EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0100

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2018.
Gul Ahmed Textile Mills Ltd vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Appell – Dumping – Regolament (KE) Nru 397/2004 – Importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan – Persistenza tal-interess ġuridiku.
Kawża C-100/17 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:842

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Appell – Dumping – Regolament (KE) Nru 397/2004 – Importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan – Persistenza tal-interess ġuridiku”

Fil-Kawża C‑100/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑24 ta’ Frar 2017,

Gul Ahmed Textile Mills Ltd, stabbilita f’Karachi (il-Pakistan), irrappreżentata minn L. Ruessmann, avocat, u J. Beck, solicitor,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix, bħala aġent, assistit minn R. Bierwagen u C. Hipp, Rechtsanwälte.

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑F. Brakeland u N. Kuplewatzky, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Jannar 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Gul Ahmed Textile Mills Ltd (iktar ’il quddiem “Gul Ahmed”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal‑15 ta’ Diċembru 2016, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill (T‑199/04 RENV, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:740), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 397/2004 tat‑2 ta’ Marzu 2004 li jimponi dazju kontra d-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 50, p. 26, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”), sa fejn dan jikkonċernaha.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolament kontenzjuż

2

Għall-finijiet tal-proċeduri preżenti, il-fatti li wasslu għall-kawża jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

3

Gul Ahmed hija kumpannija rregolata mid-dritt Pakistan li timmanifattura u tesporta friex tas-sodda lejn l-Unjoni Ewropea.

4

Sussegwentement għal ilment imressaq fl‑4 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni Ewropea bdiet investigazzjoni antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton, puri jew imħalltin ma’ fibri sintetiċi jew artifiċjali jew mal-għażel (għażel mhux dominanti), ibbliċjati, miżbugħa jew stampati, li joriġinaw mill-Pakistan u li tirrigwarda l-perijodu bejn l‑1 ta Ottubru 2001 u t‑30 ta’ Settembru 2002. L-eżami tat-tendenzi utli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu kopra l-perijodu ta’ bejn is-sena 1999 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

5

Fl‑10 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni bagħtet lill-appellanti dokument ta’ informazzjoni finali ġenerali li jistabbilixxi l-fatti u l-motivi li għalihom hija pproponiet l-adozzjoni tal-miżuri antidumping definittivi kif ukoll dokument ta’ informazzjoni finali speċifiku għall-appellanti. Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Jannar 2004, l-appellanti kkontestat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, hekk kif indikati f’dawn id-dokumenti. Informazzjoni oħra ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni mill-appellanti permezz ta’ ittri tas‑16 ta’ Frar 2004.

6

Fis‑17 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni wieġbet għall-ittra tal‑5 ta’ Jannar 2004. Minkejja li għamlet ċerti rettifiki għall-kalkoli tagħha, din l-istituzzjoni kkonfermat il-konklużjoniet li kienet waslet għalihom fid-dokumenti ta’ informazzjoni msemmija fil-punt preċedenti. Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Frar 2004, l-appellanti insistiet fuq l-iżbalji li l-Kummissjoni kienet wettqet fl-analiżi tagħha.

7

Fit‑2 ta’ Marzu 2004, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-regolament kontenzjuż.

8

Fil-premessa 70 tar-regolament kontenzjuż, il-Kunsill ikkonstata marġni ta’ dumping medju globali ta’ 13.1 %, applikabbli għall-produtturi-esportaturi Pakistani kollha.

9

Sussegwentement, il-Kunsill, fil-parti rriżervata għall-analiżi tal-prezz, filwaqt li kien qiegħed jintervjeni fil-kuntest ġenerali tal-istudju tad-dannu subit mill-industrija tal-Unjoni, essenzjalment irrileva, fil-premessa 92 tal-imsemmi regolament, li l-prezzijiet medji għal kull kilo pprattikati mill-produtturi tal-Unjoni kienu żdiedu gradwalment matul il-perijodu kkunsidrat u li kien hemm bżonn li jitfakkar, sabiex jiġi evalwat dan l-iżvilupp, li dan il-prezz medju kien ikopri t-tipi ta’ prodott ikkonċernat ta’ valur għoli kif ukoll dawk ta’ valur baxx u li “l-industrija [tal-Unjoni] kienet mġiegħla li tersaq lejn aktar bejgħ ta’ prodotti f’niċċa ta’ valur ogħla minħabba li l-bejgħ tagħhom fil-volum għoli, għas-suq tal-massa kien akkwistat mill-importazzjonijiet minn pajjiżi bi prezz baxx”.

10

Fil-premessa 101 tar-regolament kontenzjuż, il-Kunsill indika li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet ddeterjorat, filwaqt li rrileva li, fir-rigward tal-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-produtturi fil-kampjun, “dawn [kienu] urew tendenza l’ fuq matul il-perjodu kkunsidrat, li hija, madankollu, parzjalment riżultat ta’ ċaqlieq lejn iktar bejgħ ta’ prodotti f’niċċa ta’ valur ogħla”.

