Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0575

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Wathelet, ippreżentati fis-7 ta’ Awwissu 2018.
    Sofina SA et vs Ministre de l'Action et des Comptes publics.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d'État (France).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa f’ras il-għajn fuq l-ammont gross tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali mqassma lil kumpanniji mhux residenti – Posponiment tat-taxxa fuq id-dividendi mqassma lil kumpannija residenti fil-każ ta’ sena finanzjarja b’telf – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni – Komparabbiltà – Tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri – Effikaċità tal-ġbir tat-taxxa – Proporzjonalità – Diskriminazzjoni.
    Kawża C-575/17.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:650

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    WATHELET

    ippreżentati fis-7 ta’ Awwissu 2018 ( 1 )

    Kawża C‑575/17

    Sofina SA,

    Rebelco SA,

    Sidro SA

    vs

    Ministre de l’Action et des Comptes publics

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa f’ras il-għajn fuq l-ammont gross tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali mħallsa lil kumpanniji mhux residenti – Tassazzjoni differenti, ibbażata fuq ir-riżultat nett, tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 u 65 TFUE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Franċiża li tipprevedi taxxa f’ras il-għajn, ikkalkolata fuq l-ammont gross, għad-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti lil kumpanniji mhux residenti li jagħmlu telf, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti li jagħmlu telf huma suġġetti għal tassazzjoni taħt is-sistema tad-dritt komuni, fuq l-ammont nett tagħhom, biss fi stadju ulterjuri, jekk ir-riżultat tagħha juri profitt.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt Franċiż

    2.

    Skont l-Artikolu 38 tal-code général des impôts (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi) (iktar ’il quddiem iċ-“CGI”):

    “[…] il-profitt taxxabbli huwa l-profitt nett, stabbilit skont ir-riżultat tal-operazzjonijiet kollha ta’ kwalunkwe natura mwettqa mill-impriżi, inkluż b’mod partikolari ċ-ċessjonijiet ta’ kull element tal-attiv, kemm korrenti, kif ukoll fi tmiem l-operazzjoni”.

    3.

    L-Artikolu 39-1 taċ-CGI iżid:

    “Il-profitt nett għandu jiġi stabbilit bit-tnaqqis tal-ispejjeż kollha […]”.

    4.

    L-Artikolu 119 bis(2) taċ-CGI jipprevedi li l-prodotti li jissemmew fl-Artikoli 108 sa 117 bis taċ-CGI, fosthom id-dividendi, għandhom iwasslu għall-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn li r-rata tagħha hija stabbilita bl-Artikolu 187-1 meta jibbenefikaw minnhom persuni li ma għandhomx id-domiċilju fiskali jew is-sede tagħhom fi Franza.

    5.

    Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fattispeċje tal-każ, l-Artikolu 187‑1 taċ-CGI jiffissa t-taxxa f’ras il-għajn fir-rata għal 25 %.

    6.

    Fil-verżjoni tiegħu applikabbli sal-21 ta’ Settembru 2011, l-Artikolu 209-1 taċ-CGI kien jispeċifika:

    “[…] [M]eta jkun hemm telf matul sena fiskali, dan it-telf għandu jitqies bħala piż għas-sena fiskali ta’ wara u jitnaqqas mill-profitt miksub matul dik is-sena. Jekk il-profitt ma huwiex suffiċjenti sabiex it-tnaqqis kollu jkun jista’ jsir, l-eċċess tat-telf għandu jiġi mgħoddi għas-snin fiskali segwenti.”

    7.

    Mill‑21 ta’ Settembru 2011, l-Artikolu 209-1 taċ-CGI ġie redatt kif ġej:

    “[…] [M]eta jkun telf matul sena fiskali, dan it-telf għandu jitqies bħala piż għas-sena fiskali ta’ wara u jitnaqqas mill-profitt matul dik is-sena sal-ammont ta’ [EUR]1 000 000 flimkien ma’ 60 % tas-somma ekwivalenti għall-profitt taxxabbli ta’ dik is-sena li jeċċedi l-ewwel somma. Jekk dan il-profitt ma huwiex suffiċjenti sabiex it-tnaqqis kollu jkun jista’ jsir, l-eċċess tat-telf għandu jgħaddi taħt l-istess kundizzjonijiet għas-snin segwenti. Dan japplika wkoll għall-parti tat-telf mhux ammessa bħala tnaqqis b’applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu.”

    B. Il-konvenzjoni fiskali tal‑10 ta’ Marzu 1964 iffirmata bejn Franza u l-Belġju

    8.

    L-Artikolu 15 tal-konvenzjoni fiskali ffirmata fl-10 ta’ Marzu 1964 bejn Franza u l-Belġju, kif sussegwentament emendata, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Franko-Belġjana”) jistipula kif ġej:

    “1.   Id-dividendi provenjenti minn Stat Kontraenti lil jitħallsu lil resident fl-Istat Kontraenti l-ieħor għandhom ikunu taxxabbli f’dak l-Istat l-ieħor.

    2.   Madankollu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, dawn id-dividendi jistgħu jiġu intaxxati fl-Istat Kontraenti fejn hija residenti l-kumpannija li tħallas id-dividendi, u skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, imma t-taxxa stabbilita ma tistax teċċedi:

    a)

    10 % tal-ammont gross tad-dividendi jekk il-benefiċjarju hija kumpannija li għandha l-proprjetà esklużiva ta’ mhux inqas minn 10 % tal-kapital tal-kumpannija li tqassam id-dividendi b’effett mill-bidu tal-aħħar sena fiskali tagħha magħluqa qabel id-distribuzzjoni;

    b)

    15 % tal-ammont gross tad-dividendi fil-każijiet l-oħra.

