EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0096

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018.
Gardenia Vernaza Ayovi vs Consorci Sanitari de Terrassa.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Juzgado de lo Social n° 2 de Terrassa.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż bejn CES, UNICE u CEEP – Konsegwenzi ta’ tkeċċija dixxiplinari kklassifikata bħala ‘inġusta' – Kunċett ta’ ‘kondizzjonijiet ta’ l-impjieg’ – Ħaddiem temporanju għal żmien indeterminat – Differenza fit-trattament bejn il-ħaddiem permanenti u l-ħaddiem temporanju għal żmien determinat jew indeterminat – Reintegrazzjoni tal-ħaddiem jew għoti ta’ kumpens.
Kawża C-96/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:603

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż bejn CES, UNICE u CEEP – Konsegwenzi ta’ tkeċċija dixxiplinari kklassifikata bħala “inġusta” – Kunċett ta’ ‘kondizzjonijiet ta’ l-impjieg’ – Ħaddiem temporanju għal żmien indeterminat – Differenza fit-trattament bejn il-ħaddiem permanenti u l-ħaddiem temporanju għal żmien determinat jew indeterminat – Reintegrazzjoni tal-ħaddiem jew għoti ta’ kumpens”

Fil-Kawża C‑96/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no2 de Terrassa (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Terrassa, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

Gardenia Vernaza Ayovi

vs

Consorci Sanitari de Terrassa

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C.G. Fernlund, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal G. Vernaza Ayovi, minn M. Sepúlveda Gutiérrez, abogado,

għall-Consorci Sanitari de Terrassa, minn A. Bayón Cama u D. Cubero Díaz, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Ruiz García u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), kif ukoll tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ tilwima bejn Gardenia Vernaza Ayovi u l-Consorci Sanitari de Terrassa (il-Konsorzju tas-Saħħa ta’ Terrassa, Spanja) dwar it-tkeċċija dixxiplinari li kienet suġġetta għaliha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skond il-punt 1 tal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.“

4

Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprevedi:

“1.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss” ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kundizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku;

2.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti [għal żmien indeterminat]’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet.

Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika [nazzjonali].”

5

Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jipprevedi:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

6

Il-punt 2 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jipprevedi:

“L-Istati Membri wara l-konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ mpjieg għal terminu fiss:

a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit [indeterminat].”

Id-dritt Spanjol

7

L-Artikolu 56(1) tar-Real Decreto Legislativo 2/2015 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 2/2015, li japprova t-Test irriformulat tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Ħaddiema), tat-23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255, tat-24 ta’ Ottubru 2015, iktar’ il quddiem “Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Ħaddiema”), jipprevedi:

“Meta t-tkeċċija tiġi ddikjarata illegali, il-persuna li timpjega, f’terminu ta’ 5 ijiem li jibda’ jiddekorri min-notifika tas-sentenza, għandha jew tirrientegra lill-impjegat fl-impriża, jew tħallas kumpens ekwivalenti għal 33 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ servizz, bil-perijodi ta’ inqas minn sena jittieħdu inkunsiderazzjoni pro rata għax-xhur maħduma sa massimu ta’ paga ta’ 24 xahar. Il-possibbiltà ta’ kumpens twassal għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, li tidħol fis-seħħ fid-data tal-waqfien effettiv mix-xogħol.”

8

Ir-Real Decreto Legislativo 5/2015 por el que se aprueba el Texto Refundido de la Ley del Estatuto Básico del Empleado Público (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 5/2015 li japprova t-Test irriformulat tal-Liġi dwar ir-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku), tat-30 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 261, tal-31 ta’ Ottubru 2015, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti Bażiċi tal-Persunal għas-Servizz Pubbliku”), jipprevedi, fl-Artikolu 2 tiegħu, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.   Dawn ir-Regolamenti tal-Persunal huwa applikabbli għall-uffiċjali u, fejn applikabbli, għall-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz tal-amministrazzjoni pubblika li ġejjin:

[…]

5.   Dan l-istatus kien ta’ natura addizzjonali għall-persunal kollu tal-amministrazzjoni pubblika li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

[…]”

9

L-Artikolu 7 tar-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku, intitolat “Leġiżlazzjoni applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt”, jipprevedi:

“Is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz tal-amministrazzjoni pubblika għandha tkun irregolata mil-leġiżlazzjoni industrijali u r-regoli l-oħra normalment applikabbli, iżda wkoll bid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti li jipprevedihom.”