11

Fil-parti ġenerali rriżervata għall-analiżi tar-rabta kawżali, il-Kunsill, fil-kuntest tal-istudju tal-effetti tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, indika, essenzjalment, fil-premessi 104 u 105 tar-regolament kontenzjuż, li kemm il-volum tal-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan kif ukoll is-sehem mis-suq li jikkorrispondi għal dan il-pajjiż kienu żdiedu fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk il-Kunsill irrileva li “l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping huma konsiderevolment anqas minn dawk ta’ l-industrija [tal-Unjoni] kif ukoll anqas minn dawk ta’ esportaturi minn pajjiżi terzi. Barraminhekk, instab ukoll li l-industrija Komunitarja kellha tirtira b’mod sostanzjali mil-partijiet tas-suq bi prezz baxx, fejn l-importazzjonijiet mill-Pakistan jippredominaw, dan ukoll jagħti prova tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping u l-ħsara lill-industrija [tal-Unjoni]”.

12

Fl-aħħar nett, fl-analiżi tal-effetti ta’ fatturi oħra, il-Kunsill irrileva, fil-premessa 109 tar-regolament kontenzjuż, li l-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi terzi minbarra mill-Indja u mill-Pakistan kienu żdiedu matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kunsill enfasizza li, “[m]inħabba l-kollegamenti li jeżistu bejn kumpaniji Torok u dawk [tal-Unjoni], hemm ċerta integrazzjoni tas-suq fil-forma ta’ kummerċ bejn kumpaniji bejn produtturi esportaturi Torok u operaturi [tal-Unjoni] li tagħti x’tifhem li d-deċiżjoni li timporta minn dak il-pajjiż m’hijiex biss marbuta mal-prezz. Dan hu kkonfermat mill-prezzijiet medji ta’ importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda li joriġinaw fit-Turkija matul il-PI, li huwa għola bi kważi 45 % minn dawk ta’ l-Indja u bi 34 % minn dawk tal-Pakistan. Huwa għalhekk improbabli li importazzjonijiet li joriġinaw fit-Turkija kissru il-kollegament kawżali bejn l-importazzjonijet oġġetti ta’ dumping mill-Pakistan u l-ħsara lill-industrija [tal-Unjoni]”.

13

Fil-premessa 112 tar-regolament kontenzjuż, il-Kunsill fl-aħħar nett irrileva li “[ġ]ie msostni li d-domanda għal friex tas-sodda prodott mill-industrija [tal-Unjoni] naqset fit-termini ta’ volum meta l-industrija Komunitarja bdied tiffoka fuq il-parti għolja tas-suq, fejn inqas volum ta’ bejgħ huwa magħmul. Madankollu, kif huwa spjegat hawn fuq, il-konsum totali ta’ friex tas-sodda [fi ħdan l-Unjoni] ma naqasx, imma pjuttost żdied matul ill-perjodu kkunsidrat. Ħafna mill-produtturi [tal-Unjoni] għandhom linji ta’ prodott differenti għal partijiet tas-suq differenti. Il-marki tas-suq l-għoli jiġġeneraw marġini għolja imma huwa mibjugħa biss fi kwantitajiet żgħar ħafna. Biex il-kapaċità tkun użata b’mod massimu u biex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ produzzjoni, l-industrija [tal-Unjoni] ikollha bżonn bejgħ ta’ partijiet tas-suq bi prezz iktar baxx f’volumi kbar ukoll. M’hemm l-ebda indikazzjoni li d-domanda naqset f’dik il-parti tas-suq. Min-naħa l-oħra din il-parti hija meħudha dejjem iktar mill-importazzjonijiet bi prezz baxx, li qegħdin jikkawżaw ħsara lill-industrija [tal-Unjoni]. Minħabba ż-żieda ġenerali fil-konsum, li m’hijiex illimitata għal parti mis-suq partikolari, ma jistax għaldaqstant jingħad li s-sitwazzjoni tad-domanda [fi ħdan l-Unjoni] qegħda tkisser il-kollegament kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping mill-Pakistan u l-ħsara lill-industrija [tal-Unjoni]”.

14

Skont l-Artikolu 1(1) tar-regolament kontenzjuż, ġie stabbilit dazju antidumping ta’ 13.1 % fuq l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan, li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda msemmija f’dan ir-regolament.

15

Wara reviżjoni interim parzjali, limitata għad-dumping, imwettqa ex officio skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat‑22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), fuq il-bażi ta’ perijodu ta’ investigazzjoni ġdid ta’ bejn l‑1 ta’ April 2003 u l‑31 ta’ Marzu 2004, il-Kunsill emenda r-regolament kontenzjuż billi adotta r-Regolament (KE) Nru 695/2006, tal‑5 ta’ Mejju 2006 (ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 23), li stabbilixxa rati ġodda ta’ dazji antidumping li jvarjaw minn 0 % għal 8.5 %. Minħabba l-għadd kbir ta’ produtturi-esportaturi li kkooperaw, ġie stabbilit kampjun li jinkludi lill-appellanti. Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prodotti tagħha ġie stabbilit għal 5.6 %.

