EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0106

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-31 ta’ Jannar 2018.
Paweł Hofsoe vs LVM Landwirtschaftlicher Versicherungsverein Münster AG z siedzibą w Münster.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Szczecinie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 11(1)(b) u Artikolu 13(2) – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Kunċett ta’ ‘parti li tkun ġarrbet il-ħsara’ – Professjonist fis-settur tal-assigurazzjoni – Esklużjoni.
Kawża C-106/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:50

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

31 ta’ Jannar 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 11(1)(b) u Artikolu 13(2) – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Kunċett ta’ ‘parti li tkun ġarrbet il-ħsara’ – Professjonist fis-settur tal‑assigurazzjoni – Esklużjoni”

Fil-Kawża C‑106/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Szczecinie (il-Qorti Reġjonali ta’ Szczecin, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

Paweł Hofsoe

vs

LVM Landwirtschaftlicher Versicherungsverein Münster AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Malenovský, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal LVM Landwirtschaftlicher Versicherungsverein Münster AG, minn M. Siewiera-Misiuda, radca prawny,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u P. Lacerda, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(b) u tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2.

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Paweł Hofsoe u LVM Landwirtschaftlicher Versicherungsverein Münster AG (iktar ’il quddiem “LVM”), li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Münster (il-Ġermanja) dwar irkupru, mill-ewwel parti, ta’ talba ta’ kumpens tal-assigurazzjoni li għaliha hija responsabbli t-tieni parti quddiem il-qrati Pollakki.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1215/2012

3.

Il-premessi 15 u 18 tar-regolament Nru 1215/2012 jgħidu li:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

[…]

(18)

B’relazzjoni mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur u ta’ impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni aktar favorevoli għall-interessi tagħha milli r-regoli ġenerali.”

4.

Il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, iddedikat għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, fih taqsima 1 li, taħt it-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali”, hija magħmula mill-Artikoli 4 sa 6.

5.

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6.

Skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

7.

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-assigurazzjoni, li huma s-suġġett tal-Kapitolu II, Taqsima 3 tar-Regolament Nru 1215/2012, jissemmew fl-Artikoli 10 sa 16 ta’ dan tal-aħħar.

8.

L-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Assiguratur domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:

[…]

b)

fi Stat Membru ieħor, fil-każ ta’ azzjonijiet miġjuba minn dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat jew xi benefiċjarju, fil-qrati tal-post fejn ir-rikorrent ikun domiċiljat […]

[…]”

9.

L-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“L-Artikoli 10, 11 u 12 għandhom japplikaw għall-azzjonijiet miġjuba mill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara kontra l-assiguratur, meta tali azzjonijiet diretti jkunu permessi.”

10.

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi huma stabbiliti fl-Artikoli 17 sa 19 tal-istess regolament.

11.

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012:

“Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7, jekk:

(a)

ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti li jitħallsu bin-nifs;

b)

ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

ċ)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezzi, tidderieġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk.”

12.

L-Artikolu 81 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li huwa “għandu japplika mill-10 ta’ Jannar 2015, minbarra l-Artikoli 75 u 76, li għandhom japplikaw mill-10 ta’ Jannar 2014”.

Id-dritt Pollakk

13.

L-Artikolu 509 ustawa Kodeks cywilny (il-Liġi li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili) tat-23 ta’ April 1964 fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (Dz. U. tal-1964, Nru 16, pożizzjoni 93, fil-verjżjoni ppubblikata fid-Dz. U. z 2016 r. poz. 380, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”):

“(1)   Il-kreditur jista’, mingħajr il-kunsens tad-debitur, jittrasferixxi d-dejn lil parti terza (ċessjoni tad-dejn), sakemm il-liġi, restrizzjoni kuntrattwali jew in-natura tal-obbligu ma jipprekluduhiex.

(2)   It-trasferiment tad-dejn jinkludi ċ-ċessjoni tad-drittijiet kollha relatati magħhom, b’mod partikolari bħala imgħax għal ħlas tard.”

14.

Skont l-Artikolu 822(4) ta’ dan il-kodiċi:

Il-persuna intitolata għal kumpens għal danni li jirriżultaw mill-okkorrenza ta’ avveniment kopert mill-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tista’ tressaq azzjoni direttament kontra l-assiguratur.”

15.