    Dan is-subartikolu ma jikkonċernax it-tassazzjoni tal-kumpannija għall-profitti li jservu għall-ħlas tad-dividendi.

    […]”

    III. Il-kuntest fattwali

    9.

    SofinaSA, Rebelco SA u Sidro SA, kumpanniji rregolati taħt id-dritt Belġjan u residenti fil-Belġju, irċevew, bejn l-2008 u l-2011, dividendi minħabba l-ishma tagħhom f’kumpanniji Franċiżi, li fihom huma kellhom ishma minoritarji li ma kienux iwasslu għall-benefiċċju tas-sistema tal-kumpanniji prinċipali previst miċ-CGI u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva prinċipali-sussidjarji”).

    10.

    Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 119 bis taċ-CGI, magħqud mal-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Franko-Belġjana, fuq dawn id-dividendi nżammet it-taxxa f’ras il-għajn bir-rata ta’ 15 %.

    11.

    Billi l-kumpanniji Belġjani kkonċernati kienu għalqu s-snin finanzjarji tagħhom mill-2008 sal-2011 bit-telf, huma kienu ressqu lmenti mal-amministrazzjoni fiskali Franċiża, fejn talbu l-ħlas lura tat-taxxa miżmuma. Sa fejn kumpannija li ssofri telf bbażata fi Franza hija effettivament intaxxata fuq id-dividendi minn sors Franċiż biss meta d-dħul taxxabbli jerġa’ juri profitt, il-kumpanniji Belġjani kkonċernati kkunsidraw li huma kienu ttrattati inqas tajjeb mill-kontropartijiet tagħhom Franċiżi.

    12.

    Billi dawn l-ilmenti ġew miċħuda, il-kumpanniji Belġjani kkonċernati kienu marru quddiem il-qrati kompetenti li, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, ma laqgħux it-talbiet tagħhom għal ħlas lura.

    13.

    Għaldaqstant, huma appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza).

    14.

    Din il-qorti kkonstatat, l-ewwel nett, li l-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn biss kontra kumpanniji mhux residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf, meta huma jirċievu dividendi minħabba l-ishma tagħhom f’kumpanniji Franċiżi, tista’ toħloq żvantaġġ finanzjarju kontra tagħhom meta mqabbla mal-kumpanniji residenti li jagħmlu telf, li jirċievu dividendi mill-ishma tagħhom f’kumpanniji Franċiżi. Madankollu, l-imsemmija qorti tixtieq tkun taf jekk din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxix waħedha differenza ta’ trattament li tikkaratterizza restrizzjoni għall-Artikolu 63 TFUE.

    15.

    Anki jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi din ir-restrizzjoni, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistaqsi, it-tieni nett, jekk, fid-dawl tal-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri li tiggarantixxi l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa, l-imsemmija restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata.

    16.

    It-tielet nett, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jinnota li d-differenzi ta’ modilatajiet tal-kalkolu tal-bażi tat-tassazzjoni tad-dividendi skont jekk il-kumpannija li tirċivihom hijiex residenti jew le wkoll jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni. Fil-fatt, filwaqt li t-taxxa f’ras il-għajn prevista fl-Artikolu 119 bis taċ-CGI għandha tkun likwidata fuq l-ammont gross tad-dividendi, l-ispejjeż marbuta mal-ġbir stess tad-dividendi għandhom jitnaqqsu mill-bażi tat-tassazzjoni għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti, filwaqt li dan it-tnaqqis mhux possibbli jekk id-dividendi jitħallsu lil kumpannija mhux residenti.

    17.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikoli […] 63 u 65 [TFUE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-iżvantaġġ finanzjarju li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn għad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf, filwaqt li l-kumpanniji residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf huma ntaxxati fuq l-ammont tad-dividendi li huma jirċievu biss fis-sena li fiha, jekk ikun il-każ, huma jibdew jagħmlu profitt, jikkostitwixxi fih innifsu differenza fit-trattament li tikkaratterizza restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital?

    2)

    Ir-restrizzjoni potenzjali għall-moviment liberu tal-kapital imsemmija fid-domanda preċedenti tista’ titqies, fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli […] 63 u 65 [TFUE], li hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa, peress li l-kumpanniji mhux residenti ma humiex suġġetti għall-kontroll tal-awtorità tat-taxxa Franċiża, jew anki mill-ħtieġa li jiġi ppreżervat it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri?

    3)

    Fil-każ li l-applikazzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn ikkontestata tista’, bħala prinċipju, tiġi aċċettata fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital:

    dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu l-ġbir ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti lil kumpannija mhux residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf ta’ Stat Membru ieħor meta din il-kumpannija tal-aħħar ittemm l-attività tagħha mingħajr ma tkun bdiet tagħmel profitt, filwaqt li kumpannija residenti mqiegħda f’din is-sitwazzjoni ma hijiex effettivament intaxxata fuq l-ammont ta’ dawn id-dividendi?

    dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta regoli ta’ tassazzjoni jittrattaw b’mod differenti d-dividendi skont jekk dawn jitħallsux lill-kumpanniji residenti jew lill-kumpanniji mhux residenti, għandu jiġi pparagunat il-piż fiskali effettiv sostnut minn kull waħda minnhom fir-rigward ta’ dawn id-dividendi, sabiex b’hekk restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li tirriżulta mill-fatt li dawn ir-regoli jeskludu, għall-kumpanniji mhux residenti biss, it-tnaqqis tal-ispejjeż li huma marbuta direttament mal-ġbir, fih innifsu, tad-dividendi, tista’ titqies li hija ġġustifikata mid-differenza fir-rata bejn it-taxxa tad-dritt komuni imposta, f’sena sussegwenti, fuq il-kumpanniji residenti u t-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-dividendi mħallsa lill-kumpanniji mhux residenti, meta din id-differenza tikkumpensa, fir-rigward tal-ammont tat-taxxa mħallas, id-differenza fil-bażi tat-taxxa?”

    IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    18.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Settembru 2017. Sofina, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Svediż u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    19.

    Inżammet seduta fil‑25 ta’ Ġunju 2018 li matulha nstemgħu Sofina, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Svediż kif ukoll il-Kummissjoni għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

    V. Analiżi

    A. Osservazzjonijiet preliminari

    20.

    Il-qorti tar-rinviju tressaq qabelxejn id-domandi tagħha mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-kapital u tal-Artikoli 63 u 65 TFUE, għaliex il-kumpanniji Belġjani Sofina, Rebelco u Sidro rċevew id-dividendi minħabba l-ishma minoritarji tagħhom f’kumpanniji Franċiżi li ma jagħtuhomx id-dritt li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fl-impriża. Madankollu, ir-raġunament li għandu jiġi segwit ser ikun eżattament l-istess li kieku kienet il-libertà ta’ stabbiliment inkwistjoni, għaliex il-ħlasijiet kollha ta’ dividendi kkonċernati seħħew biss bejn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri.

    21.

    Id-domandi preliminari li saru mill-qorti tar-rinviju jinnotaw żewġ differenzi li tagħmel il-leġiżlazzjoni Franċiża fit-trattament fiskali tad-dividendi, skont jekk jitħallsux minn kumpanniji residenti lil kumpanniji residenti oħra jew għall-kuntrarju lil kumpanniji mhux residenti:

    id-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf huma ntaxxati biss jekk u meta r-riżultat tagħhom juri jew jerġa’ juri profitt filwaqt li l-leġiżlazzjoni Franċiża tipprevedi taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji residenti lil kumpanniji mhux residenti, anki jekk dawn tal-aħħar qegħdin jagħmlu telf. Għaldaqstant tal-ewwel jistgħu ma jiġu intaxxati qatt u, f’każ ta’ tassazzjoni, huma dejjem ser ikollhom il-benefiċċju ta’ vantaġġ finanzjarju għaliex it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti ser tinżamm neċessarjament, kemm jekk matul l-istess sena fiskali kemm jekk le, qabel t-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti. Din l-ewwel differenza tat-trattament hija s-suġġett tal-ewwel u t-tieni domanda preliminari kif ukoll tal-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari;

    il-bażi tal-kalkolu tat-tassazzjoni tad-dividendi hija differenti, għaliex it-taxxa f’ras il-għajn miġbura fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti għandha tiġi llikwidata fuq l-ammont gross tad-dividendi filwaqt li d-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti għandhom jiġu ntaxxati fuq l-ammonti netti, billi, għad-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti mhux previst it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir ta’ dawn id-dividendi. Din id-differenza tat-trattament hija s-suġġett tat-tieni parti tat-tielet domanda preliminari.

    22.

    Għaldaqstant, l-ewwel nett sejjer nindirizza l-ewwel u t-tieni domandi preliminari kif ukoll l-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari u mbagħad il-kumplament ta’ din l-aħħar domanda.

    B. Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari u fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari

    1.   Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna t-tassazzjoni tad-dividendi, imsejħa “ħerġin”

    23.

    Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għanja b’sentenzi li indirizzaw il-problema tat-tassazzjoni differenti tad-dividendi skont jekk il-kumpannija residenti li tqassamhom (pereżempju sussidjarja) tħallashomx lil azzjonist residenti (pereżempju l-kumpannija omm tagħha) jew għall-kuntarju lil azzjonist mhux residenti. F’dan l-aħħar każ, nistgħu nitħaddtu dwar “dividendi ħerġin” (outgoing dividends).

    24.

    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “trattament sfavorevoli minn Stat Membru tad-dividendi mħallsa lil [persuni taxxabbli] mhux residenti, meta mqabbel mat-trattament tad-dividendi mħallsa lil [persuni taxxabbli] residenti, jista’ jiddisswadi lill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru differenti mill-ewwel Stat Membru milli jagħmlu investimenti f’dan l-ewwel Stat Membru u jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE” ( 3 ).

    25.

    Sakemm Stat Membru, unilateralment jew skont ftehim, jintaxxa mhux biss lill-azzjonisti residenti imma wkoll lill-azzjoniisti mhux residenti fuq id-dividendi li jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitazzjoni tal-azzjonisti mhux residenti hija paraganobbli għal dik tal-azzjonisti residenti ( 4 ).

    26.

    Billi s-sitwazzjonijiet rispettivi tal-azzjonisti huma għalhekk simili, leġiżlazzjoni nazzjonali “tikkostitwixxi miżura diskriminatorja li hija inkompatibbli mat-Trattat [FUE], safejn tipprevedi tassazzjoni ogħla fuq id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji sussidjarji residenti lill-kumpanniji parent [mhux residenti] minn dik fuq l-istess dividendi mħallsa lil kumpanniji parent [residenti]” ( 5 ).

    27.

