This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CC0603
Opinion of Advocate General Saugmandsgaard Øe delivered on 24 January 2019.#Peter Bosworth and Colin Hurley v Arcadia Petroleum Limited and Others.#Request for a preliminary ruling from the Supreme Court of the United Kingdom.#Reference for a preliminary ruling — Area of freedom, security and justice — Judicial cooperation in civil matters — Lugano II Convention — Jurisdiction and recognition and enforcement of judgments in civil and commercial matters — Title II, Section 5 (Articles 18 to 21) — Jurisdiction over individual contracts of employment.#Case C-603/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2019.
Peter Bosworth u Colin Hurley vs Arcadia Petroleum Limited et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Kompetenza ġudizzjarja, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Artikoli 18 sa 21 tat-Taqsima 5 tat-Titolu II – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol.
Kawża C-603/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2019.
Peter Bosworth u Colin Hurley vs Arcadia Petroleum Limited et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Kompetenza ġudizzjarja, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Artikoli 18 sa 21 tat-Taqsima 5 tat-Titolu II – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti individwali ta’ xogħol.
Kawża C-603/17.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:65
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fl‑24 ta’ Jannar 2019 ( 1 )
Kawża C‑603/17
Peter Bosworth,
Colin Hurley
vs
Arcadia Petroleum Limited et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Konvenzjoni ta’ Lugano II – Taqsima 5 tat-Titolu 2 – Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ kuntratti individwali ta’ impjieg – Talbiet għal kumpens imressqa minn diversi kumpanniji tal-istess grupp fil-konfront ta’ ex diretturi tal-kumpannija – Kunċetti ta’ ‘kuntratt individwali ta’ impjieg’ u ta’ ‘persuna li timpjega’ – Talbiet ibbażati fuq bażijiet legali meqjusa bħala ta’ natura ta’ delitt fid-dritt sostantiv – Kundizzjonijiet li taħthom tali talbiet huma ‘f’materji’ kuntrattwali u/jew kuntratti individwali ta’ impjieg għall-finijiet tal-Konvenzjoni Lugano II”
I. Introduzzjoni
1. |
Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi relatati mal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit‑30 ta’ Ottubru 2007 ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano II”). |
2. |
Dawn id-domandi huma magħmula fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-azzjonist uniku u diversi kumpanniji ta’ grupp multinazzjonali u, min-naħa l-oħra, l-ex diretturi tal-kumpanniji tiegħu dwar talbiet għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn frodi, allegatament imwettqa fil-konfront ta’ dawn il-kumpanniji u fejn dawn id-diretturi kienu l-imħuħ wara u l-benefiċjarji prinċipali. |
3. |
Fl-istadju attwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk il-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales għandhomx ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar dawn it-talbiet, jew jekk humiex il-qrati Svizzeri, inkwantu l-qrati tal-Istat tad-domiċilju tal-ex diretturi kkonċernati, li għandhom jiġu aditi b’dawn it-talbiet kollha jew b’parti minnhom. Ir-risposta tiddependi minn jekk l-imsemmija domandi humiex “f’materji relatati ma’ kuntratt individwali ta’ impjieg” jew le, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II (iktar ’il quddiem t-Taqsima 5). |
4. |
F’dan il-kuntest, id-domandi tal-imsemmija qorti jqajmu punti ta’ liġi kumplessi, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti ewlenin tal-imsemmija Taqsima 5, jiġifieri dawk ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg”, ta’ “ħaddiem” u ta’ “persuna li timpjega”. Dawn iqajmu wkoll il-punt dwar jekk, u jekk ikun il-każ taħt liema kundizzjonijiet, talba, imressqa bejn partijiet għal tali “kuntratt” u li hija msejsa fuq bażi legali ta’ natura ta’ delitt fid-dritt sostantiv, taqax taħt din l-istess taqsima. |
5. |
F’dawn il-konklużjonijiet, se nispjega r-raġunijiet għaliex diretturi ta’ kumpannija, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’awtonomija sħiħa, ma humiex marbuta mal-kumpannija li għaliha jeżerċitaw dawn il-funzjonijiet b’“kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. Sussidjarjament, ser nispjega, minn naħa, għalfejn talba, imressqa mill-partijiet għall-imsemmi “kuntratt”, u li hija msejsa fuq bażi legali ta’ natura ta’ delitt, taqa’ taħt din it-taqsima meta t-tilwima titnissel fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol u, min-naħa l-oħra, għalfejn l-espressjoni l-“persuna li timpjega”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija taqsima, ma tillimitax ruħha neċessarjament għall-persuna li magħha l-ħaddiem formalment ikkonkluda kuntratt ta’ impjieg. |
II. Il-Konvenzjoni ta’ Lugano II
6. |
It-Taqsima 5 tat-Titolu II, li hija intitolata “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti individwali ta’ l-impjieg”, tinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 18 u 20 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. |
7. |
L-Artikolu 18(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi li “[f]’materji relatati ma’ kuntratti individwali ta’ l-impjieg, il-ġurisdizzjoni għandha tkun determinata minn din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5(5)”. |
8. |
L-Artikolu 20(1) tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi li “[p]ersuna li timpjega n-nies tista’ tistitwixxi proċedimenti biss fil-qrati ta’ l-Istat marbut b’din il-Konvenzjoni li fih ikun domiċiljat l-impjegat”. |
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
9. |
Il-grupp Arcadia huwa magħmul b’mod partikolari mill-kumpanniji Arcadia London, Arcadia Switzerland u Arcadia Singapore. Dan il-grupp huwa 100 % miżmum mill-kumpannija Farahead Holdings Ltd (iktar ’il quddiem “Farahead”). Fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Peter Bosworth u Colin Hurley (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“konvenuti fil-kawża prinċipali”), illum iddomiċiljati fl-Isvizzera, kienu, rispettivament, chief executive officer (CEO) u chief financial officer (CFO) tal-imsemmi grupp. Huma kienu, barra minn hekk, id-diretturi tat-tliet kumpannija ta’ Arcadia inkwistjoni. Iktar minn hekk kull wieħed minnhom kien jibbenefika minn kuntratt ta’ impjieg ma’ waħda minn dawn il-kumpanniji, imfassla minnhom infushom jew taħt ir-responsabbiltà tagħhom. |
10. |
Fit‑12 ta’ Frar 2015, it-tliet kumpanniji Arcadia msemmija iktar ’il fuq u Farahead (iktar ’il quddiem, flimkien, “Arcadia”) adixxew lill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali), ir-Renju Unit) b’talbiet għal kumpens li jirrigwardaw diversi persuni, fosthom il-konvenuti fil-kawża prinċipali. Dawn it-talbiet kienu intiżi għall-ksib ta’ kumpens għad-danni li l-grupp ġarrab minħabba sensiela ta’ tranżazzjonijiet frawdolenti li fihom kienu involuti l-kumpanniji Arcadia u mwettqa fil-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ April 2007 u x-xahar ta’ Mejju 2013. |
11. |
Skont Arcadia, il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma l-imħuħ wara u l-benefiċjarji prinċipali ta’ din il-frodi. Fil-pożizzjoni tagħhom ta’ CEO u ta’ CFO tal-grupp, huma allegatament assoċjaw ruħhom mal-persuni l-oħra involuti biex iwettqu miżapproprjazzjoni tal-parti l-kbira tal-profitti ġġenerati mit-tranżazzjonijiet kontenzjużi u allegatament ħbew dawn it-tranżazzjonijiet minn Farahead. Min-naħa tagħhom, il-partijiet ikkonċernati jikkontestaw bil-qawwa dawn l-akkużi. |
12. |
Fir-rikors inizjali tagħha, Arcadia kienet allegat li n-nuqqasijiet allegatament imwettqa mill-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu jikkostitwixxu (1) id-delitt (tort) ta’ kollużjoni bl-użu ta’ mezzi illegali (unlawful means conspiracy), (2) id-delitt ta’ ksur ta’ obbligi fiduċjarji ta’ lealtà u ta’ bona fide (breach of fiduciary duty) u (3) ksur tal-obbligi kuntrattwali espliċiti jew impliċiti (breach of express and/or implied contractual duties) li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg tagħhom. |
13. |
Permezz ta’ rinunzja tal-ġurisdizzjoni tad‑9 ta’ Marzu 2015, il-partijiet ikkonċernati affermaw li, konformement mal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tat-talbiet ta’ Arcadia li jikkonċernawhom. Fil-fatt, dawn it-talbiet jikkonċernaw “materji relatati ma’ kuntratt individwali ta’ impjieg” u għaldaqstant jaqgħu taħt it-Taqsima 5. Konsegwentement, huma biss il-qrati tal-Istat tad-domiċilju tagħhom, jiġifieri l-qrati Svizzeri, li għandhom ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward. |
14. |
Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mmodifikaw ir-rikors tagħhom. Huwa rrinunzja milli jinvokaw il-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg tal-konvenuti fil-kawża prinċipali u neħħa kull riferiment għall-ksur ta’ dawn l-obbligi bħala mezz illegali użat fil-kuntest tad-delitt ta’ kollużjoni. |
15. |
Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ April 2015, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali)) iddeċidiet li l-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales għandhom ġurisdizzjoni biex jeżaminaw it-talbiet ta’ Arcadia sa fejn dawn huma bbażati fuq id-delitt ta’ kollużjoni bl-użu ta’ mezzi illegali (unlawful means conspiracy). Barra minn hekk, hija ddeċidiet li dawn il-qrati għandhom ġurisdizzjoni wkoll biex jiddeċiedu dawn it-talbiet sa fejn dawn huma bbażati fuq id-delitt ta’ ksur tal-obbligi fiduċjarji ta’ lealtà u ta’ bona fide (breach of fiduciary duty), bl-eċċezzjoni li huma ma għandhomx ġurisdizzjoni biex jeżaminaw it-talbiet imressqa fuq din il-bażi minn Arcadia London u Arcadia Singapore għall-fatti prodotti f’dak iż-żmien fejn kull waħda minn dawn il-kumpanniji kienet marbuta b’kuntratt ta’ impjieg ma’ P. Bosworth jew C. Hurley. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, u f’dan ir-rigward biss, it-talbiet ta’ Arcadia huma “f’materji relatati ma’ kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. |
16. |
Il-konvenuti fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit). Dan l-appell ġie miċħud permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Awwissu 2016. Madankollu, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) awtorizzat lill-partijiet ikkonċernati biex jappellaw. |
17. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-aħħar qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
18. |
Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Ottubru 2017. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, Arcadia, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess partijiet, minbarra l-Konfederazzjoni Svizzera, kienu rrappreżentati matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit‑13 ta’ Settembru 2018. |
IV. Analiżi
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari
19. |
Il-Konvenzjoni ta’ Lugano II hija konvenzjoni internazzjonali li torbot lill-Unjoni mal-Istati partijiet għall-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) u mal-Konfederazzjoni Svizzera. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’domandi dwar l-interpretazzjoni tagħha b’mod rari biss. Din hija strument parallel għar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 3 ), li għandu l-istess suġġett u li jipprevedi l-istess regoli ta’ ġurisdizzjoni bħal dan ir-regolament. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza sostanzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja applikabbli għall-imsemmi regolament tista’ tiġi ttrasposta għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ din il-konvenzjoni ( 4 ). |
20. |
Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jifformaw parti mill-kuntest ġuridiku li ġej. Arcadia tqis li l-qrati tal-Ingilterra għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tat-talbiet tagħha fil-konfront tal-konvenuti fil-kawża prinċipali fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Fil-fatt, dawn huma marbuta strettament ma’ talbiet simili fil-konfront ta’ tliet persuni oħrajn iddomiċiljati fl-Ingilterra u f’Wales ( 5 ). |
21. |
