EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0012

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-4 ta’ Ottubru 2018.
Ministerul Justiţiei u Tribunalul Botoşani vs Maria Dicu.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Dritt għal-leave annwali mħallas – Direttiva 2010/18/UE – Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri [parentali] – Leave parentali mhux meqjus li huwa perijodu ta’ xogħol effettiv.
Kawża C-12/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:799

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Dritt għal-leave annwali mħallas – Direttiva 2010/18/UE – Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri [parentali] – Leave parentali mhux meqjus li huwa perijodu ta’ xogħol effettiv”

Fil-Kawża C-12/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Tribunalul Botoşani,

Ministerul Justiţiei

vs

Maria Dicu,

Fil-preżenza ta’:

Curtea de Apel Suceava,

Consiliul Superior al Magistraturii,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u E. Levits (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, A. Arabadjiev, F. Biltgen, K. Jürimäe, u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Consiliul Superior al Magistraturii, minn M. Ghena, bħala aġent,

għall-Gvern Rumen, inizjalment minn R. H. Radu, O.‑C. Ichim, L. Liţu u E. Gane, sussegwentement minn C.‑R. Canţăr, O.‑C. Ichim, L. Liţu u E. Gane, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn D. Klebs u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn A. Kalbus, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Socio, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u C. Hödlmayr, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn it-Tribunalul Botoșani (il-Qorti tal-Kontea ta’ Botoșani, ir-Rumanija) u l-Ministerul Justiției (il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Rumanija), minn naħa, u Maria Dicu min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-drittijiet tagħha għal-leave annwali mħallas għas-sena 2015.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/88

3

Il-premessa 6 tad-Direttiva 2003/88 tiddikjara:

“Akkont għandu jittieħed tal-prinċipji ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, inklużi dawk relatati max-xogħol ta’ bil-lejl.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan u skop”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal:

a)

il-perijodi minimi ta’ […] leave annwali […]

[…]”

5

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Leave annwali”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

6

L-Artikolu 15 tal-istess direttiva hija redatta kif ġej:

“Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.”

7

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Madankollu, ma hija permessa ebda deroga fir-rigward tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

Id-Direttiva 2010/18/UE

8

Il-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri [parentali], konkluż fit‑18 ta’ Ġunju 2009 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas fuq il-leave parentali”), li jinsab fl-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat‑8 ta’ Marzu 2010, li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU 2010, L 68, p. 13), jipprevedi, fil-punt 1 tal-klawżola 2:

“Dan il-ftehim jagħti lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa d-dritt individwali għal leave tal-ġenituri għar-raġuni ta’ twelid jew adozzjoni ta’ wild, […].”

9

Il-punt 2 tal-klawżola 2 ta’ dan il-ftehim qafas jiddikjara:

“Il-leave għandu jingħata għal perijodu ta’ mill-anqas erba’ xhur u, għall-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali bejn irġiel u nisa, għandu, fil-prinċipju, jingħata fuq bażi mhux trasferibbli. Biex ikun inkoraġġut teħid aktar ugwali bejn iż-żewġ ġenituri, tal-anqas wieħed mill-erba’ xhur għandu jkun provdut fuq bażi mhux trasferibbli. Il-modalitajiet tal-applikazzjoni tal-perijodu mhux trasferibbli għandhom ikunu stipulati fuq livell nazzjonali permezz ta’ leġislazzjoni u/jew ftehim kollettiv li jikkunsidra l-arranġamenti tal-leave fl-Istati Membri.”

10

Il-klawżola 5 tal-imsemmi ftehim qafas hija redatta kif ġej:

“1.

Fl-aħħar tal-leave tal-ġenituri, il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt jirritornaw għall-istess impjieg jew, jekk dan mhuwiex possibbli, għal impjieg ekwivalenti jew simili konsistenti mal-kuntratt tal-impjieg jew mar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom.

2.

Id-drittijiet miksuba jew fil-proċess li jkunu miksuba mill-ħaddiem fid-data li fiha jibda l-leave tal-ġenituri għandhom jinżammu kif inhuma sa meta jintemm il-leave tal-ġenituri. Fit-tmiem tal-leave tal-ġenituri, dawn id-drittijiet, inkluż kull tibdil ikkawżat mil-liġi, minn ftehim kollettiv u/jew mill-prattika nazzjonali, għandhom japplikaw.

