Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0729

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2019.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Artikolu 49 TFUE – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 15(2) u (3) – Direttiva 2005/36/KE – Artikoli 13, 14, 50 u l-Anness VII – Libertà ta’ stabbiliment – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Regoli nazzjonali dwar il-fornituri ta’ taħriġ tal-medjaturi.
Kawża C-729/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:169

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2019 ( 1 )

Kawża C-729/17

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Ellenika

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2005/36/KE – Rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali – Regoli nazzjonali dwar ir-rikonoxximent ta’ titoli ta’ taħriġ miksuba għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ medjatur”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett, tikkonstata li r-Repubblika Ellenika ma osservatx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 49 TFUE, li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, u l-Artikolu 15(2)(b) u (ċ) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE, li tirrigwarda s-servizzi fis-suq intern ( 2 ). F’dan ir-rigward, hija tallega li dan l-Istat Membru llimita b’mod li jmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet il-forma legali li għandu jkollhom il-fornituri tas-servizz ta’ taħriġ tal-medjaturi.

2.

It-tieni nett, il-Kummissjoni titlob li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw kemm mill-Artikolu 49 TFUE u mill-Artikoli 13, 14 u 50(1) u kif ukoll mill-Anness VII tad-Direttiva 2005/36/KE li tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali ( 3 ). F’dan ir-rigward, tallega fil-konfront tagħha li hija ssuġġettat il-proċedura ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ persuni li jitolbu akkreditament sabiex jeżerċitaw fil-kwalità ta’ medjatur, minn naħa, għal rekwiżiti supplimentari mhux previsti minn din id-direttiva fir-rigward tal-kontenut taċ-ċertifikati meħtieġa, u min-naħa l-oħra, għal miżuri kumpensatorji mingħajr evalwazzjoni preliminari tal-eżistenza eventwali ta’ differenzi sostanzjali mat-taħriġ nazzjonali, filwaqt li kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni f’dan l-istess kuntest.

3.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-ilmenti marbuta mal-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni mad-Direttiva 2005/36 ( 4 ), b’mod partikolari fir-rigward tar-rabta bejn din tal-aħħar u d-Direttiva 2008/52/KE ( 5 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-Direttiva 2005/36

4.

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Kondizzjonijiet għal rikonoxximent”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk l-aċċess għal professjoni regolata jew it-twettiq tagħha fi Stat Membru ospitanti jkunu kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tippermetti lill-applikanti jkollhom aċċess għal dik il-professjoni u jwettquha, bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, jekk għandhom attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11, meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu aċċess għal dik il-professjoni jew għat-twettiq tagħha fit-territorju tiegħu.

L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza jew il-provi ta’ kwalifiki formali għandhom jinħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula skont il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru”.

5.

L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Miżuri kompensatorji”, jipprovdi fil-paragrafi 1, 4 u 5 tiegħu:

“1.   L-Artikolu 13 ma jżommx lill-Istat Membru ospitanti milli jeħtieġ li l-applikant itemm perijodu ta’ adattament ta’ mhux aktar minn tliet snin jew li jagħmel test ta’ kapaċità jekk:

a)

it-taħriġ li rċieva jkopri sostanzjalment suġġetti differenti minn dawk koperti mill-provi ta’ kwalifiki formali meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti;

b)

il-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti tinkludi attività professjonali waħda jew aktar regolata li ma jeżistux fil-professjoni korrispondenti fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-applikant, u t-taħriġ meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti jkopri suġġetti sostanzjalment differenti minn dawk koperti mill-attestazzjoni ta’ kompetenza jew il-provi ta’ kwalifiki formali tal-applikant.

[…]

4.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 5, ‘suġġetti sostanzjalment differenti’ tfisser suġġetti li fir-rigward tagħhom l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba huma essenzjali għall-eżerċitar tal-professjoni u li fir-rigward tagħhom it-taħriġ irċivut mill-immigrant juri differenzi sinifikanti f’termini ta’ kontenut mit-taħriġ meħtieġ mill-Istat Membru ospitanti.

5.   Il-paragrafu 1 għandu jiġi applikat fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, jekk l-Istat Membru ospitanti jkun beħsiebu jitlob lill-applikant sabiex jagħmel perjodu ta’ adattament jew jagħmel test ta’ kapaċità, l-ewwel irid jaċċerta ruħu jekk l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba mill-applikant matul l-esperjenza professjonali tiegħu jew waqt it-tagħlim tul il-ħajja, u vvalidati formalment għal dak il-għan minn korp rilevanti, fi kwalunkwe Stat Membru jew f’pajjiż terz humiex tat-tip li jkopru bis-sħiħ jew f’parti minnhom, dawk is-suġġetti sostanzjalment differenti definit fil-paragrafu 4”.

6.

L-Artikolu 50 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dokumentazzjoni u formalitajiet”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[f]ejn l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ospitanti jiddeċiedu dwar applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ eżerċizzju tal-professjoni regolata in kwistjoni bis-saħħa ta’ dan it-Titolu, dawk l-awtoritajiet jistgħu jitolbu d-dokumenti u ċ-ċertifikati elenkati fl-Anness VII […]”.

7.

L-imsemmi Anness VII, dwar id-“Dokumenti u ċertifikati li jistgħu jkunu mitluba skond l-Artikolu 50(1)”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Dokumenti

a)

Prova taċ-ċittadinanza tal-persuna konċernata.

b)

Kopji ta’ l-attestazzjonijiet ta’ kompetenza professjonali jew tal-provi ta’ kwalifiki formali li jagħtu aċċess għall-professjoni rilevanti, u attestazzjoni ta’ l-esperjenza professjonali tal-persuna konċernata meta dan ikun japplika.

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti jistgħu jistiednu lill-applikant sabiex jipprovdi informazzjoni rigward it-taħriġ safejn huwa neċessarju sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ differenzi potenzjali sostanzjali fir-rigward tat-taħriġ nazzjonali meħtieġ, kif stabbilit fl-Artikolu 14. […]

ċ)

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 16, ċertifikat dwar in-natura u l-perjodu ta’ l-attività maħruġa mill-awtorità jew il-korp kompetenti fl-Istat Membru tal-pajjiż tal-persuna jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin barrani.

[…]”

B.   Id-dritt Grieg

1. Il-Liġi Nru 3898/2010

8.

Il-Liġi Nru 3898/2010 ( 6 ) tittrasponi d-Direttiva 2008/52.

9.

L-Artikolu 6 ta’ din il-liġi, intitolat “Korp ta’ akkreditament”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Għandha tiġi kkostitwita ‘kummissjoni ta’ akkreditament tal-medjaturi’ taħt is-sorveljanza tal-Ministeru tal-Ġustizzja, tat-Trasparenza u tad-Drittijiet tal-Bniedem, [u] b’mod partikolari [għandha tkun] kompetenti […] għall-akkreditament tal-medjaturi potenzjali […].

3.   L-akkreditament tal-medjaturi potenzjali huwa l-oġġett ta’ eżamijiet magħmula quddiem bord, li fih jipparteċipaw żewġ membri tal-kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1, maħtura mill-president tagħha, u maġistrat, li […] jippresedi l-imsemmi bord. Il-bord jivverifika jekk il-kandidat għandux il-konoxxenzi, il-ħiliet u taħriġ suffiċjenti pprovdut mill-fornituri tas-servizz ta’ taħriġ imsemmija fl-Artikolu 5, sabiex jipprovdi s-servizzi ta’ medjazzjoni; id-deċiżjoni tiegħu għandha tingħata bil-miktub u tkun debitament immotivata. […]”

10.

Skont l-Artikolu 7(2)(a) tal-imsemmija liġi, “il-Ministeru tal-Ġustizzja, tat-Trasparenza u tad-Drittijiet tal-Bniedem […] għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet partikolari għall-approvazzjoni tal-medjaturi, kif ukoll il-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ titolu ta’ approvazzjoni miksub mill-medjaturi fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-rikonoxximent u r-revoka provviżorja jew definittiva tal-approvazzjoni huma suġġetti għall-kunsens preliminari tal-kummissjoni msemmija fl-Artikolu 6(1)”. Il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu 6 jipprovdi b’mod partikolari li permezz ta’ digriet, l-imsemmi ministeru “jistabbilixxi preċiżament il-modalitajiet, il-kriterji u l-kundizzjonijiet ta’ eżami tal-medjaturi potenzjali quddiem il-bord”.

11.