L-Artikolu 20(1) tal-ustawa o ubezpieczeniach obowiązkowych, Ubezpieczeniowym Funduszu Gwarancyjnym i Polskim Biurze Ubezpieczycieli Komunikacyjnych (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, il-Fond ta’ Garanzija tal-Assigurazzjoni, u l-Uffiċċju Pollakk tal-Assiguraturi tar-Riskju tat-Traffiku tal-Karozzi), tat-22 ta’ Mejju 2003 (Dz. U. tal-2003, Nru 124, pożizzjoni 1152, iktar ’il quddiem il-“liġi tat-22 ta’ Mejju 2003”) jipprevedi:

“L-azzjonijiet għall-kumpens għad-danni li jirriżultaw minn kuntratti tal-assigurazzjoni obbligatorja jew li jinkludu talba għal dik l-assigurazzjoni jistgħu jiġu mibdija jew skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni ġenerali jew quddiem il-qorti tad-domiċilju, jew quddiem l-qorti tad-domiċilju jew tal-uffiċċju rreġistrat tal-parti li ġarrbet il-ħsara jew tal-persuna intitolata taħt tal-kuntratt tal-assigurazzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.

Fl-4 ta’ Lulju 2014, vettura li tappartjeni lil persuna fiżika ddomiċiljata fil-Polonja ġarrbet ħsara f’inċident tat-traffiku, li seħħ fil-Ġermanja, ikkawżat minn ċittadina Ġermaniża assigurata ma’ LVM.

17.

Il-proprjetarju ta’ din il-vettura għalhekk ikkonkluda, fit-12 ta’ Lulju 2014, kuntratt ta’ kiri ta’ vettura ta’ sostituzzjoni għal perijodu indefinit. Minħabba ta’ 200 złoty Pollakk (PLN) (madwar EUR 47.50) kull jum u sa fejn il-kirja kienet estiża sat-22 ta’ Settembru 2014, l-ispiża tal-kumpens ta’ kiri ammonta għal PLN 14600 (madwar EUR 3465).

18.

Madankollu, din il-persuna ġiet ikumpensata biss fl-ammont ta’ PLN 2800 (madwar EUR 665) minn kumpannija li tirrappreżenta LVM fil-Polonja.

19.

Sabiex tikseb is-somma PLN 11800 (madwar EUR 2800) li jifdal, fit-22 ta’ Settembru 2014, imbagħad, l-imsemmija persuna ikkonkludiet kuntratt ta’ ċessjoni ta’ kreditu li permezz tiegħu hija ċediet id-dritt tagħha għal kumpens favur P. Hofsoe, li jeżerċita l-attività kummerċjali tiegħu f’Szczecin (il-Polonja).

20.

Fil-kuntest ta’ din l-attività, abbażi ta’ ċessjoni ta’ kreditu kuntrattwali, P. Hofsoe jinkariga ruħu huwa stess mill-irkupru, mingħand l-assiguratur, tad-danni li jistgħu jintalbu minn persuna li ġarrbet il-ħsara.

21.

Fit-2 ta’ Frar 2015, abbażi tal-kuntratt ta’ ċessjoni ta’ self imsemmi fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, P. Hofsoe adixxa lis-Sąd Rejonowy Szczecin-Centrum w Szczecinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Szczecin-Ċentru f’Szczecin, il-Polonja) b’azzjoni intiża, b’mod prinċipali,sabiex tikkundanna lil LVM għall-ħlas ta’ somma ta’ PLN 11800 (madwar EUR 2800) bħala danni li jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ kiri ta’ vettura ta’ sostituzzjoni.

22.

Sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti, bħala dik tal-post fejn il-persuna li ġarrbet il-ħsara hija ddomiċiljata, P. Hofsoe invoka l-Artikolu 20 tal-Liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja, il-Fond ta’ garanzija tal-assigurazzjonijiet u l-Uffiċċju Pollakk tal-Assiguraturi tal-perikli tat-Traffiku tat-22 ta’ Mejju 2003 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen (C-463/06, EU:C:2007:792).

23.

Madankollu, LVM ikkontestat l-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti Pollakka, abbażi tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament. Hija sostniet, fil-fatt, li l-kunċett ta’ persuna “li ġarrbet il-ħsara” fis-sens tal-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament, kellu jiġi interpretat litteralment, b’tali mod li P. Hofsoe ma jkunx jista’ jressqu quddiem qorti Pollakka bħala ċessjonarju tat-talba tal-parti li tkun ġarrbet il-ħsara.

