Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0697

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-23 ta’ Jannar 2019.
    Telecom Italia SpA vs Ministero dello Sviluppo Economico u Infrastrutture e telecomunicazioni per l'Italia SpA (Infratel Italia) SpA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 28(2) – Proċedura ristretta – Operaturi ekonomiċi awtorizzati sabiex jippreżentaw offerta – Neċessità li tinżamm l-istess identiċità legali u materjali bejn il-kandidat magħżul minn qabel u dak li jippreżenta l-offerta – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti.
    Kawża C-697/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:54

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

    ippreżentati fit‑23 ta’ Jannar 2019 ( 1 )

    Kawża C‑697/17

    Telecom Italia SpA

    vs

    Ministero dello Sviluppo Economico,

    Infrastrutture e telecomunicazioni per l’Italia SpA (Infratel Italia SpA),

    bl-intervent ta’:

    Open Fiber SpA

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2014/24/UE — Proċedura ristretta — Operaturi ekonomiċi awtorizzati sabiex jippreżentaw offerta — Proċedura ta’ amalgamazzjoni permezz ta’ assorbiment matul il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt — Neċessità li tinżamm l-istess identiċità legali bejn il-fażi tal-preselezzjoni u l-preżentazzjoni tal-offerta”

    1. 

    F’dan ir-rinviju preliminari, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) jistaqsi jekk, skont id-Direttiva 2014/24/UE ( 2 ), tinżammx “l-identità legali u materjali” ta’ kumpannija, inizjalment magħżula fil-kuntest ta’ proċedura ristretta ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, meta tali kumpannija tgħaddi minn proċess ta’ amalgamazzjoni billi jsir assorbiment minn kumpannija oħra, magħżula wkoll, li finalment ma ppreżentat l-ebda offerta.

    2. 

    F’ċertu mod, il-kawża inkwistjoni hija l-oppost ta’ dik li wasslet għas-sentenza MT Højgaard u Züblin ( 3 ), fejn l-offerent kien jifforma parti, meta ġie preselezzjonat, minn raggruppament ta’ impriżi li sussegwentement ġie xolt. Għaldaqstant, id-dubju kien dwar jekk, wara li tali raggruppament ġie xolt, dan l-offerent setax ikompli jipparteċipa proprju f’ismu fil-proċedura nnegozjata ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

    3. 

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha opportunità oħra sabiex tikkonsolida d-duttrina tagħha dwar ir-rekwiżit ta’ identiċità bejn l-operaturi ekonomiċi preselezzjonati u dawk li jagħmlu l-offerti.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva 2014/24

    4.

    L-Artikolu 8 jistabbilixxi:

    “Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi u l-kompetizzjonijiet ta’ disinn għall-iskop ewlieni li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jipprovdu jew jagħmlu użu min-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet jew biex jipprovdu wieħed jew aktar servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku.

    Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘netwerk pubbliku ta’ komunikazzjonijiet’ u ‘servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ għandu jkollhom l-istess tifsira bħal fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ ( 4 )]”.

    5.

    Skont l-Artikolu 18(1):

    “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

    It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.”

    6.

    Skont l-Artikolu 28:

    “1.   Fi proċeduri ristretti, kwalunkwe operatur ekonomiku jista’ jisottometti talba sabiex jieħu sehem b’rispons għal sejħa għall-kompetizzjoni li jkun fiha l-informazzjoni stipulata fl-Anness V partijiet B jew C, skont il-każ, billi jipprovdi l-informazzjoni għall-għażla kwalitattiva rikjesta mill-awtorità kontraenti.

    […]

    2.   Huma biss dawk l-operaturi ekonomiċi mistiedna jagħmlu dan mill-awtorità kontraenti wara l-valutazzjoni tagħha tal-informazzjoni mogħtija jistgħu jissottomettu offerta. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jillimitaw in-numru ta’ kandidati xierqa li għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-proċedura f’konformità mal-Artikolu 65.

    […]”

    B.   Id-dritt nazzjonali. Codice dei contratti pubblici (Il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi) ( 5 )

    7.

    L-Artikolu 61(3) jipprovdi li:

    “Wara l-evalwazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kontraenti tal-informazzjoni pprovduta, huma biss l-operaturi ekonomiċi mistiedna li jistgħu jippreżentaw offerta”.

    8.

    Skont l-Artikolu 48(11):

    “Fil-kuntest tal-proċedura ristretta jew innegozjata, jew ta’ djalogu kompetittiv, l-operaturi ekonomiċi mistiedna individwalment jew il-kandidati aċċettati individwalment fil-proċedura ta’ djalogu kompetittiv jistgħu jippreżentaw offerti jew jaġixxu f’isimhom proprju jew bħala rappreżentanti tal-operaturi raggruppati”.

    II. Il-fatti u d-domanda preliminari

    9.

    Infratel Italia SpA (iktar ’il quddiem “Infratel”), f’isem il-Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-Italja), stabbilixxiet proċedura ristretta għall-għoti ta’ konċessjoni għall-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u l-ġestjoni ta’ netwerk passiv ta’ proprjetà pubblika b’banda ultra wiesgħa, f’ċerti territorji.

    10.

    Il-proċedura ristretta, maqsuma f’ħames lottijiet (li jikkorrispondu għal tant żoni ġeografiċi), żvolġiet skont il-fażijiet li ġejjin:

    a)

    preżentazzjoni tal-atti ta’ parteċipazzjoni (sat‑18 ta’ Lulju 2016);

    b)

    notifika tal-istediniet għall-parteċipazzjoni lill-operaturi magħżula (sad‑9 ta’ Awwissu 2016); u

    ċ)

    preżentazzjoni tal-offerti (sas‑17 ta’ Ottubru 2016).

    11.

    Telecom Italia SpA (iktar ’il quddiem “Telecom Italia”), Metroweb Sviluppo SpA (iktar ’il quddiem “Metroweb Sviluppo”) u Enel Open Fiber SpA (iktar ’il quddiem “Enel Open Fiber”) ( 6 ), flimkien ma’ operaturi oħrajn, iddepożitaw il-kandidaturi tagħhom (l-ewwel fażi tal-proċedura). Infratel aċċettathom, u għaldaqstant stiednet lil tali impriżi sabiex jipparteċipaw (it-tieni fażi tal-proċedura) bħala offerenti magħżula.

    12.

    Minkejja li ntgħażlet f’din it-tieni fażi, Metroweb Sviluppo ma ppreżentat l-ebda offerta, b’tali mod li, fil-fatt, irrifjutat li tipparteċipa fis-sejħa għal offerti.

    13.

    Infratel ippubblikat, fid‑9 ta’ Jannar 2017, il-lista tal-offerenti ammessi u, fl‑24 ta’ Jannar 2017, il-klassifika provviżorja tal-offerenti rebbieħa. Enel Open Fiber kienet fl-ewwel post fil-ħames lottijiet, filwaqt li Telecom Italia ġiet ikklassifikata fit-tieni post fil-każijiet kollha, ħlief fir-rigward tal-lott Nru 4, fejn kienet fit-tielet post.

    14.

    Wara l-konklużjoni tal-proċedura, Telecom Italia kellha aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-amministrazzjoni, u wara li kkonsultathom ikkonstatat li, f’xi mument bejn il-fażi ta’ selezzjoni u d-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti (17 ta’ Ottubru 2016), Metroweb Sviluppo u Enel Open Fiber kienu wettqu tranżazzjoni korporattiva kumplessa.

    15.

