Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0573

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2018.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:957

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

    ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2018 ( 1 )

    Kawża C‑573/17

    Openbaar Ministerie

    vs

    Daniel Adam Popławski

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI – Dikjarazzjoni ta’ Stat Membru li tippermettilu jkompli japplika l-istrumenti legali preċedenti – Irtirar tad-dikjarazzjoni mill-Istat ta’ eżekuzzjoni – Natura tardiva tad-dikjarazzjoni tal-Istat li joħroġ il-mandat – Nuqqas ta’ effett dirett tad-Deċiżjonijiet Qafas – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Konsegwenzi”

    1. 

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) fil-Pajjiżi l-Baxxi, maħruġ mis-Sąd Rejonowy w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań, il-Polonja) kontra Daniel Adam Popławski għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, fil-Polonja, ta’ piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà.

    2. 

    Din it-talba ssegwi s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski ( 2 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet inkompatibbli mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ( 3 ), li jipprevedi raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-MAE bil-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tal-persuna kkundannata. F’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jinterpretaw id-dritt nazzjonali, sa fejn ikun possibbli, b’mod konformi ma’ din id-deċiżjoni qafas.

    3. 

    Madankollu, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) tixtieq tkun taf jekk, fil-każ fejn ma tasalx tissodisfa tali obbligu ta’ interpretazzjoni konformi, hijiex obbligata, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha li jmorru kontra d-deċiżjoni qafas inkwistjoni.

    4. 

    Għalhekk, din il-kawża se tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara r-relazzjoni bejn id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea ( 4 ). Din hija wkoll opportunità għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-effetti li dan it-tip ta’ atti tal-Unjoni jista’ jkollu fuq id-drittijiet nazzjonali.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Id-Deċiżjoni Qafas Nru 2002/584

    5.

    L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jiddisponi:

    “L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-[MAE]:

    […]

    6.

    jekk il-[MAE] ġie maħruġ għall-iskopijiet ta’ esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu;

    […]”

    2. Id-Deċiżjoni Qafas Nru 2008/909

    6.

    L-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jiddisponi:

    “Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, jew fejn, waqt li jaġixxi taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, ikun impona il-kondizzjoni li l-persuna sentenzjata trid tintbagħat lura biex tiskonta l-piena fl-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata.”

    7.

    Skont l-Artikolu 26(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas:

    “1.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom bejn L-Istati Membri u Stati terzi u l-applikazzjoni transitorja tagħhom skond l-Artikolu 28, din id-Deċiżjoni Qafas għandha, mill-5 ta’ Diċembru 2011 tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li ġejjin korrispondenti tal-konvenzjonijiet applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:

    Il-Konvenzjoni Ewropea dwar, it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati tal-21 ta’ Marzu 1983 u l-Protokoll Addizjonali tagħha tat-18 ta’ Diċembru 1997;

    Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Validità Internazzjonali ta’ Ġudizzji Kriminali tat-28 ta’ Mejju 1970;

    It-Titolu III, Kapitolu 5 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Konvenzjoni ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni;

    il-Konvenzjoni bejn l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-Infurzar tas-Sentenzi Kriminali Barranin tat-13 ta’ Novembru 1991.”

    8.

    L-Artikolu 28 tal-imsemmija deċiżjoni qafas jiddikjara:

    “1.   Talbiet riċevuti qabel il-5 ta’ Diċembru 2011 għandhom jibqgħu jiġu rregolati skond l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati. Talbiet li jaslu wara dik id-data għandhom jiġu rregolati minn regoli adottati mill-Istati Membri skond din id-Deċiżjoni Qafas.

    2.   Madankollu, kwalunkwe Stat Membru jista’, fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jagħmel dikjarazzjoni fejn jindika li, f’każijiet fejn is-sentenza finali tkun ġiet mogħtija qabel id-data li tispeċifika, bħala Stat emittenti u ta’ esekuzzjoni, hu jkompli japplika l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati applikabbli qabel il-5 ta’ Diċembru 2011. Jekk issir tali dikjarazzjoni, dawk l-istrumenti għandhom japplikaw f’tali każijiet fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-oħrajn kollha irrispettivament minn jekk ikunux għamlu l-istess dikjarazzjoni jew le. Id-data in kwistjoni ma tistax tkun aktar tard mill-5 ta’ Diċembru 2011. Id-dikjarazzjoni msemmija għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin.”

    B.   Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

    9.

    L-Artikolu 6 tal-Overleveringswet (il-Liġi dwar il-Konsenja) ( 5 ), tad-29 ta’ April 2004, li tittrasponi fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fil-verżjoni tagħha applikabbli sad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi rigward l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kien jipprovdi:

    “1.   Il-konsenja ta’ ċittadin Olandiż tista’ tiġi awtorizzata sakemm tintalab għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali mmexxija kontrih u sakemm, skont l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, ikun iggarantit li, jekk jiġi kkundannat b’piena inkundizzjonata li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà fl-Istat Membru emittenti minħabba l-fatti li għalihom tista’ tiġi awtorizzata l-konsenja, dan iċ-ċittadin ikun jista’ jiskonta din il-piena fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    2.   Il-konsenja ta’ ċittadin Olandiż ma għandhiex tkun permessa jekk din il-konsenja tintalab għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà li tkun ingħatat b’deċiżjoni ġudizzjarja definittiva.

    3.   Fil-każ li l-konsenja tiġi rrifjutata esklużivament abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) […], l-Openbaar Ministerie [(l‑Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi)] għandu jinforma lill-awtorità ġudizzjarja emittenti li huwa lest jieħu responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tas-sentenza skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni dwar it-trasferimenti ta’ persuni kkundannati jew abbażi ta’ konvenzjoni applikabbli oħra.

    4.   L-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jinforma immedjatament lill-Ministru tal-[…] tagħna b’kull rifjut ta’ konsenja kkomunikata flimkien mad-dikjarazzjoni, prevista fil-paragrafu 3, li tipprovdi li l-Pajjiżi l-Baxxi huma lesti jeżegwixxu s-sentenza barranija.

    5.   Il-paragrafi 1 sa 4 japplikaw ukoll għal ċittadin barrani li jkollu permess ta’ residenza għal żmien indeterminat, inkwantu huwa jista’ jiġi mħarrek fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-fatti li minħabba fihom joħroġ il-[MAE] u inkwantu huwa mistenni li dan iċ-ċittadin barrani ma jitlifx id-dritt ta’ residenza tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala konsegwenza ta’ sentenza jew piena li tingħata wara l-konsenja ta’ dan iċ-ċittadin.”

    10.

    Sa mid-dħul fis-seħħ tal-Wet wederzijdse erkenning en tenuitvoerlegging vrijheidsbenemende en voorwaardelijke sancties (il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni Reċiproċi ta’ Kundanni għal Sanzjonijiet Sospiżi jew mhux Sospiżi li Jinvolvu ċ-Ċaħda tal-Libertà) ( 6 ) tat-12 ta’ Lulju 2012, li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, l-Artikolu 6(3) tal-OLW ġie fformulat kif ġej:

    “Fil-każ ta’ rifjut ta’ konsenja bbażat esklużivament fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) […] l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jgħarraf lill-awtorità ġudizzjarja emittenti li huwa lest jieħu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tas-sentenza.”

    11.

    L-Artikolu 5:2 tal-WETS jipprovdi:

    “1.   [Din il-liġi] tissostitwixxi l-Wet overdracht tenuitvoerlegging strafvonnissen [(il-Liġi dwar it-Trasferiment tal-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Kriminali) ( 7 ) tal-10 ta’ Settembru 1986] fir-relazzjonijiet mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    […]

    3.   [Din il-liġi] ma tapplikax għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji […] li saru res judicata qabel il-5 ta’ Diċembru 2011.

    […]”

    II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12.

    Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Frar 2007, li saret res judicata fit‑13 ta’ Lulju 2007, is-Sąd Rejonowy w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań) ikkundannat lil D. A. Popławski, ċittadin Pollakk, għal piena sospiża li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà għal perijodu ta’ sena. Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2010, l-istess qorti ordnat l-eżekuzzjoni tal-piena.

    13.

    Fis-7 ta’ Ottubru 2013, l-imsemmija qorti ħarġet MAE kontra D. A. Popławski għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena.

    14.

    Fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali relatata mal-eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) tistaqsi jekk għandhiex tapplika l-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW, li jipprovdi raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE għall-benefiċċju, b’mod partikolari, tal-persuni residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, li huwa l-każ ta’ D. A. Popławski ( 8 ).

    15.

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2015, il-qorti tar-rinviju ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari, li fiha hija nnotat li, skont l-Artikolu 6(3) tal-OLW, meta jirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ MAE, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jiddikjara li huwa “dispost” li jieħu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena fuq il-bażi ta’ ftehim li jorbtu mal-Istat Membru emittenti. Hija ppreċiżat li tali teħid ta’ responsabbiltà jiddependi, fil-kawża prinċipali, minn talba magħmula f’dan is-sens mir-Repubblika tal-Polonja, u li l-leġiżlazzjoni Pollakka tipprekludi li tali talba ssir kontra ċittadin Pollakk.

    16.

    Il-qorti tar-rinviju enfasizzat li, f’sitwazzjoni bħal din, rifjut ta’ konsenja jista’ jwassal għall-impunità tal-persuna kkonċernata mill-MAE. Fil-fatt, wara l-għoti tas-sentenza li tirrifjuta l-konsenja, it-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena jista’ jirriżulta impossibbli, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ talba f’dan is-sens mill-Istat Membru emittenti, u din l-impossibbiltà ma jkollha l-ebda effett fuq is-sentenza li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna mfittxija.

    17.

    Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar il-konformità tal-Artikolu 6(2) sa (4) tal-OLW mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jippermetti r-rifjut tal-konsenja biss jekk l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni “jintrabat” li jeżegwixxi l-piena b’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu.

    18.

    Fis-sentenza tagħha Popławski, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplementa din id-dispożizzjoni, li, fil-każ fejn il-konsenja ta’ ċittadin barrani li jkollu permess ta’ residenza għal żmien indeterminat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tintalab minn Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà imposta fuq dan iċ-ċittadin permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li saret res judicata, minn naħa, ma tawtorizzax tali konsenja u, min-naħa l-oħra, sempliċement tipprevedi l-obbligu għall-awtoritajiet ġudizzjarji tal-ewwel Stat Membru li jgħarrfu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tat-tieni Stat Membru li huma lesti li jieħdu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, mingħajr ma, fid-data tar-rifjut tal-konsenja, jiġi żgurat it-teħid ta’ responsabbiltà effettiv għall-eżekuzzjoni u mingħajr ma, barra minn hekk, fl-ipoteżi li dan it-teħid ta’ responsabbiltà jirriżulta sussegwentement li huwa impossibbli, tali rifjut ikun jista’ jiġi kkontestat” ( 9 ).

    19.

    F’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll “li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma għandhomx effett dirett” ( 10 ). Madankollu, hija ddeċidiet li “il-qorti nazzjonali kompetenti għandha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ din id-deċiżjoni qafas, u dan jimplika, f’dan il-każ, li, fil-każ ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ għall-konsenja ta’ persuna li kienet is-suġġett, fl-Istat Membru emittenti, ta’ sentenza li saret res judicata li tikkundannaha għal piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandhom l-obbligu li jiggarantixxu huma nfushom l-eżekuzzjoni effettiva tal-piena ddikjarata kontra din il-persuna” ( 11 ).

    A.   It-talba għal deċiżjoni preliminari

    20.

    Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mis-sentenza Popławski jirriżulta li l-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW huwa kuntrarju għall-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    21.

    Barra minn hekk, hija tqis li interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW kompletament konformi ma’ din id-Deċiżjoni Qafas, fis-sens li l-qorti tar-rinviju jkollha, minn naħa, marġni ta’ diskrezzjoni dwar jekk hemmx lok jew le li tapplika r-raġuni ta’ rifjut ta’ konsenja msemmija hemmhekk u ma tkunx tista’, min-naħa l-oħra, tirrifjuta l-konsenja sakemm tiżgura t-teħid effettiv tar-responsabbiltà tal-eżekuzzjoni tal-piena mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma hijiex possibbli, peress li hija contra legem.

    22.

    Il-qorti tar-rinviju madankollu tfakkar li, fl-ewwel deċiżjoni tar-rinviju tagħha f’din il-kawża, hija kienet għamlet domandi dwar tliet soluzzjonijiet li, fl-opinjoni tagħha, jistgħu madankollu jwasslu għal riżultat konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    23.

    Skont il-qorti tar-rinviju, mill-ewwel sentenza preliminari f’din il-kawża jirriżulta li waħda biss mit-tliet soluzzjonijiet hija ammissibbli fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-interpretazzjoni li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jikkostitwixxi l-bażi legali konvenzjonali meħtieġa minn dak li qabel kien l-Artikolu 6(3) tal-OLW għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena. Madankollu, il-Minister van Veiligheid en Justitie en Veiligheid (il-Ministru għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi), li huwa l-korp kompetenti għat-teħid tar-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-piena, qies li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma kinitx tikkostitwixxi ftehim, la fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-OLW, u lanqas fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Liġi dwar it-trasferiment tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji kriminali.

    24.

    Il-qorti tar-rinviju minn dan tiddeduċi li l-interpretazzjoni inkwistjoni ma hijiex tali li tiżgura l-eżekuzzjoni effettiva, fil-Pajjiżi l-Baxxi, tal-piena ddikjarata kontra D. A. Popławski u li twassal b’dan il-mod għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif teħtieġ il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Popławski ( 12 ).

    25.

    Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tispjega li quddiemha għandha obbligi kunfliġġenti. Fil-fatt, jekk tikkonsenja lill-persuna mitluba, hija tkun qed taġixxi skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, iżda tkun qed tikser l-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW, li d-dispożizzjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li l-applikazzjoni tagħhom twassal għal riżultat konformi mad-deċiżjoni qafas. Min-naħa l-oħra, kieku l-qorti tar-rinviju kellha tirrifjuta l-konsenja tal-persuna mitluba, hija tkun qed taġixxi skont l-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW, iżda tikser l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    26.

    Il-qorti tar-rinviju, għaldaqstant, qed tistaqsi jekk huwiex possibbli li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha li huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, anki jekk dawn tal-aħħar ma għandhomx effett dirett. Hija tenfasizza li, jekk ma tapplikax l-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW, ma jkunx hemm raġuni biex tiġi rrifjutata l-konsenja ta’ D. A. Popławski lill-awtoritajiet Pollakki. B’hekk, l-interess ta’ dan tal-aħħar li jiġi reintegrat fis-soċjetà tal-Pajjiżi l-Baxxi jkollu jċedi għall-interess li ma jaħrabx mill-piena tiegħu.

    27.

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal approċċ ieħor possibbli, billi tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża van Vemde ( 13 ). Din is-soluzzjoni possibbli tirrigwarda l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-piena.

    28.

    Fil-fatt, f’din il-kawża l-Avukat Ġenerali Bot ikkunsidra li d-dikjarazzjoni magħmula mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 kienet nieqsa minn effetti legali peress li din ġiet ippreżentata tard ( 14 ).

    29.

    Il-Qorti tar-rinviju tindika li din il-pożizzjoni, li fuqha l-Qorti tal-Ġustizzja ma esprimietx ruħha fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Jannar 2017, van Vemde ( 15 ), għandha rilevanza li tippermettilha tiddeċiedi.

    30.

    Din il-qorti tenfasizza li, jekk l-imsemmija dikjarazzjoni kellha titqies bħala invalida, ikunu japplikaw ir-regoli nazzjonali li jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, skont l-Artikolu 25 tagħha, sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ eżekuzzjoni tal-kundanna, kif jeħtieġ l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata. F’każ bħal dan, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina, l-ewwel nett, jekk id-dritt nazzjonali tranżitorju, jiġifieri l-paragrafu 3 tal-Artikolu 5:2 tal-WETS, billi jipprovdi li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tapplikax għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru res judicata qabel il-5 ta’ Diċembru 2011, jistax jiġi interpretat f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 u, it-tieni nett, jekk, fil-każ ta’ rifjut ta’ konsenja, ibbażat fuq l-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW, l-eżekuzzjoni effettiva tal-piena fil-Pajjiżi l-Baxxi tiġix żgurata kif xieraq.

    31.