16

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, id-dazju antidumping definittiv hekk stabbilit skada fit‑2 ta’ Marzu 2009, jiġifieri ħames snin wara li kien introdott.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

17

Permezz ta’ rikors imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Mejju 2004, Gul Ahmed ressqet kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikseb l-annullament tar-regolament kontenzjuż.

18

Dan ir-rikors kien ibbażat fuq ħames motivi ta’ dritt, ibbażati rispettivament:

fuq ksur, fir-rigward tal-ftuħ tal-investigazzjoni, tal-Artikolu 5(7) u (9) tar-Regolament bażiku, u tal-Artikoli 5.1 u 5.2 tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994(GATT) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Antidumping tal‑1994”), li jinsab fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 (ĠU 1994, L 336, p. 1);

fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikoli 2(3) u (5) u 18(4) tar-Regolament bażiku, kif ukoll fuq ksur tal-Kodiċi Antidumping tal‑1994, fir-rigward tal-kalkolu tal-valur normali;

fuq ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tal-Kodiċi Antidumping tal-1994 u tal-obbligu li tingħata motivazzjoni xierqa, impost mill-Artikolu 253 KE, fir-rigward tal-aġġustament li jirrigwarda r-rifużjoni tad-dazji li seħħ fil-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni;

fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 3(1) sa (3) u (5) tar-Regolament bażiku, kif ukoll fuq ksur tal-Kodiċi Antidumping tal‑1994, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu sinjifikattiv, u

fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regoalment bażiku, u tal-Kodiċi Antidumping tal‑1994, fir-rigward tal-istabbiliment ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu allegat.

19

Il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2011, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill (T‑199/04, mhux ippubblikata, EU:T:2011:535), laqgħet, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra sottomessi lilha, it-tielet parti tal-ħames motiv, peress li l-Kunsill kien wettaq żball ta’ liġi meta naqas milli jeżamina jekk, skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, it-tneħħija tad-dazji antidumping preċedenti u l-istabbiliment tas-sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi favur il-Pakistan kellhomx l-effett li jannullaw ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping provenjenti mill-Pakistan u d-dannu subit mill-industrija tal-Unjoni, u annullat ir-regolament kontenzjuż fir-rigward ta’ Gul Ahmed.

20

Il-Kunsill, li l-Kummissjoni intervjeniet insostenn tiegħu, appella minn din is-sentenza, sabiex jikseb l-annullament tagħha.

21

Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Gul Ahmed Textile Mills (C‑638/11 P, EU:C:2013:732), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2011, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill (T‑199/04, mhux ippubblikata, EU:T:2011:535) u bagħtet lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali.

22

Fis‑26 ta’ Novembru 2015 il-Qorti Ġenerali żammet seduta fil-Kawża T‑199/04 RENV. Matulha, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, sostna li Gul Ahmed ma kellhiex iktar interess ġuridiku.

23

Insostenn ta’ din l-eċċezzjoni, dawn iż-żewġ istituzzjonijiet sostnew li d-dazji antidumping stabbiliti mir-regolament kontenzjuż kienu skadew fit‑2 ta’ Marzu 2009, b’mod li l-esportazzjonijiet tal-prodott inkwistjoni ma kinux għadhom suġġetti għalihom. Huma affermaw ukoll li, skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-terminu għat-tressiq ta’ azzjoni għad-danni mhux kuntrattwali għal dannu kkawżat fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet kien skada fl‑1 ta’ Marzu 2014 u li anki d-dritt għar-rimbors tad-dazji antidumping, skont l-Artikolu 236 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kien sar preskritt. Huma sostnew li, għaldaqstant, l-annullament mitlub ma setax ikun iktar ta’ benefiċċju għal Gul Ahmed.

24

Il-Qorti Ġenerali tat lil Gul Ahmed terminu ta’ ġimagħtejn mid-data tas-seduta sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni hekk imressqa bbażata fuq it-telf ta’ interess ġuridiku.

25

Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Gul Ahmed ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha u sostniet li hija kien għad kellha interess ġuridiku. Għal dan il-għan, hija bbażat l-argument tagħha, l-ewwel nett, fuq il-persistenza tal-interess tagħha li tirkurpa l-ispejjeż mingħand il-Kunsill, it-tieni nett, fuq il-possibbiltà li tippreżenta, fil-futur, rikors għall-kumpens għad-dannu kkawżat mill-fatt li l-qorti tal-Unjoni ma tatx deċiżjoni f’terminu raġonevoli, it-tielet nett, fuq il-possibbiltajiet tagħha li tikseb ir-rimbors tad-dazju antidumping definittiv imħallas, ir-raba’ nett, fuq l-interess tagħha li tiżgura li tali illegalità ma tirrepetix ruħha fil-futur u, il-ħames nett, fuq il-possibbiltà li terġa’ tistabbilixxi r-reputazzjoni tagħha permezz tat-tkomplija tal-proċedura.

