EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0694

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-22 ta’ Jannar 2019.
Pillar Securitisation Sàrl vs Hildur Arnadottir.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour de cassation (Lussemburgu).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materja ċivili u kummerċjali – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Artikolu 15 – Kuntratt konkluż minn konsumatur – Rabta mad-Direttiva 2008/48/KE – Kuntratt ta’ kreditu għall-konsumatur – Artikoli 2 u 3 – Kunċetti ta’ “konsumatur” u “transazzjonijiet” li għalihom tapplika d-direttiva” – Ammont massimu ta’ kreditu – Assenza ta’ rilevanza fid-dawl tal-Artikolu 15 tal‑Konvenzjoni ta’ Lugano II.
Kawża C-694/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:44

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-22 ta’ Jannar 2019 ( 1 )

Kawża C-694/17

Pillar Securitisation Sàrl

vs

Hildur Arnadottir

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation, Luxembourg (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materja ċivili u kummerċjali – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Direttiva 2008/48/KE – Kuntratt ta’ kreditu – Kunċetti ta’ konsumatur u ta’ użu estranju għall-attività professjonali”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda r-relazzjoni bejn id-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “konsumatur” li jidhru f’żewġ atti legali differenti, li jaqgħu taħt il-kompetenza interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.

B’mod iktar speċifiku, f’din il-kawża, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ self li, skont l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48/KE ( 2 ), ma jaqax taħt din id-direttiva għar-raġuni li l-ammont totali ta’ kreditu mogħti fuq il-bażi ta’ dan il-kuntratt huwa ogħla minn EUR 75 000, għandhiex awtomatikament titqies li ma hijiex konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 3 ).

3.

Fil-fatt, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk il-kunċett stabbilit mid-Direttiva 2008/48, li tarmonizza ċerti regoli dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi, għandux influwenza determinanti fuq l-interpretazzjoni ta’ regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita mil-leġiżlatur għall-protezzjoni tal-konsumaturi f’tilwimiet transkonfinali tagħhom ma’ negozjanti. Għalhekk, din il-kawża ser tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiżviluppa l-ġurisprudenza reċenti tagħha, ikkristallizzata fis-sentenzi Vapenik ( 4 ) u Kainz ( 5 ), dwar ir-riċerka ta’ koerenza bejn il-kunċetti tad-dritt internazzjonali privat fi ħdan is-sistema tad-dritt tal-Unjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Il-Konvenzjoni ta’ Lugano II

4.

It-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi, fit-Taqsima 4, intitolat “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti konsumeristiċi”, l-Artikolu 15, li jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“F’materji relatati ma’ kuntratt li jsir minn persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus lil hinn mis-sengħa jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tkun stabbilita minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5(5), jekk:

a)

ikun kuntratt għall-bejgħ ta’ merċi abbażi ta’ termini ta’ kreditu bin-nifs, jew;

b)

ikun kuntratt ta’ self li jitħallas lura bin-nifs, jew bi kwalunkwe forma oħra ta’ kreditu, magħmul sabiex jiffinanzja l-bejgħ ta’ merċi, jew;

ċ)

fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun sar ma’ persuna li teżerċita attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni tad-domiċilju tal-konsumatur jew li, bi kwalunkwe mezz, tidderiġi dawk l-attivitajiet lejn dak l-Istat jew lejn diversi Stati li jinkludu dak l-Istat, u l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ tali attivitajiet.”

5.

Skont l-Artikolu 16(2) ta’ din il-Konvenzjoni:

“Jistgħu jiġu istitwiti proċedimenti kontra konsumatur, mill-parti l-oħra fil-kuntratt, biss fil-qrati ta’ l-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

6.

L-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jippermetti lill-partijiet li jagħtu, permezz ta’ ftehim, il-ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu jqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, lil qorti jew qrati ta’ Stat marbut b’din il-Konvenzjoni. Madankollu, fir-rigward tal-proċeduri fil-qasam ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi, skont it-Taqsima 4 tal-imsemmija konvenzjoni, l-Artikolu 17 tiegħu jipprovdi:

“In-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima hija ammessa biss bi ftehim:

1.   li jkun intlaħaq wara li tkun inqalgħet id-disputa, jew

2.   li jippermetti lill-konsumatur li jistitwixxi proċedimenti fi qrati diversi minn dawk indikati f’din it-Taqsima, jew

3.   li jkun intlaħaq bejn il-konsumatur u l-parti l-oħra fil-kuntratt, li t-tnejn ikunu fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt domiċiljati jew jirrisjedu abitwalment fl-istess Stat marbut b’din il-Konvenzjoni, u li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni fuq il-qrati ta’ dak l-Istat, sakemm dak il-ftehim ma jmurx kontra l-liġi ta’ dak l-Istat.”

