Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0582

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2018.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:975

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fid‑29 ta’ Novembru 2018 ( 1 )

Kawżi Magħquda C‑582/17 u C‑583/17

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

vs

H. (C‑582/17)

R. (C‑583/17)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (UE) Nru 604/2013 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz — Applikazzjonijiet suċċessivi ddepożitati f’żewġ Stati Membri — Talba għat-teħid lura — Applikazzjoni tal-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli mill-Istat Membru rikjedenti — Artikolu 27 — Stħarriġ ġudizzjarju tal-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji tal-Kapitolu III mill-Istati Membru rikjedenti”

1. 

Permezz ta’ dawn iż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari r-Raad Van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) qiegħed ifittex gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ( 2 ). F’ċirkustanzi fejn ċittadini ta’ pajjiż terz jiċċaqilqu minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor u jiddepożitaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali f’kull wieħed minnhom, it-tieni Stat Membru jibgħat talba għat-teħid lura u jieħdu deċiżjoni li jittrasferixxi l-persuna kkonċernata lejn l-ewwel Stat Membru. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi: (i) jekk it-tieni Stat Membru jistax (jew jekk fil-fatt huwiex meħtieġ) japplika l-kriterji stabbiliti fir-Regolament ta’ Dublin III (b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-unità tal-familja) biex jiddetermina liema Stat Membru huwa responsabbli; u (ii) jekk id-drittijiet għal reviżjoni jew għal appell iggarantiti minn dan ir-regolament humiex disponibbli sabiex tiġi kkontestata applikazzjoni żbaljata ta’ dawn il-kriterji.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

2.

Skont l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta” ( 3 )) jiggarantixxi d-dritt għar-rispett lejn il-ħajja tal-familja ( 4 ). L-Artikolu 47(1) jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal ( 5 ).

3.

L-Artikolu 52(3) jistabbilixxi li sa fejn il-Karta “[…] fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEBD], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-[KEBD]. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

Ir-Regolament ta’ Dublin III

4.

Is-sistema ta’ Dublin tipprovdi l-kriterji u l-mekkaniżmi li jistabbilixxu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ( 6 ).

5.

Il-premessi għar-Regolament ta’ Dublin III jinkludu l-istqarrijiet li ġejjin:

Is-SEKA tinkludi metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ( 7 ).

Tali metodu għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli […] ( 8 ).

F’konformità mal-KEDB u mal-Karta, ir-rispett lejn il-ħajja tal-familja għandu jkun kunsiderazzjoni prinċipali tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin III ( 9 ).

Sabiex tkun iggarantita protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati, għandhom ikunu stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-Karta. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rrispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin III kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant ( 10 ).

Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin III, l-Istati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom taħt strumenti tad-dritt internazzjonali, inkluża l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 11 ). Ir-Regolament ta’ Dublin III jirrispetta d-drittijiet fundamentali u jfittex li jiżgura osservanza sħiħa tad-dritt għall-ażil iggarantit mill-Artikolu 18 tal-Karta kif ukoll, b’mod partikolari, tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 7 u 47 tagħha ( 12 ).

6.

L-Artikolu 1 jistabbilixxi li r-Regolament ta’ Dublin III “[…] jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (iktar ’il quddiem l-‘Istat Membru Responsabbli’)” ( 13 ).

7.

It-termini li ġejjin huma ddefiniti mill-Artikolu 2:

“(c)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha deċizjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

(d)

‘eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti skont id-[Direttiva dwar il-proċeduri] u d-[Direttiva dwar il-kwalifika] ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont [ir-Regolament ta’ Dublin III];

(e)

‘irtirar ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser azzjonijiet li bihom l-applikant itemm il-proċeduri mibdijin bis-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu, skont [id-Direttiva dwar il-proċeduri] jew b’mod espliċitu jew taċitu;

[…]

(g)

‘memri tal-familja’ tfisser, sakemm il-familja diġà kienet teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini, dawn il-membri tal-familja tal-applikant li huma preżenti fit-territorju tal-Istati Membri:

il-konjuġi tal-applikant jew is-sieħeb mhux miżżewweġ tiegħu jew tagħha f’relazzjoni stabbli, fejn il-liġi jew il-prattika tal-Istat Membru kkonċernat tittratta koppji mhux miżżewġin b’mod komparabbli għal koppji miżżewġin skont il-liġi tiegħu marbuta ma’ ċittadini ta’ pajjiż terz;

[…]”

8.

L-Artikolu 3 huwa intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”. Dan jipprovdi:

“(1)   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

(2)   Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.

[…]”

9.

Il-Kapitolu III tar-regolament (“Il-kriterji biex ikun determinat l-Istat Membru responsabbli”) jibda bl-Artikolu 7, li jistipula l-ġerarkija tal-“kriterji tal-Kapitolu III” u jistabbilixxi:

“(1)   Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.

(2)   L-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji stabiliti f’dan il-Kapitlu għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-applikant iddepożita għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu jew tagħha għand Stat Membru.

(3)   Fid-dawl tal-applikazzjoni tal-kriterji msemmijin fl-Artikolu 8, 10 u 16, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kull evidenza disponibbli rigward il-preżenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra tal-applikant, bil-kundizzjoni li tali evidenza tiġi ppreżentata qabel ma Stat Membru ieħor jaċċetta t-talba biex jassumi r-responsabbiltà għall-persuna kkonċernata jew biex jeħodha lura, skont l-Artikoli 22 u 25 rispettivament, u li l-applikazzjonijiet preċedenti għall-protezzjoni internazzjonali tal-applikant ikunu għadhom ma kienux is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-ewwel dwar is-sustanza” ( 14 ).

10.

L-Artikolu 9 (parti mill-Kapitolu III) jikkonċerna l-membri tal-familja li huma l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. Dan jipprovdi li, “[f]ejn l-applikant għandu membru tal-familja, bla ma jitqies jekk il-familja kenitx ifformata qabel fil-pajjiż ta’ oriġini jew le, li kien tħalla jirrisjedi bħala benefiċarju ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-persuni kkonċernati esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub.”

11.

L-Artikolu 17(1) jistabbilixxi: “[p]ermezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti fir-Regolament ta’ Dublin III” ( 15 ).

12.

L-obbligi tal-Istat Membru responsabbli jinsabu fil-Kapitolu V. Dawn jinkludu obbligu skont l-Artikolu 18(1)(a) li “jieħu inkarigu, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 21, 22 u 29, ta’ applikant li jkun iddepożita applikazzjoni fi Stat Membru differenti” u (b) li “jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr document ta’ residenza” ( 16 ).

13.

Il-Kapitolu VI jistabbilixxi l-proċeduri għat-teħid ta’ inkarigu u għat-teħid lura ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Skont l-Artikolu 20 li jinsab fit-Taqsima I:

“(1)   Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

(2)   Applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies li kienet iddepożitata meta formola sottomessa mill-applikant jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fejn applikazzjoni ma ssirx bil-miktub, iż-żmien li jgħaddi bejn id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni u l-preparazzjoni ta’ rapport għandu jkun kemm jista’ jkun qasir.

[…]

(5)   Applikant li jkun preżenti fi Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza jew li hemm iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali wara li jirtira l-ewwel applikazzjoni tiegħu magħmula fi Stat Membru ieħor matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandu jittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet l-ewwel iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli.

[…]”

14.

It-Taqsima II tal-Kapitolu VI tikkonċerna l-proċeduri tat-talbiet għat-teħid ta’ inkarigu. L-Artikolu 21(1) jipprevedi: “[f]ejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant.”

15.

It-Taqsima III tal-Kapitolu VI tistabbilixxi l-proċeduri tat-talbiet għat-teħid lura. L-Artikolu 23 japplika għal każijiet fejn l-Istat Membru jressaq talba għat-teħid lura meta tiġi ddepożitata applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru. Dan jipprovdi:

“(1)   Meta Stat Membru fejn persuna kif imsemmi ja fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) iddepożitat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membu ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), dan jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna.

(2)   Talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien xahrejn minn meta rċieva l-‘hit’ mill-Eurodac kif iddefinit mill-Artikolu 9(5) tar-Regolament Eurodac.

Jekk it-talba biex tittieħed lura persuna tkun ibbażata fuq evidenza li mhix data meħuda mis-sistema tal-Eurodac, din għandha tkun mibgħuta lill-Istat Membru li saritlu t-talba fi żmien tliet xhur mid-data li fiha kienet iddepożitata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 20(2).

(3)   Meta t-talba biex tittieħed lura persuna ma ssirx fil-perijodi stipulati fil-paragrafu 2, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali suċċessiva għandha tkun tal-Istat Membru li fih tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni l-ġdida.