24.

Madankollu, is-Sąd Rejonowy Szczecin-Centrum w Szczecinie (il-Qorti Distrettwali ta’ Szczecin-Ċentru f’Szczecin) permezz ta’ deċiżjoni tal-13 ta’ Mejju 2015, irrikonoxxiet li kellha ġurisdizzjoni.

25.

Insostenn tal-appell li hija kienet interponiet minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Okręgowy w Szczecinie (il-Qorti Reġjonali ta’ Szczecin), LVM prinċipalment issostni li l-qorti tal-ewwel istanza kisret l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1)(b) ta’ dan ir-Regolament, meta ddeċidiet, kuntrarjament għall-insenjament li jirriżulta mill-premessi 15 u 18 tal-imsemmi regolament u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li P. Hofsoe kellu jitqies bħala l-parti l-iktar dgħajfa fil-kawża. Issa, dan tal-aħħar ma huwiex il-persuna li ġarrbet il-ħsara bħala tali, iżda professjonist li jeżerċita fil-qasam tal-irkupru tat-talbiet ta’ kumpens mingħand il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament għandu jkun interpretat strettament.

26.

P. Hofsoe isostni, min-naħa tiegħu, li l-għoti ta’ ġurisdizzjoni lill-qorti tal-post fejn id-detentur tal-polza, l-assigurat jew benefiċjarju huwa ddomiċiljat, prevista fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, li ġie ssostitwit bl-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 (iktar ’il quddiem il-“forum actoris”), ma hijiex irriżervata esklużivament għall-parti li ġarrbet il-ħsara direttament, b’tali mod li ċ-ċessjonarju tal-kreditu tal-persuna li ġarrbet il-ħsara jista’ jinvokaha wkoll.

27.

Il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-għoti ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 tiddependi, f’dan il-każ, fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “parti li ġarrbet il-ħsara”, fis-sens tal-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju tista’ tiġi stabbilita biss jekk jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “parti li ġarrbet il-ħsara” jinkludi professjonist fis-settur tal-assigurazzjoni, iċ-ċessjonarju tat-talba għal kumpens sostnuta mill-parti li direttament ġarrbet il-ħsara kontra l-assiguratur tal-vettura f’inċident tat-traffiku.

28.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 509(2) tal-Kodiċi Ċivili, “[i]t-trasmissjoni tat-talba tinkludi ċ-ċessjoni tad-drittijiet kollha relatati”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trasferiment ta’ kreditu għandu jinkludi l-benefiċċju tal-għoti ta’ ġurisdizzjoni. Tali interpretazzjoni tippermetti li jiġi ssodisfat l-għan ta’ protezzjoni tal-parti l-iktar dgħajfa li huwa l-bażi tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-assigurazzjoni.

29.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kunċett ta’ “parti li ġarrbet il-ħsara” fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 u, għaldaqstant, tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, tikkontempla kemm il-persuna li tkun sofriet direttament id-dannu kif ukoll il-persuna li sofriet dannu indirettament biss. Għaldaqstant, l-imsemmi kunċett għandu jiġi estiż għal persuna li twettaq, bħala persuna fiżika, attività professjonali fil-qasam tal-irkupru tat-talbiet ta’ kumpens kontra kumpanniji tal-assigurazzjoni, fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ ċessjoni ta’ kreditu konkluż mal-persuna li ġarrbet il-ħsara direttament. Din is-soluzzjoni hija iktar neċessarja, skont il-qorti tar-rinviju, peress li, f’dan il-każ, jeżisti żbilanċ ċar, mill-aspett ekonomiku u organizzattiv, bejn il-pożizzjoni ta’ P. Hofsoe u dik ta’ assiguratur bħala persuna ġuridika li l-kapaċitajiet tagħha huma, f’dan ir-rigward, ħafna ikbar.

30.

Dan l-approċċ konkret tas-sitwazzjonijiet rispettivi tal-partijiet fil-kawża prinċipali b’hekk jenfasizza d-differenza bejn il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u dawk li wasslu għas-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse (C-347/08, EU:C:2009:561) u tas-26 ta’ Mejju 2005, GIE Réunion européenne et (C-77/04, EU:C:2005:327).