    Din it-tranżazzjoni rriżultat f’konċentrazzjoni ta’ impriżi, li wasslet sabiex il-kumpanniji Enel SpA (iktar ’il quddiem “Enel”) u Cassa Depositi e Prestiti SpA (iktar ’il quddiem “CDP”), permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħhom CDP Equity SpA. (iktar ’il quddiem “CDPE”), kisbu kontroll konġunt tal-impriża li rriżultat mill-amalgamazzjoni ta’ Enel Open Fiber ma’ Metroweb Italia SpA (iktar ’il quddiem “Metroweb Italia”).

    16.

    Skont il-“ftehim qafas ta’ investiment” konkluż fl‑10 ta’ Ottubru 2016 bejn il-kumpannija holding Enel (li kienet tikkontrolla lil Enel Open Fiber) u Metroweb Italia (li kienet tikkontrolla lil Metroweb Sviluppo), it-tranżazzjoni kienet timplika:

    li Enel u CDPE jkollhom, kull waħda, il-50% tal-kapital azzjonarju ta’ Enel Open Fiber;

    li Enel Open Fiber tikseb il-100% tal-kapital azzjonarju ta’ Metroweb Italia;

    li Metroweb Italia twettaq amalgamazzjoni, billi tassorbi diversi kumpanniji tal-grupp Metroweb Italia, fosthom Metroweb Sviluppo;

    li ssir amalgamazzjoni bejn Enel Open Fiber u l-kumpannija li tirriżulta mill-amalgamazzjoni tal-grupp Metroweb Italia, b’tali mod li twassal għal “Enel Open Fiber ġdida” ( 7 ).

    17.

    Fl-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim, fis‑17 ta’ Ottubru 2016, Metroweb Sviluppo (parteċipanti fis-sejħa għal offerti) ġiet assorbita mill-grupp Metroweb. Fit‑23 ta’ Jannar 2017 saret l-amalgamazzjoni billi Metroweb ġiet assorbita minn Open Fiber.

    18.

    Il-proġett ta’ konċentrazzjoni ġie nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea fl‑10 ta’ Novembru 2016 ( 8 ), konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 ( 9 ). Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2016 l-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix it-tranżazzjoni ( 10 ).

    19.

    Telecom Italia kkontestat l-għoti tal-ħames lottijiet li l-proċedura ristretta kienet maqsuma fihom, permezz ta’ ħames rikorsi ppreżentati quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), li ċaħdet f’ħames sentenzi b’kontenut simili.

    20.

    F’dan il-kuntest, Telecom Italia ppreżentat ħames appelli quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), li ddeċieda li jissospendi l-proċedura u jistaqsi d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/24/UE għandha tiġi interpretata fis-sens li din teżiġi identiċità totali kemm legali kif ukoll ekonomika bejn l-operaturi magħżula minn qabel u dawk li jippreżentaw l-offerti fil-kuntest tal-proċedura ristretta u, b’mod partikolari, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi ftehim konkluż bejn il-kumpanniji holding li jikkontrollaw żewġ operaturi magħżula minn qabel f’xi mument bejn l-għażla minn qabel u l-preżentazzjoni tal-offerti meta: a) dan il-ftehim ikollu bħala l-għan u l-effett tiegħu (fost oħrajn) it-twettiq ta’ amalgamazzjoni billi waħda minn dawn l-impriżi magħżula minn qabel tiġi assorbita minn oħra bħalha (tranżazzjoni barra minn hekk awtorizzata mill-Kummissjoni); b) l-effetti tat-tranżazzjoni ta’ amalgamazzjoni jkunu mmaterjalizzaw wara l-preżentazzjoni tal-offerta mill-impriża li assorbiet lill-oħra (li hija r-raġuni li għaliha, fil-mument tal-preżentazzjoni tal-offerta, il-kompożizzjoni tagħha baqgħet inoltrata meta mqabbla ma’ dik eżistenti fil-mument tal-għażla minn qabel); ċ) l-impriża sussegwentement assorbita (li l-kompożizzjoni tagħha baqgħet inoltrata fid-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti) fi kwalunkwe każ tkun irrinunċjat għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ristretta, probabbilment sabiex teżegwixxi l-programm kuntrattwali previst fil-ftehim konkluż bejn il-kumpanniji holding?”

    21.

    Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-proċedura inkwistjoni ma hijiex irregolata kompletament mid-Direttiva 2014/24 jew mid-Direttiva 2014/23/UE ( 11 ), iżda sempliċiment mir-regoli tal-avviż, skont liema kien japplika l-Artikolu 61 tal-KKP li jittrasponi l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/24.

    22.

    Barra minn hekk, dan l-istess avviż kien jipprovdi li l-għażla kienet ser issir favur l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, fuq il-bażi tal-aħjar valur għall-flus, fis-sens tal-Artikolu 95 tal-KKP li jittrasponi l-Artikolu 67 tal-istess direttiva.

    23.

    Fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, huwa dubjuż li, fil-kuntest tal-proċedura ristretta rregolata mill-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/24, jista’ jiġi applikat il-prinċipju ta’ identiċità legali u materjali ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża MT Højgaard u Züblin ( 12 ).

    24.

    Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jenfasizza li t-tranżazzjoni ta’ amalgamazzjoni li ġiet iffinalizzata f’Jannar 2017 hekk kif beda t-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti (Ottubru 2016), b’tali mod li l-istruttura ta’ Enel Open Fiber kienet għadha ma ġietx mibdula. Fl-aħħar nett, fl-opinjoni tiegħu, ma huwiex possibbli li jintwera li permezz tal-ftehim ta’ amalgamazzjoni —li wassal għal bidla strutturali u stabbli tal-kumpanniji kkonċernati— il-partijiet involuti riedu jiftiehmu sabiex jgħawġu l-kompetizzjoni fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt.

    III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-pożizzjoni tal-partijiet

    25.

    Id-domanda preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Diċembru 2017. Telecom Italia, Infratel, Open Fiber, l-awtorità ta’ sorveljanza EFTA, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta pubblika li saret fil‑15 ta’ Novembru 2018, il-partijiet kollha kienu preżenti minbarra l-awtorità ta’ sorveljanza EFTA.

    26.

    Telecom Italia ssostni li, fil-kuntest ta’ programm ta’ amalgamazzjoni permezz ta’ assorbiment, hija pjuttost l-identiċità materjali iktar milli dik legali ta’ impriża preselezzjonata li assorbiet lill-oħra dik li verament tinbidel, b’tali mod li tibdel l-amalgamazzjoni f’waħda inkompatibbli mal-prinċipju tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/24.

    27.

    Barra minn hekk, Telecom Italia temmen li l-qorti tar-rinviju kienet issottovalutat il-kumplessità tat-tranżazzjoni inkwistjoni, billi eżaminat sempliċement l-identiċità suġġettiva u formali ta’ Enel Open Fiber fid-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti, b’tali mod li qasmet il-programm konġunt ta’ integrazzjoni progressiva ta’ din il-kumpannija ma’ Metroweb Sviluppo. Fil-fatt, fl-opinjoni tagħha, kien programm konġunt li, indipendentement minn kull prinċipju antikollużiv, beda permezz ta’ ftehim qafas konkluż bejn il-preselezzjoni u d-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti, li tnieda matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti u ġie konkluż wara l-għoti finali, iżda qabel ma ġie ffirmat il-kuntratt. Il-ftehim qafas amalgama ż-żewġ kumpanniji f’ċentru uniku deċiżjonali mill-fażi tas-sejħa għal offerti, b’tali mod li Metroweb Sviluppo setgħet ma tippreżentax l-offerta tagħha, bil-garanzija tal-possibbiltà li tintgħażel daqslikieku kienet ippreżentat waħda. Din is-sitwazzjoni għandha tiġi ssanzjonata bl-istess mod daqslikieku l-istess ċentru deċiżjonali jkun ippreżenta żewġ offerti.