10

L-Artikolu 8 tar-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tal-Persunal għas-Servizz Pubbliku, intitolat “Kunċett u tipi ta’ membri tal-persunal fis-servizz pubbliku”, jipprevedi:

“1.   Huma membri tal-persunal fis-servizz pubbliku persuni li jeżerċitaw funzjonijiet remunerati fl-amministrazzjoni pubblika fis-servizz tal-interess ġenerali.

2.   Il-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku huma kklassifikati bħala:

a)

Uffiċjali stabbiliti.

b)

Membri tal-persunal mhux permanenti.

c)

Membri tal-persunal bil-kuntratt, sew jekk permanenti, għal żmien indeterminat, jew għal żmien determinat.

d)

Persunal awżiljarju.”

11

L-Artikolu 93 tar-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku, intitolat “Responsabbiltà dixxiplinari”, jipprevedi:

“1.   L-uffiċjali pubbliċi u l-membri tal-persunal bil-kuntratt għandhom ikunu suġġetti għar-regoli dixxiplinari stabbilit f’dan it-Titolu u mar-regoli stabbiliti mil-liġijiet dwar il-funzjoni pubblika adottati sabiex jiġi implimentat dawn ir-regolamenti.

[…]

4.   Fir-rigward ta’ sistema dixxiplinarja ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt, il-leġiżlazzjoni industrijali għandha tapplika għas-sitwazzjonijiet mhux previsti f’dan it-titolu.”

12

L-Artikolu 96 tar-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku, intitolat “Sanzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Meta tinfetaħ proċedura dixxiplinari minħabba nuqqas serju ħafna li jagħti lok għal tkeċċija li mbagħad tiġi ddikjarata inġusta, il-membru tal-persunal bil-kuntratt permanenti għandu jiġi rreintegrat.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

G. Vernaza Ayovi ġiet irreklutata fit-30 ta’ Mejju 2006 bħala infirmiera mill-Fundació Sant Llàtzer (il-Fondazzjoni privata San Lazzru, Spanja) fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ interinidad, jiġifieri kuntratt temporanju ta’ sostituzzjoni jew sakemm il-pożizzjoni timtela. Dan il-kuntratt intemm fl-14 ta’ Awwissu 2006. Fil-15 ta’ Awwissu 2006, il-partijiet ikkonkludew kuntratt ġdid ta’ interinidad, li sar fit-28 ta’ Diċembru 2006 kuntratt temporanju għal żmien indeterminat. Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg ġew ittrasferiti lill-konsorzju tas-saħħa ta’ Terrassa.

14

G. Vernaza Ayovi ngħatat leave għal raġunijiet personali, għall-perijodu mid-19 ta’ Lulju 2011 sad-19 ta’ Lulju 2012, li ġie mġedded darbtejn għal perijodu ta’ sena. Fid-19 ta’ Ġunju 2014, G. Vernaza Ayovi talbet li tiġi rrientegrata. Il-konsorzju tas-saħħa ta’ Terrassa invoka kontriha l-assenza ta’ pożizzjoni disponibbli korrispondenti għall-kwalifika tagħha. Fid-29 ta’ April 2016, hija ġeddedt l-applikazzjoni tagħha għal reintegrazzjoni.

15

Fis-6 ta’ Mejju 2016, il-konsorzju tas-saħħa ta’ Terrassa bagħtitilha skeda ta’ ħin bbażata fuq impjieg part-time. Peress li rrifjutat impjieg li ma huwiex impjieg full-time, G. Vernaza Ayovi ma marritx fuq il-post tax-xogħol tagħha u għal din ir-raġuni tkeċċiet fil-15 ta’ Lulju 2016.

16

Fis-26 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il-Juzgado de lo Social no2 de Terrassa (it-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Terrassa, Spanja) sabiex tiddikjara t-tkeċċija inġusta u tikseb il-kundanna tal-persuna li timpjegaha, jew li tiġi rreintegrata f’kundizzjonijiet tal-impjieg identiċi għal dawk fis-seħħ qabel it-tkeċċija tagħha u tħallasha s-salarji kollha mhux riċevuti mid-data tat-tkeċċija, jew tħallasha l-kumpens legali massimu f’każ ta’ tkeċċija inġusta.