    Dan japplika a fortiori fejn id-dividendi li ma joħorġux mill-Istat Membru huma taxxabbli iktar tard mid-dividendi li joħorġu, jew huma kompletament eżentati filwaqt li d-dividendi li joħorġu huma ntaxxati ( 6 ).

    28.

    Ħafna drabi, l-Istat ta’ residenza tal-kumpannija distributriċi jimponi taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li ħerġin. Madankollu, ma hijiex it-taxxa f’ras il-għajn imposta biss fuq id-dividendi mħallsa lil azzjonisti mhux residenti li tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, għaliex dan huwa biss modalità ta’ ġbir tat-taxxa ( 7 ). Li huwa mportanti hija d-differenza fit-trattament fiskali globali impost fuq iż-żewġ kategoriji ta’ dividendi.

    29.

    F’diversi kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital meta l-Istat Membru tal-kumpannija distributriċi impona taxxa f’ras il-għajn kemm għad-dividendi li joħorġu kif ukoll għad-dividendi li ma joħorġux mit-territorju tiegħu. Dan kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑284/09, EU:C:2011:670), fejn it-taxxa f’ras il-għajn kienet imposta fuq id-dividendi kollha ddistribwiti minn kumpannija stabbilita fil-Ġermanja, imma kienu biss il-kumpanniji residenti li jibbenefikaw minn kreditu tat-taxxa, li kien irrimborsat saħansitra anki jekk it-taxxa finali fuq id-dħul kienet inferjuri għal dan il-kreditu tat-taxxa filwaqt li għall-kumpanniji mhux residenti, it-taxxa f’ras il-għajn kienet tinżamm b’mod finali.

    30.

    Dan kien ukoll il-każ fil-kawża li wasslet għad-digriet tat‑12 ta’ Lulju 2012, Tate & Lyle Investments (C‑384/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:463) fejn il-benefiċjarju residenti ta’ dividendi ħallas taxxa f’ras il-għajn imputabbli u rimborsabbli filwaqt li, għal min mhux residenti, it-taxxa f’ras il-għajn kienet finali.

    31.

    Dan kien ukoll il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608), fejn il-persuni taxxabbli residenti kienu jgawdu minn rimbors tat-taxxa f’ras il-għajn jew minn sistema ta’ riduzzjoni filwaqt li, għall-persuni taxxabbli mhux residenti, l-ammont miżmum kien jikkostitwixxi taxxa finali.

    32.

    Fi kliem ieħor, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286), “l-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi għat-tassazzjoni, permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn, ta’ dividendi ta’ oriġini nazzjonali meta dawn huma riċevuti minn [persuni taxxabbli] residenti fi Stat ieħor, filwaqt li tali dividendi huma eżentati mit-taxxa fir-rigward tal-[persuni taxxabbli] residenti fl-ewwel Stat” ( 8 ).

    2.   Applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għall-kawża prinċipali

    a)   Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

    33.

    Il-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta d-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf għal tassazzjoni permezz ta’ taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li d-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti jkunu, potenzjalment biss u f’kull każ iktar tard, suġġetti għat-taxxa permezz tat-taxxa fuq il-kumpanniji, wara s-sena fiskali li fiha dawn il-kumpanniji jerġgħu jagħmlu profitt.

    34.

    Anki jekk ma hemmx eżenzjoni formali tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf, it-tassazzjoni tad-dividendi li jitħallsu lilhom issir biss eventwalment, u f’kull każ iktar tard u tista’ ma ssir qatt, għaliex il-kumpannija residenti li tirċievi dawn id-dividendi tista’ qatt ma tagħmel profitt, saħansitra wkoll tieqaf mill-attività tagħha ( 9 ).

    35.

    Għaldaqstant, f’dan il-każ, hemm tassazzjoni manifestament inqas favorevoli tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti li jkunu qegħdin jagħmlu telf, għaliex it-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti tista’ ma ssir qatt u jekk issir, issir biss iktar tard, u dan iwassal għal żvantaġġ finanzjarju għall-kumpanniji taxxabbli li jkunu qegħdin jagħmlu telf mhux residenti, billi din l-aħħar ipoteżi kienet espressament iċċitata mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha.

    36.

    Sabiex nikkonkludi fuq dan il-punt, inqis li s-sistema stabbilita b’leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita bħala prinċipju mill-Artikolu 63 TFUE.

    b)   Fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet u l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika l-moviment liberu tal-kapital

    37.

    Konformement mal-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE ma jippreġudikax id-dritt li għandhom l-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali li tistabbilixxi distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma jkunux fl-istess sitwazzjoni f’dak li jikkonċerna r-residenza tagħhom jew il-post fejn huwa investit l-kapital tagħhom.

    38.

    Kif indikajt fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija ċara: sakemm Stat Membru jintaxxa mhux biss l-azzjonisti residenti, imma wkoll l-azzjonisti mhux residenti għad-dividendi rċevuti minn kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-azzjonist mhux residenti għandha tkun komparabbli għal dik tal-azzjonisti residenti.

    39.

    It-trattament differenti maħluq bil-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali “ma jistax [għalhekk] jiġi ġġustifikat minn differenza rilevanti tas-sitwazzjoni” ( 10 ).

    c)   Fuq il-ġustifikazzjoni

    40.

    Ġew invokati żewġ motivi ta’ ġustifikazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Franċiż, jiġifieri n-neċessità li jiġi ssalvagwardat it-tqassim bilanċjat tas-setgħa tat-tassazzjoni bejn l-Istati Membri u n-neċessità li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa.

    41.