    28.

    Infratel tqis li d-domanda preliminari hija inammissibbli, minħabba li hija ipotetika, peress li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex dubju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli u diġà kienet iddeċidiet dwar is-suġġett tal-kawża prinċipali. Sussidjarjament, issostni li ma saret l-ebda bidla fl-entitajiet preselezzjonati meta mqabbla ma’ dawk li kienu ppreżentaw offerti. Fil-mument tal-ippreżentar tal-offerta tagħha, Enel Open Fiber kienet aġixxiet bħala operatur uniku, bl-istess kompożizzjoni bħal dik tal-fażi ta’ preselezzjoni. L-amalgamazzjoni ma biddlitx il-personalità ġuridika tagħha, b’tali mod li, għalhekk, l-identità tagħha kkoinċidiet ma’ dik tal-impriża preselezzjonata.

    29.

    Open Fiber ukoll tipproponi li tiġi deċiża l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari.

    L-ewwel nett, minħabba li tqajjem il-kwistjoni tal-konformità tal-ftehim qafas mad-Direttiva 2014/24, minkejja li l-legalità tiegħu ma hijiex ikkontestata fil-proċedura tar-rinviju.

    It-tieni nett, minħabba li fil-każ ta’ għoti għall-kostruzzjoni ta’ network ta’ komunikazzjoni tapplika d-Direttiva 2014/23, iżda kemm din kif ukoll id-Direttiva 2014/24 huma inapplikabbli minħabba l-eċċezzjoni stabbilita fihom fir-rigward man-networks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni. Id-dokumenti tal-proċedura ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jirreferu għall-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/24.

    It-tielet nett, minħabba li l-projbizzjoni ta’ amalgamazzjoni proposta permezz ta’ assorbiment bejn l-entitajiet preselezzjonati ma tikkostitwixxix prinċipju marbut mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    Ir-raba’ nett, minħabba li l-qorti tar-rinviju ma tqajjem l-ebda dubju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    30.

    Fir-rigward tal-mertu, Open Fiber taqbel mal-pożizzjoni esposta mill-qorti tar-rinviju u tikkonkludi li l-istedina tagħha għall-fażi ta’ evalwazzjoni tal-offerti ma tmur la kontra l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/24 u lanqas kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    31.

    Il-Gvern Taljan ukoll jipproponi l-inammissibbiltà, billi jallega li l-qorti tar-rinviju sempliċement issemmi, b’mod ġenerali, regola tad-dritt tal-Unjoni u tirrikonoxxi li ma hemm l-ebda rabta bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni u tali regola, minħabba li l-offerta ta’ Enel Open Fiber kienet saret mill-istess persuna ġuridika awtorizzata sabiex tipparteċipa fil-proċedura ristretta.

    32.

    Fir-rigward tal-mertu, il-Gvern Taljan jallega li mill-Artikolu 51(2) tad-Direttiva 2004/17/KE ( 13 ) tirriżulta n-neċessità ta’ identiċità ekonomika u legali totali bejn l-operatur mistieden sabiex jipparteċipa u dak li jippreżenta l-offerta. Madankollu, l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/24 kien introduċa rekwiżit inqas strett.

    33.

    Skont il-Gvern Taljan, la mir-regoli nazzjonali u lanqas mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jirriżulta li l-amalgamazzjoni permezz ta’ assorbiment tal-entitajiet preselezzjonati, awtorizzata mill-Kummissjoni u ffinalizzata wara l-preżentazzjoni tal-offerta mill-kumpannija li tassorbi lill-oħra hija tranżazzjoni illeċita.

    34.

    Skont l-awtorità ta’ sorveljanza EFTA, ma kienx jiġi miksur ir-rekwiżit ta’ identiċità li kieku—kif, fl-opinjoni tagħha, ġara f’dan il-każ— minn naħa, l-operatur ekonomiku li ppreżenta l-offerta finalment issodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kontraenti, u min-naħa l-oħra, meta l-preżentazzjoni tal-offerta tiegħu ġiet awtorizzata, il-kompetituri l-oħrajn ma tqegħdux fi żvantaġġ. Ir-rekwiżit ta’ identiċità —li fl-ebda każ ma huwa rekwiżit assolut— ma jmurx kontra l-konklużjoni ta’ ftehim li jwassal għall-amalgamazzjoni ta’ żewġ operaturi preselezzjonati matul proċedura ta’ kuntratt pubbliku.

    35.

    Skont il-Kummissjoni, id-domanda preliminari għandha tiġi rriformulata, minħabba li tista’ tagħti x’tifhem li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi mistoqsija dwar il-legalità tal-ftehim ta’ amalgamazzjoni.

    36.

    Il-Kummissjoni ssostni li l-kriterji stabbiliti fis-sentenza MT Højgaard u Züblin ( 14 ), b’rabta mad-Direttiva 2004/17, jistgħu jiġu applikati mutatis mutandis f’ċirkustanzi analogi rregolati mid-Direttiva 2014/24. Madankollu, tosserva li s-sitwazzjoni li wasslet għal din is-sentenza hija ferm differenti minn dik inkwistjoni. F’dan il-każ, ma sar l-ebda tibdil ta’ identiċità, bħalma ġara fil-każ l-ieħor, bejn id-data ta’ preselezzjoni tal-operaturi ammessi sabiex jagħmlu offerta u dik tal-preżentazzjoni tal-offerti.

    37.

    Il-Kummissjoni tiċħad li l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ amalgamazzjoni permezz ta’ assorbiment timplika per se deterjorament tas-sitwazzjoni kompetittiva tal-offerenti l-oħrajn jew ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan ir-riskju jista’ jiġi eskluż jekk, minn naħa, konformement mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, il-partijiet la wettqu — lanqas parzjalment— il-konċentrazzjoni u lanqas ma skambjaw bil-quddiem informazzjoni sensittiva li setgħet tinfluwenza l-aġir tagħhom matul il-proċedura ta’ kuntratt pubbliku u jekk, min-naħa l-oħra, l-operaturi kollha li pparteċipaw fil-proċedura kienu jafu bil-konklużjoni tal-ftehim ta’ amalgamazzjoni.

    38.

    Il-Kummissjoni tqis li huwa irrilevanti li l-impriża li ġiet assorbita kienet irrinunzjat għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ristretta. Dan il-fattur ma jistax jinfluwenza l-ammissjoni tal-impriża li assorbiet lill-oħra fil-fażi ta’ evalwazzjoni, ħlief jekk jintwera li l-partijiet wettqu parzjalment il-ftehim ta’ amalgamazzjoni, bl-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva li tista’ tinfluwenza l-aġir tagħhom matul il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    IV. Analiżi

    A.   Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

    39.

    Skont Infratel, Open Fiber u l-Gvern Taljan, id-domanda preliminari hija inammissibbli, kemm minħabba l-irrilevanza allegata tagħhom għall-proċedura tar-rinviju, kif ukoll minħabba n-natura allegatament ipotetika jew minħabba li ma tirrispondix, fil-verità, għal dubju ġenwin tal-qorti tar-rinviju.

    40.

    Madankollu, naħseb li din l-oġġezzjoni ma għandhiex tintlaqa’.

    41.

    Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) osserva li l-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt hija rregolata mir-regoli li jinsabu fl-avviż tal-kuntratt, li waħda minnhom tagħmel riferiment għall-Artikolu 61 tal-KKP, li jittrasponi l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/24. Barra minn hekk, fost l-aggravji invokati minn Telecom Italia fl-appell tagħha, flimkien ma’ oħrajn relatati mad-dritt nazzjonali, hemm dak tal-ksur tal-prinċipju ta’ identiċità mitlub mid-dritt tal-Unjoni ( 15 ).

    42.

    Wara li ċaħdet li kien hemm il-ksur tad-dritt intern invokat mill-appellant, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li jonqosha biss tanalizza l-motiv ibbażat fuq il-ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni, li “jsir rilevanti u deċiżiv għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kontroversja eżaminata u li dwarha s-Sezzjoni tqis neċessarju li ssir domanda preliminari fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE” ( 16 ).

    43.

    F’dan il-każ, inqis li għandha tapplika l-preżunzjoni ta’ pertinenza tad-domandi preliminari. Dan jirrigwarda, bħalma huwa magħruf, preżunzjoni li tista’ tiġi kkontestata, anki jekk sempliċement fil-każ li jikkonverġu ċirkustanzi preċiżi ħafna: a) jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali; b) meta l-problema hija ta’ natura ipotetika; jew ċ) meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 17 ).

    44.

    Fl-opinjoni tiegħi, l-ebda waħda minn dawn it-tliet ċirkustanzi ma hija preżenti f’din il-kawża. Barra minn hekk, għalkemm, ċertament, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jesponi r-raġunijiet li, fl-opinjoni tiegħu, jippreżentaw ċerta interpretazzjoni tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/24, dan ma jfissirx li ma għandux dubji dwar is-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 18 ).

    45.

    Skont il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni tagħha ta’ din id-dispożizzjoni hija vijabbli, iżda tqis li eventwalment hemm interpretazzjoni oħra u li, għaldaqstant, l-intervent awtorizzat tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa meħtieġ. B’dan il-mod, tikkollabora b’mod leali mal-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni, skont l-ispirtu li jispira l-punt 17 tar-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari ( 19 ).

    B.   Fuq il-mertu

    46.

    Il-Kummissjoni għandha raġun tissuġġerixxi li jaqbel li tiġi rriformulata d-domanda tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), minħabba li din tista’ tagħtu l-impressjoni, żbaljata, li tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-ftehim ta’ amalgamazzjoni mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, ir-realtà hija li l-qorti tar-rinviju ma tesprimi l-ebda dubju dwar dan il-ftehim u lanqas ma tikkontesta l-validità tiegħu.

    47.

    Konsegwentement, it-tilwima hija limitata sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/24 jostakolax l-ammissjoni, fil-fażi tal-evalwazzjoni ta’ offerti (fil-kuntest ta’ proċedura ristretta għall-għoti ta’ kuntratt), ta’ operatur li jinsab fi proċess ta’ amalgamazzjoni, permezz ta’ assorbiment, ma’ operatur ieħor preselezzjonat.

    48.

    Din hija l-kwistjoni mqajma speċifikament mill-qorti tar-rinviju li skontha, bħalma indikajt preċedentement ( 20 ), l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/24 huwa regola applikabbli (b’riferiment mid-dispożizzjonijiet nazzjonali) għall-każ li għandha quddiemha u li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi fuq l-interpretazzjoni tiegħu, ladarba jiġi ċċarati l-kwistjonijiet ta’ dritt intern imqajma fiha.

    49.

    Anki jekk Infratel, Open Fiber u l-Gvern Taljan insistew, matul is-seduta, sabiex tiġi diskussa din l-evalwazzjoni tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), inqis li l-interpretazzjoni tad-dritt applikabbli għall-każ imwettqa minn din il-qorti hija raġonevoli u mmotivata suffiċjentement.

    50.

    B’teħid inkunsiderazzjoni tas-separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja li tikkaratterizza l-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE, huwa biss il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), li quddiemu tressqet il-kawża u li għandu jassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandu jevalwa fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari, sabiex ikun f’pożizzjoni li jagħti s-sentenza tiegħu, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huwa jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 21 ). Tali evalwazzjoni tippreżupponi d-delimitazzjoni minn qabel tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-każ, tranżazzjoni li, għaldaqstant, f’dan il-każ ma jistħoqqilha l-ebda oġġezzjoni f’termini ta’ raġonevolezza u ta’ motivazzjoni.

    1. L-identiċità legali u materjali tal-operaturi magħżula fi proċedura ristretta

    51.

    Definittivament, dan jirrigwarda li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/24 “[jeżiġix] identiċità totali kemm legali kif ukoll ekonomika bejn l-operaturi magħżula minn qabel u dawk li jippreżentaw l-offerti fil-kuntest [ta’] proċedura ristretta”, f’kuntest fejn żewġ operaturi preselezzjonati jkunu ftiehmu dwar l-amalgamazzjoni tagħhom permezz ta’ assorbiment ta’ wieħed minnhom, bil-karatteristiċi li ġejjin:

    il-ftehim dwar il-proġett ta’ amalgamazzjoni jkun sar bejn id-data tal-għażla minn qabel u l-preżentazzjoni tal-offerti, bl-awtorizzazzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni;

    l-effetti tal-amalgamazzjoni jiġu pperfezzjonati wara li l-kumpannija li tassorbi lill-oħra tkun tefgħet l-offerta tagħha; u

    il-kumpannija assorbita tiddeċiedi li ma tipparteċipax fil-proċedura ristretta.

    52.

    L-imsemmi “rekwiżit ta’ identiċità kemm legali kif ukoll materjali bejn l-operaturi ekonomiċi magħżula minn qabel u dawk li jippreżentaw l-offerti” huwa bbażat fuq l-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2004/17 li, skontu, l-awtoritajiet kontraenti “għandhom jivverifikaw [il-konformità ta]l-offerti sottomessi mill-persuni li jagħmlu l-offerti magħżula”. Dan ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza MT Højgaard u Züblin ( 22 ), li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għaliha espressament.

    53.

    L-istess regola tidher ukoll fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/24, li skontu “[h]uma biss dawk l-operaturi ekonomiċi mistiedna jagħmlu dan mill-awtorità kontraenti […] [li] jistgħu jissottomettu offerta [fi proċeduri ristretta]”.

    54.

    Fl-aħħar mill-aħħar, dan ir-rekwiżit iservi sabiex jiġi ssalvagwardjat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti ( 23 ). L-applikazzjoni stretta tiegħu għandha twassal “għall-konklużjoni li huma biss l-operaturi ekonomiċi li ġew ippreselezzjonati bħala tali li jistgħu jippreżentaw offerti u jsiru offerenti rebbieħa” ( 24 ).

    55.

    L-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/24 huwa intiż li jiżgura li l-proċeduri ristretti jkunu hekk fil-verità, jiġifieri, li fihom jiġu ppreżentati offerti mill-operaturi ekonomiċi li ġew mistiedna biex jagħmlu dan mill-awtorità kontraenti biss, u mhux oħrajn. Din l-istedina tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni li fih tiġi ristretta l-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt mill-perspettiva suġġettiva.

    56.

    Jekk operatur ekonomiku li ma jkunx ġie preselezzjonat jiġi awtorizzat jippreżenta offerta, ikun qiegħed jirċievi trattament privileġġat meta mqabbel tal-bqija tal-operaturi. Dawn tal-aħħar setgħu biss jippreżentaw l-offerti tagħhom wara li kienu talbu formalment sabiex jipparteċipaw fil-proċedura (ristretta) u wara li kienu ppreżentaw l-evalwazzjoni korrispondenti mill-awtorità kontraenti.