26

Permezz ta’ ittri tas‑6 u tal‑20 ta’ Jannar 2016 il-Kummissjoni u l-Kunsill ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Essenzjalment, huma talbu lill-Qorti Ġenerali tiċħad l-argumenti ta’ Gul Ahmed u tiddeċiedi li din l-impriża kienet tilfet kull interess ġuridiku.

27

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Gul Ahmed.

It-talbiet tal-partijiet fl-appell

28

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

29

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-proċedura.

Fuq l-appell

30

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji, ibbażati, minn naħa fuq il-fatt li, il-Qorti Ġenerali, meta ddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni u t-tielet motiv tagħha, minħabba li hija ma setgħetx tiġġustifika iktar interess ġuridiku, kisret l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, u wettqet żball ta’ liġi u, min-naħa l-oħra fuq il-fatt li, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u żnaturat il-fatti fir-rigward taċ-ċaħda tal-ħames motiv tagħha.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

31

L-ewwel aggravju jirrigwarda l-motivi tas-sentenza appellata inklużi fil-punti 42 sa 60 tagħha. Dan huwa maqsum f’erba’ partijiet.

32

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 49, 57 u 60 tas-sentenza appellata, naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u kisret l-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali billi rrikjediet li hija tipprova l-persistenza tal-interess ġuridiku tagħha fil-kuntest tal-proċedura intiża sabiex jinkiseb l-annullament tar-regolament kontenzjuż, filwaqt li, fil-fehma tagħha, l-interess ġuridiku għandu jiġi pprovat mir-rikorrent biss fil-mument tal-preżentata tat-talba għall-annullament tal-att ikkonċernat u, ladarba dan l-interess jiġi pprovat, hija l-parti li tinvoka t-telf ta’ tali interess li għandha tipprova dan it-telf. Hija żżid li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża billi eżaminat biss l-argumenti żviluppati sabiex tintwera l-persistenza tal-interess ġuridiku tagħha, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi l-oħra tal-fajl.

33

Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali affermat, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, l-iżbalji relatati mal-istabbiliment tal-prezz tal-esportazzjoni u ma’ dak tal-valur normali, kif ukoll dawk relatati mal-kalkoli ta’ dumping kienu żbalji ta’ metodu li jistgħu jirriproduċu ruħhom fil-futur u mhux sempliċi żbalji materjali speċifiċi għall-każ, fatt li kellu jwassal għall-annullament tar-regolament kontenzjuż, iktar u iktar peress li huwa fl-interess ġenerali tal-Unjoni li tali irregolaritajiet, li jiksru l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, jiġu ssanzjonati.

34

Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-punt 58 tas-sentenza appellata, in kwantu, billi rrilevat li l-aġġustament fir-rigward tar-rifużjonijiet tad-dazju skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku kien ġie parzjalment miċħud peress li din it-talba ma kienet sostnuta minn ebda prova xierqa, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

35

Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma rrispondietx għall-argument ibbażat fuq il-fatt li l-fatt li jiġi miċħud interess ġuridiku għall-annullament ta’ atti li ma tawx lok għall-ġbir ta’ somom u li jiskadu qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq il-validità ta’ dawn l-atti, jeħles lil tali atti minn kull stħarriġ ġudizzjarju u jikkostitwixxi għaldaqstant ksur tal-Artikolu 263 TFUE, hekk kif il-Qorti Ġenerali kienet diġà ddeċidiet fis-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il‑Kunsill (T‑299/05, EU:T:2009:72).

36

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu. Il-prova ta’ tali interess, li għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors u li jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kull azzjoni ġudizzjarja, għandha tiġi prodotta mir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il‑Kummissjoni, C‑682/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:356, punti 25 sa 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Dan l-interess għandu, barra minn hekk, jippersisti sakemm tintemm il-proċedura u l-qorti adita bl-istanza tista’ tqajjem ex officio u f’kull stadju tal-proċedura in-nuqqas ta’ interess ta’ parti sabiex iżżomm it-talba tagħha, minħabba fatt li jkun seħħ wara d-data tal-att promotur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il‑Kummissjoni, C‑19/93 P, EU:C:1995:339, punt 13, u tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 57).

39

Jekk il-Qorti Ġenerali tista’ tqajjem ex officio u f’kull mument tal-proċedura kwistjoni li tirrigwarda n-nuqqas ta’ persistenza tal-interess ġuridiku tar-rikorrent, hija tista’ wkoll teżamina tali kwistjoni meta din tkun tqajmet matul il-proċedura minn parti li tinvoka għal dan il-għan elementi suffiċjentement serji.