    Kieku l-qorti tar-rinviju kellha twieġeb għal dawn iż-żewġ domandi fl-affermattiv, il-konsenja ta’ D. A. Popławski tista’ tiġi rrifjutata u l-piena tkun tista’ tiġi infurzata fil-Pajjiżi l-Baxxi, skont l-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW u l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u dan huwa konformi mal-għan ta’ integrazzjoni mill-ġdid ta’ D. A. Popławski.

    32.

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll, dejjem f’każ li d-dikjarazzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma tkunx valida, li, jekk interpretazzjoni tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 5:2 tal-WETS li tkun konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tkun finalment impossibbli, tqum il-kwistjoni ta’ jekk din il-qorti għandhiex, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ma tapplikax din id-dispożizzjoni sa fejn din tkun inkompatibbli ma’ din id-deċiżjoni qafas.

    33.

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li r-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ implementazzjoni ma tistax tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni qafas b’tali mod li l-applikazzjoni tagħhom twassal għal riżultat konformi mad-deċiżjoni qafas, hija obbligata, skont il-prinċipju ta’ supremazija, li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas?

    2)

    Id-dikjarazzjoni ta’ Stat Membru prevista fl-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandha tkun valida jekk din ma tkunx ġiet ippreżentata “fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas”, iżda biss f’data ulterjuri?”

    B.   Il-kjarifiki magħmula mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Lulju 2018

    34.

    Wara t-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ddeċieda li jirtira d-dikjarazzjoni li kien għamel skont l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. B’hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rtira din id-dikjarazzjoni b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2018 u d-deċiżjoni tal-irtirar ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-28 ta’ Ġunju 2018 ( 16 ).

    35.

    Fl-10 ta’ Lulju 2018, il-qorti tar-rinviju, bil-kunsens tal-partijiet, għamlet seduta f’formazzjoni differenti u ppermettiet lill-partijiet jesprimu ruħhom fuq il-konsegwenzi tal-irtirar ta’ dik id-dikjarazzjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, din il-qorti ddeċidiet li żżomm iż-żewġ domandi preliminari tagħha.

    36.

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, wara l-irtirar tad-dikjarazzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, għandha tapplika s-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-paragrafu 3 tal-Artikolu 5:2 tal-WETS xorta jipprovdi li din il-liġi, li hija intiża sabiex timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, ma għandhiex tapplika għas-sentenzi li saru res judicata qabel il-5 ta’ Diċembru 2011, bħal fil-każ tas-sentenza li ngħatat kontra D. A. Popławski.

    37.

    Il-Qorti tar-rinviju tosserva li hija ma hijiex ċerta li tista’ tinterpreta din id-dispożizzjoni b’mod konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, u huwa għalhekk li l-ewwel domanda, fil-fehma tagħha, tibqa’ rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

    38.

    Skont il-qorti tar-rinviju, it-tieni domanda wkoll tibqa’ rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, din il-qorti tirrileva li l-Istat Membru emittenti, jiġifieri r-Repubblika tal-Polonja, ukoll għamel dikjarazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Popławski ( 17 ), fejn dan enfasizza n-natura tardiva tad-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika tal-Polonja ( 18 ).

    39.

    Fir-rigward tar-relazzjoni bejn iż-żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, tkun xi tkun ir-risposta għall-ewwel domanda, it-tieni domanda tibqa’ rilevanti u viċi versa. F’dan ir-rigward, din il-qorti tissupplimenta d-deċiżjoni tagħha bl-elementi li ġejjin.

    40.

    Fil-fehma tagħha, f’każ li d-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika tal-Polonja ma tkunx valida, iż-żewġ Stati Membri jkunu obbligati li japplikaw is-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Fir-rigward tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-qorti tar-rinviju għaldaqstant ikollha teżamina, fl-ewwel lok, jekk tistax tinterpreta l-paragrafu 3 tal-Artikolu 5:2 tal-WETS b’mod konformi ma’ din id-deċiżjoni qafas. Jekk din id-dispożizzjoni ma tkunx tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, il-WETS ma tkunx tapplika u ma jkunx jista’ jiġi ggarantit li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi effettivament ser jinforza l-piena. F’dak il-każ, ir-risposta għall-ewwel domanda tibqa’ rilevanti. Jekk, min-naħa l-oħra, il-paragrafu 3 tal-Artikolu 5:2 tal-WETS jkun jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mad-deċiżjoni qafas 2008/909, il-qorti tar-rinviju tindika li hija jkollha teżamina jekk bl-applikazzjoni tal-WETS, l-eżekuzzjoni tal-piena hijiex effettivament iggarantita.

    III. Evalwazzjoni

    41.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi jekk qorti nazzjonali li ma tistax tinterpreta dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’implimentazzjoni ta’ deċiżjoni qafas b’tali mod li l-applikazzjoni tagħhom twassal għal riżultat konformi ma’ dik id-deċiżjoni qafas, hijiex obbligata, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax dawk id-dispożizzjonijiet inkompatibbli ma’ dik id-deċiżjoni qafas.

    42.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk id-dikjarazzjoni ta’ Stat Membru prevista fl-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tipproduċix effetti legali jekk din ma tkunx ġiet ippreżentata waqt l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, iżda wara.

    43.

    Jiena se nibda l-analiżi tiegħi bl-eżami ta’ din it-tieni domanda, sa fejn din tista’ tiddetermina l-qafas legali applikabbli għall-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, tal-piena mogħtija fil-Polonja fil-konfront ta’ D. A. Popławski.

    A.   Fuq it-tieni domanda

    1. Analiżi ġenerali

    44.

    Għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jipprovdi li t-talbiet għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tal-kundanni rċevuti wara l-5 ta’ Diċembru 2011 għandhom jiġu rregolati mir-regoli adottati mill-Istati Membri skont din id-deċiżjoni qafas, l-Artikolu 28(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jawtorizza madankollu lil kwalunkwe Stat Membru sabiex jagħmel dikjarazzjoni li jkollha bħala effett li tittardja l-applikazzjoni tagħha.

    45.

    Id-diffikultà tinstab fil-fatt li, skont il-kliem tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, id-dikjarazzjoni għandha ssir “fl-adozzjoni [tad-][…]Deċiżjoni Qafas”.

    46.

    Jidhirli, l-istess bħall-Avukat Ġenerali Bot ( 19 ), li d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandha ssir b’kull mezz fil-mument tal-adozzjoni ta’ din tal-aħħar u għandha turi preċiżament l-għażla tal-Istat Membru kkonċernat dwar id-data tal-għoti tas-sentenzi res judicata li qabilha d-deċiżjoni qafas ma tapplikax. L-Artikolu 28(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas fil-fatt iħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni biex jistabbilixxu din id-data, sakemm ma tkunx wara l-5 ta’ Dicembru 2011.

    47.

    Barra minn hekk, nirrileva li l-każijiet li fihom id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tawtorizza lill-Istati Membri jagħmlu dikjarazzjoni mhux biss fl-adozzjoni tagħha, iżda anki f’data sussegwenti, huma stabbiliti b’mod ċar ħafna f’din id-deċiżjoni qafas. Qed nirreferi b’mod partikolari għall-Artikoli 4(7) u 7(4) tagħha.

    48.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta dikjarazzjoni ta’ Stat Membru dwar l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tkun saret wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, b’mod kuntrarju għal dak meħtieġ mill-Artikolu 28(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, hija ma tistax tipproduċi effetti legali.

    2. Applikazzjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża

    49.

    Sa fejn, kif il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-dikjarazzjoni li għamel ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ġiet irtirata b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2018, it-tieni domanda ma għadhiex tirrigwarda din id-dikjarazzjoni, iżda, issa, dik li għamlet ir-Repubblika tal-Polonja skont l-istess dispożizzjoni.

    50.

    Issa, jidher li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rċieva d-dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja fit-23 ta’ Frar 2011, qabel ma ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fl-1 ta’ Ġunju 2011 ( 20 ).

    51.

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe formulazzjoni uffiċjali tad-dikjarazzjoni preċiża tar-Repubblika tal-Polonja li hija preċedenti għad-dokument li rċieva l-Kunsill fit-23 ta’ Frar 2011, jiena nikkunsidra, konsegwentement, li d-dikjarazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja ma tistax tipproduċi effetti legali, peress li din ġiet ippreżentata tard ( 21 ).

    52.

    Fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni li tosserva l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, huwa l-Artikolu 28(1) tagħha li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-regoli li jinsabu f’din id-deċiżjoni qafas, jiġifieri għat-talbiet riċevuti wara l-5 ta’ Diċembru 2011.

    53.

    F’każ ta’ talba intiża sabiex il-piena deċiża kontra D. A. Popławski tiġi infurzata fil-Pajjiżi l-Baxxi, huma għalhekk tabilħaqq ir-regoli adottati minn dak l-Istat Membru kif ukoll mir-Repubblika tal-Polonja skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 li jistgħu jirregolaw tali talba.

    54.

    Huwa għalhekk fil-perspettiva tal-infurzar, fil-Pajjiżi l-Baxxi, tal-piena imposta fil-Polonja kontra D. A. Popławski li jkun irregolat mis-sistema tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 li għandha tiġi eżaminata l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    B.   Fuq l-ewwel domanda

    55.

    Kif diġà indikajt, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi jekk qorti nazzjonali li ma tistax tinterpreta dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni qafas b’mod li twassal għal riżultat konformi ma’ din id-deċiżjoni qafas hijiex obbligata, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax dawk id-dispożizzjonijiet inkompatibbli ma’ dik id-deċiżjoni qafas.

    56.

    Din id-domanda tirrigwarda żewġ kategoriji ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi li, minħabba l-inkompatibbiltà tagħhom, skont il-każ, mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jew mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandhom jiġu miċħuda mill-qorti tar-rinviju, fil-każ ta’ risposta pożittiva għal din id-domanda.

    57.

    Dawn huma, minn naħa, l-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW, li huwa maħsub biex jimplimenta l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    58.

    Min-naħa l-oħra, hemm il-paragrafu 3 tal-Artikolu 5:2 tal-WETS, li minnu jirriżulta li r-regoli adottati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma għandhomx japplikaw għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru res judicata qabel il-5 ta’ Diċembru 2011. Għalhekk din id-dispożizzjoni tirrifletti, fid-dritt intern, id-dikjarazzjoni magħmula mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 28(2) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, li ġiet irtirata minn dak l-Istat Membru b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2018.

    59.

    Qabel ma nieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ prinċipju dwar l-effetti li deċiżjoni qafas tista’ tipproduċi fuq id-dritt nazzjonali, jeħtieġ li nippreċiża l-kuntest li fih qed issir din id-domanda. Għaldaqstant ser nibda billi nfakkar iż-żewġ punti li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Popławski, identifikat inkompatibbiltà bejn il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    1. Is-sentenza Popławski

    60.

    L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-MAE, li tgħid li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi “tista’” tirrifjuta li teżegwixxi MAE maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà fejn, b’mod partikolari, il-persuna rikjesta tirrisjedi fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, u meta dan l-Istat “jintrabat” li jeżegwixxi din il-piena skont id-dritt nazzjonali tiegħu ( 22 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[g]ħaldaqstant, mill-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta […] li, meta Stat Membru jkun għażel li jittrasponi din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu madankollu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li tirrifjuta li teżegwixxi l-eżekuzzjoni tal-MAE. F’dan ir-rigward, din l-awtorità għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-għan segwit permezz tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv stabbilita f’din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiġi permessa tagħti importanza partikolari lill-possibbiltà ta’ żieda fl-opportunitajiet ta’ integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà tal-persuna rikjesta mal-iskadenza tal-piena li għaliha din tal-aħħar tkun ġiet ikkundannata” ( 23 ).

    61.

    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat l-ewwel raġuni ta’ inkompatibbiltà tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sa fejn, skont dan id-dritt, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ MAE jekk il-persuna rikjesta tirrisjedi fl-Istat Membru li għalih tappartjeni dik l-awtorità u li għalhekk ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni dwar kif għandha tittratta l-MAE ( 24 ).

    62.

    It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “[m]ill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 […] jirriżulta wkoll li kull rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-MAE jippreżupponi impenn reali mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jeżegwixxi l-piena ta’ priġunerija [piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà] ddikjarata kontra l-persuna rikjesta, b’tali mod li, f’kull każ, is-sempliċi fatt li dan l-Istat jiddikjara ruħu ‘dispost’ li jeżegwixxi din il-piena ma jistax jitqies tali li jiġġustifika tali rifjut. Minn dan jirriżulta li kull rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE għandu jkun ippreċedut mill-verifika, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-possibbiltà tal-eżekuzzjoni reali tal-piena b’mod konformi mad-dritt nazzjonali tagħha. Fil-każ fejn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun jinsab fl-impossibbiltà li jintrabat li jeżegwixxi effettivament il-piena, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha teżegwixxi l-MAE u, għaldaqstant, tikkonsenja l-persuna rikjesta lill-Istat Membru emittenti” ( 25 ).

    63.

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat motiv ieħor ta’ inkompatibbiltà tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, safejn skont dan id-dritt, ir-rifjut li MAE jiġi infurzat ma huwiex soġġett għall-kundizzjoni li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni “jintrabat sabiex jeżegwixxi effettivament il-piena ta’ priġunerija [piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà] ddikjarata kontra […] il-persuna rikjesta, u b’hekk toħloq riskju ta’ impunità [ta’ din il-]persuna” ( 26 ). Minn din il-perspettiva, il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi għaldaqstant hija kuntrarja għall-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sa fejn hija “sempliċement tipprevedi l-obbligu għall-awtoritajiet ġudizzjarji [tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni] li jgħarrfu lill-awtoritajiet ġudizzjarji [tal-Istat Membru emittenti] li huma lesti li jieħdu r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta’ [sentenza li timponi piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà], mingħajr ma, fid-data tar-rifjut tal-konsenja, jiġi żgurat it-teħid ta’ responsabbiltà effettiv għall-eżekuzzjoni u mingħajr ma, barra minn hekk, fl-ipoteżi li dan it-teħid ta’ responsabbiltà jirriżulta sussegwentement li huwa impossibbli, tali rifjut ikun jista’ jiġi kkontestat” ( 27 ).

    64.

    Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju tfittex kemm jista’ jkun interpretazzjoni tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi konformi mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    2. Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi

    65.

    Ta’ min ifakkar li “minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni qafas twassal sabiex, fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati nazzjonali, ikun hemm obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali. Meta japplikaw id-dritt nazzjonali, dawn il-qrati, li huma mitluba jinterpretawh, għandhom jagħmlu dan, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-deċiżjoni qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minnha. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti fis-sistema tat-Trattat FUE għaliex dan jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu t-tilwimiet li jkunu aditi bihom” ( 28 ).

    66.

    Ċertament, kif tirrikonoxxi l-Qorti tal-Ġustizzja “[i]l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. B’dan il-mod, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ deċiżjoni qafas meta hija tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali tagħha huwa limitat bil-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari, b’dawk ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività. Dawn il-prinċipji jipprekludu, b’mod partikolari, li dan l-obbligu jkun jista’ jwassal sabiex tiġi ddeterminata jew aggravata, abbażi ta’ deċiżjoni qafas u indipendentement minn liġi adottata għall-implementazzjoni ta’ din tal-aħħar, ir-responsabbiltà kriminali ta’ dawk li jiksru d-dispożizzjonijiet tagħha” ( 29 ).

    67.

    Minbarra dan, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi “ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali” ( 30 ).

    68.

    Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni qafas inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha” ( 31 ).

    69.

    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ deċiżjoni qafas” ( 32 ).

    70.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, “fil-każ fejn qorti nazzjonali tqis li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi ma’ deċiżjoni qafas, minħabba li hija marbuta bl-interpretazzjoni mogħtija ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali mill-qorti suprema nazzjonali f’sentenza interpretattiva, hija għandha tiżgura l-effett sħiħ tad-deċiżjoni qafas u tħalli, jekk hemm bżonn, mhux applikata, fuq inizjattiva tagħha stess, l-interpretazzjoni adottata mill-qorti suprema nazzjonali, ladarba din l-interpretazzjoni ma tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni” ( 33 ).

    71.