L-Artikolu 14 ta’ din l-istess liġi kien emendat bl-att leġiżlattiv tal-4 ta’ Diċembru 2012 ( 7 ), li żied il-paragrafu 2, li jipprovdi li “[t]itolu ta’ approvazzjoni ta’ medjatur maħruġ minn fornitur tas-servizz ta’ taħriġ f’pajjiż barrani wara taħriġ ipprovdut fil-Greċja, jista’ jiġi rrikonoxxut, sa fejn dan it-titolu nkiseb mhux iktar tard mid-data tal-awtorizzazzjoni u tal-bidu tal-funzjonament ta’ fornitur tas-servizz jew tal-fornituri tas-servizz msemmija fl-Arikolu 5 tal-Liġi Nru 3898/2010, u fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012”.

2. Id-Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat

12.

L-Artikolu uniku, tal-Kapitolu A, paragrafi 1, 2 u 5 tad-Digriet Ministerjali Nru 109088 tat-12 ta’ Diċembru 2011 ( 8 ), kif emendat bid-Digriet Nru 107309 tal-20 ta’ Diċembru 2012 ( 9 ) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat”), huwa fformulat kif ġej:

“A. Il-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ titoli ta’ approvazzjoni tal-medjaturi maħruġa minn fornitur tas-servizz ta’ taħriġ f’pajjiż barrani għandha titwettaq kif ġej:

It-titoli ta’ medjatur approvat maħruġa minn fornitur tas-servizz ta’ taħriġ f’pajjiż barrani għandom jiġu rrikonoxxuti bħala ekwivalenti mill-kummissjoni ta’ akkreditament tal-medjaturi skont il-proċedura segwenti:

1. Il-persuni kkonċernati jippreżentaw talba ta’ rikonoxximent tat-titolu ta’ medjatur approvat.

[…]

2. Il-formola tat-talba tiġi akkumpanjata mid-dokumenti ta’ sostenn segwenti:

[…]

c)

ċertifikat tal-fornitur tas-servizz ta’ taħriġ, indirizzat lill-kummissjoni ta’ akkreditament tal-medjaturi, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 3898/2010, li jiċċertifika:

aa)

in-numru totali ta’ sigħat ta’ taħriġ,

bb)

is-suġġetti koperti,

cc)

il-post tat-taħriġ,

dd)

in-numru ta’ parteċipanti,

ee)

in-numru u l-kwalifiki tal-fornituri,

ff)

il-proċedura ta’ eżami u evalwazzjoni tal-kandidati u l-modalitajiet li jiżguraw l-integrità.

[…]

5. Il-kummissjoni ta’ akkreditament tal-medjaturi għandha taċċetta l-ekwivalenza tat-titolu ta’ approvazzjoni, sa fejn dan it-titolu jkun ingħata minn fornitur irrikonoxxut f’pajjiż barrani u l-persuna kkonċernata tkun tista’ turi esperjenza tal-inqas ta’ tliet parteċipazzjonijiet fi proċeduri ta’ medjazzjoni bħala medjatur, assistent medjatur jew avukat ta’ wieħed mill-partijiet. Il-kummissjoni tista’, fid-diskrezzjoni tagħha, titlob lill-persuna kkonċernata toqgħod għal eżami addizzjonali, b’mod partikolari meta t-taħriġ tagħha jkun ngħata fil-Greċja minn fornitur ta’ oriġini barranija.

Għal dak li jirrigwarda r-rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ titolu ta’ approvazzjoni miksub f’pajjiż barrani jew maħruġ minn fornitur tas-servizz ta’ taħriġ irrikonoxxut f’pajjiż barrani wara taħriġ ipprovdut fil-Greċja, il-kummissjoni ta’ akkreditament tal-medjaturi tista’ taċċetta l-ekwivalenza tat-titolu ta’ approvazzjoni, anki jekk il-persuna kkonċernata ma turix esperjenza tal-inqas ta’ tliet parteċipazzjonijiet fi proċeduri ta’ medjazzjoni bħala medjatur, assistent medjatur jew avukat ta’ waħda mill-partijiet, sa fejn l-elementi kollha tal-fajl tal-persuna kkonċernata juru b’mod manifest it-taħriġ kontinwu tagħha u l-prattika sistematika tal-medjazzjoni u sa fejn dan it-titolu jkun inkiseb mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012”.

3. Il-Liġi Nru 4512/2018

13.

Il-Liġi Nru 4512/2018, li tinkludi Kapitolu II intitolat “Regoli dwar l-medjazzjoni”, kienet ippubblikata fis-17 ta’ Jannar 2018 ( 10 ).

14.

L-Artikolu 188 ta’ din il-liġi, intitolat “Kwalifika tal-medjaturi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-medjaturi għandhom ikunu: a) detenturi ta’ diploma fit-tagħlim superjuri [tal-pajjiż] jew ta’ diploma ekwivalenti ta’ pajjiż barrani; b) imħarrġa minn fornitur tas-servizz ta’ taħriġ tal-medjaturi rrikonoxxut mill-Kummissjoni Ċentrali tal-Medjazzjoni jew detenturi ta’ titolu ta’ akkreditament maħruġ minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea; ċ) akkreditati minn dan tal-aħħar u rreġistrati fir-reġistru tal-medjaturi miżmum mill-Ministeru tal-Ġustizzja, tat-Trasparenza u tad-Drittijiet tal-Bniedem. Jekk id-detentur ta’ diploma ta’ tagħlim superjuri [tal-pajjiż] jew ta’ diploma ekwivalenti ta’ pajjiż barrani għandu wkoll masters dettaljat jew dottorat relatat mal-medjazzjoni maħruġ minn stabbiliment ta’ tagħlim superjuri ta’ pajjiż barrani, għall-finijiet tal-akkreditament, huwa ma għandux jirċievi iktar taħriġ mingħand fornitur tas-servizz ta’ taħriġ tal-medjaturi u lanqas jipparteċipa f’eżamijiet. Kull persuna li eżerċitat il-funzjonijiet ta’ maġistrat hija eskluża mill-eżerċizzju tal-professjoni ta’ medjatur”.

15.

L-Artikolu 202 tal-imsemmija liġi, intitolat “Akkreditament tal-medjaturi”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-akkreditament tal-medjaturi u r-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 203(2) jitwettqu mill-Kummissjoni Ċentrali tal-Medjazzjoni wara eżamijiet […]”.

16.

L-Artikolu 203 ta’ din l-istess liġi, intitolat “Informazzjoni tal-pubbliku – Reġistru”, jipprovdi, fil-paragrafu 6 tiegħu li “[k]ull medjatur li kien akkreditat fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet previsti f’dak l-Istat Membru għall-finijiet tal-eżerċizzju b’mod legali tal-professjoni ta’ medjatur, jista’ jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-medjaturi […], wara li jkun għamel talba għal dan. It-talba tiegħu għandha tkun akkumpanjata b’dokumenti ta’ sostenn indispensabbli sabiex tiġi ċċertifikata l-kwalità tiegħu ta’ medjatur u r-reġistrazzjoni tiegħu ssir wara li dawn jiġu vverifikati, wara approvazzjoni tal-Kummissjoni Ċentrali tal-Medjazzjoni. Din tal-aħħar teżamina l-legalità tad-dokumenti pprodotti mill-persuna kkonċernata, billi tirrikorri għal kwalunkwe mezz li fid-diskrezzjoni tagħha tqis xieraq għal dan l-għan”.

17.

L-Artikolu 205 tal-Liġi Nru 4512/2018 jipprovdi li “[s]a mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, kull dispożizzjoni kuntrarja li tirregola b’mod differenti kull kwistjoni relattiva għall-medjazzjoni hija mħassra. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 3898/2010 jibqgħu fis-seħħ”. Barra minn hekk, l-Artikolu 206 tal-Liġi Nru 4512/2018 jistipula li “[d]an il-Kapitolu II jidħol fis-seħħ sa mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-ġurnal uffiċjali tal-Gvern […]”.

III. Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Wara lment li jikkontesta l-kompatibbiltà tal-Liġi Nru 3898/2010 u tad-Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat mad-Direttivi 2005/36, 2006/123 u 2008/52, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Ellenika, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2013, informazzjoni dwar it-taħriġ tal-medjaturi fil-Greċja.

19.

Peress li ma kinitx issodisfatta bit-tweġiba rċevuta, fil-11 ta’ Lulju 2014 il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika, li permezz tagħha hija stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ ksur kemm tal-Artikoli 13 u 14 tad-Direttiva 2005/36 u kif ukoll tal-Artikolu 15(2)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/123.