40

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali għandha titlob lir-rikorrent jispjega ruħu dwar din il-kwistjoni u tagħtih l-opportunità jipproduċi l-elementi ta’ natura li jiġġustifikaw b’mod rilevanti l-persistenza tal-interess ġuridiku tiegħu.

41

F’dan il-każ, il-Kunsill u l-Kummissjoni, matul is-seduta tal‑15 ta’ Novembru 2015 quddiem il-Qorti Ġenerali, sostnew li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni minħabba t-telf tal-interess ġuridiku tal-appellanti, billi bbażaw ruħhom, għal dan il-għan, fuq elementi suffiċjentement serji. Sussegwentement għal din is-seduta, l-appellanti ġiet mistiedna tikkjarifika din il-kwistjoni u kellha l-opportunità tipproduċi l-provi kollha li kienu jikkontradixxu l-allegazzjonijiet tal-istituzzjonijiet.

42

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali la kisret l-oneru tal-prova u lanqas naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta ddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni u t-tielet motiv għar-raġuni li, wara li eżaminat l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi li l-partijiet kienu invokaw relatati mal-persistenza tal-interess ġuridiku tal-appellanti u li fuqhom huma setgħu jispjegaw ruħhom, hija qieset li l-appellanti ma kinitx iġġustifikat b’mod rilevanti li hija kien għad kellha interess fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ motivi intiżi għall-annullament tar-regolament kontenzjuż.

43

Barra minn hekk, huwa b’mod żbaljat li l-appellanti tafferma li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li, wara li tat lill-appellanti l-possibbiltà li tispjega ruħha fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq it-telf tal-interess ġuridiku, il-Qorti Ġenerali wieġbet għall-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi li l-appellanti kienet żviluppat sabiex tiġġustifika l-persistenza ta’ dan l-interess, fatt li hija kellha l-obbligu li tagħmel, hekk kif imsemmi fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza.

44

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

45

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament, kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba u ma għandux jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑17 ta’ Settembru 1996, San Marco vs Il‑Kummissjoni, C‑19/95 P, EU:C:1996:331, punti 37 u 38).

46

F’dan il-każ, l-appellanti sempliċement tinvoka fl-appell tagħha żbalji fil-metodu ta’ kalkolu mingħajr ma tikkaratterizzahom u inkonsistenzi fir-riżultati tal-kalkoli tad-dumping, mingħajr ma turi r-raġunijiet li għalihom dawn l-iżbalji jistgħu jseħħu mill-ġdid fil-futur. Barra minn hekk, hekk kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tagħha, l-appellanti sostniet, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija kienet tqis li l-Kummissjoni kienet ibbażat il-konstatazzjonijiet tagħha fuq għażliet ad hoc u arbitrarji, mingħajr ma tiddefinixxi xi metodu partikolari ta’ kalkolu. Għaldaqstant, l-appellanti rrikonoxxiet hija nnifisha, waqt is-seduta, li l-iżbalji allegati kienu speċifiċi għaċ-ċirkustanzi tal-każ.

47

Għalhekk, hemm lok li t-tieni parti tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

48

Fir-rigward tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tagħha, din hija bbażata fuq qari manifestament żbaljat tal-punt 58 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali sempliċement tikkonstata li l-appellanti ma għandhiex interess ġuridiku għar-raġuni li l-konklużjonijiet li jinsabu fir-regolament kontenzjuż u li l-appellanti tikkontesta l-legalità tagħhom huma marbuta mill-qrib maċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tressqet quddiemha. Huwa f’dan il-kuntest li, f’dan il-punt 58, il-Qorti Ġenerali rrilevat biss li l-aġġustament fir-rigward tar-rifużjonijiet tad-dazju kien ġie parzjalment miċħud mill-Kunsill fin-nuqqas ta’ elementi ta’ prova adatti pprodotti mill-appellanti.

49

Minn dan isegwi li t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

50

Fir-rigward tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li r-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 56 u 57 tas-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il‑Kunsill (T‑299/05, EU:T:2009:72), kellu bħala għan dirett li jikkonfuta l-argument żviluppat mill-Kunsill f’dik il-kawża, miġbur fil-qosor fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li jipprovdi li r-rikorrenti f’dik il-kawża ma kienux jiġġustifikaw iktar interess ġuridiku, sa fejn, wara l-preżentata tar-rikors għal annullament, ir-regolament li huma riedu jiksbu l-annullament tiegħu kien skada u sa fejn huma ma kienu ħallsu ebda dazju antidumping abbażi tiegħu.

51

Issa, għandu jiġi enfasizzat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kkonstatat l-estinzjoni tal-interess ġuridiku tal-appellanti għar-raġuni biss li r-regolament kontenzjuż ma kienx jipproduċi iktar effett fil-mument li fih hija ddeċidiet fuq ir-rikors għal annullament u li l-appellanti ma ġġustifikatx li kienet ħallset dazji antidumping fir-rigward ta’ dan ir-regolament.