    Fid-dawl ta’ din it-tfakkira tal-portata u l-limiti tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, għal darba oħra l-qorti tar-rinviju qed tintalab tagħmel dak kollu li huwa possibbli biex tipprova tapplika l-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW permezz ta’ interpretazzjoni li tkun konformi mal-għan imfittex fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Hija għandha tagħmel l-istess sforz fir-rigward tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 5:2 tal-WETS, biex tasal għal interpretazzjoni li tkun konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909. Is-supremazija tad-deċiżjonijiet qafas fuq id-drittijiet nazzjonali għandha, fil-fatt, tkun riflessa l-ewwel u qabel kollox mill-obbligu tal-qrati nazzjonali li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom skont dawn id-deċiżjonijiet qafas.

    72.

    Qabel ma nipprovdi xi indikazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ċċarat kif id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhom ikunu relatati.

    3. Ir-rabta bejn id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909

    73.

    Ir-rabta bejn id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija spjegata fl-Artikolu 25 ta’ din tal-aħħar, intitolat “Infurzar ta’ sentenzi wara [MAE]” li jipprovdi li, “[m]ingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas [2002/584], id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) [tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584], jew fejn, waqt li jaġixxi taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, ikun impona il-kondizzjoni li l-persuna sentenzjata trid tintbagħat lura biex tiskonta l-piena fl-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata” ( 34 ).

    74.

    Dan l-istess artikolu għandu jinqara fid-dawl tal-premessa 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li minnha jirriżulta li l-applikazzjoni, mutatis mutandis, ta’ din id-deċiżjoni qafas għall-infurzar tal-pieni fil-każijiet taħt l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 “ifisser inter alia illi, mingħajr preġudizzju għal dik id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni jista’ jivverifika l-eżistenza ta’ raġunijiet ghal non-rikonoxximent jew non-infurzar kif previst fl-Artikolu 9 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, inkluż l-iċċekkjar ta’ kriminalità doppja sal-punt li l-Istat ta’ esekuzzjoni jagħmel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 7(4) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, bħala kondizzjoni biex jirrikonoxxi u jinforza s-sentenza bil-ħsieb li jikkonsidra jekk jikkonsenjax il-persuna jew jinfurzax il-piena f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584]”.

    75.

    Jista’ jiġi dedott minn dawn id-dispożizzjonijiet li, dment li s-sistema li tirriżulta mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija applikabbli għall-eżekuzzjoni ta’ piena, meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jkollux l-intenzjoni li jinvoka raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 9 ta’ din id-deċiżjoni qafas u li, barra minn hekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tal-fehma li l-eżekuzzjoni tal-piena f’dan l-Istat Membru tista’ tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tal-persuna kkundannata, xejn ma jipprekludi li l-imsemmi Stat ikun jista’ jieħu l-impenn sod u definittiv li jinforza dik il-piena. Il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tirrifjuta l-konsenja b’hekk jiġu ssodisfatti. L-interess dwar l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tal-persuna kkundannata għalhekk jingħaqad mal-interess li jiġi evitat li piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà ma tiġix infurzata. Il-ħtieġa li dawn iż-żewġ interessi jiġu rikonċiljati tagħmilha iktar importanti għall-qorti tar-rinviju li tfittex interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tippermetti li jingħata effett sħiħ lill-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    4. Interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909

    76.

    Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Popławski, din ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru ( 35 ). Għaldaqstant hija biss il-qorti tar-rinviju li tista’ tevalwa jekk id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi jistax jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif ukoll mal-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    77.

    Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja hija “mitluba tagħti lill-qorti nazzjonali risposti utli fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’ tagħti indikazzjonijiet, ibbażati fuq il-fajl tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet bil-miktub u orali sottomessi lilha, li jkunu tali li jippermettu lill-qorti nazzjonali tiddeċiedi” ( 36 ).

    78.

    F’dan il-każ, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW fil-kuntest tal-kawża prinċipali tassumi li din id-dispożizzjoni nazzjonali tista’ tiġi interpretata kif ġej, sabiex tkun konformi mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    79.

    L-ewwel nett, l-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW għandu jkun jista’ jiġi interpretat fis-sens li huwa jistabbilixxi raġuni għar-rifjut fakultattiv li jiġi infurzat il-MAE fil-konfront ta’ persuna mfittxija, b’tali mod li l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tinforza jew tirrifjuta li tinforza l-MAE.

    80.

    Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tidher li tiddubita li tali interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali hija possibbli, anki jekk, fl-istess waqt, mill-kunsiderazzjonijiet l-oħra li tagħmel jirriżulta li dan ma huwiex, fil-fehma tagħha, l-ikbar ostaklu biex tinstab soluzzjoni konformi ma’ dak li jipprovdi l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    81.

    It-tieni nett, u d-domandi mqajma mill-qorti tar-rinviju huma bbażati essenzjalment fuq dan il-punt, l-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW għandu jkun jista’ jiġi interpretat, sabiex ikun konformi ma’ dak li jitlob l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fis-sens li l-fakultà tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta li tinforza l-MAE tiġi eżerċitata biss bil-kundizzjoni li l-piena ddikjarata kontra D. A. Popławski tiġi infurzata b’mod effettiv fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    82.

    F’dan ir-rigward, id-diskussjoni dwar jekk, meta Stat Membru jissuġġetta t-teħid ta’ responsabbiltà għall-infurzar ta’ piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà għall-eżistenza ta’ bażi legali f’konvenzjoni internazzjonali, l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistax fih innifsu jikkostitwixxi l-bażi konvenzjonali meħtieġa mid-dritt nazzjonali, saret bla bażi.

    83.

    Fil-fatt, kif indikajt preċedentement, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ddeċieda li jirtira d-dikjarazzjoni li kien għamel skont l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2018. L-irtirar ta’ din id-dikjarazzjoni għandu l-effett li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas għandhom japplikaw ratione temporis għal talba għall-eżekuzzjoni ta’ kundanna f’każ fejn Stat Membru jintrabat li jinforza din il-piena skont l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    84.

    Infakkar, f’dan ir-rigward, li d-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija implimentata fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-WETS. Mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, l-Artikolu 6(3) tal-OLW ma għadux isemmi l-ħtieġa ta’ bażi konvenzjonali għall-infurzar ta’ kundanna f’każ ta’ rifjut ta’ konsenja. Din l-emenda testwali hija loġika, inkwantu, kif jindika l-Artikolu 26(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, mill-5 ta’ Diċembru 2011 din tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ diversi ftehimiet Ewropej applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri.

    85.

    Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tista’ tqis li l-implimentazzjoni tar-regoli nazzjonali adottati skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija ta’ natura tali li tiggarantixxi li l-piena imposta kontra D. A. Popławski tista’ tiġi effettivament infurzata fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    86.

    Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli nazzjonali f’dan il-każ xorta waħda ssib ostakolu fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 5:2 tal-WETS, sa fejn din id-dispożizzjoni infakkar li tipprovdi li dawn ir-regoli ma għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li saru res judicata qabel il-5 ta’ Diċembru 2011.

    87.

    Fl-assenza ta’ dikjarazzjoni mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, din id-dispożizzjoni għandha titqies li hija inkompatibbli mal-Artikolu 28(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas li, infakkar ukoll, jipprovdi li l-applikazzjonijiet riċevuti wara l-5 ta’ Diċembru 2011 għandhom ikunu rregolati mir-regoli adottati mill-Istati Membri skont l-imsemmija deċiżjoni qafas, mingħajr ma d-data li fiha s-sentenza ikkonċernata saret res judicata jkollha ebda importanza f’dan ir-rigward.

    88.

    Jekk timmobilizza d-dritt nazzjonali kollu tagħha u l-metodi ta’ interpretazzjoni li għandha, fl-opinjoni tiegħi l-qorti tar-rinviju tkun tista’ tikkunsidra li, peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għażel li jirtira d-dikjarazzjoni li kien għamel skont l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, isegwi li d-dispożizzjoni nazzjonali intiża biex timplimenta din id-dikjarazzjoni fid-dritt nazzjonali hija nieqsa minn bażi legali. Peress li x-xewqa espressa mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi hija ċara, il-portata tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 5:2 tal-WETS għandha tkun tista’ tiġi mnaqqsa faċilment bis-saħħa tad-dritt nazzjonali biss u mingħajr ma l-qorti tar-rinviju tiffaċċja l-ostakolu ta’ interpretazzjoni contra legem.

    89.

    Wara li ngħataw dawn id-dettalji dwar kif il-qorti tar-rinviju tista’ tasal għal interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tkun konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, għandu jiġi indikat b’mod konkret il-mod li bih ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw dawn iż-żewġ deċiżjonijiet qafas jistgħu jkunu relatati f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    90.