    57.

    Fil-kawża MT Højgaard u Züblin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-regola tal-identiċità “[t]ista’ [t]ittaffa sabiex tiġi żgurata, fi proċedura nnegozjata, kompetizzjoni suffiċjenti” ( 25 ). Din l-aħħar dikjarazzjoni għandha tinftiehem fil-kuntest ta’ dik il-kawża, fejn il-każ inkwistjoni kien, kif diġà spjegajt, preċiżament il-kuntrarju ta’ dak diskuss bħalissa.

    58.

    L-Avukat Ġenerali Mengozzi ddeskriva ġustament it-termini tal-imsemmija kawża, billi ppreżentaha “fil-kuntest fattwali li fih grupp ta’ żewġ impriżi, ikkostitwit fil-forma ta’ kumpannija kummerċjali u li kien ippreselezzjonat fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, ġie xolt wara l-falliment ta’ wieħed miż-żewġ membri tiegħu u li fih l-awtorità kontraenti awtorizzat lill-membru li kien baqa’ jkompli jipparteċipa fil-proċedura minflok il-grupp u finalment tagħtu l-kuntratt minkejja l-fatt li dan il-membru bħala tali ma kienx ippreselezzjonat” ( 26 ).

    59.

    Kieku f’dak il-każ kien ġie applikat strettament il-prinċipju ta’ identiċità u, konsegwentement, kien ġie konkluż li l-membru li jifdal mir-raggruppament ta’ impriżi ma setax, inkwantu entità differenti, ikompli jipparteċipa fil-proċedura, in-numru ta’ kandidati fil-għoti kien jitnaqqas għal tlieta. Madankollu, dan ir-riżultat kien imur kontra dak li jinsab stipulat fl-avviż għall-għoti ta’ kuntratt, li skontu l-awtorità kontraenti kienet tikkunsidra li l-kandidati kellhom ikunu mill-inqas erbgħa sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ( 27 ).

    60.

    F’bilanċ bejn il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti —li għalih iservi l-prinċipju ta’ identiċità — u l-garanzija ta’ kompetizzjoni effettiva —fil-każ fejn, barra minn hekk, it-tnaqqis tan-numru ta’ offerenti jista’ jikkomprometti l-għoti—, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza ma jiġix ippreġudikat jekk “[jiġi awtorizzat] wieħed miż-żewġ operaturi ekonomiċi li kienu jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi li, bħala tali, kien mistieden jissottometti offerti minn din l-entità, sabiex jissostitwixxi ruħu għal dan il-grupp wara x-xoljiment tiegħu u sabiex jipparteċipa, f’ismu stess, fil-proċedura nnegozjata għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, sakemm ikun stabbilit, minn naħa, li dan l-operatur ekonomiku jissodisfa waħdu r-rekwiżiti ddefiniti mill-imsemmija entità u, min-naħa l-oħra, li l-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-imsemmija proċedura ma twassalx għal deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni kompetittiva tal-offerenti l-oħrajn” ( 28 ).

    61.

    Fil-kawża inkwistjoni xejn ma jindika li l-esklużjoni tal-impriża li assorbiet lill-oħra (jiġifieri, fil-verità, dak li titlob Telecom Italia), flimkien mal-irtirar motu proprio tal-impriża assorbita, jirriżultaw f’restrizzjoni tan-numru ta’ offerenti li, minħabba li huwa inqas mil-limitu minimu mitlub, jista’ jwassal għall-impossibbiltà tal-għoti tal-kuntratt.

    62.

    Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li jiġu aġġustati r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ identiċità għall-finijiet, mhux tal-kompetizzjoni bejn l-offerenti, iżda proprju tal-prinċipju ta’ żamma tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt. Għaldaqstant, peress li ċ-ċirkustanza speċifika u speċjali li tinsab fl-oriġini tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza MT Højgaard u Züblin ( 29 ), ma hijiex preżenti f’dan il-każ, fil-prinċipju, ma hemm l-ebda raġuni sabiex “jittaffa” r-rekwiżit ta’ identiċità.

    63.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien xieraq li “jittaffa” l-prinċipju ta’ identiċità minħabba li ma kienx jirrigwarda offerent assolutament differenti minn dawk preselezzjonati, intiż li jippreżenta offerta (li huwa, ninsisti, il-każ tipiku li ħaseb fih il-leġiżlatur tal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/24). Din qablet li dan jista’ jitwettaq minn kumpannija li, minħabba r-rabta tagħha ma’ wieħed mill-operaturi preselezzjonati (li, fil-verità, kienet tikkostitwixxi parti minnu) ma kinitx kompletament ġdida għal din il-proċedura.

    64.

    Issa għandna wkoll każ fejn saret —jew kienet qiegħda ssir— bidla fl-istruttura patrimonjali ta’ tnejn mill-operaturi preselezzjonati, fejn wieħed minnhom jassorbi lill-ieħor. Konsegwentement, lanqas ma huwa każ ta’ intervent possibbli minn parti kompletament ġdida fil-proċedura ristretta.

    2. L-effett tal-amalgamazzjoni permezz ta’ assorbiment fuq l-identiċità legali u materjali tal-offerent magħżul

    65.

    Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-personalità ġuridika ta’ Enel Opel Fiber ma esperjenzat l-ebda bidla fid-data li fiha din il-kumpannija, wara li ntgħażlet, ippreżentat l-offerta tagħha, li huwa l-mument preċiż tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt li tistaqsi dwaru l-qorti tar-rinviju. Fi kliemha, “il-kompożizzjoni [tagħha] ma nbidlitx fid-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti”.

    66.

    F’dan is-sens, għandu jitfakkar li, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni ( 30 ), minħabba li l-amalgamazzjoni permezz ta’ assorbiment saret f’konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Ewropea, din ma setgħetx titwettaq mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni (b’mod iktar preċiż, in-nuqqas ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern), li ngħatat fil‑15 ta’ Diċembru 2016, jiġifieri xahrejn wara li għalaq it-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti.

    67.

    Minkejja kollox, dak li verament jinteressa lill-qorti tar-rinviju huwa jekk, minħabba li diġà kienu għaddejjin in-negozjati għall-amalgamazzjoni meta l-awtorità kontraenti kienet għażlet l-operaturi msejħa sabiex jiġu amalgamati, din iċ-ċirkustanza kinitx timplika ċerta bidla materjali fin-natura ta’ Enel Open Fiber, li hija biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li din il-kumpannija ma kinitx tikkoinċidi, de facto, inkwantu suġġett tad-dritt, ma’ Enel Open Fiber li kienet ġiet preselezzjonata.

    68.

    Fi kliem ieħor, id-dubju huwa dwar jekk huwiex biżżejjed, sabiex issir esklużjoni mill-proċedura (ristretta) ta’ għoti ta’ kuntratt, il-fatt li tkun qiegħda sseħħ bidla fl-istruttura patrimonjali tal-offerent preselezzjonat li jassorbi jew jipproponi li jassorbi offerent ieħor preselezzjonat ukoll ( 31 ).

    69.

