Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0105

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2018.
    Komisia za zashtita na potrebitelite vs Evelina Kamenova.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administrativen sad - Varna.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 2(b) u (d) – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 2(2) – Kunċetti ta’ “kummerċjant” u ta’ “prattiki kummerċjali.
    Kawża C-105/17.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:808

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    4 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 2(b) u (d) – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 2(2) – Kunċetti ta’ “kummerċjant” u ta’ “prattiki kummerċjali”

    Fil-Kawża C‑105/17,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Varna (Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), b’deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

    Komisia za zashtita na potrebitelite

    vs

    Evelina Kamenova,

    fil-preżenza ta’:

    Okrazhna prokuratura – Varna,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet (Relatur), M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u J. Techert, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Cleenewerck de Crayencour, Y. Marinova u G. Goddin kif ukoll minn N. Ruiz García, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Mejju 2018,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) u (d) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Evelina Kamenova u l-Komisiya za zashtita na potrebitelite (Kummissjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“KPK”) fir-rigward ta’ att adottat minn din tal-aħħar li jimponi multi amministrattivi fuq E. Kamenova minħabba li din naqset milli tipprovdi informazzjoni lill-konsumaturi fl-okkażjoni ta’ avviżi ta’ bejgħ ta’ oġġetti ppubblikati fuq sit tal-Internet.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2005/29

    3

    L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    a)

    ‘konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha;

    b)

    ‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;

    […]

    d)

    ‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ […] tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

    […]”

    4

    L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

    Id-Direttiva 2011/83/UE

    5

    Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64) tipprovdi, fl-Artikolu 2 tagħha:

    “Għall-għan ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1)

    ‘konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet li jkunu lil hinn mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

    2)

    ‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, indipendentement mill-fatt li tkun suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha fil-kuntatti koperti minn din id-Direttiva;

    […]”

    6

    Konformement mal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, din “tapplika, skont il-kundizzjonijiet u sal-punt stipulati fid-dispożizzjonijiet tagħha, għal kwalunkwe kuntratt konkluż bejn kummerċjant u konsumatur”.

    7

    L-Artikolu 6(1) tad-direttiva msemmija jelenka l-informazzjoni li l-kummerċjant għandu jipprovdi qabel ma l-konsumatur ikun marbut b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwalunkwe offerta korrispondenti.

    8

    L-Artikolu 9(1) tal-istess direttiva jipprovdi li l-konsumatur għandu jkollu perijodu ta’ erbatax-il jum biex jirtira minn kuntratt mill-bogħod jew minn kuntratt konkluż lil hinn mill-post tan-negozju.

    Id-dritt Bulgaru

    9

    L-Artikoli 47 u 50 taz-Zakon za zashtita na potrebitelite (liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi) (DV no 99, tad-9 ta’ Diċembru 2005), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iz-“ZZP”), jittrasponu fis-sistema legali Bulgara rispettivament l-Artikoli 6 u 9 tad-Direttiva 2011/83 relattivi, l-ewwel, għall-obbligi ta’ informazzjoni dwar il-kuntratti mill-bogħod u, it-tieni, għad-dritt ta’ rtirar.

    10

    L-Artikolu 204 taz-ZZP jipprovdi s-segwenti:

    “In-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li tingħata informazzjoni lill-konsumatur stabbilit fl-Artikolu 47(1), (2), (3), (5), (6) u (7), kif ukoll fl-Artikoli 48 u 49, huwa punibbli, għall-persuni fiżiċi, b’multa minn BGN 100 sa 1,000 [lev Bulgaru] u, fil-każ ta’ impriżi privati jew ta’ persuni ġuridiċi, b’sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 500 sa 3,000 għal kull każ.”

    11

    L-Artikolu 207(1) taz-ZZP jipprovdi:

    “Persuna li tostakola d-dritt tal-konsumatur, stabbilit fl-Artikolu 50, li jirtira mill-kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jeħel multa jew sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 1,000 sa 3,000 għal kull każ.”

    12

    Skont il-paragrafu 13(2) tad-dispożizzjonijiet addizzjonali taz-ZZP:

    “‘kummerċjant’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li tbigħ jew li toffri għall-bejgħ, li tipprovdi servizzi jew li tikkonkludi kuntratt ma’ konsumatur fil-kuntest tal-attività kummerċjali jew professjonali tagħha fis-settur pubbliku jew privat, kif ukoll kull persuna li taġixxi f’isimha u għaliha stess.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13

    Konsumatur xtara arloġġ minn fuq is-sit Internet www.olx.bg taħt kuntratt ta’ bejgħ mill-bogħod. Billi dan l-arloġġ ma kienx jikkorrispondi mal-karatteristiċi indikati fir-reklam ippubblikat fuq dan is-sit, dan ressaq ilment quddiem il-KPK wara li l-fornitur tal-arloġġ irrifjuta li dan jintbagħat lura lilu bir-rimborż tas-somma mħallsa.