3.

L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt tal-impjieg jew tar-relazzjoni tax-xogħol għall-perijodu tal-leave tal-ġenituri.

[…]”

11

Skont il-punt 1 tal-klawżola 8 tal-Ftehim Qafas fuq il-leave parentali, l-Istati Membri jistgħu japplikaw jew jadottaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk stabbiliti minn dan il-ftehim.

Id-dritt Rumen

12

Il-Legea nr. 53/2003 privind Codul muncii (Liġi Nru 53/2003 fuq il-Kodiċi tax-Xogħol), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”), jipprovdi, fl-Artikolu 10 tiegħu:

“Il-kuntratt individwali tax-xogħol huwa l-kuntratt li bis-saħħa tiegħu persuna fiżika, imsejħa impjegat, tintrabat li taħdem għal u taħt l-awtorità ta’ persuna li timpjega, persuna fiżika jew ġuridika, permezz ta’ remunerazzjoni msejħa salarju.”

13

L-Artikolu 49(1), (2) u (3), ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“(1)   Is-sospensjoni tal-kuntratt individwali tax-xogħol tista’ ssir ipso jure, permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet jew permezz ta’ att unilaterali ta’ waħda mill-partijiet.

(2)   Is-sospensjoni tal-kuntratt individwali tax-xogħol twassal għas-sospensjoni tal-prestazzjoni tax-xogħol mill-impjegat u għas-sospensjoni tal-ħlas tad-drittijiet ta’ natura remunerattiva mill-persuna li timpjega.

(3)   Id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet minbarra dawk previsti fil-paragrafu 2 jistgħu jkompli jeżistu matul is-sospensjoni, jekk ikunu previsti minn liġijiet speċjali, minn ftehim kollettiv ta’ xogħol applikabbli, minn kuntratti individwali ta’ xogħol jew minn regolamenti interni.”

14

Skont l-Artikolu 51(1)(a) tal-imsemmi kodiċi:

“Il-kuntratt individwali tax-xogħol jista’ jiġi sospiż fuq l-inizjattiva tal-impjegat fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)

leave parentali tal-edukazzjoni ta’ wild ta’ inqas minn sentejn […]”

15

L-Artikolu 145(4) sa (6) tal-istess kodiċi jiddikjara:

“(4)   Il-perijodi ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, kif ukoll dawk ta’ leave tal-maternità, ta’ leave minħabba espożizzjoni għal riskji partikolari matul it-tqala jew it-treddigħ u ta’ leave minħabba wild marid għandhom jitqiesu li huma perijodi ta’ xogħol effettiv għad-determinazzjoni tat-tul tal-leave annwali.

(5)   Meta l-inkapaċità temporanja għax-xogħol, il-leave tal-maternità, il-leave minħabba espożizzjoni għal riskji partikolari matul it-tqala jew waqt it-treddigħ, jew il-leave minħabba wild marid jirriżulta matul il-leave annwali, dan tal-aħħar jiġi interrott, u l-impjegat jirċievi d-differenza fi jiem ta’ leave wara li tintemm is-sitwazzjoni [li tkun tat lok għall-interruzzjoni], jew, jekk dan ma jkunx possibbli, il-jiem mhux meħuda jiġu pprogrammati mill-ġdid.

(6)   L-impjegat għandu dritt għal leave annwali anki meta l-inkapaċità temporanja ta’ xogħol tkompli, fil-kundizzjonijiet tal-liġi, matul sena kalendarja, fejn il-persuna li timpjega jkollha obbligu li tikkonċedilu dan il-leave matul il-perijodu ta’ 18‑il xahar li jiddekorri mis-sena ta’ wara dik li matulha l-impjegat kien wieqaf mix-xogħol.”

16

L-Artikolu 2(1) u (2) tal-Hotărârea Consiliului Superior al Magistraturii nr. 325/2005 pentru aprobarea Regulamentului privind concediile judecătorilor și procurorilor (id-deċiżjoni tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura Nru 325/2005, li tapprova r-regolament dwar il-leave tal-imħallfin u tal-prosekuturi) jipprevedi:

“(1)   L-imħallfin u l-prosekuturi għandhom dritt għal leave annwali mħallas ta’ 35 jum tax-xogħol. Dan id-dritt ma jistax ikun suġġett għal xi tip ta’ rinunzja jew limitazzjoni.