20.

Peress li xorta ma kinitx issodisfatta bit-tweġiba miksuba, fid-29 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali li permezz tagħha kkonfermat l-avviż preċedenti tagħha u barra minn hekk iddikjarat ruħha inkwetata dwar l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Griega mal-Artikolu 50 u mal-Anness VII tad-Direttiva 2005/36 kif ukoll mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif stabbilit fl-Artikoli 45 u 49 TFUE.

21.

Peress li ma kinitx konvinta mill-fondatezza tal-argumenti mressqa mir-Repubblika Ellenika bi tweġiba, il-Kummissjoni indirizzatilha opinjoni motivata, li ġiet irċevuta fis-26 ta’ Frar 2016 ( 11 ). Skont din l-opinjoni, l-ewwel nett, billi llimitat il-forma legali tal-fornituri tas-servizz ta’ taħriġ tal-medjaturi għal kumpanniji mingħajr skop ta’ lukru, li għandhom jiġu kkostitwiti tal-inqas minn kamra ta’ avukati u tal-inqas minn kamra tal-kummerċ fil-Greċja, skont il-Liġi Nru 3898/2010 u d-Digriet Presidenzjali Nru 123/2011 ( 12 ), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha relattivi għal-libertà ta’ stabbiliment, imposti fuqha mill-Artikolu 49 TFUE u mill-Artikolu 15(2)(b) u (ċ) u (3) tad-Direttiva 2006/123. It-tieni nett, billi ssuġġettat il-proċedura ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi għal rekwiżiti supplimentari fir-rigward tal-kontenut taċ-ċertifikati u għal miżuri kumpensatorji mingħajr evalwazzjoni preliminari tad-differenzi sostanzjali kif ukoll billi żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet diskriminatorji, li jirrikjedu li l-persuni li jitolbu l-akkreditament tal-kwalifika ta’ medjatur ( 13 ) juru esperjenza tal-inqas ta’ tliet parteċipazzjonijiet fi proċedura ta’ medjazzjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 45 u 49 TFUE kif ukoll skont l-Artikoli 13, 14 u 50 u l-Anness VII tad-Direttiva 2005/36.

22.

Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika Ellenika kkontestat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi allegati. Minn naħa, hija invokat li l-medjazzjoni tikkostitwixxi attività ta’ parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, b’mod iktar preċiż fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, b’tali mod li taqa’ fl-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE, u li barra minn hekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/52 jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-interess ġenerali jista’ jiġġustifika miżuri li jirrestrinġu l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Min-naħa l-oħra, hija sostniet li l-medjaturi li jiksbu kwalifiki professjonali fi Stat Membru ieħor ma humiex imċaħħda mill-possibbiltà li jeżerċitaw din il-professjoni, peress li d-dispożizzjoni kkontestati jawtorizzaw rikonoxximent tal-kompetenza tagħhom fuq il-bażi ta’ dokumenti relatati mat-taħriġ kontinwu tagħhom, minflok il-kriterju tal-esperjenza fuq imsemmi.

23.

Peress li ma qablitx ma’ din il-analiżi, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 258 TFUE, permezz ta’ att datat it-22 ta’ Diċembru 2017 u ppreżentat fl-4 ta’ Jannar 2018, għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi sostnuti fl-opinjoni motivata tagħha ( 14 ).

24.

Bħala difiża, ir-Repubblika Ellenika talbet li r-rikors jiġi miċħud, billi argumentat li l-Liġi Nru 3898/2010 u d-Digriet Presidenzjali Nru 123/2011 tħassru mil-Liġi Nru 4512/2018 u li din neħħiet ir-regoli nazzjonali kkontestati.

25.

Fir-replika, il-Kummissjoni żammet l-ilmenti u l-argumenti esposti fir-rikors tagħha, filwaqt li sostniet, b’mod partikolari, li t-tibdiliet introdotti bil-Liġi Nru 4512/2018, wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, ma humiex determinanti sabiex jiġi eliminat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi allegat.

26.

Fil-kontroreplika, ir-Repubblika Ellenika għamlet preċiżazzjonijiet fir-rigward tas-sistema stabbilita mil-Liġi Nru 4512/2018 u talbet li r-rikors jiġi miċħud.

27.

Waqt is-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2018, ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

IV. Analiżi

A.   Fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati f’dan ir-rikors

28.

Qabel ma neżamina l-fondatezza tal-ilmenti tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2005/36, li huwa allegat fil-konfront tar-Repubblika Ellenika ( 15 ), għandha tiġi stabbilita l-estensjoni ta’ dan ir-rikors, billi jiġu identifikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma s-suġġett tiegħu.

29.

Fil-fatt, skont ir-rikors tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-kuntest ġuridiku nazzjonali li fih taqa’ din il-kawża billi semmiet, b’mod iktar partikolari, il-Liġi Nru 3898/2010 u d-Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat ( 16 ), fil-verżjoni tagħhom applikabbli fid-data ta’ dan ir-rikors promotur ( 17 ).

30.

Madankollu, fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Ellenika sostniet li d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 4512/2018, li tirregola b’mod partikolari l-professjoni tal-medjatur, kienet wasslet sabiex tiġi mħassra kull regola nazzjonali msemmija fir-rikors u għas-sostituzzjoni tagħhom b’dispożizzjonijiet konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-ilmenti invokati mill-Kummissjoni “llum tilfu kull sens”. B’mod partikolari, hija ddikjarat, minn naħa li “d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 4512/2018 neħħew […] l-obbligu tal-persuni li jitolbu l-akkreditament tal-kwalifika ta’ medjatur, meta jkollhom kwalifiki ta’ akkreditament maħruġa f’pajjiż barrani jew minn fornitur ta’ taħriġ irrikonoxxut f’pajjiż barrani, li jkunu pparteċipaw tal-inqas fi tliet proċeduri ta’ medjazzjoni”, u min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet bidlu l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni fir-reġistru Grieg tal-medjaturi ( 18 ). Hija rrepetiet dan l-argument fil-kontroreplika tagħha ( 19 ).

31.

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni indikat, speċifikament fir-rigward tal-allegat ksur tad-Direttiva 2005/36, minn naħa, li l-ilmenti deskritti fir-rikors tagħha ma tilfux is-sens tal-kontenut tagħhom u, min-naħa l-oħra, li għandhom isiru diversi kjarifiki dwar il-kontenut ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 4512/2018 kif ukoll dwar l-eventwali żamma tal-applikazzjoni tar-regoli preċedenti ( 20 ). Hija żiedet li, fi kwalunkwe każ, hija tirreferi għall-elementi tar-rikors tagħha li jirrigwardaw dan il-ksur, li fil-fehma tagħha huwa kkawżat mil-leġiżlazzjoni preċedenti, “anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni ġdida” invokata mill-konvenuta.

32.

Matul il-fażi orali ta’ din il-proċedura, il-partijiet irrepetew essenzjalment il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom. B’mod partikolari, ir-Repubblika Ellenika ddikjarat li l-Artikolu 205 tal-Liġi Nru 4512/2018, li skont il-Kummissjoni jippreżenta formulazzjoni mhux preċiża, kellu l-effett li jħassar id-dispożizzjonijiet kollha preċedenti relattivi għall-medjazzjoni li l-lista tagħhom saret permezz ta’ proċess verbal li jinsab fl-arkivji tal-Parlament Grieg. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-ilmenti bbażati fuq id-Direttiva 2005/36 li hija ressqet kontra d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fir-rikors tagħha kienu indirizzati wkoll kontra d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 4512/2018, billi ppreċiżat li dawn ma jidhrux li huma manifestament kuntrarji għal dawk tal-leġiżlazzjoni preċedenti.

33.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ninnota li r-Repubblika Ellenika ma qajmitx formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 258 TFUE, għall-preżentata ta’ tali rikors humiex issodisfatti. B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-punti ta’ dritt essenzjali li fuqhom jiġi bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu fformulati b’mod inekwivokabbli, sabiex tinftiehem b’mod preċiż il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni allegat, kundizzjoni neċessarja sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv il‑motivi tad-difiża tiegħu u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ debitament teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 21 ).

34.