B.   Id-Direttiva 2008/48

7.

Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2008/48:

“Id-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-Direttiva jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-armonizzazzjoni. L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif iddeterminat b’dawn id-definizzjonijiet. Madankollu, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-Istati Membri, b’mod konformi mal-liġi Komunitarja, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal oqsma mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Stat Membru għandu b’hekk ikun jista’ jżomm jew jintroduċi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkorrispondi għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha dwar ftehim ta’ kreditu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, per eżempju dwar ftehim ta’ kreditu li jinvolvu ammonti inqas minn EUR 200 jew iktar minn EUR 75000. […]”

8.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi li:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal ftehim ta’ kreditu.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

[…]

(ċ)

ftehim ta’ kreditu li jinvolvu ammont totali ta’ kreditu inqas minn EUR 200 jew aktar minn EUR 75000;

[…]”

9.

L-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2008/48 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “konsumatur” bħala “persuna fiżika li, fit-tranżazzjonijiet koperti minn din id-Direttiva, tkun qed taġixxi għal finijiet li huma barra mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali

10.

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, Hildur Arnadottir, residenti fl-Islanda fix-xahar ta’ Marzu 2005 ħadet self ta’ ammont ekwivalenti għal iktar minn miljun euro mingħand il-kumpannija Kaupthing Bank Luxembourg. Dan is-self kien maħsub sabiex jippermetti lill-konvenuta fil-kawża prinċipali tixtri ishma tal-kumpannija Islandiża Bakkavör Group hf, li tagħha hija kienet waħda mid-diretturi. Dan is-self kien rimborsabbli fi ħlas wieħed sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Marzu 2010.

11.

Il-ħlas ta’ kreditu ġie ggarantit minn garanzija ta’ Bakkavör Group, iffirmat mill-konvenuta fil-kawża prinċipali u diriġent ieħor ta’ din il-kumpannija.

12.

Kaupthing Bank Luxembourg sussegwentement inqasmet f’żewġ entitajiet. Waħda minnhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-kumpannija Pillar Securitisation Sàrl, talbet quddiem il-qrati Lussemburgiżi r-rimbors tas-self meħud mill-konvenuta fil-kawża prinċipali abbażi tal-klawżola tal-kuntratt ta’ self li jattribwixxu ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar.

13.

Fl-ewwel istanza, it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali, il-Lussemburgu) iddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża minħabba li l-konvenuta fil-kawża prinċipali kellha titqies bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Għaldaqstant, skont din il-qorti, il-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Lussemburgu kellha tiġi miċħuda peress li ma kinitx tissodisfa d-dispożizzjonijiet derogatorji tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

14.

Fit-tieni istanza, il-Cour d’appel (il-Qorti tal-Appell, il-Lussemburgu) ikkonfermat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Lussemburgiżi biex jagħtu deċiżjoni dwar it-talba.

15.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat appell fil-kassazzjoni, li fih hija fformulat tliet aggravji distinti.

16.

Jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju tqis li l-ewwel aggravju ma huwiex fondat u, min-naħa l-oħra, li t-tieni u t-tielet aggravji għadhom ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni finali ta’ din il-qorti.

17.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkritika lill-cour d’appel (il-Qorti tal-Appell) talli qieset li l-investiment imwettaq mill-konvenuta fil-kawża prinċipali bħala riżultat tal-ftehim ta’ self kien sar għal skopijiet mhux professjonali.

18.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ibbażat fuq ksur ta’ din l-istess dispożizzjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tilmenta li l-qorti tal-appell ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntratt ta’ self konkluż mill-konvenuta ma jaqax taħt id-Direttiva 2008/48, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kuntratti ta’ kreditu li s-somma totali tagħhom taqbeż EUR 75000. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, anki jekk il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II huwa kunċett awtonomu, kuntratt ta’ self li s-somma totali tiegħu taqbeż EUR 75000 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ konsum għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

19.

Fid-dawl ta’ dawn l-aggravji, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tistaqsi jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 għandux impatt fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

IV. Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation de Luxembourg (il-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Lussemburgu) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu li, fid-dawl tal-ammont totali tal-kreditu, ma huwiex kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, persuna tista’ titqies bħala ‘konsumatur’ fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano tat-30 ta’ Ottubru 2007 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, fl-assenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva għal oqsma li ma humiex koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, peress li l-kuntratt ġie konkluż għal użu li jista’ jitqies bħala estranju għall-attività professjonali tagħha?”

21.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2017.

22.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Lussemburgiż, il-Gvern Portugiż u l-Gvern Svizzeru kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja.