52

Fil-fatt, sabiex tikkonstata li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni u t-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq ħames motivi, jiġifieri, l-ewwel nett, ix-xewqa li jiġu rrimborsati l-ispejjeż tal-proċedura ma tistax titqies bħala li tiġġustifika l-persistenza tal-interess ġuridiku tal-appellanti (punt 52 tas-sentenza appellata), it-tieni nett, l-allegat dewmien eċċessiv ta’ dik il-proċedura lanqas ma kien ta’ natura li jiġġustifika l-persistenza tal-interess ġuridiku tagħha (punt 53 tas-sentenza appellata), it-tielet nett, l-appellanti ma kinitx iġġustifikat il-ħlas ta’ dazji antidumping imwettqa abbażi tar-regolament kontenzjuż, sa fejn id-dazji antidumping imħallsa mis-sussidjarja tagħha kienu tħallsu mhux abbażi tar-regolament kontenzjuż, iżda abbażi tar-regolament Nru 695/2006 li kien emendah (punti 54 u 55 tas-sentenza appellata), ir-raba’ nett, l-illegalitajiet li r-regolament kontenzjuż kien affettwat bihom ma setgħux jerġgħu jseħħu indipendentement mill-fatti tal-kawża (punti 56 sa 58) u, il-ħames nett, l-argument ibbażat fuq l-istabbiliment mill-ġdid tar-reputazzjoni tal-appellanti ma kienx iġġustifikat (punt 59).

53

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punt 54 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li r-Regolament Nru 695/2006 kien stabbilixxa valur normali ġdid u pparagunat dan tal-aħħar mal-prezz tal-esportazzjoni, sabiex tasal għall-konklużjoni li l-appellanti ma kellhiex iktar interess ġuridiku fir-rigward tat-tieni u tat-tielet motiv, ibbażati rispettivament fuq żbalji mwettqa fir-regolament kontenzjuż fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali u fil-paragun ta’ dan tal-aħħar mal-prezz tal-esportazzjoni fir-regolament kontenzjuż, fin-nuqqas ta’ kull talba għar-rimbors tad-dazji miġbura abbażi ta’ dan l-aħħar regolament.

54

Issa, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali siltet tali konklużjoni, sa fejn, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tagħha, l-appellanti ma ġġustifikatx li, fit-terminu ta’ tliet snin mid-data tan-notifika tad-dejn doganali previst fl-Artikolu 121(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 267, p. 2 u fil-ĠU 2013, L 287, p. 90), hija kienet talbet lill-awtoritajiet doganali r-rimbors tas-somom abbażi tal-att li hija kienet tqis illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 67, kif ukoll tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 188 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li tafferma l-appellanti insostenn tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju tagħha fil-kuntest ta’ dan l-appell, is-sentenza appellata tippermetti li jsiru magħrufa r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma ttrasponietx f’dan il-każ ir-raġunament espost fil-punti 56 u 57 tas-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il‑Kunsill (T‑299/05, EU:T:2009:72).

56

Għaldaqstant, anki r-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata, b’mod li hemm lok li dan l-aggravju jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

57

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tikkontesta l-punti 162, 163, 168, 169 u 170 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-ħames motiv tagħha insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, li abbażi tiegħu r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet ta’ friex tas-sodda li joriġinaw mill-Pakistan u d-dannu sinjifikanti subit mill-industrija tal-Unjoni f’dan il-qasam hija kkontestata, minn naħa, mill-bidla fid-direzzjoni ta’ din l-industrija lejn is-settur ta’ livell għoli u, min-naħa l-oħra, miż-żieda fl-importazzjonijiet provenjenti minn produtturi Torok marbuta ma’ dawk tal-Unjoni.

58

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta qieset, fil-punti 162 u 163 tas-sentenza appellata, li l-bidla fid-direzzjoni tal-industrija tal-Unjoni lejn is-settur għoli tas-suq ma setgħetx titqies bħala ta’ natura li tikkontesta r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping provenjenti mill-Pakistan u d-dannu subit minn din l-industrija, filwaqt li l-premessi 92 u 112 tar-regolament kontenzjuż ikkonstataw li l-volum tal-bejgħ kien inqas f’dan is-settur. Hija żżid li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma weġbitx għall-argument tagħha li l-bidla fid-direzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet diġà bdiet qabel il-ftuħ tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

59

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, fil-punt 168 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-elementi li jinsabu fir-regolament kontenzjuż billi qieset li l-fatt li l-istituzzjonijiet ikkonstataw ċerti rabtiet bejn l-industrija tal-Unjoni u ta’ pajjiżi oħra ma kienx jimplika fih innifsu li huma kienu konxji ta’ strateġija ta’ delokalizzazzjoni, filwaqt li l-premessa 109 tar-regolament kontenzjuż kienet ikkonstatat l-eżistenza ta’ rabtiet bejn l-industrija tal-Unjoni u l-industrija Torka, kif ukoll ċerta integrazzjoni fis-suq ta’ din l-aħħar industrija, fatt li kien wera l-eżistenza ta’ strateġija ta’ delokalizzazzjoni tal-industrija tal-Unjoni lejn it-Turkija.