    F’dan ir-rigward, hemm lok li wieħed jibda bil-konstatazzjoni li, sa fejn is-sistema li rriżultat mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija applikabbli għal talba biex il-piena imposta fil-Polonja kontra D. A. Popławski tiġi infurzata fil-Pajjiżi l-Baxxi u fejn l-inċertezza li setgħet tirriżulta qabel mill-applikazzjoni tas-sistema stabbilita mill-ftehimiet Ewropej rilevanti tista’ tiġi eskluża, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jieħu l-impenn sod u definittiv li jinforza din il-piena, kif mitlub fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    91.

    Nikkunsidra wkoll li, ladarba l-kundizzjonijiet meħtieġa minn dik id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, ma jkunx jista’ jiġi aċċettat li l-infurzar tal-piena fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tista’ tiġi prekluża bir-rifjut tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew li jibgħat is-sentenza flimkien maċ-ċertifikat li jinsab fl-Anness 1 għad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    92.

    Jiena ma naqbilx, f’dan ir-rigward, mal-opinjoni tar-Repubblika tal-Polonja li dan l-infurzar ma jistax iseħħ, fin-nuqqas ta’ talba jew ta’ qbil min-naħa tagħha li l-piena imposta kontra D. A. Popławski tiġi infurzata fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, tali pożizzjoni twassal biex tneħħi l-effettività tar-raġuni għall-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv li tinsab fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għażel li jimplimenta fid-dritt nazzjonali tiegħu. Din il-pożizzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, li tostakola l-impenn sod u definittiv tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jinforza l-piena, tmur ukoll kontra l-għan li jiżdiedu l-possibbiltajiet tal-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tal-persuna kkundannata, għan li huwa mfittex kemm minn din id-dispożizzjoni ( 37 ), kif ukoll mid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif jindika espressament l-Artikolu 3(1) ta’ din tal-aħħar. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, “l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat fejn huwa ġenwinament integrat hija fl-interess mhux biss ta’ dan tal-aħħar, iżda wkoll tal-Unjoni inġenerali” ( 38 ).

    93.

    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, l-Istat Membru emittenti ma jistax jinvoka l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 sabiex joġġezzjona t-trażmissjoni tas-sentenza flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Anness 1 għal din id-deċiżjoni qafas.

    94.

    Ċertament, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li “[l]-Istat ta’ esekuzzjoni jista’, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jitlob lill-Istat emittenti biex jittrasmetti s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat” u li “[t]albiet magħmula taħt dan il-paragrafu m’għandhomx joħolqu obbligu ta’ l-Istat emittenti biex jittrasmetti s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat”.

    95.

    Madankollu, kif indikajt qabel, huwa l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 li huwa intiż li jirregola l-infurzar tas-sentenzi wara MAE, kif jirriżulta espliċitament mit-titolu tiegħu. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tas-sistema ġenerali għall-infurzar ta’ sentenzi f’din id-deċiżjoni qafas.

    96.

    F’dan ir-rigward infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, huwa “[m]ingħajr preġudizzju” għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 japplikaw għall-infurzar tal-pieni fil-kuntest tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u biss “sal-punt li huma kompatibbli” mad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas. Fi ftit kliem, dan ifisser li l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 ma tistax tippreġudika r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv li tidher fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sa fejn, skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jimpenja ruħu li jinforza l-piena inkwistjoni. Barra minn hekk, ikun paradossali u, fil-verità, inkoerenti li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ kellu l-intenzjoni jippermetti li r-regoli li jinsabu fid-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li, infakkar, l-għan tagħhom huwa li jiffaċilitaw l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tal-persuna sentenzjata, jistgħu jiġu invokati mill-Istat Membru emittenti sabiex jostakola l-applikazzjoni tar-regoli adottati mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni bil-għan li jimplimenta l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jsegwi eżattament l-istess għan ( 39 ).

    97.

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet niddeduċi konkretament li, meta l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jintrabat li jinforza piena skont kif mitlub mill-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istat Membru emittenti huwa obbligat li jirrispondi pożittivament għat-talba tal-ewwel Stat biex tintbagħatlu s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat fl-Anness 1 għad-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    98.

    Tali interpretazzjoni tal-istruttura tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 u tar-relazzjoni tagħha mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għaldaqstant tissodisfa b’mod sħiħ l-għan intiż sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tal-persuna kkundannata u, fl-istess ħin, tiżgura l-infurzar effettiv tal-piena.

    99.

    Għandu jitfakkar ukoll, insostenn ta’ dan l-approċċ, li, “skont l-Artikolu 26 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tissostitwixxi, f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn Stati Membri, diversi strumenti tad-dritt internazzjonali sabiex tissaħħaħ, skont il-premessa 5 tagħha, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji kriminali” ( 40 ).

    100.

    B’differenza minn dawn l-istrumenti tad-dritt internazzjonali, id-Deċiżjoni Qafas 2008/909 hija bbażata, qabelxejn, fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, skont il-premessa 1 tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 82(1) TFUE, il-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fi ħdan l-Unjoni, li, skont il-premessa 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas, hija bbażata fuq fiduċja reċiproka partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tas-sistemi ġudizzjarji rispettivi tagħhom ( 41 ). Il-kooperazzjoni tal-Istat Membru emittenti sabiex jippermetti l-infurzar ta’ kundanna fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni fil-każ imsemmi fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa l-espressjoni konkreta ta’ din il-fiduċja reċiproka.

    101.

    Kif jirriżulta mill-iżviluppi preċedenti, l-ipproċessar tal-MAE maħruġ fil-konfront ta’ D. A. Popławski, skont il-proċedura li għadni kif iddeskrivejt, jippresupponi, madankollu, bħala prerekwiżit neċessarju li l-qorti tar-rinviju tkun tista’ tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha b’mod konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909.

    102.

    Fil-fatt, sa fejn id-deċiżjonijiet qafas ikunu nieqsa minn effett dirett, huwa eskluż li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu japplikawhom direttament mingħajr l-intermedjazzjoni tad-dritt nazzjonali.

    103.

    Issa, jeħtieġ li nikkunsidra l-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tqis li hija ma tistax tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, anki jekk, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li pprovdejt hawn fuq, din il-qorti tista’ tasal, fil-fehma tiegħi, għal tali interpretazzjoni konformi. Barra minn hekk, ninnota li l-iżviluppi fit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll fid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju tal-10 ta’ Lulju 2018 jixhdu r-rieda ta’ din tal-aħħar li tfittex kemm jista’ jkun interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tkun konformi ma’ dawn id-deċiżjonijiet qafas, b’mod li tirrikonċilja l-għan li tiġi evitata l-impunità ma’ dak li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tal-persuna kkundannata ladarba l-piena tkun ġiet skontata.

    5. L-esklużjoni tad-dritt nazzjonali kuntrarju bħala konsegwenza tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni

    104.

    Inqis, f’termini ġenerali, li, għalkemm huwa paċifiku li d-deċiżjonijiet qafas huma nieqsa minn effett dirett, l-effett tagħhom fuq id-dritt nazzjonali, madankollu, ma jistax ikun limitat biss għall-obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali.

    105.

    Għandu jiġi mifhum, fil-fatt, li, jekk dispożizzjoni nazzjonali intiża biex timplimenta deċiżjoni qafas ma tistax tiġi interpretata b’mod li tkun konformi ma’ din id-deċiżjoni qafas, minkejja l-isforzi tal-qorti nazzjonali kompetenti, dan ifisser li d-dritt nazzjonali jkun għadu inkompatibbli mad-deċiżjoni qafas, u dan minkejja n-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet qafas. Dan huwa fundamentalment kuntrarju għall-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan l-aspett, l-uniku mod kif tinstab soluzzjoni għal din il-kontradizzjoni huwa li jiġi impost li r-regola nazzjonali li tmur kontra deċiżjoni qafas titwarrab mill-qorti nazzjonali kompetenti.

    106.

    Għaldaqstant, jekk finalment l-eżerċizzju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, li nistieden lill-qorti tar-rinviju tagħmel, jirriżulta impossibbli, b’mod partikolari peress li tali interpretazzjoni tkun contra legem, l-effettività sħiħa ta’ dawk id-deċiżjonijiet qafas, li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jiżguraw ( 42 ), teħtieġ, fil-fehma tiegħi, li l-qorti tar-rinviju ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra dawn id-deċiżjonijiet qafas.