V. Evalwazzjoni

A.   Kummenti preliminari

23.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timplimenta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 għal oqsma li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, persuna li tkun kkonkludiet għall-finijiet privati kuntratt ta’ kreditu li, minħabba l-ammont totali tiegħu, ma jaqax taħt din id-direttiva, tistax xorta waħda titqies bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

24.

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li huma t-tieni u t-tielet aggravji tal-appell tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li wassluha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Madankollu, it-tieni aggravju ma jirrigwardax l-koerenza bejn din il-konvenzjoni u d-Direttiva 2008/48. Jidher li, permezz ta’ dan l-aggravju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkontesta l-fatt li l-konvenuta fil-kawża prinċipali aġixxiet għal finijiet privati matul il-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

25.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, tindika li għandha dubji rigward din l-evalwazzjoni stess tal-qorti tar-rinviju. Fir-rigward tal-Gvern Lussemburgiż, mingħajr ma kkontesta din il-klassifikazzjoni tal-fatti, illimita ruħu li jifformula, b’mod astratt, osservazzjonijiet dwar in-natura u l-għan tal-kuntratti konklużi minn konsumaturi.

26.

Madankollu, jidhirli li t-tieni aggravju tal-appell, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni joqgħodu fuq il-premessa li fuqha bbażat ruħha l-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mitluba tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk, bl-eċċezzjoni tal-ammont totali ta’ kreditu, fatti oħra fil-kawża prinċipali jistgħux ikunu favur it-teżi li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma għandhiex titqies bħala konsumatur.

27.

Fi kwalunkwe każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda informazzjoni li tippermetti analiżi ex officio ta’ din il-kwistjoni fil-fond. L-informazzjoni kollha disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja ġejja mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li tikkontesta n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Lussemburgiżi sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikors tagħha. Għaldaqstant, indipendentement mid-dubji li jista’ jkun hemm f’dan ir-rigward, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, jien mhux ser neżamina l-kwistjoni dwar jekk il-konvenuta fil-kawża prinċipali aġixxietx għal finijiet privati matul il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu. Għalhekk, ser nillimita dawn il-konklużjonijiet għall-analiżi tal-kwistjonijiet ġuridiċi riflessi fid-domanda preliminari, kif ġiet ifformulata mill-qorti tar-rinviju.

B.   Pożizzjoni tal-partijiet

28.

Hija biss ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tikkunsidra li l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jipprekludi li jiġi kkunsidrat bħala konsumatur min qed jissellef li jkun kkonkluda kuntratt ta’ kreditu li, minħabba l-ammont tiegħu, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48. Fl-ewwel lok, billi bbażat ruħha fuq ir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni ta’ Lugano II, ippreparat mill-Professur Fausto Pocar ( 6 ), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 ta’ din il-konvenzjoni għandha ssir fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2008/48 ( 7 ). Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis, essenzjalment, li, billi eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-kuntratti ta’ kreditu ta’ ammont ogħla minn EUR 75000, il-leġiżlatur ikkunsidra li l-persuni li jidħlu f’kuntratti ta’ kreditu ogħla ma kellhomx bżonn ta’ protezzjoni partikolari. Il-benefiċċju ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni bħal fl-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma għandux jiġi estiż sabiex jinkludi persuni li fil-konfront tagħhom ma tkunx iġġustifikata protezzjoni partikolari.

29.

Min-naħa l-oħra, il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Gvern Portugiż u dak Svizzeru, kif ukoll il-Kummissjoni, iqisu li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma taqax taħt id-Direttiva 2008/48. Huma jqisu, essenzjalment, li l-kunċett ta’ “konsumatur” li jinsab f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u, għal dan il-fatt, indipendenti mil-limiti dwar l-ammont totali tal-kreditu, kif speċifikat fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48.

C.   Analiżi

30.

Id-domanda preliminari, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, tirrigwarda l-kunċetti ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tad-Direttiva 2008/48. Madankollu, il-vera problema prinċipali legali li tqajjem din il-kawża ma tirrigwardax direttament id-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “konsumatur”, kif jidher fil-Konvenzjoni ta’ Lugano II u fid-Direttiva 2008/48, iżda dawk il-kunċetti ta’ “ftehim” u ta’ “tranżazzjoni” li jidhru fl-Artikolu 15 tal-imsemmija konvenzjoni u l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva.

31.

Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ atti legali, il-qofol tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” huwa sostanzjalment identiku.

32.

Skont l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2008/48, “konsumatur” tfisser kull persuna fiżika li, fit-tranżazzjonijiet koperti minn din id-direttiva, taġixxi “għal finijiet li huma barra mis-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”.

33.

Bl-istess mod, skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-konsumatur huwa persuna li tikkonkludi kuntratt “li jista’ jitqies bħala estranju għall-attività professjonali tagħha”.

34.