(2)   It-tul tal-leave annwali previst fir-[regolament dwar il-leave tal-imħallfin u tal-prosekuturi] huwa marbut mal-attività eżerċitata matul sena kalendarja. Il-perijodi ta’ inkapaċità temporanja għax-xogħol, kif ukoll dawk ta’ leave tal-maternità, ta’ leave minħabba espożizzjoni għal riskji partikolari matul it-tqala jew it-treddigħ u ta’ leave minħabba wild marid għandhom jitqiesu li huma perijodi ta’ xogħol effettiv għad-determinazzjoni tat-tul tal-leave annwali.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

M. Dicu hija membru tal-ġudikatura fit-Tribunalul Botoșani (il-Qorti tal-Kontea ta’ Botoșani). Matul is-sena 2014, hija l-ewwel ħadet il-leave annwali mħallas kollu, imbagħad, mill‑1 ta’ Ottubru 2014 sat‑3 ta’ Frar 2015, leave tal-maternità. Sussegwentement hija bbenefikat minn leave parentali mill‑4 ta’ Frar 2015 sas‑16 ta’ Settembru 2015, perijodu li matulu r-relazzjoni tax-xogħol tagħha ġiet sospiża. Fl-aħħar nett, hija ħadet 30 jum ta’ leave annwali mħallas, mis‑17 ta’ Settembru sas‑17 ta’ Ottubru 2015.

18

Bis-saħħa tad-dritt Rumen li jipprevedi dritt ta’ leave annwali mħallas ta’ 35 jum, M. Dicu talbet lill-qorti li magħha kienet ikkollokata tagħtiha l-ħamest ijiem ta’ leave annwali mħallas li kien jifdal għas-sena 2015, li minnhom kellha l-intenzjoni tagħmel użu matul il-jiem tax-xogħol ta’ bejn il-festi ta’ tmiem is-sena.

19

It-Tribunalul Botoșani (il-Qorti tal-Kontea ta’ Botoșani) irrifjutat din it-talba għar-raġuni li, skont id-dritt Rumen, it-tul tal-leave annwali mħallas huwa proporzjonali maż-żmien ta’ xogħol effettiv imwettaq matul is-sena speċifika u li, f’dan ir-rigward, it-tul tal-leave parentali li minnu hija kienet ibbenefikat matul is-sena 2015 ma setax jitqies li huwa perijodu ta’ xogħol effettiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas. It-Tribunalul Botoșani (il-Qorti tal-Kontea ta’ Botoșani) indikat ukoll li l-leave annwali mħallas li minnu kienet ibbenefikat M. Dicu bejn is‑17 ta’ Settembru u s‑17 ta’ Ottubru 2015, għas-sena 2015, kien jinkludi sebat ijiem ta’ leave meħuda b’mod antiċipat għas-sena 2016.

20

M. Dicu ppreżentat appell kontra t-Tribunalul Botoșani (il-Qorti tal-Kontea ta’ Botoșani), il-Curtea de Apel Suceava (il-Qorti tal-Appell ta’ Suceava, ir-Rumanija), il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Consiliul Superior al Magistraturii (il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, ir-Rumanija) quddiem it-Tribunalul Cluj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Cluj, ir-Rumanija), għall-finijiet tal-konstatazzjoni li t-tul tal-leave parentali tagħha kellu jitqies, għad-determinazzjoni tad-drittijiet tagħha għal-leave annwali mħallas għas-sena 2015, li huwa perijodu ta’ xogħol effettiv.

21

Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2016, it-Tribunalul Cluj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Cluj) laqgħet l-appell ta’ M. Dicu. It-Tribunalul Botoșani (il-Qorti tal-Kontea ta’ Botoșani) u l-Ministeru għall-Ġustizzja appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“[L]-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, għad-determinazzjoni tat-tul tal-leave annwali, teskludi l-perijodu li matul tiegħu l-ħaddiem kien fuq leave parentali għall-edukazzjoni ta’ wild ta’ inqas minn sentejn, bħala perijodu ta’ xogħol effettiv?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas iggarantit minn dan l-artikolu lil ħaddiem fir-rigward ta’ perijodu ta’ riferiment, ma tikkunsidrax it-tul ta’ leave parentali meħud minn dan il-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu bħala perijodu ta’ xogħol effettiv.