It-tieni nett, infakkar li ġie deċiż diversi drabi li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif tippreżenta ruħha fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa r-realtà ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għalhekk, l-argumenti mressqa mill-Istat konvenut għandhom jiġu esklużi sa fejn jirrigwardaw żvilupp leġiżlattiv wara d-data tal-iskadenza tal-imsemmi terminu ( 22 ). Barra minn hekk, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali li jibqa’ jkollha effetti f’dik id-data, li hija l-unika data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors, ma huwiex nieqes minn skop. Fil-fatt, fil-każijiet fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien eliminat wara dik id-data, ikun hemm interess li titkompla l-kawża, b’mod partikolari sabiex tiġi stabbilita l-bażi tar-responsabbiltà li Stat Membru jista’ jkollu bħala konsegwenza tan-nuqqas tiegħu fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ dawk il-persuni li jiksbu drittijiet minn dan tal-aħħar ( 23 ).

35.

Issa, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tal-Liġi Nru 4512/2018, li minnhom tipprevalixxi ruħha r-Repubblika Ellenika, daħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar 2018 ( 24 ), u għalhekk wara d-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, jiġifieri s-26 ta’ April 2016 ( 25 ), u anki wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, li seħħet fl-4 ta’ Jannar 2018. Peress li n-nuqqas allegat żgur li ma kienx spiċċa fid-data tal-iskadenza tal-imsemmi terminu, l-emenda tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mill-Kummissjoni li seħħet wara din id-data ma setgħetx ittellef lil dan ir-rikors mill-iskop tiegħu. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni dwar jekk il-Liġi Nru 4512/2018 ħassritx totalment jew le d-dispożizzjonijiet tad-dritt Grieg imsemmija fir-rikors ma hijiex determinanti, għaliex fi kwalunkwe każ, din il-kwistjoni ma għandhiex effett fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan jirrigwardahom.

36.

It-tielet nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tiġi emendata wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma tibdilx is-suġġett tar-rikors tagħha jekk hija tindirizza l-ilmenti fformulati kontra d-dispożizzjonijiet preċedenti u kif ukoll kontra d-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mir-riforma adottata, sakemm madankollu jiġi stabbilit li ż-żewġ verżjonijiet tal-leġiżlazzjoni għandhom kontenut essenzjalment identiku, b’tali mod li s-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni kkontestata matul il-fażi prekontenzjuża tinżamm fl-intier tagħha ( 26 ).

37.

F’dan il-każ, jidhirli li l-argumenti kemm bil-miktub kif ukoll orali li l-Kummissjoni ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 4512/2018 fihom nuqqas ta’ ċarezza, jew saħansitra huma vvizzjati b’ċerta ambigwità. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat li hija kellha l-intenzjoni tressaq l-ilmenti bbażati fuq id-Direttiva 2005/36 mhux biss fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fir-rikors tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-Liġi Nru 4512/2018, mingħajr madankollu ma stabbilixxiet b’mod preċiż sa fejn il-kontenut ta’ din tal-aħħar huwa analogu għal-leġiżlazzjoni preċedenti, u għalhekk kuntrarju wkoll għall-imsemmija direttiva, peress li hija invokat biss serje ta’ dubji f’dan ir-rigward ( 27 ). Issa, fil-fehma tiegħi, dan il-mod ta’ proċediment ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq dwar iċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa fil-pretensjonijiet tal-Kummissjoni meta din trid tikseb il-kundanna ta’ Stat Membru minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni ( 28 ) u ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet tar-rikorrenti meta hija ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti ( 29 ).

38.

Bħala konklużjoni, peress li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Grieg imsemmija fir-rikors tal-Kummissjoni ( 30 ) ma kinux imħassra qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiena nqis li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax jitqies li huwa mingħajr skop, u għalhekk għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, sa fejn jirrigwardahom. Mill-banda l-oħra, nikkunsidra li l-eventwali imputazzjoni tal-ilmenti inklużi fir-rikors għad-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mil-Liġi Nru 4512/2018 ma kinitx sostnuta b’mod suffiċjenti mill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-inqas fir-rigward tal-ksur tad-Direttiva 2005/36, b’tali mod li fil-fehma tiegħi ma hemmx lok li jiġi evalwat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġodda.

B.   Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2005/36

39.

Fid-dawl tal-argumenti rispettivi tal-partijiet f’din il-proċedura, ser neżamina, qabelxejn, jekk il-leġiżlazzjoni Griega kkontestata taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2005/36 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, u dan b’mod iktar speċjali mill-angolu tar-rabta ta’ din tal-aħħar mad-Direttiva 2008/52 ( 31 ), fid-dawl tal-għan limitat ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 32 ) (Taqsima 1). Peress li fil-fehma tiegħi d-Direttiva 2005/36 għandha tiġi ddikjarata applikabbli f’dan ir-rigward, għandu mbagħad jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni hijiex konformi magħha (Taqsima 2).

1. Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/36 b’mod partikolari fid-dawl tad-Direttiva 2008/52

40.

B’mod preliminari, nosserva li l-kwistjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/36, b’mod iktar speċifiku fir-rigward tal-kontenut tad-Direttiva 2008/52, tidher li ġiet invokata essenzjalment fil-kuntest tal-fażi prekontenzjuża, anki jekk din il-kwistjoni ssemmiet fl-att li bih ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja ( 33 ).

41.

Skont ir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tesponi li, fir-risposta tagħhom għall-opinjoni motivata, l-awtoritajiet Griegi qajmu dubju dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/36 billi argumentaw li l-klassifikazzjoni tal-professjoni ta’ medjatur bħala “professjoni regolata” tista’ “tiddependi fuq il-korrelazzjoni bejn id-Direttiva 2005/36 u d-Direttiva 2008/52 sussegwenti”.

42.

Fl-ewwel lok, ninnota li mir-rikors jirriżulta b’mod espliċitu li l-awtoritajiet Griegi ma kkontestawx il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-professjoni ta’ medjatur fil-Greċja tikkostitwixxi “professjoni regolata” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36. Ir-Repubblika Ellenika ma kkontestatx dan il-punt quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi din l-analiżi hija korretta għar-raġunijiet segwenti.

43.

Mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ( 34 ) u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta magħha ( 35 ) jirriżulta li dan il-kunċett jirrigwarda attività professjonali li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess jew eżerċizzju tagħha, hija direttament jew indirettament irregolata minn dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu l-pussess ta’ kwalifiki professjonali partikolari, li jikkorrispondu għal titolu ta’ taħriġ maħsub b’mod speċifiku sabiex jipprepara d-detenturi tiegħu għall-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari. Issa, il-professjoni ta’ medjatur kif irregolata fil-Greċja tissodisfa effettivament dawn il-kriterji, peress li l-aċċess għaliha huwa suġġett għal taħriġ xieraq sabiex tinkiseb kwalifika professjonali u għal titolu li jippermetti b’mod speċifiku l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 6(1) u (3) tal-Liġi Nru 3898/2010 ( 36 ). Għalhekk, f’dan il-każ, id-Direttiva 2005/36 hija applikabbli fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(a) tagħha.

44.

Fit-tieni lok, nirrileva li, skont ir-rikors, fil-fażi prekontenzjuża, l-awtoritajiet Griegi sostnew li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36 huwa limitat għall-“eżerċizzju” ta’ professjoni rregolata, billi argumentaw rabta preżunta bejn din id-direttiva u d-Direttiva 2008/52. B’hekk, il-“korrelazzjoni” hekk stabbilita bejn dawn iż-żewġ strumenti ma kinitx espressa mill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk qed nifhem sewwa l-problema mqajma, fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni, għandu jiġi ddeterminat sa fejn l-armonizzazzjoni li tirriżulta mid-Direttiva 2005/36, fid-dawl tad-Direttiva 2008/52, tinkludi l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal professjoni rregolata bħal dik ta’ medjatur fil-Greċja.

45.

F’dan ir-rigward, infakkar li skont l-Artikoli 1 u 2 tagħha, id-Direttiva 2005/36 tistabbilixxi r-regoli li fuq il-bażi tagħhom il-kwalifiki professjonali miksuba miċ-ċittadini tal-Istati Membri fi Stat Membru wieħed jew iktar, imsejħa “tal-oriġini”, għandhom jiġu rrikonoxxuti fi Stat Membru, imsejjaħ “ospitanti”, għall-finijiet tal-aċċess għall-professjonijiet irregolati, fis-sens ta’ din id-direttiva, jew tal-eżerċizzju tagħhom fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat ( 37 ).

46.

Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-Direttiva 2008/52 sabiex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2005/36, minbarra l-fatt li r-rilevanza ta’ dan l-argument ma ntwerietx mir-Repubblika Ellenika quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli, fi kwalunkwe każ, li dan huwa infondat. Fil-fatt, minn naħa, id-Direttiva 2008/52 ma tagħmel ebda riferiment għad-Direttiva 2005/36 ( 38 ), preċedenti għaliha. Min-naħa l-oħra, sa fejn naf jien, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma stabbilixxiet rabta sostanzjali bejn dawn iż-żewġ strumenti, filwaqt li għandu jiġi osservat li l-għanijiet tagħhom huma ferm distinti ( 39 ). Barra minn hekk, mill-qari tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/52 li huma potenzjalment rilevanti ( 40 ), li essenzjalment jirrigwardaw il-kwalità tal-medjazzjoni ( 41 ), ma narax kif dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jaffettwaw l-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/36 f’din il-kawża.

47.

Finalment, kif tindika l-Kummissjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal professjoni, l-Istati Membri għandhom id-dritt jiddefinixxu l-konoxxenzi u l-kwalifiki neċessarji sabiex tiġi eżerċitata din il-professjoni, filwaqt li jibqgħu marbuta josservaw il-libertajiet fundamentali mogħtija mit-Trattat FUE waqt l-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam ( 42 ). F’dan il-każ, nikkunsidra li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-attività ta’ medjatur ma humiex, sal‑lum, l-oġġett ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni, b’mod partikolari skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/52, b’tali mod li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jistabbilixxu dawn il-kundizzjonijiet, filwaqt li huma obbligati jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati f’dan ir-rigward ma jikkostitwixxux ostakolu inġustifikat għall-eżerċizzju effettiv tal-imsemmija libertajiet.

48.

Għalhekk, bħall-Kummissjoni, nikkunsidra li ma hemm l-ebda dubju mhux biss li l-professjoni ta’ medjatur fil-Greċja tikkostitwixxi “professjoni regolata” fis-sens tad-Direttiva 2005/36, iżda wkoll li din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’dan ir-rikors hijiex konformi mar-rekwiżiti ta’ dan l-istrument.

2. Fuq l-inkompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni mad-Direttiva 2005/36

49.

Mill-argumenti mressqa mill-partijiet dwar il-mertu jirriżulta li l-Kummissjoni ssostni li billi adottat il-leġiżlazzjoni msemmija fir-rikors, b’mod iktar speċifiku d-Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat moqri flimkien mal-Liġi Nru 3898/2010, ir-Repubblika Ellenika mhux biss kisret l-Artikoli 13, 14, 50 u l-Anness VII tad-Direttiva 2005/36, iżda kisret ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-kuntest ta’ din l-istess leġiżlazzjoni.

50.

Ir-Repubblika Ellenika tirrifjuta dan l-argument ( 43 ) billi tinvoka li d-dispożizzjonijiet ġodda tal-Liġi Nru 4512/2018 ( 44 ) huma differenti b’mod sinjifikattiv minn dawk tal-leġiżlazzjoni li fuqha jiffoka r-rikors, li kollha ġew imħassra minn din il-liġi. F’dan ir-rigward, infakkar li għal raġunijiet esposti preċedentement, jiena tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi ma għandhomx ikunu l-oġġett tal-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li għandha twettaq il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ( 45 ).

51.

Barra minn hekk, nenfasizza li l-konvenuta naqset milli tippronunzja ruħha fuq il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-verżjoni preċedenti tal-leġiżlazzjoni Griega, imsemmija fir-rikors, peress li r-riforma li hija tibbaża l-argument tagħha fuqha daħlet fis-seħħ wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’tali mod li kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ( 46 ), l-adozzjoni ta’ din ir-riforma ma tistax tikkostitwixxi motiv ta’ difiża validu. Barra minn hekk, l-invokazzjoni tal-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet ġodda waħedha, f’tali kuntest proċedurali, fil-fehma tiegħi, turi pjuttost li effettivament il-kuntest ġuridiku ma kienx konformi mad-dritt tal-Unjoni fl-iskadenza tat-terminu rilevanti ( 47 ).

52.

Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, anki fil-każijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jikkontestax in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkonstata jekk l-allegat ksur jeżistix jew le ( 48 ).

53.

F’dan ir-rigward, ninnota li fir-rigward tal-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Griega msemmija fir-rikors mad-Direttiva 2005/36, il-Kummissjoni tqajjem diversi lmenti, li permezz tagħhom tallega li r-Repubblika Ellenika ssuġġettat il-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki akkademiċi, li hija imposta fuq il-medjaturi potenzjali, għal rekwiżiti mhux previsti fl-Artikoli 13, 14, 50 u fl-Anness VII tal-imsemmija direttiva. Fil-fehma tiegħi, din l-analiżi hija korretta għar-raġunijiet segwenti.

54.

Qabelxejn, nippreċiża li peress li l-professjoni ta’ medjatur, irregolata fil-Greċja ( 49 ), ma hijiex imsemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli II u III tat-Titolu III tad-Direttiva 2005/36, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, din hija suġġetta għas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ta’ titoli ta’ taħriġ, prevista fil-Kapitolu I ta’ dan it-titolu, u b’mod partikolari għall-Artikoli 10 sa 14 ta’ din id-direttiva ( 50 ).

55.

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-rikonoxximent. B’mod partikolari, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tippermetti l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ professjoni rregolata, taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini tiegħu, lil applikanti li għandhom l-attestazzjoni ta’ kompetenzi jew titoli ta’ taħriġ, kif previst fl-Artikolu 11 tal-istess direttiva, maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor għal dan l-istess għan ( 51 ).

56.

Ċertament, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36 iżid li l-Artikolu 13 tagħha ma jipprekludix li l-Istat Membru ospitanti jimponi “miżuri kumpensatorji”, li jikkonsistu f’perijodu ta’ addattament jew test ta’ kapaċità, fuq il-persuni li jixtiequ jaċċedu għal u jeżerċitaw professjoni rregolata. Madankollu, l-imsemmi Artikolu 14 jillimita din il-possibbiltà għas-sitwazzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 tiegħu, li jsemmi, b’mod partikolari fil-punt (a) tiegħu, il-każ fejn “it-taħriġ li rċieva jkopri sostanzjalment suġġetti differenti minn dawk koperti mill-provi ta’ kwalifiki formali meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti” ( 52 ). Il-paragrafu 4 tiegħu jiddefinixxi l-kunċett ta’ “suġġetti sostanzjalment differenti” ( 53 ) u l-paragrafu 5 tiegħu jimponi li l-imsemmija possibbiltà għandha tintuża fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 54 ).

57.

Barra minn hekk, l-Artikolu 50(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ teħtieġ, fil-fehma tiegħi, id-dokumenti u ċ-ċertifikati elenkati fl-Anness VII ta’ dan l-istrument biss. Il-punt 1(b) u (ċ) tiegħu jindika li l-produzzjoni ta’ attestazzjonijiet hemm imsemmija tista’ tintalab taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti skont dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

58.

Issa, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat, moqrija flimkien ma’ dawk tal-Liġi Nru 3898/2010, imorru lil hinn mir-regoli previsti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36 imsemmija iktar ’il fuq.

59.

L-ewwel nett, ir-rikonoxximent inkwistjoni huwa suġġett għal rekwiżiti fir-rigward tal-kontenut taċ-ċertifikati meħtieġa li, fil-fehma tiegħi, ma humiex konformi mas-sistema stabbilita mill-imsemmija direttiva.

60.

Fil-fatt, l-Artikolu 1(2)(c) tal-Kapitolu A tad-Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat jelenka serje sħiħa ta’ informazzjoni li għandha tkun inkluża fiċ-ċertifikati li l-medjaturi potenzjali għandhom jipprovdu lill-kummissjoni ta’ akkreditament Griega ( 55 ), li fosthom ninnota elementi ( 56 ) li ma jikkorrispondux għar-regoli stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li ma humiex xierqa sabiex jiġi evalwat, b’mod proporzjonat, il-kontenut tat-taħriġ segwit mill-persuni kkonċernati, għall-kuntrarju tal-kriterji ta’ evalwazzjoni limitati li jirriżultaw, fil-fehma tiegħi, mill-Artikolu 14, mill-Artikolu 50(1) u mill-Anness VII, punt 1 tad-Direttiva 2005/36 ( 57 ).

61.

Barra minn hekk, kif tinvoka l-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-moviment liberu tal-persuni, kif iggarantit mill-Artikolu 45 TFUE, jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza ta’ diploma barranija għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni esklużivament il-livell tal-konoxxenza u tal-kwalifiki li din id-diploma tippermetti, fid-dawl tan-natura u tat-tul tal-istudji u tat-taħriġ prattiku relatati magħhom, li jkun hemm preżunzjoni li d-detentur għandu ( 58 ).