Għalhekk, tal-inqas fil-kuntest ta’ din il-kawża, id-differenza ewlenija bejn id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2008/48 u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II hija dwar il-fatt li konsumatur jintervjeni, rispettivament, f’“kuntratt li jsir [minnu]” u f’“tranżazzjonijiet koperti [mid-Direttiva 2008/48]”.

35.

Għalkemm id-Direttiva 2008/48 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “tranżazzjoni”, hija madankollu tispeċifika, fl-Artikolu 2(2) tagħha, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, il-kuntratti li ma tapplikax għalihom. B’mod partikolari, jirriżulta mill-Artikolu 2(2)(ċ) li din id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti ta’ kreditu li l-ammont totali huwa inqas minn EUR 200 jew ta’ iktar minn EUR 75000.

36.

Għall-kuntrarju, it-tieni parti tal-Artikolu 15(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II tispeċifika għal liema kuntratti, konklużi minn konsumatur fis-sens imsemmi iktar ’il fuq, japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tat-Taqsima 4 ta’ din il-konvenzjoni. Issa, il-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma tillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għal kuntratti li għalihom l-ammont huwa inqas jew ogħla minn ċertu valur.

37.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, biex nikkonkludi din il-parti tal-analiżi tiegħi, il-kunċett ta’ “kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u dik ta’ “tranżazzjoni” fis-sens tad-Direttiva 2008/48 huma indipendenti minn xulxin fir-rigward tal-ammont totali ta’ kreditu mogħti lil min jissellef. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “tranżazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48 jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u ma hijiex intiża li tiġi applikata barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, id-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “konsumatur”, li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Lugano II u fid-Direttiva 2008/48, li jikkaratterizzaw konsumatur b’riferiment, rispettivament, għal “kuntratt” u “tranżazzjoni”, jidhirli li huma indipendenti minn xulxin, għall-inqas fir-rigward tal-ammont totali ta’ kreditu mogħti bis-saħħa ta’ kuntratt inkwistjoni.

38.

Issa ser inqabbel, fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mill-partijiet, l-interpretazzjoni ppreżentata iktar ’il fuq, fl-ewwel lok, mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-idea ta’ koerenza tal-kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li tinsab fiha u, fit-tieni lok, l-ispjegazzjonijiet tar-rapport Pocar, dwar l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, fid-dawl tal-formulazzjoni tad-domanda preliminari, ser nanalizza l-impatt possibbli tal-għażla leġiżlattiva dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/48 fid-dritt nazzjonali dwar ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda.

1. Koerenza tal-kunċetti fid-dritt tal-Unjoni

39.

Nista’ nifhem l-argument imressaq minn uħud mill-partijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza Vapenik ( 8 ), li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, kif ukoll il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, huwa xieraq li, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “konsumatur” li jinsab f’regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni.

40.

Jidhirli li huwa ċar li l-messaġġ prinċipali ta’ din is-silta mis-sentenza Vapenik ( 9 ) ma jirrigwardax biss l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur”, imma l-kunċetti kollha tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, ma jidhirlix li hija konvinċenti l-idea li l-kunċett ta’ “kuntratt” għandu jiġi interpretat fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, fid-dawl tal-kunċett ta’ “tranżazzjonijiet”, skont l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(c) ta’ din id-direttiva.

41.

Huwa minnu li l-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma torbotx biss lill-Istati Membri tal-Unjoni. Madankollu, għalkemm il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II huwa iktar wiesa’ minn dak tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 10 ) u s-suċċessur tiegħu, ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 11 ), ir-rilevanza tal-messaġġ prinċipali tas-sentenza Vapenik ( 12 ) fil-kuntest ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li din il-konvenzjoni u dawn ir-regolamenti għandhom l-istess suġġett, l-istess struttura u l-istess regoli ta’ ġurisdizzjoni ( 13 ). Barra minn hekk, il-qrati msejħa sabiex japplikaw u jinterpretaw il-Konvenzjoni ta’ Lugano II huma obbligati li jiżguraw interpretazzjoni konverġenti tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-imsemmija istrumenti ( 14 ). Għaldaqstant, fl-ewwel lok, il-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandha tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ interazzjoni kostanti bejn is-sistema ta’ Brussell u s-sistema ta’ Lugano ( 15 ). Fit-tieni lok, bħad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija regolamenti, il-kunċetti li jinsabu fl-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, prinċipalment b’riferiment għas-sistema u l-għanijiet tal-konvenzjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dik il-konvenzjoni fl-Istati kollha marbutin biha ( 16 ).

42.

Madankollu, ma naħsibx li huwa possibbli li jinsiltu mis-sentenza Vapenik ( 17 ) insenjamenti li jippermettu li wieħed jagħti risposta negattiva għad-domanda preliminari li saret f’din il-kawża.