17

Din il-qorti tqis li G. Vernaza Ayovi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas peress li, minn naħa, il-kuntratt ta’ xogħol tagħha sar għal żmien indeterminat biss wara l-konklużjoni ta’ żewġ kuntratti temporanji għal żmien determinat, b’tali mod li użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma huwiex eskluż, u, min-naħa l-oħra, hija ma għandhiex l-istatus ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt permanenti.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social n 2 de Terrassa (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Terrassa) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“[Fil-kuntest tar-rikors kontra tkeċċija dixxiplinari ta’ ħaddiema meqjusa bħala ħaddiema temporanja għal żmien indeterminat fis-servizz tal-amministrazzjoni pubblika,]

1)

Ir-rimedju legali li joffri l-ordinament ġuridiku għal tkeċċija dixxiplinari kkwalifikata bħala illegali u b’mod speċifiku r-rimedju indikat mill-Artikolu 96(2) tar-[Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku], jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘[kondizzjonijiet] ta’ l-impjieg’ tal-[punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas]?

2)

Il-[punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas], tqis bħala diskriminatorja sitwazzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 96(2) tar-[Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku] fejn t-tkeċċija dixxiplinari ta’ ħaddiem permanenti fis-servizz tal-amministrazzjoni pubblika, meta titqies li tkun abużiva, jiġifieri illegali, dejjem tirrikjedi r-reintegrazzjoni tal-ħaddiem, iżda fejn jekk dan ikun ħaddiem temporanju jew temporanju b’kuntratt għal żmien indeterminat li jkun iwettaq l-istess funzjonijiet bħal ħaddiem permanenti, huwa possibbli li minflok ir-reintegrazzjoni jingħata kumpens?

3)

Jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-istess domanda preċedenti, mhux fid-dawl tal-imsemmija direttiva iżda fid-dawl tal-Artikolu 20 tal-Karta […], ikun ġustifikat trattament mhux ugwali f’din iċ-ċirkustanza?”

Fuq id-domandi preliminari

19

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li, meta t-tkeċċija dixxiplinari ta’ ħaddiem permanenti fis-servizz ta’ amministrazzjoni pubblika tiġi ddikjarata inġusta, il-ħaddiem ikkonċernat għandu bilfors jiġi rreintegrat, filwaqt li, fl-istess ipoteżi, ħaddiem temporanju jew ħaddiem temporanju għal żmien indeterminat li jwettaq l-istess kompiti bħal dan il-ħaddiem permanenti jista’ ma jiġix irreintegrat u jirċievi kumpens bħala korrispettiv.

20

Fil-fatt, hemm lok, preliminarjament, li jiġi rrilevat li, peress li l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi li l-Artikolu 20 tal-Karta jistabbilixxi, fir-rigward tal-ħaddiema għal żmien determinat, ġiet implimentata permezz tad-Direttiva 1999/70, u b’mod partikolari mill-klawżola 4 tal-Ftehim qafas li tinsab fl-anness tagħha, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ din id-direttiva u tal-Ftehim qafas.

21

Skont it-termini tal-klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li titjieb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-preambolu tal-Ftehim qafas jispeċifika li dan il-ftehim qafas “[j]uri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. F’dan ir-rigward, il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika li l-għan tal-Ftehim qafas huwa, b’mod partikolari, it-titjib tal-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li jkunu ta’ natura li jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Il-Ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, huwa intiż li jimplimenta l-għan li japplika l-imsemmi prinċipju għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż l-użu ta’ relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema mid-drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-Ftehim qafas, il-klawżola 4 ta’ dan tal-aħħar għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għandu jitfakkar li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jistabbilixxi projbizzjoni dwar it-trattament, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, tal-ħaddiema għal żmien determinat b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli għall-motiv biss li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

25

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-kriterji tad-dritt nazzjonali, kuntratt ta’ xogħol bħal dak ta’ G. Vernaza Ayovi għandu jitqies bħala kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat.

26

Ħaddiema bħal G. Vernaza Ayovi għandha għaldaqstant titqies bħala li għandha l-kwalità ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, u, għaldaqstant, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

27

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt dan il-kunċett huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ impjieg bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jaqgħu taħt dan il-kunċett, b’mod partikolari, ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-perijodu ta’ avviż minn qabel applikabbli fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kif ukoll dawk dwar il-kumpens mogħti lill-ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu li jorbtu mal-persuna li timpjegah, sa fejn tali kumpens jitħallas minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg li kien hemm bejniethom (sentenza tat-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punti 42, 44 u 45).