Madankollu l-partijiet ikkonċernati jikkontestaw il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati. Huma jargumentaw li dwar it-talbiet huma “f’materji relatati ma’ kuntratt individwali ta’ impjieg” u li għaldaqstant jaqgħu taħt it-Taqsima 5. |
22. |
F’dan ir-rigward, infakkar li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-ġurisdizzjoni għat-talbiet f’dan il-qasam hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. Skont l-Artikolu 20(1) ta’ din il-konvenzjoni, talba ta’ “persuna li timpjega” fil-konfront ta’ “ħaddiem” għandha titressaq quddiem il-qrati tal-Istat tad-domiċilju ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom natura eżawrjenti ( 6 ). Għaldaqstant, li kieku kellu jitqies li l-imsemmija taqsima hija applikabbli, għaldaqstant Arcadia ma tkunx tista’ tinvoka l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija konvenzjoni. |
23. |
Fil-fatt, l-għan tat-Taqsima 5 huwa, b’mod partikolari ( 7 ), li jiġi protett il-ħaddiem, meqjus bħala l-parti l-inqas b’saħħitha għall-kuntratt, permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tiegħu ( 8 ). Għal dan l-għan, din it-taqsima ċċaħħad lill-persuna li timpjega minn kull għażliet ta’ ġurisdizzjoni biex iressaq it-talba tiegħu u toffri lill-ħaddiem il-vantaġġ li, bħala prinċipju, jkun jista’ jiġi mħarrek biss quddiem il-qrati tad-domiċilju tiegħu, jiġifieri dawk li huma meqjusa l-iktar familjari għalih. |
24. |
Il-kwistjoni tal-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni eċċepita mill-konvenuti fil-kawża prinċipali tiddependi fuq il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 5. F’dan ir-rigward l-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II jirrigwarda, infakkar, it-talbiet “f’materji relatati ma’ kuntratt individwali ta’ impjieg”. Minn dawn it-termini jirriżultaw żewġ kundizzjonijiet: minn naħa, għandu jkun hemm tali “kuntratt” bejn il-partijiet; min-naħa l-oħra, it-talba għandha tkun marbuta, b’ċertu mod, ma’ dan il-“kuntratt”. |
25. |
It-tieni u r-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw essenzjalment l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, filwaqt li l-ewwel u t-tielet domanda jirrigwardaw it-tieni kundizzjoni. Jien ser neżamina l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg” (B), sussegwentement il-problema tar-rabta li għandu jkun hemm bejn it-talba u l-“kuntratt” (C), qabel ma nerġa’ lura għall-kunċett ta’ “persuna li timpjega”, fis-sens tat-Taqsima 5 (D). |
B. Fuq il-kunċett ta’ kuntratt individwali ta’ impjieg” (it-tieni domanda)
26. |
Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk kuntratti bħal dawk li kienu ġew konklużi bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u ċerti kumpanniji tal-grupp Arcadia jistgħux jiġu kklassifikati bħala “kuntratti individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. Din il-qorti tfittex li tiddetermina sa fejn, għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, huwa neċessarju li jkun hemm relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn individwu u l-kumpannija li tuża s-servizzi tiegħu. Hija tistaqsi jekk tali relazzjoni tistax teżisti meta l-individwu jiddeċiedi termini tal-kuntratt tiegħu u għandu kull kontroll u kull awtonomija fuq il-ġestjoni ta’ kuljum tan-negozju tal-kumpannija u fuq l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tiegħu stess, iżda meta l-azzjonisti tal-kumpannija għandhom is-setgħa li jtemmu l-kuntratt. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tixtieq issir taf il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi inferita, għall-finijiet ta’ din it-taqsima, l-eżistenza ta’ tali “kuntratti” bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-kumpanniji Arcadia li magħhom huma ma kinux formalment ikkonkludew kuntratt ( 9 ). |
1. Fuq l-ammissibbiltà
27. |
Bħalma tindika il-qorti tar-rinviju, Arcadia ma kkontestatx quddiem il-qrati nazzjonali inferjuri li, fil-konfront ta’ kull waħda mill-kumpanniji li magħhom huma kienu formalment kkonkludew kuntratt ta’ impjieg, il-konvenuti fil-kawża prinċipali kellhom l-istatus ta’ ħaddiem. Skont il-partijiet ikkonċernati, għalhekk ma huwiex neċessarju, sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża prinċipali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta dwar din il-kwistjoni. |
28. |
Jien ma naqbilx ma’ din il-perspettiva. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, fir-rigward tal-partikolaritajiet ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 10 ). |
29. |
Barra minn hekk, jidhirli li, minn naħa, din l-assenza ta’ kontestazzjoni hija spjegata mill-fatt li Arcadia inizjalment kienet qieset li l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ impjieg fis-sens tad-dritt sostantiv kienet tinvolvi fiha nnifisha l-klassifikazzjoni ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. Madankollu, il-grupp minn dak iż-żmien bidel fehmtu u jikkontesta bil-qawwa din il-klassifikazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-partijiet iddibattew, fl-istadji kollha tal-proċedura nazzjonali, il-kwistjoni ta’ jekk kinux jeżistu tali “kuntratti” bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-kumpanniji tal-grupp li huma ma kellhomx kuntratt formalment magħhom ( 11 ). Għalhekk evidentement hija meħtieġa risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
2. Fuq il-mertu
30. |
Għandu jitfakkar, li fiż-żmien meta seħħew il-fatti kontenzjużi, il-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu jeżerċitaw għall-grupp Arcadia funzjonijiet ta’ diretturi tal-kumpannija fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji. B’mod iktar preċiż, P. Bosworth kien iċ-chief executive officer (CEO) de facto ( 12 ) tal-grupp u C. Hurley kien, de facto, iċ-chief financial officer (CFO) tal-grupp. Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati kienu d-diretturi legali u/jew effettivi ( 13 ) ta’ Arcadia London, ta’ Arcadia Switzerland u ta’ Arcadia Singapore. |
31. |
Kull wieħed mill-konvenuti fil-kawża prinċipali kien, barra minn hekk, ikkonkluda kuntratt ta’ impjieg, fis-sens tad-dritt sostantiv ( 14 ), ma’ kumpannija partikolari tal-grupp Arcadia. L-identità ta’ din il-kumpannija madankollu varjat matul iż-żmien, fejn dawn minn żmien għall-ieħor kienu impjegati b’mod partikolari minn Arcadia London u minn Arcadia Singapore – iżda mhux minn Arcadia Switzerland. Dawn id-diversi kuntratti kienu jistipulaw li l-partijiet ikkonċernati kellhom jeżerċitaw funzjonijiet ta’ tmexxija preċiżi biss għall-kumpannija li kienet timpjegahom. L-unika remunerazzjoni li huma kienu jirċievu mingħand il-grupp kienet dik stabbilita f’dawn il-kuntratti, imħallsa mill-kumpannija li timpjegahom, għal dawn il-funzjonijiet preċiżi. |
32. |
F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi mistoqsi, qabel kollox, jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II, hemmx lok li ssir distinzjoni bejn, minn-naħa, ir-relazzjonijiet li kienu jeżistu bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-kumpanniji tal-grupp Arcadia li magħhom huma kienu formalment ikkonkludew kuntratt, fis-sens tad-dritt sostantiv, u, min-naħa l-oħra, ir-relazzjonijiet li kienu jeżistu bejnhom u l-kumpanniji l-oħrajn tal-grupp Arcadia. Jien ma ninsabx konvint b’dan, u dan għal żewġ raġunijiet. |
33. |
Fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, ma għandux jiġi interpretat b’riferiment għal-lex causæ jew għal-lex fori, iżda b’mod awtonomu, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti minn din il-konvenzjoni fl-Istati kollha marbutin minnha ( 15 ). |
34. |
Fir-rigward ta’ din id-definizzjoni awtonoma, mis-sentenza Holterman jirriżulta li tali “kuntratt individwali ta’ impjieg” jeżisti meta persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom kienet tirċievi remunerazzjoni ( 16 ). Għalhekk ikun hemm tali “kuntratt” meta l-karatteristiċi ta’ relazzjoni ta’ impjieg – servizz, remunerazzjoni u subordinazzjoni – ikunu ssodisfatti fil-fatti, u ftit li xejn tkun importanti l-klassifikazzjoni li jagħti d-dritt sostantiv lil din ir-relazzjoni. Kif jiddikjaraw il-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Kummissjoni, għalhekk bejn żewġ persuni jista’ jeżisti tali “kuntratt” anki meta, fis-sens tad-dritt sostantiv applikabbli, ma jkun ġie konkluż ebda kuntratt, u meta inkwistjoni jkun hemm relazzjoni ta’ impjieg purament de facto ( 17 ). |
35. |
Nippreċiża li din l-interpretazzjoni tosserva t-termini tat-Taqsima 5, peress li l-espressjoni “kuntratt individwali ta’ impjieg” ma timplikax il-konklużjoni formali ta’ kuntratti, fis-sens tad-dritt sostantiv. Barra minn hekk, l-użu ta’ din l-espressjoni fl-istrumenti li jorbtu lill-Istati Membri u/jew lill-Unjoni fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat imur lura għall-konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980 ( 18 ). Issa, matul l-adozzjoni ta’ din il-konvenzjoni, l-imsemmija espressjoni ġiet ippreferuta minn dik ta’ “relazzjoni ta’ impjieg”, pproposta fl-abbozz preliminari tal-imsemmija konvenzjoni, essenzjalment minħabba li din l-aħħar espressjoni ma kinitx irrikonoxxuta minn ċerti sistemi legali nazzjonali ( 19 ). Għalhekk ikun żbaljat li ssir distinzjoni bejn “kuntratt” u “relazzjoni” fil-kuntest tat-Taqsima 5 ( 20 ). |
36. |
Konsegwentement, l-assenza ta’ kuntratt formali, fis-sens tad-dritt sostantiv, bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u kumpannija Arcadia partikolari ma teskludix li “kuntratt”, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5, għandu jiġi dedott mill-fatti. Għall-kuntrarju, il-kuntratti konklużi bejn il-persuni kkonċernati u kumpanniji oħra tal-grupp ma għandhomx neċessarjament jitqiesu li huma “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tal-imsemmija taqsima. |
37. |
Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, indipendentement minn dak li hemm stipulat fil-kuntratti inkwistjoni, id-diversi assenjazzjonijiet tal-konvenuti fil-kawża prinċipali inkwantu impjegati ta’ tali jew tali kumpannija u ċ-ċaqlieq tagħhom fi ħdan il-grupp Arcadia, fil-fatti, la mmodifikaw in-natura tal-funzjonijiet li huma eżerċitaw fi ħdanu, u lanqas ma kellhom effett fuq ir-rwoli rispettivi tagħhom ta’ CEO u ta’ CFO tal-kumpanniji Arcadia kollha u tal-grupp innifsu. Fi ftit kliem, dawn l-assenjazzjonijiet kienu purament formali. L-imsemmija kuntratti ġew imfassla mill-partijiet ikkonċernati jew b’istruzzjonijiet mingħandhom u huma kienu għażlu mhux biss it-termini ta’ dawn il-kuntratti iżda wkoll li jkollhom tali kuntratt ma’ tali kumpannija iktar milli ma’ oħra ( 21 ). |
38. |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi ddeterminat, sussegwentement, jekk ir-relazzjoni li kienet teżisti bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali, fil-kwalità tagħhom ta’ diretturi ta’ kumpannija, u kull waħda mill-kumpanniji Arcadia, indipendentement mill-eżistenza jew le ta’ kuntratt formali bejniethom f’mument partikolari, għandhiex tiġi analizzata bħala “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. |
39. |
Billi taċċetta li tassumi l-funzjonijiet ta’ direttur ta’ kumpannija, persuna taċċetta liberament l-obbligi marbuta magħhom. Bl-istess mod, billi tagħti tali funzjonijiet lil din il-persuna il-kumpannija tassumi liberament ċerti obbligi fir-rigward tagħha B’mod partikolari, il-funzjonijiet ta’ direttur ta’ kumpannija huma, bħala regola ġenerali, eżerċitati kontra remunerazzjoni ( 22 ). Għalhekk hemm obbligi liberament assunti bejn il-kumpannija u d-direttur, li jaqgħu taħt il-“materji kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Brussell I. Fil-fehma tiegħi, dan ikun il-każ, kemm jekk dan id-direttur jkun ġie maħtur formalment (direttur legali) jew jekk, mingħajr ma kien, aġixxa effettivament bħala tali (direttur de facto) ( 23 ). |
40. |
Fil-kuntest tal-“obbligi kuntrattwali” li għalhekk jorbtu lid-direttur u lill-kumpannija, l-ewwel wieħed jipprovdi lit-tieni waħda servizz għal remunerazzjoni. Konformement mal-ispjegazzjonijiet mogħtija fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-relazzjoni tagħhom għandha tiġi kklassifikata bħal “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tat-Taqsima 5, biss jekk id-direttur huwa, fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, issubordinat għall-kumpannija. |