43.

L-ewwel nett, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 ( 18 ) li dan jagħmel parti mill-qafas legali li bih l-Unjoni għandha tiżviluppa kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili b’implikazzjonijiet transkonfinali. Minħabba f’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li fid-dawl tan-natura kumplimentari tar-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 805/2004 fir-rigward ta’ dawk li jistabbilixxi r-Regolament Nru 44/2001, id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar huma partikolarment rilevanti ( 19 ). Imbagħad, għal darba oħra fil-kuntest tal-koerenza tal-istrumenti legali tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq ( 20 ) id-Direttiva 93/13/KE ( 21 ) u r-Regolament (KE) Nru 593/2008 ( 22 ). Tidher ovvja l-għażla ta’ dawn iż-żewġ strumenti legali tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest previst fis-sentenza Vapenik ( 23 ). Ir-Regolament Nru 593/2008 jintroduċi regoli ta’ kunflitt li, min-naħa tagħhom, huma kumplimentari għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tar-Regolament Nru 44/2001 ( 24 ), filwaqt li d-Direttiva 93/13, anki jekk tarmonizza, bħad-Direttiva 2008/48, dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv, tapplika, bħala prinċipju, għall-kuntratti kollha tal-konsumatur u, bħala tali, tistabbilixxi standard universali ( 25 ) ta’ protezzjoni għall-konsumaturi fl-Unjoni ( 26 ).

44.

Għalhekk, fid-dawl tas-sentenza Vapenik ( 27 ), l-għażla tal-istrumenti legali tad-dritt tal-Unjoni kkunsidrati fl-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ att ieħor ma tkunx aleatorja. Huwa sintomatiku li, anki għalkemm il-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tikkonċerna l-ħlas dovut taħt kuntratt ta’ self ta’ flus, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx riferiment għad-Direttiva 2008/48. F’dan ir-rigward, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, ma naħsibx li d-Direttiva 2008/48 jista’ jkollha influwenza determinanti fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

45.

Fit-tieni lok, fis-sentenza Vapenik ( 28 ), il-Qorti tal-Ġustizzja siltet mit-tliet strumenti legali tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq insenjament uniku ta’ portata pjuttost wiesgħa, li jgħid li l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi previst fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li huwa intiż li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn il-partijiet fil-kuntratti konklużi bejn konsumatur u professjonist, jeskludi l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal persuni li fir-rigward tagħhom din il-protezzjoni ma hijiex ġġustifikata ( 29 ). Issa, l-idea li, minħabba modalità ta’ kuntratt bħall-ammont totali ta’ kreditu, parti f’dan il-kuntratt ma għandhiex titqies bħala konsumatur fis-sens tad-direttiva, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala tali insenjament ta’ portata ġenerali, paragunabbli ma’ dak imsemmi fis-sentenza Vapenik ( 30 ).

46.

Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, anki fil-kuntest tar-regolamenti li, kif jistabbilixxu l-premessi tagħhom, ifittxu konkordanza ( 31 ) b’mod espliċitu, jiġifieri r-Regolamenti Nri 864/2007 u 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fis-sentenza Kainz ( 32 ), li ġiet wara s-sentenza Vapenik ( 33 ), li “[f]l-ebda każ il-koerenza mixtieqa ma tista’ twassal għal interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li ma għandha l-ebda rabta mas-sistema u mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament”.

47.

Fil-fatt, l-għanijiet tad-Direttiva 2008/48 u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jvarjaw b’mod kunsiderevoli. Id-Direttiva 2008/48 għandha l-għan li tarmonizza ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet relatati mal-informazzjoni lill-konsumatur jew min jissellef, filwaqt li l-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandha l-għan li tistabbilixxi r-regoli li jippermettu li tiġi identifikata l-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar tilwima fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Dwar din il-konvenzjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, Taqsima 4 tagħha ġew ispirati minn raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur bħala parti fil-kuntratt meqjusa ekonomikament iktar dgħajfa u legalment b’inqas esperjenza mill-kokontraent tiegħu.

48.

Il-paragun propost mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari, jiġifieri li l-limiti dwar l-ammont totali ta’ kreditu tad-Direttiva 2008/48 jiddefinixxu l-portata tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, jirriżulta f’sitwazzjoni fejn il-persuni li kkonkludew kuntratt ta’ kreditu meta l-ammont ikun inqas minn EUR 200 ma jitqisux bħala “konsumaturi” u ma jistgħux jinvokaw din id-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Madankollu, jidhirli li dan ma huwiex konformi mal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Huwa ċar li ma hemm ebda differenza sostanzjali dwar id-dgħufija preżunta ta’ persuna li kkonkludiet kuntratt ta’ kreditu ta’ EUR 100 meta mqabbla ma’ dik li kkonkludiet kuntratt ta’ EUR 200.