    Jista’ jiġi argumentat, favur l-esklużjoni, li, matul il-proċess ta’ amalgamazzjoni li għandha tiġi mmaterjalizzata permezz tal-bidla strutturali tal-kumpannija li assorbiet lill-oħra u dik assorbita, il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti jimponu li jiġi antiċipat dan ir-riżultat fl-istess mument meta, permezz tal-ftehim ta’ amalgamazzjoni propost, diġà jkun hemm prinċipju ta’ konfużjoni materjali stabbilit bejn il-kumpanniji kkonċernati. B’dan il-mod, għalhekk, kienet tinqasam l-identiċità materjali bejn min intgħażel u min ippreżenta offerta, li, għal dawn il-finijiet, ma tibqax l-istess entità.

    70.

    Madankollu, naħseb li dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Minn naħa, f’din il-kawża, jiġi injorat il-fatt li ż-żewġ operaturi (dak li jassorbi lill-ieħor u dak assorbit) kienu, qabel l-amalgamazzjoni, preselezzjonati sabiex jippreżentaw offerti, b’tali mod li wieħed jista’ jitkellem kemm dwar ix-xoljiment tal-identiċità materjali, kif ukoll dwar kontinwità, materjali wkoll, ta’ wieħed u tal-ieħor.

    71.

    Min-naħa l-oħra, li r-rekwiżit ta’ identiċità materjali jkun daqstant estrem, fir-rigward ta’ amalgamazzjoni ta’ kumpanniji permezz ta’ assorbiment, naħseb li huwa sproporzjonat. Fi tranżazzjoni ta’ dan it-tip, il-kumpannija li tassorbi lill-oħra żżomm in-natura legali tagħha u tkabbar il-patrimonju tagħha, billi tikseb dak tal-kumpannija assorbita ( 32 ). Fil-verità, minn perspettiva materjali, din il-varjazzjoni tal-patrimonju tal-impriża li tassorbi lill-oħra ma hijiex differenti minn dik li tinħoloq permezz ta’ żieda fil-kapital azzjonarju tagħha jew tranżazzjonijiet oħrajn simili. Kieku l-offerenti preselezzjonati ma kinux jistgħu jwettqu dan it-tip ta’ tranżazzjonijiet korporattivi matul il-proċedura ristretta għall-għoti ta’ kuntratt, minħabba li dan jibdel l-identiċità materjali tagħhom, il-kapaċità korporattiva tagħhom kienet tkun inutilment imxekkla u b’mod sproporzjonat.

    72.

    Matul is-seduta, Telecom Italia spjegat l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fejn irrikonoxxiet li dan it-tip ta’ tranżazzjonijiet (inklużi l-amalgamazzjonijiet) ikunu irrilevanti, mill-perspettiva inkwistjoni, kieku jinvolvu operaturi ġodda fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt. Fl-opinjoni tiegħi, b’hekk tammetti li, fil-verità, l-ilment tagħha ma jirrigwardax il-preżervazzjoni tal-identiċità materjali tal-offerent preselezzjonat (minħabba li, jekk tiġi segwita t-teorija inizjali tagħha, tinbidel ukoll bl-assorbiment ta’ kwalunkwe impriża oħra) iżda il-perikoli ta’ kollużjoni li jistgħu jirriżultaw mill-amalgamazzjoni ma’ kandidat ieħor tal-istess sejħa għal offerti.

    73.

    Il-projbizzjoni tal-bidliet fl-istruttura azzjonarja tal-impriża preselezzjonata, waqt li tkun għaddejja l-proċedura ristretta għall-għoti ta’ kuntratt, tista’ twassal, barra minn hekk, għan-nuqqas ta’ ċertezza legali li jenfasizza l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fid-digriet tar-rinviju tiegħu ( 33 ).

    74.

    Proprju d-Direttiva 2014/24 tinkludi l-possibbiltà li, wara ristrutturazzjoni korporattiva (riżultat ta’, fost l-oħrajn, proċess ta’ amalgamazzjoni), kuntrattur ġdid jissostitwixxi lil dak magħżul bħala offerent rebbieħ, mingħajr in-neċessità li tinbeda proċedura ġdida għall-għoti ta’ kuntratt ( 34 ). Jekk il-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlatur issuġġetta din il-possibbiltà jiġu ssodisfatti ( 35 ), ma nsibx raġuni għaliex din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata wkoll fil-każ ta’ proċedurali tkun għaddejja ( 36 ).

    75.

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-possibbiltà ta’ kawża ta’ esklużjoni għal dan il-motiv għandha tidher espressament fid-dokumenti tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolawha. Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, minħabba li l-argumenti tas-sentenza Specializuotas transportas ( 37 ) huma applikabbli b’mod sħiħ fuq “il-fatt li jiġi impost fuq l-offerenti […] obbligu [li] la jinsab fid-dritt nazzjonali applikabbli u lanqas fis-sejħa għal offerti jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, [għalhekk] ma jikkostitwixxix kundizzjoni ddefinita b’mod ċar, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija” ( 38 ).

    3. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward (tal-bqija) tal-operaturi magħżula

    76.

    Fuq il-bażi tal-kontinwità bejn iż-żewġ operaturi preselezzjonati (il-kumpannija li tassorbi lill-oħra u dik assorbita), nikkunsidra li ma hemmx motivi sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-konfront tal-offerenti l-oħrajn. L-ebda wieħed minn dawn tal-aħħar ma jkollu jikkompeti ma’ operatur ekonomiku kompletament ġdid fil-proċedura ristretta, iżda ma’ wieħed li għandu konnessjoni materjali innegabbli maż-żewġ operaturi li wkoll kienu preselezzjonati u kellhom jiġu suġġetti għall-istess proċedura ta’ evalwazzjoni.

    77.

    Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-mument tal-preżentazzjoni tal-offerti, li f’dan il-każ huwa prinċipalment sinjifikattiv. Irrispettivament minn jekk sussegwentement ġietx amalgamata ma’ wieħed mill-operaturi preselezzjonati, il-fatt huwa li anki Enel Open Fiber għaddiet mill-proċedura ta’ preselezzjoni, anki jekk iċ-ċirkustanzi tagħha kienu differenti ħafna minn dawk ta’ parti terza li kienet ġiet mistiedna mingħajr ma kellha ssegwi l-proċedura li l-operaturi ammessi għall-proċedura ristretta kellhom josservaw.

    78.

    Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, li għandu l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni tajba u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku, jimponi li l-offerenti kollha għandhom jingħataw l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom. Għaldaqstant, jimplika li dawn l-offerti jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-kompetituri kollha ( 39 ), b’tali mod li l-effettività tagħhom tiġi estiża għall-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, b’mod partikolari, kemm fil-mument ta’ preparazzjoni tal-kandidaturi tagħhom kif ukoll tal-evalwazzjoni tagħhom mill-awtorità kontraenti ( 40 ).

    79.

    Il-fatt li l-amalgamazzjoni taż-żewġ operaturi seħħet wara d-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti, iżda qabel il-klassifikazzjoni definittiva ta’ dawn ( 41 ), setgħet tippreġudika lill-bqija tal-offerenti minħabba li tqegħedhom f’sitwazzjoni ta’ inugwaljanza? Ma naħsibx li huwa hekk. L-element determinanti huwa li l-kuntratt finalment jingħata lil min jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż tal-kuntratt, dejjem jekk l-offerent rebbieħ ma jkunx irċieva trattament privileġġat matul il-proċedura.

    80.

    B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, minħabba li hija proċedura ristretta, il-fatturi li ġejjin irriżultaw rilevanti:

    Minn naħa, il-fatt li Enel Open Fiber kienet debitament preselezzjonata u n-natura legali tagħha ma nbidlitx, anki jekk l-istruttura azzjonarja tagħha nbidlet meta assorbiet offerent ieħor.