[…]” ( 17 )

16.

L-Artikolu 27(1) jipprovdi li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

Id-Direttiva dwar il-proċeduri

17.

L-Artikolu 27(1) jistabbilixxi li sa fejn l-Istati Membri jipprovdu għall-possibbiltà tal-irtirar espliċitu tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, dawn għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni li jew twaqqaf l-eżami jew tirrifjuta l-applikazzjoni. F’konformità mal-Artikolu 28, jekk ikun hemm kawża raġonevoli sabiex jitqies li applikant ikun irtira jew abbanduna l-applikazzjoni b’mod impliċitu, l-Istati Membri għandhom bl-istess mod jiżguraw li l-awtorità determinanti tieħu deċiżjoni jew li twaqqaf l-eżami jew, li tirrifjuta l-applikazzjoni. Lista mhux eżawrjenti tindika ċ-ċirkustanzi li fihom l-Istat Membru jista’ jassumi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġiet abbandunata ( 18 ).

18.

L-Artikolu 33 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli. Dawn jinkludu każijiet fejn Stat Membru jkun ta protezzjoni internazzjonali u, jekk l-applikazzjoni tkun applikazzjoni sussegwenti, fejn ebda elementi jew sejbiet ġodda relatati mal-eżami dwar jekk l-applikant jikkwalifikax bħala benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva dwar il-kwalifika ( 19 ).

Id-dritt nazzjonali

19.

Il-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi dwar ċittadini barranin tal‑2000) tipprovdi li ċittadin barrani huwa biss resident legali fil-Pajjiżi l-Baxxi jekk fil-pussess tiegħu għandu permess ta’ residenza għal perijodu fiss. Applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal perijodu fiss ma għandhiex tiġi eżaminata jekk jiġi ddeterminat, abbażi tar-Regolament ta’ Dublin III, li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

Is-Sinjura H

20.

Fil‑21 ta’ Jannar 2016, is-Sinjura H iddepożitat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Wara “hit” pożittiva fil-bażi tad-data tal-Eurodac l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi stabbilixxew li s-Sinjura H ġiet irreġistrata fil-Greċja fis‑27 ta’ Diċembru 2015 u li kienet iddepożitat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja fil‑5 ta’ Jannar 2016. Is-Sinjura H tikkontesta din il-fehma. Hija tafferma li ngħatat il-parir li tipprovdi l-marki tas-swaba’ sabiex tippermetti lill-awtoritajiet Ġermaniżi jistabbilixxu l-isfond madwar il-każ tagħha u li l-informazzjoni fil-Eurodac ma għandux ikollha effett fuq l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil‑21 ta’ Marzu 2016 l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħtu talba għat-teħid lura lill-kontropartijiet Ġermaniżi tagħhom skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament ta’ Dublin. L-awtoritajiet Ġermaniżi naqsu milli jwieġbu għal din it-talba fi żmien it-terminu ta’ ġimagħtejn li skont il-Pajjiżi l-Baxxi kien ifisser li l-Ġermanja kienet l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tas-Sinjura H għal protezzjoni internazzjonali ( 20 ). Is-Sinjura H sussegwentement ipprovat targumenta li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi naqsu milli japplikaw b’mod xieraq il-kriterju tal-Kapitolu III fl-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Dublin III u li għandha titħalla tiddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi peress li r-raġel tagħha diġà kien ingħata ażil hemmhekk u xtaqet tingħaqad miegħu. Permezz ta’ deċiżjoni bid-data tas‑6 ta’ Mejju 2016, l-awtoritajiet nazzjonali kkunsidraw din ir-raġuni bħala ineffettiva u kkonfermaw li s-Sinjura H għandha tiġi ttrasferita lejn il-Ġermanja. Din id-deċiżjoni ġiet annullata fl-ewwel istanza mir-Rechtbank Den Haag Zittingsplaats Groningen (il-Qorti Distrettwali, Den Haag, sedenti fi Groningen, il-Pajjiżi l-Baxxi) fuq il-bażi ta’ raġunijiet oħra, il-qorti ddeċidiet li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw deċiżjoni ġdida ( 21 ).

21.

Is-Sinjura H ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju bl-argument li s-sentenza tal-ewwel istanza kienet żbaljata sa fejn iddeċidiet li l-appell tagħha, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-Artikolu 9 tal-Kapitolu III kien ineffettiv.

Is-Sinjura R

22.

Fid‑9 ta’ Marzu 2016 is-Sinjura R, ċittadina Sirjana, iddepożitat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

23.

Is-Sinjura R kienet iddepożitat applikazzjoni preċedenti għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja. L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi kkunsidraw li l-Ġermanja kienet l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tagħha u għaldaqstant ressqu “talba għal teħid lura” skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament ta’ Dublin III. L-awtoritajiet Ġermaniżi inizjalment ċaħdu t-talba fuq ir-raġuni li s-Sinjura R kienet miżżewġa persuna li kienet benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

24.

L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi sussegwentement talbu lill-kontropartijiet Ġermaniżi tagħhom jerġgħu jikkunsidraw it-“talba għat-teħid lura” fuq ir-raġuni li ċ-ċertifikat taż-żwieġ tas-Sinjura R instab li kien falz u għalhekk iż-żwieġ ma setax jitqies bħala ġenwin. Fl‑1 ta’ Ġunju 2016, il-Ġermanja laqgħet it-talba għat-teħid lura ( 22 ).

25.

Għaldaqstant, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi rrifjutaw li jeżaminaw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tas-Sinjura R.

26.

Is-Sinjura R oġġezzjonat li skont l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Dublin III, il-Pajjiżi tal-Baxxi kienu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali, peress li dan kien il-post fejn kien qiegħed jgħix ir-raġel tagħha (benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali).

27.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2016, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi affermaw li peress li ż-żwieġ tas-Sinjura R kellu jitqies bħala mhux ġenwin, irriżulta li r-raġel allegat tagħha ma kienx membru tal-familja skont it-tifsira tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament ta’ Dublin III. Għaldaqstant, is-Sinjura R ma setgħetx toqgħod fuq l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament insostenn tat-talba tagħha. Barra minn hekk, peress li l-każ tas-Sinjura R kien jinvolvi talba għat-teħid lura iktar milli talba għat-teħid ta’ inkarigu, ma kienx hemm bżonn li jiġi applikat il-kriterju tal-Artikolu 9 tal-Kapitolu III.

28.

Permezz ta’ sentenza bid-data tal‑11 ta’ Awwissu 2016, ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), annullat din id-deċiżjoni fuq żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, din iddeċidiet, li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi naqsu milli jeżaminaw jekk is-Sinjura R kellhiex relazzjoni stabbli mas-sieħeb tagħha skont it-tifsira tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament ta’ Dublin III; hija ddeċidiet sussegwentement li ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jinvoka l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament kemm f’każ li l-awtoritajiet kompetenti ressqu talba għat-teħid lura kif ukoll f’każ li ressqu talba għat-teħid ta’ inkarigu.

29.

L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

30.

Id-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑582/17 tistabbilixxi li l-fatti u ċ-ċirkustanzi huma essenzjalment identiċi għal dawk fil-Kawża C‑583/17. Għalhekk, ir-raġunament li fuqu hija bbażata t-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża jirrifletti d-deċiżjoni tar-rinviju f’C‑583/17. L-istess awla tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) ittrattat iż-żewġ kawżi u ressqet it-talbiet rispettivi għal deċiżjoni preliminari fl-istess ġurnata.

31.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li skont ir-Regolament ta’ Dublin III applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment fuq ir-raġuni li l-kriterji li jiddeterminaw ir-responsabbiltà stabbiliti fil-Kapitolu III ġew applikati b’mod żbaljat biss fl-Istat Membru fejn ġiet iddepożitata l-ewwel applikazzjoni. Meta tali deċiżjoni tirriżulta minn talba għat-teħid lura, tali kontestazzjoni tista’ ssir fl-Istat Membru rikjedenti (hawnhekk, il-Pajjiżi l-Baxxi) f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss jiġifieri, jekk it-talba (i) ma tkunx kompluta jew ikun fiha informazzjoni mhux korretta; (ii) jekk it-talba ma ntbagħtitx fil-ħin; (iii) jekk ir-regola stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament ta’ Dublin III ġiet applikata b’mod żbaljat ( 23 ); (iv) jekk ikun hemm nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza għal min ifittex ażil fl-Istat Membru responsabbli, li jikkostitwixxu raġunijiet fattwali serji, biex issir suppożizzjoni li l-applikant ikun f’riskju reali ta’ trattament inuman u degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta, kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Dublin III; jew (v) jekk it-trasferiment imur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta.