24

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, kull ħaddiem għandu jibbenefika min dritt għal-leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat, liema dritt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jitqies li huwa prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari (sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, Maschek, C‑341/15, EU:C:2016:576, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Jeħtieġ ukoll li jiġi osservat li dan id-dritt, mogħti lill-ħaddiem, huwa espressament sanċit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandha, skont l-Artikolu 6(1) TUE, l-istess valur legali bħat-Trattati (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Jeħtieġ ulterjorment li jiġi ppreċiżat li, filwaqt li l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura milli jissuġġettaw għal kwalunkwe tip ta’ kundizzjoni l-kostituzzjoni nnifisha tad-dritt għal-leave annwali mħallas li jirriżulta direttivament mid-Direttiva 2003/88 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99, EU:C:2001:356, punt 53; tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 28, kif ukoll tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 34), din il-kawża madankollu tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk perijodu ta’ leave parentali għandux, jew le, jiġi ekwiparat ma’ perijodu ta’ xogħol effettiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas.

27

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, mogħti lil kull ħaddiem mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li huwa li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ bħala korrispettiv għall-eżekuzzjoni tal-kompiti mogħtija lilu mill-kuntratt tax-xogħol tiegħu, minn naħa, u li jgawdi minn perijodu ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni, min-naħa l-oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 25; tat‑22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 31, kif ukoll tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn, C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 25).

28

Dan l-għan, li jiddistingwi d-dritt għal-leave annwali mħallas minn tipi oħra ta’ leave b’għanijiet differenti, huwa bbażat fuq il-premessa li l-ħaddiem effettivament ikun ħadem matul il-perijodu ta’ riferiment. Fil-fatt, l-għan li ħaddiem jitħallas jistrieħ jippreżumi li dan il-ħaddiem kien eżerċita attività li tiġġustifika, sabiex jiżgura l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu msemmija mid-Direttiva 2003/88, il-benefiċċju ta’ perijodu ta’ mistrieħ, ta’ serħan u ta’ rikreazzjoni. Għaldaqstant, id-drittijiet għal-leave annwali mħallas għandhom bħala prinċipju jiġu ddeterminati skont perijodi ta’ xogħol effettiv imwettqa bis-saħħa tal-kuntratt tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Greenfield, C‑219/14, EU:C:2015:745, punt 29).

29

Ċertament, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi li fihom il-ħaddiem ikun inkapaċi li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari dovuti għal assenza minħabba mard debitament iġġustifikata, id-dritt għal-leave annwali mħallas ma jistax jiġi ssuġġettat minn Stat Membru għall-obbligu ta’ ħidma effettiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, fid-dawl tad-dritt għal-leave annwali mħallas, il-ħaddiema li jkunu assenti mix-xogħol bis-saħħa ta’ leave minħabba mard matul il-perijodu ta’ riferiment jiġu ekwiparati għal dawk li effettivament ikunu ħadmu matul dan il-perijodu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 40).

30

L-istess jgħodd għall-ħaddiema nisa fuq leave tal-maternità, li jkunu, minħabba f’hekk, f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tar-relazzjonjiet tax-xogħol tagħhom u fejn id-drittijiet għal-leave annwali mħallas tagħhom għandhom jiġu żgurati fil-każ ta’ dan il-leave tal-maternità u għandhom ikunu jistgħu jiġu eżerċitati matul perijodu separat minn dak ta’ dan l-aħħar leave (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez, C‑342/01, EU:C:2004:160, punti 34, 3538).

31

Madankollu, il-ġurisprudenza ċċitata fiż-żewġ punti preċedenti ma tistax tiġi applikata mutatis mutandis għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem bħal M. Dicu, li bbenefika minn leave parentali matul il-perijodu ta’ riferiment.

32

Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, qabel kollox, li s-seħħ ta’ inkapaċità għax-xogħol minħabba mard huwa, bħala prinċipju, imprevedibbli (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 51) u indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 49). Hekk kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizja fil-punt 38 tas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz‑Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18), il-Konvenzjoni Nru 132 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal‑24 ta’ Ġunju 1970 dwar il-leave annwali mħallas, skont il-verżjoni riveduta, li l-prinċipji tagħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bis-saħħa tal-premessa 6 tad-Direttiva 2003/88, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tagħha, tikklassifika, fl-Artikolu 5(4) tagħha, l-assenzi dovuti għal marda fost l-assenzi tax-xogħol “għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tal-persuna impjegata kkonċernata”, li għandhom “jingħaddu fil-perijodu ta’ servizz”. Min-naħa l-oħra, it-teħid ta’ leave parentali ma huwiex ta’ natura imprevedibbli u jirriżulta, fil-maġġoranza tal-każijiet, mir-rieda tal-ħaddiem li jieħu ħsieb il-wild tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2007, Kiiski, C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 35).