41. |
Fis-sentenza Holterman il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-ħtiġijiet tat-Taqsima 5, l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni “għandha tiġi evalwata f’kull każ partikolari skont l-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet eżistenti bejn il-partijiet”. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li direttur li għandu sehem fil-kapital azzjonarju li huwa suffiċjenti biex jinfluwenza “b’mod kunsiderevoli” lill-persuni li normalment għandhom il-kompetenza li jagħtuh istruzzjonijiet u jikkontrollaw l-implimentazzjoni tagħhom ma jistax ikun issubordinat għall-kumpannija ( 24 ). |
42. |
Ikun żbaljat li dan ir-raġunament jinqara a contrario, fis-sens li direttur li ma għandux sehem fil-kapital azzjonarju, kif kien il-każ tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, huwa, biss minħabba dan il-fatt, issubordinat għall-kumpannija. Għalkemm f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja indikat ċirkustanza li f’kull każ teskludi subordinazzjoni, hija ma ddeċidietx dwar l-elementi li jistgħu jikkaratterizzawha. |
43. |
Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, huwa possibbli li wieħed jispira ruħu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE u ta’ ċerti direttivi ta’ armonizzazzjoni. Skont din il-ġurisprudenza, dak li jikkaratterizza rabta ta’ subordinazzjoni huwa l-fatt li ħaddiem jinsab taħt it-tmexxija ta’ persuna oħra, li ma timponilux biss is-servizzi li għandhom jitwettqu, iżda fuq kollox il-mod kif għandhom jitwettqu u li huwa għandu josserva l-istruzzjonijiet u r-regoli interni. Sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ tali rabta ta’ subordinazzjoni, għalhekk, bħala regola ġenerali, din għandha tintrabat mal-awtonomija u mal-flessibbiltà li l-ħaddiem għandu biex jagħżel l-orarju, il-post u l-metodi ta’ eżekuzzjoni tal-inkarigi fdati lilu u/jew mas-sorveljanza u mal-kontroll li l-persuna li timpjega teżerċita fuq il-mod li bih il-ħaddiem jaqdi l-funzjonijiet tiegħu ( 25 ). |
44. |
Minn dan jirriżulta, hekk kif isostnu l-grupp Arcadia u l-Konfederazzjoni Svizzera, li direttur ta’ kumpannija huwa ssubordinat għall-kumpannija biss jekk huwa suġġett għad-direzzjoni effettiva ta’ persuna oħra fl-eżerċizzju u fl-organizzazzjoni tal-funzjonijiet tiegħu. L-eżistenza ta’ tali direzzjoni tiġi evalwata fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet inkwistjoni, tal-kuntest li fihom jiġu eżerċitati, tal-portata tas-setgħat tal-persuna kkonċernata u tal-kontroll li għalih din hija effettivament suġġetta fi ħdan il-kumpannija ( 26 ). |
45. |
Issa, per eżempju, diretturi ta’ kumpannija, bħal konvenuti fil-kawża prinċipali, li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, fil-kwalità tagħhom ta’ CEO u ta’ CFO, ingħataw l-iktar setgħat wiesgħa sabiex jamministraw il-kumpannija u jaġixxu f’isimha u għall-interessi tagħha u għandhom kull kontroll u kull awtonomija fl-amministrazzjoni ta’ kuljum tan-negozju tagħha u fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom – ċirkustanza li f’dan il-każ turi l-fatt li l-kuntratti ta’ impjieg suċċessivi tagħhom kienu mfassla minnhom infushom jew taħt ir-responsabbiltà tagħhom, li huma kienu jagħżlu t-termini ta’ dawn il-kuntratti u l-persuna li timpjegahom formalment – ma humiex, f’dawn il-funzjonijiet, issubordinati għall-kumpannija. |
46. |
B’mod partikolari, għall-kuntrarju ta’ dak li jaffermaw il-konvenuti fil-kawża prinċipali, is-subordinazzjoni ma tistax titħallat mad-direttivi ġenerali li jirċievi d-direttur min-naħa tal-azzjonisti dwar id-direzzjoni tan-negozju tal-kumpannija. Dawn id-direttivi ġenerali ma jikkonċernawx l-eżekuzzjoni nnifisha tal-funzjonijiet tad-direttur jew il-mod kif jorganizzahom. Il-mandat ta’ direttur ta’ kumpannija huwa li jaġixxi f-isem il-kumpannija u, għal dan il-għan, jista’, jirċievi istruzzjonijiet raġonevoli dwar l-inkarigu tiegħu. Għall-istess raġunijiet, il-mekkaniżmi ta’ kontroll previsti mil-liġi fil-konfront tal-azzjonisti ma jikkaratterizzawx, fihom infushom, l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni. Kull mandatarju għandu jagħti ċerti rendikonti lill min jagħtih il-mandat. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li dawn l-istess azzjonisti għandhom is-setgħa li jneħħu lid-direttur tal-kumpannija ma huwiex suffiċjenti biex din ir-rabta tiġi kkaratterizzata. Il-fatt li huma għandhom tali setgħa ta’ revoka ma jfissirx li huma ndaħlu fil-mod ta’ kif titmexxa l-kumpannija. Għal darba oħra, fil-kuntest ta’ kwalsiasi mandat, min jagħti l-mandat jista’ unilateralment itemm ir-relazzjoni mal-mandatarju tiegħu, mingħajr ma din iċ-ċirkustanza ma turi, fiha nnifisha, subordinazzjoni. |
47. |
B’kunsiderazzjoni ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi, fil-kawża ineżami, ċertament, kienu jeżistu bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u kull waħda mill-kumpanniji Arcadia, “obbligi kuntrattwali” reċiproċi, li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Xi drabi dawn l-obbligi ġew ifformalizzati f’kuntratti u xi drabi oħra dan ma seħħx. F’kull każ, dawn l-istess obbligi ma jistgħux jiġu analizzati bħala “kuntratti individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. |
48. |
Din l-interpretazzjoni ma titqegħidx f’dubju, għall-kuntrarju ta’ dak li jaffermaw il-konvenuti fil-kawża prinċipali, mis-sentenzi Danosa ( 27 ) u Balkaya ( 28 ). F’dan ir-rigward, infakkar li, fl-ewwel sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 92/85/KEE ( 29 ) li għalkemm “ma jistax jiġi eskluż” li diretturi ta’ kumpannija ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ ħaddiem, fis-sens ta’ din id-direttiva, “fid-dawl tal-funzjonijiet speċifiċi li ngħatawlhom kif ukoll tal-kuntest li fihom dawn il-funzjonijiet huma eżerċitati u tal-mod li bih jiġu eżerċitati”, direttur huwa ssubordinat għall-kumpannija meta (1) huwa jagħmel parti integrali mill-kumpannija, (2) għandu jagħti rendikont tal-ġestjoni tiegħu lil korp ieħor tal-kumpannija u jikkollabora miegħu u (3) jista’ jitneħħa mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ( 30 ). Fis-sentenza Balkaya ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ttrasponiet dan ir-raġunament għad-Direttiva 98/59/KE ( 32 ) u, filwaqt li bbażat fuq indizji simili, ikklassifikat direttur tal-kumpannija bħala “ħaddiem”, fis-sens ta’ din id-direttiva. |
49. |
Madankollu, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ kunċett f’qasam regolatorju tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi trasposta awtomatikament f’qasam separat ( 33 ). Kif indikajt, dan huwa biss sors ta’ ispirazzjoni. Il-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5, għandu jiġi interpretat b’riferiment prinċipalment għall-istruttura u għall-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Brussell I ( 34 ), kif ukoll għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mis-sistemi ta’ dritt nazzjonali ( 35 ). Dawn il-preċedenti għalhekk jistgħu jiġu trasposti għal dawn l-istrumenti biss b’ċirkuspezzjoni. Ninnota, barra minn hekk, li fis-sentenza Holterman, il-Qorti tal-Ġustizzja ma applikatx expressis verbis din il-ġurisprudenza, iżda kkuntentat ruħha li kultant tispira ruħha minnha. |
50. |
F’dan ir-rigward, ninnota li t-tliet indizji aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Danosa ( 36 ) biex tiddeċiedi li direttur ta’ kumpannija huwa “ħaddiem”, fis-sens tad-Direttiva 92/85, huma ssodisfatti fir-rigward tal-maġġoranza tagħhom. Fil-fatt, sa ċertu punt, tali direttur huwa b’mod ġenerali (1) “integrat” fil-kumpannija, (2) għandu jagħti rendikont lil korp ieħor tal-kumpannija – il-bord tad-diretturi jew superviżorju, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti, eċċ. – u (3) jista’ jitneħħa minn tali korp. |
51. |
Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li testendi għad-diretturi ta’ kumpannija, fis-sentenzi Danosa ( 37 ) u Balkaya ( 38 ), il-protezzjoni mit-tkeċċija offruta mid-direttivi ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, il-konsegwenza tat-traspożizzjoni tal-loġika li tirriżulta minn dawn is-sentenzi għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Brussell I u mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II tkun li parti kbira mill-kawżi li jeżistu bejn kumpannija u d-diretturi tagħha jiġu meqjusa taħt il-kappa tal-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg”, u jkunu jaqgħu għaldaqstant taħt id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. |
52. |
F’dan ir-rigward, għandi nfakkar li, fis-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri, ir-relazzjoni li teżisti bejn kumpannija u d-diretturi tagħha ma taqax taħt id-dritt industrijali iżda taħt id-dritt tal-kumpanniji. Id-diretturi huma korpi ta’ kumpannija. Il-funzjonijiet ta’ direttur ta’ kumpannija u s-setgħat u l-obbligi li joħorġu minnhom jirriżultaw mill-istatuti tal-kumpannija u mid-dispożizzjonijiet legali li huma applikabbli għaliha. Ċertament, f’ċerti Stati Membri, fosthom ir-Renju Unit, diretturi u l-kumpanniji jistgħu jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom permezz ta’ kuntratt – li jista’ jkun kuntratt ta’ ġestjoni, ta’ mandat jew ta’ impjieg ( 39 ). B’kunsiderazzjoni ta’ dan, id-dritt tal-kumpanniji jibqa’ fil-qofol tar-relazzjoni tagħhom. |
53. |
B’mod partikolari, il-kawżi dwar responsabbiltà tad-diretturi ta’ kumpannija fir-rigward tal-kumpannija u tal-azzjonisti tagħha, li huwa x-xenarju tal-kawża ineżami, huma kawżi li jaqgħu taħt l-imsemmi dritt tal-kumpanniji, li b’mod ġenerali huwa s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fid-dritt tal-Istati Membri, li jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-portata ta’ din ir-responsabbiltà ( 40 ). |
54. |
Inkonsistenza daqshekk evidenti bejn il-klassifikazzjonijiet nazzjonali u dik għall-finijiet tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Brussell I ma jiffaċilitawx l-applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti u l-prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li dawn jipprevedu. Barra minn hekk, l-iżvantaġġi prattiċi li jirriżultaw minn applikazzjoni ġeneralizzata tat-Taqsima 5 għad-diretturi tal-kumpannija ftit li xejn huma adatti għall-ispeċifiċità tal-kawżi relatati mar-responsabbiltà tagħhom u ftit konformi mal-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. F’dan il-qasam, ir-responsabbiltà in solidum tad-diversi diretturi ta’ kumpannija għad-danni kkawżati lill-kumpannija fl-amministrazzjoni tagħha hija soluzzjoni normali ( 41 ). Madankollu, bl-applikazzjoni tat-Taqsima 5, kull waħda minn dawn il-persuni għandha tiġi mħarrka separatament quddiem il-qrati tad-domiċilju rispettiv tagħha, mingħajr ma jkun possibbli li dawn il-kawżi jinġabru quddiem qorti waħda. |
55. |
Barra minn hekk, infakkar li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Brussell I u, b’estensjoni, dawk tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandhom jiġu interpretati b’mod koerenti mar-regoli ta’ kunflitti tal-liġijiet previsti mir-Regolament Ruma I ( 42 ). Madankollu, għalkemm dan ir-regolament, fl-Artikolu 8 tiegħu, fih dispożizzjonijiet relatati mal-“kuntratti individwali ta’ impjieg”, dan jipprevedi wkoll, fl-Artikolu 1(2)(f) tiegħu, li l-“kwistjonijiet regolati mil-liġi tal-kumpanniji”, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-“organizzazzjoni interna” tagħhom huma esklużi minnu. |
56. |
F’dan ir-rigward, huwa ġeneralment aċċettat li huma koperti minn din il-kategorija l-kwistjonijiet marbuta mas-setgħat u mal-funzjonament tal-korpi tal-kumpannija, inklużi tad-diretturi tal-kumpannija, u mar-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tagħha u tal-azzjonisti jew tas-soċji f’każ ta’ użu illeċitu minn dawn is-setgħat ( 43 ). B’kunsiderazzjoni tal-esklużjoni hekk prevista fir-Regolament Ruma I, id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal dawn il-kwistjonijiet taqa’ taħt ir-regoli ta’ kunflitti tal-liġijiet ta’ kull Stat Membru. |
57. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, għandi dubji serji dwar jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni u l-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II kellhomx l-għan li jestendu l-applikazzjoni tat-Taqsima 5 għall-kawżi dwar ir-responsabbiltà ċivili tad-diretturi tal-kumpannija. L-interessi inkwistjoni f’dan il-qasam, barra minn hekk, huma tabilħaqq differenti minn dawk marbuta mar-responsabbiltà tal-ħaddiema fir-rigward tal-persuni li jimpjegawhom. Il-bilanċ li għandu jintlaħaq ma huwiex l-istess, u r-regoli tad-dritt internazzjonali privat jipparteċipaw f’dan il-bilanċ ( 44 ). |
58. |
Fi kliem ieħor, ma huwiex possibbli, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5, li tintgħażel interpretazzjoni tal-kunċett ta’ subordinazzjoni identika għal dik magħżula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Danosa ( 45 ) u Balkaya ( 46 ), mingħajr ma tinħoloq konfużjoni ġenwina bejn ir-regoli tad-dritt industrijali u dawk tad-dritt tal-kumpanniji, li tista’ tiġi ġġustifikata fil-kuntest ta’ dawn is-sentenzi, iżda li tkun partikolarment mhux xierqa fil-kuntest tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II. |
59. |
L-interpretazzjoni pproposta fil-punti 45 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet lanqas ma titqiegħed f’dubju mill-argument tal-konvenuti fil-kawża prinċipali li skontu r-regoli tat-Taqsima 5 ma jagħmlux distinzjoni bejn kategoriji ta’ ħaddiema. Fil-fatt, ma nissuġġerixxix lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħmel distinzjonijiet, mhux previsti mill-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, bejn il-ħaddiema ssubordinati. Jien sempliċement nipproponilha biex iżżomm aċċettazzjoni tal-kunċett ta’ “subordinazzjoni”, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din it-taqsima, li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tad-dritt tal-kumpanniji u r-realtà ta’ mandati mogħtija minn kumpannija. |
60. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda tkun li direttur ta’ kumpannija li jkollu kull kontroll u kull awtonomija fuq il-ġestjoni ta’ kuljum tan-negozju tal-kumpannija li huwa jirrappreżenta u l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet rispettivi tiegħu, ma huwiex issubordinat għal din il-kumpannija u, għaldaqstant, ma għandux “kuntratt individwali ta’ impjieg” magħha, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Il-fatt li l-azzjonisti tal-imsemmija kumpannija għandhom is-setgħa li jneħħu lil dan id-direttur ma jikkonfutax din l-interpretazzjoni. |
C. Fuq it-test li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk talba tkunx “f’materji relatati ma’” kuntratt individwali ta’ impjieg (l-ewwel u t-tielet domanda)
61. |
L-ewwel nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddeċiedi, bħalma nissuġġerilha jien, li ma jistax ikun hemm “kuntratti individwali ta’ impjieg”, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, bejn diretturi ta’ kumpannija daqstant omnipotenti daqs kemm kienu l-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-kumpanniji li għalihom huma kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, ma jkunx neċessarju li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju. Għalhekk qed neżaminahom biss sussidjarjament. |
62. |
B’segwitu għal din il-preċiżazzjoni, infakkar li, fil-każ ineżami, it-talbiet imressqa minn Arcadia kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali huma msejsa, essenzjalment, fuq id-delitt ta’ kollużjoni bl-użu ta’ mezzi illegali (unlawful means conspiracy) u fuq id-delitt ta’ ksur tal-obbligi fiduċjarji ta’ lealtà u ta’ bona fide (breach of fiduciary duty). Madankollu, fid-dritt Ingliż, dawn il-bażijiet legali huma ta’ natura ta’ delitt (tort). |
63. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tal-ewwel u tat-tielet domanda, jekk talba, imressqa bejn partijiet għal “kuntratt individwali ta’ impjieg”, u li hija msejsa fuq tali bażijiet legali ta’ delitt tistax taqa’ taħt it-Taqsima 5 u, jekk dan ikun il-każ, skont liema kriterji. |
64. |
Skont Arcadia, it-Taqsima 5 ma tapplikax għad-domandi tagħha peress li dawn ma humiex ibbażati fuq obbligu li jirriżulta mill-kuntratti ta’ impjieg tal-konvenuti fil-kawża prinċipali ( 47 ), iżda fuq il-ksur ta’ doveri legali li jeżistu indipendentement minn dawn il-kuntratti. Fil-fatt, l-imsemmija taqsima hija, fin-natura tagħha, subdiviżjoni tal-kategorija “f’materji kuntrattwali”, prevista fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Issa, talba li għandha tali bażijiet legali taqa’ taħt il-“materji ta’ delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ din il-konvenzjoni, u għalhekk hija eskluża minn din l-istess taqsima. |
65. |
Min-naħa l-oħra, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jaffermaw li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-Taqsima 5, il-kriterju deċiżiv huwa li jsir magħruf jekk, indipendentement mir-regola ta’ dritt sostantiv li fuqha min jimpjega jibbaża t-talba tiegħu, l-aġir ikkontestat jistax jikkostitwixxi nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi kuntrattwali li jirriżultaw mill-kuntratt individwali ta’ impjieg, li huwa seta’ jinvoka ( 48 ). Issa, dan huwa l-każ fil-kawża preżenti. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li Arcadia setgħet tibbaża t-talbiet tagħha fuq ksur tal-obbligi kuntrattwali espliċiti jew impliċiti (breach of express and/or implied contractual duties) li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg tal-partijiet ikkonċernati ( 49 ). Għalhekk l-imsemmija taqsima tapplika għall-kawża prinċipali. |
66. |
Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet fil-kawża prinċipali, u sabiex nipproponi risposta eżawrjenti għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, inqis utli, qabel kollox, li nerġa’ nittratta b’mod ġenerali l-problema tat-talbiet ta’ delitt imressqa bejn partijiet kontraenti u li nanalizza s-soluzzjonijiet applikabbli f’dan il-qasam fil-kuntest tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II (1). Sussegwentement, se nispjega r-raġunijiet għalfejn, fil-fehma tiegħi, it-Taqsima 5 teħtieġ soluzzjoni differenti (2). |
1. Il-problema tat-talbiet ta’ delitt imressqa bejn partijiet kontraenti
67. |
Fil-livell teoretiku, fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, id-distinzjoni bejn dak li jaqa’ taħt il-materji kuntrattwali u dak li jaqa’ taħt il-materji ta’ delitt tiddependi min-natura tal-obbligu li jinvoka l-applikant kontra l-konvenut. Fi ftit kliem, din hija kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk dan l-obbligu jirriżultax mill-ksur ta’ dmir idderivat immedjatament mil-liġi u applikabbli erga omnes (l-obbligu huwa għalhekk ta’ delitt), jew inkella mill-effett ta’ ftehim volontarju bejn żewġ persuni (f’liema każ, l-obbligu huwa kuntrattwali) ( 50 ). |
68. |
Madankollu, xi drabi l-istess aġir dannuż jikkostitwixxi, fl-istess ħin, nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu kuntrattwali u nuqqas ta’ osservanza ta’ dmir legali applikabbli erga omnes. Għalhekk hemm akkumulazzjoni ta’ responsabbiltà (jew akkumulazzjoni ta’ obbligi kuntrattwali u ta’ delitt). |
69. |
Il-frodi allegata mill-grupp Arcadia fil-konfront tal-konvenuti fil-kawża prinċipali twassal għal akkumulazzjoni simili ta’ responsabbiltajiet. Fil-fatt, fid-dritt Ingliż jeżisti dmir ġenerali li ma ssirx konfoffa għall-finijiet ta’ dannu fil-konfront ta’ ħaddieħor. Nuqqas ta’ osservanza ta’ dan id-dmir jikkostitwixxi delitt ċivili (tort of conspiracy). Indipendentement, il-fatt li ħaddiem jagħmel ħsara lill-persuna li timpjegah jikkostitwixxi nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu kuntrattwali tiegħu ta’ lealtà. Għalhekk l-aġir dannuż jiġġenera potenzjalment żewġ responsabbiltajiet separati. |
70. |
Fil-konfront ta’ tali akkumulazzjoni ta’ responsabbiltajiet, ċerti sistemi nazzjonali, fosthom id-dritt Ingliż, iħallu lir-rikorrent l-għażla li jibbaża t-talba tiegħu fil-konfront tal-parti kontraenti tiegħu fuq ir-responsabbiltà ta’ delitt u/jew fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali ( 51 ). Min-naħa l-oħra, sistemi oħra, fosthom id-dritt Franċiż, bħala prinċipju jeskludu tali għażla, b’mod konformi mar-regola msejħa ta’ “nuqqas ta’ akkumulazzjoni”: rikorrent ma jistax jinvoka obbligu mhux kuntrattwali fil-konfront tal-parti kontraenti tiegħu meta l-fatti li jinvoka jikkostitwixxu wkoll nuqqas kuntrattwali. |
71. |
Ir-Regolament Brussell I u l-Konvenzjoni ta’ Lugano II jirriproduċu d-dikotomija bejn “materji kuntrattwali” (Artikolu 5(1)) u “materji ta’ delitt” (Artikolu 5(3)), u jipprevedu regoli ta’ ġurisdizzjoni differenti skont taħt liema waħda minn dawn il-kategoriji taqa’ talba. Il-problema tal-akkumulazzjoni ta’ responsabbiltà testendi għalhekk għal dawn l-istrumenti. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni hija li jsir magħruf jekk l-għażla ta’ rikorrent li jibbaża t-talba tiegħu fil-konfront tal-parti kontraent tiegħu fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali u/jew fuq ir-responsabbiltà ta’ delitt hijiex determinanti għall-ġurisdizzjoni. |
72. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pożizzjoni għall-ewwel darba dwar il-kwistjoni fis-sentenza tagħha Kalfelis ( 52 ). Il-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tikkonċerna individwu li ħarrek lill-bank tiegħu, sabiex jikseb kumpens għad-dannu li kien ġarrab fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet fil-borża, billi bbaża ruħu kumulattivament fuq (1) ir-responsabbiltà kuntrattwali, (2) ir-responsabbiltà ta’ delitt u (3) l-arrikkiment indebitu (kważi kuntrattwali). B’mod partikolari kienet qamet il-kwistjoni ta’ jekk il-qorti li kellha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, biex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà ta’ delitt, kellhiex ġurisdizzjoni wkoll fir-rigward tal-bażijiet kuntrattwali u kważi kuntrattwali. |
73. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ materji ta’ delitt u kważi delitt” għandu jiġi ddefinit b’mod awtonomu bħala li jinkludi “kull talba intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex relatata mal-‘materji kuntrattwali’, fis-sens tal-Artikolu 5(1)” tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Moqrija b’mod iżolat, din is-silta donnha hija intiża li tindika li l-għażla tal-applikant li jibbaża t-talba tiegħu kontra l-parti kontraenti tiegħu fuq ir-responsabbiltà ta’ delitt ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-ġurisdizzjoni: din ser taqa’ probabbilment taħt il-kategorija “materji kuntrattwali”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat “li qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) [tal-imsemmija konvenzjoni] sabiex tieħu konjizzjoni tal-element ta’ talba msejjsa fuq bażi ta’ delitt ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ elementi oħrajn fl-istess talba li huma msejjsa fuq bażi mhux ta’ delitt” ( 53 ). |
74. |
Minkejja l-karattru xi ftit ambigwu tat-tweġiba tagħha, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, f’dik is-sentenza, li hemm lok li tiġi kklassifikata bħala li taqa’ taħt il-“materji kuntrattwali” jew taħt il-“materji ta’ delitt”, kull waħda mill-bażijiet legali invokati mir-rikorrent, jiġifieri d-diversi regoli ta’ dritt sostantiv li jservu bħala kawża għat-talbiet tiegħu. Il-ġurisdizzjoni, għalhekk, tista’ tvarja, skont ir-regola sostantiva li dan tal-aħħar jinvoka ( 54 ). Nippreċiża li din ma hijiex kwistjoni li tintgħażel, għall-finijiet tar-Regolament Brussell I jew tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, il-klassifikazzjoni prevista fid-dritt nazzjonali. Fil-verità, għall-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola invokata tirreferi għal obbligu. Huwa dan l-obbligu li, għall-finijiet ta’ dawn l-atti, għandu jiġi kklassifikat, b’mod awtonomu, bħala“kuntrattwali” – jekk dan jiġi assunt b’mod liberu bejn il-partijiet ( 55 ) – jew bħala “ta’ delitt jew kważi delitt” – jekk dan ma huwiex relatat mal-ewwel kategorija. Meta, fil-kuntest tal-istess azzjoni, ir-rikorrent jinvoka bażijiet legali separati, huwa jinvoka obbligi differenti – kuntrattwali, ta’ delitt, etc. – li jistgħu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ daqstant qrati ( 56 ). |
75. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pożizzjoni mill-ġdid dwar din il-problema fis-sentenza Brogsitter ( 57 ). Fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, individwu talab kumpens lill-partijiet kontraenti tiegħu abbażi b’mod partikolari tar-responsabbiltà ta’ delitt, fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ liġijiet Ġermaniżi kontra l-kompetizzjoni żleali. F’dan il-kuntest, huwa allega, b’mod partikolari, li kienu kisru obbligu ta’ esklużività li kien jirriżulta mill-kuntratt tagħhom. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar liema klassifikazzjoni, fis-sens tar-Regolament Brussell I, għandha tingħata lil dawn it-talbiet. |
76. |
Billi ħadet bħala punt ta’ tluq id-dictum tas-sentenza Kalfelis ( 58 ) li jgħid li l-“materji ta’ delitt” jinkludu kull talba intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex relatata mal-“materji kuntrattwali”, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li sabiex it-talbiet inkwistjoni jidħlu f’waħda minn dawn il-kategoriji, kien hemm lok li jiġi vverifikat “jekk dawn għandhomx, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali, natura kuntrattwali” ( 59 ). |
77. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess japplika “jekk l-aġir ikkritikat ikun jista’ jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali, liema obbligi jkunu jistgħu jiġu ddeterminati fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt” ( 60 ) u li “[d]an ikun a priori l-każ jekk l-interpretazzjoni tal-kuntratt […] tidher indispensabbli sabiex tiġi stabbilita n-natura legali jew, bil-kontra, illegali tal-aġir ikkritikat […]” ( 61 ). Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha “tiddetermina jekk l-azzjonijiet mressqa […] għandhomx bħala suġġett talba għal kumpens li l-kawża ( 62 ) tagħha tista’ raġonevolment titqies li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet u tal-obbligi tal-kuntratt […], liema fatt ikun irid jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi deċiża l-kawża” ( 63 ). |
78. |
Is-sentenza Brogsitter ( 64 ) turi, fil-fehma tiegħi, bidla fl-approċċ adottat fis-sentenza Kalfelis ( 65 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja donnha bidlet il-perspettiva fl-eżerċizzju tal-klassifikazzjoni għall-finijiet tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Hija ċaħdet klassifikazzjoni li tieħu bħala punt ta’ tluq il-bażi legali sostantiva) li jinvoka r-rikorrent biex tagħżel klassifikazzjoni bbażata fuq il-fatt li jsostnu t-talba. F’tali analiżi, il-mod li bih dan jifformula din it-talba donnu huwa irrilevanti. |
79. |
Il-portata eżatta tas-sentenza Brogsitter ( 66 ) madankollu ma hijiex ċerta. F’dan ir-rigward, Arcadia tafferma li t-“test Brogsitter” jinsab fil-punt 25 ta’ din is-sentenza: talba hija “f’materji kuntrattwali” meta jidher li huwa indispensabbli li jiġi interpretat il-kuntratt sabiex tiġi stabbilita n-natura legali jew, bil-kontra, illegali tal-aġir ikkritikat fil-livell ta’ delitt. Jien naqbel ma’ din l-analiżi. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tikklassifika bħala “kuntrattwali” it-talbiet għal responsabbiltà ta’ delitt li l-fondatezza tagħhom tiddependi fuq il-kontenut tal-obbligi kuntrattwali li jorbtu lill-partijiet fil-kawża ( 67 ). |
80. |
Min-naħa l-oħra, il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma tal-opinjoni li t-“test Brogsitter” li jinsab fil-punti 24 u 29 tal-imsemmija sentenza: talba hija “f’materji kuntrattwali” kemm il-darba l-aġir ikkritikat jista’ jitqies – jiġifieri jista’ jikkostitwixxi – nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali, irrispettivament minn jekk ir-rikorrent jinvokahx jew le. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni ma hijiex jekk jidhirx li huwa indispensabbli li jiġi stabbilit il-kontenut tal-obbligi kuntrattwali sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-legalità tal-aġir ikkritikat fil-qasam ta’ delitt, iżda jekk teżistix korrispondenza potenzjali bejn dan l-aġir u l-kontenut ta’ dawn l-obbligi. Peress li, fid-dawl tal-fatti, l-imsemmi aġir jista’ jikkostitwixxi, fl-istess ħin, nuqqas fil-qasam ta’ delitt u nuqqas kuntrattwali, u peress li għalhekk ir-rikorrent jista’ jinvoka waħda jew l-oħra, il-klassifikazzjoni kuntrattwali tiħu preċedenza għall-finijiet ta’ ġurisdizzjoni. |
81. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher, f’ċerti sentenzi reċenti, li fehmet is-sentenza Brogsitter ( 68 ) bl-istess mod bħall-konvenuti fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, fis-sentenza Holterman, li kienet tikkonċerna wkoll, infakkar, sitwazzjoni li fiha kienu invokati bażijiet legali differenti insostenn tal-istess talba għal kumpens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex isir magħruf jekk tali talba kinitx “f’materji kuntrattwali” jew “f’materji ta’ delitt”, hemm lok biss li jiġi vverifikat jekk l-aġir ikkritikat ikunx jista’ jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali ( 69 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkuntentat ruħha li tafferma dan il-kriterju mill-ġdid mingħajr ma fil-verità tapplikah (jew tispjegah), b’tali mod li huwa diffiċli li wieħed ikun ċert mis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tagħtih. |
82. |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija minn tal-inqas ambigwa fir-rigward tal-mod kif l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ akkumulazzjoni ta’ responsabbiltajiet. Ikun utli li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward. |
83. |
Fl-opinjoni tiegħi, għall-finijiet tal-artikolazzjoni bejn l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, fid-dawl tal-għanijiet ta’ ċertezza legali, ta’ prevedibbiltà u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja inerenti f’dawn l-atti, huwa ppreferut li tinżamm il-loġika li tirriżulta mis-sentenza Kalfelis ( 70 ) u li talba tiġi kklassifikata bħala “kuntrattwali” jew “ta’ delitt” fid-dawl tal-bażi legali sostantiva invokata mir-rikorrent. Minn tal-inqas il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħżel interpretazzjoni stretta tas-sentenza Brogsitter ( 71 ) esposta fil-punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fi kliem ieħor, jekk talba, imressqa bejn partijiet kontraenti, ma tkunx ibbażata fuq obbligu li jirriżulta mill-kuntratt, iżda fuq ir-regoli tar-responsabbiltà ċivili ta’ delitt, u jekk ma jidhirx li huwa indispensabbli li jiġi stabbilit il-kontenut tal-obbligi kuntrattwali sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-legalità tal-aġir ikkritikat, din it-talba jkollha taqa’ taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dawn l-atti ( 72 ). |
84. |
Ċertament nammetti li l-fatt li l-ġurisdizzjoni tkun tiddependi fuq il-bażi legali sostantiva invokata mir-rikorrent jawtorizza livell ta’ forum shopping, fejn huwa jista’, sa ċertu punt, jagħżel il-qorti tiegħu skont ir-regoli adegwati. Barra minn hekk, l-istess aġir li jikkawża dannu, mifhum mir-rikorrent mill-perspettiva tal-bażijiet legali differenti, jista’ teoretikament jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qrati differenti, li jwassal għalhekk għal riskju ta’ separazzjoni tal-kawża. F’dan il-kuntest, soluzzjoni bħal dik proposta mill-konvenuti fil-kawża prinċipali teskludi tali forum shopping u tippreżenta l-vantaġġ li tiġi permessa akkumulazzjoni ta’ kawżi li joriġinaw minn relazzjoni kuntrattwali quddiem il-forum ta’ fejn sar il-kuntratt. |
85. |
Madankollu għandhom jiġu spjegati l-problemi enfasizzati iktar ’il quddiem. Fil-fatt, l-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Brussell I ippermettew huma stess ċertu forum shopping, billi joffru lir-rikorrent għażliet ta’ ġurisdizzjonijiet. Fil-każ ta’ akkumulazzjoni ta’ responsabbiltajiet, il-forum fejn sar il-kuntratt u dak fejn seħħ id-delitt it-tnejn li huma jippreżentaw rabta stretta mat-tilwima, u dawn l-atti ma jipprevedux ġerarkija bejn il-forums inkwistjoni. Fir-rigward tar-riskju ta’ separazzjoni tal-kawża, bħalma nnotat il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha fis-sentenza Kalfelis ( 73 ), l-applikant jista’ dejjem iressaq it-talba tiegħu quddiem il-qrati tad-domiċilju tal-konvenut, b’mod konformi mal-Artikolu 2 tal-imsemmija atti, li għalhekk ikollhom ġurisdizzjonijiet biex jieħdu deċiżjoni dwar it-talba kollha kemm hi. |
86. |
Nammetti wkoll li aspett prattiku huwa importanti. Fil-fatt, filwaqt li ċerti drittijiet, fosthom id-dritt Ingliż, jimponi fuq l-applikanti regoli ta’ strict pleading, fejn fir-rikors tagħhom huma ma għandhomx jindikaw biss il-fatti u s-suġġett tat-talba tagħhom, iżda wkoll il-bażijiet legali li huma jibbażaw fuqhom, ordinamenti ġuridiċi oħrajn, fosthom id-dritt Franċiż, ma jimponux fuq l-applikanti tali rekwiżit. Madankollu, għal darba oħra hawn, huwa meħtieġ ċertu relattiviżmu. Il-fatt li rikorrent ma jkunx marbut jindika l-bażi legali li jinvoka ma jfissirx li ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni meta huwa jagħmel dan. |
87. |
Iżda, lil hinn minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-pożizzjoni tiegħi hija essenzjalment immotivata minn obbligu ta’ sempliċità tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni. Infakkar lil-għan ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-qorti nazzjonali adita tkun tista’ faċilment tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni rispettiva tagħha, mingħajr il ħtieġa li teżamina l-kawża fuq il-mertu ( 74 ). |
88. |
F’dan ir-rigward, il-fatt li l-ġurisdizzjoni tkun tiddependi fuq il-bażi legali sostantiva (jew fuq l-obbligu) invokata mill-applikant joffri loġika sempliċi lill-qorti adita: bħalma indikajt diġà, huwa dan l-obbligu li għandu jiġi kklassifikat bħala “kuntrattwali” jew “ta’ delitt”, fis-sens tar-Regolament Brussell I jew tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Min-naħa l-oħra, il-fatt li qorti tkun mistennija tikklassifika t-talba fid-dawl tal-fatti - jeżisti nuqqas kuntrattwali li seta jiġi invokat mir-rikorrent? - jagħmel il-kompitu tagħha kunsiderevolment iktar kumpless. Kif issostni Arcadia, dan ifisser li hija jkollha tipotizza dwar il-mod kif kawża setgħet titressaq. Il-verifika effettiva, fl-istadju tal-ġurisdizzjoni, ta’ eventwali korrispondenza bejn l-aġir ikkontestat u l-kontenut tal-obbligi kuntrattwali hija kompitu iebes. F’numru kbir ta’ każijiet, ikun partikolarment oneruż għall-qorti biex tiddetermina, jew saħansitra li timmaġina, f’dan l-istadju, il-kontenut ta’ dawn l-obbligi: dan jeħtieġ li tiġi stabbilita l-liġi applikabbli, li se tiddetermina mhux biss il-metodu ta’ interpretazzjoni tal-kuntratt – essenzjali biex jiġi żvelat il-kontenut – iżda wkoll l-eżiti kollha (implied terms) li timponi din il-liġi fuq kuntratt ta’ dan it-tip. Il-prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tirriskja li titnaqqas minħabba din id-diffikultà. |
89. |
Barra minn hekk, infakkar li, bħala prinċipju, il-qorti adita għandha tkun tista’ tiddetermina l-ġurisdizzjoni tagħha biss fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet tal-applikant ( 75 ). Bil-kontra ta’ dan, il-fatt li qorti tiġi obbligata żżomm evalwazzjoni globali tal-fatti jkun jimplika li, fil-prattika, il-konvenut ikun jista’ jevita r-regola ta’ ġurisdizzjoni f’“materji ta’ delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussels I u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, sempliċement billi jinvoka l-eżistenza ta’ kuntratt bejn il-partijiet u l-konkordanza possibbli bejn l-aġir ikkontestat u l-obbligi li jinvolvi ( 76 ). |
90. |
Fl-aħħar nett, nerġa nfakkar li “f’materji kuntrattwali”, fil-kuntest tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell I u tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, u lil hinn mill-każ tal-kuntratti speċifiċi previsti fis-subpunt (b) tal-imsemmi punt, il-ġurisdizzjoni tingħata lill-qrati tal-post fejn ġie eżegwit jew għandu jiġi eżegwit l-obbligu li jservi ta’ bażi għat-talba. Madankollu, nistaqsi dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-regola jekk it-talba tar-rikorrent ma tkunx ibbażata preċiżament fuq obbligu kuntrattwali partikolari, iżda li din it-talba jkollha xorta waħda tiġi kklassifikata bħala “kuntrattwali” fid-dawl tal-fatti. |
2. Traspożizzjoni ta’ din il-problema fit-Taqsima 5
91. |