32.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex li taċċerta jekk il-fehma tagħha dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin III hijiex konsistenti mal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament ( 24 ). Hija qiegħda tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni jekk applikant jistax jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment fuq il-bażi li l-kriterji tal-Kapitolu III ġew biss applikati b’mod żbaljat fl-ewwel Stat Membru li fih ġiet iddepożitata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex risposta għad-domandi li ġejjin:

“(1)

Ir-Regolament [ta’ Dublin III] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biss l-Istat Membru li fih tressqet għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li għandu l-kompitu li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, b’mod li ċittadin barrani għandu rimedju biss f’dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 27 [ta’ dan ir-regolament], kontra applikazzjoni żbaljata ta’ wieħed mill-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti mill-Kapitolu III [tar-Regolament ta’ Dublin] (fosthom l-Artikolu 9) [ ( 25 )]?

(2)

Għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, sa fejn huwa rilevanti l-fatt li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni fl-Istat Membru fejn din tressqet għall-ewwel darba jew il-fatt li ċ-ċittadin barrani rtira din l-applikazzjoni b’mod prematur?”

33.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mis-Sinjura R, mill-Gvern Finlandiż, dak Ġermaniż, dak Olandiż, dak Svizzeru u dak tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea. Is-Sinjura H, il-Ġermanja, il-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi, r-Renju Unit u l-Kummissjoni attendew għas-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2018 u ppreżentaw sottomissjonijiet orali.

Evalwazzjoni

Rimarki preliminari

34.

Il-qorti tar-rinviju tistabbilixxi li l-awtoritajiet kompetenti adottaw il-fehma li ż-żwiġijiet rispettivi tas-Sinjura H u tas-Sinjura R lil ċittadini ta’ pajjiż terz li ġew mogħtija protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi ma kinux ġenwini. Almenu fil-każ tas-Sinjura R, ġie kkonstatat fl-ewwel istanza li din ma tatx prova taż-żwieġ tagħha li ssodisfat lill-awtoritajiet kompetenti.

35.

Skont l-Artikolu 2(g) tar-Regolament Dublin III, “membri tal-familja” ikopru mhux biss il-konjuġi, iżda wkoll is-sieħeb/sieħba mhux miżżewweġ/miżżewġa tiegħu/tagħha f’relazzjoni stabbli ( 26 ). Għalhekk, huwa meħtieġ għall-awtoritajiet kompetenti li jeżaminaw jekk ir-raġel miżżewweġ allegat f’kull wieħed mill-każijiet huwiex membru tal-familja skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jistax japplika għas-Sinjura H jew is-Sinjura R.

Talbiet għat-teħid lura

36.

Il-bażi tal-proċedura għat-teħid lura kemm fil-każ tas-Sinjura H kif ukoll fil-każ tas-Sinjura R ma hijiex ċara. Il-qorti tar-rinviju tistabbilixxi li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ressqu talba għat-teħid lura kemm għas-Sinjura H kif ukoll għas-Sinjura R fuq il-bażi tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament ta’ Dublin III. Madankollu, fis-seduta l-Pajjiżi l-Baxxi affermaw li dawn it-talbiet kellhom jitressqu fuq il-bażi tal-Artikolu 20(5) ta’ dan ir-regolament, peress li kemm is-Sinjura H kif ukoll is-Sinjura R kienu preżenti fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr permess ta’ residenza u l-proċess biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli kien għadu mhux lest.

37.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1)(b), (c) u (d) u l-Artikolu 20(5) tar-Regolament ta’ Dublin III jkopru ċ-ċirkustanzi differenti li fihom applikant għal protezzjoni internazzjonali jiddepożita l-ewwel applikazzjoni u sussegwentement jiċċaqlaq għal Stat Membru ieħor u jiddepożita t-tieni applikazzjoni hemmhekk ( 27 ). Dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu b’mod espliċitu għall-kundizzjoni biex jittieħdu lura applikanti għal protezzjoni internazzjonali previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament.

38.

F’konformità mad-definizzjoni tal-“eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” fl-Artikolu 2(d), l-Artikolu 18(1)(b) japplika meta tali moviment iseħħ matul evalwazzjoni fil-mertu tal-applikazzjoni għal ażil (skont it-tifsira tad-Direttiva dwar il-kwalifika). Din ma tapplikax jekk il-proċedura biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli ma tkunx tlestiet fil-każ partikolari. L-Artikolu 18(1)(c) huwa d-dispożizzjoni rilevanti meta applikanti għal protezzjoni internazzjonali jirtiraw l-applikazzjoni għall-ażil skont it-tifsira tal-Artikolu 27 (irtirar espliċitu) jew l-Artikolu 28 (irtirar jew abbandun impliċitu) tad-Direttiva dwar il-proċeduri waqt li l-applikazzjoni fil-mertu tkun qiegħda tiġi kkunsidrata ( 28 ). L-Artikolu 18(1)(d) japplika jekk l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet miċħuda fl-ewwel Stat Membru ( 29 ). Il-proċedura għat-teħid lura tibda skont l-Artikolu 20(5) meta l-evalwazzjoni sostantiva tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma tkunx għadha bdiet u l-proċess ikun għadu fl-istadju li jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament ta’ Dublin III.

39.

Hawnhekk, liema minn dawn id-dispożizzjonijiet hija l-bażi korretta għal kull waħda miż-żewġ proċeduri għat-teħid lura ser toħroġ mill-fatti. Fiż-żmien li fih kull wieħed mill-applikanti ddepożita applikazzjoni sussegwenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu għadhom fil-proċess li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli? Laħqu bdew l-evalwazzjoni fil-mertu ta’ kull waħda mill-applikazzjonijiet ( 30 )? L-ewwel applikazzjonijiet fil-Ġermanja ġew irtirati jew miċħuda? Għalhekk, jekk il-proċedura għat-teħid lura hijiex bbażata b’mod xieraq fuq l-Artikolu 18(1)(b), (c), (d) jew l-Artikolu 20(5) hija kwistjoni li trid tiddeċiedi fuqha l-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-konstatazzjonijiet fattwali meħtieġa.

40.

Id-domandi speċifiċi magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-interpretazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin III fir-rigward tal-kwistjoni ġenerali dwar kif il-kriterji tal-Kapitolu III għandhom jiġu applikati għall-kuntest ta’ proċedura għat-teħid lura. Minkejja li l-bażi legali ta’ dawn il-proċeduri individwali għat-teħid lura għadha ma hijiex ċara, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni quddiemha biex teżamina dawn id-domandi ( 31 ).

Fuq l-ewwel domanda

41.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex li taċċerta jekk ir-Regolament ta’ Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa biss l-Istat Membru, li fih ġiet iddepożitata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali l-ewwel darba, li jista’ jiddetermina l-Istat Membru responsabbli. Jekk dan huwa minnu, jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu biss rimedju legali f’dak l-Istat Membru legali, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament ta’ Dublin III, kontra applikazzjoni żbaljata tal-kriterji tal-Kapitolu III.

Osservazzjonijiet ġenerali dwar is-sistema ta’ Dublin

42.

L-istruttura ġenerali tar-Regolament ta’ Dublin III tkopri l-proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali kif indikat mill-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ( 32 ). Applikazzjonijiet sostantivi jiġu (bħala prinċipju) eżaminati unikament mill-Istat Membru li dawn il-kriterji jindikaw li huwa responsabbli. ( 33 ). L-għan essenzjali tas-sistema ta’ Dublin huwa d-determinazzjoni minnufih tal-Istat Membru ( 34 ). Meta applikant għal protezzjoni internazzjonali jiddepożita applikazzjoni fi Stati Membri differenti, ir-Regolament Eurodac jgħin biex ikun determinat liema Stat Membru għandu jkun responsabbli skont ir-Regolament Dublin III ( 35 ).

43.

It-tibdiliet fis-sistema preċedenti rfinati permezz tar-Regolament ta’ Dublin III jindikaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jinvolvi fil-proċess lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ( 36 ). Għalhekk, l-applikanti għandhom jiġu informati bil-kriterji li jiddeterminaw ir-responsabbiltà u jiġu offruti l-possibbiltà li jipprovdu l-informazzjoni rilevanti li tippermetti l-interpretazzjoni korretta ta’ dawn il-kriterji ( 37 ). Dawn id-drittijiet huma bbażati fuq id-dritt għal rimedju effettiv kontra deċiżjoni ta’ trasferiment li tkun ittieħdet fi tmiem ta’ dan il-proċess ( 38 ).

44.