33

B’hekk, sa fejn il-ħaddiem fuq leave parentali ma jkunx suġġett għal-limitazzjonijiet fiżiċi jew psikiċi kkawżati minn marda, huwa jkun f’sitwazzjoni differenti minn dik li tirriżulta minn inkapaċità għax-xogħol minħabba l-istat ta’ saħħtu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin, C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 29).

34

Is-sitwazzjoni tal-ħaddiem fuq leave parentali huwa daqstant differenti minn dak tal-ħaddiema li teżerċita d-dritt tagħha għal-leave tal-maternità. Fil-fatt, il-leave tal-maternità huwa intiż, minn naħa, li jipproteġi l-kundizzjoni bijoloġika tal-mara matul u wara t-tqala tagħha u, min-naħa l-oħra, sabiex jipproteġi r-relazzjoni speċjali bejn il-mara u l-wild tagħha matul il-perijodu ta’ wara t-tqala u l-ħlas, billi ma jħallix li din ir-relazzjoni tiġi ddisturbata mill-bosta piżijiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju simultanju ta’ attività professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez, C‑342/01, EU:C:2004:160, punt 32, u tal‑20 ta’ Settembru 2007, Kiiski, C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 46).

35

Fl-aħħar nett, għalkemm, ċertament, ħaddiem li jibbenefika minn leave parentali jibqa’, matul il-perijodu ta’ dan il-leave, ħaddiem, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2007, Kiiski, C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 32), xorta jibqa’ l-fatt li, meta, bħal f’dan il-każ, ir-relazzjoni tax-xogħol tiegħu tkun ġiet sospiża fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, hekk kif inhu awtorizzat mill-punt 3 tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas fuq il-Leave Parentali, jiġu korrelattivament sospiżi, b’mod temporanju, l-obbligi reċiproċi tal-persuna li timpjega u tal-ħaddiem fir-rigward tal-prestazzjonijiet, b’mod partikolari l-obbligu għal dan tal-aħħar li jeżegwixxi l-kompiti imposti fuqu fil-kuntest tal-imsemmija relazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin, C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 28).

36

Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-perijodu ta’ leave parentali li minnu jkun ibbenefika l-ħaddiem ikkonċernat matul il-perijodu ta’ riferiment ma jistax jiġi ekwiparat ma’ perijodu ta’ xogħol effettiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet tiegħu għal-leave annwali mħallas taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.

37

Jeħtieġ ulterjorment jiġi enfasizzat li, għalkemm jirriżulta, ċertament minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li leave iggarantit mid-dritt tal-Unjoni ma jistax jaffettwa d-dritt li jittieħed leave ieħor iggarantit minn dan id-dritt u li jkollu għan distint minn tal-ewwel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), madankollu ma jistax jiġi dedott minn din il-ġurisprudenza, żviluppata fil-kuntest ta’ sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn sovrappożizzjoni jew minn koinċidenza bejn il-perijodi relatati ma’ dawn iż-żewġ tipi ta’ leave rispettivi, li l-Istati Membri għandhom l-obbligu jqisu li perijodu ta’ leave parentali li minnu jkun ibbenefika ħaddiem matul il-perijodu ta’ riferiment jikkorrispondi għal perijodu ta’ xogħol effettiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet tiegħu għal-leave annwali mħallas taħt id-Direttiva 2003/88.

38

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas iggarantit minn dan l-artikolu lil ħaddiem fir-rigward ta’ perijodu ta’ riferiment, ma tikkunsidrax it-tul ta’ leave parentali meħud minn dan il-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu bħala perijodu ta’ xogħol effettiv.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas iggarantit minn dan l-artikolu lil ħaddiem fir-rigward ta’ perijodu ta’ riferiment, ma tikkunsidrax it-tul ta’ leave parentali meħud minn dan il-ħaddiem matul l-imsemmi perijodu bħala perijodu ta’ xogħol effettiv.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top