49.

Fil-qosor, huwa possibbli li wieħed jispira ruħu minn strumenti legali oħrajn tad-dritt tal-Unjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, jew dawk tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni b’mod ġenerali. Dawn l-istrumenti jistgħu għalhekk jikkostitwixxu indizji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata għal kunċetti li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet.

50.

Madankollu, fil-kuntest ta’ tali interpretazzjoni li hija bbażata fuq strumenti legali oħra tad-dritt tal-Unjoni, hija meħtieġa kawtela quddiem il-perikolu li wieħed jasal għal konklużjonijiet eċċessivi. Għalhekk, l-ewwel nett, dawn l-istrumenti legali jridu jkunu magħżula b’reqqa minħabba r-relazzjoni tagħhom mal-att interpretat u r-rwol tagħhom fis-sistema tad-dritt tal-Unjoni. It-tieni nett, għalkemm jista’ jinkiseb minn tali sorsi ta’ ispirazzjoni insenjamenti ta’ portata ġenerali, dawn madankollu ma jistgħux jirrigwardaw dettalji żgħar li l-leġiżlatur tal-Unjoni jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ istrumenti legali li jkollhom portata speċifika u limitata. It-tielet u fl-aħħar nett, interpretazzjoni koerenti tal-kunċetti inklużi f’atti tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni ma tistax twassal biex tagħti lid-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti interpretazzjoni li hija estranja għas-sistema u għall-għanijiet tagħhom.

51.

Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn it-tliet kunsiderazzjonijiet, il-paragun li hemm fid-domanda preliminari fir-rigward tal-kunċetti tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tad-Direttiva 2008/48 ma jistax jiġi sostnut.

2. Ir-rapport Pocar

52.

Kif indikaw diversi partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, jirriżulta mill-punt 81 tar-rapport Pocar li l-aspett wiesa’ tal- kunċett ta’ kuntratti konklużi minn konsumaturi, fil-kuntest tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, jinkludi l-kuntratti kollha rregolati mid-direttivi tal-Unjoni bħala “kuntratti konklużi mill-konsumaturi”, inklużi l-kuntratti fejn kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil konsumatur kreditu fil-forma ta’ terminu għal ħlas, ta’ self jew ta’ faċilità finanzjarja simili oħra, sa fejn dawn huma koperti mid-Direttiva 87/102/KEE ( 34 ), li, infakkar, kienet tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2008/48 ( 35 ).

53.

Madankollu, il-konklużjoni li tiġbed ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minn din is-silta tar-rapport Pocar, li tgħid li hemm lok li tingħata risposta negattiva għad-domanda preliminari, tidher li ma tikkorrispondix mal-intenzjoni tal-awtur ta’ dan ir-rapport.

54.

Bħall-Kummissjoni, nikkunsidra li, biex wieħed jifhem il-punt 81 tar-rapport Pocar, għandu jkun sew fil-mira r-rwol tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II fis-sistema tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, li stabbilixxiet din il-konvenzjoni.

55.

Taħt il-predeċessur tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, jiġifieri l-ewwel Konvenzjoni ta’ Lugano ( 36 ), id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tat-Taqsima 4 tagħha kienu applikabbli, skont l-Artikolu 13 ta’ din il-konvenzjoni, għal ċerti kategoriji limitati ta’ kuntratti. L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II wessa’ kunsiderevolment il-firxa ta’ kuntratti koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima.

56.

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 81 tar-rapport Pocar, filwaqt li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13(3), tal-Konvenzjoni ta’ Lugano isemmi “kull kuntratt ieħor li għandu bħala għan il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti mobbli korporali”, l-Artikolu 15(1)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jirreferi għall-“każijiet l-oħra kollha”, mingħajr ebda preċiżazzjoni restrittiva fir-rigward tal-oġġett ta’ kuntratt ikkonċernat. Biex juri t-tfassil mill-ġdid tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tat-Taqsima 4 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, ir-rapport Pocar jirreferi għal diversi direttivi tad-dritt tal-Unjoni. Issa, dawn ir-riferimenti ma jistgħux jinftiehmu fis-sens li l-kampijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi minn naħa, u dawk tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, min-naħa l-oħra kienu ġew ikkoordinati sal-iċken dettall. Min-naħa l-oħra, dawk ir-riferimenti jservu ta’ eżempju għal kuntratti li, fid-dawl tal-oġġett tagħhom, huma koperti mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tat-Taqsima 4 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

57.