Filwaqt li l-proċess li jindika l-Istat Membru responsabbli huwa essenzjalment ibbażat fuq il-kriterji tal-Kapitolu III, il-Kapitolu VI (li jikkonċerna t-talbiet għat-teħid ta’ inkarigu u għat-teħid lura) u l-osservanza tat-termini stretti stabbiliti b’rabta ma’ dawn id-dispożizzjonijiet huma wkoll rilevanti għar-riżultat tal-proċess. L-Istat Membru li jonqos milli jwieġeb għal talba fit-terminu rilevanti jiġi meqjus li laqa’ dik it-talba u għalhekk isir responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni sostantiva għall-protezzjoni internazzjonali ( 39 ).

45.

Ir-Regolament ta’ Dublin III jinkludi wkoll ċerti eċċezzjonijiet espliċiti għall-prinċipju ġenerali li l-Istat Membru responsabbli huwa ddeterminat biss permezz ta’ riferiment għall-kriterji tal-Kapitolu III. Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) jikkanċella dawn il-kriterji fejn hemm raġunijiet sostantivi li jwasslu lil wieħed biex jemmen li hemm nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għal applikanti fl-Istat Membru kkonċernat, b’riżultat ta’ riskju ta’ trattament inuman jew degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta ( 40 ). L-għan tal-Artikolu 16(2) jintlaħaq kemm meta jkun l-applikant li huwa dipendenti minn membru tal-familja tiegħu li jinsab fi Stat Membru differenti minn dak responsabbli fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III, kif ukoll, kuntrarjament, meta jkun dan il-membru tal-familja li huwa dipendenti mill-assistenza tal-applikant. ( 41 ). L-Artikolu 17(1) b’mod simili jipprovdi, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1) li kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu anki jekk ma huwiex l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji tal-Kapitolu III.

46.

Fil-qosor: is-sistema ta’ Dublin hija għalhekk primarjament ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III; iżda Stat Membru differenti jista’ jsir l-Istat Membru responsabbli jew minħabba n-nuqqas tiegħu milli jikkonforma mat-termini biex iwieġeb għal talba għat-teħid lura jew għat-teħid ta’ inkarigu jew fejn ir-Regolament ta’ Dublin III jesprimi dispożizzjoni għal eċċezzjoni espliċita għas-sistema “normali” ( 42 ).

Il-kriterji tal-Kapitolu III — applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali fi Stati Membri differenti — l-istess applikant

47.

Il-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvizzera u r-Renju Unit essenzjalment jargumentaw li fejn l-istess individwu jiddepożita applikazzjonijiet konsekuttivi għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru A u fl-Istat Membru B u dan tal-aħħar iressaq talba għat-teħid lura lill-Istat Membru A, l-Istat Membru B ma huwiex obbligat li japplika l-kriterji tal-Kapitolu III skont il-qafas tat-talba għat-teħid lura.

48.

Il-Finlandja u l-Isvizzera jikkunsidraw li l-Istat Membru A huwa obbligat li jieħu lura l-individwu kkonċernat f’konformità mal-Kapitolu VI tar-Regolament ta’ Dublin III u sussegwentement japplika l-kriterji tal-Kapitolu III.

49.

Il-Pajjiżi l-Baxxi jaffermaw li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(2) jirriżulta li l-Istat Membru responsabbli jiġi ddeterminat b’riferiment għas-sitwazzjoni li tkun teżisti fil-mument meta tkun ġiet iddepożitata l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Dan jissuġġerixxi li huwa biss l-Istat Membru A li japplika l-kriterji tal-Kapitolu III. Madankollu, hemm ċerti każijiet eċċezzjonali stabbiliti fl-Artikolu 7(3) fejn Stat Membru ieħor jista’ japplika l-kriterji tal-Kapitolu III, jiġifieri meta japplikaw l-Artikolu 8, 10 jew 16.

50.

Ir-Renju Unit jafferma li r-Regolament ta’ Dublin III jagħmel distinzjoni ċara bejn talbiet għat-teħid ta’ inkarigu u talbiet għat-teħid lura. B’rabta ma’ każijiet ta’ teħid lura, l-Istat Membru A jiddetermina l-Istat Membru responsabbli f’konformità mal-kriterji tal-Kapitolu III (l-Artikolu 18(1)(a)). Każijiet ta’ teħid lura huma bbażati fuq il-prinċipju li kien hemm applikazzjoni preċedenti fl-Istat Membru A (l-Artikolu 18(1)(b), (c), (d) u l-Artikolu 20(5)). Dan l-Istat Membru huwa sussegwentement obbligat li jieħu lura lill-applikant. F’dawn il-każijiet ir-responsabbiltà skont is-sistema ta’ Dublin diġà tkun ġiet iddeterminata meta ġiet iddepożitata l-applikazzjoni sussegwenti.

51.

Is-Sinjura H u s-Sinjura R, il-Ġermanja u l-Kummissjoni huma ta’ fehma differenti. Is-Sinjura H u s-Sinjura R jargumentaw li l-formulazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin III ma ssostnix interpretazzjoni restrittiva li l-Istat Membru A biss jista’ japplika l-kriterji tal-Kapitolu III. Il-Kummissjoni ssostni din il-fehma. B’riferiment għall-Artikolu 7(3), din targumenta li l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha fir-rigward tal-preżenza fit-territorju tagħhom ta’ membri tal-familja kkonċernati f’applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali meta jeżaminaw l-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III. Il-fatt li l-Artikolu 7(3) ma jagħmilx riferiment b’mod espliċitu għall-Artikolu 9 huwa nuqqas leġiżlattiv. Il-Ġermanja tafferma li d-dispożizzjonijiet dwar it-teħid ta’ inkarigu u t-teħid lura fil-Kapitolu VI jagħmluha ċara li kemm l-Istat Membru A kif ukoll l-Istat Membru B huma obbligati li jivverifikaw jekk il-kriterji tal-Kapitolu III ġewx applikati b’mod xieraq għal kwalunkwe każ partikolari.

52.

Jidhirli li bl-ebda mod it-test tar-Regolament ta’ Dublin III ma huwa definittiv. Ir-regolament ma jistipulax li huwa biss l-Istat Membru A li jista’ japplika l-kriterji tal-Kapitolu III. Lanqas ma jistabbilixxi b’mod espliċitu li ż-żewġ Stati għandhom iwettqu din l-analiżi.

53.

Hija ġurisprudenza stabbilita li għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha ( 43 ). Ir-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Dublin III, għandhom jiġu interpretati u applikati fir-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta ( 44 ). Barra minn hekk, meta dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jkunu miftuħa għal diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lill-interpretazzjoni li tiżgura li d-dispożizzjoni żżomm l-effettività tagħha ( 45 ).

54.

Ir-Regolament ta’ Dublin III fil-fatt juża formulazzjoni espliċita li meta Stat Membru wieħed jew l-ewwel Stat Membru li fih tiġi ddepożitata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, dan jiġi assenjat b’obbligu ( 46 ). Għalhekk, l-Artikolu 3(1) jipprovdi li l-applikazzjoni sostantiva għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed. Bl-istess mod, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) jipprovdi li fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji tal-Kapitolu III, huwa l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata li għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha. L-Artikolu 7(2) espliċitament jipprovdi li l-Istat Membru responsabbli huwa ddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-applikant iddepożita għall-ewwel darba applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. F’konformità mal-Artikolu 20(1), il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli jibda hekk kif tali applikazzjoni tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru ( 47 ).

55.

Ma hijiex xi novità li ntużat formulazzjoni espliċita biex jiġu imposti obbligi fuq Stat Membru wieħed jew l-ewwel Stat Membru f’dawn l-istanzi. Ir-Regolamenti huma direttament applikabbli. Huwa għalhekk partikolarment importanti li dawn l-obbligi jiġu espressi b’mod ċar u univokali. Hawnhekk, l-istorja leġiżlattiva — li turi li l-leġiżlatur ċaħad l-għażla li tiġi stabbilita sistema li fiha r-responsabbiltà tkun taqa’ biss fuq l-Istat Membru fejn ġiet iddepożitata l-ewwel darba applikazzjoni għall-ażil — hija wkoll rilevanti ( 48 ).

56.

Is-sistema ta’ Dublin sa mill-bidu tagħha ġiet ibbażata fuq żewġ komponenti distinti, li kull wieħed minnhom għandu skop partikolari fil-kisba tal-għan ġenerali li jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, u l-karatteristiċi essenzjali ta’ din is-sistema ġew inklużi fir-Regolament ta’ Dublin III ( 49 ). L-ewwel komponent huwa l-kriterji tal-Kapitolu III; it-tieni, ir-regoli dwar it-teħid lura li japplikaw meta applikant li ddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru wieħed ikun sussegwentement preżenti fit-tieni Stat Membru ( 50 ). Huwa biss jekk l-ebda wieħed mill-kriterji tal-Kapitolu III ma jkun japplika li l-ewwel Stat Membru li fih ġiet iddepożitata applikazzjoni għall-ażil huwa responsabbli biex jeżaminaha fil-mertu. L-għan tar-regoli dwar it-teħid lura huwa li jiġi żgurat li applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jfittixx li japplika fi Stat Membru għajr dak indikat, skont ir-regolament, bħala responsabbli li jikkunsidra l-applikazzjoni.