    Għalkemm in-neċessità li jiġi salvagwardat it-tqassim bilanċjat tas-setgħa tat-tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tiġi ammessa meta, b’mod partikolari, is-sistema inkwistjoni hija intiża sabiex tipprevjeni aġir li jista’ jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu b’relazzjoni mal-attivitajiet imwettqa fuq it-territorju tiegħu ( 11 ), nikkonstata qabelxejn li, billi l-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassal għal tassazzjoni tad-dividendi li jkunu ħerġin inqas favorevoli meta mqabbla mad-dividendi mħallsa lil residenti (tal-inqas żvantaġġ ta’ flus kontanti), jeħtieġ jiġi enfasizzat li l-Gvern Franċiż ma jispjegax għaliex tassazzjoni simili hija neċessarja sabiex jiġi żgurat tqassim tas-setgħa tat-tassazzjoni bejn l-Istati Membri, filwaqt li dan l-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri mhux diskriminatorji bħal, pereżempju, l-impożizzjoni ta’ taxxa f’ras il-għajn kemm għad-dividendi mħallsa lir-residenti kif ukoll għal dawk imħallsa lil dawk mhux residenti.

    42.

    Barra minn hekk, billi l-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ twassal għall-eżenzjoni tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti, għandu jitfakkar li, meta Stat Membru jkun iddeċieda li ma jintaxxax lir-residenti li jibbenefikaw minn dividendi ta’ oriġini nazzjonali, ma tistax tiġi invokata n-neċessità li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa tat-tassazzjoni bejn l-Istati Membri bil-għan li tiġi ġġustifikata t-tassazzjoni ta’ dawk mhux residenti benefiċjarji ta’ dan id-dħul ( 12 ).

    43.

    Fl-aħħar nett, ninnota li r-Repubblika Franċiża ċertament eżerċitat is-setgħa tat-tassazzjoni tagħha fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti, li barra minn hekk ma kellhom l-ebda possibbiltà li jagħżlu sistema fiskali nazzjonali oħra, li kienet tagħtihom sistema fiskali iktar favorevoli fuq dawn l-istess dividendi.

    44.

    Il-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata bin-neċessità li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa, għaliex dan il-motiv ta’ ġustifikazzjoni ma jistax jiġġustifika taxxa li, essenzjalment, tolqot biss dawk mhux residenti ( 13 ).

    45.

    Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari kif ukoll għall-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari li l-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta d-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti li tkun qed tagħmel telf għat-taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li kumpanniji residenti simili ma jkunux intaxxati fuq l-ammont tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali sakemm huma jibqgħu bit-telf.

    C. Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda preliminari

    46.

    Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, kont meħud tal-piż fiskali effettiv impost fuq id-dividendi mħallsa lil residenti u dak impost fuq id-dividendi mħallsa lil dawk mhux residenti, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital riżultanti minn leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi biss lil dawk mhux residenti mit-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta direttament mal-ġbir tad-dividendi tistax tkun iġġustifikata bid-differenza bejn ir-rata tat-taxxa tad-dritt komuni (33.33 %) impost fuq residenti għas-sena fiskali segwenti ( 14 ) u t-taxxa f’ras il-għajn (15 %) miġbura mid-dividendi mħallsa lil dawk mhux residenti, meta din id-differenza tikkumpensa, fir-rigward tal-ammont tat-taxxa mħallsa, id-differenza tal-bażi tat-taxxa.

    1.   Fuq l-ammissibbiltà

    47.

    Hija ġurisprudenza stabbilita li d-domandi preliminari mressqa minn qorti ta’ Stat Membru u li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza b’mod li huwa possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tirrispondihom biss meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni mitluba tal-validità ta’ regola tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula ( 15 ).

    48.

    Skont il-Gvern tar-Renju Unit din id-domanda hija ipotetika għaliex il-kumpanniji Belġjani inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma identifikaw l-ebda spiża marbuta direttament mal-ġbir tad-dividendi li huma ma kienux awtorizzati jnaqqsu fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tat-taxxa f’ras il-għajn. Għalhekk, it-tieni parti tat-tielet domanda hija irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

    49.

    Waqt is-seduta, Sofina sostniet li hija stess, Rebelco u Sidro kienu effettivament talbu t-tnaqqis mill-bażi tat-taxxa fuq id-dividendi tal-ispejjeż kollha marbuta mal-attivitajiet tagħhom tal-ġestjoni tal-portafoll, jiġifieri t-tnaqqis tal-ispejjeż kollha neċessarji għall-akkwist, għaż-żamma u għall-ġestjoni tal-ishma tagħhom fil-kumpanniji Franċiżi kif ukoll dawk tal-ispejjeż kollha li kienu jirriżultaw neċessarjament miż-żamma ta’ dawn l-ishma.

    50.

    Billi huwa ċar li saret talba għal tnaqqis, nikkunsidra li t-tieni parti tat-tielet domanda preliminari ma hijiex irrilevanti.

    51.

    Bil-kuntrarju, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk l-ispejjeż li tagħhom intalab it-tnaqqis, humiex spejjeż li jistgħu jitnaqqsu mill-kumpanniji residenti li jirċievu dividendi ta’ oriġini nazzjonali ( 16 ) u humiex spejjeż marbuta direttament mal-ġbir stess tad-dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 17 ).

    2.   Fuq il-mertu

    a)   Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

    52.