62.

It-tieni nett, skont il-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki hija marbuta ma’ miżuri kumpensatorji li huma imposti fuq kategorija ta’ medjaturi potenzjali mingħajr evalwazzjoni preliminari tal-eżistenza eventwali ta’ differenzi sostanzjali mat-taħriġ nazzjonali, minkejja li, fil-fehma tiegħi u tal-Kummissjoni, in-neċessità ta’ tali evalwazzjoni tirriżulta mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36 u b’mod iktar partikolari mill-elementi msemmija iktar ’il fuq tal-paragrafi 1, 4 u 5 ta’ din id-direttiva.

63.

Fil-fatt, l-Artikolu 1(5) tal-Kapitolu A tad-Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat jipprovdi li fir-rigward tar-rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ kwalifika ta’ akkreditament miksuba f’pajjiż barrani jew maħruġa minn fornitur tas-servizz ta’ taħriġ barrani wara taħriġ ipprovdut fil-Greċja, il-kummissjoni Griega ta’ akkreditament tal-medjaturi għandha l-fakultà li taċċetta din l-ekwivalenza taħt kundizzjonijiet li, fil-fehma tiegħi, ma jikkorrispondux għat-tip ta’ kriterji previsti mid-Direttiva 2005/36 u li jeċċedu l-marġni ta’ diskrezzjoni li din tal-aħħar tħalli lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’dan il-qasam ( 59 ). Prinċipalment, nikkunsidra li l-imsemmija kundizzjonijiet ma humiex xierqa sabiex jiġi stabbilit b’mod preliminari li t-taħriġ li l-persuna kkonċernata tkun irċeviet jirrigwarda suġġetti sostanzjalment differenti minn dawk koperti mill-akkreditament meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti, b’tali mod li miżura kumpensatorja intiża sabiex timla l-lakuni tidher oġġettivament neċessarja, kif jipprovdi l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva.

64.

It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li, f’dan l-istess kuntest ġuridiku, ir-Repubblika Ellenika kisret ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, peress li hija żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu li l-persuni li jitolbu akkreditament ta’ medjatur wara li jkunu kisbu kwalifiki ta’ akkreditament mingħand fornitur tas-servizz ta’ taħriġ barrani ( 60 ) għandhom juru esperjenza tal-inqas ta’ tliet parteċipazzjonijiet fi proċeduri ta’ medjazzjoni, filwaqt li dan ma kienx il-każ għall-persuni li kisbu kwalifika ta’ akkreditament mingħand fornitur tas-servizz ta’ taħriġ Grieg.

65.

Jiena naqbel ma’ din il-perspettiva, filwaqt li nqis li dan it-tielet ilment jitħallat mat-tieni wieħed fuq imsemmi, peress li huwa wkoll jirrigwarda l-kontenut tal-Artikolu 1(5) tal-Kapitolu A tad-Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat – kontenut eżaminat iktar ’il fuq fir-rigward tad-Direttiva 2005/36 – u fil-fehma tiegħi dan tal-aħħar jinkludi huwa stess projbizzjoni ta’ kull kriterju ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali li huwa ta’ natura diskriminatorja ( 61 ).

66.

Finalment, bħall-Kummissjoni, nirrileva li l-argumenti li tressqu f’dan ir-rigward mir-Repubblika Ellenika, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, ma humiex effettivi. B’mod iktar partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 62 ), huwa irrilevanti li prattika amministrattiva tippermetti eventwalment li ma jiġux applikati, każ b’każ, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Griega li ma humiex konformi mad-Direttiva 2005/36, b’mod partikolari dawk li jeħtieġu l-esperjenza fuq imsemmija ( 63 ).

67.

Konsegwentement, inqis li l-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Repubblika Ellenika, sa fejn dan jirrigwarda d-Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat moqri flimkien mal-Liġi Nru 3898/2010, fuq il-bażi tad-Direttiva 2005/36.

V. Konklużjoni

68.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u mingħajr preġudizzju għall-eżami tal-ilmenti l-oħra mressqa f’din il-kawża, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

Billi ssuġġettat il-proċedura ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki akkademiċi għal rekwiżiti supplimentari fir-rigward tal-kontenut taċ-ċertifikati meħtieġa u tal-miżuri kumpensatorji mingħajr evalwazzjoni preliminari tal-eżistenza ta’ differenzi sostanzjali mat-taħriġ nazzjonali, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 13, 14 u 50 kif ukoll skont l-Anness VII tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 376, p. 36).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki ĠU L 271, 16.10.2007, p. 18, ĠU L 93, 4.4.2008, p. 28, ĠU L 255, 30.9.2005).

( 4 ) Fir-rigward tal-inkompatibbiltà eventwali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 u mal-Artikolu 49 TFUE, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑377/17).

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2008, L 136, p. 3).

( 6 ) Liġi dwar il-medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (FΕΚ Α’ 211/16.12.2010).

( 7 ) Att leġiżlattiv dwar ir-regolament ta’ kwistjonjiet urġenti li jaqgħu fil-kompetenza tal-Ministeru tal-Finanzi, tal-Ministru tal-Iżvilupp, tal-Kompetizzjoni, tal-Infrastruttura, tat-Trasport u tan-Netwerks, tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kulti, tal-Ministeru tal-Kultura u tal-Isports, tal-Ministeru tal-Ambjent, tal-Enerġija u tat-Tibdil fil-Klima, tal-Ministeru tax-Xogħol, tas-Sigurtà Soċjali u tal-Għajnuna Soċjali, tal-Ministeru tal-Ġustizzja, tat-Trasparenza u tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Ministeru tar-Riforma Amministrattiva u tal-Governanza Elettronika, u dispożizzjonijiet oħra (FΕΚ Α’ 237/5.12.2012).

( 8 ) FΕΚ B’ 2824/14.12.2011.

( 9 ) FΕΚ B’ 3417/21.12.2012.

( 10 ) Liġi dwar ir-regoli ta’ applikazzjoni ta’ riformi strutturali tal-programm ta’ addattament ekonomiku u dispożizzjonijiet oħra (FΕΚ Α’ 5/17.1.2018), speċjalment l-Artikolu 178 sa 206.

( 11 ) Nippreċiża li r-rikors jindika s-“16 ta’ Frar”, iżda mid-dokumenti annessi miegħu jirriżulta li l-opinjoni motivata hija datata l-25 ta’ Frar 2016 u ġiet irċevuta l-għada.

( 12 ) Digriet Presidenzjali li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni u ta’ funzjonament ta’ fornituri tas-servizz ta’ taħriġ tal-medjaturi f’materji ċivili u kummerċjali (FΕΚ Α’ 255/9.12.2011). Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, “[f]ornitur tas-servizz ta’ taħriġ tal-medjaturi […] jista’ jkun kumpannija ċivili mingħajr skop ta’ lukru kkostitwita b’mod konġunt tal-inqas minn kamra tal-avukati u minn kamra tal-kummerċ tal-pajjiż u li tiffunzjona permezz ta’ awtorizzazzjoni maħruġa permezz tas-servizz tal-professjoni ta’ avukat u ta’ marixxalli tal-ġustizzja li jappartjenu lid-Direttorat Ġenerali tal-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-Ministeru tal-Ġustizzja, tat-Trasparenza u tad-Drittijiet tal-Bniedem (Artikolu 5(1) tal-Liġi Nru 3898/2010)”.

( 13 ) F’dan ir-rigward, ir-rikors tal-Kummissjoni jsemmi b’mod speċifiku, il-persuni li jitolbu l-akkreditament tal-kwalifika ta’ medjatur li jkunu fil-pussess ta’ kwalifiki ta’ akkreditament miksuba f’pajjiż barrani jew maħruġa minn fornitur irrikonoxxut ta’ taħriġ f’pajjiż barrani wara korsijiet ta’ taħriġ ipprovduti fil-Greċja.

( 14 ) Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Nippreċiża li l-Artikolu 49 TFUE biss huwa ċċitat bħala bażi ġuridika tar-rikors, u mhux l-Artikolu 45 TFUE, li kien issemma b’mod kumplimentarju fl-opinjoni motivata.

( 15 ) Fondatezza li ser tiġi eżaminata fil-punti 39 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Jidhirli li l-adozzjoni tad-Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat tirriżulta, b’mod partikolari, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2)(a) tal-Liġi Nru 3898/2010.