    107.

    Fil-konklużjonijiet li huwa ppreżenta fil-kawża Popławski ( 43 ) kif ukoll fil-kawża Lada ( 44 ), l-Avukat Ġenerali Bot espona r-raġunijiet li għalihom hemm lok, fil-fehma tiegħu, li jiġi ammess li d-deċiżjonijiet qafas, anki jekk huma nieqsa minn effett dirett jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għalihom. Jien naqbel mal-argument li ġie żviluppat f’dawn il-konklużjonijiet u li nirreferi għalihom ( 45 ).

    108.

    Inżid li l-Qorti tal-Ġustizzja stess, fis-sentenza tagħha Popławski, ma jidhirlix li eskludiet li deċiżjoni qafas tista’ tobbliga lill-qrati nazzjonali jinjoraw dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra dik id-deċiżjoni qafas.

    109.

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret f’din is-sentenza li, “skont ġurisprudenza stabbilita sew [tagħha], l-Istati Membri għandhom jieħ[d]u l-miżuri ġenerali jew speċifiċi kollha li huma xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi tagħhom taħt deċiżjoni qafas” ( 46 ).

    110.

    Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, “[b]’mod partikolari, minn ġurisprudenza stabbilita [tagħha] jirriżulta li n-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni qafas twassal sabiex, fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati nazzjonali, ikun hemm obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali” ( 47 ).

    111.

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-obbligu li għandhom il-qrati nazzjonali ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, f’konformità mal-prijorità li tagħti, ġustament fil-fehma tiegħi, lil dan it-tip ta’ invokabbiltà tad-dritt tal-Unjoni, it-tfakkira tan-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet qafas, kif ukoll ir-riferiment għall-fatt li l-effett vinkolanti tad-deċiżjonijiet jiġi rifless “b’mod partikolari” fl-obbligu li għandhom il-qrati nazzjonali ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali jidhirli li jħallu miftuħa l-possibbiltà li, fil-każ li dawn il-qrati ma jirnexxilhomx jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi ma’ deċiżjoni qafas, huma jkunu obbligati ma japplikawx id-dritt nazzjonali.

    112.

    Nikkunsidra wkoll li jekk wieħed jaċċetta li dispożizzjoni ta’ deċiżjoni qafas tista’ tiġi invokata minn jew quddiem qorti nazzjonali sabiex titwarrab l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontriha ma jfissirx li din id-dispożizzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tipproduċi effett dirett, jiġifieri tkun suffiċjentement ċara, preċiża u inkundizzjonata.

    113.

    Barra minn hekk, din il-kawża turi b’mod ċar il-fatt li tali rekwiżit jippreġudika n-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet qafas, kif ukoll il-fatt li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, teżisti differenza kbira bejn l-effett dirett u l-kapaċità ta’ deċiżjoni qafas li tiġi invokata sabiex tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontriha.

    114.

    Fil-fatt, l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jissodisfax, fil-fehma tiegħi, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tipproduċi effett dirett. Infakkar, f’dan ir-rigward, li din id-dispożizzjoni tipprovdi raġuni għall-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-MAE, li jimplika, minn naħa, li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jittrasponu jew le din id-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali ( 48 ) u, min-naħa l-oħra, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le tirrifjuta li teżegwixxi l-eżekuzzjoni tal-MAE ( 49 ).

    115.

    Għalhekk, anki jekk id-deċiżjonijiet qafas setgħu jipproduċu effett dirett, l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa, fi kwalunkwe każ, nieqes minnu. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni ma tista’ fl-ebda każ tiġi applikata direttament minn qorti nazzjonali irrispettivament jew minflok ir-regola nazzjonali li timplimentaha. Dan ifisser li, jekk regola nazzjonali ma timplimentax b’mod korrett l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-interpretazzjoni ta’ din ir-regola nazzjonali f’sens konformi ma’ din id-dispożizzjoni tkun impossibbli, dik ir-regola nazzjonali – sempliċiment – ma għandhiex tiġi applikata, iżda dan bl-ebda mod ma għandu jkollu l-konsegwenza li din tiġi sostitwita bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    116.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u meta jitqies li l-projbizzjoni tal-effett dirett tad-deċiżjonijiet qafas mixtieqa mill-awturi tat-Trattati bl-ebda mod ma hija ikkontestata hawnhekk, inqis li r-rifjut li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jista’ jipproduċi effett ta’ esklużjoni tad-dritt nazzjonali kuntrarju jkun ifisser, purament u sempliċiment, li tiġi permessa l-implimentazzjoni żbaljata mill-Istati Membri ta’ raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-MAE u li jiġu mminati kemm ir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-deċiżjonijiet qafas fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll il-prinċipji ta’ fiduċja u rikonoxximent reċiproċi ( 50 ). Fil-fehma tiegħi, il-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jista’ jseħħ biss jekk l-applikazzjonijiet żbaljati tad-dritt tal-Unjoni jistgħu effettivament jiġu kkanċellati mill-qrati nazzjonali, li ta’ min ifakkar hawnhekk li f’dan ir-rigward għandhom rwol importanti ħafna x’jaqdu.

    117.

    Nenfasizza, barra minn hekk, li l-ġurisprudenza l-aktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effetti tad-Direttivi fuq id-dritt nazzjonali ssostni t-teżi li l-effett dirett għandu jiġi distint mill-effett ta’ esklużjoni tad-direttivi, peress li dan tal-aħħar huwa konsegwenza tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, fis-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Link Logistik N & N ( 51 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel ikkonstatat li dispożizzjoni ta’ direttiva ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tipproduċi effett dirett ( 52 ), iżda dan ma waqqafhiex milli, sussegwentement, tiddeċiedi, fir-rigward tal-istess dispożizzjoni, li, “jekk […] interpretazzjoni konformi ma tkunx possibbli, il-qorti nazzjonali hija obbligata tapplika b’mod sħiħ id-dritt tal-Unjoni u tipproteġi d-drittijiet li dan jagħti lill-individwi, u dan billi, jekk ikun meħtieġ, tastjeni milli tapplika kwalunkwe dispożizzjoni [nazzjonali] sa fejn l-applikazzjoni tagħha, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, twassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni” ( 53 ).

    118.

    Issa se nindika xi jkunu l-konsegwenzi tal-esklużjoni tal-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW, għall-fatt li jmur kontra l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    119.

    Jekk il-qorti tar-rinviju ma tapplikax l-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW, dan jimplika li, fin-nuqqas ta’ raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt nazzjonali, il-MAE li nħareġ fis-7 ta’ Ottubru 2013 kontra D. A. Popławski mis-Sąd Rejonowy w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznań) għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija minn din il-qorti għandu jiġi infurzat. Waqt is-seduta, il-Prosekutur, fost l-oħrajn, ikkonferma li teżisti bażi legali fil-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi biex issir il-konsenja.

    120.

    F’dan ir-rigward, nirrileva li, fis-sentenza tagħha Popławski, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar li, “meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jiġux issodisfatti, l-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas jobbliga lill-Istati Membri sabiex jeżegwixxu kull MAE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku” ( 54 ). Din l-affermazzjoni ma jkollhiex effett kieku leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi b’mod żbaljat l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u li ma tistax tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni tista’ tkun ostakolu impenetrabbli għall-infurzar ta’ MAE. Fi kliem ieħor, ma narax, f’tali sitwazzjoni, b’liema mezz ieħor ir-regola li l-MAE għandu, fil-prinċipju, jiġi eżegwit tista’ tiġi rrispettata, għajr dak illi l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tapplikax tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

    121.

    F’dan ir-rigward, nirrileva li, kif reġgħet fakkret dan l-aħħar il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa applikat fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Kwadru [2002/584] li jistabbilixxi r-regola li tgħid li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull [MAE] fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet [ta’ din id-]Deċiżjoni Kwadru. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss abbażi ta’ motivi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni, elenkati b’mod eżawrjenti [fl-imsemmija] Deċiżjoni Kwadru, u jistgħu jissuġġettaw l-eżekuzzjoni tal-[MAE] esklużivament għal waħda mill-kundizzjonijiet li huma elenkati b’mod limitat fid-Deċiżjoni Kwadru. Konsegwentement, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-[MAE] tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa intiż bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta” ( 55 ).