31.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-interpretazzjoni li huwa jissuġġerixxi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1)(b) ta’ dak ir-regolament, jikser il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet u, b’mod partikolari, l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 15 tiegħu.

32.

F’dawn iċ-ċirkustanzi s-Sąd Okręgowy w Szczecinie (il-Qorti Reġjonali ta’ Szczecin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Ir-riferiment li l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, jagħmel għall-Artikolu 11(1)(b) tal-istess regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li għandha l-kwalità ta’ imprenditur u li l-attività tagħha tikkonsisti, fost l-oħrajn, fl-irkupru ta’ kumpensi mingħand l-assiguraturi billi tinvoka kuntratt ta’ xiri tal-kreditu tal-persuna direttament leża, tista’ tibda azzjoni fir-rigward ta’ dan il-kreditu kontra l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tal-awtur ta’ inċident tat-traffiku, li għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna leża, quddiem qorti ta’ dan l-aħħar Stat Membru?”

Fuq id-domanda preliminari

33.

Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1)(b) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi invokat minn persuna fiżika, li l-attività professjonali tagħha tikkonsisti b’mod partikolari li tirkupra talbiet ta’ kumpens mingħand assiguraturi u li tinvoka kuntratt ta’ ċessjoni ta’ kreditu konkluż mal-vittma ta’ inċident tat-traffiku, sabiex tinbeda kawża ċivili kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għal dan l-inċident, li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor minn dak tad-domiċilju tal-persuna li ġarrbet il-ħsara, quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar.

34.

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, l-ewwel nett, li peress li r-rikors fil-kawża prinċipali ta’ P. Hofsoe ġie ppreżentat fit-4 ta’ Frar 2015, jiġifieri wara l-10 ta’ Jannar 2015, ir-Regolament Nru 1215/2012 huwa applikabbli, konformement għall-Artikolu 81 tiegħu.

35.

It-tieni nett, l-Artikolu 822(4) tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi li persuna intitolata għal kumpens għandha l-fakultà li tressaq azzjoni diretta kontra l-assiguratur, fatt li, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu bħala konsegwenza li jirrendi applikabbli l-Artikoli 10 sa 12 ta’ dan ir-regolament.

36.

It-tielet nett, sa fejn l-Artikolu 11(1)(b) u l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriproduċu, essenzjalment, it-testi rispettivi tal-Artikolu 9(1)(b) u l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tal-aħħar tibqa’ valida għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C‑352/13, EU:C:2015:335, punt 60, u tal-21 ta’ Jannar 2016, SOVAG, C-521/14, EU:C:2016:41, punt 43).

37.

Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-riferiment magħmul fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu l-għan li jżid mal-lista ta’ partijiet li ġarrbu ħsara, li tinsab fl-Artikolu 11(1)(b) ta’ dan ir-regolament, il-persuni li jkunu sofrew danni, mingħajr ma ċ-ċirku ta’ dawn il-persuni kien ristrett għal dawk li sofrew dawn id-danni direttament (is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, MMA IARD, C-340/16, EU:C:2017:576, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38.

Huwa għalhekk il-forum actoris li għandu jkun rispettivament estiż għall-eredi ta’ persuna assigurata u għall-persuna li timpjega li tkun żammet ir-remunerazzjoni ta’ impjegat matul il-perijodu tal-leave tal-mard minħabba inċident tat-traffiku subit mill-impjegat tagħha (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C-347/08, EU:C:2009:561, punt 44, u tal-20 ta’ Lulju 2017, MMA IARD, C-340/16, EU:C:2017:576, punt 35).

39.

Dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq motivazzjoni li, minn naħa, l-għan tad-dispożizzjoni taħt it-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa li tiġi protetta l-parti l-iktar dgħajfa permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tagħha milli hemm previsti fir-regoli ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-destinatarju taċ-ċessjoni tad-drittijiet tal-persuna li ġarrbet il-ħsara direttament, li huwa nnifsu jkun jista’ jitqies bħala l-parti l-iktar dgħajfa, għandu jkun jista’ jibbenefika mir-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni ddefiniti fid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 11(1)(b) u tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C-347/08, EU:C:2009:561, punti 4044).

40.

Madankollu, l-eċċezzjonijiet tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tal-konvenut għandhom ikunu ta’ natura eċċezzjonali u jiġi interpretat strettament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte, C-26/91, EU:C:1992:268, punt 14; tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton, C-89/91, EU:C:1993:15, punti 14 sa 17; tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi, C-412/98, EU:C:2000:399, punti 4950, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C-347/08, EU:C:2009:561, punti 36 sa 39).

