel nett, jirriżulta mingħajr ekwivoku mill-kliem tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 li l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu qafas legali li permezz tiegħu l-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju jkun jista’ jidħol fis-seħħ skont it-termini tiegħu, minkejja l-inizjalar jew il-kontinwazzjoni tal-proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral jew min jakkwista l-kollateral. Din id-dispożizzjoni ssemmi espliċitament iż-żewġ partijiet għall-arranġament, mingħajr ma tagħmel distinzjoni, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tiegħu, skont jekk il-ftuħ ta’ tali proċedimenti jintervjeni fir-rigward ta’ parti waħda jew l-oħra.

24

Sussegwentement, fir-rigward tal-istruttura ġenerali u tal-għanijiet tad-Direttiva 2002/47, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 3 tagħha, din hija intiża sabiex tiffavorixxi l-integrazzjoni u funzjonament bl-aħjar prezz tas-suq finanzjarju, kif ukoll l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, din id-direttiva stabbiliet sistema li għandha bħala għan li tillimita l-formalitajiet amministrattivi li jaffaċċjaw magħhom il-partijiet li jużaw il-kollaterali finanzjarji li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali ta’ dawn il-kollaterali billi jiġu esklużi minn ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ insolvenza sabiex tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja u jiġu limitati l-effetti kontaġjużi fil-każ li parti tkun inadempjenti għall-arranġament dwar kollateral finanzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C‑156/15, EU:C:2016:851, punt 23).

25

F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li min jakkwista l-kollateral finanzjarju b’sigurtà għandu jkun jista’ jwettaq u b’wieħed mill-modi li jiddeskrivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat li din is-sistema tagħti, għaldaqstant, vantaġġ lil dawn il-kollaterali finanzjarji meta mqabbla ma tipi oħrajn ta’ sigurtà li ma jaqawx taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C‑156/15, EU:C:2016:851, punti 2550).

26

Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet interrogata biss dwar il-kwistjoni jekk id-Direttiva 2002/47 kellha tiġi interpretata fis-sens li hija tagħti lil min jakkwista l-imsemmija il-kollaterali id-dritt li jeżegwixxih indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jipprovdi l-kollateral. Madankollu, peress li, kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva ma jagħmilx distinzjoni skont jekk il-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza jintervjeni fir-rigward ta’ min jipprovdi jew min jakkwista l-kollateral, l-imsemmija direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li s-sistema li hija tistabbilixxi tagħti wkoll lil min jakkwista l-kollaterali finanzjarji d-dritt jeżegwixxi tali kollaterali, indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward tagħhom.

27

Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2002/47 hija intiża biex tistabbilixxi sistema legali partikolari għall-kuntratt ta’ garanzija finanzjarja, bil-ħsieb li titrawwem l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

28

Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva li tgħid li l-kollateral finanzjarju b’sigurtà jsir inoperanti minħabba l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jakkwista l-kollateral, li jwaqqaf lil dan tal-aħħar milli jirkupra effettivament il-kreditu tiegħu fuq dan il-kollateral u li jobbliga lil min jipprovdi l-kollateral, fil-prattika, li jħallsu t-tieni darba l-ammont tal-imsemmi kollateral, li jkun f’kunflitt kemm mal-kliem ta’ dan l-artikolu kif ukoll mal-għanijiet tad-Direttiva 2002/47. Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal li ċċaħħad f’miżura wiesgħa tali arranġament mill-effett tiegħu u tista’, jekk ikun il-każ, tikkawża diffikultajiet finanzjarji lil min jipprovdi l-kollateral, kuntrarjament għall-għan li jikkonsisti f’li jillimita l-effetti kontaġjużi fil-każ li parti tkun inadempjenti.

29

Għandu jingħad ukoll li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 li ma jispeċifikax il-mod li bih għandu jiġi żgurat l-effettività ta’ kollateral finanzjarju indipendentement mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza, huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu l-mezzi xierqa li permezz tagħhom jiġi żgurat tali effett utli, li fosthom jista’ jidher dak li jipprovdi li l-kollateral finanzjarju ma jaqax fl-assi rimanenti wara l-falliment ta’ min jakkwista l-kollateral.

30

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jimponi fuq l-Istati Membri li jadottaw leġiżlazzjoni li tippermetti lil min jakkwista l-kollateral b’sigurtà taħt arranġament ta’ kollateral finanzjarju b’sigurtà li jirkupra l-kreditu tiegħu, imwieled min-nuqqas tat-twettiq tal-obbligazzjonijiet finanzjarji rilevanti, fuq dan il-kollateral, meta avveniment ta’ enforzar iseħħ wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fil-konfront tiegħu.

Fuq it-tieni domanda

31

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk tal-Artikolu 4(1) u (5) tad-Direttiva 2002/47 għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil min jakkwista kollateral permezz ta’ arranġament kollaterali finanzjarju b’sigurtà obbligu li jirkupra l-kreditu tiegħu, imwieled min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi finanzjarji koperti minn dan l-arranġament, l-ewwel abbażi ta’ dan il-kollateral.

32

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem ta’ dan l-Artikolu 4, għandu jiġi rrilevat li l-espressjoni “min jakkwista l-kollateral għandu jkun jista jirrealizza”, użata fil-paragrafu 1 tiegħu, jindika li fil-każ ta’ avveniment ta’ inforzar tal-kollateral finanzjarja, min jakkwista l-kollateral ikollu l-għażla li jwettaq dan il-kollateral pjuttost milli obbligu. Barra minn hekk, il-kliem “soġġett għat-termini mifthiema” u “skont it-termini tiegħu”, użati fil-paragrafi 1 u 5 ta’ dak l-artikolu, juru l-prijorità mogħtija mid-Direttiva 2002/47 għall-klawżoli kuntrattwali.