( 17 ) Nippreċiża li l-Kummissjoni ssemmi, barra minn hekk, id-Digriet Presidenzjali Nru 123/2011, iżda dan l-istrument ma jirrigwardax il-parti tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet (ara l-punt 3 ta’ dawn tal-aħħar).

( 18 ) F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika argumentat li l-Liġi Nru 4512/2018 hija intiża sabiex “issaħħaħ it-taħriġ tal-medjaturi potenzjali billi tistabbilixxi prerekwiżiti sabiex wieħed jieħu taħriġ tal-medjaturi. [Il-persuni kkonċernati għandu] jkollhom diploma ta’ studju ta’ stabbiliment ta’ tagħlim superjuri tal-pajjiż jew diploma barranija rrikonoxxuta ekwivalenti mingħajr obbligu li jkollhom esperjenza ta’ parteċipazzjoni fi proċedura ta’ medjazzjoni”. Hija żiedet li “l-Artikolu 203(6) ta’ [din] il-liġi jagħti l-fakultà ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-medjaturi u medjaturi akkreditati fi Stat Membru ieħor, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Istat Membru sabiex tiġi eżerċitata legalment il-professjoni ta’ medjatur”.

( 19 ) Skont din l-aħħar risposta, “id-digrieti ministerjali dwar il-medjazzjoni [li kienu jeżistu minn qabel] il-Liġi Nru 4512/2018 spiċċaw mad-dħul fis-seħħ tagħha”.

( 20 ) Skont il-Kummissjoni, ma jirriżultax b’mod ċar, b’mod partikolari, mill-Artikolu 205 u mill-Artikolu 188(1)(a) u (b) ta’ din il-liġi li r-regoli nazzjonali kkontestati fir-rikors tagħha tħassru kompletament. Għalhekk, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat jippersisti minkejja r-riforma tal-leġiżlazzjoni rilevanti.

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 42); tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑68/11, EU:C:2012:815, punti 49 sa 54), kif ukoll tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C-488/15, EU:C:2017:267, punt 50).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑133/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:527, punti 31 sa 39); tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal (C‑557/10, EU:C:2012:662, punti 2425); tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑237/12, EU:C:2014:2152, punti 52 sa 55); tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑640/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2457, punti 41 sa 44), kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑274/15, EU:C:2017:333, punti 4147 u 48).

( 23 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑442/06, EU:C:2008:216, punt 42); tas-7 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑20/09, EU:C:2011:214, punti 31 sa 42), kif ukoll tat-23 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑376/13, mhux ippubblikata, EU:C:2015:266, punti 4345).

( 24 ) Skont l-Artikolu 206 tagħha, l-imsemmija dispożizzjonijiet (iċċitati permezz ta’ siltiet fil-punti 13 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet) daħlu fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni ta’ din il-liġi.

( 25 ) Nippreċiża li mid-dokumenti annessi mar-rikors jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet terminu ta’ xahrejn sa mid-data li fiha tirċievi l-opinjoni motiva, li kienet rċevuta fis-26 ta’ Frar 2016, li fih ir-Repubblika Ellenika kellha tirrimedja n-nuqqas allegat.

( 26 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-221/03, EU:C:2005:573, punti 38 et seq.); tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-98/03, EU:C:2006:3, punt 27); tal-21 ta’ Marzu 2013, Il-Kummissjoni vs Franza (C-197/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:202, punt 26), kif ukoll tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-211/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2148, punt 24).

( 27 ) Kemm fir-replika tal-Kummissjoni kif ukoll waqt is-seduta.

( 28 ) Minbarra s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C-39/10, EU:C:2011:770, punti 32 et seq.).

( 29 ) Huwa magħruf li, dwar il-mertu tar-rikors, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, billi tipproduċi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika tal-eżistenza u tal-estensjoni ta’ dan in-nuqqas u mingħajr ma tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-589/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:736, punti 2832; tad-29 ta’ Ġunju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-126/15, EU:C:2017:504, punti 7080, u tat-12 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-541/16, EU:C:2018:251, punt 25).

( 30 ) Jiġifieri d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 3898/2010 u d-Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat, fir-rigward tal-ilmenti bbażati fuq ksur tad-Direttiva 2005/36.

( 31 ) Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/52 (dwar ċerti aspetti tal-medjazzjoni) huma invokati wkoll mir-Repubblika Ellenika u, prinċipalment, bħala motiv ta’ difiża kontra l-ewwel ilment imressaq mill-Kummissjoni, li huwa bbażat fuq l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 49 TFUE (dwar il-libertà ta’ stabbiliment) u mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 (dwar is-servizzi fis-suq intern). Infakkar li, madankollu, dan l-ilment ma huwiex l-oġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet intiżi għal skop speċifiku (ara l-punti 1 u 3 ta’ dawn tal-aħħar).

( 32 ) Skont ir-rikors, sabiex toġġezzjona għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36, ir-Repubblika Ellenika invokat ukoll żewġ argumenti oħra, wieħed ibbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE (li jistabbilixxi eċċezzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment għall-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fi Stat Membru) u l-ieħor ibbażat fuq il-fatt li hija għadha ma ħatritx awtorità nazzjonali responsabbli mir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-medjaturi fil-Greċja (bħal dik prevista fl-Artikolu 56(3) tal-imsemmija direttiva). Madankollu, dawn iż-żewġ argumenti ma humiex ser jiġu analizzati f’dawn il-konklużjonijiet intiżi għal skop speċifiku.

( 33 ) Fil-fatt, ir-rikors tal-Kummissjoni jindika li l-awtoritajiet Griegi qajmu oġġezzjoni f’dan ir-rigward fir-risposta tagħhom għall-opinjoni motivata. Fil-fehma tiegħi, ir-Repubblika Ellenika ma sostnietx dik l-oġġezzjoni la fir-risposta tagħha u lanqas fil-kontroreplika li hija ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas fl-osservazzjonijiet orali tagħha, filwaqt li jiġi ppreċiżat li ċertament is-sottomissjonijiet orali tagħha invokaw id-Direttiva 2008/52, iżda b’rabta mad-Direttiva 2006/123, parti li ma hijiex analizzata f’dawn il-konklużjonijiet (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn tal-aħħar). Issa, matul il-proċedura prekontenzjuża, il-partijiet għandhom l-okkażjoni jesponu u jelaboraw l-argumenti li, sussegwentement, jiżviluppaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk din tal-aħħar tiġi adita b’azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara b’mod partikolari, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑619/18, EU:C:2018:910, punt 24).

( 34 ) L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “professjoni regolata” kif ġej: “attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi; b’mod partikolari, l-użu ta’ titolu professjonali limitat minn dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi lil titolari ta’ kwalifiki professjonali għandu jikkostitwixxi mod ta’ eżerċizzju. […]”.

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2009, Rubino (C‑586/08, EU:C:2009:801, punt 24); tas-6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:652, punti 36 sa 38), u tal-21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association u Reynaud (C‑125/16, EU:C:2017:707, punti 3435).

( 36 ) Li jipprovdi li l-medjaturi potenzjali huma ssuġġettati għall-eżami ta’ bord responsabbli mill-verifika, qabel il-ħruġ ta’ akkreditament, li dawn għandhom l-konoxxenzi, il-kompetenzi u taħriġ suffiċjenti pprovdut minn fornitur awtorizzat.

( 37 ) Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:408, punt 28).

( 38 ) B’mod differenti, pereżempju, mill-premessa 19 u għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU 2013, L 165, p. 63). F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Menini u Rampanelli (C-75/16, EU:C:2017:132, punti 55 et seq.).

( 39 ) Infakkar li d-Direttiva 2008/52 tirrigwarda ċerti aspetti tal-medjazzjoni, bħala mod extraġudizzjarju għas-soluzzjoni ta’ tilwim li għandu jiġi inkoraġġit, filwaqt li d-Direttiva 2005/36 tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, kif jirriżulta kemm mit-titoli kif ukoll mill-Artikoli 1 ta’ dawn l-istrumenti, li jistabbilixxu l-għanijiet rispettivi tagħhom.