    Min-naħa l-oħra, il-fatt li Metroweb Sviluppo, l-offerent assorbit, finalment ma ppreżenta l-ebda offerta, minkejja li kien ġie preselezzjonat. Fl-aħħar mill-aħħar, din l-informazzjoni timplika li l-amalgamazzjoni taż-żewġ operaturi rriżultat fil-preżentazzjoni ta’ offerta unika.

    81.

    Fil-verità, ir-rinunzja ta’ Metroweb għall-kandidatura tagħha lanqas ma kienet assolutament indispensabbli, f’termini tal-garanzija tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-offerenti marbuta bejniethom jistgħu jippreżentaw offerti fl-istess ħin u fl-istess proċedura, dejjem jekk ma jkunux “offerti kkoordinati jew miftiehma, jiġifieri mhux awtonomi u lanqas indipendenti, li jkunu jistgħu għaldaqstant jiksbulhom vantaġġi mhux iġġustifikati fil-konfront tal-offerenti l-oħra” ( 42 ).

    82.

    Fil-verità, ir-riskji possibbli ta’ kollużjoni li setgħu jitqajmu fir-rigward tat-tranżazzjoni ta’ amalgamazzjoni proprjament ma għandhomx x’jaqsmu ma’ bidla fl-identiċità materjali ta’ Enel Open Fiber, iżda mal-fatt li twettqu kuntatti inġusti bejn tnejn mill-offerenti, irrispettivament minn jekk kinux involuti fi proċedura ta’ amalgamazzjoni jew le.

    83.

    Xejn ma jindika li l-offerti ta’ Metroweb Sviluppo u ta’ Enel Open Fiber kienu kkoordinati jew miftiehma u, fi kwalunkwe każ, finalment waħda minnhom biss ġiet ippreżentata, b’tali mod li huwa eliminat ir-riskju ta’ kollużjoni.

    84.

    Barra minn hekk, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jeskludi espressament li l-ftehim ta’ amalgamazzjoni kien intiż li jevita r-regoli ta’ kompetizzjoni u li “kien sostanzjalment intiż sabiex jibdel il-bilanċ tas-sejħa għal offerti, għad-detriment tal-offerenti l-oħrajn u għall-awtorità kontraenti proprja […] Ma jistax jiġi ddikjarat li l-konċentrazzjoni mwettqa b’applikazzjoni tal-ftehim qafas tal‑10 ta’ Ottubru 2016 tirrappreżenta, minnha nnifisha, prattika kollużorja fost il-parteċipanti fis-sejħa għal offerti” ( 43 ).

    85.

    Minkejja kollox, wieħed jista’ jistaqsi f’liema każijiet amalgamazzjoni li tkun għaddejja tista’ tippreġudika l-prinċipju ta’ ugwaljanza. Ma neskludix li, b’mod astratt, dan jista’ jiġri meta, bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet ( 44 ), l-amalgamazzjoni tkun bdiet de facto topera, b’tali mod li jkun jista’ jsir skambju ta’ informazzjoni bejn l-operaturi kkonċernati—u preselezzjonati— li jista’ jqegħedhom f’sitwazzjoni ta’ vantaġġ fir-rigward tal-bqija tal-offerenti ( 45 ).

    86.

    Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan kienx il-każ f’din il-kawża, għalkemm, nirrepeti, jidher li, bħalma jintqal fid-digriet tar-rinviju, l-amalgamazzjoni strutturali taż-żewġ kumpanniji “tmur lil hinn minn ftehim kollużorju bejn żewġ offerenti intiżi li jibdlu l-bilanċ ta’ sejħa għal offerti” ( 46 ).

    87.

    Fil-qosor, il-preżentazzjoni ta’ offerta minn offerent matul l-amalgamazzjoni ma’ offerent ieħor magħżul ukoll ma hijiex inkompatibbli mal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/24, ħlief jekk iż-żewġ operaturi jikkoordinaw jew jiftiehmu l-aġir tagħhom, fil-kuntest ta’ proċedura ristretta għall-għoti ta’ kuntratt, b’tali mod li jkunu jistgħu jgawdu vantaġġi inġusti meta mqabbla mal-offerenti l-oħrajn, li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali.

    V. Konklużjoni

    88.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kif ġej:

    “L-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fi proċedura ristretta, operatur ekonomiku li kkonkluda ftehim ta’ amalgamazzjoni permezz ta’ assorbiment ma’ operatur ekonomiku ieħor magħżul ukoll jiġi ammess, dejjem jekk:

    tali ftehim ta’ amalgamazzjoni ma jkunx ġie implimentat la legalment u lanqas materjalment qabel il-fażi ta’ preżentazzjoni ta’ offerti; u

    iż-żewġ operaturi ma jkunux ikkoordinaw jew ftiehmu l-aġir tagħhom, fil-kuntest tal-proċedura ristretta għall-għoti ta’ kuntratt, b’tali mod li jkunu jistgħu jgawdu minn vantaġġi inġusti meta mqabbla mal-offerenti l-oħrajn, li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

    ( 3 ) Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2016 (C‑396/14, EU:C:2016:347).

    ( 4 ) Direttiva tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).

    ( 5 ) Digriet Leġiżlattiv Nru 50 tat‑18 ta’ April 2016 (GURI Nru 91, tad‑19 ta’ April 2016, Suppliment ordinarju Nru 10) li jittrasponi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 (iktar ’il quddiem il-“KKP”).

    ( 6 ) Open Fiber huwa l-isem ta’ Enel Open Fiber minn Diċembru 2016.

    ( 7 ) Ara l-punt 9 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2016 li tiddikjara l-kompatibbiltà mas-suq intern u mal-ftehim SEE tal-konċentrazzjoni (Każ M.8234 — Enel/CDP Equity/Cassa Depositi e Prestiti/Enel Open Fiber/Metroweb Italia).

    ( 8 ) ĠU 2016, C 427, p. 5.

    ( 9 ) Regolament tal-Kunsill tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

    ( 10 ) ĠU 2017, C 15, p. 1.

    ( 11 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2018, L 82, p. 17 u fil-ĠU 2015, L 114, p. 24).

    ( 12 ) Kawża C‑396/14, EU:C:2016:347.

    ( 13 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19.)

    ( 14 ) Kawża C‑396/14, EU:C:2016:347.

    ( 15 ) B’mod partikolari, Telecom Italia argumentat li kien hemm il-“ksur tal-prinċipju ta’ identiċità legali u ekonomika neċessarja bejn l-entitajiet preselezzjonati u dawk li jippreżentaw l-offerti li, fil-kuntest tal-proċedura ristretta, li huwa stabbilit fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/24/UE u fil-ġurisprudenza pertinenti tal-Qorti tal-Ġustizzja” (punt 7.3 tad-digriet tar-rinviju).

    ( 16 ) Punt 7.4 tad-digriet tar-rinviju.

    ( 17 ) B’dan il-mod, pereżempju, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400), punti 24 u 25; tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324), punti 15 u 16; tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov (C‑614/14, EU:C:2016:514), punt 19; tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874), punt 54; tat‑28 ta’ Marzu 2017 (Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), punti 50 u 155; tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551), punt 31; u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev (C‑571/16, EU:C:2018:807), punt 44.

    ( 18 ) Fil-punt 8.4, in fine, tad-digriet tar-rinviju jiġi ddikjarat li “[s]empliċiment tista’ tintlaħaq konklużjoni differenti fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn operaturi li huma offerenti fil-kuntest tal-istess proċedura ta’ sejħa għal offerti li huma intiżi li jwettqu tranżazzjoni, bħal amalgamazzjoni permezz ta’ assorbiment, li fil-prinċipju hija awtorizzata mill-ordinament tal-Unjoni proprju”.