33

Kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher, għalhekk, li l-imsemmija dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura li l-arranġament kollaterali finanzjarju jiġi implimentat bħala prijorità skont it-termini kuntrattwali miftiehma bejn il-partijiet.

34

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 4(1) u (5) tad-Direttiva 2002/47, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1)(l) ta’ din id-direttiva, li tiddefinixxi l-“avveniment t’enforzar” bħala “avveniment ta’ inadempjenza, jew kwalunkwe avveniment ieħor simili kif mifthiem bejn il-partijiet”, li meta jseħħu, “min jakkwista l-kollateral huwa ntitolat sabiex jirrealizza” il-kollateral finanzjarju, tikkonferma l-importanza tat-termini miftiehma bejn il-partijiet. Dan jirriżulta wkoll mill-formulazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmija direttiva, bħall-Artikolu 4(4) ta’ din, li jirreferi għall-“termini mifthiema fl-arranġament dwar il-kollateral finanzjarju”.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 4(1) u (5) tad-Direttiva 2002/47 għandu l-għan li jiżgura li l-arranġament kollaterali finanzjarju jkun, filwaqt li jiġu rispettati l-għanijiet ta’ din id-direttiva, imfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, jitwettaq bi prijorità skont it-termini miftiehma bejn il-partijiet.

36

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fin-nuqqas ta’ termini kuntrattwali li jirregolaw din il-kwistjoni, jirriżulta minn dawn il-finijiet li min jakkwista l-kollateral għandu jirkupra l-kreditu tiegħu qabelxejn fuq il-kollateral ikkostitwit għal dan il-għan qabel ma jsir rikors għal assi oħra ta’ min jipprovdi l-kollateral. Fil-fatt, tali rekwiżit, sa fejn jippermetti lil min jipprovdi l-kollateral li ma għandux, fil-prattika, iħallas għat-tieni darba l-ammont ta’ dan il-kollateral korrispondenti għad-dejn tiegħu, huwa ta’ natura li jevita effetti kontaġjużi fil-każ ta’ insolvenza ta’ min jakkwista l-kollateral.

37

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-indikazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni tar-rinviju, u b’mod partikolari tal-Artikolu 6.3 tal-kuntratti tal-2011 u tal-2012, u li jkopri kollateral finanzjarju li “jiggarantixxi lill-bank għall-prestazzjoni xierqa tal-obbligi kuntrattwali tal-klijent” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li min jakkwista l-kollateral għandu jirkupra l-kreditu tiegħu fuq il-kollateral finanzjarja qabel ma jsir rikors għal assi oħra ta’ min jipprovdi l-kollateral, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

38

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) u (5) tad-Direttiva 2002/47 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil min jakkwista kollateral taħt arranġament ta’ kollateral finanzjarju b’sigurtà obbligu li jirkupra l-kreditu tiegħu, imwieled mill-obbligi finanzjarji koperti minn dan l-arranġament, qabelxejn fuq dan il-kollateral.

Fuq it-tielet domanda

39

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2002/47, b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 8 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fl-ipoteżi fejn min jakkwista kollateral b’sigurtà permezz ta’ arranġament kollaterali finanzjarju ta’ sigurtà ikun irkupra l-kreditu tiegħu, imwieled min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligazzjonijiet finanzjarji relevanti, fuq l-assi ta’ min jipprovdi l-kollateral għajr dak il-kollateral, min jipprovdi l-kollateral għandu jiġi pprivileġġat fuq il-kredituri l-oħra fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ min jakkwista l-kollateral, sabiex din tkun tista’ tiġi rkuprata.

40

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, talba għal deċiżjoni preliminari tkun iġġustifikata mhux mill-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda mill-bżonn inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni (ara. f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C-156/15, EU:C:2016:851, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bejn Ūkio bankas u Aviabaltika dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratti tal-2011 u l-2012 konklużi bejniethom u ma tikkonċernax l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward Ūkio bankas. Mill-indikazzjonijiet li jidhru fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-qorti tar-rinviju hija adita b’kontrotalba għall-ħlas lura tal-kollateral finanzjarju kontra dan il-bank, u lanqas li hija ntalbet tiddeċiedi dwar id-domandi li jirrigwardaw l-irkupru tal-kreditu ta’ Aviabaltika fuq Ūkio bankas taħt dan il-kollateral, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ insolvenza.

42

Barra minn hekk, din it-talba ma fihiex informazzjoni dwar l-eżistenza jew il-kontenut ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li l-qorti tar-rinviju tkun tista’ tapplika jekk ikun il-każ fid-dawl tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex issolvi l-kawża li tressqet quddiemha, li jista’ jkollhom impatt fuq l-ordni tal-kredituri fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-tielet domanda hija ta’ natura ipotetika u, għaldaqstant, għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali, kif emendata bid-Direttiva 2009/44/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jimponi fuq l-Istati Membri li jadottaw leġiżlazzjoni li tippermetti lil min jakkwista l-kollateral b’sigurtà taħt arranġament ta’ kollateral finanzjarju b’sigurtà li jirkupra l-kreditu tiegħu, imwieled min-nuqqas tal-eżekuzzjoni tal-obbligazzjonijiet finanzjarji rilevanti, fuq dan il-kollateral, meta avveniment ta’ enforzar iseħħ wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fil-konfront tiegħu.

 

2)

L-Artikolu 4(1) u (5) tad-Direttiva 2002/47 kif emendata bid-Direttiva 2009/44/għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil min jakkwista kollateral taħt arranġament ta’ kollateral finanzjarju b’sigurtà obbligu li jirkupra l-kreditu tiegħu, imwieled mill-obbligi finanzjarji koperti minn dan l-arranġament, qabelxejn fuq dan il-kollateral.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top