    14

    Wara verifiki, il-KPK ikkonstatat li E. Kamenova, irreġistrata fuq is-sit imsemmi bil-psewdonimu “eveto-ZZ”, kienet il-bejjiegħa tal-arloġġ. Skont l-amministratur tas-sit Internet www.olx.bg, l-utent ta’ dan il-psewdonimu ppubblika total ta’ tmien reklami ta’ bejgħ ta’ prodotti differenti fuq dan is-sit, fosthom l-arloġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    15

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, wara li kkonsulta dan is-sit, il-KPK ikkonstatat li, fl-10 ta’ Diċembru 2014, tmien reklami ta’ bejgħ ta’ prodotti differenti kienu għadhom ippubblikati fuq dan is-sit mill-utent bil-psewdonimu “eveto-ZZ”.

    16

    Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2015, il-KPK ikkonstatat li E. Kamenova kienet wettqet ksur amministrattiv u imponiet fuqha diversi multi amministrattivi fuq il-bażi tal-Artikoli 204 u 207 taz-ZZP, għal ksur tal-Artikolu 47(1)(1), (2), (3), (5), (7), (8), u (12), kif ukoll tal-Artikolu 50 taz-ZZP. Skont il-KPK, E. Kamenova kienet naqset milli tindika f’kull wieħed mir-reklami l-isem, l-indirizz postali u l-indirizz elettroniku tal-kummerċjant, il-prezz totali tal-prodott mibjugħ, id-dazji u t-taxxi kollha inklużi, il-kundizzjonijiet tal-ħlas, tal-kunsinna u tal-eżekuzzjoni, id-dritt tal-konsumatur li jirtira mill-kuntratt tal-bejgħ mill-bogħod, il-kundizzjonijiet, it-termini u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, kif ukoll it-tfakkira tal-eżistenza ta’ garanzija legali ta’ konformità tal-prodotti mibjugħa fil-konfront tal-kuntratt tal-bejgħ.

    17

    E. Kamenova ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Rayonen sad Varna (Qorti Distrettwali ta’ Varna, il-Bulgarija). B’sentenza tat-22 ta’ Marzu 2016, din il-qorti annullat id-deċiżjoni msemmija minħabba li E. Kamenova ma kellhiex il-kwalità ta’ kummerċjant fis-sens tal-paragrafu 13(2) tad-dispożizzjonijiet kumplimentari għaz-ZZP u tad-Direttiva 2005/29.

    18

    Il-KPK appellat fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Administrativen sad – Varna (Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija). Il-qorti tar-rinviju tirrileva, l-ewwel nett, li fuq l-internet jinbiegħ u jinxtara volum kbir ta’ prodotti ta’ konsum għoli. Sussegwentement, din tfakkar li d-Direttiva 2005/29 għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. F’dan il-kuntest, din tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna fiżika tbigħ minn fuq l-Internet għadd relattivament għoli ta’ oġġetti ta’ valur sostanzjali, dik il-persuna għandhiex il-kwalità ta’ kummerċjant fis-sens tad-Direttiva 2005/29.

    19

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad – Varna (Qorti Amministrattiva ta’ Varna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 2(b) u (d) tad-[Direttiva 2005/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività ta’ persuna fiżika, li hija rreġistrata fuq sit internet għall-bejgħ ta’ prodotti u li ppubblikat simultanjament total ta’ tmien avviżi għall-bejgħ ta’ prodotti diversi fuq dan is-sit, hija attività ta’ kummerċjant fis-sens tad-definizzjoni legali li tinsab fl-Artikolu 2(b) u tikkostitwixxi prattika kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 2(d), u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva skont l-Artikolu 3(1) tagħha?”

    Fuq id-domanda preliminari

    20

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk persuna fiżika li tippubblika fuq sit Internet, fl-istess ħin, għadd ta’ reklami li joffru għall-bejgħ oġġetti ġodda u użati, tistax titqies bħala “kummerċjant”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29 u, min-naħa l-oħra, jekk tali attività tikkostitwixxix “prattika kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva.