Dan espost, bħalma indikajt preċedentement, il-problema tat-talbiet ta’ delitt imressqa bejn il-kontraenti teħtieġ, fil-fehma tiegħi, tweġiba differenti fir-rigward tal-applikazzjoni tat-Taqsima 5. |
92. |
F’dan ir-rigward, fid-dawl b’mod partikolari tal-eżistenza ta’ diverġenza lingwistika bejn il-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Brussell I ( 77 ), hemm lok li wieħed jintrabat qabel kollox mal-istruttura ta’ dawn l-atti u mal-iskop ta’ protezzjoni mfittex mit-Taqsima 5 ( 78 ). |
93. |
Madankollu, in-natura awtonoma u imperattiva ta’ din it-taqsima fi ħdan dawn l-atti kif ukoll dan l-istess għan ta’ protezzjoni jimponu, fl-opinjoni tiegħi, li din ma tkunx tista’ tiġi evitata mill-persuna li timpjega sempliċement billi tifformula t-talba tagħha fil-qasam ta’ delitt ( 79 ). F’dan il-kuntest, il-persuna li timpjega ma jkollhiex għażla. Inkella, din l-istess taqsima titlef kull effett utli ( 80 ). Dawn l-elementi, f’dan is-suġġett, ixaqilbu l-miżien favur klassifikazzjoni mhux ibbażata fuq il-bażijiet legali sostantivi invokati mir-rikorrent, iżda fuq il-fatti tat-tilwima. |
94. |
Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi talba hija “f’materji relatati ma’ kuntratt individwali ta’ impjieg”, għall-ħtiġijiet tat-Taqsima 5, meta teżisti, fid-dawl tal-fatti, ċerta rabta materjali bejn din it-talba u tali “kuntratt”. Dan ikun il-każ jekk it-talba tkun relatata ma nuqqas ta’ qbil imnissel fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol, irrispettivament minn jekk ir-rikorrent jibbażax it-talba tiegħu fuq l-imsemmi “kuntratt” jew le, u ma huwiex wisq rilevanti li jidher li jkun, jew ma jkunx, indispensabbli li jiġi stabbilit il-kontenut tal-obbligi kuntrattwali sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tagħha. Din il-kundizzjoni għandha tiġi evalwata b’mod wiesa’. Fi kliem ieħor, sakemm din il-kundizzjoni tkun sodisfatta, anki talba msejsa fuq ir-regoli tar-responsabbiltà ċivili ta’ delitt (bħal conspiracy claim ta’ Arcadia), li bħala prinċipju taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I jew tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, taqa’ taħt it-Taqsima 5 ( 81 ). |
95. |
Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-problema sottostanti għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, jiġifieri dik ta’ talba għal kumpens imressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem, fl-opinjoni tiegħi din it-talba taqa’ taħt it-Taqsima 5 jekk, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Holterman, l-ewwel parti tinvoka nuqqasijiet allegatament imwettqa mit-tieni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ( 82 ). |
96. |
Madankollu ma nistax nieqaf hawn. Fil-fatt, jekk inkwistjoni hemm sitwazzjonijiet fejn in-nuqqas allegat jidħol b’mod ċar fit-twettiq innifsu tal-funzjonijiet assenjati lill-ħaddiem u, għall-kuntrarju, każijiet fejn dan in-nuqqas ma għandu l-ebda rabta ma’ dawn il-funzjonijiet ( 83 ), jeżistu wkoll diversi “żoni griżi”. Dan ikun il-każ meta l-ħaddiem, billi wettaq in-nuqqas kontenzjuż, ma aġixxiex bl-għan li jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu, iżda li dan in-nuqqas jista’ madankollu jkun marbut magħhom b’rabta ta’ żmien, ta’ post jew anki ta’ mezzi ( 84 ). Għalhekk, it-test propost fil-punt preċedenti għandu jiġi rfinat? |
97. |
Ma naħsibx. Fil-fehma tiegħi, għalkemm rfinar fid-dritt sostantiv huwa possibbli, bħala kundizzjonijiet ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà tal-ħaddiem, ma jkunx xieraq li l-analiżi tal-ġurisdizzjoni ssir iktar kumplessa. Għandu jitfakkar li f’dan il-qasam, il-qorti adita għandha tkun tista’ tiddeċiedi faċilment dwar il-ġurisdizzjoni tagħha mingħajr ma tidħol f’analiżi avvanzata tal-fatti. |
98. |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 5 jiġu esklużi biss it-talbiet ta’ min iħaddem fil-konfront tal-ħaddiem li jirrigwardaw aġir dannuż li ma jintrabat bl-ebda ċirkustanza oġġettiva – ta’ post, ta’ ħin, ta’ mezzi jew ta’ skop – mal-funzjonijiet eżerċitati minn dan tal-aħħar ( 85 ). |
99. |
Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument ta’ Arcadia li jgħid li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali għandhom jiġu interpretati b’mod strett u ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jmur lil hinn mill-każijiet li huma jipprevedu ( 86 ). |
100. |
Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza sempliċement tindika li ma huwiex possibbli li wieħed jitbiegħed mit-termini ċari ta’ dawn ir-regoli speċjali, anki jekk tkun konformi mal-għan imfittex minnhom. |
101. |
Issa, l-interpretazzjoni li nissuġġerixxi bl-ebda mod ma titbiegħed mit-termini tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, li l-importanza tiegħu għandha, barra minn hekk, tiġi spjegata dwar dan il-punt, b’kunsiderazzjoni tad-diverġenza lingwistika indikata preċedentement. F’sitwazzjoni li fiha ħaddiem jikkawża dannu lil min jimpjegah, ir-relazzjoni ta’ impjieg hija, ġeneralment, element ta’ kuntest determinanti. Din ir-relazzjoni se tkun qiegħdet lill-ħaddiem fil-post fejn twettaq in-nuqqas – pereżempju, il-postijiet tal-persuna li timpjega – jew se tkun offrietlu l-mezzi biex iwettqu – bħall-aċċess għal ċerta informazzjoni kunfidenzjali ta’ din tal-aħħar. Fi ftit kliem, lil hinn mill-każijiet fejn kull forma ta’ rabta mal-funzjonijiet ta’ ħaddiem hija eskluża, teżisti, bejn talba għal kumpens tal-persuna li timpjega u l-obbligi li jirriżultaw mill-“kuntratt individwali ta’ impjieg”, rabta materjali suffiċjenti biex tiġi ġġustifikata li din it-talba hija relatata mal-imsemmija “kuntratti”, kif meħtieġ mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni. |
102. |
Din l-istess interpretazzjoni lanqas ma hija kkonfutata mill-argument ta’ Arcadia li jgħid li hija biss talba li min-natura tagħha hija “f’materji kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II u tar-Regolament Brussell I tista’ tkun f’materja ta “kuntratti individwali ta’ impjieg”, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. Ċertament, “kuntratti individwali ta’ impjieg” huwa kategorija ta’ kuntratt li taqa’ taħt l-imsemmija “materja kuntrattwali”. Għaldaqstant, din it-taqsima hija lex specialis meta mqabbla mal-imsemmi Artikolu 5(1). Madankollu, din il-konstatazzjoni ma jipprekludix li tiġi evalwata r-rabta bejn talba u l-“kuntratt” b’mod iktar ġeneruż fil-kuntest tal-imsemmija taqsima, meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-imperattività ta’ din l-istess taqsima. |
103. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel u għat-tielet domanda tkun li talba mressqa minn persuna li timpjega kontra ħaddiem hija “f’materja ta’” kuntratti individwali ta’ impjieg, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II, meta din tkun tirrigwarda nuqqas ta’ qbil imnissel fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol, irrispettivament mill-bażijiet ġuridiċi sostantivi invokati mill-persuna li timpjega fir-rikors tagħha. B’mod partikolari, talba għal kumpens imressqa mill-persuna li timpjega kontra ħaddiem taqa’ taħt it-Taqsima 5 meta l-aġir ikkontestat ikun marbut, fil-fatti, mal-funzjonijiet eżerċitati mill-ħaddiem. |
D. Fuq il-kunċett ta’ “persuna li timpjega”, b’mod partikolari fi ħdan grupp ta’ kumpanniji (ir-raba’ domanda)
104. |
Il-konvenuti fil-kawża prinċipali ġew imħarrka quddiem il-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales, infakkar, minn Arcadia London, Arcadia Singapore u Arcadia Switzerland kif ukoll mill-azzjonist uniku tal-grupp, Farahead. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati kellhom kuntratt ta’ impjieg, fis-sens tad-dritt sostantiv, biss ma’ kumpannija waħda Arcadia, li l-identità tagħha varjat matul iż-żmien. Għaldaqstant, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk it-talbiet imressqa fil-konfront ta’ ħaddiem, minn persuna li ma hijiex il-persuna li timpjegah, fis-sens tad-dritt sostantiv – bħalma kienu, fil-każ ineżami, il-kumpanniji tal-grupp minbarra l-kumpannija li timpjega –, jistgħux jaqgħu taħt it-Taqsima 5 u, jekk iva, f’liema kundizzjonijiet. |
105. |
Naturalment, għal darba oħra hawn, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal din id-domanda jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tqis, bħalma nissuġġerilha jien, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kellhom “kuntratti individwali ta’ impjieg”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5, mal-ebda waħda mill-kumpanniji Arcadia. Għalhekk, huwa wkoll sussidjarjament li nagħti risposta għal din id-domanda, u billi nitlaq mill-ipoteżi li skontha l-partijiet ikkonċernati huma “ħaddiema”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
106. |
Dan ippreċiżat, talba taqa’ bħala prinċipju taħt it-Taqsima 5, konformement mad-dispożizzjonijiet tagħha, biss jekk titressaq minn waħda mill-partijiet għall-“kuntratt individwali ta’ impjieg” – ħaddiem jew persuna li timpjega - kontra l-parti l-oħra. F’dan il-kuntest, il-persuna li timpjega hija, tipikament, il-persuna fiżika jew ġuridika li għaliha l-ħaddiem iwettaq matul ċertu żmien, fl-interessi tagħha u taħt it-tmexxija tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tħallas remunerazzjoni. |
107. |
Min-naħa l-oħra, talba mressqa minn terz għall-imsemmi “kuntratt” fil-konfront tal-ħaddiem jew tal-persuna li timpjega, jew talba mressqa minn waħda minn dawn il-partijiet fil-konfront ta’ tali terz, ma taqax taħt din it-taqsima. Madankollu hemm żewġ sfumaturi, b’mod partikolari fil-każ ta’ grupp ta’ Kumpanniji. |
108. |
Minn naħa, bħalma indikajt fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni domanda, il-klassifikazzjoni awtonoma bħala “kuntratt individwali ta’ impjieg” u, f’dan ir-rigward, it-test tar-rabta ta’ subordinazzjoni jippermettu li jitqies li kumpannija li magħha l-ħaddiem ma kkonkludiex kuntratt, fis-sens tad-dritt sostantiv, għandha xorta waħda tali “kuntratt” miegħu. Fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, il-“persuna li timpjega” ta’ ħaddiem, li jkollu kuntratt ta’ impjieg formalment ma’ kumpannija A, tista’ għalhekk tkun il-kumpannija B, jew saħansitra dawn iż-żewġ kumpanniji, skont min jeżerċita s-setgħa effettiva ta’ tmexxija ( 87 ). |
109. |
Min-naħa l-oħra, jekk, bi qbil ma’ dan it-test, ħaddiem għandu “kuntratt individwali ta’ impjieg” biss mal-kumpannija A, iżda jiġi mħarrek mill-kumpannija B, l-għan ta’ protezzjoni mfittex mit-Taqsima 5 jiġġustifika ż-żamma ta’ approċċ intiż għar-realtà tal-kawża: jekk it-talba tal-kumpannija B tikkonċerna aġir imwettaq mill-ħaddiem matul l-eżekuzzjoni tal-“kuntratt” tiegħu fil-konfront tal-kumpannija A, għalhekk il-kumpannija B ikollha titqies ukoll bħala l-“persuna li timpjega”, fis-sens tal-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano II. Kumpanniji tal-istess grupp għandhom ikunu marbuta bl-istess restrizzjonijiet f’termini ta’ ġurisdizzjoni ( 88 ). Fin-nuqqas ta’ dan, nibża li dan, hawnhekk ukoll, iħalli ċerta possibbiltà ta’ evitar tat-Taqsima 5 għad-dispożizzjoni tal-persuni internazzjonali li jimpjegaw. Kemm il-darba teżisti rabta organika u ekonomika bejn dawn iż-żewġ kumpanniji u kemm il-darba it-tieni waħda għandha interess f’eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt, dan ma jmurx kontra l-għan taċ-ċertezza legali ( 89 ). Dan jippermetti, barra minn hekk, b’mod xieraq, li tiġi evitata l-multipliċità ta’ forums li jkollhom ġurisdizzjoni għall-istess relazzjoni ta’ impjieg u jipparteċipa għalhekk fl-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
110. |
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-raba’ domanda tkun li meta, fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, ħaddiem għandu kuntratt ta’ impjieg, fis-sens tad-dritt sostantiv, ma kumpannija partikolari, iżda jiġi mħarrek minn kumpannija oħra, din it-tieni kumpannija tista’ titqies li hija l-“persuna li timpjega” lill-ħaddiem, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5, jekk:
|
V. Konklużjoni
111. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2007, L 339, p. 1. Konvenzjoni li l-konklużjoni tagħha ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/430/KE tas‑27 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009, L 147, p. 1).