Għalhekk, qari tar-rapport Pocar ma jippermettix li jiġi konkluż li kuntratt li, fid-dawl tal-għan tiegħu, b’mod ġenerali, jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 imma li, minħabba l-ammont sħiħ tal-kreditu, huwa eskluż minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni, ma huwiex awtomatikament kopert mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II.

3. L-impatt tal-għażla leġiżlattiva dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/48 fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari

58.

Il-formulazzjoni tad-domanda preliminari titlob verifika dwar jekk ir-risposta għal din id-domanda tiddependix mill-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li japplika d-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva 2008/48 għal oqsma li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Din il-fakultà tal-Istati Membri hija rrikonoxxuta b’mod espliċitu fil-premessa 10 tad-Direttiva 2008/48, li tgħid, “Stat Membru għandu b’hekk ikun jista’ jżomm jew jintroduċi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkorrispondi għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jew xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha dwar ftehim ta’ kreditu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, pereżempju dwar ftehim ta’ kreditu li jinvolvu ammonti inqas minn EUR 200 jew iktar minn EUR 75000”.

59.

Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-kunċetti tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, is-sempliċi konstatazzjoni li wieħed jista’ jasal għaliha huwa li l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/48 hija irrilevanti fil-kuntest tal-problema ġuridika mqajma mid-domanda preliminari.

60.

Barra minn hekk, kif josserva l-Gvern Svizzeru, għandu jitqies il-fatt li xi wħud mill-Istati marbutin mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II ma japplikawx id-Direttiva 2008/48. Għaldaqstant, indipendentement mill-interpretazzjoni mogħtija tad-domanda preliminari, jista’ jkun li, jekk ikun il-każ, id-dritt tal-Istat ikkonċernat ma jkun fih l-ebda traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/48.

61.

Fid-dawl tal-analiżi esposta iktar ’il fuq, inqis li persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu għal finijiet privati ma titlifx il-kwalità tagħha ta’ konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, meta l-kuntratt inkwistjoni ma jaqax taħt id-Direttiva 2008/48 minħabba l-ammont totali tal-kreditu. Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-limiti dwar l-ammont totali ta’ kreditu, previsti fl-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva ma jistgħux jiġu trasposti fl-Artikolu 15(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II ( 37 ). Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu fir-rapport Pocar ( 38 ). Fl-aħħar nett, qorti li tikkunsidra l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, ma hijiex marbuta b’dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt sostantiv, adottati waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/48. Il-paragun previst fil-kuntest ta’ domanda preliminari ma huwiex neċessarju ( 39 ).

VI. Konklużjoni

62.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation (Luxembourg) (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu):

L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, li l-konklużjoni tagħha kienet ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas-27 ta’ Novembru 2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu għal finijiet privati ma titlifx il-kwalità tagħha ta’ konsumatur fis-sens ta’ dan l-artikolu jekk il-kuntratt inkwistjoni ma jaqax taħt id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE minħabba l-ammont totali tal-kreditu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, u ĠU 2011, L 234, p. 46).

( 3 ) Konvenzjoni, iffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007, (ĠU 2009, L 147, p. 5) li l-konklużjoni tagħha kienet ġie approvata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni 2009/430/KE tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano II”).

( 4 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 (C‑508/12, EU:C:2013:790).

( 5 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑45/13, EU:C:2014:7).

( 6 ) ĠU 2009, C 319, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“rapport Pocar”.

( 7 ) Ara l-punt 81 tar-rapport Pocar.

( 8 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 (C‑508/12, EU:C:2013:790, punt 25).

( 9 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 (C‑508/12, EU:C:2013:790, punt 25).

( 10 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

( 11 ) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

( 12 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 (C-508/12, EU:C:2013:790, punt 25).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/03 (il-Konvenzjoni ġdida ta’ Lugano) tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 152).

( 14 ) Ara l-Protokoll Nru 2 dwar l-interpretazzjoni uniformi tal-konvenzjoni u fuq il-kumitat permanenti (ĠU 2007, L 339, p. 27). Ara wkoll is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Schlömp, (C‑467/16, EU:C:2017:993, punt 47).

( 15 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi għall-kawża Schlömp (C‑467/16, EU:C:2017:768, punt 23).

( 16 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 22), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑375/13, EU:C:2014:2135, punt 33).

( 17 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 (C‑508/12, EU:C:2013:790).

( 18 ) Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38).

( 19 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Vapenik (C‑508/12, EU:C:2013:790, punt 25). Fir-rigward tan-natura kumplimentari tar-Regolament Nru 805/2004, ara wkoll il-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, li tgħid li talba għal ċertifikazzjoni bħala titolu eżekuttiv Ewropew għal krediti mhux ikkontestati għandha tkun fakultattiva għall-kreditur, li jista’ wkoll jagħżel is-sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni prevista fir-Regolament Nru 44/2001 jew minn strumenti oħrajn tal-Unjoni.