29

Fil-fatt, interpretazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas li teskludi mid-definizzjoni tal-imsemmi kunċett il-kundizzjonijiet ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat twassal sabiex jiġi llimitat, bi ksur tal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat kontra d-diskriminazzjoni (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu ttrasposti kompletament għas-sistema ta’ reintegrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li minnha jibbenefika l-ħaddiem permanenti f’każ ta’ tkeċċija dixxiplinari kklassifikata bħala “inġusta”, peress li r-raġuni ta’ din is-sistema hija r-relazzjoni ta’ impjieg li kien hemm bejn tali ħaddiem u l-persuna li timpjegah.

31

Minn dan isegwi li miżura nazzjonali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

32

Għandu jitfakkar, fit-tielet lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li tiegħu l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jikkostitwixxi espressjoni partikolari, jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u kkonkretizzat permezz tal-Ftehim qafas fir-rigward biss tad-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 37, u tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 47).

34

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-punt 2 tal-klawżola 3 u mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk G. Vernaza Ayovi kinitx tinsab f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ ħaddiema permanenti rreklutati mill-istess persuna li timpjega matul l-istess perijodu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Borte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Barra minn hekk, huwa paċifiku li teżisti differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema permanenti u l-ħaddiema mhux permanenti, bħal G. Vernaza Ayovi, fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw minn eventwali tkeċċija inġusta.

37

Għaldaqstant, suġġett għall-evalwazzjoni finali mill-qorti tar-rinviju tal-komparabbiltà tas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem mhux permanenti, bħalma hija G. Vernaza Ayovi, u ta’ dik ta’ ħaddiem permanenti fir-rigward tal-elementi rilevanti kollha, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix raġuni oġġettiva li tiġġustifika trattament differenti.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudeunza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem bħala li ma jippermettix li differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat tiġi ġġustifikata għar-raġuni li din id-differenza hija prevista f’regola nazzjonali jew astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, l-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari tagħha u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax ħtieġa reali, jekk hijiex ta’ natura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom il-kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta jirriżulta li r-regola ġenerali applikabbli f’każ ta’ tkeċċija kklassifikata bħala “abbużiva” jew “illegali” tipprevedi li l-persuna li timpjega tista’ tagħżel bejn ir-reintegrazzjoni jew il-kumpens tal-ħaddiem ikkonċernat.

41

Barra minn hekk, huwa biss bħala eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali li l-ħaddiema permanenti fis-servizz tal-amministrazzjoni pubblika li t-tkeċċija dixxiplinari hija ddikjarata inġusta għandhom bilfors jiġu rreintegrati.

42

Il-Gvern Spanjol isostni li din id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata fid-dawl tal-modalitajiet għar-reklutaġġ ta’ din l-aħħar kategorija ta’ ħaddiema u tal-kuntest partikolari li fih isir ir-reklutaġġ. Il-garanzija ta’ reintegrazzjoni inkwistjoni hija b’hekk marbuta b’mod inseparabbli mas-sistema ta’ aċċess għall-impjiegi permanenti. Fil-fatt, ir-Regolamenti Bażiċi tal-Persunal tal-Uffiċjali Pubbliċi jipprevedu li s-sistema ta’ reklutaġġ ta’ membri tal-persunal kuntrattwali permanenti għandha natura selettiva li, sabiex jiġu osservati l-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ rikonoxximent tal-merti fl-aċċess għall-impjieg pubbliku, għandha tinkludi test wieħed jew iktar li jevalwa l-kapaċità tal-kandidati u jistabbilixxi l-klassifikazzjoni, jew ikun ir-riżultat ta’ proċess ta’ evalwazzjoni tal-merti tal-kandidati. Permezz tar-reintegrazzjoni awtomatika fil-każ ta’ tkeċċija meqjusa inġusta, il-leġiżlatur Spanjol għandu l-għan li jipproteġi l-ħaddiema permanenti li kisbu pożizzjoni permanenti fl-amministrazzjoni pubblika fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ rikonoxximent tal-merti u ta’ kapaċità u l-pubbliċità.