    Kif tosserva l-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju titlaq korrettament mill-premessa li r-rifjut li jiġi ammess it-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta direttament mal-ġbir tad-dividendi ħerġin, filwaqt li tnaqqis simili huwa possibbli għad-dividendi mħallsa lil kumpanniji residenti, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ( 18 ). Fil-fatt, differenza simili ta’ trattament tista’ tiskoraġġixxi lil kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jinvestu f’kumpanniji Franċiżi.

    b)   Fuq il-ġustifikazzjoni

    1) Fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet

    53.

    Għandu jiġi rilevat li “l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tal-ispejjeż professjonali direttament marbuta ma’ attività li ġġenerat dħul taxxabbli fi Stat Membru, ir-residenti u dawk mhux residenti ta’ dan tal-aħħar jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli” ( 19 ).

    54.

    F’dan is-sens, hija ddeċidiet li jekk il-metodu ta’ tassazzjoni applikat għar-residenti jippermetti t-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta direttament mal-ġbir tad-dividendi, “it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż għandu jiġi aċċettat ukoll għall-[…] mhux residenti” ( 20 ).

    55.

    F’dan il-kuntest, restrizzjoni simili għall-moviment liberu tal-kapital “ma tistax tiġi ġġustifikata miċ-ċirkustanza li [dawk mhux residenti] huma suġġetti għal rata ta’ taxxa inqas għolja minn dik [tar-residenti]” ( 21 ). Għaldaqstant huwa inutli li jiġi mqabbel il-piż fiskali effettiv fuq id-dividendi mħallsa lil residenti ma’ dak fuq id-dividendi mħallsa lil dawk mhux residenti, peress li, anki jekk ir-rata tat-taxxa għall-persuni mhux residenti hija inqas minn dik imposta fuq ir-residenti, l-ammont tal-ispejjeż deduċibbli li għalihom għandhom dritt ir-residenti huwa inċert u xejn ma jindika li dan ser ikun ugwali għad-differenza riżultanti mit-tassazzjoni tar-residenti fir-rigward ta’ dik ta’ dawk mhux residenti.

    2) Fuq ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali

    56.

    Il-Gvern Franċiż isostni li t-tassazzjoni fuq l-ammont gross tagħhom għad-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti mingħajr possibbiltà tat-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta direttament mal-ġbir tagħhom (kuntrarjament għall-każ tad-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti) li huma imposti fuq l-ammont nett tagħhom hija ġġustifikata bin-neċessità li tiġi żgurata l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa ( 22 ).

    57.

    Qabelxejn għandu jitfakkar li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-għan jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi maħluqa minn leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru ( 23 ), jeħtieġ ukoll li l-applikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni tkun adegwata sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imfittex u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq ( 24 ). Dawn il-prinċipju huma manifestament trasponibbli għal din il-kawża li tikkonċerna l-moviment liberu tal-kapital.

    58.

    F’dan il-każ, billi jibbaża ruħu fuq il-punti 46 u 47 tas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, Hirvonen (C‑632/13, EU:C:2015:765), il-Gvern Franċiż isostni li r-rifjut li jiġi rrikonoxxut it-tnaqqis tal-ispejjeż għandu jiġi aċċettat bħala element inerenti għas-sistema ta’ tassazzjoni f’ras il-għajn, għaliex huwa intiż kemm sabiex jissimplika l-kompitu tal-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru tal-oriġini kif ukoll li jtaffi l-piż tal-persuna taxxabbli mhux residenti. B’hekk, jinnota l-Gvern Franċiż, l-amministrazzjoni fiskali hija eżenti mill-kompitu li tiġbor it-taxxa mingħand il-kumpannija mhux residenti u din tal-aħħar hija eżenti minn kull obbligu ta’ kooperazzjoni, fis-sens li ma hijiex obbligata tiffamiljarizza ruħha mas-sistema fiskali Franċiża sabiex tkun tista’ tibgħat dikjarazzjoni fiskali lill-amministrazzjoni fiskali Franċiża għad-dħul li hija tirċievi fi Franza. Fl-aħħar nett skont il-Gvern Franċiż, it-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta mal-ġbir tad-dividendi jmur kontra s-simplifikazzjoni mixtieqa fis-sistema tat-tassazzjoni f’ras il-għajn għaliex it-taxxa f’ras il-għajn għandha tinġabar mingħand il-kumpannija distributriċi li ma tistax tkun taf l-ispejjeż sostnuti mill-persuni mhux residenti u li huma marbuta mal-ġbir tad-dividendi.

    59.

    Fil-fehma tiegħi, din l-argumentazzjoni hija żbaljata.

    60.

    Fl-ewewel lok, barra mill-fatt li s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, Hirvonen (C‑632/13, EU:C:2015:765), ma mxietx mas-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2010, Gielen (C‑440/08, EU:C:2010:148) u tat‑28 ta’ Frar 2013, Beker u Beker (C‑168/11, EU:C:2013:117), li rrifjutaw li jaċċettaw bħala ġustifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali toffri fuq talba tal-persuni taxxabbli mhux residenti sistema ta’ tassazzjoni alternattiva u kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-kawża li hija ddeċidiet kienet tikkonċerna sitwazzjoni kompletament differenti minn dik inkwistjoni ( 25 ).

    61.

    Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, Hirvonen (C‑632/13, EU:C:2015:765), kienet involuta liġi Svediża li kellha l-għan li telimina r-restrizzjoni kontra l-persuni taxxabbli mhux residenti kkonstatata fis-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2004, Wallentin (C‑169/03, EU:C:2004:403) billi tippermettilhom li jagħżlu bejn sistema ta’ tassazzjoni ordinarja maħluqa għar-residenti u s-sistema ta’ tassazzjoni f’ras il-għajn intiża għall-persuni mhux residenti.