    122.

    Għalhekk, is-soluzzjoni proposta mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li wieħed jistenna sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi emendata, ma tistax tiġi aċċettata. Barra minn hekk, ma nista’ nsib ebda raġuni ta’ ċertezza legali li timpedixxi lill-qorti tar-rinviju milli tiżgura l-effettività sħiħa tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Inżid li l-argument tal-Kummissjoni li l-esklużjoni tal-Artikolu 6(2), (3) u (5) tal-OLW ma tistax tiġi aċċettata sa fejn dan ikun għad-detriment tal-persuna kkonċernata, huwa, fil-fehma tiegħi, irrilevanti. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza li għadni kif fakkart, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tipprekludi l-infurzar tal-MAE meta raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv ma tkunx tista’ tiġi applikata mill-qorti nazzjonali b’mod konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    123.

    Barra minn hekk, nirrileva li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Popławski, “l-obbligu li għandha l-qorti nazzjonali li tiżgura l-effettività sħiħa [ta’ din id-deċiżjoni] […] ma għandu l-ebda effett fuq id-determinazzjoni tar-responsabbiltà kriminali ta’ D. A. Popławski, li tirriżulta mis-sentenza mogħtija fil-5 ta’ Frar 2007 kontrih mis-Sąd Rejonowy w Poznaniu (qorti [distrettwali] ta’ Poznań), u ma jistax a fortiori jitqies li jwassal sabiex din ir-responsabbiltà tiġi aggravata” ( 56 ).

    124.

    Fir-rigward tal-esklużjoni tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 5:2 tal-WETS, f’każ li interpretazzjoni tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 tkun impossibbli, din ikollha biss il-konsegwenza li teskludi limitu għall-applikazzjoni ratione temporis tar-regoli nazzjonali adottati skont din id-deċiżjoni qafas. Nenfasizza, f’dan ir-rigward, li s-soluzzjoni li wieħed jirrifjuta li jaċċetta li l-qorti tar-rinviju għandha s-setgħa li teskludi tali limitazzjoni ratione temporis tkun twassal għall-estensjoni tal-effetti tad-dikjarazzjoni magħmula mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, meta din ġiet irtirata u preżumibbilment, fi kwalunkwe każ, kienet nieqsa minn effetti legali ( 57 ).

    125.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li qorti nazzjonali li ma tistax tinterpreta dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni qafas b’tali mod li jwassal għal riżultat konformi ma’ din id-deċiżjoni qafas, hija obbligata, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax dawn id-dispożizzjonijiet inkompatibbli mal-imsemmija deċiżjoni qafas.

    IV. Konklużjoni

    126.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

    1)

    Meta dikjarazzjoni ta’ Stat Membru li tirrigwarda l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea, tkun saret wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas, b’mod kuntrarju għal dak meħtieġ mill-Artikolu 28(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, din ma tistax tipproduċi effetti legali.

    2)

    Il-qorti nazzjonali kompetenti biex tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jkollha l-intenzjoni li tuża r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/JAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, hija marbuta, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, li tinterpreta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-deċiżjoni qafas u d-Deċiżjoni Qafas 2008/909, sa fejn possibbli, b’mod li tirrikonċilja l-għan tal-ġlieda kontra l-impunità mal-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tal-persuni sentenzjati.

    3)

    Qorti nazzjonali li ma tistax tinterpreta dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni qafas biex tasal għal riżultat konformi ma’ dik id-deċiżjoni qafas hija obbligata, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li ma tapplikax dawk id-dispożizzjonijiet kuntrarji għal dik id-deċiżjoni qafas.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) C‑579/15, EU:C:2017:503, iktar ’il quddiem is-“sentenza Popławski”.

    ( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.

    ( 4 ) ĠU 2008, L 327, p. 27.

    ( 5 ) Stb. 2004, Nru 195, iktar ’il quddiem l-“OLW”.

    ( 6 ) Stb. 2012, Nru 333, iktar ’il quddiem il-“WETS”.

    ( 7 ) Stb. 1986, Nru 593.

    ( 8 ) Huwa paċifiku li D. A. Popławski wera li għex legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi għal mill-inqas ħames snin mingħajr interruzzjoni.

    ( 9 ) Punt 24 ta’ din is-sentenza.

    ( 10 ) Punt 43 tal-imsemmija sentenza.

    ( 11 ) Punt 43 tal-istess sentenza.

    ( 12 ) Ara l-punt 42 ta’ din is-sentenza.

    ( 13 ) C‑582/15, EU:C:2016:766.

    ( 14 ) Ara l-punti 21 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 15 ) C‑582/15, EU:C:2017:37.

    ( 16 ) ĠU 2018, L 163, p. 19.

    ( 17 ) C‑579/15, EU:C:2017:116.

    ( 18 ) Ara l-punti 54 u 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 19 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kwistjoni tal-validità tad-dikjarazzjoni magħmula mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża van Vemde (C‑582/15, EU:C:2016:766, punti 21 sa 29).

    ( 20 ) ĠU 2011, L 146, p. 21. Ara, f’dan ir-rigward, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Popławski (nota ta’ qiegħ il-paġna 7, p. 12).

    ( 21 ) L-istess konklużjoni kienet tapplika fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kieku din ma ġietx irtirata.

    ( 22 ) Ara s-sentenza Popławski (punt 20).

    ( 23 ) Ara s-sentenza Popławski (punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 24 ) Ara s-sentenza Popławski (punt 23).

    ( 25 ) Ara s-sentenza Popławski (punt 22).

    ( 26 ) Ara s-sentenza Popławski (punt 23).

    ( 27 ) Ara s-sentenza Popławski (punt 24).

    ( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Popławski (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Popławski (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Popławski (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Popławski (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Popławski (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Popławski (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 34 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Popławski (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Popławski (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 37 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Popławski (punt 21).

    ( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, B u Vomero (C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 39 ) Ara, fl-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Sut (C‑514/17, EU:C:2018:672), li għalih l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 jixhed ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li din id-deċiżjoni qafas ma jkollhiex l-effett li “tnaqqas l-ispirtu u s-saħħa tal-mekkaniżmu tal-[MAE] stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 36, ara wkoll punt 81).

    ( 40 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2017, Grundza (C‑289/15, EU:C:2017:4, punt 40). Korsiv miżjud minni.

    ( 41 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2017, Grundza (C‑289/15, EU:C:2017:4, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 42 ) Ara s-sentenza Popławski (punt 37).

    ( 43 ) C‑579/15, EU:C:2017:116.

    ( 44 ) C‑390/16, EU:C:2018:65.

    ( 45 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:116, punti 76 sa 91) kif ukoll fil-kawża Lada (C‑390/16, EU:C:2018:65, punti 106 sa 118).

    ( 46 ) Ara s-sentenza Popławski (punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 47 ) Ara s-sentenza Popławski (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 48 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge (C‑42/11, EU:C:2012:517, punt 35), u s-sentenza Popławski (punt 21).

    ( 49 ) Ara s-sentenza Popławski (punti 21 u 23).

    ( 50 ) Nosserva, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107), iddeċidiet li “li Stat Membru […] jissuġġetta l-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia [għal] kundizzjoni, mhux prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299[/ĠAI tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24)], […] twassal […] għal ksur tal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku li din id-deċiżjoni qafas għandha l-għan li ssaħħaħ u, għalhekk, tikkomprometti l-effettività tagħha” (punt 63).

    ( 51 ) C‑384/17, EU:C:2018:810.

    ( 52 ) Ara l-punt 56 ta’ din is-sentenza.

    ( 53 ) Ara punt 61 ta’ din is-sentenza. Id-distinzjoni bejn l-effett dirett, minn naħa, u l-interpretazzjoni konformi kif ukoll l-effett ta’ esklużjoni, min-naħa l-oħra, jirriżulta b’mod ċar mill-punt 62 tal-istess sentenza.

    ( 54 ) Ara s-sentenza Popławski (punt 29).

    ( 55 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, R O (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza Popławski (punt 19).

    ( 56 ) Ara s-sentenza Popławski (punt 37).

    ( 57 ) Nirreferi, f’dan ir-rigward, għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża van Vemde (C‑582/15, EU:C:2016:766, punti 21 sa 29).

    Top