( 40 ) Fid-dawl tad-dibattiti magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-rabta tad-Direttiva 2008/52 mad-Direttiva 2006/123 ukoll (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 41 ) Jiġifieri l-premessa 16 u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/52, li jistabbilixxu l-għanijiet tagħha, l-Artikolu 3(b) li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “medjatur” u l-Artikolu 4 li jirrigwarda l-“kwalità tal-medjazzjoni”. Minkejja li din il-premessa 16 u dan l-Artikolu 4(2) jistiednu lill-Istati Membri jippromwovu t-taħriġ tal-medjaturi, sabiex jiffavorixxu medjazzjoni ta’ kwalità tajba, madankollu l-imsemmija direttiva ma hijiex intiża sabiex tirregola l-kwalifika professjonali ta’ dawn tal-aħħar. Ara b’mod partikolari, Cadiet, L., “Directive no 2008/52/CE […]”, Droit processuel civil de l’Union européenne, LexisNexis, Pariġi, 2011, p. 321 et seq., speċjalment il-punt 850; Ybarra Bores, A., “The European Union and alternative dispute resolution methods: Directive 2008/52/EC […]”, Latest developments in EU private international law, Intersentia, Cambridge, 2011, p. 175 et seq., speċjalment p. 181, kif ukoll Esplugues, C., “Civil and commercial mediation in the EU after the transposition of Directive 2008/52/EC”, Civil and commercial mediation in Europe, vol. II, Intersentia, Cambridge, 2014, p. 485 et seq., speċjalment p. 516.

( 42 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2009, Peśla (C-345/08, EU:C:2009:771, punti 34 et seq.); tas-27 ta’ Ġunju 2013, Nasiopoulos (C‑575/11, EU:C:2013:430, punt 20), kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2015, X-Steuerberatungsgesellschaft (C‑342/14, EU:C:2015:827, punti 44 et seq.).

( 43 ) Kemm fir-risposta u fil-kontroreplika tagħha, kif ukoll fl-osservazzjonijiet orali tagħha.

( 44 ) Dwar il-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġodda, ara l-punti 13 sa 17 u 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Ara l-punti 34 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Ara wkoll il-punti 34 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑38/15, mhux ippubblikata, EU:C:2016:156, punti 3334), kif ukoll l-10 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-504/14, EU:C:2016:847, punt 144).

( 48 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C‑600/12, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2086, punt 46); tal-14 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-320/15, EU:C:2017:678, punt 21), u tal-15 ta’ Marzu 2018, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C-575/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:186, punt 105).

( 49 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 42 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ara, ukoll, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association u Reynaud (C-125/16, EU:C:2017:707, punt 38).

( 51 ) Nippreċiża li l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 13 jipprevedi l-ipoteżi partikolari li fiha l-applikanti eżerċitaw il-professjoni inkwistjoni fi Stat Membru ieħor li fih din ma hijiex irregolata.

( 52 ) Ninnota li l-punt (b) tal-imsemmi paragrafu 1 jirreferi wkoll għall-kriterju ta’ “sostanzjalment suġġetti differenti”.

( 53 ) Kif ġej: “suġġetti li fir-rigward tagħhom l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba huma essenzjali għall-eżerċitar tal-professjoni u li fir-rigward tagħhom it-taħriġ irċivut mill-immigrant juri differenzi sinifikanti f’termini ta’ kontenut mit-taħriġ meħtieġ mill-Istat Membru ospitanti” (enfasi miżjuda minni).

( 54 ) Dan huwa dak li tikkonferma l-premessa 15 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li “[f]l- assenza ta’ armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet minimi ta’ taħriġ għall-aċċess għall-professjonijiet li jaqgħu taħt is-sistema ġenerali, għandu jkun possibbli għall-Istat Membru ospitanti li jimponi miżura kompensatorja. Din il-miżura għandha tkun proporzjonata u, b’mod partikolari, tieħu kont ta’ l-esperjenza professjonali ta’ l-applikant. L-esperjenza turi li l-kondizzjoni li l-migrant jagħżel bejn test ta’ kapaċità u perijodu ta’ adattament toffri salvagwardji adegwati rigward il-livell ta’ kwalifiki ta’ dan ta’ l-aħħar, u għalhekk kwalunkwe deroga minn dik l-għażla għandha f’kull każ tkun ġustifikata permezz ta’ rekwiżit imperattiv fl-interess ġenerali”.

( 55 ) Skont l-imsemmi punt (ċ), dawn il-medjaturi potenzjali għandhom jipprovdu, minbarra dokumenti ta’ sostenn oħra, “ċertifikat tal-fornitur tas-servizz ta’ taħriġ, indirizzat lill-kummissjoni ta’ akkreditament tal-medjaturi, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 3898/2010, li jiċċertifika” l-elementi segwenti: “aa) in-numru totali ta’ sigħat ta’ taħriġ”, “bb) il-materji koperti”, “cc) il-post tat-taħriġ” (nosserva li kultant r-rikors tal-Kummissjoni jsemmi fuq dan il-livell “il-metodu ta’ tagħlim”, li jidhirli li dan huwa żball), “dd) in-numru ta’ parteċipanti”, “ee) in-numru u l-kwalifiki tal-għalliema”, kif ukoll “ff) il-proċedura ta’ eżami u evalwazzjoni tal-kandidati u l-modalitajiet li jiżguraw l-integrità”.

( 56 ) Jiġifieri, b’mod iktar partikolari, l-erba’ tipi ta’ informazzjoni meħtieġa fil-punt (c) (cc) sa (ff), iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, li huma espressament imsemmija fir-rikors tal-Kummissjoni.

( 57 ) Dwar il-kriterji inerenti għal dawn id-dispożizzjonijiet, ara b’mod speċjali, Pertek, J., “Consolidation de l’acquis des systèmes de reconnaissance des diplômes par la directive 2005/36 du 7 septembre 2005”, Revue du marché commun et de l’Union européenne, 2008, p. 126 sa 127 u Berthoud, F., La reconnaissance des qualifications professionnelles – Union européenne et Suisse-Union européenne, Dossiers de droit européen, Nru 30, Schulthess, Genève, 2016, p. 306 sa 334.

( 58 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2009, Peśla (C-345/08, EU:C:2009:771, punt 39), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C-298/14, EU:C:2015:652, punt 55).

( 59 ) B’hekk, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 jeħtieġ li “l-persuna kkonċernta tiġġustifika esperjenza tal-inqas ta’ tliet parteċipazzjonijiet fi proċeduri ta’ medjazzjoni bħala medjatur, assistent medjatur jew avukat ta’ waħda mill-partijiet” u jżid li “[din] il-kummissjoni tista’ fid-diskrezzjoni tagħha, titlob lill-persuna kkonċernata toqgħod għal eżami addizzjonali”. It-tieni subparagrafu jippermetti li l-persuna kkonċernata tiġi eżentata milli tipprova tali esperjenza taħt il-kundizzjoni “l-elementi kollha tal-fajl […] juru b’mod manifest it-taħriġ kontinwu tagħha u l-prattika sistematika tal-medjazzjoni u sa fejn dan it-titolu nkiseb mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012” (enfasi miżjuda minni).

( 60 ) B’mod iktar preċiż, kwalifika ta’ akkreditament miksuba f’pajjiż barrani jew maħruga minn fornitur tas-servizz ta’ taħriġ irrikonoxxut f’pajjiż barrani wara taħriġ ipprovdut fil-Greċja.

( 61 ) B’mod partikolari, mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tagħti aċċess għall-professjoni rregolata, bħal dik ta’ medjatur, “taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini tiegħu”. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat ikkontestati jistgħu jaffettwaw intrinsikament iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra ċ-ċittadini nazzjonali, b’tali mod li jirriżulta riskju li dawn tal-aħħar jitqiegħdu f’sitwazzjoni żvantaġġuża, u għalhekk isofru diskriminazzjoni indiretta.

( 62 ) Fil-fatt, minkejja li fil-prattika l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ma japplikawx dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrakkomanda madankollu li din id-dispożizzjoni tiġi emendata b’mod formali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-197/96, EU:C:1997:155, punt 14; tal-5 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-522/04, EU:C:2007:405, punt 70, u tal-24 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-151/12, EU:C:2013:690, punti 2636).

( 63 ) Il-Kummissjoni tenfasizza li l-possibbiltà, mogħtija lill-awtoritajiet Griegi, li ma japplikawx il-kriterju tal-esperjenza hija limitata, peress li tirrigwarda biss il-persuni kkonċernati li kisbu kwalifiki ta’ akkreditament ta’ medjatur mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012 (ara t-tieni sentenza tat-tieni inċiż tal-Artikolu 1(5) tal-Kapitolu A tad-Digriet Ministerjali Nru 109088 emendat u l-Artikolu 14(2) tal-Liġi Nru 3898/2010 kif emendat fl-2012).

Top