    62.

    Wara li ddeċidiet li din is-sistema kienet finalment komplessivament iktar favorevoli għall-persuni mhux residenti ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet imbagħad iddeċidiet li “r-rifjut, fil-kuntest tat-tassazzjoni fuq id-dħul, li jingħata lill-persuni taxxabbli mhux residenti, li jirċievu l-maġġoranza tad-dħul tagħhom fl-Istat sors u li għażlu s-sistema ta’ tassazzjoni f’ras il-għajn, l-istess tnaqqis personali bħal dak mogħti lill-persuni taxxabbli residenti fil-kuntest tas-sistema ta’ tassazzjoni ordinarja, ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni kuntrarja għall-Artikolu 21 TFUE meta l-persuni taxxabbli mhux residenti ma jkunux suġġetti għal piż fiskali li fit-totalità tiegħu huwa ikbar minn dak impost fuq il-persuni taxxabbli residenti u fuq il-persuni meqjusa bħalhom, li s-sitwazzjoni tagħhom hija paragunabbli għal dik tagħhom” ( 27 ).

    63.

    Fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza riżultanti mis-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2010, Gielen (C‑440/08, EU:C:2010:148), u tat‑28 ta’ Frar 2013, Beker u Beker (C‑168/11, EU:C:2013:117), għandha tinżamm. Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, Hirvonen (C‑632/13, EU:C:2015:765), jidhirli li huwa diskutibbli billi l-eżistenza jew le ta’ diskriminazzjoni ma tiddependix fuq ir-riżultat komplessiv għall-persuna taxxabbli u li “d-differenza fit-trattament bejn iż-żewġ kategoriji tista’ tiġi kkwalifikata bħala diskriminazzjoni fis-sens tat-Trattat FUE sakemm ma jkunx hemm xi differenza oġġettiva fis-sitwazzjoni ta’ natura tali li tiġġustifika differenza fit-trattament fuq dan il-punt bejn l-imsemmija kategorija” ( 28 ).

    64.

    Barra minn hekk, nissupponi li l-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Novembru 2015, Hirvonen (C‑632/13, EU:C:2015:765) ġiet probabbilment iddettata mix-xewqa tagħha li ma tippermettix lil persuna taxxabbli mhux residenti li tagħmel “cherry picking”, jiġifieri li tadotta għall-benefiċċji tagħha l-elementi iktar favorevoli għaliha ta’ żewġ sistema ta’ tassazzjoni separati. Għaldaqstant, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li s-sistema ta’ tassazzjoni applikabbli għal dawk mhux residenti kienet komplessivament iktar favorevoli mis-sistema rriżervata fil-prinċipju għall-persuni residenti, dan kien għaliex id-dritt Svediż kien jippermetti lill-persuna taxxabbli mhux residenti li tagħżel kompletament is-sistema ta’ tassazzjoni applikabbli għar-residenti ( 29 ).

    65.

    Madankollu, il-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma toffri l-ebda għażla lil dawk mhux residenti. Għaldaqstant, billi jitolbu t-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta direttament mal-ġbir tad-dividendi offrut lir-residenti, dawk mhux residenti ma jagħmlux “cherry-picking”, imma għall-kuntrarju jfittxu li jakkwistaw l-ugwaljanza fit-trattament.

    66.

    Fit-tieni lok, jekk it-tnaqqis favur dawk mhux residenti tal-ispejjeż marbuta direttament mal-ġbir tad-dividendi joħloq piż amministrattiv għall-amministrazzjoni fiskali Franċiża, dan jiswa wkoll, mutatis mutandis, għar-residenti ( 30 ).

    67.

    Fit-tielet lok, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tas-sentenza tagħha tat-13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland (C‑18/15, EU:C:2016:549), għandha tkun il-persuna taxxabbli mhux residenti li tirċievi d-dividendi li “[t]iddeċiedi jekk [t]qisx opportun li [t]investi riżorsi fl-istabbiliment u fit-traduzzjoni ta’ dokumenti intiżi sabiex juru r-realtà u l-ammont effettiv tal-ispejjeż professjonali li tagħhom h[ija t]itlob it-tnaqqis”.

    68.

    Fir-raba’ u l-aħħar lok, anki jekk nirrikonoxxi li ser ikun ferm iktar effikaċi li l-kumpannija distributriċi tad-dividendi tintalab tnaqqas l-ispejjeż marbuta direttament mal-ġbir tad-dividendi mill-persuna taxxabbli mhux residenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt għat-tnaqqis jista’ jseħħ ukoll wara l-ġbir tat-taxxa f’ras il-għajn bir-rimbors ta’ parti mit-taxxa miġbura ( 31 ).

    69.

    Għal dawn ir-raġunijiet, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tieni parti tat-tielet domanda preliminari li restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital riżultanti minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, li teskludi għal dawk mhux residenti biss it-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta direttament mal-ġbir tad-dividendi, la tista’ tiġi ġġustifikata bid-differenza bejn ir-rati ta’ tassazzjoni tad-dritt komuni imposti fuq ir-residenti, għas-sena fiskali segwenti u t-taxxa f’ras il-għajn imposta fuq id-dividendi mħallsa lil dawk mhux residenti, u lanqas bin-neċessità li tiġi żgurata l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa.

    VI. Konklużjoni

    70.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod li ġej għad-domandi preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza):

    1)

    L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta d-dividendi mħallsa lil kumpannija mhux residenti li tkun qegħda tagħmel telf għal taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li kumpanniji residenti simili ma jkunux intaxxati fuq l-ammont tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali sakemm huma jibqgħu bit-telf.