    ( 19 ) “Il-qorti tar-rinviju tista’ tindika wkoll, fil-qosor, il-fehma tagħha dwar ir-risposta li għandha tingħata lid-domandi preliminari”. Indikazzjoni li “tkun utli għall-Qorti tal-Ġustizzja” (ĠU 2018, C 257, p. 1).

    ( 20 ) Ara l-punti 21 sa 23, 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 21 ) Fir-rigward ta’ dawn kollha, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, EU:C:2007:383), punt 18.

    ( 22 ) Kawża C‑396/14, EU:C:2016:347, punt 40.

    ( 23 ) Dan il-prinċipju “għandu l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku, jimponi li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għaldaqstant jimplika li dawn ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-kompetituri kollha”. Sentenza MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347), punt 38.

    ( 24 ) Sentenza MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347), punt 39.

    ( 25 ) Sentenza MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347), punt 41.

    ( 26 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2015:774), punt 48.

    ( 27 ) Dan jiġi spjegat fil-punti 10 u 42 tas-sentenza MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347).

    ( 28 ) Sentenza MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347), punt 44, enfasi miżjuda.

    ( 29 ) Kawża C‑396/14, EU:C:2016:347.

    ( 30 ) Punt 31 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

    ( 31 ) Kif tenfasizza Telecom Italia fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (punt 31), “f’dan ix-xenarju, id-destin legali-formali [ulterjuri] tal-kumpannija assorbita (Metroweb Sviluppo) ma huwiex ta’ interess […]; fil-verità, huwa biżżejjed li tvarja l-identiċità sostanzjali iktar milli dik legali, tal-kumpannija li tassorbi lill-oħra (Open Fiber) […] sabiex l-amalgamazzjoni tirriżulta inkompatibbli [mal-]prinċipju stabbilit fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2014/24”.

    ( 32 ) Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (ĠU 2011, L 110, p. 1), “merger permezz tal-akkwist” hija t-tranżazzjoni li permezz tagħha “kumpannija waħda jew aktar jiġu stralċjati mingħajr ma’ jispiċċaw f’likwidazzjoni u jittrasferixxu lil xi oħra l-attiv u l-passiv kollu tagħhom bi skambju għall-ħruġ lill-azzjonisti tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati ta’ ishma fil-kumpannija li qed takkwista u pagament fi flus, jekk ikun il-każ, li ma jeċċedix l-10 % tal-valur nominali tal-ishma hekk maħruġa jew, meta m’għandhomx valur nominali, tal-parità kontabbli tagħhom”.

    ( 33 ) “Jekk il-prinċipji li jistgħu jiġu dedotti mill-Artikolu 28(2) jittieħdu f’sens tant wiesa’, ikun diffiċli li l-konsegwenzi jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet kontraenti u jinħoloq ir-riskju kontinwu li tinħoloq l-invalidità ex post tal-atti ta’ għoti […] b’kuntrast evidenti mal-prinċipju ġenerali ta’ stabbiltà tas-sitwazzjonijiet legali” (punt 8.3 in fine tad-digriet tar-rinviju).

    ( 34 ) Il-każ inkwistjoni msemmi b’mod partikolari fit-tieni inċiż tal-Artikolu 27(1)(d) huwa dan li ġej: “suċċessjoni universali jew parzjali fil-pożizzjoni tal-kuntrattur inizjali, wara operazzjonijiet ta’ ristrutturar korporattiv, inkluż it-teħid ta’ pussess, amalgamazzjoni, akkwist jew insolvenza ta’ operatur ekonomiku ieħor li jissodisfa l-kriterji tal-għażla kwalitattiva inizjalment stabbiliti, dejjem jekk din ma twassalx għal modifiki sostanzjali oħrajn għall-kuntratt u ma għandhiex l-għan li tevita l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”.

    ( 35 ) Possibbiltà li tiġi spjegata kemm għall-finijiet tal-prinċipju ta’ żamma tal-kuntratt, kif ukoll sabiex ma tiġix ippreġudikata l-possibbiltà ta’ bidliet fl-azzjonisti, minħabba ndħil fl-iżvilupp normali tat-tranżazzjonijiet korporattivi. Dawn tal-aħħar jistgħu jiġu kkundizzjonati jekk il-bidliet li jseħħu fil-kapital kellhom effetti negattivi fuq il-proċeduri ristretta għall-għoti ta’ kuntratt. Għalhekk, il-kumpanniji spiċċaw imwaqqfa milli jwettqu l-proċessi ta’ ristrutturazzjoni korporattiva.

    ( 36 ) Skont il-premessa 110 tad-Direttiva 2014/24, “[…] l-offerent li jwettaq il-kuntratt għandu jkun jista’, b’mod partikolari fejn il-kuntratt ikun ingħata lill-aktar minn impriża waħda, li jgħaddi minn ċerti bidliet strutturali matul it-twettiq tal-kuntratt, bħar-riorganizzazzjonijiet purament interni, takeovers, amalgamazzjonijiet u akkwisti jew insolvenza. Tali bidliet strutturali ma għandhomx awtomatikament jirrikjedu proċeduri ta’ akkwist ġodda għall-kuntratti pubbliċi kollha mwettqa minn dak l-offerent”.

    ( 37 ) Sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018 (C‑531/16, EU:C:2018:324).

    ( 38 ) Ibidem, punt 24.

    ( 39 ) Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2015, eVigilo (C‑538/13, EU:C:2015:166), punt 33, b’riferiment għall-ġurisprudenza.

    ( 40 ) Fir-rigward ta’ dawn kollha, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Michaniki (C‑213/07, EU:C:2008:731), punt 45.

    ( 41 ) Kif diġà għidt (punt 17), l-amalgamazzjoni saret fit‑23 ta’ Jannar 2017, filwaqt li l-klassifikazzjoni provviżorja tal-offerenti rebbieħa tal-ħames lottijiet ġiet ippubblikata l-ġurnata ta’ wara, fl‑24.

    ( 42 ) Specializuotas transportas (C‑531/16, EU:C:2018:324), punt 29.

    ( 43 ) Digriet tar-rinviju, punt 8.4.

    ( 44 ) Li skontu, “[k]onċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja […] jew konċentrazzjoni li għandha tkun eżaminata mill-Kummissjoni […] ma għandhiex tkun implimentata qabel tkun notifikata jew qabel ma tkun dikjarata kompatibbli mas-suq komuni permezz ta’ deċiżjoni […]”.

    ( 45 ) Dan jirrigwarda l-każijiet inklużi fil-punt 29 tas-sentenza Specializuotas transportas (C‑531/16, EU:C:2018:324), imdaħħal qabel. Eventwalment, din l-ipoteżi tista’ sseħħ jekk, ladarba jkun beda l-proċess ta’ amalgamazzjoni qabel il-preżentazzjoni ta’ offerti, l-implementazzjoni materjali (u illegali) tiegħu qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkundizzjona l-kontenut tal-offerta ta’ Enel Open Fiber, bl-istess mod kif kien jiġri li kieku din l-istess impriża u Metroweb Sviluppo kienu kkoordinaw sabiex jallinjaw l-aġir tagħhom matul il-fażijiet suċċessivi tal-proċedura, għad-detriment tal-bqija tal-operaturi.

    ( 46 ) Digriet tar-rinviju, punt 8.4.

    Top