( 20 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Vapenik (C‑508/12, EU:C:2013:790, punti 2629).

( 21 ) Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 22 ) Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6).

( 23 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 (C‑508/12, EU:C:2013:790).

( 24 ) F’dan ir-rigward, jiena nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet raġunament simili fis-sentenzi tas-26 ta’ Mejju 1982, Ivenel (133/81, EU:C:1982:199, punt 15), u tat-8 ta’ Marzu 1988, Arcado (9/87, EU:C:1988:127, punt 15). F’dawk is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għal dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, iffirmata f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1980, C 282, p. 1), meta interpretat waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32). Għal eżempju ieħor ta’ dan ir-raġunament, ara s-sentenza Baten (C‑271/00, EU:C:2002:656, punt 43), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tal-aħħar fid-dawl tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), li stabbilixxa regoli għall-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali nazzjonali.

( 25 ) F’dak li jirrigwarda r-rwol tad-Direttiva 93/13 fis-sistema tad-dritt tal-Unjoni, ara l-konklużjonijiet riċenti tiegħi fil-kawżi Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2018:724, punti 52 sa 55).

( 26 ) Fuq l-istess binarju, ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:574, punti 4142), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 44/2001 fid-dawl tal-interpretazzjonijiet mogħtija lil dan il-kunċett fil-kuntest tal-Artikolu 45 TFUE u ta’ diversi atti leġiżlattivi tal-Unjoni. Għalhekk, fuq il-bażi ta’ dawn l-interpretazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikostruwixxiet id-definizzjoni universali, jew għall-inqas il-portata ġenerali tal-kunċett ta’ “ħaddiem” fid-dritt tal-Unjoni.

( 27 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 (C‑508/12, EU:C:2013:790).

( 28 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 (C‑508/12, EU:C:2013:790, punti 26 sa 31).

( 29 ) Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 28), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat is-sentenza Vapenik li l-kunċett ta’ “konsumatur” li jinsab f’regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi kkunsidrat ukoll. Madankollu, bl-eċċezzjoni ta’ riferiment pjuttost ġenerali għall-Artikolu 169(1) TFUE, is-sentenza Schrems ma tinkludix riferimenti għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni. B’mod iktar speċifiku, wara li rreferiet għall-Artikolu 169(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” li teskludi ċerti attivitajiet tkun qed tipprevjeni difiża effettiva tad-drittijiet li l-konsumaturi għandhom fir-rigward tal-kokontraenti professjonali tagħhom u li interpretazzjoni bħal din tikser l-iskop, stabbilit f’dan l-Artikolu tat-Trattat, li jippromwovu d-dritt tagħhom li jorganizzaw ruħhom sabiex jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom. Wieħed jista’ jargumenta li, minkejja r-riferiment għas-sentenza Vapenik fis-sentenza Schrems (punt 28), din ma kinitx interpretazzjoni kkoordinata tal-kunċett ta’ “konsumatur” imma interpretazzjoni sistematika li tippermetti li tiżgura l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni u tal-għan tagħha tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

( 30 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 (C‑508/12, EU:C:2013:790).

( 31 ) Skont il-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007 L 199, p. 40), il-kamp ta’ applikazzjoni materjali u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu koerenti mar-Regolament Nru 44/2001 u l-istrumenti relatati mal-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali.

( 32 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014 (C‑45/13, EU:C:2014:7, punt 20).

( 33 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013 (C‑508/12, EU:C:2013:790).

( 34 ) Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326).

( 35 ) Ninnota f’dan ir-rigward li dawn il-partijiet jagħtu interpretazzjonijiet differenti lill-punt 81 tar-Rapport Pocar. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandha tkun fid-dawl tad-Direttiva 2008/48. Il-Gvern Svizzeru, min-naħa tiegħu, jinterpreta l-punt 81 tar-rapport Pocar fis-sens li l-kuntratti kollha koperti mid-Direttiva 2008/48 huma wkoll koperti mill-kunċett ta’ “kuntratti konklużi minn konsumaturi” koperti mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Madankollu, għall-kuntrarju, ma jistax jiġi konkluż li l-kuntratti huma awtomatikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II biss minħabba li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq jew is-suċċessur tagħha, jiġifieri d-Direttiva 2008/48. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni targumenta pjuttost favur l-interpretazzjoni tal-punt 81 ta’ dak ir-rapport ippreżentata fil-punti 55 u 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Il-Konvenzjoni ta’ Lugano tas-16 ta’ Settembru 1988 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU L 319, p. 9) (iktar ’il quddiem “il-Konvenzjoni ta’ Lugano”).

( 37 ) Ara l-punti 58 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Ara l-punti 49 sa 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top