    21

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha u, f’dan il-kuntest, li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Konsegwentement, anki jekk, fuq il-livell formali, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    23

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikoli 47 u 50 taz-ZZP, jittrasponu fis-sistema legali Bulgara, rispettivament, l-Artikoli 6 u 9 tad-Direttiva 2011/83. Issa, il-qorti tar-rinviju li b’mod partikolari tixtieq tkun taf jekk persuna fiżika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippubblika fuq sit tal-Internet, fl-istess ħin, diversi reklami li joffru għall-bejgħ oġġetti ġodda u użati, tistax tiġi kkwalifikata bħala “kummerċjant” u għandhiex, bħala tali, tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti elenkati f’dawn l-artikoli, titlob biss, fid-domanda preliminari tagħha, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29.

    24

    F’dan il-kuntest, għandu jinftiehem li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk persuna fiżika li tippubblika fuq sit Internet, fl-istess ħin, għadd ta’ reklami li joffru għall-bejgħ oġġetti ġodda u użati, tistax titqies bħala “kummerċjant”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29 u tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/83 u, min-naħa l-oħra, jekk tali attività tikkostitwixxix “prattika kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29.

    25

    F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “kummerċjant”, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29 jiddefinixxi lil kummerċjant bħala “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant”.

    26

    Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/83 jiddefinixxi bħala kummerċjant “kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, indipendentement mill-fatt li tkun suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha fil-kuntatti koperti minn din id-Direttiva”

    27

    B’hekk, il-kunċett ta’ “kummerċjant” huwa ddefinit b’mod kważi identiku fil-kuntest tad-Direttivi 2005/29 u 2011/83.

    28

    Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, kemm id-Direttiva 2005/29 kif ukoll id-Direttiva 2011/83 huma bbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE u, bħala tali, għandhom l-istess għanijiet, jiġifieri li jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-kuntest leġiżlattiv, regolatorju u amministrattiv li jkopru.

    29

    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat, kif jagħmel l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kunċett ta’ “kummerċjant”, kif stabbilit fil-kuntest ta’ dawn id-direttivi, għandu jiġi interpretat b’mod uniformi.

    30

    Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta sens partikolarment wiesa’ lill-kunċett ta’ “kummerċjant”, li jirreferi għal “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika” ladarba teżerċita attività bi qligħ u ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu la l-entitajiet li jsegwu missjoni ta’ interess ġenerali u lanqas dawk li huma rregolati mid-dritt pubbliku (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs, C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 32).

    31

    L-istess konstatazzjoni tapplika fir-rigward tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/83, sa fejn din id-dispożizzjoni, minn naħa, hekk kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, tirreferi espressament għal “kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, indipendentement mill-fatt li tkun suġġett pubbliku jew privat” u, min-naħa l-oħra, kif intqal fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi interpretata b’mod analogu għall-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29.

    32

    Barra minn hekk, mill-abbozzar tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29 u tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/83 jirriżulta li, sabiex tiġi kklassifikata bħala “kummerċjant”, huwa neċessarju li l-persuna kkonċernata taġixxi għal “skopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha” jew f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kliem innifsu tad-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(a) u (b) tad-Direttiva 2005/29 kif ukoll fl-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2011/83, is-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “kummerċjant” kif imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti b’rabta mal-kunċett, korrelattiv iżda oppost, ta’ “konsumatur”, li jirreferi għal kull individwu mhux involut f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs, C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-konfront ta’ kummerċjant, il-konsumatur jinsab f’pożizzjoni ta’ inferjorità, inkwantu għandu jitqies bħala inqas informat, ekonomikament iktar dgħajjef u legalment b’inqas esperjenza mill-parti kontraenti tiegħu (sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs, C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 35, u tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 54).

    35

    Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “kummerċjant”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29 u tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/83, huwa kunċett funzjonali li jinvolvi li jiġi evalwat jekk ir-rabta kuntrattwali jew il-prattika kummerċjali tidħolx fil-kuntest tal-attivitajiet li persuna tagħmel bħala kummerċjant (ara, b’analoġija, id-digriet tas-17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Konsegwentement, biex titqies bħala “kummerċjant” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29 u tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/83 il-persuna fiżika jew ġuridika inkwistjoni għandha taġixxi għal “skopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha” jew f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant.

    37

    F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni jekk persuna fiżika bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kunċett ta’ “kummerċjant” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi enfasizzat, kif ġie rrilevat fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li klassifikazzjoni ta’ “kummerċjant” teżiġi “approċċ każ b’każ”. Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju għandha teżamina, abbażi tal-elementi fattwali kollha li għandha, jekk persuna fiżika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ppubblikat b’mod simultanju fuq pjattaforma online tmien reklami li joffru għall-bejgħ oġġetti ġodda u użati, aġixxietx bi “skopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha” jew f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant.