( 3 ) Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”). Dan ir-regolament issostitwixxa l-Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”). Reċentement, dan ġie ssostitwit huwa stess bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).
( 4 ) Barra minn hekk, għall-interpretazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet nazzjonali dwar dawn l-atti. Ara l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-interpretazzjoni uniformi tal-[Konvenzjoni ta’ Lugano II] u dwar il-kumitat permanenti (ĠU 2007, L 339, p. 27) u s-sentenzi tat‑2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 36), kif ukoll tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Schlömp (C‑467/16, EU:C:2017:993, punti 46 sa 51).
( 5 ) Din id-dispożizzjoni tipprevedi li persuna tista’ tiġi mħarrka, meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, “fil-qrati tal-post fejn kwalunkwe wieħed minnhom ikun iddomiċiljat sakemm it-talbiet ikunu marbuta tant strettament ma’ xulxin li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”.
( 6 ) Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punti 19 u 20), tal‑14 ta’ Settembru 2017, Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:688, punt 51) kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Petronas Lubricants Italy (C‑1/17, EU:C:2018:478, punt 25).
( 7 ) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-Konvenzjoni ta’ Lugano II u r-Regolament Brussell I isegwu, b’mod ġenerali, l-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. Dawn għandhom, f’dan ir-rigward, jippreżentaw livell għoli ta’ prevedibbiltà: min iressaq it-talba għandu jkun jista’ jiddetermina faċilment il-qrati li quddiemhom ikun jista’ jippreżenta l-azzjoni tiegħu, u l-konvenut raġonevolment għandu jkun jista’ jipprevedi quddiem liema qrati jista’ jiġi mħarrek. Barra minn hekk, dawn ir-regoli huma intiżi biex jiżguraw amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99, punt 26), u tal‑10 ta’ April 2003, Pugliese (C‑437/00, EU:C:2003:219, punt 16).
( 8 ) Ara l-premessa 13 tar-Regolament Brussell I kif ukoll is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 44), u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Petronas Lubricants Italy (C‑1/17, EU:C:2018:478, punt 23).
( 9 ) Din it-tieni parti hija ttrattata mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tar-raba’ domanda tagħha. Madankollu, inqis utli li neżaminaha sa minn issa.
( 10 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)), tad-19 ta’ Awwissu 2016, Peter Miles Bosworth and Colin Hurley vs Arcadia Petroleum Ltd et, [2016] EWCA Civ 818, punti 90 u 91.
( 12 ) Direttur de facto huwa persuna li, mingħajr ma kienet ġiet maħtura formalment bħala direttur ta’ kumpannija, teżerċita effettivament tali funzjonijiet.
( 13 ) P. Bosworth kien maħtur amministratur ta’ Arcadia Singapore għal ċertu perijodu, u C. Hurley min-naħa tiegħu kien maħtur direttur ta’ Arcadia London, sussegwentement ta’ Arcadia Singapore. Indipendentement minn dawn il-ħatriet, il-partijiet ikkonċernati kienu jeżerċitaw, fil-fatti, dawn il-funzjonijiet għall-kumpanniji Arcadia kollha kkonċernati, matul il-perijodu kollu li jkopru l-fatti tal-kawża prinċipali.
( 14 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax b’mod ċar jekk din il-klassifikazzjoni twettqitx skont lex causæ jew lex fori.
( 15 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza Holterman, EU:C:2015:574, punti 35 sa 37).
( 16 ) Ara s-sentenza Holterman, punti 39 sa 45 u 49. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ukoll riferiment, fl-ewwel żewġ punti, għall-fatt li impjegat u min jimpjega huma marbuta minn rabta duratura li fil-kuntest tagħha l-ewwel wieħed minnhom jidħol fil-kuntest ta’ ċertu organizzazzjoni tan-negozju tat-tieni wieħed. Madankollu, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma rriproduċietx dan l-element fir-risposta tagħha fil-punt 49 ta’ dik is-sentenza u fid-dispożittiv tagħha jindika, fl-opinjoni tiegħi, li hija ma tqisx li dan huwa rekwiżit għall-klassifikazzjoni bħala “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens tat-Taqsima 5, iżda bħala sempliċi deskrizzjoni ta’ dan it-tip ta’ kuntratt.
( 17 ) Ara, b’analoġija, ir-rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, minn Mario Giuliano, professur fl-Università ta’ Milan, u Paul Lagarde, professur fl-Università ta’ Pariġi I (ĠU 1980, C 282, p. 1), b’mod speċjali p. 25. Ara wkoll Baker Chiss, C., “Compétence judiciaire, reconnaissance et exécution des décisions en matière civile et commerciale – Compétence – Règles de compétences spéciales – Règles de compétence protectrices des parties faibles – Contrat de travail – Articles 20 à 23 du règlement (UE) no 1215/2012”, JurisClasseur Droit international, faxx. 584-155, 15 ta’ Settembru 2014, punti 29 sa 38 u 46; Merrett, L., Employment Contracts in Private International Law, Oxford University Press, 2011, p. 62 sa 77, u Grušić, U., The European Private International Law of Employment, Cambridge University Press, 2015, p. 78 sa 83.
( 18 ) ĠU 1980, L 266, p. 1.
( 19 ) Ara Grušić, U., op. cit., p. 61 u 62.
( 20 ) Tali interpretazzjoni, barra minn hekk, hija essenzjali biex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni mfittex mit-Taqsima 5. L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt individwali ta’ impjieg”, fis-sens ta’ din it-taqsima, għandha għalhekk tkun wiesgħa biżżejjed sabiex tkopri lill-ħaddiema kollha li għandhom bżonn protezzjoni, fosthom dawk li għandhom relazzjoni ta’ impjieg “atipika”, mingħajr kuntratt reali, iżda wkoll id-dipendenti kollha tal-persuna li timpjegahom.
( 21 ) Barra minn hekk Arcadia sostniet quddiem il-qrati nazzjonali li l-għażla tal-konvenuti fil-kawża prinċipali li jiġu impjegati formalment minn Arcadia London jew Arcadia Singapore, iżda mhux minn Arcadia Switzerland, hija spjegata sempliċement mill-fatt li huma kienu ntaxxati fl-Isvizzera skont sistema fiskali li tipprojbixxi kull xogħol irremunerat f’dan l-Istat. Ara Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)), tad-19 ta’ Awwissu 2016, Peter Miles Bosworth and Colin Hurley vs Arcadia Petroleum Ltd et, [2016] EWCA Civ 818, punt 71.
( 22 ) Dan kien tabilħaqq il-każ f’din il-kawża. Il-fatt li r-remunerazzjoni tal-konvenuti fil-kawża prinċipali tħallset biss minn ċerti kumpanniji tal-grupp Arcadia huwa, fl-opinjoni tiegħi, irrilevanti. Il-forma li tieħu r-remunerazzjoni u l-mod kif din titħallas huma irrilevanti. Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins (C‑9/12, EU:C:2013:860, punti 39 u 40).
( 23 ) Ara s-sentenza Holterman, punti 53 u 54. Ara wkoll, dwar il-kunċett ta’ “materji kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell I, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C‑26/91, EU:C:1992:268, punt 15), u tas‑17 ta’ Settembru 2002, Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499, punt 23).
( 24 ) Ara s-sentenza Holterman, punti 46 u 47.
( 25 ) Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum (66/85, EU:C:1986:284, punt 18), tat‑13 ta’ Jannar 2004, Allonby (C‑256/01, EU:C:2004:18, punt 72); tal‑4 ta’ Diċembru 2014, FNV Kunsten Informatie en Media (C‑413/13, EU:C:2014:2411, punti 36 u 37), kif ukoll tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 45).
( 26 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa (C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 47), u, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:309, punt 32).
( 27 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010 (C‑232/09, EU:C:2010:674).
( 28 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015 (C‑229/14, EU:C:2015:455).
( 29 ) Direttiva tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).
( 30 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010, Danosa (C‑232/09, EU:C:2010:674, punti 48 sa 51).
( 31 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015 (C‑229/14, EU:C:2015:455, punti 37 sa 41).
( 32 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).
( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (C‑533/07, EU:C:2009:257, punti 33 sa 40, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Nogueira et (C‑168/16 u C‑169/16, EU:C:2017:312, punt 112).
( 34 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:309, punt 25).
( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Schneider (C‑386/12, EU:C:2013:633, punt 18), tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman-Collins (C‑9/12, EU:C:2013:860, punt 28), u tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 23).
( 36 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010 (C‑232/09, EU:C:2010:674).
( 37 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010 (C‑232/09, EU:C:2010:674).
( 38 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015 (C‑229/14, EU:C:2015:455).
( 39 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:309, nota ta’ qiegħ il-paġna 28). Ara l-Companies Act 2006, parti 10, Kapitolu 5, punt 227 intitolat “Director’s service contracts”. Min-naħa l-oħra, fi Stati Membri oħrajn, u b’mod partikolari fi Franza, il-kumulu ta’ mandat mill-kumpannija u ta’ kuntratt ta’ impjieg huwa possibbli biss jekk id-direttur jeżerċita funzjonijiet tekniċi distinti minn dawk inerenti għal tali mandat. Jekk ikun il-każ, il-parti kkonċernata għalhekk ikollha żewġ status indipendenti: il-funzjonijiet ta’ direttur huma suġġetti għar-regoli tad-dritt tal-kumpanniji, filwaqt li l-funzjonijiet ta’ ħaddiem huma suġġetti għar-regoli protettivi tad-dritt industrijali, u d-direttur jirċievi żewġ remunerazzjonijiet distinti. Ara Bavozet, F., “dirigeants salariés et assimilés. - Affiliation au régime des salariés. - Conditions de cumul d’un contrat de travail et d’un mandat social”, JurisClasseur, faxx. S‑7510, 7 ta’ Frar 2018.
( 40 ) Ara, bħala eżempju, l-Artikolu L 223-22 tal-code de commerce français (il-Kodiċi tal-Kummerċ, Franza), l-Artikoli 236 et seq. tal-Ley de Sociedades de Capital (il-Liġi dwar il-Kumpanniji b’Kapital Azzjonarju, Spanja), tat-2 ta’ Lulju 2010 (BOE Nru 161, tat-3 ta’ Lulju 2010, p. 58472), u l-Artikoli 361 u 363 sa 365 tas-Selskabsloven (il-Liġi dwar il-Kumpanniji, id-Danimarka). Dawn ir-regoli ġew armonizzati parzjalment ħafna mill-Artikoli 106 u 152 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2017, L 169, p. 46). Ara wkoll l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat‑8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251).