41.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-funzjoni ta’ protezzjoni li jaqdi l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri fid-dawl tal-Artikolu 11(1)(b) tal-imsemmi regolament timplika li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tkunx estiża għal persuni li għalihom ma tkunx iġġustifikata din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi, C-412/98, EU:C:2000:399, punti 6566; tas-26 ta’ Mejju 2005, GIE Réunion européenne et, C-77/04, EU:C:2005:327, punt 20, u tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C-347/08, EU:C:2009:561, punt 41).

42.

Minn dan isegwi li l-ebda protezzjoni speċjali ma hija ġġustifikata fir-relazzjonijiet bejn professjonisti fis-settur tal-assigurazzjoni, li ħadd minnhom ma huwa preżunt li qiegħed f’pożizzjoni dgħajfa meta mqabbel mal-oħrajn (ara s-sentenzi tat-26 ta’ Mejju 2005, GIE Réunion européenne et, C-77/04, EU:C:2005:327, punt 20; tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C-347/08, EU:C:2009:561, punt 42, u tal-21 ta’ Jannar 2016, SOVAG, C-521/14, EU:C:2016:41, punti 3031).

43.

Għaldaqstant, persuna bħal P. Hofsoe, li jeżerċita attività professjonali fil-qasam tal-irkupru tat-talbiet għall-ħlas ta’ kumpens tal-assigurazzjoni, bħala ċessjonarju kuntrattwali ta’ dawn it-talbiet, ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni speċjali li jikkostitwixxi l-forum actoris.

44.

Għalkemm, ċertament, hekk kif tippreċiża l-premessa 18 tar-Regolament Nru 1215/2012, l-għan tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament huwa li tiġi protetta l-parti l-iktar dgħajfa permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tagħha milli hemm previsti fir-regoli ġenerali, jidher li t-talba inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija parti minn relazzjonijiet bejn professjonisti u ma hijiex ta’ natura li tista’ taffettwa s-sitwazzjoni proċedurali ta’ parti kkunsidrata li hija iktar dgħajfa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-21 ta’ Jannar 2016, SOVAG, C-521/14, EU:C:2016:41, punti 2930).

45.

F’dan ir-rigward, il-fatt, li professjonist, bħal P. Hofsoe jeżerċita l-attività tiegħu fil-kuntest ta’ struttura żgħira ma għandux iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li huwa parti iktar dgħajfa mill-assiguratur. Fil-fatt, evalwazzjoni każ b’każ ta’ jekk tali professjonist jistax jitqies bħala “parti l-iktar dgħajfa” sabiex ikun jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “parti li ġarrbet il-ħsara”, fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1512/2012, kienet toħloq riskju ta’ inċertezza legali u tmur kontra l-għan tal-imsemmi regolament, stabbilit fil-premessa 15 tiegħu, li jgħid li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandu jkollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-20 ta’ Lulju 2017, MMA IARD, C-340/16, EU:C:2017:576, punt 34).

46.

Mill-bqija, tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-għan imfakkar fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 1215/2012, fejn jingħad li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut.

47.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1)(b) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi invokat minn persuna fiżika, li l-attività professjonali tagħha tikkonsisti b’mod partikolari li tirkupra talbiet ta’ kumpens mingħand assiguraturi u li tinvoka kuntratt ta’ ċessjoni ta’ kreditu konkluż mal-vittma ta’ inċident tat-traffiku, sabiex tinbeda kawża ċivili kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għal dan l-inċident, li għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fi Stat Membru ieħor minn dak tad-domiċilju tal-persuna li ġarrbet il-ħsara, quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

48.

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, moqri flimkien mal-Artikolu 11(1)(b) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi invokat minn persuna fiżika, li l-attività professjonali tagħha tikkonsisti b’mod partikolari li tirkupra talbiet ta’ kumpens mingħand assiguraturi u li tinvoka kuntratt ta’ ċessjoni ta’ kreditu konkluż mal-vittma ta’ inċident tat-traffiku, sabiex tinbeda kawża ċivili kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli għal dan l-inċident, li għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fi Stat Membru ieħor minn dak tad-domiċilju tal-persuna li ġarrbet il-ħsara, quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top