    2)

    Restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital riżultanti minn leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi għal dawk mhux residenti biss it-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta direttament mal-ġbir tad-dividendi, la tista’ tiġi ġġustifikata bid-differenza bejn ir-rati ta’ tassazzjoni tad-dritt komuni imposti fuq ir-residenti, għas-sena fiskali segwenti u t-taxxa f’ras il-għajn imposta fuq id-dividendi mħallsa lil dawk mhux residenti, lanqas bin-neċessità li tiġi żgurata l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU 2011, L 345, p. 8.

    ( 3 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 4 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C‑374/04, EU:C:2006:773, punt 68); tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France (C‑170/05, EU:C:2006:783, punt 35); tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C‑379/05, EU:C:2007:655, punt 38); tal‑20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund (C‑194/06, EU:C:2008:289, punti 7879), u tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 44).

    ( 5 ) Sentenza tal14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France (C‑170/05, EU:C:2006:783, punt 39).

    ( 6 ) Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C‑379/05, EU:C:2007:655, punt 61) u tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C‑303/07, EU:C:2009:377, punt 76).

    ( 7 ) Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C‑282/07, EU:C:2008:762, punt 38 sa 50), u tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 43).

    ( 8 ) Punt 55 ta’ din is-sentenza, u enfażi miżjud minni.

    ( 9 ) Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk id-dividendi rċevuti mill-kumpannija omm ma jkunux suġġetti għat-taxxa għas-sena fiskali li fiha dawn jiġu ddistribwiti, “[it]-tnaqqis tat-telf tal-kumpannija parent [sad-dividendi riċevuti] jista’ jkollu bħala effett li l-imsemmija kumpannija parent tiffaċċa indirettament taxxa fuq dawn id-dividendi fis-snin fiskali sussegwenti, meta r-riżultat tal-kumpannija parent ikun pożittiv ” (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Cobelfret, C‑138/07, EU:C:2009:82, punt 40). Madankollu, bl-ammissjoni tal-eżistenza tal-possibbiltà ta’ tassazzjoni f’sena fiskali iktar tard, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat problema totalment differenti, jiġifieri dik tal-possibbiltà ta’ tassazzjoni finanzjarju doppja fil-każ ta’ dividendi ddistribwiti minn kumpannija mhux residenti u rċevuti minn kumpannija residenti li kienu diġà suġġetti għal tassazzjoni waqt id-distribuzzjoni tagħhom (ara s-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C‑436/08 u C‑437/08, EU:C:2011:61, punt 158). Ġie deċiż li possibbiltà simili kienet kuntrarja għad-Direttiva prinċipali-sussidjarji.

    ( 10 ) Sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 44).

    ( 11 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 12 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 49).

    ( 14 ) Infakkar li huwa possibbli li t-tassazzjoni ma sseħħ qatt.

    ( 15 ) Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25).

    ( 16 ) Ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 2011, Schröder (C‑450/09, EU:C:2011:198, punt 40); tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 57), u tat-13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland (C‑18/15, EU:C:2016:549, punti 4445).

    ( 17 ) Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑600/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:737, punt 20); tas-17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punti 58 u 59), u tat-13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland (C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 46).

    ( 18 ) Ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 2011, Schröder (C‑450/09, EU:C:2011:198, punt 40) u tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punt 57).

    ( 19 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 20 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pensioenfonds Metaal en Techniek (C‑252/14, EU:C:2016:402, punt 65). Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse (C‑234/01, EU:C:2003:340, punti 2728); tal-15 ta’ Frar 2007, Centro Equestre da Lezíria Grande (C‑345/04, EU:C:2007:96, punt 23); tat-8 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/10, EU:C:2012:688, punt 37 (din is-sentenza ssemmi d-dividendi)), u tat‑13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland (C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 45).

    ( 21 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland (C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 33).

    ( 22 ) Din il-ġustifikazzjoni tixbah dik marbuta man-neċessità li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li ta’ sikwit hija s-suġġett ta’ analiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li jinvolvu l-moviment liberu tal-kapital. Fir-rigward tat-trasferiment ta’ kapital bejn Stati Membri, fdin il-ġustifikazzjoni dejjem ġiet irrifjutata meta d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63) kienet applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Jannar 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑296/12, EU:C:2014:24, punti 42 sa 45, u 6 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑383/10, EU:C:2013:364, punti 50 sa 60). Dan jgħodd ukoll fil-preżent għad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u li tħassar id-Direttiva 77/799/CEE (ĠU 2011, L 64, p. 1).

    ( 23 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2006, FKP Scorpio Konzertproduktionen (C‑290/04, EU:C:2006:630, punti 3536), u tat-13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland (C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 39).

    ( 24 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, X (C‑498/10, EU:C:2012:635, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 25 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, Hirvonen (C‑632/13, EU:C:2015:765, punti 37 sa 40).

    ( 26 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, Hirvonen (C‑632/13, EU:C:2015:765, punt 43).

    ( 27 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2015, Hirvonen (C‑632/13, EU:C:2015:765, punt 49).

    ( 28 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Gielen (C‑440/08, EU:C:2010:148, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 29 ) Ara, f’dan is-sens, il-punti 40 sa 43 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hünnebeck (C‑479/14, EU:C:2016:100).

    ( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland (C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 41).

    ( 31 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2016, Brisal u KBC Finance Ireland (C‑18/15, EU:C:2016:549, punt 42).

    Top