60

L-appellanti żżid li, fir-rigward tal-punt 169 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-fatti meta qieset li hija kienet allegat li d-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni ta’ friex tas-sodda mill-industrija tal-Unjoni lejn pajjiżi oħra kienet kisret ir-rabta kawżali bejn id-dannu subit minn din l-industrija u l-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan. Hija tindika, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 170 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-premessi 109 sa 111 tar-regolament kontenzjuż kienu jagħtu prova tal-fatt li l-Kunsill kien evalwa suffiċjentement skont il-liġi l-impatt tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mit-Turkija. Fl-aħħar nett, hija ssostni li s-sentenza appellata lanqas ma tanalizza l-effett ikkombinat tal-orjentazzjoni tal-industrija tal-Unjoni lejn is-settur ta’ livell għoli u taż-żieda parallela tal-importazzjonijiet provenjenti mill-produtturi Torok marbuta mal-industrija tal-Unjoni.

61

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iżnaturament tal-fatti u tal-provi għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida ta’ dawn l-elementi (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Photo USA Electronic Graphic vs Il‑Kunsill, C‑31/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:390, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li jkollhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1987, Nachi Fujikoshi vs Il‑Kunsill, 255/84, EU:C:1987:203, punt 21, u tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China), C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jaffettwax is-setgħa diskrezzjoni wiesgħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda jillimita ruħu josserva jekk dawn il-provi humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta mill-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jkunu ta’ bażi għall-konklużjonijiet misluta minnhom (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China), C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

F’dan il-każ u fir-rigward tal-ilment ta’ żnaturament invokat mill-appellanti insostenn tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, intiża kontra l-punti 162 u 163 tas-sentenza appellata, għandu jiġi enfasizzat, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet msemmija fl-ewwel punt, li l-premessi 92 u 112 tar-regolament kontenzjuż irrilevaw, minn naħa, li “l-industrija [tal-Unjoni] kienet mġiegħla li tersaq lejn aktar bejgħ ta’ prodotti f’niċċa ta’ valur ogħla minħabba li l-bejgħ tagħhom fil-volum għoli, għas-suq tal-massa kien akkwistat mill-importazzjonijiet minn pajjiżi bi prezz baxx” u, min-naħa l-oħra, li “[ħ]afna mill-produtturi [tal-Unjoni] għandhom linji ta’ prodott differenti għal partijiet tas-suq differenti. Il-marki tas-suq l-għoli jiġġeneraw marġini għolja imma huwa mibjugħa biss fi kwantitajiet żgħar ħafna. Biex il-kapaċità tkun użata b’mod massimu u biex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ produzzjoni, l-industrija [tal-Unjoni] ikollha bżonn bejgħ ta’ partijiet tas-suq bi prezz iktar baxx f’volumi kbar ukoll. […] Minħabba ż-żieda ġenerali fil-konsum, li m’hijiex illimitata għal parti mis-suq partikolari, ma jistax għaldaqstant jingħad li s-sitwazzjoni tad-domanda [fl-Unjoni] qegħda tkisser il-kollegament kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping mill-Pakistan u l-ħsara lill-industrija [tal-Unjoni]”.

66

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-punt 162 tas-sentenza appellata, li abbażi tiegħu d-dannu sinjifikanti lill-industrija tal-Unjoni ma setax jiġi spjegat mill-allegat staġnar tad-domanda fis-settur tal-prodotti ta’ kwalità għolja, sa fejn it-talba fl-Unjoni kienet żdiedet fis-setturi kollha, bl-ebda mod ma jikkontradixxi ż-żewġ premessi msemmija fil-punt preċedenti, u minħabba f’hekk hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

67

Fir-rigward tal-ilment intiż kontra l-punt 163 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li r-raġuni msemmija fil-punt 162 tas-sentenza appellata hija suffiċjenti waħedha sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda tal-allegazzjoni tal-appellanti.

68

Minn dan isegwi li hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala ineffettiv. Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda.