43

Il-Gvern Spanjol sostna f’dan ir-rigward li l-kontinwazzjoni tal-funzjonijiet tikkostitwixxi obbligu li jirriżulta mis-suċċess f’kompetizzjoni ta’ aċċess għall-amministrazzjoni pubblika u li s-suċċess f’tali kompetizzjoni jiġġustifika l-għoti ta’ iktar garanziji lill-persunal permanenti, bħalma huwa d-dritt ta’ permanenza fl-impjieg, milli għall-persunal temporanju jew għal żmien indeterminat.

44

Skont dan il-gvern, għall-membri tal-persunal permanenti, ir-reintegrazzjoni obbligatorja tiżgura l-istabbiltà tal-impjieg, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti mill-Kostituzzjoni Spanjola, filwaqt li, għall-persunal mhux permanenti, il-kontinwazzjoni tal-funzjonijiet ma tikkostitwixxix element determinanti tar-relazzjoni ta’ impjieg, b’tali mod li f’dan il-każ, il-leġiżlatur Spanjol ma qiesx xieraq li jċaħħad lill-amministrazzjoni li timpjega mill-possibbiltà li tagħżel bejn ir-reintegrazzjoni tal-ħaddiem li t-tkeċċija dixxiplinari tiegħu hija ddikjarata inġusta u l-għoti ta’ kumpens lill-istess ħaddiem.

45

Din id-differenza inerenti għall-modalitajiet ta’ reklutaġġ għandha l-effett, skont l-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol li l-membru tal-persunal bil-kuntratt permanenti, li ma jkunx uffiċjal, iżda li xorta waħda rnexxa fi proċedura ta’ selezzjoni li hija konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ rikonoxximent tal-merti u tal-kapaċità, jista’ jibbenefika minn din il-garanzija ta’ permanenza li tikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema normali tad-dritt industrijali.

46

Hemm lok li jiġi kkunsidrat li, għalkemm id-differenza fit-trattament inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-interess pubbliku marbut, fih innifsu, mal-modalitajiet ta’ reklutaġġ ta’ ħaddiema permanenti, xorta jibqa’ l-fatt li kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mill-karatteristiċi tad-dritt tas-servizz pubbliku nazzjonali, bħal dawk imfakkra fil-punti 42 sa 44 ta’ din is-sentenza, jistgħu jiġġustifikaw tali differenza fit-trattament. F’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet ta’ imparzjalità, ta’ effiċjenza u ta’ indipendenza tal-amministrazzjoni jimplikaw ċerta permanenza u stabbiltà tal-impjieg. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li ma għandhomx ekwivalenti tagħhom fid-dritt komuni industrijali, jispjegaw u jiġġustifikaw il-limiti għas-setgħa ta’ rexissjoni unilaterali tal-persuni pubbliċi li jimpjegaw u, konsegwentement, l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li ma jagħtix lil dawn tal-aħħar għażla ta’ reintegrazzjoni u kumpens għad-dannu sostnut minħabba tkeċċija inġusta.

47

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-reintegrazzjoni awtomatika ta’ ħaddiema permanenti tidħol f’kuntest kunsiderevolment ferm differenti, minn perspettiva legali u fattwali, mill-kuntest li jinsabu fih il-ħaddiema mhux permanenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility, C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 56).

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li fih hija taqa’ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 ta’ din is-sentenza.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi għandha tkun li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li, meta t-tkeċċija dixxiplinari ta’ ħaddiem permanenti fis-servizz ta’ amministrazzjoni pubblika tiġi ddikjarata inġusta, il-ħaddiem ikkonċernat huwa bilfors irrientegrat, filwaqt li, fl-istess ipoteżi, ħaddiem temporanju jew ħaddiem temporanju għal żmien indeterminat li jwettaq l-istess kompiti bħal dan il-ħaddiem permanenti jista’ ma jiġix irrientegrat u jirċievi kumpens bħala korrispettiv.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li, meta t-tkeċċija dixxiplinari ta’ ħaddiem permanenti fis-servizz ta’ amministrazzjoni pubblika tiġi ddikjarata inġusta, il-ħaddiem ikkonċernat huwa bilfors irrientegrat, filwaqt li, fl-istess ipoteżi, ħaddiem temporanju jew ħaddiem temporanju għal żmien indeterminat li jwettaq l-istess kompiti bħal dan il-ħaddiem permanenti jista’ ma jiġix irrientegrat u jirċievi kumpens bħala korrispettiv.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top