( 41 ) Ara, bħala eżempju, l-Artikolu L 223-22 tal-code de commerce français (il-Kodiċi tal-Kummerċ, Franza) u l-Artikolu 237 tal-Ley de Sociedades de Capital (il-Liġi dwar il-Kumpanniji b’Kapital Azzjonarju, Spanja).
( 42 ) Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87). Ara l-premessa 7 tal-imsemmi regolament kif ukoll is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punti 43 sa 45).
( 43 ) Huwa wkoll ġeneralment aċċettat li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-lex societatis. Ara r-rapport Giuliano-Lagarde, iċċitat iktar ’il fuq, p. 12; Cour de Cassation 1re chambre civile (il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-Ewwel Awla Ċivili, Franza), l-1 ta’ Lulju 1997, Nru 95-15.262, M. X c. Société Africatours; Cohen, D., “La responsabilité civile des dirigeants sociaux en droit international privé”, Revue critique de droit international privé, 2003, p. 585, u Menjucq, M., Droit international et européen des sociétés, LGDJ, Pariġi, 2011 it-3 edizzjoni, p. 116 u 117.
( 44 ) Dan jinvolvi l-ibbilanċjar delikat bejn, minn naħa, l-għan li jiġu protetti l-interessi tas-soċji u li tiġi żgurata l-fiduċja neċessarja fil-funzjonament tajjeb ta’ kull impriża, billi jiġi ggarantit, taħt piena ta’ responsabbiltà-sanzjoni, li d-diretturi jaġixxu b’mod raġonevoli u, min-naħa l-oħra, il-bżonn li ma tiġix ipparalizzata t-tmexxija tal-kumpanniji minn responsabbiltà sistematika u eċċessiva, fejn tali eżerċizzju ta’ tmexxija jkun jeħtieġ teħid ta’ riskji. Ara Guyon, Y., “Responsabilité civile des dirigeants”, JurisClasseur Sociétés Traité, punt 1 u d-duttrina ċċitata.
( 45 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010 (C‑232/09, EU:C:2010:674).
( 46 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2015 (C‑229/14, EU:C:2015:455).
( 47 ) Kriterju kkonċernat, essenzjalment, mid-domandi preliminari 1 u 3(2).
( 48 ) Kriterju kkonċernat, essenzjalment, mid-domandi preliminari 1 u 3(1).
( 49 ) Ħaġa li l-grupp kien barra minn hekk għamel dan fir-rikors inizjali tiegħu, qabel ma bidel fehmtu wara li l-konvenuti qajmu l-applikazzjoni tat-Taqsima 5.
( 50 ) Fejn huwa paċifiku li l-obbligi kollha jkollhom l-ewwel sors tagħhom fil-liġi, peress li l-ebda wieħed ma jkun jeżisti jekk il-liġi ma tippermettix dan (bl-impożizzjoni ta’ regoli li jimponu l-effett obbligatorju ta’ konvenzjonijiet u l-validitajiet tagħhom, eċċ.).
( 51 ) Fid-dritt sostantiv tal-Istati Membri, ir-responsabbiltajiet kuntrattwali u ta’ delitt jistgħu jiġu suġġetti għal sistemi differenti f’termini ta’ oneru tal-prova, ta’ portata tal-kumpens disponibbli, ta’ preskrizzjoni, eċċ. Għalhekk jista’ jkun fl-interess ta’ applikant li jagħżel rimedju wieħed jew l-ieħor.
( 52 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (189/87, EU:C:1988:459).
( 53 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis (189/87, EU:C:1988:459, punti 16 sa 19).
( 54 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement ikkonfermat dan l-approċċ. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2013, Melzer (C‑228/11, EU:C:2013:305, punt 21). Ara wkoll Zogg, S., “Accumulation of Contractual and Tortious Causes of Action Under the Judgments Regulation”, Journal of Private International Law, 9:1, p. 39- 76, spec. p. 42 u 43.
( 55 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C‑26/91, EU:C:1992:268, punt 15).
( 56 ) B’mod konformi ma dan l-approċċ, f’din il-kawża, id-diversi talbiet ta’ Arcadia fil-konfront tal-konvenuti fil-kawża prinċipali huma bbażati fuq daqstant kawżi - breach of fiduciary duty, conspiracy, etc. – li għandhom jiġu kklassifikati separatament. F’dan ir-rigward, id-delitt ta’ conspiracy jirreferi, kif indikajt, għal ksur ta’ dmir legali applikabbli erga omnes, u għalhekk jaqa taħt il-“materji ta’ delitt”. Min-naħa l-oħra, id-delitt ta’ breach of fiduciary duty hija kawża li taqa taħt il-“materji kuntrattwali”. Fil-fatt, l-obbligi fiduċjarji inkwistjoni kienu ġew assunti b’mod liberu mill-konvenuti fil-kawża prinċipali fir-rigward ta’ Arcadia (ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 57 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014 (C‑548/12, EU:C:2014:148).
( 58 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (189/87, EU:C:1988:459, punt 17).
( 59 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punti 20 u 21) (enfasi miżjuda minni).
( 60 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 24). Dan il-punt huwa essenzjalment riprodott fir-risposta fil-punt 29 tas-sentenza u fid-dispożittiv tagħha.
( 61 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 25).
( 62 ) Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja donnha ddeċidiet li taċċetta l-kunċett ta’ “kawża” li ma jirreferix għal-liġi sostantiva invokata mill-applikant insostenn tat-talba tiegħu (sens li fih dan il-kunċett jintuża fil-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet), iżda għall-fatti msemmija fit-talba.
( 63 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punt 26).
( 64 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014 (C‑548/12, EU:C:2014:148).
( 65 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (189/87, EU:C:1988:459).
( 66 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014 (C‑548/12, EU:C:2014:148).
( 67 ) Ara, għal opinjoni simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Holterman Ferho Exploitatie et (C‑47/14, EU:C:2015:309, punt 48), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Granarolo (C‑196/15, EU:C:2015:851, punti 14 u 18). L-Avukat Ġenerali Cruz Villalón kien għalhekk ippropona, fil-konklużjonijiet tiegħu, li dan it-test jiġi traspost għat-Taqsima 5.
( 68 ) Sentenza C‑548/12, EU:C:2014:148.
( 69 ) Sentenza Holterman, punti 32 u 71, li jirreferu għall-punti 24 sa 27 tas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter, (C‑548/12, EU:C:2014:148). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja pprevediet dawn it-tliet punti, hija finalment intrabtet biss mal-ewwel wieħed minnhom. Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 21).
( 70 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (189/87, EU:C:1988:459, punt 20).
( 71 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014 (C‑548/12, EU:C:2014:148).
( 72 ) Skont dan l-approċċ, it-talbiet ta’ Arcadia, sa fejn dawn huma bbażati fuq id-delitt ta’ conspiracy, jaqgħu taħt din il-kategorija, jekk jitqies li t-Taqsima 5 ma hijiex applikabbli. Fil-fatt ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit il-kontenut tal-obbligi kuntrattwali li jorbtu lill-konvenuti fil-kawża prinċipali ma Arcadia sabiex jiġi deċiż li aġir li jikkostitwixxi dan id-delitt huwa illegali.
( 73 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988 (189/87, EU:C:1988:459, punt 20).
( 74 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Lulju 1997, Benincasa (C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 27), u tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 61).
( 75 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 62).
( 76 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1982, Effer (38/81, EU:C:1982:79, punt 7).
( 77 ) Fil-fatt, filwaqt li l-formulazzjoni tal-aħħar żewġ verżjonijiet hija relattivament wiesa’ (“in matters relating to individual contracts of employment”; “en matière de contrat individuel de travail”), il-formulazzjoni tal-ewwel verżjoni hija kunsiderevolment iktar limitata (“[b]ilden ein individueller Arbeitsvertrag oder Ansprüche aus einem individuellen Arbeitsvertrag den Gegenstand des Verfahrens”).
( 78 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Genil 48 u Comercial Hostelera de Grandes Vinos (C‑604/11, EU:C:2013:344, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan l-għan ta’ protezzjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5. Ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 60).
( 79 ) Il-“logħob ta’ dawk li jressqu t-talba” li jinvolvi tali approċċ ikun partikolarment viżibbli meta, bħal fil-kawża ineżami, ir-rikorrent inizjalment jinvoka l-ksur tal-kuntratt, u sussegwentement jimmodifika r-rikors tiegħu sabiex jirtira kull aspett kuntrattwali.
( 80 ) Il-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales, f’dan ir-rigward, ħolqu preċedenti rikki fit-tagħlim. Inizjalment il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali)) kienet iddeċidiet, fis-sentenza tagħha Swithenbank Foods Ltd. vs Bowers, l-Imħallef McGonigal ([2002] 2 All ER (Comm) 974, punti 24 sa 26), li t-Taqsima 5 tapplika biss meta l-persuna li timpjega tibbaża t-talba tagħha fil-konfront tal-ħaddiem fuq il-kuntratt ta’ impjieg. Din is-sentenza nbidlet mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)) fis-sentenza tagħha Alfa Laval ([2012] EWCA Civ 1569, punti 24 u 25), preċiżament sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ evitar ta’ din it-taqsima, favur approċċ wiesa’ u ffokat fuq is-sustanza tal-kawża.
( 81 ) Ara, fl-istess sens, Hess, B., Pfeiffer, T., u Schlosser, P., The Brussels I Regulation 44/2001: Application and Enforcment in the EU (rapport Heidelberg), C. H. Beck, Munich, 2008, punti 356 sa 359; Merrett, L., “Jurisdiction Over Individual Contracts of Employment”, f’Dickinson, A., u Lein, E. (éd.), The Brussels I Regulation Recast, Oxford University Press, Oxford, 2015, p. 242-243; Grušić, U., op. cit., p. 92; Baker Chiss, C., op. cit., § 49 u 50. Il-fatt li talba setgħet tkun ibbażata fuq nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali huwa indikazzjoni tajba f’dan ir-rigward. Madankollu, dan ma jistax ikun test fih innifsu, fid-dawl tal-kumplessità tiegħu, kif enfasizzat fil-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 82 ) Sentenza Holterman, punt 49. Peress li l-istess persuna jista’ jkollha diversi funzjonijiet f’impriża, għandhom jitqiesu l-funzjonijiet eżerċitati fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ impjieg.
( 83 ) Jistgħu jingħataw żewġ ipoteżijiet estremi opposti. Minn naħa, hemm dik ta’ sewwieq ta’ vettura tqila li, matul il-kunsinna, jikkawża inċident meta jsuq vettura tqila tal-impriża filwaqt li jkun xurban. Min-naħa l-oħra, hemm dik ta’ xufier ieħor li jikkawża inċident ta’ dannu għal min jimpjegah, f’ġurnata ta’ leave, barra mill-post tax-xogħol tiegħu, bil-karozza personali tiegħu.
( 84 ) Qiegħed nirreferi għal każijiet fejn in-nuqqas twettaq matul il-ħinijiet tax-xogħol, jew fuq il-post tax-xogħol, jew kien possibbli biss bis-saħħa tal-funzjonijiet, jew anki fejn it-twettiq kien iffaċilitat minnhom.
( 85 ) F’sitwazzjoni fejn ħaddiem jeżerċita l-funzjonijiet bħala ħaddiem, u funzjonijiet oħra taħt status ieħor, hemm lok li jiġi vverifikat ma’ liema funzjonijiet jintrabat in-nuqqas allegat: it-Taqsima 5 tkun applikabbli biss jekk dawn ikunu funzjonijiet eżerċitati fil-kwalità ta’ ħaddiem.
( 86 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis (189/87, EU:C:1988:459, punt 19), tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler (C‑27/02, EU:C:2005:33, punt 43), kif ukoll tat-22 ta’ Mejju 2008, Glaxosmithkline u Laboratoires Glaxosmithkline (C‑462/06, EU:C:2008:299, punt 28).
( 87 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Voogsgeerd (C‑384/10, EU:C:2011:842, punti 59 sa 65).
( 88 ) Ara, f’dan is-sens, Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)), Samengo-Turner v J & H Marsh & McLennan (Services) Ltd, [2007] EWCA Civ 732, punti 32 sa 35, u James Petter vs EMC Europe Limited, EMC Corporation [2015] EWCA Civ 828, punti 20 u 21.
( 89 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Pugliese (C‑437/00, EU:C:2003:219, punti 23 u 24).