57.

Il-mistoqsija l-ġdida li toħroġ mill-kawża ineżami hija jekk l-Istat Membru B għandux jikkunsidra l-kriterji tal-Kapitolu III meta jressaq talba għat-teħid lura quddiem l-Istat Membru A jew jekk ikunx hemm grad ta’ awtomatiċità (kif jaffermaw il-Finlandja u l-Isvizzera) b’mod li l-Istat Membru B ikun intitolat li ma jieħu qatt inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji sempliċement minħabba li l-applikant ikun iċċaqlaq minn Stat Membru A għal Stat Membru B.

58.

Jidhirli li huwa wisq sempliċi li din l-kwistjoni tiġi ttrattata f’termini ta’ għażla binarja.

59.

Spiss jista’ jagħti l-każ li l-Istat Membru B li jikseb hit tal-Eurodac, ma jkollux informazzjoni oħra dwar iċ-ċirkustanzi tal-applikant u għalhekk (b’mod leġittimu) iressaq talba għat-teħid lura quddiem l-Istat Membru A fuq il-bażi tal-hit tal-Eurodac. Madankollu, meta l-Istat Membru B ma jkollux informazzjoni li tindika li huwa fil-fatt l-Istat Membru responsabbli f’konformità mal-kriterji tal-Kapitolu III, jidhirli li dan imur kontra l-għan tar-Regolament ta’ Dublin III jekk dan l-Istat awtomatikament jirrifjuta li japplika l-kriterji tal-Kapitolu III minħabba li għandu l-intenzjoni li jressaq talba għat-teħid lura. B’mod partikolari, xejn fil-formulazzjoni ma jsostni l-fehma li l-Istat Membru B jista’ jinjora l-kriterji tal-unità tal-familja, meta prima facie l-applikazzjoni tagħhom tkun trendih responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni fil-mertu, favur tressiq ta’ talba għat-teħid lura li jekk tintlaqa’ l-applikant jiġi ttrasferit ’il bogħod mill-membri tal-familja.

60.

Tali qari jkun imur kontra l-impenn espress fil-premessa 32 ta’ dan ir-regolament li jiġu ttrattati l-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament f’konformità mal-istrumenti tad-dritt internazzjonali u mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 51 ). Dan lanqas ma jkun jaqbel mad-drittijiet fundamentali msemmija fil-premessa 39, inkluż id-dritt għall-ħajja tal-familja li huwa stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta. Għalhekk nikkunsidra li r-Regolament ta’ Dublin III ma jistax jiġi interpretat fis-sens li f’kull każ fejn applikant għal protezzjoni internazzjonali jiddepożita applikazzjonijiet konsekuttivi għall-ażil fi Stat Membru A u fi Stat Membru B, dan tal-aħħar huwa intitolat li jressaq talba għat-teħid lura quddiem l-Istat Membru A mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III.

61.

Din il-fehma tinkoraġġixxi abbuż mis-sistema ta’ Dublin?

62.

L-Istati Membri kollha li ppreżentaw is-sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzaw li r-Regolament ta’ Dublin III ma għandux jiġi interpretat f’sens li jinkoraġġixxi abbuż. Dawn insistew dwar l-importanza li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jiġu skoraġġiti milli jiċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor u jiddepożitaw applikazzjonijiet konsekuttivi għal protezzjoni internazzjonali f’kull wieħed mill-Istat Membri. Huwa għalhekk meħtieġ li dawn l-argumenti jiġu eżaminati b’attenzjoni.

63.

L-għan globali tar-Regolament ta’ Dublin III huwa d-determinazzjoni rapida tal-Istat Membru responsabbli. Ma huwiex (fih innifsu) miżura ta’ infurzar tal-liġi fis-sens li l-għan primarju stabbilit tiegħu ma huwiex li jintroduċi restrizzjonijiet li jridu jiġu imposti fuq dawk li qegħdin ifittxu ażil u dawk li qegħdin jiċċaqalqu bejn l-Istati Membri ( 52 ). Id-dispożizzjonijiet għat-teħid lura, li għandhom l-għan li jiżguraw li l-applikanti ma japplikawx għall-ażil fi Stat Membru ħlief fl-Istat Membru responsabbli, jikkostitwixxu l-metodu magħżul li jopponi l-użu żbaljat tal-proċeduri tal-ażil ( 53 ).

64.

Kif diġà indikajt ( 54 ), fl-assenza ta’ informazzjoni li tindika l-preżenza ta’ kriterju ieħor tal-Kapitolu III konkorrenti, Stat Membru jkun intitolat li jressaq talba għat-teħid lura fuq il-bażi ta’ hit tal-Eurodac. L-interpretazzjoni li ressaqt sempliċement teħtieġ li Stat Membru, meta jkollu informazzjoni addizzjonali rilevanti għall-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III, ma jinjorax deliberatament din l-informazzjoni.

65.

Kwistjoni oħra li tqajmet kienet dwar kif għandu jiġi ttrattat applikant għall-ażil li jivvjaġġa madwar diversi Stati Membri u jiddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’kull wieħed minnhom. Din ma hijiex is-sitwazzjoni fil-kawża ineżami u jidhirli li r-regoli għat-teħid lura flimkien mar-Regolament Eurodac jiżguraw li applikant għal protezzjoni internazzjonali ma jkunx jista’ jiddepożita applikazzjonijiet multipli fl-istess ħin.

66.

Il-Pajjiżi l-Baxxi jaffermaw li hemm sitwazzjonijiet eċċezzjonali identifikati fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Dublin III, fejn l-Istat Membru li jressaq talba għat-teħid lura jista’ fil-fatt japplika l-kriterji tal-Kapitolu III. Madankollu, dawn jargumentaw li l-Artikolu 9 ma huwiex fost id-dispożizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 7(3) li jistabbilixxu sitwazzjonijiet eċċezzjonali u li s-Sinjura H u s-Sinjura R ma humiex għalhekk intitolati li joqogħdu fuqu.

67.

Jidhirli li l-Artikoli 8, 10 u 16 jissemmew fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Dublin III sabiex jirriflettu l-għan (espress fil-premessa 14) li r-rispett lejn il-ħajja tal-familja għandu jkun kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tar-regolament ( 55 ).

68.

L-istorja leġiżlattiva turi li fil-proposta tal-Kummissjoni, dak li issa huwa l-Artikolu 9, ġie oriġinarjament inkluż fid-dispożizzjonijiet elenkati f’dak li issa sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament ta’ Dublin III ( 56 ). L-inklużjoni tal-Artikolu 9 f’din il-lista kienet suġġett ta’ kontroversja. Matul in-negozjati fil-Kunsill ċerti Stati Membri esprimew tħassib li l-proċeduri ta’ Dublin jistgħu jiġu sfruttati:“Madankollu hemm riskju ta’ abbuż potenzjali fir-rigward tal-Artikolu 9 tal-proposta [l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Dublin III], li jikkonċerna r-riunifikazzjoni ma’ membru tal-familja li huwa refuġjat, irrispettivament minn jekk il-familja kinitx iffurmata fil-pajjiż ta’ oriġini jew le. F’dan il-każ, jista’ jiġi argumentat li persuna li qiegħda tfittex ażil tista’ tiżżewweġ ma’ refuġjat fi Stat Membru ieħor sempliċement sabiex tevita l-applikazzjoni tar-regoli ta’ Dublin u tagħżel l-Istat Membru ta’ residenza” ( 57 ). Għalhekk, l-Artikolu 9 ġie eskluż mil-lista.

69.

Inqis li a contrario, fejn ma hemm l-ebda evidenza ta’ abbuż, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-membru tal-familja jibqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Dublin III dwar l-unità tal-familja fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III. Din il-fehma tikkorrispondi mal-għanijiet tar-Regolament ta’ Dublin III u tiżgura l-effettività tiegħu ( 58 ). Jekk dan ir-regolament jiġi interpretat mod ieħor ikun imur kontra l-Karta u l-għanijiet u l-garanziji espressi fil-premessi 14, 32 u 39 tar-Regolament ta’ Dublin III.

70.

Huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom iwettqu verifika, suġġetta għal superviżjoni mill-qrati nazzjonali, jekk f’każ partikolari jkun hemm fatturi li jindikaw li żwieġ kien ivvintat sabiex jintgħażel l-Istat Membru ta’ residenza, u għalhekk tiġi evitata l-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III tar-Regolament ta’ Dublin III li ma jikkonċernawx l-unità tal-familja ( 59 ). L-istess huwa minnu għal applikazzjonijiet ibbażati fuq relazzjoni fit-tul.

71.

Il-Pajjiżi l-Baxxi jargumentaw li bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Dublin III il-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-unità tal-familja hija prevista mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja ( 60 ). Dawn jaffermaw li ma hemm l-ebda bżonn għal Stat Membru li jressaq talba għat-teħid lura li jieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 9 fil-Kapitolu III, peress li r-regoli ta’ din id-direttiva jipprovdu salvagwardji xierqa għall-unità tal-familja f’każijiet bħal dawk tas-Sinjura H u s-Sinjura R.

72.

Filwaqt li huwa minnu li d-Direttiva 2003/86 tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-unità tal-familja, l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva huwa li tiżgura trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li (diġà) qegħdin jgħixu legalment fit-territorju tal-Istati Membri u li tippromwovi stabbiltà soċjokulturali ( 61 ). L-għan tar-regoli dwar l-indikazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali huwa pjuttost differenti. Dawn ir-regoli ġew introdotti sabiex jgħinu l-effiċjenza tas-sistema ta’ Dublin b’mod ġenerali ( 62 ). Id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli hija l-ewwel pass fil-proċess, qabel l-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni nnifisha. Għalkemm il-kriterji tal-unità tal-familja fir-Regolament ta’ Dublin III bla dubju għandhom l-għan li jieħdu inkunsiderazzjoni r-relazzjonijiet tal-familja, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx l-istess għan bħad-Direttiva 2003/86 u jiffokaw fuq l-applikant għal protezzjoni internazzjonali, u mhux il-membru tal-familja li diġà huwa residenti b’mod legali.

73.

Għall-kuntrarju ta’ din il-fehma espressa mill-Pajjiżi l-Baxxi, għalhekk inqis li din id-direttiva ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-finijiet tar-Regolament ta’ Dublin III.

74.

Ser niċħad ukoll l-argument dgħajjef li huwa l-obbligu tal-ewwel Stat Membru li jressaq talba għat-teħid ta’ inkarigu quddiem it-tieni Stat Membru fejn xieraq sabiex jiżgura li dan tal-aħħar isir l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil. Dan l-argument sempliċement jonqos milli jindirizza l-kwistjoni ta’ prinċipju, jiġifieri jekk l-Istat Membru jistax japplika l-kriterji tal-Kapitolu III tar-Regolament ta’ Dublin III.

75.

F’ħafna każijiet il-bżonn ta’ konformità mat-termini stretti sabiex titressaq talba għat-teħid ta’ inkarigu stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament ta’ Dublin III ikun ifisser li fil-prattika ma hijiex possibbli għall-ewwel Stat Membru (hawnhekk il-Ġermanja) li jressaq tali talba ( 63 ). Il-fatti tal-kawża tas-Sinjura H jiddeskrivu dan il-punt. L-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja ġiet iddepożitata fil‑5 ta’ Jannar 2016 ( 64 ). F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1), kwalunkwe talba għat-teħid ta’ inkarigu kellha ssir sa mhux iktar tard mill‑5 ta’ April 2016. Il-marki tas-swaba’ u d-dettalji tas-Sinjura H ġew irreġistrati fil-Eurodac u f’każijiet ta’ hit tal-Eurodac dan il-perijodu jonqos għal xahrejn (5 ta’ Marzu 2016). L-awtoritajiet Ġermaniżi rċevew talba għat-teħid lura mill-kontropartijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi fil‑21 ta’ Marzu 2016. Il-perijodu sabiex titressaq talba għat-teħid ta’ inkarigu kien għalhekk diġà skada qabel l-awtoritajiet Ġermaniżi rċevew talba għat-teħid lura. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-mekkaniżmu ta’ talba għat-teħid lura ma setax jintuża sabiex tissolva s-sitwazzjoni ta’ applikant għall-ażil jew tal-Istati Membri kkonċernati billi jiġi indikat l-Istat Membru responsabbli f’konformità mal-kriterji tal-unità tal-familja stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament ta’ Dublin III.

76.

Fid-dawl tal-formulazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin III, l-aħjar qari tad-dispożizzjonijiet għat-teħid lura huwa li t-test jiġi interpretat f’sens li jikkonforma mal-garanziji tal-Karta li jipproteġu d-dritt għall-ħajja tal-familja. Għalhekk, meta applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun jista’ jagħti prova ta’ relazzjoni ma’ membru tal-familja skont it-tifsira tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament ta’ Dublin III u jinvoka l-Artikolu 9 tiegħu, l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jressaq talba għat-teħid lura għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji tal-unità tal-familja sabiex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, f’konformità mal-Artikolu 3(1), sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jistgħu jagħtu prova li l-persuna kkonċernata daħlet f’relazzjoni ta’ familja sabiex tevita l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin III.

L-Artikolu 27 tar-Regolament ta’ Dublin III

77.

L-Artikolu 27 tar-Regolament ta’ Dublin III ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn l-appell jew ir-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferiment fuq il-bażi ta’ jekk dawn jikkonċernawx talbiet għat-teħid ta’ inkarigu jew għat-teħid lura. Jirriżulta li fiż-żewġ istanzi applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkun jista’ jeżerċita d-dritt għal rimedju effettiv fl-Istat Membru meta huwa allegat li l-kriterji tal-Kapitolu III ġew applikati b’mod żbaljat ( 65 ). Din l-interpretazzjoni tiżgura li d-dritt għal appell jew reviżjoni fl-Artikolu 27 ma huwiex miċħud mill-effett prattiku tiegħu ( 66 ).

78.

Fis-sentenza Ghezelbash il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li r-rimedju previst f’din id-dispożizzjoni għandu jkun effettiv u jirrigwarda l-kwistjonijiet kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi. Minbarra dan, din il-formulazzjoni ma ssemmi ebda limitazzjoni tal-argumenti li jistgħu jiġu invokati mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ dan ir-rimedju ( 67 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-premessa 19 għal dan ir-regolament tistabbilixxi li, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv stabbilit bir-Regolament ta’ Dublin III kontra deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jirrigwarda kemm l-eżami tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament kif ukoll, l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li lejh jiġi ttrasferit l-applikant ( 68 ). Din hija l-ewwel fergħa ta’ dan it-test li hija rilevanti hawnhekk; u jidhirli li d-deċiżjoni preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ u għandha tiġi applikata għaċ-ċirkustanzi preżenti. Dan jidhirli li huwa konformi b’mod sħiħ mal-għan espliċitu tar-Regolament ta’ Dublin III li huwa li jiġi permess stħarriġ ġudizzjarju tal-implementazzjoni tar-regolament ( 69 ).

79.

Ser inżid li l-punt inkwistjoni hawnhekk ma huwiex jekk l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandux ikollhom dritt li jappellaw kull deċiżjoni ta’ trasferiment li tirriżulta minn ftehim ta’ Stat Membru ta’ talba għat-teħid lura. Il-bżonn għal tali dritt jirriżulta biss f’dawk il-każijiet fejn applikant jista’ joqgħod fuq kriterju konkurrenti stabbilit fil-Kapitolu III, b’mod partikolari l-kriterji tal-unità tal-familja, u fejn, għaldaqstant, applikazzjoni żbaljata ta’ dawn il-kriterji tista’ tkun rilevanti.

80.

Għalhekk, ser nikkonkludi li r-Regolament ta’ Dublin III għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li, fejn persuna tiddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru wieħed u sussegwentement tivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor fejn din tiddepożita applikazzjoni oħra u tipprova tikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment li tkun ġejja minn talba għat-teħid lura, fuq ir-raġuni li t-tieni Stat Membru jkun applika b’mod żbaljat il-kriterji tal-Kapitolu III, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-unità tal-familja, inkluż l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa japplikaw il-kriterji rilevanti tal-Kapitolu III. Skont l-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament, dawn id-deċiżjonijiet huma suġġetti għal stħarriġ tal-qrati nazzjonali sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta ta’ dawn il-kriterji.

Fuq it-tieni domanda

81.

Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk fiċ-ċirkustanzi koperti mill-ewwel domanda, huwiex sinjifikanti li l-ewwel Stat Membru jkun diġà ħa deċiżjoni fuq din l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew li l-applikant ikun irtira din l-applikazzjoni.

82.