69

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju, intiża kontra l-punti 168 sa 170 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 109 u 111 tar-regolament kontenzjuż, il-Kunsill irrileva li kien hemm rabtiet bejn l-industrija tal-Unjoni u l-industrija Torka, kif ukoll ċerta integrazzjoni tas-suq fil-forma ta’ kummerċ bejn kumpaniji, fatt li kien jissuġġerixxi li d-deċiżjoni ta’ importazzjoni minn dak il-pajjiż ma kinitx marbuta biss mal-prezz. Huwa kkonkluda li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra minbarra l-Pakistan ma kinux ta’ natura li jikkontestaw r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan, sostnuti minn dumping u d-dannu subit mill-industrija tal-Unjoni, sa fejn il-prezzijiet tal-prodotti provenjenti mill-industrija ta’ dawn il-pajjiżi terzi oħra kienu ogħla minn dawk tal-industrija Pakistana.

70

F’dak li jirrigwarda, qabel kollox, il-punt 168 tas-sentenza appellata, li jipprovdi li “l-fatt li l-istituzzjonijiet kienu kkonstataw ċerti rabtiet ekonomiċi bejn l-industrija tal-Unjoni u pajjiżi oħra ma jimplikax, fih innifsu, li huma kienu konxji ta’ strateġija ta’ delokalizzazzjoni bil-għan li l-produzzjoni tal-Unjoni tiġi ssostitwita bil-produzzjoni delokalizzata”, minn dan tal-aħħar ma jirriżultax b’mod manifest li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-elementi msemmija fil-punt preċedenti, sa fejn il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ rabtiet bejn l-industrija tal-Unjoni u l-industrija Torka, kif ukoll ta’ importazzjonijiet li ma humiex biss motivati mill-prezzijiet, waħedha ma hijiex biżżejjed sabiex tindika strateġija volontarja ta’ delokalizzazzjoni min-naħa tal-industrija tal-Unjoni, ta’ natura li tikkontesta l-eżistenza tad-dannu subit minn din l-industrija tal-Unjoni minħabba l-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan.

71

Għaldaqstant, u b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi miċħud bħala infondat l-ilment imressaq mill-appellanti insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, li abbażi tagħha l-Qorti Ġenerali, fil-punt 168 tas-sentenza appellata, wettqet żnaturament tal-fatti li kienu tressqu quddiemha.

72

Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-ilment intiż kontra l-punt 169 tas-sentenza appellata, ibbażat ukoll fuq żnaturament mill-Qorti Ġenerali tal-fatti sottomessi għall-evalwazzjoni tagħha, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punt 172 tar-rikors tagħha għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti affermat li “sa fejn it-telf żgħir ta’ ishma mis-suq subit mill-produzzjoni li tinsab [fl-Unjoni] ġie kkumpensat miż-żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet provenjenti mill-produzzjoni delokalizzata kkontrollata mill-industrija [tal-Unjoni], kull dannu eventwali subit mill-industrija [tal-Unjoni] ma huwiex ikkawżat mill-importazzjonijiet mill-Pakistan, iżda mid-deċiżjoni tal-produtturi tal-[Unjoni] li jirrikorru għall-produzzjoni offshore ikkontrollata minnhom sabiex jipprovdu online friex tas-sodda b’valur baxx u jbiegħuhom [fl-Unjoni]”.

73

Għalhekk, u għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-ilment, permezz tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, hija kkontestat ir-rabta kawżali eżistenti bejn id-dannu subit mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan.

74

Għaldaqstant jeħtieġ li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

75

F’dak li jirrigwarda t-tielet ilment imressaq mill-appellanti insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, hemm lok li jitqies li, meta ddeċidiet, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, li mill-premessi 109 sa 111 tar-regolament kontenzjuż kien jirriżulta li l-Kunsill kien evalwa suffiċjentement skont il-liġi l-impatt tal-importazzjonijiet tal-prodott inkwistjoni minn pajjiżi terzi oħra, inkluża t-Turkija, u li għalhekk seta’ jikkonkludi, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-prezzijiet relattivament għoljin tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi meta mqabbla ma’ dawk tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Pakistan kienu jipprekludu li l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiżi terzi jiksru l-imsemmija rabta kawżali, il-Qorti Ġenerali mmotivat id-deċiżjoni tagħha kif xieraq.

76

Fil-fatt, wara li osservat li l-appellanti ma kienet ipproduċiet ebda prova ta’ natura li tqiegħed inkwistjoni din ir-rabta kawżali, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kunsill ma kien wettaq ebda żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u li l-elementi li jinsabu fir-regolament kontenzjuż kienu ta’ natura li jipprovaw suffiċjentement skont il-liġi tali rabta kawżali.

77

Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

78

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ analiżi tal-effett ikkombinat ta’ fatturi oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 178 sa 181 tas-sentenza appellata, motivat ir-raġunijiet li għalihom ma kienx hemm lok li dawn jiġu analizzati, mingħajr ma l-appellanti ma tispjega fl-appell tagħha r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali kienet għaldaqstant wettqet żball ta’ liġi.

79

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

80

Mill-elementi preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat u li l-appell fl-intier tiegħu għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

81

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

82

Peress li Gul Ahmed tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Gul Ahmed Textile Mills Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Langue de procédure: l’anglais.

Top