    38

    Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju għandha, b’mod partikolari, tivverifika jekk il-bejgħ fuq il-pjattaforma online sarx b’mod organizzat, jekk dan il-bejgħ għandux skop ta’ qligħ, jekk il-bejjiegħ għandux informazzjoni u għarfien tekniku dwar il-prodotti li jipproponi għall-bejgħ li l-konsumatur ma jkollux neċessarjament, b’mod li jkun f’pożizzjoni iktar vantaġġuża minn dik tal-imsemmi konsumatur; jekk il-bejjiegħ għandux status legali li jippermettilu jwettaq atti kummerċjali, u sa fejn il-bejgħ online huwa marbut mal-attività kummerċjali jew professjonali tal-bejjiegħ, jekk il-bejjiegħ huwiex suġġett għall-VAT, jekk il-bejjiegħ, li jaġixxi f’isem kummerċjant partikolari jew f’ismu stess jew permezz ta’ persuna oħra li taġixxi f’ismu u fl-interess tiegħu, irċeviex remunerazzjoni jew prestazzjoni, jekk il-bejjiegħ jixtrix prodotti ġodda jew użati bil-għan li jbigħhom mill-ġdid, u b’hekk jagħti lil din l-attività karattru ta’ regolarità, frekwenza u/jew simultanjetà meta mqabbel mal-attività kummerċjali jew professjonali tiegħu, jekk il-prodotti għall-bejgħ humiex kollha tal-istess tip jew tal-istess valur, b’mod partikolari, jekk l-offerta hijiex ikkonċentrata fuq numru limitat ta’ prodotti.

    39

    Għandu jiġi rrilevat li l-kriterji elenkati fil-punt preċedenti ma huma la eżawrjenti u lanqas esklużivi, b’tali mod li, bħala prinċipju, il-fatt li jiġi ssodisfatt kriterju wieħed jew iktar ma jiddeterminax, waħdu, il-kwalifika li għandha ssir fil-konfront tal-bejjiegħ online fir-rigward tal-kunċett ta’ “kummerċjant”.

    40

    B’hekk, is-sempliċi fatt li l-bejgħ għandu l-għan li jagħmel profitt jew li persuna tippubblika, b’mod simultanju, fuq pjattaforma online għadd ta’ reklami li joffru għall-bejgħ oġġetti ġodda u użati, ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex din il-persuna tiġi kklassifikata bħala “kummerċjant”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29 u tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/83.

    41

    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk l-attività ta’ persuna fiżika, bħal dik tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix “prattika kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi, billi tuża formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inklużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, CHS Tour Services, C‑435/11, EU:C:2013:574, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Għalhekk, sabiex jitqies li l-attività inkwistjoni tikkostitwixxi “prattika kummerċjali”, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija, għandu jiġi vverifikat li din l-attività, minn naħa, tista’ tiġi kklassifikata bħala “prattika ta’ natura kummerċjali”, jiġifieri ġejja minn “kummerċjant”, u, min-naħa l-oħra, hija azzjoni, ommissjoni, kondotta, imġiba jew komunikazzjoni kummerċjali “f’rabta diretta mal-promozzjoni, mal-bejgħ jew mal-provvista ta’ prodott lill-konsumaturi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, RLvS, C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 37).

    43

    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-eżistenza ta’ “prattika kummerċjali”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, tista’ tiġi aċċettata biss jekk din il-prattika ssir minn “kummerċjant”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva.

    44

    Issa, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, is-sempliċi fatt li l-bejgħ għandu l-għan li jagħmel profitt jew li persuna fiżika tippubblika, b’mod simultanju, fuq pjattaforma online għadd ta’ reklami li joffru għall-bejgħ oġġetti ġodda u użati, ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex din il-persuna tiġi kklassifikata bħala “kummerċjant” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi li attività, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “prattika kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29.

    45

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(b) u(d) tad-Direttiva 2005/29 u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna fiżika, li tippubblika fuq sit Internet, b’mod simultanju, għadd ta’ reklami li joffru għall-bejgħ oġġetti ġodda u użati, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kklassifikata bħala “kummerċjant”, u tali attività tista’ tikkostitwixxi “prattika kummerċjali”, biss jekk din il-persuna taġixxi għal skopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    46

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 2(b) u(d) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna fiżika, li tippubblika fuq sit Internet, b’mod simultanju, għadd ta’ reklami li joffru għall-bejgħ oġġetti ġodda u użati, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kklassifikata bħala “kummerċjant”, u tali attività tista’ tikkostitwixxi “prattika kummerċjali”, biss jekk din il-persuna taġixxi għal skopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

    Top