L-ewwel nett, ma huwiex ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju kif it-tieni domanda tirrelata mal-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-kawżi inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax jekk id-deċiżjoni tal-ewwel Stat Membru li hija tinvoka tagħmilx riferiment għal deċiżjoni li tindika l-Istat Membru responsabbli jew għal deċiżjoni fil-mertu dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni.

83.

It-tieni nett, fil-każ tas-Sinjura H ma hemm l-ebda konstatazzjoni li ttieħdet deċiżjoni, hi x’inhi n-natura tagħha, mill-awtoritajiet Ġermaniżi. Sa fejn is-Sinjura R hija kkonċernata, il-Gvern Ġermaniż ikkonferma fis-seduta, li fiż-żmien li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ressqu t-talba għat-teħid lura (23 ta’ April 2016) il-kontropartijiet Ġermaniżi tagħhom ma ħadu l-ebda deċiżjoni sostantiva dwar il-każ tagħha. Din ġiet mogħtija biss protezzjoni sussidjarja fis‑6 ta’ Ottubru 2016. Ma hemm l-ebda konstatazzjoni fattwali fir-rigward li waħda mill-applikanti irtirat l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 27 jew l-Artikolu 28 tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

84.

Għalkemm il-bażi fattwali għat-tieni domanda ma hijiex ċara għal din ir-raġuni, xorta waħda ser neżaminaha b’mod konċiż għall-finijiet ta’ ċarezza.

85.

Ir-regoli fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Dublin III jipprovdu li l-Istat Membru responsabbli huwa ddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-applikant iddepożita għall-ewwel darba applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Dan jipprovdi l-punt ta’ riferiment. L-Istat Membru responsabbli għandu jiġi indikat permezz ta’ riferiment għaċ-ċirkustanzi fattwali ta’ dak iż-żmien billi jiġu applikati l-kriterji tal-Kapitolu III, inkluż il-kriterji tal-unità tal-familja (l-ewwel stadju). Għandha ssegwi l-evalwazzjoni fil-mertu tal-applikazzjoni għall-finijiet tad-Direttiva dwar il-kwalifika (it-tieni stadju). ( 70 )

86.

Meta l-fatti jiżvelaw li l-applikazzjoni fl-ewwel Stat Membru kienet qiegħda tiġi eżaminata jew ġiet irtirata jew miċħuda f’dan l-Istat Membru u jekk it-tieni Stat Membru jikkonkludi li ma huwiex l-Istat Membru responsabbli, l-istatus tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-ewwel Stat Membru huwa rilevanti għal dak l-eżami fl-ewwel stadju sa fejn iċ-ċirkustanzi fattwali jipprovdu l-bażi għal kwalunkwe talba għat-teħid lura li t-tieni Stat Membru jista’ jressaq skont l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) ( 71 ). Madankollu, fil-każ li l-Istat Membru jikkunsidra lilu nnifsu bħala l-Istat Membru responsabbli u jipproċedi għat-tieni stadju (evalwazzjoni fil-mertu), deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew l-irtirar tagħha fl-ewwel Stat Membru tkun rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni f’konformità mar-regoli nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar il-proċeduri ( 72 ). Għall-finijiet ta’ kompletezza ser inżid li jekk l-applikant diġà kien ingħata protezzjoni internazzjonali mill-ewwel Stat membru fiż-żmien li ġiet iddepożitata applikazzjoni konsekuttiva fit-tieni Stat Membru, tali persuna ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin III, peress ma tkunx “applikant” għall-finijiet tal-Artikolu 2(c).

87.

Għalhekk, jekk tkunx ittieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni fl-ewwel Stat Membru, jew jekk l-applikant ikunx irtira tali applikazzjoni, ma jiddeterminawx neċessarjament l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti dwar l-applikazzjoni korretta tal-kriterji tal-Kapitolu III fit-tieni Stat Membru sabiex jiġi stabbilit jekk dan l-Istat Membru huwiex l-Istat Membru responsabbli għall-finijiet tar-Regolament ta’ Dublin III.

Konklużjoni

88.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li, fejn persuna tiddepożita applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru wieħed u sussegwentement tivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor fejn din tiddepożita applikazzjoni oħra u tipprova tikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment li tkun ġejja minn talba għat-teħid lura, fuq ir-raġuni li t-tieni Stat Membru jkun applika b’mod żbaljat il-kriterji tal-Kapitolu III, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-unità tal-familja, inkluż l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet kompetenti huma meħtieġa japplikaw il-kriterji rilevanti tal-Kapitolu III. Skont l-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament, dawn id-deċiżjonijiet huma suġġetti għal stħarriġ mill-qrati nazzjonali sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta ta’ dawn il-kriterji.

Għalhekk, jekk tkunx ittieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni fl-ewwel Stat Membru, jew jekk l-applikant ikunx irtira tali applikazzjoni, ma jiddeterminawx neċessarjament l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti dwar l-applikazzjoni korretta tal-kriterji tal-Kapitolu III fit-tieni Stat Membru sabiex jiġi stabbilit jekk dan l-Istat Membru huwiex l-Istat Membru responsabbli għall-finijiet tar-Regolament Nru 604/2013.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Dublin III”). Dan ir-regolament huwa parti mis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA). Miżuri oħra jinkludu d-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kwalifika”), u d-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-proċeduri”).

( 3 ) ĠU 2010, C 83, p. 391.

( 4 ) L-Artikolu 7 jikkorrispondi għad-drittijiet stabbiliti mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

( 5 ) Id-drittijiet li jikkorrispondu għal dawk li hemm fl-Artikolu 47 tal-Karta huma stabbiliti fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB.

( 6 ) Minbarra r-Regolament ta’ Dublin III, din is-sistema tikkonsisti mir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Eurodac”), u r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Vol. 6 p. 200); emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat‑30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 39, p. 1).

( 7 ) Premessa 4.

( 8 ) Premessa 5.

( 9 ) Premessa 14.

( 10 ) Premessa 19.

( 11 ) Premessa 32.

( 12 ) Premessa 39.

( 13 ) Skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex ikun determinat l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil iddepożitata fi Stat Membru jew fl-Isvizzera, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2008, ir-Regolament ta’ Dublin III japplika għal dan l-Istat. Il-Ftehim ġie approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/147/KE tat‑28 ta’ Jannar 2008 (ĠU 2008, L 53, p. 3) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/487/KE tal‑24 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2009, L 161, p. 6). Is-sistema ta’ Dublin tapplika wkoll għall-Prinċipat tal-Liechtenstein. L-Islanda u n-Norveġja japplikaw is-sistema ta’ Dublin bis-saħħa tal-ftehimiet bilaterali mal-Unjoni Ewropea li ġew approvati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/258/KE tal‑15 ta’ Marzu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 76).

( 14 ) L-Artikoli l-oħra fil-Kapitolu III fihom kriterji ulterjuri li għandhom l-għan li jippromwovu l-unità tal-familja. Għalhekk, l-Artikolu 8 jipprovdi li fil-każ ta’ minorenni mhux akkumpanjati, l-Istat Membru responsabbli huwa dak fejn membru tal-familja jew ħu jew oħt il-minorenni ikunu legalment preżenti. L-Artikolu 10 jikkonċerna applikanti b’membru tal-familja fi Stat Membru li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħhom f’dak l-Istat tkun għadha ma ġietx suġġetta għall-ewwel deċiżjoni fil-mertu. L-Artikolu 16 ikopri applikanti dipendenti fuq membru tal-familja legalment residenti f’wieħed mill-Istati Membri. F’konformità mal-Artikolu 16(2), meta applikant għal protezzjoni internazzjonali huwa dipendenti fuq l-assistenza tal-wild, ħu/oħt, jew ġenitur legalment residenti fi Stat Membru jew il-wild, ħu/oħt jew ġenitur huwa dipendenti fuq l-applikant, u din il-persuna hija legalment residenti fi Stat Membru għajr dak fejn l-applikant jinsab, l-Istat Membru responsabbli (inġenerali) għandu jkun dak fejn il-membru tal-familja huwa legalment residenti. Ser nagħmel riferiment għall-Artikoli 8, 10 u 16 kollettivament bħala l-“kriterji tal-unità tal-familja”.

( 15 ) L-Artikoli 16 u 17 huma parti mill-klawżoli tal-persuni dipendenti u diskrezzjonali stabbiliti fil-Kapitolu IV.

( 16 ) L-Artikolu 22 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ tweġiba għal talba għat-teħid ta’ inkarigu. Fil-qosor, l-Istat Membru li tkun tressqitlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa u jagħti deċiżjoni fuq it-talba għat-teħid ta’ inkarigu fi żmien xahrejn mill-irċevuta tat-talba. L-Artikolu 24 jipprevedi li tiġi mressqa talba għat-teħid lura meta ma tkunx ġiet iddepożitata ebda applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru rikjedenti. L-Artikolu 25 jistabbilixxi r-regoli għal tweġiba għal talba għat-teħid lura u l-Artikolu 29 jistabbilixxi l-arranġamenti u t-termini għat-trasferimenti.

( 17 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq.

( 18 ) Dawn jinkludu każijiet fejn l-applikant jonqos milli jwieġeb għal talbiet għal informazzjoni essenzjali għall-applikazzjoni jew jekk l-applikant jaħrab jew jitlaq il-post fejn kien jgħix mingħajr awtorizzazzjoni.

( 19 ) Artikolu 33(2)(a) u (d) rispettivament. It-terminu “applikazzjoni sussegwenti” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(q) bħala applikazzjoni oħra għall-protezzjoni internazzjonali li ssir wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali. Dan jinkludi kemm irtirar espliċitu u fejn applikazzjoni tiġi rtirata skont it-tifsira tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri.

( 20 ) Ara l-Artikolu 25(2) tar-Regolament ta’ Dublin III.

( 21 ) Din hija l-opinjoni tiegħi dwar il-fatti fl-isfond tal-kawża tas-Sinjura H ibbażata fuq l-informazzjoni fil-fajl nazzjonali.

( 22 ) Milli qiegħda nifhem, il-Pajjiżi l-Baxxi talbu lill-Ġermanja biex terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha fuq il-bażi tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003: ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet f’X, C‑47/17 u C‑48/17, EU:C:2018:212, punt 81 (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, EU:C:2018:900).

( 23 ) Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament ta’ Dublin III, l-obbligi tal-Istat Membru, li tkun tressqitlu t-talba, li jieħu lura applikant jieqfu f’ċirkustanzi fejn l-Istat ikkonċernat jista’ jistabbilixxi li l-persuna kkonċernata ħalliet it-territorju tal-Istat Membru għal mill-inqas tliet xhur. Din id-dispożizzjoni tagħmilha possibbli għall-Istat Membru li tkun tressqitlu t-talba, li jeżamina jekk huwiex tabilħaqq l-Istat Membru responsabbli għall-finijiet tar-Regolament ta’ Dublin III, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe prova jew ta’ prova ċirkustanzjali li jista’ jkun rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 22(2) u fir-Regolament Nru 1560/2003.

( 24 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, u Karim, C‑155/15, EU:C:2016:410.

( 25 ) Fil-Kawża C‑582/17, H., il-qorti tar-rinviju tagħmel domanda identika għall-ewwel domanda tal-Kawża C‑583/17, R. Fil-Kawża C‑582/17, H, ma hemmx domandi oħra.

( 26 ) Ara l-punt 7 iktar ’il fuq.

( 27 ) Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll fejn tali applikant jiċċaqlaq bejn l-Istati Membri mingħajr permess ta’ residenza. Peress li kemm is-Sinjura H kif ukoll is-Sinjura R iddepożitaw applikazzjonijiet konsekuttivi kemm fil-Ġermanja kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi, hija din l-kundizzjoni fl-Artikolu 18(1)(b),(c), (d) jew l-Artikolu 20(5) li hija rilevanti hawnhekk.

( 28 ) Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.

( 29 ) Ara l-punti 85 sa 87 iktar ’il quddiem.

( 30 ) Ara l-punt 75 iktar ’il quddiem.

( 31 ) Artikolu 18(1)(a) japplika fejn titressaq talba għat-teħid ta’ inkarigu. Madankollu, peress li ma hemm xejn fid-deċiżjoni tar-rinviju li jissuġġerixxi li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ressqu tali talba lill-kontropartijiet Ġermaniżi tagħhom m’iniex ser inkompli nikkunsidra din id-dispożizzjoni.

( 32 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 41.

( 33 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 56. Ara wkoll id-definizzjoni ta’ “eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” fil-punt 7 iktar ’il fuq.

( 34 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 57; ara wkoll il-premessa 5 tar-Regolament ta’ Dublin III. Ara wkoll il-punti 37 u 39 iktar ’il fuq.

( 35 ) Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament Eurodac.

( 36 ) Ir-Regolament ta’ Dublin III ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU 2003 L 50, p. 1; “ir-Regolament ta’ Dublin II”) li kien parti mis-sistema preċedenti.

( 37 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 45 sa 47; ara wkoll il-punt 43 iktar ’il fuq.

( 38 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 51, u s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 45.

( 39 ) Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 49, 5052; ara wkoll is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 39.

( 40 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 59 sa 63; ara ulterjorment il-premessa 9.

( 41 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2012, K, C‑245/11, EU:C:2012:685, punt 36; ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 iktar ’il fuq.

( 42 ) Ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 17(1).

( 43 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013, MA et, C‑648/11, EU:C:2013:367, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 44 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 45 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Hasan, C‑360/16, EU:C:2018:35, punti 7374.

( 46 ) Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 93.

( 47 ) Ara b’analoġija l-formulazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin II li ġiet eżaminata fis-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013, MA et, C‑648/11, EU:C:2013:367, punti 51 sa 53.

( 48 ) Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, COM(2001) 447, punt 2.1; ara wkoll id-Dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni SEC(2000) 522, punt 22.

( 49 ) Ara d-Dokument ta’ ħidma mill-personal tal-Kummissjoni SEC(2000) 522, il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, COM(2001) 447, punt 3.1 u l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, COM(2008) 820, punt 3.2.

( 50 ) Ara l-punt 44 iktar ’il fuq.

( 51 ) Il-kunċett ta’ familja skont l-Artikolu 8 tal-KEDB ma huwiex ristrett biss għal relazzjonijiet ibbażati fuq żwieġ, jista’ de facto jinkludi rbit familjari fejn il-partijiet li jgħixu flimkien barra miż-żwieġ, sentenza tal-Qorti EDB, tat‑18 ta’ Diċembru 1986, Johnston et vs L-Irlanda [GC], ECLI:CE:ECHR:1986:1218JUD000969782, punt 56. Anki fl-assenza ta’ koabitazzjoni jista’ jkun hemm irbit suffiċjenti għall-ħajja tal-familja, sentenza tal-Qorti EDB, tas‑7 ta’ Novembru 2013, Vallianatos et vs Il-Greċja [GC], ECLI:CE:ECHR:2013:1107JUD002938109, punt 49 u punt 73.

( 52 ) Tali approċċ ġie miċħud peress li ġie meqjus bħala l-prinċipju li permezz tiegħu ġie ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, ara d-Dokument ta’ ħidma mill-personal tal-Kummissjoni SEC(2000) 522, punt 56, inċiż 4.

( 53 ) Dokument ta’ ħidma mill-personal tal-Kummissjoni SEC(2000) 522, punt 6.

( 54 ) Ara l-punt 59 iktar ’il fuq.

( 55 ) Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni COM(2008) 820, ir-raba’ inċiż tal-punt 4.

( 56 ) Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni COM(2008) 820, punt 4

( 57 ) Fajl Interistituzzjonali 2008/0243 (COD), 12364/09 Asile 56 CODEC 1000, tas‑27 ta’ Lulju 2009, Annex II, p. 37.

( 58 ) Premessa 14 tar-Regolament ta’ Dublin III.

( 59 ) L-iktar kriterju tal-Kapitolu III li jiġi applikat frekwentement huwa l-Artikolu 13; ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 87 u l-istudju ppreparat minn ICF International għall-Kummissjoni Ewropea tat‑18 ta’ Marzu 2016“Evaluation of the Implementation of the Dublin III Regulation — Final Report”.

( 60 ) Direttiva tat‑22 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 6, p. 224).

( 61 ) Ara l-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2003/86.

( 62 ) Dan huwa minħabba li d-domandi dwar l-isfond tal-applikant u ċ-ċirkustanzi tal-applikant jistgħu jiġu investigati b’iktar effiċjenza meta Stat Membru jkun qiegħed jeżamina ċ-ċirkustanzi ta’ membri tal-familja li huma ċittadini tal-istess pajjiż ta’ oriġini; ara p. 7 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għal COM(2001) 447 finali.

( 63 ) Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 50.

( 64 ) Il-Gvern Ġermaniż b’mod utli pprovda d-dettalji tal-progress kemm tal-kawża tas-Sinjura H kif ukoll tas-Sinjura R fis-seduta.

( 65 ) Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 5758.

( 66 ) Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, A.S., C‑490/16, EU:C:2017:585, punt 34.

( 67 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 36.

( 68 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 3944.

( 69 ) Sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 46.

( 70 ) Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.

( 71 ) Ara l-punt 37 iktar ’il fuq.

( 72 ) Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.

Top